Language of document : ECLI:EU:C:2008:233

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fis-17 ta’ April 2008 1(1)

Kawżi magħquda C‑101/07 P u C‑110/07 P

Coop de France Bétail et Viande, li kienet

Fédération nationale de la coopération bétail et viande (FNCBV)

u

Fédération nationale des syndicats d’exploitants agricoles (FNSEA) et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 81(1) KE – Akkordju – Laħam taċ-ċanga u tal-vitella – Sospensjoni ta’ importazzjonijiet – Iffissar ta’ struttura ta’ prezzijiet sindikali – Multi – Determinazzjoni tal-ammont massimu legali ta’ multa – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi”





I –    Introduzzjoni

1.        F’dawn il-kawżi magħquda, il-Coop de France Bétail et Viande, li kienet il-Fédération Nationale de la Coopération Bétail et Viande (iktar ’il quddiem il-“FNCBV”) (Kawża C‑101/07 P) u l-Fédération Nationale des Syndicats d’Exploitants Agricoles (iktar ’il quddiem il-“FNSEA”), il-Fédération Nationale Bovine (iktar ’il quddiem il-“FNB”), il-Fédération Nationale des Producteurs de Lait (iktar ’il quddiem il-“FNPL”) u l-Jeunes Agriculteurs (iktar ’il quddiem il-“JA”) (Kawża C‑110/07 P) (iktar ’il quddiem il-“federazzjonijiet appellanti”) qed jikkontestaw is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2006 fil-kawża FNCBV u FNSEA et vs Il-Kummissjoni (2) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat b’mod ġenerali id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/600/KE, tat-2 ta’ April 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ KOMP/C.38.279/F3 – laħam taċ-ċanga Franċiż) (3) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), u li imponiet multi fuq, inter alia, il-federazzjonijiet appellanti talli kisru l-Artikolu 81(1) KE meta kkonkludew akkordji li kellhom l-għan li jissospendu l-importazzjonijiet tal-laħam taċ-ċanga fi Franza u stabbillew prezz minimu għal ċerti kategoriji ta’ annimali tal-ifrat.

II – Il-kuntest tal-appell

A –     Il-kuntest ġuridiku

2.        L-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 (4) jipprovdi li:

“Il-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ [i]mpriżi multi minn [EUR] 1 000 sa [EUR] 1 000 000 […], jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover [dħul mill-bejgħ] fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:

(a) dawn jiksru l-Artikolu [81] (1) jew l-Artikolu [82] [KE]; […]

Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.”

3.        Il-Linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (5) (‘il-linji gwida’) jistabbilixxu metodu sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ dawn il-multi. Skont l-Artikolu 5(c) tal-linji gwida, “[f]’każijiet li jinvolvu assoċjazzjoni ta’ impriżi, id-deċiżjonijiet, sakemm hu possibli, għandhom ikunu indirizzati lil, u multi imposti fuq, l-impriżi individwali li huma ta’ assoċjazzjoni. Jekk dan mhux possibbli (eż. fejn hemm eluf ta’ impriżi affiljati) […] multa totali għandha tkun imposta fuq l-assoċjazzjoni, ikkalkolata skond il-prinċipji stabbiliti hawn fuq imma ekwivalenti għat-total ta’ multi individwali li setgħu ġew imposti fuq kull membru ta’ l-assoċjazzjoni.”

B –     Il-kuntest fattwali u proċedurali

4.        L-appellanti fil-kawża C‑101/07 P, il-FNCBV, tiġbor fi ħdanha 300 grupp ta’ kooperattivi ta’ produtturi fis-setturi tat-trobbija tal-ifrat, ħnieżer u ngħaġ u 30 grupp jew impriżi ta’ biċċeriji u ta’ ipproċessar tal-laħam fi Franza. L-appellanti fil-kawża C‑110/07 P, jiġifieri, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA, huma sindakati rregolati mil-liġi Franċiża. Il-FNSEA hija s-sindikat agrikolu prinċipali Franċiż. Il-FNSEA hija magħmula wkoll minn federazzjonijiet speċjalizzati li jirrappreżentaw l-interessi ta’ kull tip ta’ produtturi, inklużi l-FNB u l-FNPL. Il-JA tirrappreżenta l-bdiewa taħt il-35 sena.

5.        Il-kawża prinċipali ta’ kompetizzzjoni li tat lok għall-preżenti appelli rriżultat mill-hekk imsejħa tieni kriżi tal-“mad cow”. Minn Ottubru 2000 każijiet ġodda ta’ enċifalopatija sponġiformi tal-ifrat, magħrufa bħala “l-marda tal-mad cow, kienu skoperti f’diversi Stati Membri. Fl-istess ħin, kien hemm każijiet tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit. Din is-sitwazzjoni kellha impatt fuq il-konsum tal-laħam fl-Ewropa u kkawżat kriżi fis-settur tal-laħam taċ-ċanga. Minkejja numru ta’ miżuri adottatti mil-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jitrattaw il-kriżi, dawn il-miżuri kienu meqjusa bħala insuffiċjenti mill-bdiewa Franċiżi. F’Settembru u f’Ottubru 2001, ir-relazzjonijiet bejn dawk li jrabbu l-annimali u l-biċċeriji saru partikolarment diffiċli fi Franza. Gruppi ta’ persuni li jrabbu l-annimali waqqfu trakkijiet illegalment sabiex jikkontrollaw l-oriġini tal-laħam li kien qed jinġarr u mblokkaw biċċeriji. F’xi każijiet, dawn l-azzjonijiet wasslu għall-qerda ta’ materjal u ta’ laħam. Sabiex iwaqqfu l-imblokk tal-biċċeriji, dawk li jrabbu l-annimali li kienu qed jipprotestaw talbu impenni mingħand il-biċċeriji li jissospendu l-importazzjonijiet u japplikaw struttura ta’ prezzijiet imsejħa “sindakali”.

6.        F’Ottubru 2001, inżammu diversi laqgħat bejn il-federazzjonijiet li jirrapreżentaw lil dawk li jrabbu l-annimali tal-ifrat (6) u l-federazzjonijiet li jirrapreżentaw lill-biċċiera (7). Wara laqgħa tal-24 ta’ Ottubru 2001, organizzata fuq talba tal-Ministru tal-Agrikoltura Franċiż, inltaħaq ftehim bejn dawn is-sitt federazzjonijiet, jiġifieri l-FNSEA, il-FNB, il-FNPL, il-JA, il-FNCBV u l-FNICGV.

7.        Dan il-ftehim kien jinvolvi żewġ partijiet. L-ewwel waħda kienet “impenn ta’ sospensjoni provviżorja ta’ importazzjonijiet” ta’ laħam taċ-ċanga. It-tieni waħda kienet tikkonsisti f’“impenn ta’ applikazzjoni tal-istruttura ta’ prezzijiet ta’ xiri mad-dħul fil-biċċerija għall-baqar maqtula”. Dan il-ftehim, fost oħrajn, kien jinkludi lista ta’ prezzijiet għal kull kilogramm ta’ karkassa għal ċerti kategoriji ta’ baqar. Il-ftehim kellu jidħol fis-seħħ fid-29 ta’ Ottubru 2001 u kellu jiġi applikat sa l-aħħar ta’ Novembru 2001.

8.        Fit-30 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-awtoritajiet Franċiżi fejn talbet informazzjoni fuq il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001. Fid-9 ta’ Novembru 2001, l-awtoritajiet Franċiżi wieġbu għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2001. Fid-9 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni kitbet lill-FNSEA, lill-FNB, lill-FNPL, lill-JA u lill-FNICGV u talbithom informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Il-ħames federazzjonijiet inkwistjoni wieġbu għat-talbiet ta’ informazzjoni fil-15 u t-23 ta’ Novembru 2001. Fis-26 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-FNSEA, lill-FNB, lill-FNPL, lill-JA, lill-FNCBV u lill-FNICGV fejn indikat li l-fatti li kienet taf bihom kienu jindikaw l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji u stednithom jippreżentawlha l-osservazzjonijiet u l-proposti tagħhom sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Novembru 2001. Fis-17 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet fil-postijiet ta’ wħud mill-federazzjonijiet skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 17. Fl-24 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet indirizzata lill-FNSEA, lill-FNB, lill-FNPL, lill-JA, lill-FNCBV u lill-FNICGV li min-naħa tagħhom ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub bejn it-23 ta’ Settembru u l-4 ta’ Ottubru 2002. Il-federazzjonijiet instemgħu fil-31 ta’ Ottubru 2002.

C –    Id-deċiżjoni kkontestata

9.        Fit-2 ta’ April 2003, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-federazzjonijiet appellanti u l-FNICGV kisru l-Artikolu 81(1) KE minħabba li, fl-24 ta’ Ottubru 2001, laħqu ftehim bil-miktub bil-għan li jistabbilixxu prezz minimu ta’ xiri għal ċerti kategoriji ta’ annimali tal-ifrat u li jissospendu l-importazzjonijiet ta’ laħam taċ-ċanga fi Franza, kif ukoll, minħabba li, bejn l-aħħar ta’ Novembru u l-bidu ta’ Diċembru 2001, laħqu ftehim orali bl-istess għan, li kien applikabbli mit-tmiem tal-imsemmi ftehim bil-miktub.

10.      Fid-dawl tan-natura u tal-firxa ġeografika tas-suq ikkonċernat, il-ksur ġie deskritt bħala gravi ħafna. Sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ responsabbiltà ta’ kull federazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat ir-rapport bejn l-ammont tal-ħlasijiet annwali għal sħubija miġbura mill-federazzjoni prinċipali ta’ bdiewa, jiġifieri l-FNSEA, u dak ta’ kull waħda mill-federazzjonijiet l-oħra. Peress li l-ksur kien ta’ żmien qasir, il-Kummissjoni ma żiditx l-ammont bażiku. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll diversi ċirkustanzi aggravanti u attenwanti fir-rigward tas-sitt federazzjonijiet u aġġustat l-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuqhom skont dawn iċ-ċirkustanzi.

11.      L-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“Il-[FNSEA], il-[FNB], il-[FNPL], il-[JA], il-[FNICGV] u l-[FNCBV] kisru l-Artikolu 81(1) [KE] billi kkonkludew, fl-24 ta’ Ottubru 2001, ftehim li kellu bħala għan li jissospendi l-importazzjonijiet fi Franza ta’ laħam taċ-ċanga u li jiffissa prezz minimu għal ċerti kategoriji ta’ annimali tal-ifrat, u billi laħqu ftehim orali b’għan simili fl-aħħar ta’ Novembru u l-bidu ta’ Diċembru 2001.

Il-ksur beda fl-24 ta’ Ottubru 2001 u pproduċa l-effetti tiegħu minn tal-anqas sal-11 ta’ Jannar 2002.”

12.      Skont l-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-federazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 kellhom, fost oħrajn, itemmu immedjatament il-ksur. Skont l-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, multi ta’ EUR 12-il miljun, EUR 1.44 miljun, EUR 600 000, EUR 1.44 miljun, EUR 720 000, EUR 480 000 kienu imposti fuq il-FNSEA, il-FNB, il-JA, il-FNPL, il-FNICGV u l-FNCBV rispettivament.

D –    Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

13.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Ġunju 2003 u rreġistrat bħala kawża T‑217/03, il-FNCBV ressqet kawża kontra d-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Ġunju 2003 u rregistrat bħala kawża T‑245/03, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA wkoll ippreżentaw kawża kontra d-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti fil-kawżi T‑217/03 u T‑245/03 talbu, fost oħrajn, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, it-tħassir tal-multi imposti fuqhom jew, b’mod alternattiv, it-tnaqqis tal-multi. Franza ippreżentat talba ta’ intervent fiż-żewġ kawżi in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawżi T‑217/03 u T‑245/03 u b’digriet tas-6 ta’ Novembru 2003, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ dan l-intervent. Fit-3 ta’ April 2006, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li sema’ lill-partijiet, ordna li l-kawżi T‑217/03 u T‑245/03 jiġu magħquda.

14.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) tat id-deċiżjoni tagħha fit-13 ta’ Diċembru 2006 fil-kawżi magħquda T‑217/03 u T‑245/03. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet il-motivi kollha ħlief għal tnejn imqajma mir-rikorrenti f’dawk il-kawżi magħquda. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat l-ewwel nett, li l-Kummissjoni naqset fl-obbligi tagħha li tagħti raġunijiet għaliex ma indikatx fid-deċiżjoni kkontestata li kienet użat id-dħul mill-bejgħ tal-membri bażiċi tar-rikorrenti sabiex tivverifika li l-multi ma kinux jaqbżu l-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u lanqas ma stabbiliet iċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom setgħet tieħu inkunsiderazzjoni dawn iċ-ċifri totali ta’ dħul mill-bejgħ. Madankollu, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ġustifikata li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri bażiċi tar-rikorrenti sabiex jiġi kkalkulat il-limitu massimu, sakemm joperaw fis-swieq milquta mill-ksur ippenalizzat fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet tal-fehma li, f’din is-sitwazzjoni, in-nuqqas ta’ motivazzjoni m’għandux iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li dan iwassal biss għat-teħid ta’ deċiżjoni oħra identika fis-sustanza għad-deċiżjoni annullata u lanqas ma jippermetti kull tibdil fl-ammont tal-multi. It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-multi imposti fuq ir-rikorrenti għandhom jitnaqqsu b’70 % skont it-Taqsima 5(b) tal-linji gwida, minflok it-tnaqqis ta’ 60 % applikat mill-Kummissjoni.

15.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk stabbiliet l-ammont tal-multa imposta fuq il-FNCBV għal EUR 360 000, fuq il-FNSEA għal EUR 9 000 000, fuq il-FNB għal EUR 1 080 000, fuq il-FNPL għal EUR 1 080 000 u fuq il-JA għal EUR 450 000 u ċaħdet il-bqija tar-rikorsi.

III – Il-proċedura ta’ appell

16.      Fid-19 ta’ Frar 2007, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA ppreżentaw appell kontra s-sentenza appellata li ġie rreġistrat bħala kawża C‑110/07 P. Fl-20 ta’ Frar 2007, il-FNCBV ippreżentat appell kontra l-istess sentenza li ġie rreġistrat bħala kawża C‑101/07 P. Fit-18 ta’ April 2007, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li sema’ lill-partijiet, ordna li l-kawżi C‑101/07 P u C‑110/07 P jiġu magħquda.

17.      Fil-kawżi C‑101/07 P u C‑110/07 P, il-federazzjonijiet appellanti talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tħassar il-multi imposti fuqhom;

–        sussidjarjament, tnaqqas il-multi imposti fuqhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri għal miżuri provviżorji u l-proċeduri prinċipali quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

18.      Il-Gvern Franċiż talab lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell kollu kemm hu fiż-żewġ każijiet;

–        tikkundanna lill-federazzjonijiet appellanti għall-ispejjeż.

20.      Ma ntalbet u ma nżammet ebda seduta.

IV – Kunsiderazzjonijiet preliminari

21.      L-appellanti fil-kawża C‑101/07 P, il-FNCBV, tressaq ħames aggravji in sostenn tal-appell tagħha sabiex tiġi annullata s-sentenza appellata filwaqt li s-sitt aggravju huwa intiż sabiex ikun hemm tnaqqis tal-multa imposta. L-ewwel aggravju jallega żball ta’ liġi peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tirrikonoxxi li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża permezz tad-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjonijiet. It-tieni aggravju jallega żnaturament mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ ċerti fatti, li huma, in-noti miktuba bl-idejn mid-direttur tal-FNB dwar il-laqgħa tad-29 ta’ Novembru 2001 (il-punti 169 sa 174 tas-sentenza appellata), l-intervista mogħtija fl-4 ta’ Diċembru 2001 mill-viċi president tal-FNB lil Vendée Agricole (il-punt 176 tas-sentenza appellata), nota mill-federazzjoni ta’ Vendée tal-5 ta’ Diċembru 2001 (il-punti 175 sa 177 tas-sentenza appellata), nota ta’ informazzjoni tal-FNPL u mibgħuta b’faks fl-10 ta’ Diċembru 2001 (il-punt 179 tas-sentenza appellata), in-noti miktuba bl-idejn mid-direttur tal-FNB dwar laqgħa tal-5 ta’ Diċembru 2001 (il-punt 180 tas-sentenza appellata). It-tielet aggravju jallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi peress li bbażat id-deċiżjoni tagħha li l-FNCBV ħadet sehem fil-proroga tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 fuq preżunzjoni. Permezz tar-raba’ aggravju, il-FNCBV issostni, b’mod alternattiv, li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-FNCBV ħadet sehem fil-proroga tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi l-ewwel nett, peress li kkwalifikat il-ftehim bħala anti-kompetittiv u t-tieni nett, peress li naqset milli tanalizza l-effetti ta’ dan il-ftehim. Permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-FNCBV tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset fil-liġi meta applikat l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 peress li naqset l-ewwel nett, milli tissodisfa l-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet dwar l-użu tad-dħul mill-bejgħ tal-membri tal-FNCBV sabiex jiġi vverifikat jekk il-limitu ta’ 10 % imsemmi f’dik id-dispożizzjoni nqabiżx u t-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza wżat raġunament kontradittorju peress li enfasizzat ir-rwol attiv u dirett tar-rikorrenti fil-prattika allegata filwaqt li fl-istess ħin iddikjarat li l-appellanti kienu biss il-mezz sabiex isiru l-azzjonijiet tal-membri tagħhom. Permezz tas-sitt aggravju tagħha, li huwa intiż għal tnaqqis tal-multa imposta, il-FNCBV tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi peress li kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 billi imponiet multa fuq il-FNCBV li taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha.

22.      L-appellanti fil-kawża C‑110/07 P, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA jressqu erba’ aggravji in sostenn tal-appell tagħhom għall-annullament tas-sentenza appellata u għat-tnaqqis tal-multi imposti. L-ewwel aggravju jallega żnaturament tal-fatti peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tikkunsidra żewġ elementi ta’ prova essenzjali li juru li l-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 ma ġiex prorogat wara t-30 ta’ Novembru 2001. It-tieni aggravju jallega ksur tad-drittijiet ta’ difiża peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni kienet ċara u preċiża biżżejjed (il-punti 210 sa 225 tas-sentenza appellata). It-tielet aggravju jallega ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri tal-federazzjonijiet appellanti meta vverifikat li l-multi ma jaqbżux il-limitu massimu legali. Ir-raba’ aggravju jallega ksur tar-regola li tipprojbixxi akkumulazzjoni ta’ penali u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza imponiet multa fuq kull federazzjoni appellanti filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri msieħba f’iktar minn federazzjoni waħda.

23.      Fil-fehma tiegħi, huma biss il-ħames u s-sitt aggravji tal-FNCBV u t-tielet aggravju tal-FNSEA, tal-FNB, tal-FNPL u tal-JA li jqajmu punt ġdid ta’ liġi u għalhekk ser nagħmel analiżi dettaljata ta’ dawn l-aggravji biss filwaqt li nagħmel analiżi qasira tal-aggravji l-oħra tal-appellanti.

24.      Peress li numru ta’ aggravji tal-federazzjonijiet appellanti jikkoinċidu ma’ xulxin b’mod konsiderevoli, ser nitrattahom flimkien.

V –    Ksur tad-drittijiet tad-difiża

25.      Permezz tal-ewwel u t-tieni aggravji tagħhom, il-federazzjonijiet appellanti fil-kawżi C‑101/07 P u C‑110/07 P rispettivament isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi meta naqset milli tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet ta’ difiża tagħhom. Skont il-federazzjonijiet appellanti, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża rriżulta peress li l-Kummissjoni naqset milli tindika fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet li kellha l-intenzjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ dawn il-federazzjonijiet sabiex jiġi kkalkulat il-limitu ta’ 10 % skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Il-federazzjonijiet appellanti jqisu li l-obbligu tal-Kummissjoni li tindika li kellha l-intenzjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom kien ta’ importanza partikolari f’din il-kawża peress li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma mxietx mal-metodu tas-soltu sabiex tikkalkula l-multa.

26.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li hija obbligata tindika fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet li hija qed tikkontempla li timponi multa fuq l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati u li hija obbligata tindika l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jagħtu lok għal multa. Il-Kummissjoni ssostni li hija mhijiex obbligata tindika fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet il-metodoloġija li ser tintuża sabiex tiġi kkalkulata l-multa li hija tista’ tadotta iktar tard fid-deċiżjoni tagħha. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi sabiex tikkalkula l-limitu ta’ 10 % skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 hija prevista mill-ġurisprudenza u t-Taqsima 5(c) tal-linji gwida.

A –    Evalwazzjoni

27.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kisritx id-dritt tal-federazzjonijiet appellanti li jinstemgħu billi naqset milli tindika, fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom sabiex tikkalkula l-ammont bażiku tal-multi u sabiex tivverifika l-limitu massimu ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (8). Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-għoti ta’ indikazzjonijiet fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet dwar il-livell tal-multi previsti, inkluż il-limitu ta’ 10 %, qabel ma l-impriża tkun ġiet mistiedna tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha, jammonta għal antiċipazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u għalhekk ma jkunx f’waqtu (9).

28.      Hija ġurisprudenza stabbilita li meta, fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tindika jekk hijiex ser tikkunsidra li timponi multi u l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-ksur allegat u jekk il-ksur twettaqx intenzjonalment jew b’negliġenza, hija tassigura l-ħarsien tad-drittijiet ta’ difiża. Dawn id-dettalji huma kkunsidrati suffiċjenti sabiex l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jkunu jistgħu jiddefendu ruħhom kontra konstatazzjoni ta’ ksur kif ukoll kontra l-impożizzjoni ta’ multi (10).

29.      Fil-fehma tiegħi, id-determinazzjoni, fost oħrajn, tal-ammont bażiku tal-multi, l-aġġustament ta’ dan l-ammont bażiku skont ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti u l-verifika sussegwenti li l-multi ma jaqbżux il-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huma parti minn proċess li permezz tiegħu tiġi kkalkulata l-multa li ser tiġi imposta u tiġi assigurata l-osservanza ta’ dak il-limitu massimu legali tal-multa. Huwa ċar mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tali livell ta’ dettall fir-rigward tal-kalkolu u verifika attwali tal-multa mhux meħtieġ li jingħata mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tagħha sabiex l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jkunu jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom. Barra minn dan, fil-każ ta’ multi imposti fuq assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, il-possibbiltà li jiġi vverifikat, permezz ta’ referenza għad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet li l-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma nqabiżx, ġiet aċċettata kemm mill-Qorti tal-Prim’Istanza u kemm mill-Qorti tal-Ġustizzja (11). Għalhekk, il-possibbilità li l-Kummissjoni setgħet tivverifika li l-limitu massimu legali tal-multi imposti fuq il-federazzjonijiet appellanti ma kienx inqabeż billi tirreferi għad-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom setgħet ġiet antiċipata minn dawn l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

30.      Jien għalhekk tal-fehma li l-ewwel u t-tieni aggravji tal-federazzjonijiet appellanti fil-kawżi C‑101/07 P u C‑110/07 P rispettivament, għandhom ikunu miċħuda bħala infondati.

VI – Żball ta’ liġi mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

A –    Is-sentenza appellata

31.      Fl-ewwel istanza, il-federazzjonijiet appellanti argumentaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 meta stabbiliet l-ammont tal-multi bħala ammont ogħla mil-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom (12). Il-federazzjonijiet appellanti jsostnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta ċar li d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa biss jekk, skont ir-regoli interni tagħha, l-assoċjazzjoni inkwistjoni tista’ torbot lill-membri tagħha. F’dan ir-rigward, l-appellanti sostnew li huma ma jistgħux jorbtu lill-membri rispettivi tagħhom.

32.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat fil-punti 317 sa 319 tas-sentenza appellata li:

“317      Fil-fatt, skont ġurisprudenza kostanti, il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għandu jiġi kkalkulat skont id-dħul mill-bejgħ miksub minn kull impriża parti fil-ftehim u prattiki miftiehma jew mill-impriżi membri kollha tal-assoċjazzjonijiet tal-impriżi, għall-inqas meta, skont ir-regoli interni tagħha, l-assoċjazzjoni tista’ torbot lill-membri tagħha. Din il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi membri kollha ta’ assoċjazzjoni hija ġġustifikata, fl-iffissar tal-ammont tal-multi, peress li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-influwenza li l-impriża setgħet wettqet fuq is-suq, per eżempju minħabba fid-daqs u tal-poter ekonomiku tagħha, li dwarhom jista’ jagħti indikazzjonijiet id-dħul mill-bejgħ tal-impriża, kif ukoll l-effett dissważiv li għandhom jeżerċitaw dawn il-multi. L-influwenza li setgħet teżerċita fuq is-suq assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tiddependix mid-dħul mill-bejgħ tagħha, li ma jindikax la d-daqs tagħha u lanqas il-poter ekonomiku tagħha, iżda mid-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħha li jagħti indikazzjoni tad-daqs u tal-poter ekonomiku tagħha […]

318      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma teskludix li, f’każijiet partikolari, dan it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni jista’ wkoll ikun possibbli anki jekk din tal-aħħar ma jkollhiex, formalment, il-poter li torbot lill-membri tagħha, fid-dawl tan-nuqqas ta’ regoli interni li jagħtuha tali kapaċità […]

319      […] il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li ċirkustanzi speċifiċi oħra, minbarra l-eżistenza ta’ regoli interni li jippermettu lill-assoċjazzjoni torbot lill-membri tagħha, jistgħu jiġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-membri tal-assoċjazzjoni inkwistjoni. B’mod partikolari, dan japplika għal każijiet fejn il-ksur imwettaq minn assoċjazzjoni jirrigwarda l-attivitajiet tal-membri tagħha u fejn il-prattiki anti-kompetittivi inkwistjoni huma mwettqa mill-assoċjazzjoni direttament għall-benefiċċju ta’ dawn tal-aħħar u b’kooperazzjoni magħhom, peress li l-assoċjazzjoni m’għandhiex interessi oġġettivi li għandhom natura awtonoma meta mqabbla ma’ dawk tal-membri tagħha. Minkejja li, f’uħud minn dawn il-każijiet, il-Kummissjoni tista’ eventwalment, minbarra li tippenalizza lill-assoċjazzjoni inkwistjoni, timponi multi individwali fuq kull waħda mill-impriżi membri, dan jista’ jkun fil-fatt partikolarment diffiċli, jekk mhux impossibli, meta n-numru ta’ dawn ikun għoli ħafna.”

33.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punti 320 u 323 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, kien iġġustifikat li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri bażiċi tal-federazzjonijiet appellanti sabiex jiġi kkalkulat il-limitu massimu ta’ multa skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (13) peress li, l-ewwel nett, il-missjoni fundamentali tal-federazzjonijiet appellanti kienet li jiddefendu u li jirrapreżentaw l-interessi tal-membri bażiċi tagħhom, jiġifieri operaruri agrikoli, gruppi ta’ kooperattivi u biċċeriji (14). It-tieni nett, il-ftehim ikkontestat ma kienx jirrigwarda l-attività tal-federazzjonijiet appellanti nfushom iżda dik tal-membri bażiċi tagħhom peress li l-appellanti la jbigħu, la jixtru u lanqas jimportaw laħam taċ-ċanga (15). It-tielet nett, il-ftehim ikkontestat ġie konkluż direttament għall-benefiċċju tal-membri bażiċi tal-federazzjonijiet appellanti (16). Ir-raba’ nett, il-ftehim ikkontestat ġie implementat, inter alia, bil-konklużjoni ta’ ftehim lokali bejn membri tal-federazzjonijiet appellanti (17).

B –    L-argumenti tal-partijiet

34.      Bil-ħames u t-tielet aggravji rispettivi tagħhom, l-appellanti fil-kawżi C‑101/07 P u C‑110/07 P isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi peress li applikat ħażin l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Il-ħames eċċezzjoni tal-FNCBV hija maqsuma f’żewġ partijiet.

35.      Il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL, il-JA, (it-tielet aggravju), il-Gvern Franċiż u l-FNCBV (l-ewwel parti tal-ħames aggravju) essenzjalment isostnu li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (18), kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Finnboard vs Il-Kummissjoni (19), id-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fis-sitwazzjoni biss meta, skont ir-regoli tagħha, l-assoċjazzjoni tista’ torbot lill-membri tagħha. F’dan ir-rigward, il-federazzjonijiet appellanti jikkunsidraw li l-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata għalhekk qalbet il-ġurisprudenza stabbilita fis-suġġett meta kkalkulat il-limitu massimu ta’ 10 % fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tal-membri tal-federazzjonijiet appellanti minkejja l-fatt li dawn il-federazzjonijiet ma jistgħux jorbtu lill-membri tagħhom. Fir-risposta tagħhom, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA jsostnu li filwaqt li numru ta’ każijiet deċiżi iktar kmieni (20) setgħu kienu xi ftit ambigwi peress li jgħidu li l-limitu massimu ta’ 10 % jista’ jiġi kkalkulat b’referenza għad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni “għall-inqas meta”, skont ir-regoli interni tagħha, l-assoċjazzjoni tista’ torbot lill-membri tagħha, din l-ambigwità tneħħiet mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Finnboard vs Il-Kummissjoni. Mill-ifformular tal-punt 66 ta’ din l-aħħar sentenza, li jgħid li “mhux meħtieġ li l-membri tal-assoċjazzjoni jkunu fil-fatt ħadu sehem fil-ksur, iżda l-assoċjazzjoni għandha, skont ir-regoli interni tagħha, tkun tista’ torbot lill-membri tagħha”, joħroġ b’mod ċar li l-kapaċità ta’ assoċjazzjoni li torbot lill-membri tagħha hija kundizzjoni meħtieġa sabiex id-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħha jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-limitu massimu ta’ 10 %. Il-FNCBV tikkunsidra wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tipprovdi motivazzjoni għall-fatt li qalbet il-ġurisprudenza preċedenti u li dan it-taqlib huwa kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali.

36.      Il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA jsostnu li l-ewwel tlieta mill-erba’ ċirkustanzi ‘speċifiċi’ msemmija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 320 sa 323 tas-sentenza appellata mhumiex ċirkustanzi speċifiċi iżda huma ‘naturalment’ preżenti fil-każ ta’ assoċjazzjonijiet peress li hija l-missjoni fundamentali tal-assoċjazzjonijiet kollha li jiddefendu u jirrapreżentaw l-interessi tal-membri tagħhom. Barra minn hekk, fir-rigward tar-raba’ ċirkustanza dwar is-sehem tal-membri ta’ assoċjazzjoni fil-ksur, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA jsostnu li l-fatt li numru mill-membri tal-federazzjonijiet appellanti setgħu ħadu sehem fl-implementazzjoni tat-termini tal-ftehim inkwistjoni ma jurix li l-membri kollha ta’ dawn il-federazzjonijiet ħadu sehem b’mod indirett fil-ksur.

37.      Il-Gvern Franċiż jinnota wkoll li, peress li tnejn mill-kundizzjonijiet mitluba mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex il-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jiġi bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni jkunu sodisfatti kważi fil-każijiet kollha, dan ser iwassal għall-użu sistematiku tad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-limitu inkwistjoni. Skont il-Gvern Franċiż, iż-żewġ kundizzjonijiet li ser ikunu sodisfatti kważi dejjem huma, l-ewwel nett, il-kundizzjoni li ksur min-naħa ta’ assoċjazzjoni jkun jinvolvi l-attvitajiet tal-membri tagħha u, it-tieni nett, il-kundizzjoni li l-assoċjazzjoni tħaddan il-prattiċi anti-kompetittivi inkwistjoni direttament għall-benefiċċju tal-membri tagħha u b’kooperazzjoni magħhom.

38.      Il-FNCBV tikkunsidra wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi peress li applikat ħażin l-approċċ ġdid tagħha fir-rigward tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fil-kawża speċifika li kellha quddiemha. Il-FNCBV issostni li tnejn mill-erba’ ċirkustanzi kumulattivi u speċifiċi msemmija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 320 sa 323 tas-sentenza appellata ma kinux preżenti f’din il-kawża. L-ewwel nett, il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 kien imur kontra l-interessi tal-membri tal-FNCBV peress li stabbiliet prezz minimu għax-xiri ta’ annimali tal-ifrat. Barra minn hekk, il-ftehim ma wassalx għat-tneħħija tal-imblokki tal-biċċeriji. It-tieni nett, il-fatt li l-interessi tal-FNCBV huma indipendenti minn dawk tal-membri tagħha huwa pprovat mhux biss mill-fatt li ma tistax torbot lill-membri tagħha iżda wkoll min-numru limitat ta’ ftehim lokali wara l-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001. Il-FNCBV issostni wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi peress li naqset milli turi li kien impossibbli li d-deċiżjoni kkontestata tiġi indirizzata lill-membri tal-FNCBV u li jiġu imposti multi individwali fuq il-membri tagħha. Skont il-FNCBV, taħt it-Taqsima 5(ċ) tal-linji gwida, il-Kummissjoni tista’ timponi biss multa fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi li tkun ekwivalenti għas-somma tal-multi li kienu jiġu imposti fuq il-membri tal-assoċjazzjoni li kieku l-Kummissjoni turi li kien impossibbli li timmulta l-membri individwali tal-assoċjazzjoni.

39.      Fit-tieni parti tal-ħames aggravju tagħha, il-FNCBV tikkunsidra li fil-punti 320 et seq. tas-sentenza appellata huwa enfasizzat l-fatt li l-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 ma kellux konnessjoni ma’ l-attivatijiet tal-federazzjonijiet appellanti filwaqt li fil-punt 341 tas-sentenza appellata huwa enfasizzat il-fatt li fejn jidħol il-ftehim, il-federazzjonijiet iffirmawh, ipparteċipaw fih, kienu responsabbli għalih, kellhom sehem individwali fih u anki implementawh. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk adottat raġunament kontradittorju fis-sentenza appellata. Fir-realtà, meta qalet fil-punt 341 tas-sentenza appellata li l-federazzjonijiet appellanti pparteċipaw fil-ftehim, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet impliċitament li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri tal-federazzjonijiet ma kienx ġustifikat skont l-Artikoli 15(2) tar-Regolament Nru 17. Il-federazzjonijiet appellanti jsostnu li s-sentenza appellata għandha għalhekk tiġi annullata.

40.      Il-Kummissjoni ssostni li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza “il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għandu jiġi kkalkulat b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ miksub minn kull waħda mill-impriżi li ħadu sehem fil-ftehim u l-prattiki miftiehma kkonċernati jew mill-membri kollha tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi, għall-inqas meta r-regoli interni tal-assoċjazzjoni jagħtuha l-poter torbot lill-membri tagħha”(21). Il-Kummissjoni tikkunsidra, iżda, li l-fatt li assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tistax neċessarjament torbot lill-membri tagħha ma jfissirx li d-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħha ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-limitu massimu, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, ta’ multa imposta fuq l-assoċjazzjoni.

41.      Sabiex tkun iggarantita l-effettività tal-multi imposti fuq assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li għandhom dħul mill-bejgħ baxx iżda li jiġbru fi ħdanhom numru kbir ta’ impriżi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fis-sentenza appellata, li, jekk erba’ kundizzjonijiet speċifiċi jkunu sodisfatti, id-dħul mill-bejgħ tal-membri tal-assoċjazzjoni jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa inkwistjoni. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-allegazzjoni tal-federazzjonijiet appellanti li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza appellata, naqset milli tikkonforma ma’ jew qalbet il-ġurisprudenza fis-suġġett għandha tiġi miċħuda peress li l-ġurisprudenza preċedenti għandha wkoll l-għan li żżomm l-effettività tal-multi. Il-Kummissjoni tinnota li anki jekk is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza tiċċara jew testendi l-ġurisprudenza eżistenti, din il-kjarifika jew estensjoni ma tikkostitwixxix żball ta’ liġi, sakemm is-soluzzjoni adottata tkun immotivata u fondata tajjeb. Fil-fatt, il-ġurisprudenza preċedenti fis-suġġett ma teskludix il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni meta l-assoċjazzjoni ma tistax torbot lill-membri tagħha skont ir-regoli interni tagħha. Dan jista’ jintwera mill-użu tal-kliem “għall-inqas meta” fil-ġurisprudenza (22), li jagħtu x’jifhem li l-possibbiltà li torbot lill-membri tiegħek hija biss eżempju wieħed ta’ meta d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-limitu tal-multa skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni targumenta li fil-kawża C-298/98 P Finnboard vs Il-Kummissjoni (23), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li mhux meħtieġ li jintwera li l-membri ta’ assoċjazzjoni pparteċipaw fi ksur sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tagħhom, sakemm l-assoċjazzjoni għandha l-kapaċità li torbot lill-membri tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet għalhekk, mingħajr ma tmur kontra din il-ġurisprudenza, tiddeċiedi li fejn il-membri ta’ assoċjazzjoni kienu pparteċipaw attivament fl-implementazzjoni ta’ ksur, id-dħul mill-bejgħ tagħhom jista’ jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-limitu massimu ta’ 10 %.

42.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, li kieku l-argumenti tal-federazzjonijiet appellanti kellhom jiġu aċċettati, dan jinkoraġixxi lill-impriżi kollha li qed jipprovaw joħolqu kartell fis-suq sabiex jagħmlu dan permezz ta’ assoċjazzjoni li ma tistax torbot lill-membri tagħha. Il-Kummissjoni ssostni wkoll, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-FNCBV, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma speċifikatx li l-erba’ kundizzjonijiet speċifiċi identifikati minnha meta kkakulat il-limitu massimu ta’ 10 % fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni kienu kumulattivi. Anzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement semmiet iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw dan il-metodu fil-kawża preżenti. Barra minn hekk, il-FNCBV sostniet żbaljatament li l-ftehim ikkontestat ma kienx fl-interess tal-membri tagħha. L-iffissar tal-prezzijiet u s-sospensjoni tal-importazzjonijiet kienu miftiehma sabiex jitwaqqaf l-imblokk tal-biċċeriji. Barra minn dan, il-fatt li kienu baqgħu xi imblokki ta’ biċċeriji ma jikkontradixxix din il-konstatazzjoni. Il-Kummissjoni tinnnota li l-FNCBV ma tistax turi li l-interessi tagħha huma distinti minn dawk tal-membri tagħha. Fl-istess ħin, il-FNCBV ma ddefinietx l-interessi distinti tagħha u lanqas ma spjegat għaliex assoċjazzjoni ta’ biċċeriji ffirmat ftehim fuq prezzijiet u l-importazzjoni tal-laħam taċ-ċanga minkejja l-fatt li hija ma teżerċitax dawn l-attiviatjiet. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza tenniet fil-punt 321 tas-sentenza appellata, il-ftehim ikkontestat ma kienx jirrigwarda l-attivatijiet tal-FNCBV iżda dawk tal-membri tagħha. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-fatt, kif indikat mill-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA li tlieta mill-erba’ ċirkustanzi indikati mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma naturalment preżenti fil-każ tal-federazzjonijiet kollha, ma jwassalx għall-konklużjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fid-dawl tal-bżonn li jiġi assigurat li l-multi jkunu suffiċjentement dissważivi.

43.      Il-Kummissjoni ssostni, b’risposta għall-allegazzjoni tal-FNCBV li l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tawx raġunijiet biżżejjed sabiex jitbiegħdu mit-termini tat-Taqsima 5(ċ) tal-linji gwida, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma mxietx mad-dispożizzjoni inkwistjoni fis-sentenza appellata minkejja l-fatt li setgħet faċilment għamlet hekk fid-dawl tal-ammont kbir tal-membri tal-appellanti.

44.      Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-argument tal-FNCBV li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tagħti kwalunkwe raġuni sabiex taqleb il-ġurisprudenza preċedenti tagħha dwar l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa infondat. Is-sentenza appellata, fil-punti 312 sa 334, tispjega fid-dettall l-analiżi tas-suġġett li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-punti 320 et seq. u 341 tas-sentenza appellata mhumiex kontradittorji. Il-fatt li l-federazzjonijiet appellanti wettqu l-ksur ma jikkontradixxix il-fatt li huma għamlu dan għall-benefiċċju tal-membri tagħhom.

45.      Il-Kummissjoni tinnota li l-appellanti ma kkontestawx il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 325 u 327 sa 333 tas-sentenza appellata li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-membri bażi ma nqabiżx.

C –    Evalwazzjoni

46.      Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista’ timponi fuq impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi multi ta’ mhux iktar minn, inter alia, 10 % tad-dħul mill-bejgħ miksub fis-sena ta’ negozju preċedenti minn kull waħda mill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur. L-Artikolu 15(2) tar-Regolment Nru 17 jipprovdi wkoll li fl-iffissar tal-ammont tal-multa għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur.

47.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza, f’diversi okkażjonijiet, iddeċidiet li, meta l-assoċjazzjoni tista’ torbot lill-membri tagħha, il-kalkolu tal-limitu massimu ta’ multa imposta fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jista’ jiġi bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ dik l-assoċjazzjoni minflok fuq id-dħul mill-bejgħ tal-assoċjazzjoni stess (24).

48.      Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li t-terminu “ksur” fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ikopri mingħajr distinzjoni ftehim, prattiki miftiehma u deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, “il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għandu jiġi kkalkulat b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ ta’ kull waħda mill-impriżi li ħadet sehem fil-ftehim u l-prattika miftiehma jew għad-dħul mil-bejgħ tal-impriżi kollha li kienu membri tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi, għall-inqas meta, skont ir-regoli interni tagħha, l-assoċjazzjoni tista’ torbot lill-membri tagħha” (25).

49.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġġustifikat il-korrettezza ta’ dan il-metodu billi invokat il-fatt li “l-influwenza li assoċjazzjoni ta’ impriżi setgħet teżerċita fuq is-suq ma tiddependix fuq ‘id-dħul mill-bejgħ’ tagħha, li la juri d-daqs u lanqas is-setgħa ekonomika tagħha, iżda pjuttost fuq id-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħha, li jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u s-setgħa ekonomika tagħha” (26).

50.      Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 66 tas-sentenza C-298/98 P, Finnboard vs Il-Kummissjoni, ikkunsidrat li “meta multa tiġi imposta fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi, li d-dħul mill-bejgħ tagħha ħafna drabi ma jirriflettix id-daqs u s-setgħa ekonomika tagħha fis-suq, huwa biss meta jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-impriżi membri li tkun tista’ tiġi ddeterminata multa b’effett ta’ deterrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi maqgħuda Musique Diffusion Française et vs Il-Kummissjoni, (1983) Ġabra 1825, punti 120 u 121). Mhuwiex meħtieġ li l-membri tal-assoċjazzjoni jkunu fil-fatt ipparteċipaw fil-ksur, iżda l-assoċjazzjoni għandha, skont ir-regoli interni tagħha, tkun kapaċi torbot lill-membri tagħha.”

51.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-kapaċità legali ta’ assoċjazżzjoni li torbot lill-membri tagħha hija biżżejjed sabiex id-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ din l-assoċjazzjoni jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat li l-limitu legali massimu ta’ multa imposta fuq dik l-assoċjazzjoni ma jkunx inqabeż.

52.      Id-domanda iżda tqum jekk dik il-kapaċità hijiex prerekwiżit indispensabbli sabiex jiġi kkalkulat il-limitu massimu legali ta’ multa imposta fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi, kif previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni. F’dan ir-rigward, l-appellanti u l-Gvern Franċiż essenzjalment jikkunsidraw li l-użu tat-terminu “għandha, skont ir-regoli interni tagħha jkunu jistgħu jorbtu lill-membri tagħha” fil-punt 66 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-298/98 P Finnboard vs Il-Kummissjoni jenfasizza n-natura obbligatorja tal-kapaċità ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li torbot lill-membri tagħha. Nikkunsidra li l-argumenti tal-federazzjonijiet appellanti u tal-Gvern Franċiż fuq dan is-suġġett għandhom jiġu miċħuda.

53.      Għandu jiġi nnutat bħala punt preliminari li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 66 tas-sentenza fil-kawża C-298/98 Finnboard vs Il-Kummissjoni kkunsidrat li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet id-dħul mill-bejgħ ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi ma jirriflettix id-daqs jew is-setgħa ekonomika tagħha fis-suq. Barra minn hekk, nikkunsidra li mill-ifformular tal-punt 66 tas-sentenza mogħtija fil-kawża C-298/98 P Finnboard vs Il-Kummissjoni jirriżulta li, meta l-membri ta’ assoċjazzjoni ma jkunux ipparteċipaw fil-ksur, l-assoċjazzjoni għandu jkollha l-kapaċità li torbot lill-membri tagħha sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tagħhom. Fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit tal-Qorti tal-Ġustizzja li assoċjazzjoni għandu jkollha l-kapaċità li torbot lill-membri tagħha huwa għalhekk ibbażat fuq il-premessa li dawn il-membri ma pparteċipawx fil-ksur.

54.      Għalhekk nikkunsidra li mir-raġunament tas-sentenza mogħtija fil-kawża C-298/98 P Finnboard vs Il-Kummissjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa ċar li f’każijiet fejn membri tal-assoċjazzjoni jkunu fil-fatt ipparteċipaw fil-ksur, ma jistax jiġi eskluż li l-limitu massimu legali ta’ multa imposta fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi jista’ jkun ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħha minkejja l-fatt li l-assoċjazzjoni ma jkollhiex il-kapaċità li torbot lill-membri tagħha.

55.      Fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fil-każ ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għandha tassigura li l-livell tal-multa imposta fuq assoċjazzjoni jkun proprozjonat ma’ l-influwenza ekonomika li għandha fis-suq, b’tali mod li titħares l-effettività tal-multi bħala mezz sabiex jitwaqqfu attivitajiet illegali u sabiex jiġi evitat li jerġgħu jseħħu.

56.      Fil-fatt f’kawża ta’ kompetizzjoni reċenti ħafna li kienet tikkonċerna l-livell ta’ multa, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-bżonn li tiġi evalwata r-realtà ekonomika taċ-ċirkustanzi ta’ impriża u għalhekk l-influwenza reali li għandha fis-suq. B’hekk, fis-sentenza Britannia Alloys vs Il-Kummissjoni (27), il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandu l-għan li jipprevjeni li multi imposti mill-Kummissjoni jkunu sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs tal-impriża kkonċernata (28). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll il-fatt li l-għan tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa li jagħti l-poter lill-Kummissjoni timponi multi sabiex tkun tista’ twettaq il-ħidma ta’ sorveljanza mogħtija lilha mid-dritt Komunitarju. Din il-ħidma tinkludi, b’mod partikolari, li jitwaqqfu l-attivitajiet illegali u li jiġi assigurat li ma jerġgħux jiġru. Il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża kkunsidrat għalhekk li l-Kummissjoni għandha dritt, meta l-impriża kkonċernata ma tkunx kisbet dħul mill-bejgħ fis-sena ta’ negozju qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tirreferi għal sena ta’ negozju oħra sabiex tevalwa b’mod korrett ir-riżorsi finanzjarji ta’ dik l-impriża u tassigura b’hekk li l-multa imposta jkollha effett ta’ deterrent.

57.      L-objettiv ta’ deterrent tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji u l-bżonn li jiġi assigurat li dan l-għan ma jkunx ippreġudikat jew imfixkel mir-ristrutturar ta’ impriżi ġie enfasizzat ukoll reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato vs ETI SpA et(29).

58.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li meta ksur min-naħa ta’ assoċjazzjoni jinvolvi l-attivitajiet tal-membri tagħha u meta l-prattiki anti-kompetittivi inkwistjoni jitwettqu mill-assoċjazzjoni direttament għall-benefiċċju tal-membri tagħha u b’kooperazjoni magħhom, peress li l-assoċjazzjoni m’għandhiex interessi oġġettivi indipendenti minn dawk tal-membri tagħha, id-dħul mill-bejgħ tal-membri tal-assoċjazzjoni jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (30).

59.      Fil-fehma tiegħi, iċ-ċirkustanzi jew kriterji identifikati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, jekk ikunu sodisfatti, juru li ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni minn assoċjazzjoni ta’ impriżi kien konness mill-qrib ma’ l-attivitajiet u l-interessi tal-membri tagħha u kien approvat mill-membri ta’ dik l-assoċjazzjoni. Għalhekk nikkunsidra li l-kriterji magħżula mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma adatti sabiex jaċċertaw is-setgħa ekonomika jew influwenza reali li assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għandhom fis-suq. Il-metodu tal-Qorti tal-Prim’Istanza jassigura fil-fehma tiegħi li l-effettività ta’ penali imposti fuq assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju tinżamm meta d-dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet ma jirriflettix l-influwenza ekonomika li jeżerċitaw fis-suq. Assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għalhekk ma jistgħux jevadu l-parti l-kbira ta’ dawn il-penali għas-sempliċi raġuni li formalment ma setgħux jorbtu lill-membri tagħhom meta fil-fatt, fejn ikun meħtieġ, jistgħu jistrieħu fuq l-influwenza ekonomika ta’ dawn il-membri fis-suq sabiex jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju.

60.      Din il-konstatazzjoni mhijiex megħluba mill-argumenti tal-FNSEA, tal-FNB, tal-FNPL, tal-JA u tal-Gvern Franċiż (31) li l-kriterji jew ċirkustanzi “speċifiċi” identifikati mill-Qorti tal-Prim’Istanza ser jiġu sodisfatti f’ħafna każijiet li jinvolvu assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Fil-fehma tiegħi, il-kriterji magħżula mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma korretti u koerenti peress li l-għan tagħhom huwa li jaċċertaw l-influwenza attwali ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-suq. Il-fatt li jista’ jkun li f’ħafna, jew fil-fatt fil-parti l-kbira mill-każijiet, id-dħul mill-bejgħ ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi ma jirriflettix l-influwenza tagħha fis-suq ma jimpedixxix il-validità tal-kriterji identifikati mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

61.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi l-argument imressaq mill-FNCBV li l-ftehim ma kienx fil-fatt fl-interess tal-membri tagħha huwa kwistjoni ta’ fatt li ma tistax titqajjem fi proċeduri ta’ appell. F’kull każ, mill-proċess tal-kawża jirriżulta b’mod ċar, kif argumentat mill-Kummissjoni, li l-FNCBV qablet ma’ l-iffissar tal-prezzijiet u mas-sospensjoni tal-importazzjonijiet bħala korrispettiv għat-tneħħija tal-imblokki kontra, inter alia, il-biċċeriji tal-membri tagħha. Ninnota wkoll, bħala osservazzjoni aċċessorja, li l-fatt li dawn l-arranġamenti mhumiex “normalment” fl-interess tal-biċċeriji ma jistax iwaqqa’ din il-konstatazzjoni minħabba l-kuntest speċifiku tal-ksur. Barra minn hekk, il-fatt kif argumentat mill-FNCBV li l-ftehim ma wassalx għat-tneħħija tal-imblokki huwa għal kollox irrilevanti f’din il-kawża.

62.      Il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-ftehim ma jikkonċernax l-attivatijiet tal-federazzjonijiet appellanti iżda dawk tal-membri bażiċi tagħhom peress li l-appellanti la jbiegħu, la jixtru u lanqas jimportaw laħam taċ-ċanga (32) hija punt ta’ fatt li ma jistax jiġi kkontestat fi proċeduri ta’ appell. F’kull każ, il-FNCBV naqset milli tressaq argumenti li jistgħu jegħlbu din il-konklużjoni.

63.      Fir-rigward ta’ dak li sostnew il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA li waħda mill-kundizzjonijiet speċifiċi stabbilita mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx issodisfata peress li ma ntweriex li l-membri kollha tal-federazzjonijiet appellanti kkooperaw fil-ksur (33), nikkunsidra li dan it-tip ta’ rekwiżit ma jistax jiġi aċċettat  (34). Sabiex il-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 dwar multa imposta fuq dawk il-federazzjonijiet ikun ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom, huwa biżżejjed li jintwera, in konnessjoni ma’ dan il-kriterju, li membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi kkooperaw fil-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (35). Mis-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-federazzjonijiet appellanti setgħu jistrieħu fuq membri tagħhom sabiex jimplementaw il-ftehim (36).

64.      Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-FNCBV li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tappplika korrettement it-Taqsima 5(ċ) tal-linji gwida (37), nikkunsidra li din id-dispożizzjoni mhijiex rilevanti fil-proċeduri preżenti peress li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li kienu l-federazzjonijiet appellanti stess, iktar milli l-membri individwali tagħhom, li kienu nstabu li kisru l-Artikolu 81(1) KE. Barra minn hekk, ma nikkunsidrax li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 320 et seq. u 341 tas-sentenza appellata huwa kontradittorju, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt iddikjarat f’dawk il-punti li l-ftehim ġie konkluż mill-federazzjonijiet appellanti għall-benefiċċju tal-membri tagħhom u ġie implementat fuq livell lokali mill-membri tagħhom.

65.      Il-FNCBV argumentat ukoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tagħti motivazzjoni għalxiex qalbet il-ġurisprudenza preċedenti fuq l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (38). Fil-fehma tiegħi, il-FNCBV fl-argumenti tagħha essenzjalment tqajjem dubji dwar il-korrettezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 iktar milli dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni. Ninnota f’kull każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tat raġunijiet estensivi fis-sentenza appellata għalxiex kienet qiegħda tibbaża l-limitu massimu ta’ 10 % impost mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fuq id-dħul mill-bejgħ tal-membri bażiċi tal-federazzjonijiet appellanti. Barra minn hekk, l-argument tal-FNCBV li l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza qalbet il-ġurisprudenza preċedenti jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jistax, fil-fehma tiegħi, jirnexxi. Nikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata hija għal kollox konformi mal- ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tal-Qorti tal-Ġustizzja (39). Għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 66 tas-sentenza tagħha Finnboard vs Il-Kummissjoni indikat li fil-parti l-kbira tal-każijiet id-dħul mill-bejgħ ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi ma jirriflettix id-daqs jew is-setgħa tagħha fis-suq.

66.      Nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ħames u t-tielet aggravji tal-federazzjonijiet appellanti fil-kawżi C‑101/07 P u C‑110/07 P rispettivament bħala infondati.

VII – Ksur tar-regola ta’ projbizzjoni ta’ akkumulazzjoni tal-penali u l-prinċipju ta’ penali proprozjonati

67.      Fir-raba’ aggravju tagħhom, il-federazzjonijiet appellanti fil-kawża C‑110/07 P, sostnuti mill-Gvern Franċiż, isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi peress li kisret ir-regola li tipprojbixxi akkumulazzjoni ta’ penali u l-prinċipju ta’ penali proprozjonati peress li dik il-qorti imponiet multa separata fuq kull waħda minn dawn il-federazzjonijiet filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni wkoll id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-membri komuni tagħhom sabiex tivverifika li l-livell tal-multa imposta fuq dawn il-federazzjonijiet kien konformi ma’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. F’dan ir-rigward, l-appellanti fil-kawża C‑110/07 P jirrilevaw, inter alia, li l-FBN, il-FNPL u l-JA huma kollha membri tal-FNSEA u li membri tagħhom huma għalhekk komuni.

68.      Il-Kummissjoni ssostni li l-multi imposti fid-deċiżjoni appellata ma kinux ibbażati fuq id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-membri tal-federazzjonijiet appellanti. Il-multa ġiet ikkalkulata b’riferiment, minn naħa, għall-gravità tal-ksur, li min-naħa tagħha kienet evalwata b’riferiment għall-kwalità tal-ksur, il-firxa ġeografika tal-ksur u l-effett konkret tiegħu u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għat-tul tal-ksur. Id-dħul mill-bejgħ tal-membri tal-federazzjoni ttieħed inkunsiderazzjoni biss sabiex jiġi vverifikat li l-limitu massimu previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma nqabiżx.

A –    Evalwazzjoni

69.      Fis-sentenza appellata il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet li:

“340 [m]ill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ne bis in idem jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qorti Komunitarja għandha tassigura li jiġi rrispettat. Fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju, dan il-prinċipju jipprojbixxi li impriża tiġi kkundannata jew li jittieħdu proċedimenti kontriha mill-ġdid mill-Kummissjoni minħabba aġir anti-kompettitiv li għalih hija ġiet ippenalizzata jew li għalih ġiet iddikjarata mhux responsabbli permezz ta’ deċiżjoni finali preċedenti tal-Kummissjoni […] L-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet ta’ identità tal-fatti, unità ta’ min jikser il-liġi u unità tal-interess legali protett. Dan il-prinċipju jipprojbixxi għaldaqstant li l-istess persuna tiġi ppenalizzata għal iktar minn darba għall-istess aġir illegali sabiex jiġi protett l-istess interess legali [...]

341      […] il-Kummissjoni setgħet leġittimament tippenalizza kull federazzjoni li ħadet sehem fil-ftehim ikkontestat billi bbażat ruħha fuq ir-rwol individwali li kull waħda minnhom kellha fl-iffirmar u fl-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim u fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti rispettivi ta’ kull wieħed minnhom.

342      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mwaqqa’, […] bil-fatt li l-FNB, il-FNPL u l-JA huma membri tal-FNSEA. Fil-fatt, dawn il-federazzjonijiet għandhom personalità ġuridika indipendenti, baġits separati u għanijiet li mhux dejjem jaqblu. B’hekk, huma jikkonkludu l-azzjonijiet sindakali rispettivi tagħhom sabiex jiddefendu l-interessi speċifiċi tagħhom […] Il-fatt li, f’din il-kawża, dawn il-federazzjonijiet fil-biċċa l-kbira kkoordinaw l-azzjoni tagħhom, kif ukoll dik tal-membri rispettivi tagħhom, għal għanijiet komuni ma jistax jeżenta lil kull waħda minn dawn il-federazzjonijiet mir-responsabbiltà rispettiva tagħha fil-ksur. 

343      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li donnhom qed isostnu r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma imponietx penali fuq il-membri bażiċi tagħhom, diretti jew indiretti. Fil-fatt, il-fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fid-determinazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % ma jfissirx li multa ġiet imposta fuqhom [...]

344      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-identiċità bejn min wettaq il-ksur kienet nieqsa, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata ma tippenalizzax diversi drabi lill-istess entitajiet jew lill-istess persuni għall-istess fatti. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma ġiex ippreġudikat. Bl-istess mod, peress li l-membri diretti jew indiretti tar-rikorrenti ma ġewx suġġetti għal multi darbtejn għall-istess ksur, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, lanqas ma kien hemm, f’din il-kawża, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità” (40).

70.      Fil-fehma tiegħi, huwa ċar mis-siltiet ċċitati iktar ’il fuq li l-multi imposti mid-deċiżjoni kkontestata kienu imposti fuq kull waħda mill-federazzjonijiet appellanti għall-ksur individwali min-naħa tagħha tal-Artikolu 81(1) KE (41). Il-membri tal-federazzjonijiet appellanti ma ġewx ikkunsidrati li kisru l-Artikolu 81(1) KE u lanqas ma ġew imposti xi multi fuq il-membri tagħhom. Huwa għalhekk evidenti li ma ġewx imposti penali kumulattivi fuq kull waħda mill-federazzjonijiet il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA.

71.      Fir-rigward ta’ dak li ġie sostnut li l-multi imposti fuq il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA huma sproporzjonati peress li d-dħul mill-bejgħ tal-membri li huma komuni għal dawn il-federazzjonijiet ittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat li l-livell tal-multa imposta fuq dawn il-federazzjonijiet kien konformi ma’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, nikkunsidra li dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

72.      Mhuwiex ikkontestat li l-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA għandhom membri komuni.

73.      Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat, fil-fehma tiegħi korrettement, il-fatt li l-federazzjonijiet appellanti għandhom personalità ġuridika indipendenti, b’baġits separati, u li l-għanjiet tagħhom mhux dejjem jikkoinċidu. Il-fatt li l-federazzjonijiet appellanti għażlu li jimxu bl-istess aġir fis-suq bl-ebda mod ma jindika li huma kellhom l-istess interessi. Barra minn dan, fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-federazzjonijiet inkwistjoni għandhom membri komuni mhuwiex neċessarjament ta’ natura li jnaqqas mill-influwenza ekonomika li kull federazzjoni individwali tista’ teżerċita fis-suq. F’kull każ, l-appellanti fil-kawża C‑110/07 P ma jidhrux li qed jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 331 tas-sentenza appellata li sabiex jiġi vverikat li ma nqabiżx il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, it-total akkumulat tal-multi imposti fuq l-erba’ appellanti inkwistjoni huwa inqas minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-bdiewa li huma l-membri bażiċi tal-FNSEA, il-federazzjoni li tiġbor flimkien il-FNB, il-FNPL u l-JA. Nikkunsidra għalhekk li l-appellanti fil-kawża C-110/07 P naqsu milli juru b’mod suffiċjenti li l-multi imposti fuqhom kienu sproporzjonati.

74.      Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad ir-raba’ aggravju tal-appellanti fil-kawża C‑110/07 P bħala infondat.

VIII – Tnaqqis tal-multa

75.      Permezz tas-sitt u t-tielet aggravji, il-federazzjonijiet appellanti fil-kawżi C‑101/07 P u C‑110/07 P rispettivament, jikkunsidraw li anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tannullax is-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha madankollu tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 15(2) tar- Regolament Nru 17 u għalhekk tnaqqas il-multa imposta fuqhom. Il-FNCBV tinnota li l-multa imposta fuqha hija ekwivalenti għal kważi 20 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha (skont l-irċevuti tagħha). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tnaqqas il-multa imposta fuq l-FNCBV għal ammont li ma jaqbiżx EUR 360 000, l-ekwivalenti ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha.

76.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-osservazzjonijiet tagħha fil-punti 40 sa 45 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni ssostni wkoll, fl-alternattiv, li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-argumenti tal-federazzjonijiet appellanti dwar il-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-multa imposta għandha tkun ibbażata fuq ir-riċevuti tal-federazzjonijiet iktar milli fuq il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri.

A –    Evalwazzjoni

77.      Fid-dawl tal-konklużjonijiet tiegħi fil-punti 46 sa 66 iktar ’il fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma żbaljatx fil-liġi fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, nipproponi li s-sitt u t-tielet aggravji tal-federazzjonijiet appellanti fil-kawżi C‑101/07 P u C‑110/07 P intiżi sabiex jitnaqqsu l-multi imposti minħabba ksur ta’ dik id-dispożizzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza, għandhom jiġu miċħuda.

IX – Żnaturament mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ elementi ta’ prova dwar il-proroga tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 wara t-30 ta’ Novembru 2001

78.      Fit-tieni aggravju fil-kawża C‑101/07 P u l-ewwel aggravju fil-kawża C‑110/07 P, il-federazzjonijiet appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi.

79.      Fil-kawża C‑101/07 P, il-FNCBV tallega żnaturament mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ ċerti fatti b’mod partikolari, in-noti miktuba bl-idejn tad-direttur tal-FNB dwar il-laqgħa tad-29 ta’ Novembru 2001 (il-punti 169 sa 174 tas-sentenza appellata), l-intervista mogħtija fl-4 ta’ Diċembru 2001 mill-viċi president tal-FNB lill-Vendée Agricole (il-punt 176 tas-sentenza appellata), in-nota tal-federazzjoni Vendée tal-5 ta’ Diċembru 2001 (il-punti 175 sa 177 tas-sentenza appellata), in-nota ta’ informazzjoni tal-FNPL mibgħuta b’faks fl-10 ta’ Diċembru 2001 (il-punt 179 tas-sentenza appellata) u n-noti miktuba bl-idejn tad-direttur tal-FNB dwar il-laqgħa tal-5 ta’ Diċembru 2001 (il-punt 180 tas-sentenza appellata). Il-FNCBV issostni essenzjalment li l-Qorti tal-Prim’Istanza bidlet it-tifsira ta’ dawn id-dokumenti jew provi u li għalhekk l-evalwazzjoni legali tal-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata.

80.      Fil-kawża C‑110/07 P, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA jallegaw żnaturament tal-fatti peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tikkunsidra żewġ elementi essenzjali ta’ prova li juru li l-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 ma ġiex estiż għal wara t-30 ta’ Novembru 2001. L-ewwel element ta’ prova jikkonċerna faks tal-11 ta’ Diċembru 2001 mibgħuta minn direttur tal-FNB lil federazzjoni reġjonali u t-tieni nota tat-12 ta’ Diċembru 2001 lill-Fédération Régionale des Syndicats d’Exploitants Agricoles (iktar ’il quddiem il-“FRSEA”).

81.      Skont l-Artikolu 225 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi. L-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief meta jkun hemm żnaturament tal-fatti jew tal-provi, ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi suġġetta bħala tali għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja (42). Għandu jiġi mfakkar li jkun hemm żnaturament tal-provi meta, mingħajr ma jsir riferiment għal elementi ta’ prova ġodda, l-evalwazzjoni tal-elementi ta’ prova eżistenti tidher manifestament żbaljata (43).

82.      Fil-kawża C‑101/07 P, nikkunsidra li fid-dawl ta’ dan il-kriterju u wara li eżaminajt il-provi msemmija iktar ’il fuq  (44), jiena sodisfatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma żnaturatx il-provi inkwistjoni.

83.      Fil-kawża C‑110/07 P, il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli teżamina żewġ elementi ta’ prova, minkejja l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza fetħet mill-ġdid il-proċedura orali fil-kawżi magħquda T‑217/03 u T‑245/03 speċifikament sabiex dawn il-provi jiddaħħlu fil-proċess tal-kawża (45). Din l-allegazzjoni hija bbażata essenzjalment fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata naqset milli ssemmi l-provi inkwistjoni u fuq il-fatt li fil-punt 187 il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet li l-proroga tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 ma tistax tiġi miċħuda biss abbażi tan-nota tal-FNICGV.

84.      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom il-faks tal-11 ta’ Diċembru 2001 mibgħuta minn direttur tal-FNB u n-nota tat-12 ta’ Diċembru 2001 tal-FRSEA ddaħħlu fil-proċess tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawżi T‑217/03 u T‑245/03 u s-sempliċi fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma bbażatx ruħha speċifikament fuqhom fis-sentenza appellata, nikkunsidra li l-appellanti fil-kawża C‑110/07 P naqsu milli juru li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli teżamina l-provi inkwistjoni.

85.      F’kull każ, wara li eżaminajt il-provi inkwistjoni, nikkunsidra li l-appellanti fil-kawża C‑110/07 P naqsu milli jistabbilixxu li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi jew ħalliet barra jew ma kkunsidratx evidenza importanti dwar jekk il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 ġiex estiż jew le għal wara t-30 ta’ Novembru 2001.

86.      Nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad it-tieni aggravju fil-kawża C‑101/07 P u l-ewwel aggravju fil-kawża C‑110/07 P bħala infondati.

X –    Żball ta’ liġi mill-Qorti tal-Prim’Istanza meta ddediċiet li l-FNCBV pparteċipat fil-proroga tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001

87.      Permezz tat-tielet aggravju, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, il-FNCBV issostni, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha ta’ ċerti provi u fil-konstatazzjoni tagħha fil-punt 185 tas-sentenza appellata li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet il-prova kif mitlub mil-liġi li l-FNCBV kompliet tapplika l-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001, b’mod orali u sigriet, wara l-aħħar ta’ Novembru 2001. It-tieni nett, il-FNCBV issostni li s-sentenza appellata hija kontradittorja peress li tinkoraġixxi l-pressjoni unilaterali, eżerċitata minn dawk li jrabbu l-annimali fuq il-biċċiera sabiex jassiguraw li l-prezz minimu tal-laħam taċ-ċanga jkun imħares u li jitwaqqfu l-importazzjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin tikkonstata li l-FNCBV ipparteċipat fil-proroga tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001.

88.      Fl-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-FNCBV essenzjalment issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin in-noti miktubin bl-idejn tad-direttur tal-FNB dwar il-laqgħa tad-29 ta’ Novembru 2001 (il-punt 172 tas-sentenza appellata), ittra elettronika tas-6 ta’ Diċembru 2001 mibgħuta minn rappreżentant tal-FRSEA ta’ Bretagne lill-presidenti tal-FDSEA ta’ dan ir-reġjun (il-punt 178 tas-sentenza appellata), in-nota ta’ informazzjoni tal-FNPL mibgħuta b’faks fl-10 ta’ Diċembru 2001 (il-punt 179 tas-sentenza appellata), in-noti miktubin bl-idejn tad-direttur tal-FNB (il-punt 180 tas-sentenza appellata), in-nota tal-FDSEA ta’ Vendée tat-18 ta’ Diċembru 2001 (il-punt 182 tas-sentenza appellata) (46) u dokumentazzjoni bil-miktub dwar azzjoni lokali (il-punti 183 u 184 tas-sentenza appellata).

89.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma żbaljatx fl-evalwazzjoni tagħha tad-dokumentazzjoni msemmija iktar ’il fuq u fil-konstatazzjonijiet tagħha li din id-dokumentazzjoni, flimkien ma’ l-elementi l-oħra ta’ prova msemmija fil-punti 164 sa 184 tas-sentenza appellata, jipprovaw il-parteċipazzjoni tal-FNCBV fil-proroga tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001.

90.      Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-FNCBV issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx, mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha, tikkunsidra min-naħa li l-FNCBV ipparteċipat fil-proroga tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 filwaqt li fl-istess ħin tirrikonoxxi l-atti ta’ vjolenza kontra l-biċċeriji. F’dan ir-rigward, il-FNCBV tenfasizza l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha raġun tqis l-użu tal-vjolenza bħala ċirkustanza aggravanti kontra l-FNSEA, il-FNB u l-JA u li żżid bi 30 % il-multi imposti fuqhom (47). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet li l-Kummissjoni naqset il-multa tal-FNCBV b’60 %, meta ħadet inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanzi attenwanti, inter alia, l-imblokk illegali ta’ stabbilimenti tal-membri tal-FNCBV (48). Il-FNCBV tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet meħtieġa turi espressjoni ċara tar-rieda tal-FNCBV li taċċetta l-proroga tal-ftehim proposta minn dawk li jrabbu l-annimali.

91.      Il-FNCBV trid fil-fatt tistabbilixxi li hija ma pparteċipatx fil-proroga tal-ftehim bil-miktub tal-24 ta’ Ottubru 2001 u li l-azzjonijiet mill-gruppi ta’ dawk li jrabbu l-annimali wara l-iskadenza formali ta’ dan il-ftehim fit-30 ta’ Novembru 2001 kienu unilaterali.

92.      Huwa ċar li l-ftehim bil-miktub tal-24 ta’ Ottubru 2001 sar fi żmien ta’ tensjoni estrema fis-suq tal-laħam taċ-ċanga fi Franza u ftit wara t-tieni kriżi tal-‘mad cow’ u li dawk li jrabbu l-annimali għamlu pressjoni enormi fuq il-biċċeriji billi, inter alia, imblokkaw l-istabbilimenti tal-biċċeriji. Minkejja l-kuntest li fih intlaħaq, il-FNCBV, madankollu, ma tikkontestax il-kwalifika legali tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 bħala ftehim għall-għanjiet tal-Artikolu 81(1) KE. Barra minn hekk, kif indikajt iktar qabel (49), il-fatt li ‘normalment’ jista’ ma jkunx ekonomikament vantaġġjuż għall-biċċiera li jidħlu fi ftehim jew li jipprorogaw ftehim li jistabbilixxi prezzijiet minimi u jissospendi l-importazzjonijiet, nikkunsidra li dan fih innifsu ma jegħlibx il-konstatazzzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-FNCBV ipparteċipat fil-proroga tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, nikkunsidra li l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ pressjoni jew forza fuq il-biċċiera ma tpattix għall-fatt li l-FNCBV attwalment ipparteċipat fil-proroga inkwistjoni.

93.      Kif indikajt iktar ’il fuq (50), nikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet prova biżżejjed fil-punti 164 sa 184 tas-sentenza appellata li l-FNCBV kellha parti fil-proroga tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-FNCBV attwalment aċċettat il-proroga inkwistjoni mhumiex megħluba mill-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet aġixxiet korrettement meta ħadet inkunsiderazzjoni, fl-iffissar tal-livell tal-multi imposti, il-kuntest ekonomiku u fattwali li fih sar il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 u l-proroga tiegħu.

94.      Fil-fehma tiegħi, il-FNCBV naqset milli turi li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi meta ddeċidiet li l-FNCBV kienet parti fil-proroga tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001.

95.      Nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad it-tielet aggravju fil-kawża C‑101/07 P bħala infondat.

XI – Żball ta’ liġi mill-Qorti tal-Prim’Istanza meta kkwalifikat il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 bħala anti-kompetittiv u naqset milli tanalizza l-effetti tal-ftehim

96.      Fir-raba’ aggravju tagħha, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, il-FNCBV issostni, fl-alternattiv, li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-federazzjoni pparteċipat fil-proroga tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra li l-ftehim mhuwiex anti-kompetitittiv u li l-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ma setgħetx tevita li tinvestiga l-effett ta’ dan il-ftehim.

97.      Fl-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-FNCBV issostni essenzjalment li analiżi tal-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 fil-kuntest legali u ekonomiku partikolari tiegħu kellha twassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkunsidra li minn sempliċi qari tiegħu ma setax jiġi konkluż li dan kien ta’ natura restrittiva. Il-ftehim inkwistjoni ġie adottat sabiex jikkumpensa n-nuqqas tal-awtoritajiet Komunitarji. Il-FNCBV tinnota wkoll li l-konsumaturi bbenefikaw mill-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001.

98.      Fit-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-FNCBV issostni li l-ftehim ma kellu ebda effett sinjifikattiv fuq l-importazzjonijiet, fuq il-prezzijiet tal-konsumatur u lanqas fuq ir-relazzjonijiet bejn dawk li jrabbu l-annimali u l-biċċiera.

99.      Fil-fehma tiegħi, il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 u l-proroga orali ta’ dan il-ftehim kellhom l-għan li jissospendu l-importazzjonijiet tal-laħam taċ-ċanga fi Franza u li jiffissaw il-prezzijiet għal ċerti annimali tal-ifrat. Minkejja l-kuntest li fih sar il-ftehim, li ġie eżaminat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, nikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma żbaljatx fil-liġi meta kkwalifikat il-ftehim tal-24 ta’ Ottubru 2001 bħala anti-kompetittiv.

100. Nissuġġerixxi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad ir-raba’ aggravju sussidjarju fil-kawża C‑101/07 P bħala infondat.

101. Peress li eżaminajt l-erba’ aggravji mressqa mill-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA u s-sitt aggravji imressqa mill-FNCBV, nikkunsidra li ebda wieħed minnhom mhuwa fondat u li l-appelli fil-kawżi C‑101/07 P u C‑110/07 P għandhom ikunu miċħuda.

102. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-federazzjonijiet appellanti tilfu, fil-fehma tiegħi hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Nikkunsidra li r-Repubblika Franċiża għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

XII – Konklużjoni

103. Jien għalhekk tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1)      tiċħad l-appelli;

(2)      tordna lill-FNCBV tħallas l-ispejjeż fil-kawża C‑101/07 P u tordna lill-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA jħallsu l-ispejjeż fil-kawża C‑110/07 P;

(3)      tordna lir-Repubblika Franċiża tħallas l-ispejjeż tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Kawżi magħquda T‑217/03 u T‑245/03 (2006), Ġabra p. II‑4987.


3 – ĠU 2003 L 209, p. 12.


4 – Regolament tas-6 ta’ Frar 1962; L-Ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU p.13, 21.02.1962, p. 204). Id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003 L 1, p.1) u l-adozzjoni tal-linji ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2). Skond l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, “[i]l-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza: (a) jiksru l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat; […] Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena k[u]mmerċjali preċedenti. Fejn il-ksur ta’ assoċjazzjoni jirrel[a]ta ma’l-attivitajiet tal-membri tagħh[a], il-multa ma taqbiż[x] l-10 % tas-somma totali ta’ valur tal-bejgħ ta’ kull membru attiv fis-suq affetwat mi[l]l-ksur ta’ l-assoċjazzjoni. ’ (enfasi miżjuda).


5 – ĠU 1998 C 9, p. 3.


6 – Il-FNSEA, il-FNB, il-FNPL u l-JA.


7 – Fédération Nationale de l’Industrie et des Commerces en Gros des Viandes (iktar ’il quddiem ‘FNICGV’) u l-FNCBV. Il-FNICGV mhijiex parti f’dawn il-proċeduri u l-kawża tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet miċħuda b’ordni tad-9 ta’ Novembru 2004 bħala inammissibbli.


8 – Ara l-punt 224 tas-sentenza appellata.


9 – Ara l-punt 222 tas-sentenza appellata. Ara s-sentenzi maqgħuda tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 21), u s-sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni (T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 66).


10 – Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 21. Ara wkoll is-sentenzi maqgħuda tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 428).


11 – Ara per eżempju, is-sentenzi maqgħuda tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il-Kummissjoni (T‑39/92 u T‑40/92, Ġabra p. II‑49); tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et vs Il-Kummissjoni (T-29/92, Ġabra p. II‑289; ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni (T‑338/94, Ġabra p. II‑1617); u tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni (C‑298/98 P, Ġabra p. I‑10157).


12 – Ara l-punt 301 tas-sentenza appellata. Huwa ċar mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata li din id-deċiżjoni hija indirizzata, inter alia, lill-federazzjonijiet appellanti, iktar milli lill-membri tagħhom. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, multi minn EUR 480 000 sa EUR 12-il miljun kienu imposti fuq il-federazzjonijiet appellanti għall-ksur tagħhom ta’ l-Artikolu 81(1) KE, iktar milli fuq il-membri tagħhom. Il-multi imposti fuq il-federazzjonijiet appellanti mid-deċiżjoni kkontestata kienu mnaqqsa fis-sentenza appellata u kienu minn EUR 360 000 sa EUR 9 miljun. Madankollu, mhuwiex ikkontestat li l-Kummissjoni, meta kkalkulat skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 il-limitu massimu tal-multa li kellha tiġi imposta fuq il-federazzjonijiet appellanti għall-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE, m’għamlitx dan b’referenza għad-dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, iżda b’referenza għad-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom. Dan il-metodu ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Ara b’mod partikolari, il-punti 312 sa 334 tas-sentenza appellata. Fit-trattazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-federazzjonijiet appellanti sostnew, mingħajr ma ġew kontradetti mill-Kummissjoni, li l-multi imposti mis-sentenza appellata qabżu l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom. F’dan ir-rigward, fil-punt 301 tas-sentenza appellata, il-federazzjonijiet appellanti sostnew li l-multi imposti jirrappreżentaw iktar minn 25 % tad-dħul mill-bejgħ tal-FNCBV, 200 % tal-ħlasijiet annwali għal sħubija mill-membri tal-FNSEA, 240 % ta’ dawk tal-FNB, 80 % ta’ dawk tal-FNPL u 200 % ta’ dawk tal-JA. Minkejja l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqqset il-multi imposti fuq il-federazzjonijiet appellanti mid-deċiżjoni kkontestata, jidher li dawn il-multi ‘aġġustati’ baqgħu ta’ iktar minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-FNCBV issostni li l-multa imposta fuqha skond is-sentenza appellata tikkorrispondi għal kważi 20 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha skond l-irċevuti.


13 – Ara l-punt 324 tas-sentenza appellata.


14 – Ara l-punt 320 tas-sentenza appellata.


15 – Ara l-punt 321 tas-sentenza appellata.


16 – Ara l-punt 322 tas-sentenza appellata.


17 – Ara l-punt 323 tas-sentenza appellata.


18 – Ara CB u Europay vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 136; SPO et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 385; u Finnboard vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 270.


19 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 66.


20 – Ara l-kawżi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.


21 – Ara SPO et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 385, ara f’dan is-sens is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni (T‑213/95 u T‑18/96, Ġabra p. II‑1739, punt 252).


22 – Ara l-kawżi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.


23 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


24 – Ara l-kawżi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.


25 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża T-339/94 Finnboard vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 270.


26 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża Finnboard vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 270.


27 – Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007 (C‑76/06 P Ġabra p. I‑4405, punt 22)


28Ibid, punt 24.


29 – Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007 (C‑280/06, Ġabra p. I-10893, punti 38 sa 42). Din il-kawża ma kinitx ibbażata fuq l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 iżda fuq l-Artikolu 81 KE u kienet tikkonċerna l-identifikazzjoni ta’ l-entità li tista’ tiġi ppenalizzata għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar.


30 – Ara l-punt 319 tas-sentenza appellata.


31 – Ara l-punti 36 u 37 iktar ’il fuq rispettivament.


32 – Ara l-punt 36 iktar ’il fuq u ara, inter alia, il-punti 319, 321 u 323 tas-sentenza appellata.


33 – Ara l-argument tal-FNSEA, tal-FNB, tal-FNPL u tal-JA fil-punt 36 iktar ’il fuq.


34– Dan ir-rekwiżiti jidher eċċessiv u jista’ jkun diffiċli jekk mhux impossibbli li jiġi sodisfatt fil-każ, per eżempju, ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi b’iktar minn numru moderat ta’ membri.


35 – Fil-fehma tiegħi, il-kriterji identifikati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 319 et seq tas-sentenza appellata huma intiżi li jistabbilixxu l-influwenza ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-suq iktar milli jaċċertaw jekk huma fil-fatt eżerċitawx dik l-influwenza b’mod sħiħ.


36 – Ara l-punt 112 et seq. tas-sentenza appellata .


37 – Ara l-punt 38 iktar ’il fuq.


38 – Ara l-punt 35 iktar ’l fuq.


39 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


40 –      Ara l-punti 340 sa 344 tas-sentenza appellata.


41 – Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.


42 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs L-UASI (C‑37/03 P, Ġabra I‑7975, punti 43 u 53)


43 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 37), u s-sentenza tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni (C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 54).


44 – Ara l-punt 79 iktar ’il fuq.


45 – Ara l-punt 40 tas-sentenza appellata.


46 – Il-FNCBV issostni li d-dokumentazzjoni in kwistjoni ma tistax tiġi identifikata mis-sentenza appellata. Nikkunsidra li d-dokumentazzjoni in kwistjoni tista’ tiġi identifikata u sar riferiment għaliha mill-Kummissjoni fil-punt 93 tad-deċiżjoni kkontestata. Id-dokumentazzjoni li fuqha qagħdet il-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala anness għad-difiża tagħha fil-kawża T‑245/03 u sar riferiment għaliha mill-Kummissjoni fil-punt 76 tad-difiża tagħha f’dik il-kawża.


47 – Ara l-punt 289 tas-sentenza appellata.


48 – Ara l-punt 294 tas-sentenza appellata.


49 – Ara l-punt 61 iktar ’il fuq.


50 – Ara l-punt 89 iktar ’il fuq.