Language of document : ECLI:EU:C:2014:237

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ April 2014 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 95/46/KE — Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u l-moviment liberu ta’ din id-data — Artikolu 28(1) — Awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza — Indipendenza — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tittermina qabel it-tmiem tal-mandat tal-awtorità ta’ sorveljanza — Ħolqien ta’ awtorità ġdida ta’ sorveljanza u ħatra ta’ persuna oħra fil-kariga ta’ president”

Fil-Kawża C‑288/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Talabér-Ritz u B. Martenczuk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), irrappreżentat minn I. Chatelier, A. Buchta u Z. Belényessy, kif ukoll minn H. Kranenborg bħala aġenti,

intervenjent,

vs

L-Ungerija, irrappreżentata minn Z. Fehér, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, E. Juhász, A. Borg Barthet, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, J. Malenovský, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Ungerija, billi tterminat b’mod antiċipat il-mandat tal-awtorità ta’ superviżjoni għall-protezzjoni tad-data personali, naqset mill-obbligi tagħha skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Il-premessa 62 tad-Direttiva 95/46 tipprovdi:

“Billi t-twaqqif fi Stati Membri ta’ awtoritajiet ta’ superviżjoni [sorveljanza], li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’independenza sħiħa, huwa kondizzjoni essenzjali għall-protezzjoni ta’ individwi fl-ipproċessar ta’ data personali”.

3        L-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Awtorità ta’ superviżjoni [sorveljanza]”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva.

Dawn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom.”

2.      Kull Stat Membru għandu jipprovdi li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni jiġu kkonsultati meta jkunu qed iħejju miżuri amministrattivi jew regolamenti li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-individwu fl-ipproċessar ta’ data personali.”

4        Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), fil-Kapitolu V tiegħu jistabbilixxi awtorità indipendenti ta’ sorveljanza, jiġifieri l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD).

5        Skont l-Artikolu 42 ta’ dan l-istess ir-regolament, intitolat “Ħatra”:

“1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaħtru bi qbil komuni il-[KEPD] għall-terminu ta’ ħames snin, fuq il-bażi ta’ lista mħejjija mill-Kummissjoni wara sejħa pubblika għall-kanditati.

[...]

3. Il-[KEPD] għandu jkun eliġibbli jerġa’ jinħatar mill-ġdid.

4.      Apparti minn sostituzzjoni normali jew minħabba mewt, id-dmirijiet tal-[KEPD] għandhom jintemmu fil-każ tar-riżenja jew l-irtirar obbligatorju skond il-paragrafu 5.

5.      Il-[KEPD] jista’ jitkeċċa jew jitneħħielu d-dritt tiegħu jew tagħha għall-pensjoni jew benefiċċji oħra minflokha mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni, jekk hu jew hi ma jkunx jikkonforma aktar mal-kondizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha jew jekk hu jew hi jinstab ħati ta’ mġieba ħażina serja.

[...]”

 Id-dritt Ungeriż

6        Sal-31 ta’ Diċembru 2011, l-awtorità ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad-data personali msemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46 (iktar ʼil quddiem l-“awtorità ta’ sorveljanza”) kienet irregolata mil-Liġi Nru LXIII tal-1992 dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-aċċess għad-data ta’ interess ġenerali, kif emendata (iktar ʼil quddiem il-“liġi tal-1992”. L-Artikolu 23 ta’ din il-liġi kien redatt kif ġej:

“1.      Il-Parlament għandu jaħtar kummissarju għall-protezzjoni tad-data [(iktar ʼil quddiem il-‘kummissarju’)] bil-għan li jipproteġi d-dritt kostituzzjonali għall-protezzjoni tad-data personali u għall- aċċess għad-data ta’ interess ġenerali [...]

2.      Jeħtieġ li jiġu applikati fir-rigward tal-[kummissarju] — b’riżerva għad-derogi previsti f’din il-liġi — id-dispożizzjonijiet tal-liġi relatata mal-kummissarju parlamentari responsabbli mid-drittijiet taċ-ċittadini.”

7        Il-missjonijiet tal-kummissarju kienu speċifikati fl-Artikoli 24 u 25 tal-liġi tal-1992. B’mod partikolari, l-imsemmi Artikolu 24 kien jipprevedi fil-paragrafu a) tiegħu, li huwa “jissorvelja l-osservanza ta’ din il-liġi u ta’ regoli oħra tad-dritt marbuta mal-ipproċessar tad-data, kemm fuq ilment jew ex officio, jekk ma jkunx hemm pendenti xi proċedura ġudizzjarja fuq l-imsemmi fajl” u, fil-paragrafu d) tiegħu, li huwa “jiffavorixxi l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi marbuta mal-ipproċessar tad-data personali u mal-aċċess għad-data ta’ interess ġenerali”.

8        Peress li l-liġi tal-1992 ma kinitx tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kontinwazzjoni jew it-tmiem tal-mandat tal-kummissarju, kienu applikabbli d-dispożizzjonijiet tal-liġi Nru LIX tal-1993, dwar il-kummissarju parlamentari responsabbli għad-drittijiet taċ-ċittadini, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2011 (iktar ʼil quddiem il-“liġi tal-1993”). L-Artikolu 4(5) ta’ din il-liġi kien jipprovdi li l-kummissarju parlamentari kien elett għal sitt snin u seta’ jerġa’ jiġi elett mill-ġdid darba biss. L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi kien jirregola t-tmiem tal-mandat kif ġej:

“1.      Il-mandat tal-kummissarju parlamentari jiġi tterminat:

a)      bl-iskadenza tal-mandat tiegħu,

b)      bil-mewt tiegħu,

c)      bir-riżenja tiegħu,

d)      b’dikjarazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi,

e)      bl-irtirar tiegħu mhux volontarju,

f)      bir-riżenja tiegħu mhux volontarja.

2.      Il-President tal-Parlament għandu jikkonstata t-terminazzjoni tal-mandat tal-kummissarju parlamentari b’mod konformi mal-paragrafu 1(a) sa (ċ). Il-Parlament għandu jagħti deċiżjoni dwar it-terminazzjoni tal-mandat fil-każijiet previsti fil-paragrafu 1(d) sa (f). Id-dikjarazzjoni tat-terminazzjoni tal-mandat tirrikjedi l-maġġoranza ta’ żewġ terzi tar-rappreżentanti.

3.      Ir-riżenja għandha tiġi ppreżentata bil-miktub lill-President tal-Parlament. Il-mandat tal-kummissarju parlamentari jiġi tterminat fid-data indikata fir-riżenja. Ma hija neċessarja ebda dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni għall-validità tar-riżenja.

[...]”

9        Il-paragrafi 4 sa 6 ta’ dan l-Artikolu 15 kienu jipprovdu d-dettall għall-ipoteżijiet imsemmija fil-paragrafu 1(d) sa (f) tal-istess artikolu. B’mod partikolari, l-Artikolu 15(5) tal-liġi tal-1993 kien jispeċifika li l-irtirar mhux volontarju seta’ jseħħ biss jekk il-kummissarju parlamentari jkun fl-inkapaċità li jassumi l-funzjonijiet marbuta mal-mandat tiegħu għal perijodu ta’ iktar minn 90 jum, għal raġunijiet li ma jkunux attribwibbli lilu. Il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu min-naħa tiegħu kien jindika li r-riżenja mhux volontarja setgħet tiġi deċiża jekk il-kummissarju parlamentari ma jkunx assuma l-funzjonijiet marbuta mal-mandat tiegħu għal perijodu ta’ iktar minn 90 jum, għal raġunijiet attribbwiti lilu, jekk jiddevja intenzjonalment mill-obbligu tiegħu li jiddikjara l-patrimonju tiegħu, jekk jagħmel użu intenzjonalment minn data jew minn fatti essenzjali mhux eżatti fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-patrimonju jew jekk huwa jwettaq reat ikkonstatat minn sentenza li tkun għaddiet b’ġudikat.

10      Il-liġi fundamentali tal-Ungerija daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012. Skont l-Artikolu VI(3) tagħha, “awtorità indipendenti stabbilita permezz ta’ liġi qafas għandha tissorvelja r-rispett tad-drittijiet marbuta mal-protezzjoni tad-data personali u mal-aċċess għal data ta’ interess ġenerali”. Il-paragrafi 3 u 5 tad-dispożizzjonijiet finali tal-liġi fundamentali jipprevedu, rispettivament, li l-Parlament għandu jadotta separatament dispożizzjonijiet tranżitorji u li dawn tal-aħħar ikunu jifformaw parti mil-liġi fundamentali.

11      L-Artikolu 16 ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji, adottati mill-Parlament, jiddikjara:

“Id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi fundamentali jittermina l-mandat tal-[kummissarju] li qiegħed iservi attwalment.”

12      B’hekk, fl-1 ta’ Jannar 2012, il-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar l-awtorità ta’ sorveljanza ġiet emendata u daħlet fis-seħħ il-liġi Nru CXII tal-2011, dwar l-awtodeterminazzjoni fil-qasam tal-informazzjoni u tal-libertà tal-informazzjoni (iktar ʼil quddiem il-“liġi tal-2011”), li, skont l-Artikolu 77(a) tagħha, tittrasponi d-Direttiva 95/46 fl-ordinament ġuridiku Ungeriż. Din il-liġi tħassar il-liġi tal-1992 u, minflok il-kummissarju, stabbilixxiet in-Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (Awtorità nazzjonali responsabbli għall-protezzjoni tad-data u għal-libertà tal-informazzjoni, iktar ʼil quddiem l-“Awtorità”).

13      Il-missjonijiet tal-Awtorità huma ddefiniti fl-Artikolu 38(2) u (3) tal-liġi tal-2011. L-Artikolu 38(2) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-Awtorità “għandha l-missjoni li tissorvelja u li tiffavorixxi l-applikazzjoni tad-dritt marbut mal-aċċess għad-data ta’ interess ġenerali u għad-data aċċessibbli għal raġunijiet ta’ interess ġenerali u mal-protezzjoni ta’ data personali”. L-Artikolu 38(3) tal-imsemmija liġi jispeċifika b’mod partikolari li, fil-kuntest tal-missjonijiet li ġiet fdata bihom, hija tista’ taġixxi fuq ilment jew ex officio.

14      L-Artikolu 75(1) u (2) tal-liġi tal-2011 jiżgura l-kontinwità bejn il-kummissarju, minn naħa, u l-Awtorità, min-naħa l-oħra, billi jipprovdi, essenzjalment, li din tal-aħħar għandha tipproċessa l-fajls miftuħa mill-kummissarju abbażi tal-osservazzjonijiet ippreżentati qabel l-1 ta’ Jannar 2012 u li, mill-1 ta’ Jannar 2012, hija tipproċessa d-data pproċessata qabel dik id-data mill-kummissarju.

15      L-Artikolu 38(5) tal-imsemmija liġi jispeċifika li “l-Awtorità hija indipendenti u hija suġġetta biss għal-liġi, hija ma tista’ tirċievi ebda istruzzjoni fil-qasam tal-kompetenza tagħha u għandha twettaq il-missjoni tagħha bl-awtonomija sħiħa minn organi oħra, mingħajr ma tissuġġetta ruħha għal kwalunkwe tip ta’ influwenza.” Skont dik id-dispożizzjoni, hija biss il-liġi li tista’ tiddefinixxi l-missjoni tal-Awtorità.

16      L-Artikolu 40(1) u (3) tal-liġi tal-2011 jipprevedi li l-Awtorità għandu jkollha president, li jiġi maħtur mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-Prim Ministru, għal mandat ta’ disa’ snin. L-Artikolu 45 ta’ din il-liġi jirregola t-terminazzjoni tal-mandat tal-president tal-Awtorità. Fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi Nru XXV tal-2012, fis-seħħ mis‑7 ta’ April 2012, dan l-Artikolu jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-mandat tal-president tal-Awtorità jiġi tterminat:

a)      bl-iskadenza tal-mandat tiegħu,

b)      bir-riżenja tiegħu,

c)      bil-mewt tiegħu,

d)      bil-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet tal-ħatra tiegħu ma ġewx issodisfatti jew li ġew miksura r-regoli marbuta mad-dikjarazzjoni tal-partimonju;

e)      bil-konstatazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi.”

17      L-Artikolu 45(2) sa (8) tal-liġi tal-2011, kif emendata mil-liġi Nru XXV tal-2012, tippreċiża dawn il-każijiet differenti.

18      L-Artikolu 74 tal-liġi tal-2011 jistabbilixxi r-regoli li jikkonċernaw il-ħatra tal-ewwel president tal-Awtorità. Dan jipprovdi:

“Qabel il-15 ta’ Novembru 2011, il-Prim Ministru għandu jipproponi lill-President tar-Repubblika l-isem tal-ewwel president tal-Awtorità. Il-President tar-Repubblika għandu jaħtar l-ewwel president tal-Awtorità b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012.”

 Il-fatti

19      Jóri nħatar kummissarju fid-29 ta’ Settembru 2008 bis-saħħa tal-liġi tal-1992 u assuma l-funzjonijiet tiegħu f’dik l-istess data. Peress li l-mandat tiegħu kien ta’ sitt snin, dan kellu jiskadi fix-xahar ta’ Settembru 2014. Madankollu dan ġie tterminat fil-31 ta’ Diċembru 2011, skont l-Artikolu 16 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-liġi fundamentali. L-Awtorità bdiet ix-xogħlijiet tagħha fl-1 ta’ Jannar 2012 u, fuq proposta tal-Prim Ministru, il-President tar-Repubblika ħatar lil V. Péterfalvi bħala president tal-Awtorità, għal mandat ta’ disa’ snin.

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20      Fis-17 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija. F’din tal-aħħar, il-Kummissjoni sostniet li l-Ungerija kienet kisret l-Artikolu 28(1) u (2) tad-Direttiva 95/46 billi tterminat b’mod antiċipat il-mandat tal-kummissarju, billi ma kkonsultatx ma’ dan tal-aħħar dwar l-abbozz ta’ liġi ġdida dwar il-protezzjoni tad-data kif ukoll billi pprevediet f’din il-liġi l-ġdida wisq possibbiltajiet kbar għat-terminazzjoni tal-mandat tal-president tal-Awtorità u billi tat f’dan ir-rigward rwol lill-president tar-Repubblika u lill-Prim Ministru.

21      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2012, l-Ungerija kkontestat il-ksur li ġie allegat fil-konfront tagħha. Fl-ewwel lok, dan l-Istat Membru sostna li t-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-kummissarju kienet tirriżulta mit-tibdil tal-mudell Ungeriż ta’ awtorità ta’ sorveljanza, li l-kummissarju ma kienx jixtieq li jinħatar president tal-Awtorità u li t-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-president attwali ta’ din tal-aħħar tmur kontra r-regoli tad-dritt li jiżgura l-indipendenza tagħha. Fit-tieni lok, l-Ungerija pprovdiet lill-Kummissjoni bid-dokumenti kollha relatati mal-konsultazzjoni tal-kummissarju dwar l-abbozz tal-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data. Fit-tielet lok, dan l-Istat Membru indika li d-dispożizzjonijiet marbuta mal-possibbiltajiet ta’ terminazzjoni tal-mandat tal-president tal-Awtorità ġew emendati sabiex jirrispondu għat-tħassib tal-Kummissjoni.

22      Fis-7 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Ungerija, li fiha hija rtirat ir-riżervi tagħha fir-rigward tal-konsultazzjoni tal-kummissarju dwar il-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data. Madankollu, il-Kummissjoni tenniet it-tħassib tagħha dwar, minn naħa, it-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-kummissarju u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltajiet ta’ terminazzjoni tal-mandat tal-president tal-Awtorità u r-rwol tal-President tar-Repubblika u tal-Prim Ministru f’din tal-aħħar. Fuq dan il-punt tal-aħħar, hija indikat madankollu li, jekk l-Ungerija tadotta l-emendi leġiżlattivi ddikjarati fit-terminu stabbiliti mill-opinjoni motivata, li kien ta’ xahar min-notifika tagħha, hija tqis bħala mitmum il-ksur fuq l-imsemmi punt.

23      L-Ungerija rrispondiet għall-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2012. Fiha hija indikat li l-emenda leġiżlattiva li temenda l-Artikolu 45 tal-liġi tal-2011 kienet ser tiġi adottata fil-jiem suċċessivi, fatt li seħħ fit-2 ta’ April 2012 permezz tal-liġi Nru XXV tal-2012 li daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ April 2012. Madankollu, f’din l-ittra, l-Ungerija tenniet l-opinjoni tagħha fuq it-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-kummissarju, fatt li wassal lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta r-rikors odjern.

24      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Diċembru 2012, l-Ungerija talbet, abbażi tal-Artikolu 60(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kawża tiġi deċiża fl-Awla Manja.

25      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-8 ta’ Jannar 2013, il-KEPD ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

26      L-Ungerija tqis li r-rikors odjern huwa inammissibbli, peress li s-sentenza li tkun tikkonstata n-nuqqas allegat ma tkunx tista’ tiġi eżegwita. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-funzjoni tal-kummissarju ġiet itterminata bi ksur tad-Direttiva 95/46, ma jkunx possibbli li tali illegalità tiġi rrimedjata ħlief billi jitneħħa l-president tal-Awtorità u billi dan jiġi ssostitwit mill-kummissarju l-antik, fatt li jkun iwassal għal ripetizzjoni tan-nuqqas allegat. Issa, skont l-Ungerija, il-Kummissjoni ma tistax titlob mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jonora ħlief bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, it-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-president tal-Awtorità tkun tikser il-prinċipju tal-indipendenza tal-Awtorità, previst mil-liġi fundamentali.

27      Is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni tan-nuqqas allegat, jekk jiġi kkonstatat, timplika, barra minn hekk, li l-atti kollha mwettqa mill-president tal-Awtorità attwali huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, peress li dawn ikunu ġew adottati minn awtorità ta’ sorveljanza li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46, fatt li jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Madankollu, f’dan ir-rigward, l-Ungerija ssostni li l-liġi tal-2011 tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46.

28      Il-Kummissjoni tirrispondi li l-argumenti tal-Ungerija għandhom jinċaħdu, peress li r-rikors odjern għandu skop u xejn ma jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tkun tikkonstata n-nuqqas allegat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      Qabel xejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata abbażi tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif kienet fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (sentenza, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑20/09, EU:C:2011:214, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, it-terminu stabbilit għall-Ungerija fl-opinjoni motivata sabiex tikkonforma ruħha ma’ din tal-aħħar skada xahar wara n-notifika ta’ din tal-aħħar, jiġifieri fis-7 ta’ April 2012.

30      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament setgħet diġà tiddeċiedi li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa inammissibbli jekk, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, in-nuqqas allegat ma kienx għadu jipproduċi effetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑221/04, EU:C:2006:329, punti 25 u 26, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, EU:C:2011:214, punt 33).

31      Madankollu, f’dan il-każ, in-nuqqas allegat mill-Kummissjoni jinstab fil-fatt li l-kummissarju ma setax jeżegwixxi l-mandat tiegħu sat-terminu previst inizjalment u huwa stabbilit li dan it-terminu kien għadu ma skadiex fid-data stabbilita permezz tal-opinjoni motivata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li n-nuqqas allegat ma kienx jipproduċi iktar effetti fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

32      Iċ-ċirkustanza, anki jekk jiġi preżunt li hija stabbilita, li l-liġi tal-2011 tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46 ma tinċidix fuq dan il-punt, billi din ma għandha l-ebda relazzjoni mal-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas allegat kienx waqaf jew le jipproduċi l-effetti tiegħu fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, peress li dan ir-rikors jirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk, billi tterminat b’mod antiċipat il-mandat tal-kummissarju, l-Ungerija naqsitx mill-obbligi tagħha skont id-Direttiva 95/46.

33      Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li Stat Membru naqas minn wieħed mill-obbligi tiegħu skont it-Trattati, dan l-Istat ikun obbligat, skont l-Artikolu 260(1) TFUE, li jadotta l-miżuri li jinkludu l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-kwistjoni dwar liema huma l-miżuri li jinkludu l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ma tifformax parti mis-suġġett ta’ sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑503/04, EU:C:2007:432, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Iċ-ċirkustanza invokata mill-Ungerija, li jkun impossibbli għaliha li tirrimedja n-nuqqas allegat mingħajr ma tikser id-Direttiva 95/46 jew il-prinċipju ta’ ċertezza legali, jekk jiġi preżunt li hija stabbilita, taqa’ għalhekk, fi kwalunkwe każ, taħt l-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas u, għaldaqstant, ma tinċidix fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

35      Fl-aħħar, b’risposta għall-argument tal-Ungerija bbażat fuq il-fatt li l-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas allegat tista’ toħloq sitwazzjoni li tmur kontra l-liġi fundamentali, hemm lok li jiġi kkonstatat li skont ġurisprudenza stabbilita Stat Membru ma jistax jeċepixxi dispożizzjonijiet mill-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, anki kostituzzjonali, sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi naxxenti mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 102/79, EU:C:1980:120, punt 15, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑70/06, EU:C:2008:3, punti 21 u 22).

36      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-rikors odjern huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

37      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-KEPD, issostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-frażi “b’indipendenza sħiħa” li tinsab fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 tfisser indipendenza kompleta minn kull influwenza diretta jew indiretta, li tiżgura lill-awtorità ta’ sorveljanza kkonċernata l-possibbiltà li taġixxi bil-libertà kollha, ħielsa minn kull istruzzjoni u minn kull pressjoni, mingħajr influwenza esterna u mingħajr ir-riskju li tali influwenza tista’ tiġi eżerċitata.

38      Il-Kummissjoni u l-KEPD jirrikonoxxu li d-Direttiva 95/46 tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra sabiex jimplimentaw l-Artikolu 28 tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-għażla tal-mudell istituzzjonali u t-tul preċiż tal-mandat tal-awtorità ta’ sorveljanza. Konsegwentement, l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, liberi li jagħżlu dan it-tul. Madankollu, ladarba jiġi ddefinit it-tul ta’ dan il-mandat, l-Istat Membru għandu josservah u ma jistax jitterminah qabel it-terminu tiegħu, ħlief għal raġunijiet serji u oġġettivament verifikabbli. Paragun mal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 45/2001, relatat mal-KEPD, jikkonferma din l-interpretazzjoni.

39      F’dan il-każ, l-Ungerija ma ppruvatx li kienet teżisti raġuni oġġettiva li tiġġustifika t-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-kummissarju. Fl-ewwel lok, ir-riforma tal-awtorità ta’ sorveljanza ma tistax tkun ġustifikazzjoni ammissibbli, anki jekk l-Ungerija għandha dritt li tibdel il-mudell istituzzjonali tal-awtorità tagħha ta’ sorveljanza. Fit-tieni lok, dan l-Istat Membru ma stabbilixxiex li l-kummissarju kien irrinunzja għad-dritt tiegħu li jkompli bil-mandat tiegħu u rrifjuta li jmexxi l-Awtorità. Fit-tielet lok, il-fatt li l-leġiżlazzjoni Ungeriża inkwistjoni tifforma parti mil-liġi fundamentali u mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tagħha u l-fatt dwar jekk il-liġi tal-2011 tissodisfax jew le l-kriterji tad-Direttiva 95/46 huma irrilevanti.

40      L-Ungerija tenfasizza, preliminarjament, li d-deċiżjoni li tissostitwixxi l-kummissarju b’organu li jiffunzjona taħt il-forma ta’ awtorità u, korrellattivament, dik li tittermina l-mandat tal-kummissarju ġew adottati mill-awtorità kostitwenti u li l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-Awtorità hija bbażata fuq il-liġi fundamentali.

41      Fuq il-mertu, dan l-Istat Membru jikkontesta l-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni u l-KEPD. Huwa jindika li għandu dubju mill-fatt li r-rekwiżit tal-indipendenza previst mill-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46 jkopri d-deċiżjoni ta’ Stat Membru li tirrigwarda l-forma jew it-tibdil tal-forma mogħtija lill-awtorità ta’ sorveljanza, sakemm il-funzjonament u l-proċess deċiżjonali tal-organu maħluq ikunu jissodisfaw ir-rekwiżit tal-indipendenza kif previst fl-imsemmija direttiva u interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

42      Skont l-Ungerija, jirriżulta b’mod ċar mill-kliem ta’ dan l-Artikolu 28 u tal-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 45/2001 kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li r-rekwiżit tal-indipendenza previst fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 huwa marbut mal-indipendenza fl-eżerċizzju tal-missjonijiet li huma inkarigati bihom l-awtoritajiet ta’ sorveljanza u hija marbuta għaldaqstant mal-indipendenza funzjonali tal-awtorità inkwistjoni. Il-leġiżlazzjoni Ungeriża, kemm qabel kif ukoll wara l-1 ta’ Jannar 2012, kienet tissodisfa dan ir-rekwiżit b’mod sħiħ. Ma jistax jiġi dedott minn dan l-Artikolu 28 li huwa jirrikjedi li l-persuna li tmexxi l-imsemmija awtorità tingħata dritt suġġettiv għall-eżerċizzju ta’ din il-missjoni. Sakemm ma tiġix affettwata l-indipendenza funzjonali tal-awtorità, ftit li xejn jimporta li tinbidel il-persuna li tkun tmexxi l-awtorità, anki jekk dan iseħħ qabel l-iskadenza tal-mandat inizjali tagħha. Dan il-ħsieb huwa konformi mal-kompetenza mogħtija lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu t-tul tal-mandat tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza.

43      Peress li d-Direttiva 95/46 ma tiddeterminax l-istruttura, l-organizzazzjoni tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza u t-tul tal-mandati tal-persuni li jmexxuhom, l-Istati Membri huma liberi li jiddefinixxu l-istruttura istituzzjonali tagħhom. Din il-libertà tinkludi l-għażla tal-persuna inkarigata li teżerċita l-kompetenzi tal-awtorità ta’ sorveljanza fi ħdan il-mudell istituzzjonali magħżul u li tiddeċiedi dwar is-sostituzzjoni tagħha fl-okkażjoni ta’ tibdil tal-mudell, inkluż meta dan tal-aħħar jirriżulta minn terminazzjoni antiċipata “skont il-liġi” tal-mandat tal-awtorità ta’ sorveljanza li tkun qiegħda sservi.

44      L-unika limitu impost fuq l-Istati Membri permezz tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46 huwa li jiggarantixxu li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza jkunu jistgħu jwettqu b’mod mhux interrot il-missjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa matul il-perijodu tal-mandat tagħhom, iddeterminat mill-istess Stati Membri. Dan huwa dak li ġara f’dan il-każ.

45      Għalhekk, it-tibdil tas-sistema istituzzjonali ta’ protezzjoni tad-data jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika t-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-kummissarju. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li hija l-liġi fundamentali u d-dispożizzjonijiet tranżitorji tagħha li jippreskrivu din is-sistema l-ġdida kif ukoll it-terminazzjoni tal-mandat tal-kummissarju, la l-leġiżlazzjoni l-ġdida u lanqas l-antika, fil-livell leġiżlattiv, ma setgħu jinkludu dispożizzjonijiet differenti f’dan il-qasam. Fid-dawl tat-tibdil istituzzjonali miġjub mil-leġiżlazzjoni l-ġdida, ma kienx ikun iġġustifikat li jiġi previst li l-kummissarju għandu jokkupa awtomatikament il-funzjoni ta’ president tal-Awtorità. Barra minn hekk, il-kummissarju esprima n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-mudell istituzzjonali l-ġdid kif ukoll l-intenzjoni tiegħu li ma jaċċettax tali ħatra.

46      Jekk tiġi segwita t-teżi tal-Kummissjoni, id-Direttiva 95/46 ikollha tiġi interpretata bħala li teskludi wkoll li l-mandat tal-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-awtorità ta’ sorveljanza jista’ jiġi mġedded jew li dik il-persuna tista’ teżerċita funzjoni pubblika oħra elettiva. Fil-fatt, mill-imsemmija teżi jirriżulta li l-prospett ta’ tiġdid tal-mandat jew ta’ eżerċizzju ta’ funzjoni oħra jista’ jħajjar lill-president tal-awtorità ta’ sorveljanza li jikkonforma ruħu mal-aspettattivi reali jew preżunti tas-setgħa politika, fl-interess tal-karriera suċċessiva tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 jimponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu awtorità ta’ sorveljanza waħda jew iktar li teżerċita jew jeżerċitaw bl-indipendenza kollha l-missjonijiet fdati bihom. Ir-rekwiżit ta’ superviżjoni minn awtorità indipendenti tal-osservanza tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tat-trattament ta’ data personali jirriżulta wkoll mid-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 16(2) TFUE.

48      Għalhekk, l-istituzzjoni, fl-Istati Membri, ta’ awtoritajiet ta’ sorveljanza indipendenti tikkostitwixxi element essenzjali għall-osservanza tal-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125, punt 23, u Il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C‑614/10, EU:C:2012:631, punt 37), u dan kif ġie rrilevat ukoll fil-premessa 62 tad-Direttiva 95/46.

49      Għandu jitfakkar li, fl-Ungerija, il-liġi tal-1992 kienet tipprevedi li l-kummissarju, maħtur għal mandat ta’ sitt snin, li seta’ jiġġedded darba biss, kien jikkostitwixxi l-awtorità ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data personali fis-sens tad-Direttiva 95/46, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-Ungerija.

50      Bil-għan li tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan ir-rikors, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, kif tallega l-Kummissjoni, ir-rekwiżit, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, li jistabbilixxi li jeħtieġ li jiġi ggarantit li kull awtorità ta’ sorveljanza teżerċita b’indipendenza sħiħa l-missjonijiet li hija fdata bihom jimplikax l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li josserva t-tul tal-mandat ta’ tali awtorità sat-tmiem tiegħu previst inizjalment.

51      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti għas-sorveljanza tal-ipproċessar tad-data personali għandhom igawdu minn indipendenza li tippermettilhom li jeżerċitaw il-missjonijiet tagħhom mingħajr ma jkunu suġġetti għal influwenza esterna. Din l-indipendenza teskludi b’mod partikolari kull ordni jew kull influwenza esterna oħra fi kwalunkwe forma, indipendentement minn jekk din tkunx diretta jew indiretta, li jkunu jistgħu jorjentaw id-deċiżjonijiet tagħhom u li jkunu jistgħu jmorru kontra l-kisba, minn dawn l-awtoritajiet, tal-kompitu tagħhom li jikkonsisti f’li jiġi stabbilit ekwilibriju ġust bejn il-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata u l-moviment liberu tad-data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, EE:C:2010:125, punt 30, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, EU:C:2012:631, punti 41 u 43).

52      Għalhekk, l-indipendenza funzjonali tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza, fis-sens li l-membri ta’ din tal-aħħar ma huma marbuta minn ebda istruzzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, hija kundizzjoni neċessarja sabiex dawn ikunu jistgħu jissodisfaw il-kriterju tal-indipendenza fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, iżda, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Ungerija, tali indipendenza funzjonali ma hijiex suffiċjenti, waħedha, sabiex tippreżerva l-awtoritajiet ta’ sorveljanza minn kull influwenza esterna (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, EU:C:2012:631, punt 42).

53      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sempliċi riskju li l-awtoritajiet ta’ tutela tal-Istat jistgħu jeżerċitaw influwenza politika fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni huwa biżżejjed sabiex jiġi ostakolat l-eżerċizzju indipendenti tad-dmirijiet tagħhom. Fil-fatt, minn naħa, jista’ jkun hemm “ubbidjenza mistennija” ta’ dawn l-awtoritajiet fid-dawl tal-prassi deċiżjonali tal-awtorità ta’ tutela tal-Istat. Min-naħa l-oħra, b’kunsiderazzjoni tar-rwol ta’ gwardjani tad-dritt għall-ħajja privata li jassumu l-awtoritajiet ta’ sorveljanza, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 jeżiġi li d-deċiżjonijiet tagħhom, u għaldaqstant huma stess, ikunu ’il fuq minn kull suspett ta’ parzjalità (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, EU:C:2010:125, punt 36 u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, EU:C:2012:631, punt 52).

54      Issa, li kieku kien permess li kull Stat Membru jittermina l-mandat ta’ awtorità ta’ sorveljanza qabel it-terminu previst inizjalment ta’ din tal-aħħar mingħajr ma josserva r-regoli u l-garanziji stabbiliti minn qabel għal dan l-għan mil-leġiżlazzjoni applikabbli, it-theddida ta’ tali terminazzjoni antiċipata li tkun għalhekk suġġetta għaliha din l-awtorità matul l-eżerċizzju tal-mandat tagħha tista’ twassal għal forma ta’ ubbidjenza ta’ din tal-aħħar għall-poter politiku, li hija inkompatibbli mal-imsemmi rekwiżit tal-indipendenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, EU:C:2012:631, punt 51). Dan huwa minnu wkoll meta t-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tirriżulta minn ristrutturazzjoni jew tibdil tal-mudell, li għandhom jiġu organizzati b’mod li jkunu josservaw ir-rekwiżiti tal-indipendenza imposti mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

55      Barra minn hekk, f’tali sitwazzjoni, l-awtorità ta’ sorveljanza ma tistax titqies bħala li tista’ topera, fi kwalunkwe ċirkustanza, ’il fuq minn kull suspett ta’ parzjalità. Għaldaqstant, ir-rekwiżit tal-indipendenza li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 għandu neċessarjament jiġi interpretat bħala li jinkludi l-obbligu tal-osservanza tat-tul tal-mandat tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza sal-iskadenza tiegħu u li dan ma jiġix itterminat b’mod antiċipat ħlief b’osservanza tar-regoli u tal-garanziji tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

56      Ir-regoli li japplikaw għat-terminazzjoni tal-mandat tal-KEPD jirriflettu din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, mill-Kapitolu V tar-Regolament Nru 45/2001, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u (5), li jelenka strettament iċ-ċirkustanzi li fihom il-mandat tal-KEPD jista’ jiġi tterminat b’mod antiċipat, jirriżulta li l-osservanza tal-mandat tal-KEPD sal-iskadenza tiegħu, ħlief għal raġuni serja u oġġettivament verifikabbli, hija kundizzjoni essenzjali tal-indipendenza tiegħu.

57      F’dan il-każ, l-Artikolu 15(1) tal-liġi tal-1993, applikabbli għall-kummissarju skont l-Artikolu 23(2) tal-liġi tal-1992, kien jipprevedi li l-mandat tal-kummissarju ma setax jiġi tterminat ħlief minħabba l-iskadenza tal-mandat tiegħu, il-mewt tiegħu, ir-riżenja tiegħu, id-dikjarazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess, l-iritar mhux volontarju tiegħu u r-riżenja mhux volontarja tiegħu. Dawn it-tliet każijiet tal-aħħar jirrikjedu deċiżjoni tal-Parlament adottata bil-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu. Barra minn hekk, kemm l-irtirar mhux volontarju kif ukoll ir-riżenja mhux volontarja jistgħu jseħħu biss f’ċirkustanzi limitati, speċifikati rispettivament fil-paragrafi 5 u 6 tal-istess Artikolu 15.

58      Issa, huwa stabbilit li l-mandat tal-kummissarju ma ġiex itterminat b’appliklazzjoni ta’ waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet u b’mod partikolari li ma rriżenjax uffiċjalment.

59      Isegwi li l-Ungerija tterminat il-mandat tal-kummissarju mingħajr ma osservat il-garanziji stabbiliti mil-liġi bil-għan li tipproteġi l-mandat tiegħu, u b’hekk ippreġudikat l-indipendenza tiegħu fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. Il-fatt li din it-terminazzjoni antiċipata tirriżulta minn tibdil tal-mudell istituzzjonali ma tistax tirrendiha kompatibbli mal-indipendenza tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza rikjesta minn din id-dispożizzjoni, kif ġie rrilevat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza.

60      Ċertament, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw u jbiddlu l-mudell istituzzjonali li huma jqisu bħala l-iktar adatt għall-awtoritajiet ta’ sorveljanza. Madankollu, f’dan il-kuntest huma għandhom jiżguraw li ma jippreġudikawx l-indipendenza tal-awtorità ta’ sorveljanza li tirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, li timplika l-obbligu tal-osservanza tat-tul tal-mandat ta’ din tal-aħħar, b’mod konformi ma’ dak li ġie espost fil-punt 54 ta’ din is-sentenza.

61      Barra minn hekk, anki jekk, kif issostni l-Ungerija, il-kummissarju u l-Awtorità huma differenti minn xulxin b’mod fundamentali minħabba l-organizzazzjoni u l-istruttura tagħhom, dawn iż-żewġ entitajiet huma, essenzjalment, inkarigati b’missjonijiet identiċi, jiġifieri dawk fdati lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali skont id-Direttiva 95/46, kif dan jirriżulta mill-missjonijiet li ġew fdati lilhom rispettivament u mill-kontinwità bejn dawn tal-aħħar fl-ipproċessar tal-fajls, li hija żgurata mill-Artikolu 75(1) u (2) tal-liġi tal-2011. Għaldaqstant dan it-tibdil tal-mudell istituzzjonali ma jistax oġġettivament jiġġustifika t-terminazzjoni tal-mandat tal-persuna li kienet inkarigata mill-funzjonijiet ta’ kummissarju mingħajr ma jiġu previsti miżuri tranżitorji li jippermettu li tiġi ggarantita l-osservanza tat-tul tal-mandat tiegħu.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi tterminat b’mod antiċipat il-mandat tal-awtorità għall-protezzjoni tad-data personali, l-Ungerija naqset mill-obbligi tagħha skont id-Direttiva 95/46.

 Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza

63      L-Ungerija tissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza tagħha, billi tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat ma jaffettwax il-mandat tal-president tal-Awtorità. Insostenn tat-talba tiegħu, dan l-Istat Membru jinvoka l-konformità tal-liġi tal-2011 mad-Direttiva 95/46 kif ukoll in-natura ġdida tal-kwistjoni mqajma permezz ta’ din il-kawża. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ din it-talba.

64      F’dan ir-rigward, anki jekk jiġi preżunt li s-sentenzi mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE għandhom l-istess effetti bħal dawk mogħtija skont l-Artikolu 267 TFUE u li, b’hekk, kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali jistgħu jirrendu neċessarja, b’mod eċċezzjonali, il-limitazzjoni ratione temporis, ġaladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE (ara, b’mod partikolari, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑178/05, EU:C:2007:317, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑82/10, EU:C:2011:621, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata), hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-Ungerija ma stabbilixxietx li dawn il-kundizzjonijiet ġew issodisfatti. B’mod partikolari, fid-dawl tan-nuqqas ikkonstatat fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, il-frażi “b’indipendenza sħiħa” inkluża fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 hija ċara fiha nnifisha u, fi kwalunkwe każ, din l-espressjoni kienet diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, EU:C:2010:125, iktar minn sena qabel l-imsemmi nuqqas. Fil-fatt, wara din is-sentenza, id-dritt tal-Unjoni ma setax raġjonevolment jinftiehem bħala li jawtorizza lill-Ungerija tittermina b’mod antiċipat il-mandat tal-kummissarju.

65      Konsegwentement, it-talba tal-Ungerija dwar il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

66      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

67      Skont l-Artikolu 140(3) tal-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li parti intervenjenti li ma hijiex waħda minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi Artikolu 140 għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-KEPD, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi tterminat b’mod antiċipat il-mandat tal-awtorità ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad-data personali, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data.

2)      L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.