Language of document : ECLI:EU:C:2012:16

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Jannar 2012 (*)

“Drittijiet tal-awtur — Soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 2001/29/KE — Artikolu 5(1) u (5) — Xogħlijiet letterarji u artistiċi — Riproduzzjoni ta’ siltiet qosra minn xogħlijiet letterarji — Artikli tal-istampa — Riproduzzjonijiet temporanji u tranżitorji — Proċess teknoloġiku li jikkonsisti fl-iskanjar diġitali ta’ artikli segwit minn konverżjoni f’fajl ta’ test, mill-ipproċessar elettroniku tar-riproduzzjoni, mill-ħażna ta’ parti minn din ir-riproduzzjoni — Atti ta’ riproduzzjoni temporanji li jikkostitwixxu parti integrali u essenzjali ta’ tali proċess teknoloġiku — Għan ta’ dawn l-atti li jikkonsisti f’użu legali ta’ xogħol jew suġġett protett — Sinjifikat ekonomiku indipendenti tal-imsemmija atti”

Fil-Kawża C‑302/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Højesteret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ġunju 2010, fil‑proċedura

Infopaq International A/S

vs

Danske Dagblades Forening,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Infopaq International A/S, minn A. Jensen, avukat,

–        għad-Danske Dagblades Forening, minn M. Dahl Pedersen, avukat,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(1) u (5) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Infopaq International A/S (iktar ’il quddiem “Infopaq”) u Danske Dagblades Forening (iktar ’il quddiem id-“DDF”) dwar ir-rifjut tat-talba tagħha intiża li jiġi rrikonoxxut li hija ma kinitx marbuta tikseb il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur għall-atti ta’ riproduzzjoni ta’ artikli tal-istampa permezz ta’ proċess awtomatiku li jikkonsisti fl-iskanjar diġitali u t-tibdil tagħhom f’fajl diġitali segwit mill-ipproċessar elettroniku ta’ dan il-fajl.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2001/29, fil-premessi 4, 9, 11, 21, 22, 31 u 33 tagħha, tipprovdi li:

“(4)      Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network [...].

[...]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. [...]

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom [...]

(11)      Sistema rigoruż effettiv għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati hija waħda mill-metodi li tiżgura li l-kreattività u produzzjoni kulturali Ewropea jirċievu r-riżorsi meħtieġa u li jissalvagwardjaw l‑indipendenza u d-dinjità ta’ oriġinaturi u artisti kreattivi. .

[...]

(21)      Din id-Direttiva għandha tiddefinixxi l-iskop ta’ l-atti regolati mid-dritt ta’ riproduzzjoni rigward il-benefiċjarji differenti. Dan għandu jsir b’konformità ma’ l-acquis communautaire. Tifsira wiesgħa ta’ dawn l-atti hija meħtieġa biex tisgura ċertezza legali ġewwa s-suq intern.

(22)      L-għan ta’ appoġġ xieraq biex tinfirex il-kultura m’għandux jintlaħaq billi jissagrifikaw il-protezzjoni stretta tad-drittijiet jew billi jittolleraw forom illegali ta’ distribuzzjoni ta’ xogħolijiet falsifikati jew ikkupjati jew imxandra illegalment.

      [...]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. [...]

      [...]

(33)      Id-dritt esklussiv ta’ riproduzzjoni għandu jkun bla ħsara għal eċċezzjoni biex tippermetti ċerti atti ta’ riproduzzjoni temporanja, li huma riproduzzjonijiet temporanji jew inċidentali, li jagħmlu parti integrali u essenzali mill-proċess teknoloġiku u mwettaq għal fini unika li tippermetti jew trasmissjoni effiċjenti f’network bejn partijiet terzi permezz ta’ intermedjarju, jew użu legali ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir. L-atti ta’ riproduzzjoni relatati m’għandu jkollhom l-ebda valur ekonomiku separat għalihom waħedhom. Sa fejn dawn jissodisfaw dawn il-kondizzjonijiet, din l-eċċezzjoni għandha tinkludi atti li bihom jista’ jsir browsing kif ukoll atti ta’ ħażna, inklużi dawk li bihom jagħmluha possibbli għal sistemi ta’ trasmissjoni li jiffunzjonaw b’mod effiċjenti, kemm-il darba li l-intermedjarju ma jimmodifikax l-informazzjoni u ma jfixkilx l-użu legali tat-teknoloġija, rikonoxxuta b’mod wiesgħa u użata mill-industrija, biex jikseb data dwar l-użu ta’ l-informazzjoni. Użu għandu jiġi kkunsidrat legali fejn ikun awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet jew ma jkunx ristrett bil-liġi.”

4        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/29 jipprevedi:

“Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, mingħajr enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni.”

5        Skont l-Artikolu 2(a), ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom [...]”

6        L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprovdi:

“1.      Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

a)      trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

b)      użu legali

ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2.

[...]

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[...]

(ċ)       riproduzzjoni mill-istampa, komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmlu disponibbli artikli publikati dwar temi kurrenti ekonomiċi, politiċi jew reliġjużi jew ta’ xogħolijiet imxandra jew suġġett ieħor ta’ l-istess tip, fil-każi fejn dan l‑użu ma jkunx riservat espliċitament, u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l‑awtur, ikun indikat, jew l-użu tax-xogħolijiet jew suġġett ieħor rigward konness mar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli;

d)       kwotazzjonijiet għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni, kemm-il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew suġġett ieħor li kien diġà sar disponibbli legalment għall-pubbliku, li, sakemm ma jkunx sar impossibbli, is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, u li l-użu tagħhom huwa skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill-iskop speċifiku;

[...]

5.      L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

 Id-dritt nazzjonali

7        L-Artikoli 2 u 5(1) tad-Direttiva 2001/29 ġew trasposti fl-ordinament ġuridiku Daniż bl-Artikoli 2 u 11a(1) tal-Liġi Nru 395 dwar id-drittijiet tal-awtur (lov Nru 395 om ophavsret), tal-14 ta’ Ġunju 1995 (Lovtidende 1995 A, p. 1796), kif emendata u kkodifikata, b’mod partikolari, bil-Liġi Nru 1051 (lov Nru 1051), tas-17 ta’ Diċembru 2002 (Lovtidende 2002 A, p. 7881).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Infopaq teżerċita attivitajiet fil-qasam tal-osservazzjoni u tal-analiżi tal‑istampa li jinkludu, essenzjalment, it-tħejjija ta’ sunti ta’ artikli magħżula mill‑istampa ta’ kuljum Daniża u minn diversi rivisti. Din l-għażla tal-artikli ssir permezz ta’ temi magħżula mill-klijenti u titwettaq permezz ta’ proċess imsejjaħ “kisba tad-data”. Is-sunti jintbagħtu lill-klijenti bil-posta elettronika.

9        Id-DDF hija assoċjazzjoni ta’ professjonisti fis-settur tal-gazzetti ta’ kuljum Daniżi, li, b’mod partikolari, għandha l-għan li tgħin lill-membri tagħha fir‑rigward ta’ kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur.

10      Matul is-sena 2005, DDF ġiet informata li Infopaq kienet qiegħda tipproċessa, għal finijiet kummerċjali, artikli minn pubblikazzjonijiet mingħajr il‑kunsens tad‑detenturi tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn l-artikli. Billi qieset li tali kunsens kien neċessarju għall-ipproċessar tal-artikli bil-proċess inkwistjoni, id‑DDF informat lil Infopaq bil-pożizzjoni tagħha.

11      Il-proċess ta’ kisba tad-data jinkludi l-ħames fażijiet segwenti li jwasslu, skont DDF, għal erba’ atti ta’ riproduzzjoni ta’ artikli tal-istampa.

12      L-ewwel nett, il-pubblikazzjonijiet kkonċernati jiġu rreġistrati bl-idejn f’database elettronika minn kontributuri ta’ Infopaq.

13      It-tieni nett, isir skanjar diġitali ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet, wara li titneħħa l‑ispina tagħhom b’mod li jkun hemm paġni individwali. Il-parti tal‑pubblikazzjoni li għandha tiġi pproċessata tintagħżel fid-database qabel l‑inklużjoni tal-pubblikazzjoni fis-sistema tal-iskanjar diġitali (scanner). L‑operazzjoni tippermetti li jinħoloq fajl f’format TIFF (“Tagged Image File Format”) għal kull paġna ta’ pubblikazzjoni. Wara li tintemm din l-operazzjoni, il‑fajl TIFF jiġi ttrasferit fuq server OCR (“Optical Character Recognition”) (rikonoxximent ottiku tal-karattri).

14      It-tielet nett, l-imsemmi server OCR jikkonverti l-fajl TIFF f’data li tista’ tkun suġġetta għal ipproċessar diġitali. Matul dan il-proċess, ix-xbieha ta’ kull karattru tinbidel f’kodiċi diġitali li jindika lill-kompjuter it-tip tal-karattru. Pereżempju, ix‑xbieha tal-ittri “TDC” tinbidel f’informazzjoni li l-kompjuter jista’ jipproċessa bħala l-ittri “TDC” u jibdilhom f’test li jista’ jiġi rrikonoxxut mis-sistema tal‑kompjuter. Din id-data tinħażen bħala fajl ta’ test li jistgħu jinqraw minn kull proċessur ta’ kliem (iktar ’il quddiem it-“test tal-fajl”). Il-proċess OCR jintemm bit‑tħassir tal-fajl TIFF.

15      Ir-raba’ nett, il-fajl ta’ test jiġi analizzat sabiex issir riċerka għall-kliem gwida predefiniti. Kull darba, jinħoloq fajl li jindika t-titolu, it-taqsima u n-numru tal‑paġna tal-pubblikazzjoni fejn tidher il-kelma gwida kif ukoll il-valur, espress f’perċentwali minn 0 sa 100, sabiex tiġi indikata l-pożizzjoni ta’ din il-kelma gwida fit-test, u b’hekk jiġi ffaċilitat il-qari tal-artiklu. Biex tiġi ffaċilitata iktar ir‑referenza waqt il-qari tal-artiklu, mal-kelma gwida jkun hemm il-ħames kelmiet li jippreċeduha u l-ħames kelmiet li jsegwuha (iktar ’il quddiem is-“silta komposta minn ħdax-il kelma”). Il-proċess jintemm bit-tħassir tal-fajl tat‑test.

16      Il-ħames nett, il-proċess tal-kisba tad-data jintemm bl-istampar ta’ dokument ta’ referenza għal kull paġna tal-pubblikazzjoni fejn tidher il-kelma gwida. Id‑dokument ta’ referenza jista’ jkollu l-forma li ġejja:

“4 ta’ Novembru 2005 — Dagbladet Arbejderen, paġna 3:

TDC: 73 %, ‘bejgħ fil-qrib tal-grupp ta’ TDC, li huwa mistenni li ser jinxtara’”.

17      Infopaq ikkontestat li din l-attività teħtieġ il-kunsens tad-detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur u għalhekk ippreżentat rikors quddiem l-Østre Landsret kontra d-DDF, fejn talbet lil din il-qorti tiddikjara li d-DDF għandha tirrikonoxxi li Infopaq għandha dritt li tuża l-proċess imsemmi iktar ’il fuq, mingħajr il-kunsens ta’ din l‑assoċjazzjoni ta’ pubblikaturi jew tal-membri tagħha. Peress li l-Østre Landsret ċaħdet ir-rikors, Infopaq ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

18      Skont din tal-aħħar, huwa paċifiku li l-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet tal‑awtur ma huwiex meħtieġ għall-attività ta’ osservazzjoni tal-istampa u t‑tħejjija ta’ sunti, sa fejn din tikkonsisti fil-qari fiżiku minn persuna ta’ kull pubblikazzjoni, fl‑għażla tal-artikli rilevanti abbażi ta’ kliem gwida predefinit kif ukoll fit‑trażmissjoni lill-awtur tas-sunt ta’ fajl ta’ riżultat li tkun saret manwalment, flimkien mal-indikazzjoni tal-kelma gwida fl-artiklu u l-pożizzjoni ta’ dan l‑artiklu fil-pubblikazzjoni. Bl-istess mod, il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu fuq il-fatt li t-tħejjija ta’ sunt hija, minnha nfisha, legali u ma teħtieġx il-kunsens tal-proprjetarju tal-imsemmija drittijiet.

19      Lanqas ma huwa kkontestat li l-imsemmi proċess ta’ kisba tad-data jikkonsisti f’żewġ attivitajiet ta’ riproduzzjoni, jiġifieri l-ħolqien ta’ fajls TIFF waqt l‑iskanjar diġitali tal-artikli stampati u l-ħolqien ta’ fajls ta’ test li jirriżultaw mill-konverżjoni ta’ fajls TIFF. Barra minn hekk, huwa paċifiku li dan il-proċess iwassal għal riproduzzjoni ta’ partijiet ta’ artikli diġitali peress li s-silta komposta minn ħdax-il kelma tinħażen fil-memorja informatika u dawn il-ħdax-il kelma jirriżultaw f’dokument stampat fuq il-karta.

20      Madankollu, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux rigward il-kwistjoni ta’ jekk l-aħħar żewġ atti msemmija iktar ’il fuq jikkostitwixxux atti ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29. Barra minn hekk, huma ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk l-atti inkwistjoni kollha fil-kawża prinċipali humiex, skont il-każ, koperti mill-eżenzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Højesteret fil-21 ta’ Diċcembru 2007, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tlettax-il domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(a), u 5(1) u (5), tal-imsemmija direttiva.

22      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal dawn id-domandi permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, Ġabra p. I‑6569, iktar ’il quddiem is-“sentenza Infopaq International I”) li fiha hija ddeċidiet, minn naħa waħda li, att li twettaq matul proċess ta’ kisba tad-data, li jikkonsisti fil-ħażna informatika ta’ silta minn xogħol protett komposta minn ħdax-il kelma kif ukoll fl-istampar ta’ din is-silta, jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ riproduzzjoni parzjali skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, jekk, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, l-elementi li ttieħdu huma l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess. Minn naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l‑Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jippermetti l-eżenzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ atti ta’ riproduzzjoni tranżitorja jew inċidentali, li l-aħħar att tal‑proċess tal-kisba tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li matul tiegħu Infopaq tistampa s-siltiet komposti minn ħdax-il kelma, ma jikkostitwixxix att tranżitorju jew inċidentali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-att u l-metodu ta’ kisba tad-data li kien magħha ma setax isir mingħajr il-kunsens tad‑detenturi ta’ drittijiet tal-awtur.

23      Wara din is-sentenza, il-Højesteret madankollu kkunsidrat li jista’ xorta waħda jkun meħtieġ li tiddeċiedi dwar id-domanda jekk Infopaq kisritx id‑Direttiva 2001/29 billi użat l-imsemmi metodu, ħlief għall-istampa tas-siltiet komposti minn ħdax-il kelma, jiġifieri, li sempliċement implementat l-ewwel tliet atti ta’ riproduzzjoni. Konsegwentement, il-Højesteret iddeċidiet li tirreferi d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Sabiex att ta’ riproduzzjoni jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi “parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-istadju tal‑proċess teknoloġiku meta dan iseħħ?

2)      Att ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala “parti integrali u essenzjali tal-proċess tekonoloġiku” jekk jikkonsisti fl-iscanning ta’ artikli sħaħ ta’ pubblikazzjonijiet, operazzjoni li ssir manwalment u li permezz tagħha l‑imsemmija artikli, informazzjoni stampata, jiġu kkonvertiti f’data diġitali?

3)      Il-kunċett ta’ “użu legali” fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi kkunsidrat li jirrigwarda kull forma ta’ użu li ma jeħtieġx il-kunsens tal‑proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur?

4)      Il-fatt li impriża tiddiġitalizza, permezz tal-iscanning, l-artikli kollha tal-pubblikazzjonijiet, liema operazzjoni tiġi segwita minn ipproċessar tar-riproduzzjoni, għall-attivitajiet ta’ redazzjoni ta’ sunti ta’ din l-impriża, jista’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa kopert mill-kunċett ta’ “użu legali” previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, anki jekk il-proprjetarji tad-drittijiet tal‑awtur ma jkunux taw il-kunsens tagħhom għal dawn l-atti, fil-każ fejn il‑kundizzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa minn din id-dispożizzjoni huma preżenti?

Il-fatt li ħdax-il kelma jinħażnu wara li jkun intemm il-proċess tal-kisba tad‑data huwa rilevanti għar-risposta li għandha tingħata lil din id-domanda?

5)      Skont liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk atti ta’ riproduzzjoni temporanji għandhomx “sinifikat ekonomiku indipendenti” fis-sens tal Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ġew sodisfatti?

6)      Il-vantaġġ fl-effiċjenza li jirriżulta, favur l-utent, mill-użu ta’ atti ta’ riproduzzjoni temporanji għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall‑evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-atti għandhomx “sinifikat ekonomiku indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29?

7)      Il-fatt li impriża tiddiġitalizza, permezz tal-iscanning, l-artikli kollha tal‑pubblikazzjonijiet, liema operazzjoni tiġi segwita minn ipproċessar tar‑riproduzzjoni, jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt “ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali” tal-imsemmija artikli li “ma jippreġudikawx bla raġuni l-interessi leġittimi [tal-proprjetarju] tad-drittijiet” fis-sens tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, sa fejn il-kundizzjonijiet tal‑paragrafu 1 tagħha huma preżenti?

Il-fatt li ħdax-il kelma jinħażnu wara li jkun intemm il-proċess tal-kisba tad‑data huwa rilevanti għar-risposta li għandha tingħata lil din id‑domanda?”

 Fuq id-domandi preliminari

24      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil‑każ li r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill‑ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tkun semgħet l-Avukat Ġenerali, f’kull mument, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat. Kif inhu l-każ fil-kawża preżenti.

 Osservazzjonijiet preliminari

25      Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, att ta’ riproduzzjoni jaqa’ taħt id-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 tagħha biss jekk huwa jissodisfa ħames kundizzjonijiet, jiġifieri meta l-imsemmi att:

–        ikun temporanju;

–        ikun tranżitorju jew inċidentali;

–        ikun parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku;

–        l-iskop ta’ dan il-proċess ikun li jippermetti trażmissjoni f’netwerk bejn terzi minn intermedjarju jew użu legali ta’ xogħol jew oġġett protett, u

–        l-imsemmi att ma jkollux sinjifikat ekonomiku indipendenti.

26      Għandu jitfakkar, minn naħa waħda, li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minnhom biss ikollha l‑konsegwenza li l-att ta’ riproduzzjoni ma jkun eżentat, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, mid-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 tagħha (sentenza Infopaq International I, imsemmija iktar ’il fuq, punt 55).

27      Minn naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta peress li l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi deroga għar-regola ġenerali stabbilita minnha, liema regola teżiġi li l-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur għandu jawtorizza kull riproduzzjoni tax-xogħol protett tiegħu (ara s-sentenzi Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 u 57 u tal-4 ta’ Ottubru, 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p. I‑9083, punt 162).

28      Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati d-domandi preliminari li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-atti ta’ riproduzzjoni magħmula fil-proċess tekonoloġiku, bħal dak fil-kawża prinċipali, jissodisfawx it-tielet u l‑ħames kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, u l‑kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva. Minn naħa l-oħra, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tindirizzax l-ewwel u t-tieni kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar dawn il-kundizzjonijiet fil-punti 61 sa 71 tas-sentenza Internazzjonali Infopaq I, iċċitata iktar ’il fuq.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi dwar il-kundizzjoni li permezz tagħha l-atti ta’ riproduzzjoni għandhom jagħmlu parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku

29      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-atti ta’ riproduzzjoni temporanja li jkunu saru matul proċess ta’ kisba tad-data, bħal dawk fil-kawża prinċipali, hawnhekk, jissodisfaw il-kundizzjoni li permezz tagħha dawn l-atti għandhom ikunu parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi b’mod partikolari jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-istadju tal-proċess teknoloġiku li fih iseħħu dawn l-atti, kif ukoll il-fatt li l-imsemmi proċess teknoloġiku jimplika intervent uman.

30      Il-kunċett ta’ “parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku” jirrikjedi li l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanji jseħħu kompletament fil-qafas tal‑implementazzjoni ta’ proċess teknoloġiku u li għaldaqstant ma jkunux magħmulin kompletament jew parzjalment barra ta’ tali proċess. Dan il-kunċett ukoll jassumi li l‑implementazzjoni tal-att temporanju ta’ riproduzzjoni hija meħtieġa, fis-sens li l‑proċess teknoloġiku kkonċernat ma jiffunzjonax b’mod korrett u effikaċi mingħajr dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Infopaq International I, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

31      Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jispeċifikax f’liema stadju tal-proċess teknoloġiku l-atti ta’ riproduzzjoni temporanja għandhom iseħħu, ma jistax jiġi eskluż li tali att għandu jibda jew jagħlaq dan il‑proċess.

32      Bl-istess mod, xejn f’din id-dispożizzjoni ma jindika li l-proċess teknoloġiku għandu jimplika xi intervent uman, u b’mod partikolari, huwa possibbli li dan il-proċess jinbeda manwalment, sabiex tinkiseb l-ewwel riproduzzjoni temporanja.

33      F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li l-proċess teknoloġiku kkonċernat jikkonsisti f’riċerka elettronika u awtomatika fl-artikli tal-istampa u identifikazzjoni u estrazzjoni ta’ dawn il-kliem gwida predefiniti, bil-għan li jinkitbu sunti tal‑artikli tal-istampa iktar effikaċi

34      F’dan il-kuntest, iseħħu tliet atti ta’ riproduzzjoni wara xulxin. Huma jimmaterjalizzaw ruħhom permezz tal-ħolqien ta’ fajl TIFF, imbagħad permezz ta’ fajl ta’ test, u fl-aħħar nett, permezz ta’ fajl li fih s-silta komposta minn ħdax-il kelma.

35      F’dan ir-rigward, huwa mill-ewwel paċifiku li l-ebda minn dawn l-atti ma jsir barra minn dan il-proċess teknoloġiku.

36      Imbagħad, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 30 sa 32 ta’ dan id-digriet, huwa irrilevanti li dan tal-aħħar jinbeda mill-inserzjoni manwali ta’ artikli tal-istampa fis-sistema tal-iskanjar diġitali, bil-għan li tinkiseb l-ewwel riproduzzjoni temporanja — il-ħolqien ta’ fajl TIFF — u li jingħalaq permezz ta’ att temporanju ta’ riproduzzjoni, jiġifieri l-ħolqien tal-fajl li fih is-silta komposta minn ħdax-il kelma.

37      Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li l-proċess teknoloġiku kkonċernat ma jistax jaħdem b’mod korrett u effikaċi mingħajr l-atti ta’ riproduzzjoni kkonċernati. Fil-fatt, huwa għandu l-għan li jidentifika artikli fl-istampa u li jieħu estratt, b’mod diġitali, tal-kliem gwida predefiniti, peress li tali riċerka elettronika teħtieġ it-trasformazzjoni ta’ dawn l-artikli, mill-forma stampata, f’data diġitali, għaliex din it-trasformazzjoni hija meħtieġa biex tiġi rrikonoxxuta din id-data, sabiex jiġu identifikati kliem gwida u sabiex jiġu estratti dawn tal-aħħar.

38      Kuntrarjament għal dak li sostna d-DDF, din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li huwa possibbli li jinkitbu sunti ta’ artikli tal-istampa mingħajr riproduzzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li tali sunt isir barra mill-imsemmi proċess, li hija wara dan tal-aħħar, u dan ma jkunx b’hekk rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk tali proċess jistax jiffunzjona b’mod tajjeb u effikaċi mingħajr atti ta’ riproduzzjoni kkonċernati.

39      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi hija li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li atti ta’ riproduzzjoni magħmula matul il-proċess ta’ kisba ta’ data, bħal dawk fil-kawża prinċipali, jissodisfaw il-kundizzjoni li dawn l-atti għandhom ikunu parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku, minkejja l-fatt li jimplikaw intervent uman.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi dwar il-kundizzjoni li l-atti ta’ riproduzzjoni għandhom isegwu għan wieħed, jiġifieri li jippermettu t-trażmissjoni jew ta’ xogħol jew suġġett protett ieħor f’network bejn partijiet terzi minn intermedjarju, għall-użu legali ta’ tali xogħol jew ta’ tali suġġett

40      Permezz tat-tielet u raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-atti ta’ riproduzzjoni temporanja li jkunu saru matul proċess ta’ kisba tad-data, bħal dawk fil-kawża prinċipali, huma konsistenti mal-kundizzjoni li l-atti ta’ riproduzzjoni għandhom isegwu għan wieħed, jiġifieri li tippermetti t-trażmissjoni ta’ xogħol jew materjal ieħor f’network bejn partijiet terzi minn intermedjarju, jew l-użu legali ta’ xogħol jew ta’ tali suġġett.

41      Għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li l-atti ta’ rirpoduzzjoni kkonċernati ma għandhomx l-għan li jippermettu trażmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedjarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-uniku għan ta’ dawn l-atti huwiex li jippermetti l-użu legali ta’ xogħol jew ta’ suġġett protett.

42      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-premessa 33 tad‑Direttiva 2001/29, użu jitqies li jkun legali meta jkun awtorizzat mill‑proprjetarju tad-dritt ikkonċernat jew meta dan ma jkunx limitat mil‑leġiżlazzjoni applikabbli (sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 168).

43      Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, minn naħa, li fis‑sitwazzjoni deskritta mill-qorti tar-rinviju, li fiha ma jsirx l-aħħar att tal‑proċess teknoloġiku tal-kisba tad-data, jiġifieri silta komposta minn ħdax-il kelma, il-proċess teknoloġiku kkonċernat, inkluż għalhekk il-ħolqien ta’ fajl TIFF, il-fajl tat-test u l-fajl li fih silta komposta minn ħdax-il kelma, huwa intiż li jippermetti kitba iktar effikaċi tas-sunti ta’ artikli tal-istampa u, għalhekk, l-użu minnhom. Barra minn hekk, xejn fl-atti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li r-riżultat ta’ dan il-proċess teknoloġiku, jiġifieri silta komposta minn ħdax-il kelma, huwa intiż li jippermetti użu ieħor.

44      Fir-rigward tal-legalità jew in-nuqqas tagħha fl-imsemmi użu, huwa ċar li t‑tħejjija ta’ sunt tal-artikli tal-istampa ma hijiex, f’dan il-każ, awtorizzata mid‑detenturi tad-drittijiet f’dawn l-artikli. Madankollu, għandu jiġi nnotat li attività bħal din ma hijiex limitata mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, mill-affermazzjonijiet konkordanti ta’ Infopaq u tad-DDF jirriżulta li t-tħejjija tal-imsemmi sunt ma hijiex attività li hija limitata mil-leġiżlazzjoni Daniża.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali użu ma jistax jitqies li huwa illegali.

46      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domandi hija li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li att ta’ riproduzzjoni magħmul matul proċess ta’ kisba ta’ data, bħal dak fil-kawża prinċipali, huma konformi mal-kundizzjoni li l-atti ta’ riproduzzjoni għandhom isegwu għan wieħed, jiġifieri li jippermettu użu legali ta’ xogħol jew suġġett ieħor protett.

 Fuq il-ħames u s-sitt domandi dwar il-kundizzjoni li l-atti ta’ riproduzzjoni ma għandux ikollhom sinjifikat ekonomiku indipendenti

47      Minħabba l-kuntest tal-kawża prinċipali kollha kemm hi, kif ukoll il-portata tad-domandi preċedenti, il-ħames u s-sitt domandi għandhom jinftiehmu li jirrigwardaw jekk att ta’ riproduzzjoni magħmul matul proċess ta’ kisba ta’ data, bħal dak fil-kawża prinċipali, jissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, li tali atti ma għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-atti ta’ riproduzzjoni temporanji, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5(1) għandhom l-għan li jirrendu l-aċċess għax-xogħlijiet protetti u l-użu tagħhom possibbli. Dawn tal-aħħar għandhom valur ekonomiku proprju, u l-aċċess għalihom u l-użu tagħhom b’hekk neċessarjament jimplika sinjifikat ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 174).

49      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 33 tad-Direttiva 2001/29, l-atti ta’ riproduzzjoni — bħall-atti li bihom jippermettu l-browsing u l‑caching — huma maħsuba biex jiffaċilitaw l-użu ta’ xogħol jew biex jirrendu dan l‑użu iktar effikaċi. Għalhekk, huwa normali li dawn l-atti jippermettu l-kisba ta’ qligħ tal-produttività fil-kuntest ta’ dan l-użu, u li din għalhekk tirriżulta f’żieda ta’ qligħ jew fi tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni.

50      Madankollu, l-imsemmija atti ma għandhomx ikollhom sinjifikat ekonomiku indipendenti, fis-sens li l-vantaġġ ekonomiku li joħroġ mill-implementazzjoni tagħhom ma għandu jkun la distint u lanqas separabbli mill-vantaġġ ekonomiku tal-użu legali tax-xogħol ikkonċernat u ma għandux jiġġenera vantaġġ ekonomiku addizzjonali, li jmur lil hinn minn dak li jinġieb mill-imsemmi użu tax-xogħol protett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 175).

51      Iż-żieda ta’ produttività li tirriżulta mill-implementazzjoni ta’ att ta’ riproduzzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jkollha ebda sinjifikat ekonomiku indipendenti bħal dan, sakemm il-vantaġġi ekonomiċi miksuba mill-applikazzjoni tagħhom jimmaterjalizzaw biss meta jseħħ l-użu tas‑suġġett riprodott, sabiex dawn la jkunu distinti u lanqas separabbli mill‑vantaġġi tal-użu tiegħu.

52      Minn naħa l-oħra, vantaġġ minn att ta’ riproduzzjoni temporanju huwa distint u separabbli jekk ikun probabbli li l-awtur jagħmel qligħ minħabba l‑isfruttament ekonomiku tar-riproduzzjonijiet temporanji nnifishom.

53      Dan japplika wkoll jekk l-atti ta’ riproduzzjoni temporanji jirriżultaw f’bidla fis-suġġett riprodott kif ikun jeżisti fil-mument ta’ twettiq tal-proċess teknoloġiku kkonċernat, minħabba li l-imsemmija atti ma jkunux intiżi li jiffaċilitaw l‑użu tiegħu, iżda l-użu ta’ suġġett differenti.

54      Għalhekk, ir-risposta għall-ħames u s-sitt domandi hija li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li att ta’ riproduzzjoni magħmul matul proċess ta’ kisba ta’ data, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jissodisfa l-kundizzjoni li dawn l-atti ma għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti sakemm, minn naħa, l-implementazzjoni ta’ dawn l-atti ma jippermettux il-kisba ta’ benefiċċju addizzjonali, li jmur lil hinn minn dak li huwa bbażat fuq l-użu legali tax-xogħol protett u, min-naħa l-oħra, l-atti ta’ riproduzzjoni temporanji ma jwasslux għal bidla fix-xogħol.

 Fuq is-seba’ domanda dwar il-kundizzjoni li permezz tagħha l-atti ta’ riproduzzjoni la jistgħu jagħmlu ħsara lill-isfruttament normali tax-xogħol u lanqas jikkawżaw dannu mhux ġustifikat lill-interessi leġittimi tad-detentur tad‑dritt

55      Permezz tas-seba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li atti ta’ riproduzzjoni magħmula matul proċess ta’ kisba ta’ data, bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, għandhom jissodisfaw il-kundizzjoni li l-atti ta’ riproduzzjoni ma jistgħux jagħmlu ħsara lill-isfruttament normali tax-xogħol u lanqas li jikkawżaw dannu mhux ġustifikat lill-interessi leġittimi tal-detentur tad-dritt.

56      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li jekk dawn l-atti ta’ riproduzzjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitqies li huma ma jaffettwawx l-isfruttament normali tax-xogħol u ma jippreġudikawx b’mod mhux ġustifikat l-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt (ara s-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 181).

57      Għalhekk, ir-risposta għas-seba’ domanda hija li l-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk jissodisfaw il‑kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, l-atti ta’ riproduzzjoni temporanji magħmula matul proċess ta’ kisba ta’ data, bħal dak inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kundizzjoni li timponi li l‑atti ta’ riproduzzjoni la jistgħu jagħmlu ħsara lill-isfruttament normali tax‑xogħol u lanqas jikkawżaw dannu mhux ġustifikat lill-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-atti ta’ riproduzzjoni temporanji magħmula matul proċess imsejjaħ “ta’ ksib ta’ data”, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali,

–        jissodisfaw il-kundizzjoni li dawn l-atti għandhom ikunu parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku, minkejja l-fatt li jintroduċu u jagħlqu l-proċess u jinvolvu intervent uman;

–        jikkonformaw mal-kundizzjoni li l-atti ta’ riproduzzjoni għandhom isegwu għan wieħed, jiġifieri li jippermettu użu legali ta’ xogħol jew suġġett ieħor;

–        jissodisfaw il-kundizzjoni li dawn l-atti ma għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti peress li, minn naħa, bl-implementazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet ma jinkiseb l-ebda benefiċċju addizzjonali, lil hinn minn dak miksub mill-użu legali tax-xogħol protett u, min‑naħa l-oħra, l-atti ta’ riproduzzjoni ma jwasslux għal bidla fix-xogħol.

2)      L-Artikolu 5(5) tad Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) ta’ din id‑direttiva, l-atti ta’ riproduzzjoni temporanji magħmula matul proċess imsejjaħ “ta’ ksib ta’ data”, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kundizzjoni li timponi li l-atti ta’ riproduzzjoni la jistgħu jagħmlu ħsara lill‑isfruttament normali tax-xogħol u lanqas jikkawżaw dannu mhux ġustifikat lill-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.