Language of document : ECLI:EU:C:2007:600

Kawża C-443/06

Erika Waltraud Ilse Hollmann

vs

Fazenda Pública

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula

mis-Supremo Tribunal Administrativo)

“Tassazzjoni diretta – Tassazzjoni ta’ qligħ kapitali minn proprjetà immobbli – Moviment liberu tal-kapital – Bażi ta’ stima – Diskriminazzjoni – Koerenza tas-sistema fiskali”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Ottubru 2007……………………………………………………… ?I ‑ 0000

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti

(Artikolu 234 KE)

2.        Dritt Komunitarju – Prinċipji – Trattament ugwali – Diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza

(Artikoli 7 u 56 KE)

3.        Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali

(Artikolu 56 KE)

1.        Anki jekk mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skond l-Artikolu 234 KE, fuq il-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, peress li l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli hija d-dmir tal-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha madankollu ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lil dawn il-qrati l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju u li jippermettulhom jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

(ara l-punt 18)

2.        L-Artikolu 12 KE huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitarju li fir-rigward tagħhom it-Trattat KE ma jipprovdix regoli speċifiċi kontra d-diskriminazzjoni. Issa, it-Trattat jipprovdi, b’mod partikolari fl-Artikolu 56 KE, regola speċifika kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam rilevanti tal-libertà ta’ moviment tal-kapital.

(ara l-punti 28-29)

3.        L-Artikolu 56 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi li leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’dan l-Istat Membru, fejn dan it-trasferiment isir minn persuna residenti fi Stat Membru ieħor, għal piż fiskali akbar minn dak li jkun applikat għal din l-istess tip ta’ tranżazzjoni fuq il-qligħ kapitali magħmul minn persuna residenti fl-Istat li fih tinsab din il-proprjetà immobbli.

Tali leġiżlazzjoni tammonta għal restrizzjoni għall-moviment tal-kapital projbita fl-Artikolu 56 KE safejn tagħmel anqas attraenti t-trasferiment ta’ kapital għall-persuni li mhumiex residenti billi tiskoraġġihom milli jagħmlu investimenti fi proprjetà immobbli fl-Istat Membru kkonċernat u, b’hekk, tranżazzjonijiet relatati ma’ dawn l-investimenti bħall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli.

Peress li t-tassazzjoni in kwistjoni tikkonċerna kategorija waħda biss ta’ dħul tal-persuni taxxabbli, irrispettivament minn jekk humiex residenti jew le, it-tieni nett, peress li din it-tassazzjoni tikkonċerna ż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli u peress li l-Istat Membru fejn joriġina d-dħul taxxabbli huwa dejjem l-Istat Membru kkonċernat, oġġettivament ma teżisti ebda differenza fis-sitwazzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli ta’ natura tali li tiġġustifika trattament fiskali inugwali għal dak li jikkonċerna t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali.

(ara l-punti 39-40, 50, 53-54, 61 u d-dispożittiv)