Language of document : ECLI:EU:C:2012:604

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Kumpens għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu — Kunċett ta’ ‛li ma jitħallewx jitilgħu’ — Esklużjoni tal-klassifikazzjoni ta’ ‛li ma jitħallewx jitilgħu’ — Kanċellazzjoni ta’ titjira minħabba strajk fl-ajruport tat-tluq — Riorganizzazzjoni tat-titjiriet wara t-titjira kkanċellata — Dritt għal kumpens tal-passiġġieri ta’ dawn it-titjiriet”

Fil-Kawża C‑22/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

Finnair Oyj

vs

Timy Lassooy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, E. Juhász, T. von Danwitz u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Finnair Oyj, minn T. Väätäinen, asianajaja,

–        għal T. Lassooy, minn M. Wilska, kuluttaja-asiamies, u P. Hannula kif ukoll minn J. Suurla, lakimiehet,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u M. Perrot, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Koskinen u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(j), 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija tal-ajru Finnair OYJ (iktar ’il-quddiem “Finnair”) u T. Lassooy wara li din tal-aħħar irrifjutat li tikkumpensa lil T. Lassooy talli ma tħalliex jitla’ fuq it-titjira minn Barcelona (Spanja) lejn Helsinki (il-Finlandja), fit-30 ta’ Lulju 2006.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru. 295/91

3        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 295/91, tal-4 ta’ Frar 1991, li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306), li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2005, fl-Artikolu 1 tiegħu jipprovdi:

“Dan ir-regolament jistabbilixxi regoli minimi komuni applikabbli meta passiġġieri jiġu miċħuda aċċess għal titjira skedata li tkun overbooked li għaliha jkollhom biljett validu u riserva konfermata dwar tluq minn ajruport sitwat fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat [KE], irrispettivament mill-Istat fejn it-trasportatur ta’ l-ajru ikun qiegħed [stabbilit], [m]in-nazzjonalità tal-passiġġier u [mil]l-punt ta’ destinazzjoni”

 Ir-Regolament Nru 261/2004

4        Il-premessi 1, 3, 4, 9, 10, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(3)      Filwaqt li r-[Regolament Nru 95/91] ħoloq protezzjoni bażika għal passiġġieri, in-numru ta’ passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom tibqa’ għolja wisq, bħalma tibqa’ dik affettwata minn kanċellazzjonijiet mingħajr notifika minn qabel u dik affettwata minn dewmien twal.

(4)      Il-Komunitá għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.

[…]

(9)      In-numru ta’ passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom għandu jiġi mnaqqas billi l-trasportaturi ta’ l-ajru jiġu meħtieġa jsejħu volontarji biex jħallu r-reżervazzjonijiet tagħhom, bi skambju għal vantaġġi, minflok illi ma jħallux lill-passiġġieri jitilgħu, u billi jikkompensaw b’mod sħiħ dawk li fl-aħħar ma tħallewx jitilgħu.

(10)      Passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom għandhom jitħallew jew jikkanċellaw it-titjiriet tagħhom, b’rimbors tal-biljetti tagħhom, jew ikompluhom taħt kondizzjonijiet sodisfaċjenti, u ħsieb xieraq tagħhom għandu jiġi meħud filwaqt li qed jistennew titjira li ser isseħħ aktar tard.

[…]

(14)      Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15)      Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

5        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004 intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

j)      ‛il-fatt li persuna ma tħallietx titla’ ifisser tiċħid għat-trasport ta’ passiġġieri fuq titjira, minkejja li ppreżentaw lilhom infushom biex jitilgħu taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2), ħlief għal fejn hemm raġunijiet raġonevoli biex ma jitħallewx jitilgħu, bħal raġunijiet ta’ saħħa, sigurezza u sigurtá, jew dokumentazzjoni ta’ l-ivjaġġar mhux xierqa;

[…]”.

6        L-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, artikolu intitolat “Skop [kamp ta’ applikazzjoni]”, jipprovdi:

“2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika fuq il-kondizzjoni li l-passiġġieri:

a)      għandhom reżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira in kwistjoni u. ħlife fil-każ ta’ kanċellazzjoni msejħa fl-Artikolu 5, jippreżentaw lilhom infushom għal check-in,

–        kif stabbilit u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi) mil-trasportatur ta’ l-ajru, l-operatur tat-tourjew l-aġent tal-vjaġġ awtorizzat,

jew, jekk l-ebda ħin hu indikat,

–        mhux aktar tard minn 45-il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat; jew

[…]”.

7        L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu”, jipprovdi:

“1.      Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li ma jħallix passiġġieri jitilgħu fuq titjira, għandu l-ewwel jagħmel sejħa għal voluntiera biex iħallu r-reżervazzjonijiet tagġhom bi skambju għal vantaġġi taħt kondizzjonijiet li għandhom jinftehmu bejn il-passiġġier in kwistjoni u l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera. Voluntiera għandhom jiġu mogħtija għajnuna skond l-Artikolu 8, din l-assistenza hi addizzjonali għall-vantaġġi msemmijin f’dan il-paragrafu.

2.      Jekk ikun hemm numru mhux suffiċjenti ta’ voluntiera biex il-numru ta’ passiġġieri b’reżervazzjonijiet li jibqa’ ikunu jistgħu jitilgħu fuq it-titjira, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ imbagħad ma jħallix jitilgħu passiġġieri kontra l-volontá tagħhom.

3.      Jekk passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħtihom kumpens minnufih skond l-Artikolu 7 u jassistihom skond l-Artikoli 8 u 9.”

8        L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, artikolu intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprovdi:

“Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin”.

9        L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, artikolu intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

[…]

b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

[…]”.

10      L-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmi regolament, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu, jipprevedu dritt għar-rimbors jew għal rotta differenti kif ukoll għad-dritt li jittieħed ħsieb tal-passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu.

11      L-Artikolu 13 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għal rimedju”, jipprovdi:

“F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Wara strajk tal-persunal tal-ajruport ta’ Barcelona fit-28 ta’ Lulju 2006, it-titjira regolari bejn Barcelona u Ħelsinki tal-11.40 ta’ filgħodu magħmula minn Finnair kellha tiġi kkanċellata. Wara l-kanċellazzjoni tat-titjira Finnair iddeċidiet li tirriorganizza t-titjiriet tagħha sabiex il-passiġġieri ta’ din it-titjira ma jkollhomx jistennew għal żmien twil wisq.

13      Għaldaqstant, il-passiġġieri tal-imsemmija titjira ttieħdu lejn Ħelsinki (il-Finlandja) permezz tat-titjira tal-għada, 29 ta’ Lulju 2006, tal-11.40 ta’ filgħodu, kif ukoll permezz ta’ titjira charter tad-9.40 ta’ filgħaxija tal-istess jum. Din ir-riorganizzazjoni kellha l-konsegwenza li parti mill-passiġġiera li kienu xtraw il-biljett tagħhom għat-titjira tad-29 ta’ Lulju 2006 tal-11.40 ta’ filgħodu kellhom jistennew sat-30 ta’ Lulju 2006 biex jaslu f’Ħelsinki permezz tat-titjira regolari tal-11.40 ta’ filgħodu u permezz tat-titjira tad-9.40 ta’ filgħaxija li kienet ġiet chartered apposta għal dan il-għan. Bl-istess mod, ċerti passiġġieri, bħal T. Lassooy, li kienu xtraw il-biljett tagħhom għat-titjira tat-30 ta’ Lulju 2006 tal-11.40 ta’ filgħodu u li kienu ppreżentaw ruħhom biex jitilgħu kif suppost, waslu f’Ħelsinki permezz tat-titjira speċjali tad-9.40 ta’ filgħaxija tal-istess jum.

14      Peress li T. Lassooy deherlu li Finnair, mingħajr raġuni valida, ma kinitx ħallietu jitla’, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004, huwa ppreżenta rikors quddiem il-Helsingin käräjäoikeus (il-qorti tal-prim’ istanza ta’ Ħelsinki) li kien intiż biex Finnair tiġi kkundannata tħallsu l-kumpens previst fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008, il-Helsingin käräjäoikeus ċaħdet it-talba għal kumpens immressqa minn T. Lassooy peress li qieset li l-imsemmi regolament jikkontempla biss il-kumpens lill-passiġġieri li ma jkunux tħallew jitilgħu minħabba li jkunu saru riżervazzjonijiet żejda ta’ postijiet għal raġunijiet ekonomiċi. Din il-qorti ddeċidiet li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004 ma kienx japplika fil-każ ineżami sa fejn il-kumpannija tal-ajru kienet irriorganizzat it-titjiriet tagħha wara li kien hemm strajk fl-ajruport ta’ Barcelona, peress li dan l-istrajk jikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja li fir-rigward tagħha Finnair kienet ħadet il-miżuri kollha li setgħu jiġu mistennija minnha.

15      Permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Awwissu 2009, il-Helsingin hovioikeus (qorti tal-appell ta’ Helsinki) annullat is-sentenza tal-Helsingin käräjäoikeus u kkundannat lill-Finnair tħallas lil T. Lassooy is-somma ta’ EUR 400. F’dan ir-rigward, il-qorti tal-appell ikkunsidrat li r-Regolament Nru 261/2004 ma japplikax biss għal każijiet fejn isiru riżervazzjonijiet żejda iżda wkoll għal ċerti każijiet fejn passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu għal raġunijiet operattivi, u għalhekk jeskludi li t-trasportatur tal-ajru jista’ jiġi eżentat mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu abbażi ta’ raġunijiet marbuta ma strajk.

16      Fil-kuntest tal-appell li Finnair ippreżentat quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema), din il-qorti esponiet id-dubji tagħha dwar il-portata tal-obbligu ta’ kumpens tal-passiġġieri “li ma jitħallewx jitilgħu”, kif previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004, dwar ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-fatt li passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu”, fis-sens tal-Artikolu 2(j) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll dwar il-possibbiltà li trasportatur tal-ajru jinvoka ċ-ċirkustanzi straordinarji previsti fl-Artikolu 5(3) tal-istess regolament, fir-rigward ta’ titjiriet li jiġu wara t-titjira li ġiet ikkannċellata minħabba tali ċirkustanzi.

17      Huwa f’dan il-kuntest li l-Korkein oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) Ir-Regolament Nru 261/2004 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 4 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu hija limitata biss għall-każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira minħabba li l-kumpannija tal-ajru ħadet riżervazzjonijiet żejda għal raġunijiet ekonomiċi, jew jista’ jiġi applikat ukoll f’każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira minħabba raġunijiet oħra, bħal raġunijiet operattivi?

2)      L-Artikolu 2(j) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġunijiet ammissibbli stabbiliti fih huma llimitati biss għall-fatturi li jirrigwardaw lill-passiġġieri, jew każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira jistgħu jitqiesu bħala ġġustifikati għal raġunijiet oħra? Jekk ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira jistgħu jkunu validament iġġustifikati minn raġunijiet barra dawk li jirrigwardaw lill-passiġġieri, għandu jiġi kkunsidrat li l-każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira jistgħu jkunu ġġustifikati wkoll minn ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali [straordinarji] fis-sens tal-premessi 14 u 15 tar-regolament?

3)      [Ir-Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasportatur tal-ajru jista’ jkun eżentat minn responsabbiltà taħt l-Artikolu 5(3) mhux biss fir-rigward ta’ titjira li huwa kkanċella minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali [straordinarji], iżda wkoll fir-rigward tal-passiġġieri fuq titjiriet sussegwenti, meta jipprova jqassam l-effetti negattivi kkawżati minn ċirkustanzi eċċezzjonali li ltaqgħa magħhom, bħal pereżempju strajk, fost il-membri ta’ grupp usa ta’ passiġġieri minn dik tal-passiġġieri tat-titjira kkanċellata billi jippjana mill-ġdid it-titjiriet sussegwenti, sabiex l-ebda passiġġier ma jkun suġġett għal dewmien mhux raġjonevoli? Fi kliem ieħor, it-trasportatur tal-ajru jista’ jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali anki fir-rigward ta’ passiġġier fuq titjira sussegwenti li l-vjaġġ tagħha ma kienx direttament affettwat minn dawn iċ-ċirkustanzi? F’dan ir-rigward, teżisti differenza sinjifikattiva skont jekk l-istatus tal-passiġġier u d-dritt għal kumpens jiġux evalwati fid-dawl tal-Artikolu 4 tar-regolament, dwar il-passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu fuq it-titjira, jew mal-Artikolu 5 tiegħu, dwar il-kanċellazzjoni ta’ titjira?”.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

18      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “li ma jitħallewx jitilgħu” fis-sens tal-Artikoli 2(j) u 4 tar-Regolament Nru 261/2004, għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda biss dawk il-każijiet fejn passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu minħabba riżervazzjonijiet żejda jew inkella jekk japplikax ukoll għal każijiet fejn passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu minħabba raġunijiet oħra, bħal raġunijiet operattivi.

19      Għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “li ma jitħallewx jitilgħu”, ma jorbotx tali rifjut ta’ tlugħ ma sitwazzjoni ta’ “riżervazzjonijiet żejda” fuq it-titjira kkonċernata, maħluqa mit-trasportatur tal-ajru inkwistjoni għal raġunijiet ekonomiċi.

20      Fir-rigward tal-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni u tal-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li minnha din tifforma parti, kemm mill-premessi 3, 4, 9 u 10 tar-Regolament Nru 261/2004, kif ukoll mix-xogħol preparatorju għalih, u b’mod partikolari mill-proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam ta’ kumpens tal-passiġġieri tal-ajru u ta’ assistenza fil-każijiet li ma jitħallewx jitilgħu fuq titjira jew fejn it-titjira tiġi kkanċellata jew tkun suġġetta għall-dewmien kunsiderevoli, ippreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-21 ta’ Diċembru 2001 [COM(2001) 784 finali], jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, inaqqas in-numru ta’ passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontà tagħhom, li dak iż-żmien kien għoli ħafna, billi jimla l-lakuni tar-Regolament Nru 295/91, li kien limitat li jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, regoli minimi komuni applikabbli għall-passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu fuq titjira regolari li fir-rigward tagħha saru riżervazzjonijiet żejda.

21      Huwa f’dan il-kuntest li l-imsemmi leġiżlatur, permezz tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, neħħa mid-definizzjoni ta’ “li ma jitħallewx jitilgħu” kull riferiment għall-kawża li għaliha trasportatur jirrifjuta li jittrasporta passiġġier.

22      Billi għamel dan, il-leġiżlatur tal-Unjoni wessa’ l-portata tal-imsemmija definizzjoni lil hinn mis-sempliċi ċirkustanza li passiġġier ma jitħalliex jitla’ minħabba riżervazzjonijiet żejda, li kienet preċedentement prevista fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 295/91, u tagħha sens usa li jkopri l-każijiet kollha fejn trasportatur tal-ajru jirrifjuta li jittrasporta passiġġier.

23      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-konstatazzjoni li tgħid li jekk il-portata tal-kunċett ta’ “li ma jitħallewx jitilgħu” tiġi llimitata biss għal dawk il-każijiet fejn ikun hemm riżervazzjonijiet żejda, dan ikollu, fil-prattika, bħala effett li l-protezzjoni mogħtija lill-passiġġieri abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 tonqos b’mod kunsiderevoli u għaldaqstant dan ikun imur kontra l-għan tal-istess regolament, espost fil-premessa 1 tiegħu, li huwa dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, fatt li jiġġustifika li d-drittijiet mogħtija minnu jiġu interpretati b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 69, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, Ġabra p. I‑11061, punt 18).

24      Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk jiġi aċċettat li huma biss il-każijiet fejn ikun hemm riżervazzjonijiet żejda li huma koperti mill-kunċett ta’ “li ma jitħallewx jitilgħu”, dan ikollu bħala konsegwenza li tiġi eskluża kull protezzjoni fir-rigward ta’ passiġġieri li, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, isibu ruħhom f’sitwazzjoni li, l-istess bħal fil-każ ta’ riżervazzjonijiet żejda għal raġunijiet ekonomiċi, ma hijix imputabbli lilhom, billi jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jinvokaw l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004, fejn l-Artikolu 4(3) jagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw kemm id-drittijiet għal kumpens, għal rimbors jew għal rotta differenti kif ukoll dawk li jimponu fuq il-kumpannija tal-ajru l-obbligu li tieħu ħsieb il-passiġġieri, kif previsti fl-Artikoli 7 sa 9 tal-istess regolament.

25      B’konsegwenza ta’ dan, il-fatt li trasportatur tal-ajru ma jħallix jitla’ passiġġier li ppreżenta ruħu għat-tlugħ skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2610/2004 minħabba riorganizzazzjoni tat-titjiret charter organizzati minn dan it-trasportatur għandu jiġi kklassifikat bħala kopert mill-kunċett ta’ “li ma jitħallewx jitilgħu” fis-sens tal-Artikolu 2(j) ta’ dan ir-regolament.

26      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “li ma jitħallewx jitilgħu”, fis-sens tal-Artikoli 2(j) u 4 tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi interpretat fis sens li ma jikkonċernax biss il-każijiet fejn passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu minħabba li jkunu saru riżervazzjonijiet żejda iżda wkoll il-każijiet fejn passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu għal raġunijiet oħra, bħal raġunijiet operattivi.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

27      Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-fatt li jseħħu “ċirkustanzi straordinarji”, li jwasslu sabiex trasportatur tal-ajru jirriorganizza titjiret wara li jseħħu dawn iċ-ċirkustanzi, huwiex tali li jiġġustifika li passiġġier ma jitħalliex jitla’ fuq waħda minn dawn it-titjiriet sussegwenti u li jeżenta lil dan it-trasportatur mill-obbligu ta’ kumpens li huwa għandu, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004, fil-konfront tal-passiġġier li huwa ma ħalliex jitla’ fuq waħda minn dawn it-titjiriet charter organizzati wara li seħħew l-imsemmija ċirkustanzi.

28      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-klassifikazzjoni ta’ “li ma jitħallewx jitilgħu“, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, tistax titwarrab biss għal raġunijiet marbuta mal-passiġġieri bħala tali jew jekk raġunijiet mhux relatati magħhom u, b’mod partikolari, li jikkonċernaw ir-riorganizzazjoni tat-titjiriet tagħhom minn trasportatur wara li jseħħu “ċirkustanzi straordinarji” li affettwawh jistgħux ukoll jostakolaw tali klassifikazzjoni.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan l-Artikolu 2(j) jeskludi l-klassifikazzjoni ta’ “li ma jitħallewx jitilgħu” għal żewġ serje ta’ raġunijiet. L-ewwel serje tirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-passiġġier li ppreżenta ruħu għat-tlugħ, tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament. It-tieni serje hija marbuta ma każijiet fejn il-fatt li passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu huwa raġonevolment iġġustifikat “bħal raġunijiet ta’ saħħa, sigurezza u sigurtá, jew dokumentazzjoni ta’ l-ivjaġġar mhux xierqa”.

30      L-ewwel serje ta’ raġunijiet ma tikkonċernax il-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fir-rigward tat-tieni serje ta’ raġunijiet, għandu jiġi osservat li ebda waħda mir-raġunijiet espliċitament imsemmija fl-imsemmi Artikolu 2(j) ma hija rilevanti fil-kawża prinċipali. Issa, billi uża l-avverbju “bħal”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ każijiet fejn il-fatt li passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu jista’ jkun raġonevolment iġġustifikat.

31      Għaldaqstant, minn tali formulazzjoni ma jistax jiġi dedott li każijiet fejn passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu għal raġuni operattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kkunsidrati bħala raġonevolment ġustifikati.

32      Fil-fatt, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija paragunabbli għal każ fejn passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu minħabba riżervazzjonijiet żejda “inizjali”, peress li t-trasportatur tal-ajru kien assenja mill-ġdid il-post tar-rikorrenti sabiex jittrasporta passiġġieri oħra, u li għalhekk għamel huwa nnifsu l-għażla bejn diversi passiġġieri li kellhom jiġu ttrasportati.

33      Għalkemm huwa ċertament minnu li l-assenjazzjoni mill-ġdid saret sabiex jiġi evitat li l-passiġġieri kkonċernati minn titjiriet annullati minħabba ċirkustanzi straordinarji ma jkunux suġġetti għal ħin ta’ stennija twil wisq. Madankollu, l-imsemmija raġuni ma hijiex paragunabbli għal dawk espliċitament imsemmija fl-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, peress li din ir-raġuni bl-ebda mod ma hija imputabbli lill-passiġġier li ma tħalliex jitla’.

34      Ma jistax jiġi aċċettat li trasportatur tal-ajru jista’, billi jinvoka l-interess ta’ passiġġieri oħra li jiġu ttrasportati f’terminu raġonevoli, jestendi b’mod kunsiderevoli l-każijiet fejn huwa għandu d-dritt li jirrifjuta b’mod iġġustiffikat it-tlugħ ta’ passiġġier. Dan neċessarjament ikollu bħala konsegwenza li tali passiġġier jiġi mċaħħad minn kull protezzjoni, u dan imur kontra l-għan tar-Regolament Nru 261/2004 li huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-drittijiet rikonoxxuti lill-dawn tal-aħħar.

35      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-possibbiltà li trasportatur tal-ajru jeżenta ruħu mill-obbligu ta’ kumpens li huwa għandu fil-każ li passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu”, previst fl-Artikoli 4(3) u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, minħabba li dan ir-rifjut ikun dovut għar-riorganizzazjoni tat-titjiriet ta’ dan it-trasportatur wara li jseħħu “ċirkustanzi straordinarji”.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bil-kontra tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, l-Artikoli 2(j) u 4 tiegħu ma jipprovdux li, fil-każ fejn passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” minħabba “ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, trasportatur tal-ajru huwa eżentat mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontà tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex li l-imsemmi kumpens jista’ jitwarrab għal raġunijiet marbuta mas-seħħ ta’ “ċirkustanzi straordinarji”.

37      Barra minn hekk, mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li ċ-“ċirkustanzi straordinarji” jistgħu jikkonċernaw biss “inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari”, li ma huwiex il-każ fil-każ fejn passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu minħabba riorganizzazzjoni tat-titjiriet wara li tali ċirkustanzi affettwaw titjira preċedenti. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” huwa intiż sabiex l-obbligi tat-trasportatur tal-ajru jiġu limitati, jekk mhux saħansitra sabiex dan jiġi eżentat minnhom, meta l-ġrajja inkwistjoni ma setgħetx tiġi evitatà anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli. Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk tali trasportatur ikun obbligat li jannulla titjira prevista fil-ġurnata ta’ strajk tal-persunal ta’ ajruport u wara jiddeċiedi li jirriorganizza t-titjiriet sussegwenti tiegħu, dan it-trasportatur bl-ebda mod ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala li kien imġiegħel mill-imsemmi strajk sabiex ma jħallix jitla’ passiġġier li ppreżenta ruħu regolarment għat-tlugħ jumejn wara l-kanċellazzjoni tal-imsemmija titjira.

38      Għalhekk, fid-dawl tal-ħtieġa li l-eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri jiġu interpretati b’mod strett, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wallentin-Hermann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma hemmx lok li jiġi aċċettat li t-trasportatur tal-ajru jista’ jeżenta ruħu mill-obbligu ta’ kumpens fil-każ li passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” minħabba li dan ir-rifjut joriġina mir-riorganizzazjoni tat-titjiriet ta’ dan it-trasportatur wara “ċirkustanzi straordinarji”.

39      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligi mħallsa mit-trasportaturi tal-ajru skont ir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għad-dritt ta’ dawn tal-aħħar li jitolbu kumpens mingħand kull persuna li kienet responsabbli għall fatt li passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu”, inkluż kontra terzi, kif jipprovdi l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Tali kumpens jista’ għalhekk itaffi jekk mhux saħansitra jxejjen l-oneru finanzjarju sostnut minn dawn it-trasportaturi minħabba dawn l-obbligi (sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90).

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikoli 2(j) u 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li jseħħu “ċirkustanzi straordinarji” li jwasslu sabiex trasportatur tal-ajru jirriorganizza titjiriet wara li jkunu seħħew dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex tali li jiġġustifika li passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” fuq l-imsemmija titjiriet sussegwenti u lanqas ma jeżenta lil dan it-trasportatur mill-obbligu ta’ kumpens li huwa għandu, skont l-Artikolu 4(3) tal-istess regolament, fil-konfront tal-passiġġier li ma tħalliex jitla’ fuq waħda minn dawn it-titjiriet charter wara li seħħew l-imsemmija ċirkustanzi.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “li ma jitħallewx jitilgħu”, fis-sens tal-Artikoli 2(j) u 4 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis sens li ma jikkonċernax biss il-każijiet fejn passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu minħabba li jkunu saru riżervazzjonijiet żejda iżda wkoll il-każijiet fejn passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu għal raġunijiet oħra, bħal raġunijiet operattivi.

2)      L-Artikoli 2(j) u 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li jseħħu “ċirkustanzi straordinarji” li jwasslu sabiex trasportatur tal-ajru jirriorganizza titjiriet wara li jkunu seħħew dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex tali li jiġġustifika li passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” fuq l-imsemmija titjiriet sussegwenti u lanqas ma jeżenta lil dan it-trasportatur mill-obbligu ta’ kumpens li huwa għandu, skont l-Artikolu 4(3) tal-istess regolament, fil-konfront tal-passiġġier li ma tħalliex jitla’ fuq waħda minn dawn it-titjiriet charter wara li seħħew l-imsemmija ċirkustanzi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.