Language of document : ECLI:EU:C:2006:310

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Mejju 2006 (*)

“Appell – Trade mark Komunitarja – Artikoli 8(1)(b), 15(3) u 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Talba għal trade mark verbali Komunitarja VITAFRUIT – Oppożizzjoni ta’ sid ta' trade mark verbali nazzjonali VITAFRUT – Użu ġenwin tat-trade mark preċedenti – Prova tal-kunsens ta’ sid għall-użu tat-trade mark preċedenti – Xebh bejn il-prodotti”

Fil-kawża C-416/04 P

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-27 ta’ Settembru 2004,

The Sunrider Corp., stabbilita f’Torrance, il-Kalifornja (Stati Uniti), irrappreżentata minn A. Kockläuner, Rechtsanwalt,

rikorrenti

il-parti l-oħra fil-kawża hija

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (L-UASI), irrappreżentat minn S. Laitinen u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Schiemann, K. Lenaerts, E. Juhász u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċeduri bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Novembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta 15 ta’ Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       The Sunrider Corp. ressqet appell sabiex titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs. L-UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT) (T-203/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), li fiha hija ċaħdet ir-rikors tagħha fir-rigward ta’ l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-ewwel Bord ta’ Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (l-UASI) tat-8 ta’ April 2002 (kawża R 1046/2000-1), li ċaħdet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali VITAFRUIT (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut”, jgħid fil-paragrafi (1)(b), u 2(a)(ii) tiegħu:

“1.      Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[…]

(b)      jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

2.      għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, "Trade marks preċedenti" tfisser:

(a)      trade marks tat-tip imsemmija hawn taħt b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, wara li wieħed iqis, fejn dan ikun xieraq, il-prioritajiet mitluba fir-rigward ta’ dawk it-trade marks:

[…]

(ii)      trade marks irreġistrati fi Stat Membru […]”

3       Skond l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “L-użu ta’ trade marks Komunitarji”:

“1.      Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja taqa’ suġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

[…]

3.      L-użu ta’ trade mark Komunitarja bil-kunsens tal-proprjetarju għandu jitqies li jikkostitwixxi użu mill-proprjetarju.”

4       L-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Eżaminazzjoni ta’ l-oppożizzjoni”, jgħid fil-paragrafi (2) u (3) tiegħu:

“2.      Fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika għandu jġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ publikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-opposizzjoni tiegħu […], sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-opposizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3.      Il-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dana billi l-użu f l-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità.”

5       Ir-Regola 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p.1), tgħid li “ [l]-indikazzjonijiet u l-provi sabiex tagħti prova ta’ użu għandhom jikkonsistu f’indikazzjonijiet fuq il-post, il-ħin, il-limitu u n-natura ta’ użu tat-trade mark opposta għall-prodotti u servizzi li għalihom hija reġistrata u li fuqhom l-oppożizzjoni hija bażata”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6       Fl-1 ta’ April 1996, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tat-trade mark verbali VITAFRUIT, lill-UASI, bis-saħħa tar-Regolament Nru 40/94.

7       Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jirriżultaw mill-klassijiet 5, 29 u 32 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat. Il-prodotti li jirrigwardaw il-klassi 32 huma l-“birer; ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u tal-ħxejjex, meraq tal-frott; xiroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet; xorb magħmul minn ħxejjex u minn vitamini”.

8       Fl-1 ta’ April 1998, is-Sur Espadafor Caba għamel oppożizzjoni skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha intiżi mill-applikazzjoni tat-trade mark.

9       It-trade mark preċedenti li tagħha s-Sur Espadafor Caba huwa s-sid hija t-trade mark verbali nazzjonali VITAFRUT, irreġistrata fi Spanja għall-prodotti ta’ “xorb effervexxenti mhux alkoħoliku u mhux terapewtiku, xorb kiesaħ mhux terapewtiku ta’ kull xorta, preparazzjonijiet effervexxenti, granuli effervexxenti, meraq tal-frott u tal-ħaxix mingħajr fermentazzjoni (ħlief għall-most), luminati, larinġati, xorb kiesaħ (ħlief għar-ruġġata), ilmijiet effervexxenti, ilma ta’ Seidlitz u silġ artifiċjali”, li jirriżultaw mill-klassijiet 30 u 32.

10     Fuq talba tar-rikorrenti, id-diviżjoni ta’ l-oppożizzjoni ta’ l-UASI, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, stiednu lis-Sur Espadafor Caba jagħti l-provi li t-trade mark preċedenti kienet suġġett għall-użu ġenwin fi Spanja matul il-ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

11     Is-Sur Espadafor Caba ppreżenta, minn naħa, sitt tikketti ta’ flixkun li fuqhom kienet tidher it-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, erbatax il-fattura u ittri ta’ ordni, li għaxra minnhom kienu jippreċedu l-imsemmija pubblikazzjoni.

12     B’deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 2000, id-diviżjoni ta’ l-oppożizzjoni ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għall-prodotti li jirriżultaw mill-klassi 32 li kienu intiżi fl-applikazzjoni għal trade mark, ħlief għall-birer. L-ewwel nett, hija kkunsidrat li l-elementi mogħtija bħala provi mis-Sur Espadafor Caba kienu juru li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 għal prodotti ta’ “meraq ta’ frott u ta’ ħxejjex mhux iffermentati, luminati u larinġati”. It-tieni nett, hija stmat li dawn il-prodotti u l-prodotti li jirriżultaw mill-klassi 32, ħlief għall-birer, imsemmija mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, kienu f’parti simili u f’parti identiċi , u li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) ta’ l-istess regolament, bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

13     L-appell imressaq mir-rikorrenti kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mid-deċiżjoni kontestata. Fis-sustanza, l-ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI kkonfermat il-kunsiderazzjonijiet fid-deċiżjoni tad-diviżjoni ta’ l-oppożizzjoni, li fiha ppreċiżat madankollu li l-użu tat-trade mark preċedenti ma ġiex ipprovat ħlief għall-prodotti ta’ “konċentrat tal-meraq”.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata

14     B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Lulju 2002, ir-rikorrenti ressqet talba sabiex tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża minħabba ksur, minn naħa, ta’ l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 u, min-naħa l-oħra, ta’ l-Artikolu 8(1)(b) ta’ l-istess Regolament.

15     Fl-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv tagħha, hija sostniet li l-Bord ta’ Appell kien bi żball ħa in kunsiderazzjoni, l-użu tat-trade mark magħmula minn terza persuna. Fil-fatt, hija sostniet li min għamel l-oppożizzjoni ma weriex li l-użu allegat tat-trade mark preċedenti kien sar bil-kunsens tagħha.

16     Fil-punt 23 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-allegat użu tat-trade mark preċedenti kien sar mill-kumpannija Industrias Espadafor Caba, sid ta’ din it-trade mark, minkejja li ismu kien jidher ukoll fl-isem tal-kumpannija in kwistjoni. Madankollu, hija kkunsidrat, fil-punti 24 sa 28 tas-sentenza kkontestata, li l-Bord ta’ l-Appell seta' leġittimament jibbaża ruħu fuq il-preżunzjoni li l-użu tat-trade mark preċedenti kien sar bil-kunsens tas-sid, u dan peress li r-rikorrenti ma kinitx ikkontestat dan il-punt quddiemha.

17     Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv.

18     Fit-tieni parti ta’ l-istess motiv, ir-rikorrenti allegat li l-Bord ta’ l-Appell għamel interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “użu ġenwin”. Hija sostniet, fis-sustanza, li l-elementi ta’ prova mressqa mis-Sur Espadafor Caba ma kinux jistabbilixxu la l-perijodu, la l-post, la n-natura u l-anqas in-natura suffiċjenti ta’ l-użu allegat tat-trade mark biex jirnexxielhom jikkwalifikawh bħala ġenwin.

19     Wara li fakkret, fil-punti 36 sa 42 tas-sentenza kkontestata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C-40/01, Ġabra p. I-2439), kif ukoll il-ġurisprudenza tagħha, u eżaminat, fil-punti 43 sa 53 ta' l-istess sentenza, l-elementi ta’ prova mressqa minn min għamel l-oppożizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet l-analiżi tagħha fil-punt 54 hawn taħt:

“Isegwi li l-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ressqet il-prova li kienet biegħet, bil-kunsens tagħha, madwar 300 [kaxxa] ta’ tnax il-biċċa kull waħda ta’ meraq ikkonċentrat tal-frott, ekwivalenti għal madwar 4800 EUR ta’ fatturat, lil klijent Spanjol, waqt il-perijodu bejn Mejju ta’ l-1996 u Mejju ta’ l-1997. Anki jekk l-importanza ta’ l-użu li ġie sar tat-trade mark preċedenti kien limitat u li jista jkun iżjed mixtieq li jkollha iżjed elementi ta’ prova fir-rigward tan-natura ta’ l-użu waqt il-perijodu rilevanti, il-fatti u l-provi li ġew imressqa mill-parti l-oħra fil-proċedura huma biżżejjed biex jiġi kkonstatat użu ġenwin. Konsegwentement, l-UASI ġustament qieset, fid-deċiżjoni [kkontestata], li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin minn parti tal-prodotti li għalihom hija ġiet irreġistrata, jiġifieri għall-meraq tal-frott.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-tieni parti ta’ l-ewwel motiv.

21     Bit-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti sostniet li l-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, billi kkunsidra li l-prodotti ta’ “xorb b’bażi ta’ ħxejjex u ta’ vitamini”, imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, u l-prodotti ta’ “konċentrat tal-meraq”, li tagħhom it-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin, kienu simili. Skond hi, l-iżjed li kien jeżisti kien xebh dgħajjef bejn dawn il-prodotti.

22     Fil-punt 66 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li t-trade mark preċedenti kienet ġiet użata għall-meraq ikkonċentrat ta’ frott differenti, għall-konsumaturi finali, u mhux għall-konċentrat tal-meraq għall-industrijali li jipproduċu l-meraq tal-frott. Il-Qorti għalhekk warrbet l-argument tar-rikorrenti li tgħid li x-xorb magħmul minn ħaxix u minn vitamini u l-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin kienu ddestinati għal xerrejja differenti.

23     Fil-punt 67 ta’ l-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li x-xorb magħmul minn ħaxix u minn vitamini u l-meraq ikkonċentrat ta’ frott kellhom l-istess għan, jiġifieri li jneħħu l-għatx, minħabba li fiż-żewġ każijiet ta’ xorb mhux alkoħoliku li huma ġeneralment ikkunsmati friski u li dawn ix-xarbiet kellhom natura simili, fil-parti l-kbira. Hija qieset li l-fatt li kienu differenti ma kienx ibiddel il-konstatazzjoni li kienu interkambjabbli, minħabba l-fatt li kellhom l-għan li jissodisfaw l-istess bżonnijiet.

24     Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ukoll it-tieni motiv u ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti kollu kemm hu.

 L-appell

25     Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi in sostenn ta’ l-appell tagħha li fih hija titlob lill-Qorti sabiex jogħġobha:

–       prinċipalment tannulla s-sentenza kkontestata;

–       sussidjarjament, tannulla s-sentenza kkontestata safejn hija tikkonferma r-rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti ta’ “xorb b-bażi ta’ ħxejjex u ta’ vitamini”;

–       tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

–       tikkundanna lill-UASI tbati l-ispejjeż li jirriżultaw kemm mill-organi ta’ l-UASI u tal-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

26     L-UASI jitlob lill-Qorti sabiex tiċħad l-appell u li tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-risposta ta’ l-appell ta’ l-UASI

27     Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti titlob l-inammissibbiltà tar-risposta ta’ l-appell ta’ l-UASI minħabba li din ta’ l-aħħar ma talbitx li ssir ġustizzja, kollha kemm hi jew in parti, fir-rigward tat-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, kif ukoll kif jitlob l-Artikolu 116 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28     L-Artikolu 116(1) jgħid li:

“It-talbiet fir-risposta ta’ l-appell għandhom ikunu intiżi:

-      għaċ-ċaħda totali jew parzjali ta’ l-appell, jew l-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza,

-      sabiex jintlaqgħu t-talbiet, b’mod totali jew parzjali, ippreżentati fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida.”

29     Din id-dispożizzjoni tippreċiża safejn il-partijiet fil-proċedura għajr il-parti rikorrenti huma awtorizzati li jippreżentaw risposta.

30     Sabiex din ir-risposta jkollha effett utili, dawn il-partijiet l-oħra għandhom, bħala prinċipju, jesprimu l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward ta’ l-appell, billi jitolbu ċ-ċaħda totali jew parzjali, jew billi jaqblu totalment jew parzjalment, ukoll meta jsir appell rikonvenzjonali, it-talbiet kollha previsti fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 116(1) tar-regoli tal-proċedura.

31     Min-naħa l-oħra, il-partijiet l-oħra fil-proċedura mhumiex marbuta li jifformulaw, taħt piena ta’ nullità tar-risposta tagħhom, it-talbiet previsti mit-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, kull parti tista' tifformula, quddiem qorti, it-talbiet li hija tqis li huma xierqa. B'hekk, meta l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tilqax, jew ma tilqax kompletament, it-talbiet imressqa minn parti, din ta’ l-aħħar tista tagħżel li ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi mitluba tieħu konjizzjoni ta' appell kontra sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex tilqa' t-talba.

32     A fortiori meta bħal f’dan il-każ, waħda mill-partijiet tkun ingħatat sodisfazzjon quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u talbet, fir-risposti tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċaħda totali ta’ l-appell, m’hemmx lok li hija titlob li jiġu kkunsidrati t-talbiet tagħha li ġew ippreżentati fl-ewwel istanza. Fir-rigward ta’ l-intimat, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-appell u, billi tuża d-dritt irrikonoxxut lilha fl-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiddeċiedi li tagħti hija stess, sentenza definittiva fuq il-merti, hija tkun marbuta li tieħu in kunsiderazzjoni t-talbiet tiegħu kemm biex tagħmel dritt ġdid, totali jew parzjali, kif ukoll biex tiċħadhom, mingħajr ma tkun tista tibbaża din iċ-ċaħda fuq iċ-ċirkustanza li l-imsemmija parti ma reġgħetx semmiethom quddiemha.

33     Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ l-inammissibbiltà tar-risposta ta’ l-appell ta’ l-UASI għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ewwel motiv

 L-argumenti tal-partijiet

34     Bħala l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 15(1) u (3) ta’ l-istess regolament, billi kkunsidrat l-użu tat-trade mark preċedenti minn terza persuna.

35     Fl-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta lill-Qorti tal-Prim’Istanza li għamlet interpretazzjoni żbaljata tar-ripartizzjoni tal-provi, talli ħadet in kunsiderazzjoni elementi mhux probatorji mogħtija minn min għamel l-oppożizzjoni u talli bbażat ruħha fuq preżunzjonijiet minflok fuq provi.

36     Skond ir-rikorrenti, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandu jistrieh fuq elementi konkreti u oġġettivi li jipprovaw użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat.

37     F’dan il-każ, minkejja li min għamel l-oppożizzjoni kellu l-obbligu li jipprova li l-użu tat-trade mark preċedenti, mill-kumpannija Industrias Espadafor SA, seħħ bil-kunsens tiegħu, min għamel l-oppożizzjoni ma ressaq l-ebda prova li kien ta kunsens għal dan l-użu. Sabiex jaslu għall-konstatazzjoni li min għamel l-oppożizzjoni ta l-kunsens tiegħu għal dan l-użu, il-Bord ta’ l-Appell u l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażaw ruħhom b'mod żbaljat fuq probabbiltajiet u preżunzjonijet.

38     Fit-tieni parti ta’ l-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt billi ma vverifikatx, fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv ta’ l-ewwel istanza, jekk, fil-mument li hija tat deċiżjoni, setgħetx legalment tadotta deċiżjoni ġdida bl-istess dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif teżiġi l-ġurisprudenza tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Settembru 2003, Henkel vs L-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T-308/01, Ġabra p. II-3253, punt 29).

39     Jirriżulta mill-punti 25 u 26 tas-sentenza kkontestata li l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt ivvferifikat jekk il-Bord ta’ l-Appell setgħetx, fil-mument fejn hija adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li tgħid li min għamel l-oppożizzjoni kien ta l-kunsens tiegħu għall-użu tat-trade mark preċedenti mill-kumpannija Industrias Espadafor SA.

40     Fir-rigward ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv, l-UASI kkunsidrat li, fis-sentenza kkonċernata, il-preżunzjoni li min għamel l-oppożizzjoni kien ta l-kunsens tiegħu għall-użu tat-trade mark preċedenti mill-kumpannija Industrias Espadafor SA, preżunzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet tagħha, hija kollha kemm hi ġġustifikata għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 24 sa 29 tas-sentenza kkontestata. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li fil-bidu tagħha ammettiet li min għamel l-oppożizzjoni kien ta l-kunsens tiegħu għall-użu allegat tat-trade mark preċedenti, ma kien jikkomporta l-ebda żball u l-anqas denaturazzjoni li tawtorizza lill-Qorti tal-Ġustizzja tintervjeni fil-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

41     Fir-rigward tat-tieni parti ta’ l-ewwel motiv, l-UASI sostniet li, skond ġurisprudenza kostanti, ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa intiż sabiex jiżgura kontroll tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell bis-saħħa ta’ l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, jiġifieri li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex marbuta li teżamina jekk deċiżjoni ġdida setgħetx jew le tiġi legalment adottata fil-mument li hija ħadet deċiżjoni.

 Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

42     L-ewwel nett, skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, fuq talba ta’ applikant ta’ trade mark Komunitarja, sid ta’ trade mark preċedenti li għamel oppożizzjoni għandu jagħti l-provi li t-trade mark tiegħu kienet is-suġġett għal użu ġenwin.

43     Bl-istess mod, jirriżulta mill-Artikolu 15(3) ta’ l-istess regolament li l-użu ġenwin ta’ trade mark huwa l-użu magħmul minn sid din it-trade mark jew bil-kunsens tiegħu.

44     Isegwi li huwa sid it-trade mark preċedenti li għamel l-oppożizzjoni li għandu d-dmir li jagħti l-provi li huwa ta l-kunsens tiegħu għall-użu allegat ta’ din it-trade mark minn terza persuna.

45     F’dan il-każ, minn naħa, safejn hija għamlet ilment lill-Qorti tal-Prim’Istanza li għamlet interpretazzjoni żbaljata tar-ripartizzjoni tal-provi, l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv huwa infondat.

46     Fil-fatt, wara li fil-punt 23 tas-sentenza kkontestata, hija sabet li l-isem tal-kumpannija Industrias Espadafor SA, li għamlet użu mit-trade mark preċedenti, tieħu element mill-patrimonju tas-sid ta’ din it-trade mark u ġġudikat, fil-punti 24 u 25 ta’ l-istess sentenza, li huwa ftit probabbli li s-Sur Espadafor Caba seta' jressaq l-elementi ta’ provi ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti li ressaq quddiem id-diviżjoni ta’ l-oppożizzjoni u l-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI biex jevalwaw jekk dan l-użu seħħx kontra r-rieda tiegħu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-UASI bbażat ruħha bi dritt fuq il-preżunzjoni li min għamel l-oppożizzjoni kien ta l-kunsens tiegħu għall-użu allegat tat-trade mark preċedenti.

47     Billi għamlet hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma talbitx li r-rikorrenti tistabbilixxi nuqqas ta’ kunsens, iżda bbażat ruħha fuq l-elementi mressqa minn min għamel l-oppożizzjoni biex tiddeduċi minn hekk li l-prova kienet ġiet mogħtija permezz tal-kunsens tagħha għall-użu allegat. Ma reġgħetx għalhekk qalbet l-oneru tal-provi.

48     Min-naħa l-oħra, billi lmentat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ġġudikat li l-elementi ta’ prova mressqa minn min għamel l-oppożizzjoni kienu jwasslu l-prova tal-kunsens tiegħu għall-użu allegat, l-imsemmi parti intiża sabiex iġġiegħel lill-Qorti tal-Ġustizzja tbiddel l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti ma’ dawk tal-Qorti tal-Prim’Istanza huma, għaldaqstant inammissibbli.

49     Minbarra dan, skond l-Artikolu 225(1), u l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġutizzja, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ dritt. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha għaldaqstant kompetenza esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-elementi ta’ prova. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u elementi ta’ prova għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tad-distorsjoni tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-kontroll tal-Qorti fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs L-UASI, C-37/03 P, Ġabra p. I-797, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50     Issa, ma jidhirx li, fil-punti 23 sa 25 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet distorsjoni tal-fatti u ta’ l-elementi ta’ prova li ġew sottomessi lilha.

51     Għandu jintqal ukoll li, fil-punti 26 u 27, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li “[l]-UASI setgħet wisq iżjed tibbaża ruħha fuq [il-] preżunzjoni [li min għamel l-oppożizzjoni ta l-kunsens tiegħu għall-użu allegat] li r-rikorrenti ma kkontestatx l-użu tat-trademark preċedenti mill-kumpannija Industrias Espadafor SA”.

52     Għaldaqstant hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli.

53     It-tieni nett, kontra dak li ssostni r-rikorrenti, ma jirriżultax mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li hija marbuta li tivverifika jekk, meta tiddeċiedi fuq rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, tistax tadotta deċiżjoni ġdida li għandha l-istess dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-punti 25 u 26 tas-sentenza tagħha Henkel vs L-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza waslet biex tgħid li dan l-obbligu jaqa' fuq il-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-UASI, minħabba l-prinċipju ta’ kontinwità funzjonali bejn l-istanzi ta’ dan l-organu li jagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza – bħall-eżaminaturi u d-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni u ta’ annullament – u l-imsemmija bordijiet.

54     Skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tannulla jew temenda deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ħlief għal “nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, tar-Regolament Nru 40/94 jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter”.

55     Isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tannulla jew temenda d-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors ħlief, meta dan ġie kkunsidrat, kien jiġbor fih wieħed minn dawn ir-raġunijiet ta’ annullament jew ta’ emenda. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tannulla jew temenda l-imsemmija deċiżjoni għal raġunijiet ġew esposti wara d-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza.

56     Għaldaqstant, it-tieni qasam ta’ l-ewwel motiv hija infondata u dan il-motiv għandu għalhekk jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv

 L-argumenti tal-partijiet

57     Bħala l-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li peress li ma kellhomx data, it-tikketti mressqa minn min għamel l-oppożizzjoni ma jippermettux li tingħata prova ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti waqt il-perijodu rilevanti u l-anqas, għalhekk, li ssostni l-elementi l-oħra ta’ prova mressqa waqt il-proċedimenti. 

58     Bħala t-tieni parti ta’ l-istess motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 billi ma għarfitx il-kunċett ta’ “użu ġenwin” taħt dan l-Artikolu. B’mod partikolari r-rikorrenti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma rrispettatx il-kundizzjonijiet li fihom l-użu ta’ trade mark jista' jiġi kkunsidrat bħala ġenwin.

59     Skond ir-rikorrenti, jirriżulta mill-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer u mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-użu ġenwin ma jinkludix l-użu ta’ natura simbolika li għandu biss bħala għan li jżomm id-drittijiet mogħtija mit-trade mark li l-bażi ta’ użu kummerċjali tat-trade mark jista' jiġi kkwalifikat approprjatament u bis-serjetà bħala direttament marbut man-natura tal-prodott jew mat-tip ta’ servizz, li, indipendentement mill-ammont ta’ tranżazzjonijiet magħmula f’isem it-trade mark u mill-frekwenza tagħhom, għandu jirrigwarda użu kontinwu u min xi daqqiet sporadiku u okkażjonali, u li użu ġenwin jissupponi li t-trade mark tkun preżenti f’parti sostanzjali tat-territorju li fuqha hija protetta.

60     Ir-rikorrenti tippreċiża li, f’dan il-każ, il-prodotti mibjugħa huma affarijiet ta’ produzzjoni u ta’ konsum kurrenti, għall-użu ta’ kuljum mill-konsumatur finali, ta’ prezz baxx u, konsegwentement, li jinbigħu faċilment. Fir-rigward tan-natura ta’ dawn il-prodotti, bejgħ fl-ammont bħal ma hija tistabbilixxi f’dan il-każ ma jistgħux jiġu meqjusa bħala suffiċjenti fir-rigward ta’ l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94. B’hekk, min għamel l-oppożizzjoni, li ta l-provi ta’ ħames tranżazzjonijiet fi ħdax il-xahar biss, ikun stabbilixxa xejn ħlief użu sporadiku u okkażjonali tat-trade mark preċedenti. Tali użu m’għandux, f’kull każ, jiġi meqjus bħala użu kontinwu, effettiv u stabbli. Barra minn hekk, peress li r-riċevuti mressqa kollha kemm huma kienu indirizzati lill-istess klijent, ma ngħatat l-ebda prova li t-trade mark preċedenti kienet preżenti fuq parti sostanzjali tat-territorju li fuqu hija protetta.

61     Hija żżid li l-evalwazzjoni tagħha, li tgħid li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “użu ġenwin” taħt l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, hija attenwata mill-fatt li l-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) iġġudikat, f’każ ieħor, li fatturat mensili ta’ 4400 EUR jikkaratterizza użu purament formali.

62     Skond ir-rikorrenti, hija ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet fattwali u l-evalwazzjoni tal-provi mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda hija tilmenta li kisret il-kunċett ta’ “użu ġenwin”. Dan jirrigwarda kwistjoni tad-dritt li tista' tiġi mqajma fil-kuntest ta’ appell.

63     L-UASI jirrileva li, fil-punti 32 sa 42 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet korrettement il-prinċipji li ġew żviluppati kemm minnha stess u mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fir-rigward tal-kunċett ta’ “użu ġenwin” u tikkonstata li r-rikorrenti ma tikkontestax dawn il-prinċipji, iżda li hija tqis li l-fatti kkonċernati ma jagħtux prova tat-tali użu.

64     Għalhekk, hija tikkonkludi li t-tieni motiv ta’ l-appell intiż sabiex jikseb eżami mill-ġdid tal-fatti u l-elementi ta’ prova minn naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma tali li dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

65     Sussidjarjament, l-UASI tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza validament iġġudikat li l-prova ta’ l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti kienet ġiet imressqa, b’mod li l-motiv kien infondat. Hija tirrikonoxxi li l-użu li ġie ppruvat huwa ta’ importanza limitata ħafna u jidher li ma jikkonċernax ħlief klijent wieħed, iżda tippreċiża li l-ammont totali tat-tranżazzjonijiet ġie milqut minn perijodu qasir ħafna. Hija tfakkar ukoll li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma teżistix regola “de minimis” u tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iġġudikat li użu limitat jista' jkun kompatibbli ma’ preżenza reali fuq is-suq.

66     Fir-rigward ta’ l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li trade mark trid tkun preżenti f’parti sostanzjali tat-territorju li fuqu hija protetta sabiex l-użu tagħha jiġi meqjus bħala ġenwin, l-UASI kkunsidrat li din l-eżiġenza mhijiex valida fid-dawl tas-sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, u tad-digriet tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology (C-259/02, Ġabra p. I-1159), u li l-importanza tal-kopertura territorjali mhijiex ħlief waħda mill-elementi li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu huwiex ġenwin jew le.

67     Fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq id-deċiżjoni tal-Bundesgerichtshof, l-UASI tallega li d-deċiżjonijiet ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali mhumiex ristretti għal proċedura preżenti u li, barra minn hekk, peress li għandu jiġi evalwat każ b’każ, jekk trade mark kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin, huwa prattikament impossibbli li jinħolqu konklużjonijiet ġenerali minn sentenzi oħra.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68     L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 46 sa 48 tas-sentenza kkontestata abbażi tar-riċevuti mressqa minn min għamel l-oppożizzjoni, li jgħidu li l-valur tal-prodotti kkummerċjalizzati taħt it-trade mark preċedenti, bejn Mejju ta’ l-1996 u Mejju ta’ l-1997, iddestinati lil klijent wieħed biss fi Spanja, tela' għal ammont li ma jaqbiżx 4800 EUR, ekwivalenti għall-bejgħ ta’ 293 kaxxa ta’ tnax il-biċċa ’l waħda.

69     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-argument li t-tikketti prodotti minn min għamel l-oppożizzjoni ma jistgħux, normalment, jagħtu prova ta’ użu tat-trade mark preċedenti waqt il-perijodu rilevanti, u l-anqas isostnu l-elementi l-oħra ta’ prova, mhijiex biżżejjed biex twassal għall-annullament tas-sentenza kkontestata u għaldaqstant għandha tiġi skartata bħala inoperanti.

70     It-tieni nett, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, trade mark hija s-suġġett ta’ “użu ġenwin” meta tiġi użata, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hi tiggarantixxi l-identità ta’ l-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm opportunità għal dawn il-prodotti jew servizzi, bl-eċċezzjoni ta’ l-użu b’natura simbolika li għandha l-uniku skop li żżomm id-drittijiet mogħtija mit-trade mark. L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina ta’ l-użu tat-trade mark għandha tistrieħ fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jistabbilixxu r-realtà ta’ l-użu kummerċjali tagħha fid-dinja tan-negozju, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex iżomm jew joħloq parti mis-suq favur prodotti jew servizi protetti mit-trade mark, it-tip ta’ dawn il-prodotti jew servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, l-ammont u l-frekwenza ta’ l-użu tat-trade mark (ara, fir-rigward ta’ l-Artikolu 10(1) ta’ L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), dispożizzjoni li hija identika għall-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43, u d-Digriet La Mer Technology, iċċitat iktar ’il fuq, punt 27).

71     Il-kwistjoni li jsir magħruf jekk użu huwiex kwantitattivament suffiċjenti biex jinżamm jew jinħoloq parti tas-suq għall-prodotti jew is-servizzi protetti mit-trade mark tiddependi wkoll minn ħafna fatturi u minn evalwazzjoni ta’ kull każ. Il-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-frekwenza u r-regolarità ta’ l-użu tat-trade mark, il-fatt li t-trade mark hija użata biex jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti kollha jew is-servizzi identiċi ta’ l-impriża titolari jew sempliċement xi wħud minnhom, jew iżjed il-provi relatati ma’ l-użu tat-trade mark li s-sid huwa marbut li jagħti, huma n-numru ta’ fatturi li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni (ara, f’dan il-każ, id-Digriet La Mer Technology, iċċitat iktar ’il fuq, punt 22).

72     Isegwi li mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat minn qabel, b’mod astratt, liema livell kwantitattiv għandu jitqies biex jiġi ddeterminat jekk l-użu għandux jew le natura ġenwina. Regola de minimis, li ma tippermettix lill-UASI jew, fuq rikors, lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha tal-kontroversja sottomessa lilhom ma tistax, għaldaqstant, tiġi ffissata (ara, f’dan is-sens, id-Digriet La Mer Technology, iċċitat iktar ’il fuq, punt 25). Barra minn hekk, meta dan iwieġeb għal ġustifikazzjoni kummerċjali proprja, fil-kundizzjonijiet imemmija fil-punt 70 ta din is-sentenza, użu anki minimu jista' jkun suffiċjenti biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ natura ġenwina (Digriet La Mer Technology, iċċitat iktar ’il fuq, punt 27).

73     F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għamlet l-ebda żball tad-dritt fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha tan-natura ġenwina ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti.

74     Fil-fatt, l-ewwel nett, billi applikat ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, hija analizzat iż-żona, id-dewmien, l-importanza u t-tip ta’ dan l-użu, fil-punti 46 sa 54 tas-sentenza kkontestata.

75     It-tieni nett, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 70 sa 72 ta’ din is-sentenza, hija qadet tirriċerka jekk it-trade mark preċedenti kinitx ġiet użata biex tinħoloq jew tinżamm opportunità għall-prodotti ta’ “meraq ikkonċentrat ta’ frott”, li dwarhom il-prova ta’ l-użu allegat ġiet imressqa, jew jekk, bil-kontra, dan l-użu kellux bħala uniku għan iż-żamma tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark u li kellu jiġi kkwalifikat bħala simboliku.

76     It-tielet nett, kontra dak li ssostni r-rikorrenti, iċ-ċirkustanza li, f’dan il-każ, il-prova ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti ma ġietx imressqa ħlief għall-bejgħ ta’ prodotti intiżi għal klijent wieħed ma tippermettix li teskludi minn qabel in-natura ġenwina tagħha (ara, f’dan is-sens, id-Digriet La Mer Technology, iċċitat iktar ’il fuq, punt 24), meta anki jekk jirriżulta minn dan li l-imsemmija trade mark ma kinitx preżenti fuq parti sostanzjali tat-territorju Spanjol, li fuqha hija protetta. Fil-fatt, ukoll kif issostni l-UASI, l-importanza territorjali ta’ l-użu mhijiex ħlief waħda mill-fatturi li jridu jitqisu, fost oħrajn, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex ġenwin jew le.

77     Fl-aħħar, ir-raba’ nett, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq sentenza mogħtija mill-Bundesgerichtshof f’kawża li tikkonċerna trade mark li mhijiex VITAFRUIT, ukoll kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 70 sa 72 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tan-natura ġenwina ta’ l-użu ta’ trade mark għandha tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha kkonċernati u mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat minn qabel, b’mod astratt, liema livell kwantitattiv għandu jitqies sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu għandux jew le t-tali natura. Isegwi li qrati li jiddeċiedu f’żewġ kawżi differenti jistgħu jevalwaw b’mod differenti n-natura ġenwina ta’ l-użu allegat quddiemhom, anki meta dan l-użu jkun iġġenera fatturat li huwa kumparabbli.

78     Barra minn hekk, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li, fir-rigward b’mod partikolari tat-tip ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt it-trade mark preċedenti, l-importanza kwantitattiva ta’ l-użu ta’ din it-trade mark mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin taħt l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, għandha t-tendenza li titlob lil-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u ta’ l-elementi ta’ prova ma’ dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Ħlief fil-każ ta’ distorsjoni, li ma ġietx allegata hawnhekk, argumentazzjoni tali ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ dritt sottomessa bħala tali għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raġunijiet imfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.

79     Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “użu ġenwin” taħt l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, hija in parti ammissibbli u in parti infondata u li dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv

 L-argumenti tal-partijiet

80     Bħala t-tielet motiv tagħha, imressqa sabiex issostni t-talba sussidjarja tagħha sabiex tannulla parzjalment is-sentenza kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 billi kkonkludiet li l-prodotti ta’ “xorb b’bażi ta’ ħaxix u ta’ vitamini”, li għalihom saret l-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni, u l-prodotti ta’ “meraq ikkonċentrat ta’ frott”, li dwarhom użu ġenwin tat-trade mark preċedenti ġiet stabbilita, huma prodotti li jixxiebhu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

81     Minn naħa, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx in-natura rispettiva tal-prodotti, li għaldaqstant jikkostitwixxu, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fattur rilevanti li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk prodotti jew servizzi humiex simili.

82     Min-naħa l-oħra, hija sostniet li dawn il-prodotti huma ferm differenti fir-rigward ta’ kif huma prodotti, il-mod ta’ kif jiġu kkunsmati, l-għan tagħhom u l-postijiet ta’ fejn jiġu kkumerċjalizzati, u li dawn id-differenzi kollha għandhom effett fuq l-unika karatteristika komuni tagħhom, li hi li huma indirizzati lill-istess konsumaturi potenzjali.

83     Ir-rikorrenti ssostni li, b’dan il-motiv, hija ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet fattwali u l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-kunċett ta’ “xebh bejn il-prodotti”. Skond hi, tirrigwarda kwistjoni ta’ dritt li tista' tiġi mqajma fil-kuntest ta’ appell.

84     Prinċipalment, l-UASI titlob l-inammissibbiltà tat-tielet motiv ta’ l-appell minħabba li r-rikorrenti limitat ruħha biex tikkritika l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Sussidjarjament, hija ssostni li hemm xebh bejn il-prodotti kkonċernati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

85     Ukoll kif tfakkar ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 65 tas-sentenza kkontestata, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn prodotti jew servizzi, hemm lok li jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, it-tip, id-destinazzjoni, l-użu kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom (ara, fir-rigward ta’ l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/104, dispożizzjoni li hija identika, fis-sustanza, għall-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 23).

86     Konformement ma’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 66 tas-sentenza kkontestata, li l-prodotti ta’ “xorb b’bażi ta’ ħaxix u ta’ vitamini”, li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u l-prodotti ta’ “meraq ikkonċentrat ta’ frott”, li għalihom użu ġenwin tat-trade mark preċedenti ġie stabbilit, huma intiżi għall-konsumaturi finali. Hija ġġudikat ukoll fil-punt 67 tas-sentenza kkontestata, li l-imsemmija prodotti għandhom l-istess għan – li jneħħu l-għatx -, li b’mod wiesgħa juru li għandhom natura simili, li huma ta’ l-istess tip u l-istess mod ta’ kif jiġu kkunsmati – jirrigwarda xorb non-alkoħoliku normalment ikkunsmati friski -, u li l-għamla differenti tagħhom ma timpedixxix li huma interkambjabbli bħala ddestinati li jissodisfaw bżonn identiku.

87     Safejn hija tikkontesta lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma kkunsidratx it-tip tal-prodotti kkonċernati sabiex tevalwa x-xebh tagħhom, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza kkonċernata. Fil-fatt, fil-punt 67 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza vverifikat jekk l-imsemmija prodotti kinux simili jew le, meta tiġi partikolarment meqjusa n-natura rispettiva tagħhom.

88     Safejn hija tilmenta lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma ġġudikatx li d-differenzi bejn il-prodotti kkonċernati huma bbażati fuq l-unika karatteristika komuni, jiġifieri li l-prodotti huma indirizzati għall-istess konsumaturi potenzjali, ir-rikorrenti fil-verità titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tbiddel l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti ma’ dik magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 66 u 67 tas-sentenza kkontestata (ara, b’analoġija, minħabba l-evalwazzjoni tax-xebh ta’ żewġ trade marks, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Ruiz-Picasso et vs L-UASI, C-361/04 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 23, u tat-23 ta’ Marzu 2006, Mühlens vs L-UASI, C-206/04 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41). Ħlief fil-każ ta’ distorsjoni, li ma ġiex allegat f’dan il-każ, tali argument ma jikkostitwixxix kwistjoni ta’ dritt sottomessa bħala tali għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raġunijiet imfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.

89     Għaldaqstant, it-tielet motiv ta’ l-appell għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli u, għalhekk, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

90     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      The Sunrider Corp. hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.