Language of document : ECLI:EU:C:2009:89

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK,

ippreżentati fit‑12 ta’ Frar 2009 1(1)

Kawża C‑5/08

Infopaq International A/S

vs

Danske Dagblades Forening

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Højesteret (id‑Danimarka)]


“Direttiva 2001/29 – Artikoli 2 u 5 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal‑awtur u drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Atti ta’ riproduzzjoni temporanja – Osservazzjoni u analiżi tal‑medja – Siltiet minn artikli ta’ gazzetta magħmulin minn ħdax‑il kelma”





Werrej

I –   Introduzzjoni

II – Il‑kuntest ġuridiku

III – Il‑fatti, il‑proċediment fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

IV – Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

V –   L‑argumenti tal‑partijiet

A –   L‑ewwel domanda preliminari

B –   Mit‑tieni sat‑tnax‑il domandi preliminari

C –   It‑tlettax‑il domanda preliminari

VI – L‑evalwazzjoni tal‑Avukat Ġenerali

A –   Introduzzjoni

B –   Karatteristiċi essenzjali tal‑proċess tat‑tħejjija tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta applikat minn Infopaq

C –   Interpretazzjoni tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29 (l‑ewwel domanda preliminari)

D –   Interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 (mit‑tieni sat‑tnax‑il domanda preliminari)

1.     Kontenut u għan tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29

2.     Kundizzjoni għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 5(1): atti ta’ riproduzzjoni temporanja

3.     Evalwazzjoni tal‑erba’ kundizzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29

a)     L‑ewwel kundizzjoni: atti tranżitorji (mit‑tieni sal‑ħames domandi)

b)     It‑tieni kundizzjoni: parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku (is‑sitt, is‑seba’ u t‑tmien domandi)

c)     It‑tielet kundizzjoni: atti magħmula bl‑uniku skop li jiġi permess użu leġittimu (id‑disa’ u l‑għaxar domanda)

i)     Kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq il‑kundizzjoni dwar l‑użu legali tax‑xogħol (id‑disa’ domanda)

ii)   L‑użu legali fil‑kawża prinċipali (l‑għaxar domanda)

–       Riformulazzjoni tal‑għaxar domanda

–       Evalwazzjoni u soluzzjoni tal‑għaxar domanda

d)     Ir‑raba’ kundizzjoni: atti li ma għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti (il‑ħdax u t‑tnax‑il domandi)

4.     Konklużjoni dwar l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29

E –   Interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 (it‑tlettax‑il domanda preliminari)

1.     Jekk l‑istampar ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta jissodisfax il‑kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29

2.     L‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja jissodisfaw il‑kundizzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29?

3.     Konklużjoni dwar l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29

F –   Konklużjoni

VII – Konklużjoni





I –    Introduzzjoni

1.        Din il‑kawża tqajjem kwistjonijiet delikati ta’ bilanċ bejn il‑protezzjoni tad‑dritt tal‑awtur u l‑iżvilupp teknoloġiku fis‑soċjetà tal‑informazzjoni. Min‑naħa waħda, il‑protezzjoni tad‑dritt tal‑awtur ma għandhiex tostakola l‑funzjonament normali u l‑iżvilupp tat‑teknoloġiji l‑ġodda, iżda min‑naħa l‑oħra, jeħtieġ ukoll li tiġi ggarantita fil‑kuntest tas‑soċjetà tal‑informazzjoni protezzjoni adegwata tad‑dritt tal‑awtur. Fil‑fatt, l‑iżvilupp teknoloġiku jippermetti riproduzzjoni iktar mgħaġġla u ħafifa tax‑xogħol tal‑awturi u għalhekk huwa neċessarju li l‑protezzjoni tad‑dritt tal‑awtur tkun adegwata għal dan l‑iżvilupp.

2.        Id‑domandi preliminari f’din il‑kawża jirriferu l‑ewwel nett għall‑problema tal‑ħażna u l‑istampar ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta – fejn kull silta hija magħmula mill‑kelma mfittxija kif ukoll minn ħames kelmiet li jippreċeduha u mill‑ħames kelmiet li jsegwuha, fl‑istess ordni suċċessiv li jidhru fih fl‑artiklu ta’ gazzetta – ifissrux riproduzzjoni skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill 2001/29/KE, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal‑awtur u drittijiet relatati fis‑soċjetà ta’ l‑informazzjoni (2) (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 2001/29”). Id‑domandi preliminari jirrigwardaw ukoll il‑problema jekk il‑proċess ta’ preparazzjoni ta’ dawn is‑siltiet, li jinkludi l‑iskanjar tal‑artikli ta’ gazzetta, li bih jinħoloq fajl ta’ xbieha, u l‑konverżjoni ta’ dan il‑fajl ta’ xbieha f’fajl ta’ test, kif ukoll il‑ħażna tas‑silta ta’ ħdax‑il kelma, humiex biżżejjed sabiex wieħed ikun jista’ jitkellem dwar atti ta’ riproduzzjoni li jissodisfaw ir‑rekwiżiti taħt l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29. Fl‑aħħar, il‑qorti tar‑rinviju trid tkun taf ukoll jekk l‑atti ta’ riproduzzjoni f’din il‑kawża jissodisfawx ir‑rekwiżiti taħt l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29.

3.        Dawn id‑domandi qegħdin isiru fil‑kuntest ta’ kwistjoni bejn il‑kumpannija Infopaq International A/S (iktar ’il quddiem “Infopaq”) u l‑assoċjazzjoni tal‑gazzetti ta’ kuljum Daniżi, fejn Infopaq qed titlob lill‑qorti tar‑rinviju sabiex tiddikjara li għall‑finijiet tat‑tħejjija tas‑siltiet ta’ artikli ta’ gazzetti, magħmula mill‑kelma mfittxija kif ukoll mill‑ħames kelmiet li jippreċeduha u mill‑ħames kelmiet li jsegwuha, mhija meħtieġa l‑ebda awtorizzazzjoni min‑naħa tad‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur fuq l‑artikli ta’ gazzetti.

II – Il‑kuntest ġuridiku

4.        Il‑premessi 4, 5, 9, 10, 11, 21, 22, 31 u 33 tad‑Direttiva 2001/29 jgħidu hekk:

“(4) Qafas armonizzat legali dwar id‑drittijiet ta’ l‑awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil‑kreattività u innovazzjoni […].

(5) L‑iżvilupp teknoloġiku kabbar u ddiversifika l‑gwidi tal‑kreazzjoni, il‑produzzjoni u l‑isfruttament. Filwaqt li ma huma meħtieġa l‑ebda kunċetti ġodda għall‑protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, il‑liġi preżenti dwar id‑drittijiet ta’ l‑awtur u drittijiet relatati għandha tiġi adottata u miżjuda biex tirreaġixxi b’mod adekwat għar‑realtajiet ekonomiċi bħal forom ġodda ta’ sfruttament.

[…]

(9) Kull armonizzazzjoni tad‑drittijiet ta’ l‑awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar‑raġuni li dawn id‑drittijiet huma kruċjali għall‑kreazzjoni intellettwali. Il‑protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it‑tkomplija u l‑iżvilupp tal‑kreattivita fl‑interessi ta’ l‑awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l‑pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10) Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix‑xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall‑użu tax‑xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. […] Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d‑disponibbiltà ta’ dan il‑kumpens u tipprovdi l‑opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l‑investiment.

(11) Sistema rigoruż[a] effettiv[a] għall‑protezzjoni tad‑drittijiet ta’ l‑awtur u drittijiet relatati hija waħda mill‑metodi li tiżgura li l‑kreattività u produzzjoni kulturali Ewropea jirċievu r‑riżorsi meħtieġa u li jissalvagwardjaw l‑indipendenza u d‑dinjità ta’ oriġinaturi u artisti kreattivi.

[…]

(21) Din id‑Direttiva għandha tiddefinixxi l‑iskop ta’ l‑atti regolati mid‑dritt ta’ riproduzzjoni rigward il‑benefiċjarji differenti. Dan għandu jsir b’konformità ma’ l‑acquis communautaire. Tifsira wiesgħa ta’ dawn l‑atti hija meħtieġa biex tisgura ċertezza legali ġewwa s‑suq intern.

(22) L‑għan ta’ appoġġ xieraq biex tinfirex il‑kultura ma għandux jintlaħaq billi jissagrifikaw il‑protezzjoni stretta tad‑drittijiet jew billi jittolleraw forom illegali ta’ distribuzzjoni ta’ xogħolijiet falsifikati jew ikkupjati jew imxandra illegalment.

[…]

(31) Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il‑kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il‑kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utent[i] ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L‑eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad‑drittijiet kif stipulati mill‑Istati Membri għandhom ikunu stmati mill‑ġdid fl‑isfond ta’ l‑ambjent elettroniku ġdid. Differenzi eżistenti fl‑eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il‑funzjonament tas‑suq intern tad‑drittijiet ta’ l‑awtur u drittijiet relatati. Dawn id‑differenzi jistgħu faċilment isiru aktar notevoli bħala riżultat ta’ żvilupp akbar ta’ sfruttament ta’ xogħolijiet li jaqsam il‑fruntieri u attivitajiet transperiferali. Sabiex jiżguraw il‑funzjonament sew tas‑suq intern, dawn l‑eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il‑grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l‑impatt tagħhom fuq il‑funzjonament faċli tas‑suq intern.

[…]

(33) Id‑dritt esklussiv ta’ riproduzzjoni għandu jkun bla ħsara għal eċċezzjoni biex tippermetti ċerti atti ta’ riproduzzjoni temporanja, li huma riproduzzjonijiet temporanji jew inċidentali, li jagħmlu parti integrali u essenzali mill‑proċess teknoloġiku u mwettaq għal fini unika li tippermetti jew trasmissjoni effiċjenti f’network bejn partijiet terzi permezz ta’ intermedjarju, jew użu legali ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir. L‑atti ta’ riproduzzjoni relatati ma għandu jkollhom l‑ebda valur ekonomiku separat għalihom waħedhom. Sa fejn dawn jissodisfaw dawn il‑kondizzjonijiet, din l‑eċċezzjoni għandha tinkludi atti li bihom jista’ jsir browsing kif ukoll atti ta’ ħażna, inklużi dawk li bihom jagħmluha possibbli għal sistemi ta’ trasmissjoni li jiffunzjonaw b’mod effiċjenti, kemm‑il darba li l‑intermedjarju ma jimmodifikax l‑informazzjoni u ma jfixkilx l‑użu legali tat‑teknoloġija, rikonoxxuta b’mod wiesgħa u użata mill‑industrija, biex jikseb data dwar l‑użu ta’ l‑informazzjoni. Użu għandu jiġi kkunsidrat legali fejn ikun awtorizzat mid‑detentur tad‑drittijiet jew ma jkunx ristrett bil‑liġi”.

5.        L‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29, bit‑titolu “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jgħid hekk:

“L‑Istati Membri għandhom jipprovdu għad‑dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a) għall‑awturi, tax‑xogħolijiet tagħhom;

[…]”.

6.        L‑Artikolu 5 tad‑Direttiva 2001/29 bit‑titolu “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jistabbilixxi dan li ġej:

“1. Atti temporanji ta’ riproduzzjoni (3) msemmija fl‑Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal‑proċess teknoloġiku u li l‑iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

(a) trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

(b) użu legali

ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid‑dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl‑Artikolu 2.

[…]

3. L‑Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad‑drittijiet li hemm provdut dwarhom fl‑Artikoli 2 u 3 fil‑każi li ġejjin:

[…]

(ċ) riproduzzjoni mill‑istampa, komunikazzjoni lill‑pubbliku jew li jagħmlu disponibbli artikli publikati dwar temi kurrenti ekonomiċi, politiċi jew reliġjużi jew ta’ xogħolijiet imxandra jew suġġett ieħor ta’ l‑istess tip, fil‑każi fejn dan l‑użu ma jkunx riservat espliċitament, u sakemm is‑sors, magħdud l‑isem ta’ l‑awtur, ikun indikat, jew l‑użu tax‑xogħolijiet jew suġġett ieħor [protett] konness mar‑rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sakemm ikunu ġustifikati mill‑iskop informattiv u sakemm is‑sors, magħdud l‑isem ta’ l‑awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli;

(d) kwotazzjonijiet għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni, kemm‑il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew suġġett ieħor li kien diġà sar disponibbli legalment għall‑pubbliku, li, sakemm ma jkunx sar impossibbli, is‑sors, magħdud l‑isem ta’ l‑awtur, ikun indikat, u li l‑użu tagħhom huwa skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill‑iskop speċifiku;

[…]

(o) użu f’ċerti każi oħra ta’ importanza minuri fejn eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet diġà jeżistu skond il‑liġi nazzjonali, kemm‑il darba li huma jirrigwardaw biss użu simili u ma jaffettwawx iċ‑ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija u servizzi ġewwa l‑Komunità, mingħajr preġudizzju għal eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet oħra misjuba f’dan l‑Artikolu.

5. L‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil‑paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l‑isfruttament normali tax‑xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l‑interessi leġittimi tad‑detentur tad‑drittijiet”.

7.        L‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29 ġie traspost fid‑dritt Daniż permezz tal‑Artikolu 2 tal‑ophavsretslov (liġi fuq id‑drittijiet tal‑awtur) (4), li jgħid:

“Bla ħsara għal‑limitazzjonijiet stabbiliti minn din il‑liġi, id‑dritt tal‑awtur jinkludi d‑dritt esklużiv li d‑detentur jiddisponi mix‑xogħol permezz tar‑riproduzzjoni u billi jgħamlu aċċessibbli għall‑pubbliku, f’forma oriġinali jew mibdula, jew f’forma tradotta, jew preżentat f’forma oħra letterarja jew artistika jew b’teknika oħra.

2. Hija kkunsidrata riproduzzjoni kull riproduzzjoni diretta jew indiretta, provviżorja jew permanenti, totali jew parzjali, bil‑mezzi kollha u fi kwalunkwe forma. Hija kkunsidrata bħala riproduzzjoni wkoll ir‑reġistrazzjoni tax‑xogħol fuq dispożittivi li jistgħu jirriproduċuh.

[…]”

8.        L‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 ġie traspost fid‑dritt Daniż permezz tal‑Artikolu 11A(1) tal‑liġi Daniża fuq id‑drittijiet tal‑awtur, li jgħid:

“Huwa permess li jsiru riproduzzjonijiet provviżorji li:

(i) huma tranżitorji jew aċċessorji;

(ii) huma parti integrali u essenzjali minn proċess teknoloġiku;

(iii) isiru bl‑uniku skop li jippermettu jew it‑trażmissjoni permezz ta’ netwerk bejn terzi bl‑intervent ta’ intermedjarju, jew użu legali tax‑xogħlijiet, u

(iv) m’għandhomx importanza ekonomika indipendenti”.

III – Il‑fatti, il‑proċediment fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

9.        Il‑kumpannija Infopaq teżerċita attività ta’ osservazzjoni u ta’ analiżi tal‑mezzi ta’ komunikazzjoni stampati. L‑osservazzjoni tal‑mezzi ta’ komunikazzjoni stampati tinkludi t‑tħejjija ta’ sunti (5) ta’ artikli magħżula mill‑istampa Daniża ta’ kuljum u minn diversi rivisti. L‑artikli jintgħażlu skont is‑suġġetti li jagħżlu l‑klijenti tal‑kumpannija Infopaq; wara, is‑sunti relattivi jintbagħtu lill‑klijenti permezz tal‑posta elettronika. Meta tiġi mitluba, Infopaq tibgħat lill‑klijenti tagħha anki qtugħ ta’ artikli ta’ gazzetti.

10.      L‑artikli jintgħażlu abbażi ta’ proċess li jissejjaħ bħala l‑“ġabra ta’ tagħrif” li ssir f’ħames fażijiet.

11.      Matul l‑ewwel fażi, l‑impjegati tal‑kumpannija Infopaq jirreġistraw manwalment fuq bażi ta’ data elettronika, it‑tagħrif essenzjali ta’ kull pubblikazzjoni.

12.      Fit‑tieni fażi, il‑pubblikazzjonijiet jiġu skanjati. Qabel l‑iskanjar, il‑qoxra tal‑pubblikazzjoni titneħħa, b’tali mod li l‑folji kollha jinħallu minn xulxin; wara, il‑parti magħżula tiġi skanjata. Permezz tal‑iskanjar jinħoloq fajl ta’ xbieha (6) għal kull paġna tal‑pubblikazzjoni. Dan il‑fajl ta’ xbieha mbagħad jiġi ttrasferit fuq server għall‑finijiet tar‑rikonoximent ottiku tal‑karattri (7).

13.      Fit‑tielet fażi, is‑server għar‑rikonoxximent ottiku tal‑karattri jikkonverti l‑fajl ta’ xbieha f’fajl ta’ test. Iktar preċiżament, ix‑xbieha ta’ kull karattru tiġi ttrasformata fl‑hekk imsejjaħ kodiċi ASCII (8), li jippermetti lill‑kompjuter li jagħraf kull karattru individwali. B’hekk, pereżempju, ix‑xbieha tal‑ittri TDC tiġi kkonvertita f’format li l‑kompjuter jista’ jagħraf bħala l‑ittri TDC. Ix‑xbieha tat‑test għalhekk tinbidel f’test li jinħażen bħala fajl ta’ test, li jista’ jinqara minn kull wordprocessor. Il‑proċess bis‑server għar‑rikonoxximent ottiku tal‑karattri jispiċċa bit‑tħassir tal‑fajl ta’ xbieha.

14.      Fir‑raba’ fażi, il‑fajl ta’ test jiġi analizzat b’mod li jiġi mfittex xi kliem partikolari stabbilit minn qabel. Kull darba li l‑kelma mfittxija tidher fit‑test, din tinħażen f’fajl fejn jiġi indikat it‑titolu tal‑pubblikazzjoni, it‑taqsima u l‑paġna fejn hija kkwotata l‑kelma inkwistjoni. Fl‑istess ħin jiġi ppreċiżat ukoll il‑valur, imfisser f’perċentaġġ minn wieħed sa mija, li jesprimi l‑pożizzjoni tal‑kelma mfittxija fl‑artiklu. Biex jiġi ffaċilitat iktar it‑tiftix ta’ dik il‑kelma fil‑każ ta’ qari suċċessiv tal‑artiklu, flimkien magħha jinġiebu wkoll il‑ħames kelmiet li jippreċeduha u l‑ħames kelmiet li jsegwuha. Il‑fażi deskritta tispiċċa bit‑tħassir tal‑fajl tat‑test.

15.      Fil‑ħames u l‑aħħar fażi ta’ dan il‑proċess jiġi stampat dokument għal kull paġna ta’ gazzetta fejn tidher il‑kelma mfittxija; dan id‑dokument ikun fih il‑kelma mfittxija flimkien mal‑ħames kelmiet li jippreċeduha u l‑ħames kelmiet li jsegwuha. Il‑qorti tar‑rinviju tipprovdi eżempju ta’ dokument bħal dan:

“4 ta’ Novembru 2005 – Dagbladet Arbejderen, p. 3:

TDC: 73 %, bejgħ fil‑qrib tal‑grupp ta’ telekomunikazzjonijiet TDC, li huwa mistenni li ser jinxtara”.

16.      Danske Dagblades Forening (iktar ’il quddiem “DDF”) hija l‑assoċjazzjoni tal‑gazzetti ta’ kuljum Daniżi, li għandha l‑iskop li tassisti l‑membri tagħha fuq il‑kwistjonijiet kollha dwar id‑drittijiet tal‑awtur. Fl‑2005, DDF saret taf bil‑fatt li Infopaq kienet qed tieħu siltiet minn artikli ta’ gazzetti mingħajr awtorizzazzjoni tad‑detentur tad‑drittijiet tal‑awtur u wissiet lil Infopaq dwar din il‑prattika.

17.      Infopaq ikkontestat l‑argument li l‑attività tagħha teħtieġ il‑kunsens tad‑detentur tad‑drittijiet tal‑awtur u għalhekk ressqet rikors kontra DDF quddiem l‑Østre Landsret, fejn talbet lil din il‑qorti li tiddikjara li għandha dritt li twettaq il‑proċess ta’ “ġabra ta’ tagħrif” mingħajr il‑kunsens ta’ DDF jew tal‑membri tagħha. Peress li l‑Østre Landsret ċaħdet ir‑rikors bħala infondat, Infopaq ippreżentat appell quddiem il‑qorti tar‑rinviju (il‑Højesteret).

18.      Fid‑digriet tar‑rinviju, il‑qorti tar‑rinviju tosserva li fil‑kawża inkwistjoni huwa aċċettat li l‑kunsens tad‑detentur tad‑drittijiet tal‑awtur mhuwiex meħtieġ meta jkun hemm l‑osservazzjoni tal‑mezzi ta’ komunikazzjoni stampati u t‑tħejjija ta’ sunti ta’ artikli ta’ ġurnali, jekk kull pubblikazzjoni tkun fiżikament moqrija minn persuna, jekk l‑artikli jintgħażlu manwalment abbażi ta’ kliem li kien preċedentement ġie individwat bħala oġġett ta’ tiftix u jekk abbażi ta’ dan jitħejja manwalment dokument fejn jiġu indikati l‑kelma mfittxija meħuda minn artiklu determinat kif ukoll il‑pożizzjoni ta’ dan l‑artiklu fil‑pubblikazzjoni. Barra minn hekk, ma hemmx kwistjoni fuq il‑fatt li t‑tħejjija ta’ sunt, minnha nnifisha, ma teħtieġ l‑ebda kunsens tad‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur.

19.      F’din il‑kawża, huwa aċċettat ukoll li l‑hekk imsejjaħ proċess ta’ “ġabra ta’ tagħrif” jinkludi żewġ attivitajiet ta’ riproduzzjoni, jiġifieri (1) l‑iskanjar tal‑artikli ta’ gazzetta fuq karta stampata, li bih jinħoloq fajl ta’ xbieha, u (2) il‑konverżjoni ta’ fajl ta’ xbieha f’fajl ta’ test. Il‑qorti tar‑rinviju tispjega wkoll li dan il‑proċess jinkludi wkoll ir‑riproduzzjoni suċċessiva tal‑artikli mħejjija mill‑ġdid b’dan il‑mod billi (3) tinħażen il‑kelma mfittxija flimkien mal‑ħames kelmiet li jippreċeduha u l‑ħames kelmiet li jsegwuha u li (4) dawn il‑ħdax‑il kelma jiġu mbagħad stampati. Il‑qorti tar‑rinviju tenfasizza kif il‑partijiet fil‑kawża prinċipali ma jaqblux fuq il‑possibbilità li jikklassifikaw l‑attivitajiet deskritti fis‑subparagrafi (3) u (4) bħala riproduzzjoni skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29.

20.      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑qorti tar‑rinviju ddeċidiet, b’digriet tal‑21 ta’ Diċembru 2007, li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tibgħat lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin (9):

“1. Il‑ħażna u l‑istampar sussegwenti ta’ silta minn artiklu ta’ gazzetta, li tikkonsisti f’kelma prinċipali, minn ħames kelmiet li jippreċeduha u l‑ħames kelmiet li jiġu warajha, jistgħu jitqiesu bħala atti ta’ riproduzzjoni(10) protetti skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva [2001/29(11))?

2. Iċ‑ċirkustanzi li fihom iseħħ att ta’ riproduzzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex dan l‑att jista’ jiġi kkwalifikat bħala “[tranżitorju]” fis‑sens tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29?

3. Att temporanju ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi kkwalifikat bħala “[tranżitorju]” jekk ir‑riproduzzjoni tiġi pproċessata, pereżempju jekk fajl ta’ test jinħoloq abbażi ta’ fajl ta’ xbieha jew jekk issir riċerka ta’ sekwenzi ta’ kliem minn fajl ta’ test?

4. Att temporanju ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi kkwalifikat bħala “[tranżitorju]” meta tinħażen parti mir‑riproduzzjoni, li tikkonsisti f’silta jew f’diversi siltiet ta’ testi magħmula minn ħdax‑il kelma?

5. Att temporanju ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi kkwalifikat bħala “[tranżitorju]” meta tiġi stampata parti mir‑riproduzzjoni, li tikkonsisti f’silta jew f’diversi siltiet ta’ testi magħmula minn ħdax‑il kelma?

6. Sabiex att ta’ riproduzzjoni jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi “parti integrali u essenzjali tal‑proċess teknoloġiku” skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, huwa meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l‑istadju tal‑proċess teknoloġiku li fih iseħħ?

7. Att ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala “parti integrali u essenzjali ta’ proċess tekonoloġiku” jekk jikkonsisti fl‑iskanjar diġitali bl‑idejn ta’ artikli sħaħ ta’ pubblikazzjonijiet li permezz tiegħu dawn l‑artikli jinbidlu minn dokumenti fuq karta stampata f’dokumenti diġitali?

8. Att temporanju ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi “parti integrali u essenzjali tal‑proċess teknoloġiku” jekk jikkonsisti fl‑istampar ta’ parti mir‑riproduzzjoni li tinkludi silta jew diversi siltiet ta’ testi komposti minn ħdax‑il kelma?

9. Il‑kunċett ta’ “użu legali” skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 huwa intiż għal kull forma ta’ użu li ma teħtieġx il‑kunsens tal‑detentur tad‑drittijiet tal‑awtur?

10. Il‑kunċett ta’ “użu legali” skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 jinkludi l‑iskanjar diġitali tal‑artikli sħaħ ta’ pubblikazzjonijiet, l‑ipproċessar sussegwenti tar‑riproduzzjoni, kif ukoll il‑ħażna u l‑eventwali stampar ta’ parti mir‑riproduzzjoni li tikkonsisti f’silta jew f’diversi siltiet ta’ testi magħmulin minn ħdax‑il kelma, utilizzati minn impriża għall‑finijiet tal‑attività ta’ tħejjija ta’ sunti, anki jekk id‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur ma jkunux awtorizzaw dan l‑att?

11. Liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġi stabbilit jekk atti temporanji ta’ riproduzzjoni għandhomx “sinifikat ekonomiku indipendenti” skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 sa fejn il‑kundizzjonijiet l‑oħra ta’ din id‑dispożizzjoni jkunu ġew sodisfatti?

12. Il‑qligħ minn produttività favur l‑utent, matul l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanji għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk jekk l‑atti għandhomx “sinifikat ekonomiku indipendenti” skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29?

13. L‑iskanjar diġitali sħiħ tal‑artikli ta’ pubblikazzjonijiet, l‑ipproċessar sussegwenti tar‑riproduzzjoni, kif ukoll il‑ħażna u l‑eventwali stampar ta’ parti mir‑riproduzzjoni li tikkonsisti f’silta jew f’diversi siltiet ta’ testi magħmulin minn ħdax‑il kelma magħmula mingħajr il‑kunsens tad‑detentur tad‑drittijiet tal‑awtur, jistgħu jiġu kkunsidrati li jaqgħu taħt “ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l‑isfruttament normali” tal‑artikli ta’ gazzetta u li “ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l‑interessi leġittimi [tad‑detentur] tad‑drittijiet” skont l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29?”

IV – Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

21.      It‑talba għal deċiżjoni preliminari waslet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja fl‑4 ta’ Jannar 2008. Fil‑proċedura bil‑miktub tal‑kawża ppreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom Infopaq, DDF, il‑Kummissjoni u l‑Gvern Awstrijak. Fis‑seduta tal‑20 ta’ Novembru 2008, Infopaq, DDF u l‑Kummissjoni ttrattaw oralment u rrispondew għad‑domandi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

V –    L‑argumenti tal‑partijiet

A –    L‑ewwel domanda preliminari

22.      Infopaq issostni li l‑ħażna u l‑istampar suċċessiv ta’ silta mit‑test ta’ artiklu ta’ ġurnal ta’ kuljum, liema silta tikkonsisti fil‑kelma mfittxija kif ukoll mill‑ħames kelmiet li jippreċeduha u mill‑ħamsa’ li jsegwuha, ma jirrappreżentawx att ta’ riproduzzjoni parzjali skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29. Infopaq tosserva li għalkemm huwa veru li d‑Direttiva 2001/29 ma tistabbilixxi l‑ebda limitu minimu dwar in‑numru ta’ kliem, li inqas minn dan il‑limitu wieħed ma jkunx jista’ jitkellem iktar dwar riproduzzjoni parzjali, huwa veru wkoll li tali limitu de minimis għandu jeżisti. Infopaq issostni li l‑ħażna u l‑istampar ta’ ħdax‑il kelma ma jaqbżux dak in‑numru minimu determinat li jirrappreżenta l‑kundizzjoni tal‑eżistenza ta’ riproduzzjoni parzjali.

23.      Min‑naħa l‑oħra, il‑Kummissjoni u d‑DDF isostnu li l‑ħażna u l‑istampar suċċessiv ta’ silta mit‑test ta’ artiklu ta’ gazzetta ta’ kuljum, liema silta tikkonsisti mill‑kelma mfittxija kif ukoll mill‑ħames kelmiet li jippreċeduha u mill‑ħamsa li jsegwuha, jirrappreżentaw att ta’ riproduzzjoni parzjali, protett skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29.

24.      Il‑Kummissjoni tosserva li l‑ħażna u l‑istampar tas‑silta minn artiklu jirrappreżentaw forom ta’ riproduzzjoni. Hija ssostni li mill‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29 jirriżulta li d‑dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal‑awturi jinkludi wkoll ir‑riproduzzjoni parzjali, u li silta meħuda minn artiklu u komposta minn ħdax‑il kelma tirrappreżenta riproduzzjoni parzjali skont l‑Artikolu ċċitat tad‑Direttiva.

25.      DDF tosserva, bħall‑Kummissjoni, li l‑ħażna u l‑istampar ta’ silta minn artiklu komposta minn ħdax‑il kelma jirrappreżentaw att ta’ riproduzzjoni parzjali skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29. DDF tosserva li jekk il‑kliem imfittex jidher diversi drabi fl‑artiklu, parti konsistenti tiegħu tkun qed tiġi riprodotta; biex turi dan, hija tehmeż artiklu li fih jintwerew żewġ kelmiet imfittxija flimkien mal‑ħames kelmiet li jippreċeduwhom u l‑ħamsa li jsegwuhom. Hija tiddikjara li ma taqbilx mal‑argument imqajjem mill‑Gvern Awstrijak (12), li jgħid li l‑parti riprodotta tax‑xogħol tal‑awtur għandha tissodisfa, minnha nnifisha, ir‑rekwiżiti meħtieġa sabiex tkun tista’ tiġi ddefinita bħala xogħol tal‑awtur. DDF issostni li l‑fatt li l‑kunċett u r‑rekwiżiti għall‑eżistenza ta’ xogħol tal‑awtur mhumiex armonizzati fil‑kuntest tad‑Direttiva 2001/29 ma jipprekludix lill‑Qorti tal‑Ġustizzja milli tinterpreta l‑kunċett ta’ riproduzzjoni parzjali tax‑xogħol tal‑awtur. Il‑valutazzjoni tal‑kwistjoni jekk teżistix jew le, f’din il‑kawża, riproduzzjoni parzjali tax‑xogħol tal‑awtur għandha ssir b’mod indipendenti mir‑rekwiżiti stabbiliti mid‑dritt nazzjonali għall‑finijiet tal‑eżistenza ta’ xogħol tal‑awtur.

26.      Il‑Gvern Awstrijak isostni li, l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29 mingħajr dubju jattribwixxi lill‑awtur id‑dritt esklużiv għar‑riproduzzjoni parzjali tax‑xogħol tiegħu stess, iżda li dan l‑artiklu ma jippreċiżax il‑kunċett ta’ xogħol tal‑awtur, u lanqas jittratta l‑kwistjoni dwar ir‑rekwiżiti konkreti li għandu jkun hemm sabiex dan ix‑xogħol tal‑awtur jiġi protett. Billi r‑rekwiżiti għall‑protezzjoni tax‑xogħlijiet tal‑awtur mhumiex armonizzati fil‑kuntest tad‑dritt Komunitarju, huma għandhom jiġu evalwati, fil‑fehma tal‑Gvern Awstrijak, abbażi tad‑dritt nazzjonali. Fid‑dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il‑Gvern Awstrijak isostni li l‑parti riprodotta tax‑xogħol tal‑awtur għandha tissodisfa, minnha nnifisha, ir‑rekwiżiti meħtieġa sabiex tkun tista’ tiġi ddefinita bħala xogħol tal‑awtur skont il‑liġi dwar id‑drittijiet tal‑awtur.

B –    Mit‑tieni sat‑tnax‑il domandi preliminari

27.      Infopaq u l‑Gvern Awstrijak isostnu li jekk il‑proċess tat‑tħejjija tas‑siltiet jikkostitwixxi att ta’ riprodizzjoni temporanja skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, il‑proċess stess huwa legali, peress li jissodisfa r‑rekwiżiti kollha stabbiliti mill‑artiklu msemmi, jiġifieri, fl‑ewwel lok, huwa att tranżitorju, fit‑tieni lok, dak l‑att huwa parti integrali u essenzjali minn proċess teknoloġiku, fit‑tielet lok, l‑uniku skop tiegħu huwa l‑użu legali ta’ xogħol jew ta’ materjali oħrajn, u fir‑raba’ lok, dak l‑att huwa nieqes minn sinjifikat ekonomiku indipendenti.

28.      Infopaq tosserva, b’riferenza għall‑ewwel rekwiżit (att “tranżitorju” (temporanju)), li l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 mhuwiex limitat biss għall‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja fil‑forma ta’ browsing fuq l‑Internet u l‑ħolqien ta’ kopji “cache”. Ir‑rekwiżit tat‑“tranżitorjetà” tal‑att jirreferi esklużivament għad‑dewmien tal‑att temporanju ta’ riproduzzjoni u dawk l‑atti ta’ riproduzzjoni li jdumu tletin sekonda jew inqas għandhom jiġu kklassifikati bħala “tranżitorji”.

29.      Fir‑rigward tat‑tieni rekwiżit (“parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku”) Infopaq tosserva li mill‑kunċett ta’ “integrali” jirriżulta b’mod ċar li mhuwiex rilevanti f’liema fażi tal‑proċess teknoloġiku jseħħ l‑att ta’ riproduzzjoni temporanja.

30.      Fir‑rigward tat‑tielet rekwiżit (l‑“użu legali”) Infopaq tenfasizza li la mill‑Artikolu 5(1) u lanqas mill‑premessa 33 tad‑Direttiva 2001/29 ma jirriżulta li “użu legali” jfisser biss użu tal‑Internet fil‑forma ta’ browsing u l‑ħolqien ta’ kopji “cache”. “Użu legali” jfisser kull forma ta’ użu tax‑xogħol tal‑awtur li għalih mhijiex meħtieġa l‑awtorizzazzjoni tad‑detentur tad‑dritt tal‑awtur tiegħu. Barra minn hekk, sabiex ikun hemm “użu legali”, mhuwiex rilevanti min qiegħed juża x‑xogħol tal‑awtur: jista’ jkun l‑utent finali jew anki ħaddieħor. Fil‑fehma tagħha, sabiex tiġi solvuta l‑kwistjoni jekk hemmx “użu legali” jew le, huwa determinanti li jiġi vverifikat jekk fil‑proċess inkwistjoni jintużax kampjun oriġinali tal‑pubblikazzjoni li jkun inxtara legalment.

31.      Fir‑rigward tar‑raba’ rekwiżit (“sinifikat ekonomiku indipendenti”) Infopaq issostni li l‑kwistjoni tas‑sinjifikat ekonomiku indipendenti għandha tiġi evalwata mill‑perspettiva tal‑awtur. Barra minn hekk, fil‑kuntest ta’ dan ir‑rekwiżit għandu jiġi evalwat esklużivament jekk l‑att ta’ riproduzzjoni temporanja għandux sinjifikat ekonomiku indipendenti, u mhux jekk il‑proċess teknoloġiku sħiħ għandux sinjifikat ta’ dan it‑tip. Infopaq tosserva li l‑iskop finali tal‑proċess teknoloġiku li tuża huwa t‑tħejjija ta’ sunti, li huwa legali u b’hekk ma joħloq l‑ebda ksur tad‑drittijiet tal‑awturi tal‑pubblikazzjonijiet; l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja fil‑forom tal‑fajls ta’ xbiha u ta’ fajls ta’ test ma għandhom, minnhom innifishom, l‑ebda sinjifikat ekonomiku indipendenti għad‑detenturi tad‑drittijiet. Jekk is‑“sinjifikat ekonomiku indipendenti” jkun jiddependi mill‑fatt li d‑detentur tad‑dritt tal‑awtur ma jirċievi l‑ebda kumpens, ikun hemm kontradizzjoni fir‑ratio tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

32.      Il‑Gvern Awstrijak, bħal Infopaq, iqis li huma sodisfatti r‑rekwiżiti stabbiliti fl‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, u josserva li dawk ir‑rekwiżiti mhumiex limitati għall‑kopji intermedji li jinħażnu fil‑kuntest tat‑trażmissjoni online bejn diversi servers. Fil‑fehma tiegħu, il‑ħolqien ta’ fajl ta’ xbieha u l‑konverżjoni suċċessiva tiegħu f’fajl ta’ test jirrappreżentaw att “tranżitorju”, billi dawn ir‑riproduzzjonijiet idumu ftit tal‑ħin biss; fl‑istess ħin, dawn jirrappreżentaw ukoll “parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku”. Il‑Gvern Awstrijak iqis ukoll li l‑użu tax‑xogħol tal‑awtur huwa “legali”, billi s‑siltiet mill‑artikli ta’ ġurnal ma għandhomx ir‑rekwiżiti meħtieġa sabiex jibbenefikaw mill‑protezzjoni mogħtija lill‑partijiet mix‑xogħlijiet tal‑awtur. Billi l‑iskop tal‑proċess użat minn Infopaq huwa biss it‑tħejjija ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta abbażi tal‑kliem imfittex, fil‑fehma tal‑Gvern Awstrijak, ir‑riproduzzjonijiet li saru huma neqsin minn “sinjifikat ekonomiku indipendenti”

33.      Iżda DDF u l‑Kummissjoni jsostnu li mhumiex sodisfatti r‑rekwiżiti imposti mill‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

34.      DDF tosserva li jeħtieġ li l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 jiġi interpretat fid‑dawl tal‑iskop tal‑istess Direttiva, u f’dan is‑sens tirreferi għall‑premess1 9 u 10 tagħha, li minnhom jirriżulta li l‑iskop tagħha huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal‑awturi, li għandhom jirċievu kumpens adegwat għall‑użu tax‑xogħlijiet tagħhom. Konsegwentement, id‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva inkwistjoni intiżi sabiex jiggarantixxu tali protezzjoni għandhom ikunu s‑suġġett ta’ interpretazzjoni estensiva, filwaqt li d‑dispożizzjonijiet li jintroduċu eċċezzjonijiet fuq il‑protezzjoni stess għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett.

35.      Fir‑rigward tal‑ewwel rekwiżit (atti “tranżitorji”), DDF tosserva li l‑atti ta’ riproduzzjoni mhumiex tranżitorji, billi r‑riproduzzjonijiet idumu u ma jitħassrux, filwaqt li l‑kunċett ta’ “tranżitorju” jimplika li r‑riproduzzjonijiet stess idumu għal ftit ħin biss.

36.      Fir‑rigward tat‑tieni rekwiżit (“parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku”), DDF issostni li l‑iskop tiegħu huwa li jiġu eżentati dawk ir‑riproduzzjonijiet li jiġu prodotti awtomatikament fil‑kuntest ta’ proċess bħal dan. Madankollu, f’dan il‑każ, ir‑riproduzzjonijiet ma jiġux prodotti awtomatikament peress li l‑iskanjar tal‑artikli u l‑konverżjoni tal‑file ta’ xbiha f’fajl ta’ test jirrappreżentaw biss fażi preliminari tal‑ipproċessar tekniku ta’ dawk it‑testi. Għalhekk, dan mhuwiex proċess tekniku intermedju. Barra minn hekk, lanqas ir‑riproduzzjoni fil‑forma ta’ ħdax‑il kelma ma tirrappreżenta “parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku” billi l‑ħdax‑il kelma huma stampati.

37.      B’referenza għat‑tielet rekwiżit (“użu legali”), DDF tenfasizza li użu li jkun illegali ma jistax isir legali abbażi tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29. Fil‑fehma tad‑DDF, fil‑kawża inkwistjoni hemm użu illegali.

38.      Fir‑rigward tar‑raba’ rekwiżit (“sinifikat ekonomiku indipendenti”), DDF issostni li dan jirreferi għall‑fatt li l‑użu tar‑riproduzzjoni fil‑kawża inkwistjoni ma għandu jkollu l‑ebda sinjifikat ekonomiku indipendenti la għall‑utent (jiġifieri għall‑impriża Infopaq) u lanqas għad‑detentur tad‑dritt. DDF tosserva kif ir‑riproduzzjonijiet għandhom sinjifikat ekonomiku indipendenti għall‑impriża Infopaq billi din għandha tuża, skont stima ta’ DDF, somma ta’ bejn 2 u 4 miljuni ta’ krone Daniżi jekk tissostitwixxi t‑trattament awtomatiku mat‑trattament manwali tar‑riproduzzjonijiet. Ir‑riproduzzjonijiet għandhom ukoll sinjifikat ekonomiku indipendenti għall‑membri ta’ DDF, billi dawn jistgħu jiksbu kumpens għoli bl‑għoti ta’ liċenzji sabiex tkun tista’ ssir ir‑riproduzzjoni tax‑xogħlijiet tagħhom.

39.      Bl‑istess mod, il‑Kummissjoni ssostni li f’din il‑kawża mhumiex sodisfatti r‑rekwiżiti stabbiliti taħt l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

40.      B’referenza għall‑ewwel rekwiżit (atti “tranżitorji”) il‑Kummissjoni tosserva li l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja huma tranżitorji jekk idumu ftit tal‑ħin biss, pereżempju jekk ikunu riproduzzjonijiet iġġenerati waqt il‑browsing fuq l‑Internet. Il‑Kummissjoni ssostni li fl‑evalwazzjoni jekk l‑atti ta’ riproduzzjoni għandhomx karattru tranżitorju, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l‑proċess teknoloġiku li fih issir ir‑riproduzzjoni, u fuq kollox għandu jiġi evalwat jekk fil‑kuntest ta’ dan il‑proċess ġietx iġġenerata riproduzzjoni fit‑tul. Fil‑proċess użat minn Infopaq issir riproduzzjoni fit‑tul li tieħu l‑forma ta’ ħdax‑il kelma stampata, għalhekk il‑fatt li l‑fajls ta’ test u ta’ xbieha li nħolqu preċedentement jitħassru wara li jiġu stampati dawn il‑ħdax‑il kelma ma jfissirx li l‑att ta’ riproduzzjoni għandu karattru tranżitorju. Il‑Kummissjoni ssostni wkoll li l‑fatt li l‑parti tar‑riproduzzjoni li tinkludi silta waħda jew iżjed ta’ ħdax‑il kelma tinħażen hija irrilevanti għall‑finijiet li jiġi stabbilit jekk l‑att temporanju ta’ riproduzzjoni jistax jiġi kkunsidrat bħala tranżitorju.

41.      F’dak li jirrigwarda t‑tieni rekwiżit (“parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku”), il‑Kummissjoni ssostni li l‑fażi tal‑proċess teknoloġiku li fiha jsiru l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja mhijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk huma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku”. Il‑Kummissjoni tosserva li Infopaq għandha l‑kontroll fiżiku fuq ir‑riproduzzjoni matul mumenti diversi tal‑proċess u tista’ żżomm kopji maħżuna fuq karti jew elettronikament għal ħafna żmien wara li tibgħat is‑siltiet lill‑klijenti. Barra minn hekk, il‑kopji elettroniċi jippermettu użu li jmur lil hinn mis‑sempliċi trażmissjoni elettronika bl‑Internet; fil‑fatt, f’din il‑kawża, il‑kopji elettroniċi jirrappreżentaw il‑bażi għall‑ħolqien tal‑fajls ta’ test. Il‑Kummissjoni tenfasizza wkoll li dawn l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja ma jistgħux ikunu “parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku” jekk jinkludu l‑iskanjar manwali ta’ artikli sħaħ ta’ gazzetta, li bih dawn jinbidlu minn dokumenti fuq karta għal dokumenti f’forma diġitali, billi dak il‑proċess imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall‑finijiet tal‑preparazzjoni tas‑silta. Il‑Kummissjoni tosserva wkoll li l‑istampar tas‑siltiet ma jirrapreżentax att ta’ riproduzzjoni temporanja, u b’hekk ma jistax ikun “parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku”.

42.      F’dak li jirrigwarda t‑tielet rekwiżit (“użu legali”), il‑Kummissjoni tosserva li l‑“użu legali” ma jinkludix kull forma ta’ użu li ma tkunx teħtieġ il‑kunsens tad‑detentur tad‑dritt tal‑awtur, iżda pjuttost jinkludi wkoll dawk il‑forom ta’ użu li huma awtorizzati mid‑detentur tad‑dritt, jiġifieri dawk li mhumiex koperti mid‑dritt esklużiv tad‑detentur tad‑dritt tal‑awtur jew li jidħlu fl‑eċċezzjonijiet għad‑dritt esklużiv. Hija tgħid ukoll li l‑proċess ta’ tħejjija tas‑siltiet użat minn Infopaq ma jirrappreżentax użu legali tax‑xogħol tal‑awtur billi dan huwa konverżjoni tax‑xogħol bil‑għan li ssir silta qasira tat‑test.

43.      F’dak li jirrigwarda r‑raba’ rekwiżit (“sinifikat ekonomiku indipendenti”) il‑Kummissjoni ssostni li l‑kriterji għall‑valutazzjoni ta’ tali rekwiżit joħorġu mill‑ premessa 33 tad‑Direttiva 2001/29 u li skont tali premessa, l‑atti ta’ riproduzzjoni m’għandhomx “sinifikat ekonomiku indipendenti” jekk ma jimmodifikawx l‑informazzjoni u ma jinterferixxux mal‑użu legali ta’ teknoloġija użata u magħrufa ħafna fis‑settur sabiex jinkiseb tagħrif fuq l‑użu tal‑informazzjoni. Il‑Kummissjoni tqis ukoll li Infopaq, meta tuża dak il‑proċess, iżżid il‑produttività tagħha, billi dak l‑ipproċessar tas‑siltiet huwa ferm iktar mgħaġġel u ekonomiku; fil‑fehma tal‑Kummissjoni, tali element għandu jiġi kkunsidrat fil‑valutazzjoni jekk l‑atti inkwistjoni għandhomx “sinifikat ekonomiku indipendenti”.

C –    It‑tlettax‑il domanda preliminari

44.      Fir‑rigward tat‑tlettax‑il domanda preliminari, Infopaq isostni li l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 ma jdaħħalx rekwiżiti indipendenti li għandhom ikunu sodisfatti flimkien mar‑rekwiżiti stabbiliti fl‑Artikolu 5(1) tal‑istess Direttiva; jekk jiġu sodisfatti r‑rekwiżiti introdotti mill‑Artikolu 5(1), mhuwiex meħtieġ li jiġu eżaminati r‑rekwiżiti taħt l‑Artikolu 5(5).

45.      Il‑Gvern Awstrijak isostni li huma sodisfatti r‑rekwiżiti taħt l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29, mingħajr madankollu ma jispjega b’mod iktar dettaljat il‑pożizzjoni tiegħu.

46.      DDF tosserva, fir‑rigward tat‑tlettax‑il domanda preliminari, li l‑atti ta’ riproduzzjoni ma jissodisfawx ir‑rekwiżiti stabbiliti mill‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29. Infopaq twettaq atti ta’ riproduzzjoni b’dan il‑mod sabiex tkun tista’ tnaqqas l‑ispejjeż tagħha fir‑rigward tal‑kompetituri tagħha. Barra minn hekk, fil‑fehma ta’ DDF, l‑atti ta’ riproduzzjoni għandhom firxa wiesgħa u sinjifikat tali li dwarhom ma jistax jingħad li hemm sfruttament normali tax‑xogħol, u fl‑istess ħin, huma joħolqu preġudizzju mhux ġustifikat għall‑interessi leġittimi tad‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur, li jistgħu altrimenti jaqilgħu kumpens permezz tal‑għoti ta’ liċenzja li permezz tagħha jkun jista’ jsir tali użu.

47.      Il‑Kummissjoni ssostni li mhuwiex meħtieġ, bħala prinċipju, li tingħata risposta għat‑tlettax‑il domanda preliminari, billi l‑attività tal‑impriża Infopaq ma taqax taħt l‑eċċezzjoni stabbilita mill‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29; minkejja dan, hija tipprovdi risposta għal din il‑kwistjoni. Hija tosserva li d‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 5(5) tad‑direttiva li jissejjaħ “test fi tliet fażijiet”, jikkorrespondu ma’ dawk tal‑Artikolu 13 tal‑Ftehim TRIPS. Il‑Kummissjoni ssostni li, bħala prinċipju, it‑“test fi tliet fażijiet” taħt l‑imsemmi Artikolu 5(5) għandu jsir b’mod separat fir‑rigward tal‑valutazzjoni li trid titwettaq abbażi tal‑Artikolu 5(1) tal‑istess direttiva, u li r‑rekwiżit stabbilit fl‑Artikolu 5(5), li jirreferi għall‑“isfruttament normali tax‑xogħol”, huwa simili għar‑rekwiżit li jgħid li l‑att ta’ riproduzzjoni temporanja għandu jkollu “sinjifikat ekonomiku indipendenti” skont l‑Artikolu 5(1). Għaldaqstant, b’riferenza għaż‑żewġ rekwiżiti indikati minn dawn iż‑żewġ dispożizzjonijiet, huwa essenzjali li jiġi ċċarat jekk l‑atti ta’ riproduzzjoni jippermettux trasferiment elettroniku tat‑tagħrif mingħajr sinjifikat ekonomiku, jew jekk huma jżidux valur lil jmur lil hinn mis‑sempliċi trasferiment tat‑tagħrif. Billi l‑atti ta’ riproduzzjoni f’din il‑kawża jassumu sinjifikat ekonomiku għal Infopaq, ma jistax jingħad li dawn jirrappreżentaw sfruttament normali tax‑xogħol. Għaldaqstant, fil‑fehma tal‑Kummissjoni, ir‑rekwiżiti tal‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 mhumiex sodisfatti.

VI – L‑evalwazzjoni tal‑Avukat Ġenerali

A –    Introduzzjoni

48.      Din il‑kawża tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑portata tad‑dritt ta’ riproduzzjoni kif ukoll tal‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet ta’ dak id‑dritt, kif irregolati mid‑Direttiva 2001/29, li tarmonizza wħud mill‑aspetti tad‑dritt tal‑awtur u tad‑drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni (13). Id‑dritt tar‑riproduzzjoni jirrappreżenta l‑essenza stess tad‑dritt tal‑awtur (14), billi jinkludi d‑dritt esklużiv tal‑awtur li jawtorizza jew jipprojbixxi r‑riproduzzjoni tax‑xogħol tiegħu. Madankollu, il‑portata tad‑dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal‑awtur tiddependi mill‑għarfien ta’ kemm hu wiesa’ l‑kunċett ta’ riproduzzjoni ta’ xogħol tal‑awtur.

49.      Fil‑passat, kien iktar faċli li dan il‑kunċett jiġi ddefinit, minħabba n‑numru limitat ta’ strumenti ta’ riproduzzjoni (15), iżda bl‑iżvilupp tat‑teknoloġiji tal‑informazzjoni u bil‑possibbiltà tar‑riproduzzjoni diġitali żdiedu anki l‑possibbiltajiet tar‑riproduzzjoni iktar sempliċi u iktar mgħaġġla, li minn naħa, iwassal għall‑ħtieġa li tiġi ggarantita protezzjoni xierqa tad‑dritt tal‑awtur u, min‑naħa l‑oħra, li dik il‑protezzjoni tkun flessibbli biżżejjed sabiex ma tostakolax l‑iżvilupp jew it‑tħaddim normali tat‑teknoloġiji l‑ġodda (16). Anki fl‑evalwazzjoni tad‑domandi preliminari f’din il‑kawża għandu jiġi stabbilit liema kriterju ta’ direzzjoni għandu jintuża sabiex ikun assigurat ħarsien bilanċjat tad‑dritt tal‑awtur li jkun, min‑naħa waħda, wiesgħa biżżejjed u, min‑naħa l‑oħra, flessibbli biżżejjed.

50.      Fid‑dawl tal‑kontenut essenzjali tagħhom, id‑domandi li saru mill‑qorti tar‑rinviju jistgħu jinqasmu fi tliet problemi distinti, li għalihom ser nadatta anki l‑istruttura tal‑argumenti ta’ dawn il‑konklużjonijiet. L‑ewwel problema, li għaliha tirreferi l‑ewwel domanda preliminari, tirrigwarda l‑interpretazzjoni kkontestata tal‑kunċett ta’ riproduzzjoni skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29. It‑tieni grupp ta’ problemi, li huwa stabbilit mit‑tieni sat‑tnax‑il domandi preliminari, jirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑eċċezzjoni għad‑dritt tar‑riproduzzjoni stabbilita fl‑Artikolu 5(1) ta’ dik id‑Direttiva li tawtorizza, f’kundizzjonijiet speċifiċi, l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja. It‑tielet problema, stabbilita mit‑tlettax‑il domanda preliminari, tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(5) ta’ dik id‑Direttiva, li jgħid li l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni jistgħu jiġu applikati biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kontra l‑isfruttament normali tax‑xogħol jew tal‑materjali l‑oħra u ma jippreġudikawx b’mod inġustifikat l‑interessi leġittimi tad‑detentur tad‑drittijiet.

51.      Fl‑ewwel lok, f’dawn il‑konklużjonijiet, ser niċċara fil‑qosor il‑karatteristiċi essenzjali tal‑proċess ta’ tħejjija tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta, sabiex wara nwieġeb, fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tat‑tliet gruppi ta’ problemi, id‑domandi preliminari li saru.

B –    Karatteristiċi essenzjali tal‑proċess tat‑tħejjija tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta applikat minn Infopaq

52.      Kif tosserva l‑qorti tar‑rinviju, huwa aċċettat fil‑kawża prinċipali li l‑proċess ta’ tħejjija tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta (jiġifieri l‑proċess tal‑“ġabra tat‑tagħrif”), applikat minn Infopaq, jikkonsisti ċertament f’żewġ atti ta’ riproduzzjoni, jiġifieri: (1) il‑ħolqien ta’ fajls ta’ xbiha abbażi ta’ artikli ta’ gazzetta skanjati u (2) il‑bidla ta’ fajls ta’ xbieha f’fajls ta’ test. Iżda l‑partijiet jiddiskutu jekk ir‑riproduzzjoni timplikax ukoll (3) il‑ħażna ta’ kull kelma mfittxija, flimkien mal‑ħames kelmiet li jippreċeduha u l‑ħames kelmiet li jsegwuha, kif ukoll (4) l‑istampar ta’ dawn il‑ħdax‑il kelma.

53.      Għaldaqstant, iktar ’il quddiem ser nittratta l‑kwistjoni jekk il‑ħażna ta’ kull kelma mfittxija, flimkien mal‑ħames kelmiet li jippreċeduha u l‑ħames kelmiet li jsegwuha, u l‑istampar ta’ dawn il‑ħdax‑il kelma humiex riproduzzjoni skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29.

C –    Interpretazzjoni tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29 (l‑ewwel domanda preliminari)

54.      Permezz tal‑ewwel domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk fil‑kunċett ta’ riproduzzjoni skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29 jidħlux il‑ħażna u l‑istampar suċċessiv ta’ test meħud minn artiklu ta’ ġurnal ta’ kuljum u li jikkonsisti f’kelma ta’ tiftix flimkien mal‑ħames kelmiet li jippreċeduha u l‑ħames kelmiet li jsegwuha.

55.      L‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29 jipprovdi li l‑Istati Membri għandhom jirrikonoxxu lill‑awtur, f’dak li jirrigwarda x‑xogħlijiet tiegħu, “[i]d‑dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti”. B’hekk, mis‑sinjifikat letterali ta’ dan l‑artiklu jirriżulta li r‑riproduzzjoni tax‑xogħol tal‑awtur mhijiex permessa mingħajr awtorizzazzjoni tiegħu, indipendentement mill‑karattru parzjali jew sħiħ tal‑istess riproduzzjoni. Madankollu, l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29 ma tiddefinixxi la l‑kunċett ta’ “riproduzzjoni” u lanqas meta u taħt liema kundizzjonijiet ikun hemm “riproduzzjoni parzjali”, u għalhekk jeħtieġ, fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tal‑ewwel domanda, li qabel xejn jiġu definiti ż‑żewġ kunċetti.

56.      Fid‑definizzjoni tal‑kunċetti ta’ “riproduzzjoni” u ta’ “riproduzzjoni parzjali” jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li – kif jirriżulta mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja – mill‑ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad‑dritt Komunitarju jirriżulta li dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju li, l‑istess bħad‑Direttiva 2001/29, ma jkun fiha l‑ebda referenza speċifika għad‑dritt tal‑Istati Membri għall‑finijiet tad‑determinazzjoni tas‑sens u tal‑portata tagħha, għandha normalment tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil‑Komunità kollha (17). Fil‑fehma tiegħi, sabiex titħares din il‑ħtieġa, il‑kunċett ta’ “riproduzzjoni” ta’ xogħol tal‑awtur jista’ jiġi ddefinit bħala l‑iffissar tax‑xogħol tal‑awtur fuq mezz determinat ta’ trażmissjoni tal‑informazzjoni (18). Għaldaqstant, ir‑“riproduzzjoni parzjali” tista’ tiġi ddefinita bħala l‑iffissar ta’ partijiet biss mix‑xogħol tal‑awtur fuq mezz determinat ta’ trażmissjoni tal‑informazzjoni.

57.      Mis‑sinjifikjat letterali tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29 jirriżulta wkoll li l‑kunċett ta’ “riproduzzjoni” għandu jiftiehem f’sens wiesa’, billi jinkludi r‑riproduzzjoni “diretta jew indiretta”, “temporanea jew permanenti”, mwettqa “b’kull mezz u f’kull forma” u “kollha jew parti”. Il‑ħtieġa ta’ interpretazzjoni estensiva ta’ dan il‑kunċett tirriżulta wkoll mill‑premessa 21 tad‑direttiva msemmija, li tgħid li din hija intiża sabiex “tiddefinixxi l‑iskop ta’ l‑atti regolati mid‑dritt ta’ riproduzzjoni rigward il‑benefiċjarji differenti” u li “[t]ifsira wiesgħa ta’ dawn l‑atti hija meħtieġa biex tiżgura ċertezza legali ġewwa s‑suq intern”. Hija neċessarja tifsira wiesgħa tal‑kunċett ta’ riproduzzjoni sabiex jiġi ggarantit il‑livell għoli ta’ protezzjoni tad‑dritt tal‑awtur li huwa l‑għan tad‑Direttiva 2001/29 (19). Minn interpretazzjoni estensiva tal‑kunċett ta’ “riproduzzjoni” nistgħu nisiltu wkoll argument favur interpretazzjoni estensiva tal‑kunċett ta’ “riproduzzjoni parzjali”: jekk jiġi interpretat b’mod estensiv il‑kunċett ta’ “riproduzzjoni”, jeħtieġ, a maiori ad minus, li jiġu interpretati b’mod estensiv il‑modalitajiet kollha ta’ dik ir‑riproduzzjoni, inkluża dik parzjali, għaliex b’dan il‑mod biss ikun possibbli li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tad‑dritt tal‑awtur.

58.      Madankollu, din l‑interpretazzjoni estensiva tal‑kunċett ta’ “riproduzzjoni parzjali” ma tistax twassal għal interpretazzjoni assurda u eżaġeratament teknika, li tinkludi fil‑kuntest tagħha kull riproduzzjoni, anki ta’ biċċa, għalkemm żgħira u insinjifikanti, tax‑xogħol ta’ awtur. Inqis li, fl‑interpretazzjoni ta’ dan il‑kunċett, jeħtieġ li tinstab it‑triq tan‑nofs bejn interpretazzjoni teknikament ibbażata u l‑ħtieġa li anki r‑riproduzzjoni parzjali għandu jkollha kontenut, għandha tingħaraf u, bħala parti mix‑xogħol ta’ awtur, għandu jkollha anki ċerta valur intellettwali tali li tkun meħtieġa l‑protezzjoni abbażi tad‑dritt tal‑awtur. Fil‑fehma tiegħi, sabiex jiġi stabbilit jekk f’dan il‑każ partikolari hemmx riproduzzjoni parzjali, wieħed għandu joqgħod fuq żewġ elementi. Fl‑ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk ir‑riproduzzjoni parzjali hijiex effettivament identika għal parti mix‑xogħol oriġinal ta’ awtur (element ta’ identiċità). B’mod konkret, fil‑każ tar‑riproduzzjoni parzjali ta’ artiklu ta’ ġurnal, dan huwa ekwivalenti għal li jiġi stabbilit jekk il‑kliem miġjub fir‑riproduzzjoni huwiex identiku, anki fis‑sekwenza tiegħu, ma’ dak tal‑artiklu stess. Fit‑tieni lok, għandu jiġi aċċertat jekk huwiex possibbli, abbażi tar‑riproduzzjoni parzjali, li jintgħaraf il‑kontenut tax‑xogħol tal‑awtur, jiġifieri li jiġi stabbilit b’ċertezza li hemm riproduzzjoni parzjali eżatta ta’ xogħol partikolari tal‑awtur (element tal‑għarfien). Fil‑każ ta’ riproduzzjoni parzjali ta’ artikli ta’ gazzetti dan ifisser li għandu jkun possibbli li jiġi stabbilit b’ċertezza li silta partikolari ġiet riprodotta minn artiklu ta’ gazzetta partikolari (20). Għaldaqstant, ir‑riproduzzjoni parzjali ma għandhiex tiġi ddefinita f’sens strettament kwantitattiv (21), jiġifieri abbażi tal‑kriterji de minimis, li jistabbilixxu eżattament liema perċentwali minn xogħol għandha tiġi riprodotta sabiex ikun hemm riproduzzjoni parzjali, jiġifieri, fil‑kawża prinċipali, kemm‑il kelma ta’ xogħol partikolari ta’ awtur hija biżżejjed sabiex ikun hemm riproduzzjoni parzjali (22). L‑eżistenza ta’ riproduzzjoni parzjali għandha tiġi eżaminata minn każ għal każ.

59.      Abbażi tal‑kriterji individwati fil‑punt 58, jista’ fil‑fehma tiegħi jingħad li, fil‑kawża prinċipali, il‑ħażna u l‑istampar suċċessiv ta’ test meħud minn artiklu ta’ gazzetta ta’ kuljum, li jikkonsisti f’kelma ta’ tiftix u fil‑ħames kelmiet li jippreċeduha u fil‑ħames kelmiet li jsegwuha jikkostitwixxu riproduzzjoni parzjali tal‑artiklu msemmi skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29. Fil‑fatt jeżistu kemm l‑element ta’ identiċità u dak tal‑għarfien.

60.      L‑ewwel nett, fil‑kawża prinċipali, il‑ħdax‑il kelma stampati fis‑silta huma identiċi għall‑ħdax‑il kelma tal‑artiklu ta’ ġurnal: anki s‑sekwenza tagħhom hija identika għal dik tal‑artiklu. Fil‑fehma tiegħi, is‑sekwenza ta’ ħdax‑il kelma hija twila biżżejjed sabiex tippermetti li jiġi stabbilit – permezz ta’ paragun mat‑test tal‑artiklu ta’ ġurnal – li din tikkostitwixxi silta minn artiklu ta’ ġurnal partikolari. Fl‑aħħar, nenfasizza li fil‑kawża prinċipali, l‑għan tas‑silta, magħmula minn kelma ta’ tiftix flimkien mal‑ħames kelmiet li jippreċeduha u l‑ħames kelmiet li jsegwuha, huwa preċiżament sabiex il‑qarrej ikunu jista’ faċilment isib il‑kelma mfittxija fl‑artiklu (23).

61.      Barra minn hekk, fil‑kawża prinċipali għandu jiġi kkunsidrat ukoll li, għal kull artiklu, Infopaq tistampa l‑kelma ta’ tiftix flimkien mal‑ħames kelmiet li jippreċeduha u l‑ħamsa suċċessivi għaliha kull darba li fit‑test tal‑artiklu jkun hemm dik il‑kelma. Għaldaqstant, dan jista’ jwassal, kif enfasizzat ġustament DDF (24), għal riproduzzjoni tal‑biċċa l‑kbira tal‑artiklu ta’ gazzetta, u dan jirrappreżenta mingħajr dubju riproduzjoni parzjali ta’ dan l‑artiklu skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29.

62.      Abbażi tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil‑fehma tiegħi l‑ewwel domanda preliminari għandha tiġi solvuta fis‑sens li l‑ħażna u l‑istampar suċċessiv ta’ test meħud minn artiklu ta’ gazzetta ta’ kuljum li jikkonsisti minn kelma ta’ tiftix flimkien mal‑ħames kelmiet li jippreċeduha u l‑ħamsa suċċessivi, jaqgħu taħt il‑kunċett ta’ riproduzzjoni skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29.

D –    Interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 (mit‑tieni sat‑tnax‑il domandi preliminari)

63.      Il‑qorti tar‑rinviju tagħmel diversi domandi (mit‑tieni sat‑tnax) relatati mal‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, li għalhekk hemm bżonn li jiġu evalwati flimkien. B’dawn id‑domandi, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk huwiex possibbli li jsir il‑proċess tat‑tħejjija tas‑siltiet ta’ artikli ta’ gazzetta użat minn Infopaq mingħajr awtorizzazzjoni tad‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur, billi dan jidħol fl‑eċċezzjoni stabbilta fl‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, li teżenta mid‑dritt ta’ riproduzzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet, l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja.

64.      Fl‑argumentazzjonijiet li ġejjin, ser nevalwa qabel kollox il‑kontenut u l‑għan tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, u wara nevalwa b’mod individwali l‑kundizzjonijiet iffissati f’dak l‑artiklu u, fil‑kuntest ta’ kull kundizzjoni, nevalwa d‑domanda speċifika relatata magħha.

1.      Kontenut u għan tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29

65.      Id‑Direttiva 2001/29, fl‑Artikolu 5(1), tistabbilixxi eċċezzjoni għad‑dritt ta’ riproduzzjoni għal atti partikolari ta’ riproduzzjoni temporanja. Minn dan l‑Artikolu 5(1) jirriżulta li huma eżentati mid‑dritt ta’ riproduzzjoni l‑atti ta’ riproduzzjoni li jissodisfaw il‑kundizzjonijiet li ġejjin:

–        għandhom ikunu atti ta’ riproduzzjoni ta’ karattru temporanju;

–        dawn l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja għandhom jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet oħra: fl‑ewwel lok, għandhom ikunu tranżitorji jew inċidentali, fit‑tieni lok, għandhom ikunu parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku, fit‑tielet lok, l‑uniku skop tagħhom għandu jkun li jippermetti t‑trażmissjoni fuq l‑Internet bejn terzi persuni bl‑intervent ta’ intermedjarju jew użu legali ta’ xogħol jew ta’ materjali oħrajn u, fir‑raba’ lok, dawn l‑atti ma għandhomx ikunu ta’ sinjifikat ekonomiku indipendenti.

66.      L‑eċċezzjoni taħt l‑Artikolu 5(1) iddaħħlet fid‑Direttiva 2001/29 sabiex mid‑definizzjoni wiesgħa tad‑dritt ta’ riproduzzjoni jitneħħew atti partikolari ta’ riproduzzjoni temporanja li huma parti integrali minn proċess teknoloġiku u li l‑uniku skop tiegħu huwa li jippermetti forma oħra ta’ użu ta’ xogħol partikolari (25). Il‑premessa 33 tad‑Direttiva 2001/29 issemmi espressament, bħala eżempju ta’ atti ta’ riproduzzjoni temporanja li għandhom jiġu eżentati mid‑dritt ta’ riproduzzjoni, l‑atti li jiffaċilitaw il‑“browsing” “kif ukoll atti ta’ ħażna, inklużi dawk li bihom jagħmluha possibbli għal sistemi ta’ trasmissjoni li jiffunzjonaw b’mod effiċjenti” (26). Dawn l‑atti ta’ riproduzzjoni huma permessi, skont din il‑premessa, “kemm‑il darba li l‑intermedjarju ma jimmodifikax l‑informazzjoni u ma jfixkilx l‑użu legali tat‑teknoloġija, rikonoxxuta b’mod wiesgħa u użata mill‑industrija, biex jikseb data dwar l‑użu ta’ l‑informazzjoni”. Nuqqas ta’ eżenzjoni ta’ dawn l‑atti mit‑tifsira wiesgħa tad‑dritt ta’ riproduzzjoni kien iwassal, għat‑teknoloġiji l‑ġodda, l‑obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni mid‑detentur tad‑dritt tal‑awtur għal kull riproduzzjoni, immaterjalment minn kemm tkun qasira u teknikamnet meħtieġa (27). Prattikament, dan kien iwassal, pereżempju, biex ikun neċessarju li tinkiseb l‑awtorizzazzjoni tad‑detentur tad‑dritt tal‑awtur għal kull att ta’ caching (ħażna) (28), li jippermetti użu normali tat‑teknoloġija informatika u tal‑Internet bil‑ħolqien awtomatiku ta’ kopji temporanji ta’ tagħrif diġitali (29). Abbażi ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet, inqis li l‑eċċezzjoni taħt l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 ma tirriferixxix biss għall‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja li jkun hemm fuq l‑Internet, iżda għall‑atti ta’ riproduzzjoni kollha li jissodisfaw il‑kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti f’dak l‑Artikolu (30).

67.      Nixtieq nenfasizza wkoll li, fil‑kuntest tal‑analiżi bbażata fuq l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, għandha ssir distinzjoni ċara bejn, minn naħa, l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja, li għalihom għandu jiġi evalwat jekk jissodisfawx il‑kundizzjonijiet stabbiliti minn dan l‑artiklu, u min‑naħa l‑oħra, dawk il‑forom ta’ użu, ta’ xogħol partikolari, li huma possibbli minħabba dawk l‑atti. Pereżempju, l‑atti ta’ caching jippermettu lill‑utent tal‑Internet li jaqra u jinforma ruħu fuq il‑kontenut tas‑siti tal‑Internet. Il‑ħażna temporanja fil‑memorja RAM (31) tal‑kompjuter jippermetti lill‑utent li joħloq kopja ta’ reġistrazzjoni awdjo jew vidjo. Fl‑evalwazzjoni bbażata fuq l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 jeħtieġ li dejjem issir distinzjoni bejn l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja u l‑forma finali ta’ użu ta’ xogħol partikolari, li tkun possibbli minħabba dawk l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja. Din id‑distinzjoni hija partikolarment importanti meta tiġi analizzata t‑tielet kundizzjoni tal‑Artikolu 5(1), li tgħid li l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja għandhom jippermettu użu legali tax‑xogħol (32).

2.      Kundizzjoni għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 5(1): atti ta’ riproduzzjoni temporanja

68.      Mis‑sinjifikat letterali tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 jirriżulta b’mod ċar li l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja biss jistgħu jiġu inklużi fl‑eċċezzjoni stabbilita minn din id‑dispożizzjoni. Il‑fatt li att partikolari jikkostitwixxi riproduzzjoni temporanja jirrappreżenta kundizzjoni primarja għall‑applikazzjoni ta’ din l‑eċċezzjoni, li tiġi evalwata qabel il‑verifika jekk dak l‑att ta’ riproduzzjoni temporanja jissodisfax ukoll il‑kundizzjonijiet l‑oħrajn stabbiliti fl‑Artikolu msemmi. Għaldaqstant, qabel ma jiġi evalwat jekk il‑proċess ta’ tħejjija tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta użat minn Infopaq jissodisfax il‑kundizzjonijiet individwali stabbiliti f’dak l‑Artikolu, jeħtieġ li jiġi stabbilit liema atti ta’ riproduzzjoni, fost dawk li jiffurmaw dak il‑proċess, jistgħu jiġu ddefiniti bħala atti ta’ riproduzzjoni temporanja.

69.      Fil‑proċess ta’ tħejjija ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta użat minn Infopaq jistgħu jiġu identifikati diversi atti ta’ riproduzzjoni. Minn naħa, l‑artikli ta’ gazzetta jiġu qabel kollox skanjati, u dan iwassal għall‑ħolqien ta’ fajl ta’ xbieha li wara jinbidel f’fajl ta’ test; minn dan il‑każ partikolari jirriżulta li l‑fajl ta’ xbieha jitħassar wara li jinbidel f’fajl ta’ test, li jitħassar ukoll wara li s‑silta tal‑artiklu tal‑gazzetta tkun lesta. Min‑naħa l‑oħra, jinħażen u jiġi stampat il‑kliem ta’ tiftix tal‑artiklu ta’ gazzetta ttrattat b’dan il‑mod, flimkien mal‑ħames kelmiet preċedenti u l‑ħamsa suċċessivi għalihom.

70.      B’hekk, l‑iskanjar u l‑konverżjoni tal‑fajl ta’ xbieha f’fajl ta’ test jirrappreżentaw biss atti preparatorji fir‑rigward tal‑ħażna u l‑istampar tas‑silta mill‑artiklu ta’ gazzetta, magħmula minn ħdax‑il kelma. Dawn iż‑żewġ fajls jitħassru, l‑ewwel wieħed matul il‑proċess tat‑tħejjija tas‑siltiet u t‑tieni immedjatament wara li jintemm dan il‑proċess. Għalhekk, fil‑fehma tiegħi, l‑iskanjar u l‑bidla tal‑fajl ta’ xbieha f’fajl ta’ test jistgħu jiġu ddefiniti bħala atti ta’ riproduzzjoni temporanja.

71.      Dwar il‑possibbilità li tiġi kkunsidrata bħala att ta’ riproduzzjoni temporanja l‑ħażna ta’ silta minn artiklu ta’ gazzetta, komposta minn ħdax‑il kelma, fil‑fehma tiegħi, id‑digriet tar‑rinviju ma fihx biżżejjed elementi ta’ valutazzjoni. Il‑qorti tar‑rinviju, fid‑digriet tagħha, issostni biss li, flimkien mal‑kelma mfittxija, jinħażnu anki l‑ħames kelmiet preċedenti u l‑ħamsa suċċessivi (33), iżda ma tiċċarax għal kemm żmien dan il‑kliem jibqa’ rreġistrat fil‑memorja tal‑kompjuter. Għalhekk, dan l‑element ta’ fatt għandu jiġi ċċarat mill‑qorti tar‑rinviju.

72.      Iżda indipendentement minn kif tiġi kkunsidrata l‑ħażna ta’ silta komposta minn ħdax‑il kelma, fil‑fehma tiegħi l‑istampar ta’ din is‑silta ma tistax tiġi ddefinita bħala att ta’ riproduzzjoni temporanja. Fil‑fatt, l‑istampar fuq karta għandu jiġi kkunsidrat bħala riproduzzjoni permanenti (34). Evidentement, riproduzzjoni permanenti ma tinvolvix tul illimitat fiż‑żmien, billi tali riproduzzjoni tista’ anki tinqered, iżda huwa l‑utent stess li jista’ jiddeċiedi l‑mument tal‑qerda tagħha. Fir‑rigward tal‑istampar tas‑silta, nixtieq nenfasizza wkoll li dan ma jidħolx fost l‑atti li jagħmluha possibbli biss li wieħed juża f’forma differenti x‑xogħol ta’ awtur, bħal dawk li l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 jipprova jeskludi mid‑dritt tar‑riproduzzjoni. L‑istampar tas‑silta mill‑artiklu ta’ gazzetta jirrappreżenta r‑riproduzzjoni finali fil‑proċess ta’ tħejjija tas‑siltiet użat minn Infopaq, u għalhekk fl‑eżami tal‑kawża ikun fuq kollox rilevanti li jiġi stabbilit jekk tali riproduzzjoni finali tikkostitwixxix użu leġittimu tax‑xogħol (35), li jkun possibbli mill‑atti ta’ riproduzzjoni tranżitorja magħmula f’dak il‑proċess.

73.      Iktar ’il quddiem fl‑argumentazzjoni tiegħi ser neżamina jekk l‑iskanjar tal‑artikli, il‑konverżjoni tal‑fajl ta’ xbieha f’fajl ta’ test u l‑ħażna tas‑silta ta’ ħdax‑il kelma, li jagħmlu possibbli l‑istampar ta’ din is‑silta, jissodisfawx il‑kundizzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 5(1).

3.      Evalwazzjoni tal‑erba’ kundizzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29

a)      L‑ewwel kundizzjoni: atti tranżitorji (mit‑tieni sal‑ħames domandi)

74.      L‑ewwel kundizzjoni li att ta’ riproduzzjoni temporanja għandu jissodisfa fil‑kuntest tal‑Artikolu 5(1) tikkonsisti mill‑fatt li huwa għandu jkun tranżitorju jew inċidentali. Billi d‑domandi tal‑qorti tar‑rinviju jirriferu biss għall‑possibbiltà li l‑atti ta’ riproduzzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali huma atti tranżitorji, ser nillimita ruħi sabiex ninterpreta l‑ewwel mill‑ipoteżijiet alternattivi mingħajr ma nevalwa jekk dawk l‑atti humiex inċidentali jew le. L‑interpretazzjoni tal‑kundizzjoni dwar il‑karattru tranżitorju tal‑atti ta’ riproduzzjoni tikkostitwixxi s‑suġġett tat‑tieni sal‑ħames domandi preliminari.

75.      Il‑qorti nazzjonali fformulat it‑tieni domanda billi staqsiet jekk iċ‑ċirkustanzi fejn isiru l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja humiex rilevanti sabiex jiġu kkunsidrati bħala tranżitorji skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, iżda mingħajr ma ġie speċifikat fid‑digriet tar‑rinviju għal liema ċirkustanzi qed tirreferi din id‑domanda. Mhuwiex ċar jekk il‑qorti tar‑rinviju hijiex qed taħseb fuq il‑metodi ta’ riproduzzjoni (permezz ta’ skaner kif ukoll sistemi ta’ rikonoxximent ottiku tal‑karattri u ta’ ħażna), għall‑perijodu ta’ kemm iddum riproduzzjoni, jew għal ċirkustanzi oħra. Billi mhuwiex magħruf eżattament għal liema ċirkustanzi qed tirriferi l‑qorti tar‑rinviju, u billi ma tistax tingħata soluzzjoni sempliċi fl‑affermattiv jew fin‑negattiv, fil‑fehma tiegħi jeħtieġ li tiġi riformulata d‑domanda.

76.      Għalhekk it‑tieni domanda għandha tinftiehem fis‑sens li l‑qorti tar‑rinviju trid tkun taf f’liema ċirkustanzi partikolari atti ta’ riproduzzjoni temporanja għandhom jiġu kkunsidrati bħala tranżitorji skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

77.      Bit‑tielet domanda, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk att ta’ riproduzzjoni temporanja jistax jiġi kkunsidrat bħala tranżitorju skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, meta dik ir‑riproduzzjoni ssir permezz ta’ ħolqien ta’ fajl ta’ test abbażi ta’ fajl ta’ xbieha jew permezz ta’ tiftix ta’ sekwenzi ta’ kliem abbażi tal‑fajl ta’ test. Anki t‑tielet domanda għandha tiġi parzjalment ifformulata mill‑ġdid, billi permezz tagħha l‑qorti tar‑rinviju tistaqsi wkoll jekk l‑att ta’ riproduzzjoni jkunx tranżitorju, jekk ir‑riproduzzjoni ssir “permezz ta’ tiftix ta’ sekwenzi ta’ kliem abbażi ta’ fajl ta’ test”. Billi s‑sempliċi tiftix ta’ sekwenza ta’ kliem mhijiex riproduzzjoni, it‑tielet domanda għandha tinftiehem fis‑sens li l‑qorti tar‑rinviju qed tistaqsi jekk att ta’ riproduzzjoni temporanja jistax ikun ikkunsidrat bħala tranżitorju jekk ir‑riproduzzjoni ssir, pereżempju, permezz tal‑ħolqien ta’ fajl ta’ test abbażi ta’ fajl ta’ xbieha.

78.      Permezz tar‑raba’ domanda, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk att ta’ riproduzzjoni (36) jistax jiġi kkunsidrat bħala tranżitorju skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, jekk tinħażen parti minn riproduzzjoni li tinkludi silta waħda jew iżjed ta’ test ta’ ħdax‑il kelma.

79.      Permezz tal‑ħames domanda, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk att ta’ riproduzzjoni jistax jitqies bħala tranżitorju skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, jekk tiġi stampata parti minn riproduzzjoni li tinkludi silta waħda jew iżjed ta’ test ta’ ħdax‑il kelma.

80.      Biex tingħata risposta għal dawn id‑domandi preliminari, jeħtieġ li l‑ewwel nett jiġi stabbilit meta att ta’ riproduzzjoni temporanja jkun tranżitorju.

81.      Fil‑fehma tiegħi, att ta’ riproduzzjoni huwa tranżitorju meta r‑riproduzzjoni teżisti biss għal perijodu qasir ħafna ta’ żmien (37). Huwa ċar li b’dan il‑mod tqum il‑kwistjoni dwar liema hija d‑differenza bejn att ta’ riproduzzjoni tranżitorju u wieħed temporanju. Fil‑fehma tiegħi, id‑differenza tikkonsisti fil‑fatt li l‑att ta’ riproduzzjoni tranżitorja jdum għal żmien qasir ħafna, filwaqt li l‑att temporanju ta’ riproduzzjoni jista’ jdum anki għal perijodu itwal (38). L‑atti ta’ riproduzzjoni tranżitorji huma għalhekk dawk l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja li jdumu għal perijodi partikolarment qasir, jgħaddu malajr u jgħibu minnufih wara l‑ħolqien tagħhom (39). Huwa minnu li anki l‑perijodu kemm idumu l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanji huwa limitat fiż‑żmien, iżda jista’ jkun iktar twil meta mqabbel mal‑atti ta’ riproduzzjoni tranżitorji (40). Ċertament, huwa diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li jiġi stabbilit eżattament b’mod antiċipat għal kemm żmien għandha teżisti riproduzzjoni sabiex tiġi kkunsidrata bħala tranżitorja, u għalhekk din il‑valutazzjoni għandha ssir minn każ għal każ, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi kollha tal‑każ.

82.      Għaldaqstant, fil‑fehma tiegħi, it‑tieni domanda preliminari għandha tingħata risposta fis‑sens li ċ‑ċirkustanza essenzjali sabiex atti ta’ riproduzzjoni temporanja partikolari jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala tranżitorji skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 tinsab fil‑fatt li r‑riproduzzjoni ddum ftit ħafna, iżda dan għandu jiġi evalwat fl‑analiżi taċ‑ċirkustanzi kollha tal‑każ partikolari inkwistjoni.

83.      Fil‑kawża prinċipali, il‑fajls ta’ xbiha maħluqa permezz tal‑iskanjar ta’ artiklu ta’ ġurnali, bħall‑fajls ta’ test maħluqa bl‑ipproċessar tal‑fajls ta’ xbiha, jitħassru wara l‑preparazzjoni tas‑silta tal‑artiklu ta’ ġurnal. Fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha, Infopaq issostni li dawn il‑fajls idumu mhux iktar minn tletin sekonda. Fil‑kawża prinċipali, fid‑dawl tal‑fatt li dawn il‑fajls idumu għal ħin qasir ħafna u tal‑fatt li jitħassru, inqis li jista’ jiġi kkunsidrat li dawn huma atti tranżitorji ta’ riproduzzjoni.

84.      Fil‑fehma tiegħi, isegwi li, it‑tielet domanda preliminari għandha tingħata risposta fis‑sens li kemm‑il darba att ta’ riproduzzjoni temporanja jsir permezz ta’ ħolqien ta’ fajl ta’ test abbażi ta’ fajl ta’ xbieha u jekk kemm il‑fajls ta’ test kif ukoll dawk ta’ xbieha jitħassru minnufih wara, dan l‑att ta’ riproduzzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali, għandu jiġi kkunsidrat bħala tranżitorju fis‑sens tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

85.      Għal dak li jirrigwarda l‑ħażna tas‑silta mill‑artiklu ta’ gazzetta, diġà osservajt, fil‑punt 71 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, li l‑qorti tar‑rinviju ma tiċċarax biżżejjed, fid‑digriet tar‑rinviju, kemm iddum maħżuna s‑silta komposta minn ħdax‑il kelma.

86.      Għaldaqstant inqis li r‑raba domanda preliminari għandha tingħata risposta billi jiġi ddikjarat li hija l‑qorti nazzjonali, abbażi tal‑kriterji stabbiliti fir‑risposta mogħtija għat‑tieni domanda preliminari, li għandha tistabbilixxi jekk l‑att ta’ riproduzzjoni jistax jiġi kkunsidrat bħala tranżitorju skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, kemm‑il darba tinħażen parti mir‑riproduzzjoni li tinkludi silta jew iktar mis‑siltiet ta’ test ta’ ħdax‑il kelma.

87.      Fir‑rigward tal‑istampar ta’ silta minn artiklu ta’ gazzetta, diġà ċċarajt, fil‑punt 72 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, li dan ma jikkostitwixxix att ta’ riproduzzjoni temporanju; iktar u iktar peress li ma jistax jirrappreżenta att ta’ riproduzzjoni tranżitorju.

88.      Isegwi li l‑ħames domanda preliminari għandha, fil‑fehma tiegħi, tingħata risposta billi jiġi ddikjarat li att ta’ riproduzzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tranżitorju skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, jekk f’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali tiġi stampata parti mir‑riproduzzjoni li tinkludi silta jew iżjed ta’ test ta’ ħdax‑il kelma.

b)      It‑tieni kundizzjoni: parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku (is‑sitt, is‑seba’ u t‑tmien domandi)

89.      It‑tieni kundizzjoni li att ta’ riproduzzjoni temporanja għandu jissodisfa b’mod konformi mal‑Artikolu 5(1) tikkonsisti fil‑fatt li huwa għandu jkun parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku. L‑interpretazzjoni ta’ din il‑kundizzjoni qed tintalab fir‑rigward tal‑iskanjar u l‑konverżjoni ta’ fajls ta’ xbieha f’fajls ta’ test (is‑sitt u s‑seba’ domandi preliminari), kif ukoll fir‑rigward tal‑istampar ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetti (it‑tmien domanda). Il‑qorti tar‑rinviju ma tistaqsix espressament jekk anki l‑ħażna ta’ silta minn artiklu ta’ gazzetta hijiex parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku.

90.      Permezz tas‑sitt domanda, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il‑fażi tal‑proċess teknoloġiku fejn isiru l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja hijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk dawn jikkostitwixxux “parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku” skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

91.      Permezz tas‑seba’ domanda, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja jistgħux ikunu “parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku” skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, kemm‑il darba jkunu jikkonsistu fl‑iskanjar manwali ta’ artikli sħaħ minn ġurnal, li permezz tiegħu dawn jinbidlu minn dokumenti fuq karta stampata f’dokumenti diġitali.

92.      Permezz tat‑tmien domanda, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja jistgħux ikunu “parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku” skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 meta jkunu jikkonsistu fl‑istampar ta’ parti mir‑riproduzzjoni, inkluż silta jew iżjed ta’ test kompost minn ħdax‑il kelma.

93.      Biex tingħata risposta għas‑sitt u s‑seba’ domandi, jeħtieġ li qabelxejn jiġi eżaminat meta att ta’ riproduzzjoni partikolari jkun jikkostitwixxi parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku (41). Fuq kollox, għandu jiġi stabbilit kemm għandha tkun restrittiva l‑interpretazzjoni tal‑kundizzjoni skont liema l‑att ta’ riproduzzjoni temporanja għandha tikkostitwixxi parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku. Fid‑duttrina, il‑problema fundamentali li għandha tiġi solvuta għall‑interpretazzjoni ta’ din il‑kundizzjoni tirrigwarda l‑alternattiva jekk l‑att ta’ riproduzzjoni jirrappreżentax parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku biss jekk ikun element obbligatorju tal‑proċess stess, li mingħajru dan tal‑aħħar ma jkunx possibbli, jew jekk jistgħux jidħlu taħt tali definizzjoni anki atti oħrajn, li mhumiex elementi neċessarji ta’ dak il‑proċess (42).

94.      Fil‑fehma tiegħi, u kif jirriżulta mill‑opinjoni prevalenti fid‑duttrina (43), mhuwiex meħtieġ li l‑att ta’ riproduzzjoni jkun element neċessarju ta’ proċess teknoloġiku partikolari, sabiex dan ikun parti integrali u essenzjali minnu. Dan jirriżulta diġà mill‑motivazzjoni tal‑proposta ta’ Direttiva 2001/29, fejn il‑Kummissjoni ssostni li l‑Artikolu 5(1) huwa intiż sabiex jeskludi l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja “imposti mit‑teknoloġija” (44). Minn dan wieħed jista’ jikkonkludi wkoll li mhijiex rilevanti l‑fażi tal‑proċess teknoloġiku fejn jidħol l‑att ta’ riproduzzjoni temporanja.

95.      B’hekk, fil‑fehma tiegħi, jeħtieġ li għas‑sitt domanda preliminari tingħata risposta billi jiġi ddikjarat li l‑fażi tal‑proċess teknoloġiku fejn isiru atti ta’ riproduzzjoni temporanja mhijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk dawn jikkostitwixxux parti integrali u essenzjali minn proċess teknoloġiku skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

96.      Sabiex tingħata risposta għas‑seba’ domanda, għandu jiġi stabbilit x’jikkostitwixxi proċess teknoloġiku fil‑kuntest ta’ sekwenza ta’ atti intiżi għat‑tħejjija ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta, u iktar preċiżament jekk dan huwiex kostitwit mis‑sempliċi skanjar u l‑konverżjoni ta’ fajl ta’ xbieha f’fajl ta’ test jew jekk huwiex il‑proċess sħiħ ta’ tħejjija ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetti.

97.      Fil‑fehma tiegħi, fil‑kawża prinċipali, il‑proċess teknoloġiku jikkonsisti fil‑proċess sħiħ ta’ tħejjija tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta. B’hekk, dan il‑proċess jikkonsisti fl‑iskanjar u l‑konverżjoni tal‑fajls ta’ xbieha f’fajls ta’ test, kif ukoll fil‑ħażna u fl‑istampar ta’ kelma mfittxija, flimkien mal‑ħames kelmiet preċedenti u l‑ħamsa segwenti. B’hekk, l‑elementi kollha msemmijin jiffurmaw parti mill‑istess proċess teknoloġiku. Taħt dan l‑aspett, l‑iskanjar tal‑artikli u l‑konverżjoni ta’ fajls ta’ test f’fajls ta’ xbieha huma bla dubju parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku.

98.      Għaldaqstant inqis li r‑risposta għas‑seba’ domanda preliminari għandha tkun fis‑sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali, kemm‑il darba l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja jinkludu l‑iskanjar manwali ta’ artikli ta’ gazzetta sħaħ, li permezz tiegħu dawn jiġu ttrasformati minn dokumenti stampati f’dokumenti diġitali, dawn l‑atti ta’ riproduzzjoni jikkostitwixxu parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

99.      Sabiex tingħata risposta għat‑tmien domanda, jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk l‑istampar ta’ riproduzzjoni li tinkludi silta jew iżjed ta’ test ta’ ħdax‑il kelma, jistax jikkostitwixxi parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29. Kif spjegajt fil‑punt 97 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, anki l‑istampar ta’ silta minn artiklu ta’ gazzetta għandu ġeneralment jiġi kkunsidrat bħala parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku. Madankollu, f’dan ir‑rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l‑istampar mhuwiex att ta’ riproduzzjoni temporanja, u għalhekk ma jissodisfax il‑kundizzjoni għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

100. Għaldaqstant inqis li r‑risposta għat‑tmien domanda preliminari għandha tingħata fis‑sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil‑kawża prinċipali, l‑istampar ta’ silta ma jikkostitwixxix att ta’ riproduzzjoni temporanja, għal liema raġuni ma jistax jiġi ġġustifikat abbażi tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 u għalhekk mhuwiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk dawk l‑atti ta’ riproduzzjoni jistgħux jiġu kkunsidrati bħala parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku.

c)      It‑tielet kundizzjoni: atti magħmula bl‑uniku skop li jiġi permess użu leġittimu (id‑disa’ u l‑għaxar domandi)

101. It‑tielet kundizzjoni li jistabbilixxi l‑Artikolu 5(1) teħtieġ li l‑uniku skop tal‑att ta’ riproduzzjoni temporanja huwa li tiġi permessa t‑trażmissjoni fuq l‑Internet bejn terzi bl‑intervent ta’ intermedjarju jew l‑użu leġittimu tax‑xogħol. Madankollu, peress li fil‑kawża prinċipali jirriżulta b’mod ċar li m’hemmx trażmissjoni fuq l‑Internet, u anki peress li d‑domandi preliminari jirreferu biss għal dik il‑parti tat‑tielet kundizzjoni li tirreferi għall‑użu legali tax‑xogħol, ser nillimita l‑evalwazzjoni tiegħi għal din l‑aħħar kundizzjoni. Id‑disa’ u l‑għaxar domandi preliminari jirreferu għall‑interpretazzjoni tal‑kundizzjoni dwar l‑użu legali.

i)      Kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq il‑kundizzjoni dwar l‑użu legali tax‑xogħol (id‑disa’ domanda)

102. Bid‑disa’ domanda preliminari, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda tistaqsi jekk l‑użu legali tax‑xogħol skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 jinkludix il‑forom kollha ta’ użu tax‑xogħol stess li għalihom mhijiex meħtieġa l‑awtorizzazzjoni tad‑detentur tad‑dritt tal‑awtur.

103. Biex tingħata risposta għad‑disa’ domanda preliminari, jeħtieġ li tiġi ċċarata t‑tifsira tal‑kundizzjoni dwar l‑użu legali tax‑xogħol skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

104. Jirriżulta mill‑premessa 33 tad‑Direttiva 2001/29 li l‑użu tax‑xogħol jiġi kkunsidrat legali (45), “fejn ikun awtorizzat mid‑detentur tad‑dritt” jew “ma jkunx ristrett bil‑liġi”. Abbażi ta’ din il‑premessa jista’ jingħad li l‑użu ta’ xogħol huwa legali fi tliet każijiet. Fl‑ewwel lok, l‑użu ta’ xogħol huwa legali meta jsir b’modalitajiet li ma jeħtiġux l‑awtorizzazzjoni tad‑detentur tad‑dritt tal‑awtur, bħal pereżempju l‑qari ta’ artikli ta’ gazzetta. Għal dak li jirrigwarda l‑użu tax‑xogħol taħt forma ta’ riproduzzjoni, bħal fil‑kawża prinċipali, jew b’modalitajiet oħra li għalihom, bħala prinċipju, hija meħtieġa l‑awtorizzazzjoni tad‑detentur tad‑dritt tal‑awtur (46), l‑użu huwa legali, fit‑tieni lok, jekk id‑detentur tad‑dritt tal‑awtur ippermetta espressament dan l‑użu jew, fit‑tielet lok, jekk dan huwa permess abbażi ta’ waħda mill‑eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 5(2) u (3) (47) tad‑Direttiva 2001/29, kemm‑il darba l‑Istat Membru kkonċernat ikun ittraspona fl‑ordinament tiegħu dik l‑eċċezzjoni jew limitazzjoni, u l‑użu msemmi jkun konformi mal‑Artikolu 5(5) ta’ dik id‑Direttiva.

105. Fil‑fehma tiegħi, dan ifisser li d‑disa’ domanda preliminari għandha tingħata risposta billi jiġi ddikjarat li l‑użu legali tax‑xogħol skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 jinkludi l‑forom kollha ta’ użu tax‑xogħol stess li għalihom mhijiex meħtieġa l‑awtorizzazzjoni tad‑detentur tad‑dritt tal‑awtur, jew li kienu awtorizzati espressament minnu; fil‑każ ta’ użu tax‑xogħol taħt forma ta’ riproduzzjoni, il‑kunsens tad‑detentur tad‑dritt tal‑awtur mhuwiex meħtieġ jekk ir‑riproduzzjoni hija permessa abbażi ta’ waħda mill‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 5(2) u (3) tad‑Direttiva 2001/29, kemm‑il darba l‑Istat Membru kkonċernat ikun ittraspona fl‑ordinament intern tiegħu din l‑eċċezzjoni jew limitazzjoni u r‑riproduzzjoni tkun konformi mal‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29.

ii)    L‑użu legali fil‑kawża prinċipali (l‑għaxar domanda)

106. Bl‑għaxar domanda preliminari, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk l‑użu legali ta’ xogħol skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 jinkludix l‑iskanjar ta’ artikli ta’ gazzetta sħaħ magħmula minn impriża, l‑ipproċessar suċċessiv tar‑riproduzzjoni kif ukoll il‑ħażna u l‑istampar eventwali ta’ parti mir‑riproduzzjoni, li tikkonsisti f’silta jew iżjed ta’ testi ta’ ħdax‑il kelma, għall‑finijiet tal‑attività ta’ tħejjija ta’ sunti ta’ dik l‑impriża, anki jekk id‑detentur tad‑dritt ma jkunx ikkonsenta. Inqis li jeħtieġ li tiġi riformulata l‑għaxar domanda (48); iktar ’il quddiem ser insemmi r‑raġunijiet għal formulazzjoni differenti ta’ din id‑domanda.

–       Riformulazzjoni tal‑għaxar domanda

107. L‑għaxar domanda preliminari hija fformulata b’mod li l‑kundizzjoni dwar l‑użu legali tirrigwarda l‑atti kollha ta’ riproduzzjoni li jsiru fil‑kuntest tal‑proċess ta’ tħejjija ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta użat minn Infopaq. Ifformulata b’dan il‑mod, id‑domanda qed issir minħabba għarfien żbaljat tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29. Fil‑fatt, il‑kundizzjoni dwar l‑użu legali tax‑xogħol ma tistax tiġi interpretata fis‑sens li l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja għandhom jikkostitwixxu minnhom innifishom użu legali tax‑xogħol, iżda għandha tinftiehem fis‑sens li l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja għandhom jippermettu użu differenti tax‑xogħol, li għandu jkun legali. Għandu jiġi kkunsidrat il‑każ li ġej: jekk f’istitut ta’ tagħlim, għall‑finijiet ta’ illustrazzjoni ta’ tagħlim, issir kopja – u b’hekk riproduzzjoni – ta’ xogħol partikolari ta’ awtur, pereżempju sabiex tintwera reġistrazzjoni vidjo ta’ programm ta’ tagħlim, u, matul tali att ta’ riproduzzjoni, kopja ta’ dan il‑vidjo tinħażen temporanjament fil‑memorja RAM ta’ kompjuter, din il‑kopja temporanja li nħalqet fil‑memorja RAM tippermetti r‑riproduzzjoni għall‑finijiet illustrativi għall‑użu ta’ tagħlim, li hija legali abbażi tal‑Artikolu 5(3)(a) tad‑Direttiva 2001/29 (49). Madankollu, minna nnifisha, il‑kopja temporanja li nħalqet fil‑memorja RAM tkun legali biss jekk tissodisfa anki l‑kundizzjonijiet l‑oħra kollha stabbiliti fl‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, u għalhekk jekk tkun tranżitorja jew inċidentali, jekk tkun parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku u jekk ma jkollhiex sinjifikat ekonomiku indipendenti. L‑interpretazzjoni tal‑kundizzjoni tal‑użu legali tax‑xogħol skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 fis‑sens li hija ekwivalenti għall‑użu legali tal‑att ta’ riproduzzjoni temporanja tkun tfisser li mhuwiex iktar meħtieġ, għal‑legalità ta’ dak l‑att ta’ riproduzzjoni temporanja, li jiġu sodisfatti l‑kundizzjonijiet l‑oħra stabbiliti minn dak l‑artiklu, liema ħaġa xxejjen il‑kontenut ta’ din id‑dispożizzjoni.

108. B’hekk, fl‑evalwazzjoni bbażata fuq l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, jeħtieġ li qabel kollox issir distinzjoni ċara bejn l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja, li għandhom jissodisfaw il‑kundizzjonijiet kollha stabbiliti minn dak l‑artiklu, mill‑atti ta’ riproduzzjoni finali jew minn forom oħra ta’ użu tax‑xogħol magħmula possibbli minn dawk l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja u li għandhom jikkostitwixxu użu legali tax‑xogħol. Fil‑kawża prinċipali l‑użu tax‑xogħol, jiġifieri tal‑artikli ta’ gazzetti, huwa kkostitwit mill‑istampar ta’ siltiet minn dawn l‑artikli li huma komposti minn ħdax‑il kelma.

109. Fid‑digriet tar‑rinviju, ma jingħadx b’mod ċar jekk dawk is‑siltiet minn artikli ta’ gazzetti jintużawx internament bħala bażi għat‑tħejjija ta’ sunti tal‑artikli stess jew biss bħala għajnuna għall‑għażla tal‑artikli li ssir is‑sinteżi tagħhom. Bl‑istess mod, id‑digriet tar‑rinviju ma fih l‑ebda informazzjoni fuq il‑modalitajiet ta’ preparazzjoni tas‑sunti u fuq il‑possibbilità li dawn jinkludu referenzi letterali għas‑siltiet ta’ ħdax‑il kelma. Minħabba d‑deskrizzjoni ftit li xejn ċara tal‑fatti partikolari tal‑każ, lanqas ma jista’ jiġi eskluż li lill‑abbonati tal‑kumpannija Infopaq jintbagħtu direttament siltiet ta’ ħdax‑il kelma li jippermettu lil dawn l‑abbonati li jisiltu mill‑kuntest liema artiklu tal‑ġurnal huwa interessanti għall‑iskopijiet tagħhom. F’kull każ, is‑siltiet ta’ ħdax‑il kelma huma użati b’dan il‑mod jew b’modi oħra fil‑kuntest tal‑attività kummerċjali tat‑tħejjija ta’ sunti ta’ artikli ta’ gazzetta min‑naħa tal‑kumpannija Infopaq.

110. Indipendentement minn dan, fil‑fehma tiegħi, fil‑kawża prinċipali ma jistax jingħad li t‑tħejjija ta’ sunti – sunti li Infopaq tibgħat lill‑abbonati tagħha ‑ tirrappreżenta użu tax‑xogħol, u li l‑kundizzjoni tal‑użu legali skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 hija sodisfatta, billi dik it‑tħejjija ta’ sunt hija legali skont id‑dritt Daniż. Mhuwiex possibbli li l‑kawża prinċipali tinftiehem fis‑sens li l‑proċess ta’ tħejjija ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta magħmul minn Infopaq jippermetti t‑tħejjija ta’ sunti. Huwa minnu li dan il‑proċess probabbilment jiffaċilita sostanzjalment it‑tħejjija ta’ sunti, iżda ma jistax jingħad li jippermettih. Infopaq tista’ tipprepara sunti ta’ artikli ta’ gazzetta anki mingħajr ebda użu ta’ siltiet komposti minn ħdax‑il kelma mħejjija minn qabel. Barra minn hekk, it‑tħejjija ta’ sunti ma tikkostitwixxix l‑eżekuzzjoni neċessarja tal‑proċess ta’ tħejjija tas‑siltiet komposti minn ħdax‑il kelma, u għalhekk ma tistax tinftiehem bħala fażi finali tal‑proċess ta’ tħejjija tas‑siltiet permessa minn dan il‑proċess.

111. Għaldaqstant, l‑għaxar domanda preliminari għandha tinftiehem fis‑sens li biha, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑iskanjar ta’ artikli sħaħ ta’ gazzetta, l‑ipproċessar suċċessiv tar‑riproduzzjoni u l‑ħażna ta’ parti mir‑riproduzzjoni, li tikkonsisti f’silta jew iżjed ta testi ta’ ħdax‑il kelma, jippermettux użu legali tax‑xogħol skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, magħmul permezz tal‑istampar u l‑użu ta’ tali siltiet għall‑finijiet tal‑attività ta’ tħejjija ta’ sunti ta’ artikli ta’ gazzetta min‑naħa ta’ dik l‑impriża, għalkemm id‑detentur tad‑dritt ma jkunx ikkonsenta.

–       Evalwazzjoni u soluzzjoni tal‑għaxar domanda

112. Għall‑evalwazzjoni ta’ din id‑domanda preliminari għandu qabel kollox jingħad b’mod ġenerali li l‑użu ta’ artikli ta’ gazzetta taħt forma ta’ riproduzzjoni parzjali, jiġifieri ta’ siltiet komposti minn ħdax‑il kelma, huwa legali f’żewġ każijiet: meta d‑detentur tad‑dritt tal‑awtur ikun awtorizzah espressament jew meta huwa possibbli li tiġi ġġustifikata din ir‑riproduzzjoni parzjali abbażi ta’ waħda mill‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni stabbiliti mill‑Artikolu 5(2) u (3) tad‑Direttiva 2001/29, kemm‑il darba d‑Danimarka tkun ittrasponiethom fis‑sistema legali nazzjonali tagħha, u r‑riproduzzjoni tkun konformi mal‑Artikolu 5(5) tal‑istess direttiva.

113. Fil‑kawża prinċipali jirriżulta b’mod ċar mid‑deskrizzjoni tal‑fatti partikolari tal‑każ li d‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur ma awtorizzawx it‑tħejjija ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta, u għalhekk it‑tħejjija tas‑siltiet ma tistax tkun legali fuq din il‑bażi. Għaldaqstant, iktar ’il quddiem ser neżamina jekk l‑użu ta’ dawn l‑artikli ta’ gazzetta fil‑kawża prinċipali taħt forma ta’ riproduzzjoni ta’ siltiet minn dawn il‑gazzetti jistax jitqies bħala legali abbażi ta’ waħda mill‑eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5(2) u (3) tad‑Direttiva 2001/29. L‑evalwazzjoni dwar il‑konformità tal‑att ta’ riproduzzjoni fl‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 ser issir fil‑kuntest tar‑risposta għat‑tlettax‑il domanda preliminari, li fil‑fatt tirrigwarda l‑interpretazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni.

114. Fir‑rigward tal‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni stabbiliti fl‑Artikolu 5(2) u (3), jeħtieġ li jiġu enfasizzati żewġ aspetti. Fl‑ewwel lok, l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet li d‑Direttiva 2001/29 telenka fl‑Artikolu 5(2) u (3) huma fakultattivi u l‑Istati Membri huma liberi li jadottawhom fis‑sistema legali nazzjonali tagħhom. Dan jirriżulta mis‑sentenza introduttiva tal‑paragrafi (2) u (3) tal‑imsemmi Artikolu 5, li tgħid li l‑Istat Membri “jistgħu jipprovdu” għal dawn l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet (50). Fid‑digriet tagħha, il‑qorti tar‑rinviju ma tagħti l‑ebda informazzjoni fuq l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet adottati mid‑Danimarka fis‑sistema legali nazzjonali tagħha, u għalhekk f’dawn il‑konklużjonijiet ser nevalwa biss kif għandhom jiġu interpretati l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet individwali, filwaqt li l‑evalwazzjoni finali, ibbażata fuq dawn l‑eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandha ssir mill‑qorti nazzjonali. Għaldaqstant, fil‑kawża prinċipali, din għandha tara, fost l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5(2) jew (3) tad‑Direttiva 2001/29, liema ġew adottati mid‑Danimarka fis‑sistema legali nazzjonali tagħha u, abbażi ta’ dawn l‑eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, tivverifika jekk ir‑riproduzzjoni parzjali ta’ artikli minn gazzetta taħt forma ta’ siltiet ta’ ħdax‑il kelma tistax tikkostitwixxi użu legali tal‑artikli ta’ gazzetta.

115. Fit‑tieni lok, kif jirriżulta mill‑premessa 32 (51) tad‑Direttiva 2001/29, l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5(2) u (3) ta’ din id‑Direttiva huma elenkati b’mod eżawrjenti, u għalhekk, fis‑sistema legali nazzjonali tagħhom, l‑Istati Membri ma jistgħux jadottaw eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet differenti. Għaldaqstant, id‑Danimarka ma tistax tipprovdi li fis‑sistema legali nazzjonali tagħha, ir‑riproduzzjoni parzjali ta’ artikli ta’ gazzetta taħt il‑forma ta’ siltiet minn dawn l‑artikli hija permessa f’każ ta’ użu għat‑tħejjija ta’ sunti, kemm‑il darba dan ma jkunx permess abbażi ta’ waħda mill‑eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni stabbiliti mid‑Direttiva fl‑Artikolu 5(2) u (3) tagħha.

116. L‑unika eċċezzjoni li prima facie tista’ tkun rilevanti fil‑kawża prinċipali hija dik stabbilita fl‑Artikolu 5(3)(ċ) (52), li tippermetti r‑riproduzzjoni fuq karta stampata jew l‑użu ta’ xogħlijiet fil‑kuntest ta’ rappurtaġġ fuq ġrajjiet kurrenti (53). Dan l‑Artikolu jirregola żewġ eċċezzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni. L‑ewwel waħda hija ammessa fil‑każ ta’ “riproduzzjoni mill‑istampa, komunikazzjoni lill‑pubbliku jew li jagħmlu disponibbli artikli publikati dwar temi kurrenti ekonomiċi, politiċi jew reliġjużi […] fejn dan l‑użu ma jkunx riservat espliċitament, u sakemm is‑sors, magħdud l‑isem ta’ l‑awtur, ikun indikat”. It‑tieni waħda hija ammessa fil‑każ ta’ “użu tax‑xogħolijiet jew suġġett ieħor rigward konness mar‑rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sakemm ikunu ġustifikati mill‑iskop informattiv u sakemm is‑sors, magħdud l‑isem ta’ l‑awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli”.

117. Madankollu, fil‑fehma tiegħi, l‑ebda waħda mill‑eċċezzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5(3)(ċ) tad‑Direttiva 2001/29 ‑ anki jekk adottata mid‑Danimarka fil‑leġiżlazzjoni nazjonali tagħha ‑ ma tista’ tiġġustifika r‑riproduzzjoni parzjali ta’ artikli ta’ ġurnali taħt il‑forma ta’ siltiet ta’ ħdax‑il kelma.

118. L‑ewwel eċċezzjoni rregolata mill‑Artikolu 5(3)(ċ) ma tistax tiġġustifika din ir‑riproduzzjoni, peress li din mhijiex riproduzzjoni fuq karta stampata, li tradizzjonalment tinkludi l‑gazzetti u r‑rivisti (54). Barra minn hekk, il‑kawża prinċipali ma tirrigwardax il‑komunikazzjoni ta’ artikli jew it‑tqegħid għad‑dispożizzjoni tagħhom lill‑pubbliku (55). Fil‑fatt, il‑komunikazzjoni lill‑pubbliku tinkludi t‑trażmissjoni jew ir‑ritrażmissjoni ta’ xogħol lill‑pubbliku bil‑fili jew mingħajr fili, inkluża t‑trażmissjoni bir‑radju (56). Min‑naħa l‑oħra, it‑tqegħid għad‑dispożizzjoni jinvolvi atti li jpoġġu x‑xogħol għad‑dispożizzjoni tal‑pubbliku li ma jkunx preżenti fil‑post fejn joriġinaw dawk l‑atti (57). Anki jekk Infopaq tibgħat lill‑abbonati tagħha s‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta permezz ta’ posta elettronika, ma jkunx hemm komunikazzjoni lill‑pubbliku (58), u lanqas tqegħid għad‑dispożizzjoni (59).

119. Bl‑istess mod, ir‑riproduzzjoni parzjali ta’ artikli ta’ gazzetta taħt forma ta’ siltiet minnhom ma tistax tkun iġġustifikata abbażi tat‑tieni eċċezzjoni stabbilita fl‑Artikolu 5(3)(ċ) tad‑Direttiva 2001/29, li jippermetti r‑rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti. Fil‑fatt, din l‑eċċezzjoni tippermetti l‑użu ta’ xogħol fil‑kuntest ta’ attività awtonoma ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti (60); għaldaqstant, xogħol partikolari jista’ jintuża fil‑kuntest tar‑rappurtaġġ ta’ kull ġrajja kurrenti. Barra minn hekk, jekk jiġi ammess li huwa legali li jiġu riprodotti liberament artikli ta’ gazzetta abbażi tal‑eċċezzjoni li tippermetti r‑rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, jiġi kontradett l‑iskop tal‑ewwel eċċezzjoni stabbilita fl‑Artikolu 5(3)(ċ) li tirriferi espressament għar‑riproduzzjoni, għall‑komunikazzjoni lill‑pubbliku u għat‑tqegħid għad‑dispożizzjoni ta’ artikli ppubblikati fuq argumenti ta’ ġrajjiet kurrenti ekonomiċi, politiċi jew reliġużi, u b’hekk tkun fir‑rigward ta’ tali artikli, lex specialis fir‑rigward tat‑tieni eċċezzjoni stabbilita mid‑dispożizzjoni msemmija.

120. B’hekk, ir‑riproduzzjoni parzjali ta’ artikli ta’ gazzetta ma tistax tikkostitwixxi użu legali tagħhom abbażi ta’ waħda mill‑eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5(2) jew (3) tad‑Direttiva 2001/29.

121. Għalhekk inqis li r‑risposta għall‑għaxar domanda preliminari għandha tkun fis‑sens li jiġi ddikjarat li l‑iskanjar ta’ artikli sħaħ ta’ gazzetta, l‑ipproċessar suċċessiv tar‑riproduzzjoni u l‑ħażna ta’ parti mir‑riproduzzjoni, li tikkonsisti f’silta jew iżjed ta’ ħdax‑il kelma, f’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali, ma jippermettux użu legali tax‑xogħol skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, magħmul permezz tal‑istampar u l‑użu ta’ tali siltiet għall‑finijiet tal‑attività ta’ tħejjija ta’ sunti ta’ artikli ta’ gazzetta min‑naħa tal‑impriża interessata, għalkemm id‑detentur tad‑dritt ma jkunx ikkonsenta.

d)      Ir‑raba’ kundizzjoni: atti li ma għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti (il‑ħdax u t‑tnax‑il domandi)

122. Ir‑raba’ kundizzjoni li għandu jissodisfa l‑att ta’ riproduzzjoni temporanja, skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, sabiex ikun jista’ jiġi eskluż mid‑dritt ta’ riproduzzjoni, jikkonsisti fil‑fatt li ma għandux ikollu sinjifikat ekonomiku indipendenti (61).

123. Il‑ħdax u t‑tnax‑il domanda preliminari jirriferu għall‑interpretazzjoni ta’ din il‑kundizzjoni. Permezz tal‑ħdax‑il domanda, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġi stabbilit jekk atti ta’ riproduzzjoni temporanja għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29. Min‑naħa l‑oħra, permezz tat‑tnax‑il domanda, tistaqsi jekk iż‑żieda f’termini ta’ effiċjenza tal‑utent bis‑saħħa tal‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk l‑atti għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

124. Il‑kundizzjoni dwar is‑sinjifikat ekonomiku indipendenti mhijiex definita mid‑Direttiva 2001/29. Lanqas mill‑motivazzjoni tal‑proposta ta’ direttiva, li minnha jirriżulta li jeħtieġ li jiġu esklużi mill‑kuntest ta’ applikazzjoni tagħha l‑atti ta’ riproduzzjoni li għandhom sinjifikat ekonomiku distint, mhuwa possibbli li wieħed jiddefinixxi eżattament is‑sinjifikat ta’ tali kunċett (62). Sabiex tiġi interpretata l‑kundizzjoni msemmija, jeħtieġ li jiġi ċċarat xi jfisser, għal att ta’ riproduzzjoni partikolari, li jkun hemm sinjifikat ekonomiku, xi jfisser li dak is‑sinjifikat ekonomiku għandu jkun indipendenti, u għal min (63) dan l‑att ta’ riproduzzjoni għandu jkollu sinjifikat ekonomiku indipendenti.

125. Is‑sinjifikat ekonomiku jimplika li l‑att ta’ riproduzzjoni temporanja għandu jġib vantaġġ ekonomiku lill‑persuna li tagħmlu; iżda indirettament ‑ jiġifieri jekk id‑detentur tad‑dritt tal‑awtur jirċievi kumpens xieraq – dan l‑att ta’ riproduzzjoni jġib vantaġġ ekonomiku anki lid‑detentur tad‑dritt tal‑awtur (64). Il‑vantaġġ ekonomiku jista’ jikkonsisti pereżempju fi profitt, f’inqas spejjeż, f’żieda ta’ effiċjenza u oħrajn simili (65).

126. Madankollu, fil‑fehma tiegħi, il‑kriterju ewlieni sabiex jiġi stabbilit jekk is‑sinjifikat ekonomiku huwiex indipendenti jikkonsisti fl‑aċċertament jekk, wara l‑atti ta’ riproduzzjoni tranżitorja, jinkisbux vantaġġi ekonomiċi direttament. Ikun hemm tali sinjifikat ekonomiku indipendenti meta, pereżempju, Infopaq tibgħat lill‑abbonati tagħha, minbarra s‑siltiet ta’ artikli ta’ gazzetta, anki l‑artikli ta’ gazzetta skanjata, u tirċievi korrispettiv għal dan, jew inkella jekk l‑abbonati tal‑kumpannija Infopaq jista’ jkollhom aċċess dirett, pereżempju permezz tal‑Internet, għall‑artikli ta’ gazzetta skanjata. Ikun hemm sinjifikat ekonomiku indipendenti anki jekk Infopaq teżerċita attività awtonoma ta’ skanjar ta’ artikli ta’ gazzetta, biex imbagħad tibgħat dawn l‑artikli lill‑abbonati tagħha permezz tal‑posta elettronika u tirċievi korrispettiv mingħandhom (66). Is‑sempliċi eventwalità li għal dawn iż‑żewġ atti ta’ riproduzzjoni Infopaq tirċievi vantaġġi ekonomiċi konkreti mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi sodisfatta l‑kundizzjoni dwar is‑sinjifikat ekonomiku indipendenti; din il‑kumpannija għanda effettivament teżerċita tali attività.

127. Għaldaqstant inqis li r‑risposta għall‑ħdax‑il domanda preliminari għandha tkun fis‑sens li jiġi ddikjarat li sabiex jiġi stabbilit jekk l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, jeħtieġ li jiġi żgurat jekk minħabba tali atti ta’ riproduzzjoni tranżitorja jinkisbux vantaġġi ekonomiċi direttament.

128. Fil‑kawża prinċipali, l‑iskanjar ta’ artikli u l‑konverżjoni tal‑fajls ta’ xbieha f’fajls ta’ test, kif ukoll il‑ħażna tas‑siltiet min artikli ta’ gazzetta (67) jfissru tnaqqis tal‑ispejjeż għall‑kumpannija Infopaq, u fl‑istess ħin effiċjenza ikbar u gwadann ta’ ħin. Huwa aċċettat li tali atti ta’ riproduzzjoni għandhom sinjifikat ekonomiku għall‑kumpannija Infopaq, li madankollu, fil‑fehma tiegħi, mhuwiex indipendenti u awtonomu. Fil‑kawża prinċipali, sabiex ikun hemm sinjifikat ekonomiku indipendenti, mhuwiex biżżejjed li l‑att ta’ riproduzzjoni jikkontribwixxi biss sabiex il‑kumpannija Infopaq tikseb b’mod ġenerali effiċjenza ikbar bit‑tħejjija tas‑siltiet. Fil‑fatt, l‑iskanjar, il‑konverżjoni tal‑fajls ta’ xbieha f’fajls ta’ test kif ukoll il‑ħażna tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta jikkostitwixxu biss parti mill‑proċess iktar wiesgħa ta’ tħejjija ta’ siltiet, iżda ma għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti (68). Fil‑kawża prinċipali, is‑sinjifikat ekonomiku indipendenti tal‑iskanjar, tal‑konverżjoni tal‑fajls ta’ xbieha f’fajls ta’ test u tal‑ħażna ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta għandu jiġi evalwat b’mod separat mis‑sinjifikat ekonomiku li, għall‑kumpannija Infopaq, jikkonsisti fl‑istampar finali tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta. B’hekk, fil‑fehma tiegħi, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l‑iskanjar ta’ artikli u l‑bidla ta’ fajls ta’ xbieha f’fajls ta’ test, kif ukoll l‑iskanjar tas‑siltiet ma għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti.

129. Għaldaqstant inqis li r‑risposta għat‑tnax‑il domanda preliminari għandha tkun fis‑sens li jiġi ddikjarat li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali, iż‑żieda f’termini ta’ effiċjenza tal‑utent li tirriżulta mill‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk tali atti għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

4.      Konklużjoni dwar l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29

130. Fid‑dawl tal‑evalwazzjoni tal‑kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5(1) tad‑ Direttiva 2001/29 u tas‑soluzzjonijiet proposti għad‑domandi preliminari mit‑tieni sat‑tnax‑il waħda, jista’ jingħad li l‑atti ta’ riproduzzjoni magħmula fil‑kuntest tal‑proċess ta’ tħejjija ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta magħmul mill‑kumpannija Infopaq, ma jistgħux jiġu ġġustifikati abbażi tal‑eċċezzjoni għad‑dritt ta’ riproduzzjoni stabbilita fl‑imsemmi Artikolu 5(1). Fil‑prattika, dan ifisser li l‑kumpannija Infopaq teħtieġ l‑awtorizzazzjoni tad‑detentur tad‑drittijiet tal‑awtur sabiex tkun tista’ tħejji s‑siltiet.

E –    Interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 (it‑tlettax‑il domanda preliminari)

131. Permezz tat‑tlettax‑il domanda preliminari, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑iskanjar ta’ artikli sħaħ ta’ gazzetta magħmul minn impriża, l‑ipproċessar suċċessiv tar‑riproduzzjoni, kif ukoll il‑ħażna u l‑istampar ta’ parti mir‑riproduzzjoni, li tikkonsisti f’silta jew iżjed ta’ testi ta’ ħdax‑il kelma, mingħajr il‑kunsens tad‑detentur tad‑dritt, jistgħux jitqiesu bħala każijiet speċjali partikolari li ma jmorrux kontra l‑isfruttament normali tal‑artikli ta’ gazzetta u li ma jikkawżawx preġudizzju mhux ġustifikat għall‑interessi leġittimi tad‑detentur tad‑drittijiet skont l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29.

132. Peress li mill‑evalwazzjoni tal‑kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 irriżulta li l‑atti ta’ riproduzzjoni fil‑kawża prinċipali ma jissodisfawx dawk il‑kundizzjonijiet, bħala prinċipju mhuwiex meħtieġ li jiġi vverifikat jekk l‑istess atti jissodisfawx il‑kundizzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 5(5) tal‑istess Direttiva. Fil‑fatt, minn din l‑aħħar dispożizzjoni jirriżultaw kundizzjonijiet supplimentari, li l‑atti ta’ riproduzzjoni għandhom jissodisfaw kemm‑il darba diġà jissodisfaw il‑kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva. Madankollu, għall‑każ li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkunsidra li l‑atti ta’ riproduzzjoni magħmula minn Infopaq jissodisfaw il‑kundizzjonijiet stabbilit fl‑Artikolu 5(1) ta’ dik id‑Direttiva, iktar ’il quddiem ser nanalizza fil‑qosor jekk dawk l‑atti ta’ riproduzzjoni jissodisfawx il‑kundizzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 5(5) tal‑istess direttiva.

133. Fil‑kawża prinċipali, fl‑evalwazzjoni bbażata fuq l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29, fil‑fehma tiegħi jeħtieġ li terġa’ ssir distinzjoni bejn l‑att finali ta’ riproduzzjoni, jiġifieri l‑istampar tas‑siltiet minn artikli ta’ ġurnal, u l‑atti ta’ riproduzzjoni li jippermettu dan l‑att finali ta’ riproduzzjoni, jiġifieri l‑iskanjar tal‑artikli ta’ gazzetta, il‑konverżjoni tal‑fajls ta’ xbieha f’fajls ta’ test u l‑ħażna tas‑siltiet mill‑artikli ta’ gazzetta. Fil‑fatt, il‑Qorti tal‑Ġustizzja, jekk waqt evalwazzjoni abbażi tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 tosserva li l‑att finali ta’ riproduzzjoni, magħmul possibbli mill‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja, jista’ jirrappreżenta użu legali tax‑xogħol abbażi ta’ waħda mill‑eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni stabbiliti mill‑Artikolu 5(2) jew (3) ta’ din id‑Direttiva, ikollha tevalwa wkoll, għall‑finijiet li tiġi sodisfatta l‑kundizzjoni dwar l‑użu legali, jekk l‑imsemmi att definittiv ta’ riproduzzjoni jissodisfax il‑kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5(5) tal‑istess Direttiva. Huwa biss f’dak l‑istadju li l‑kundizzjoni dwar l‑użu legali tax‑xogħol skont l‑Artikolu 5(1) ta’ dik id‑direttiva tkun tista’ titqies li ġiet effettivament sodisfatta. Huwa biss jekk tiġi sodisfatta tali kundizzjoni, flimkien mal‑kundizzjonijiet l‑oħra kollha stabbiliti mill‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, li jkun possibbli li jiġi vverifikat jekk il‑kundizzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 5(5) tad‑direttiva humiex sodisfatti anki mill‑atti ta’ riproduzzjoni li jippermettu l‑imsemmi użu finali. Għalhekk, iktar ’il quddiem ser nivverifika qabel kollox jekk l‑att finali ta’ riproduzzjoni (l‑istampar tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta) jissodisfax il‑kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29, u wara jekk tali kundizzjonijiet humiex sodisfatti wkoll mill‑atti ta’ riproduzzjoni li jippermettu l‑imsemmi att finali (skanjar tal‑artikli ta’ gazzetta, il‑konverżjoni tal‑fajls ta’ xbieha f’fajls ta’ test u l‑ħażna tas‑siltiet mill‑artiklu ta’ gazzetta (69)).

1.      Jekk l‑istampar ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta jissodisfax il‑kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29

134. Mill‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 jirriżulta li l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet stabbiliti minn dan l‑Artikolu japplikaw, fl‑ewwel lok, esklużivament f’ċerti każijiet speċjali, li, fit‑tieni lok, ma jmorrux kontra l‑isfruttament normali tax‑xogħol u, fit‑tielet lok, ma jippreġudikawx mingħajr ġustifikazzjoni l‑interessi leġittimi tad‑detentur (70). Dawn il‑kundizzjonijiet huma kumulattivi. Il‑kundizzjonijiet taħt l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29, li fid‑duttrina ta’ spiss jissejħu bħala t‑“test fi tliet fażijiet” (71), ġew introdotti fuq l‑eżempju ta’ trattati internazzjonali, speċjalment tal‑Artikolu 9(2) tal‑Konvenzjoni ta’ Berna (72), tal‑Artikolu 10 tat‑Trattat tal‑WIPO dwar id‑Dritt tal‑Awtur (73) u tal‑Artikolu 13 tal‑Ftehim TRIPS (74). Kif jirriżulta mill‑premessa 44 tad‑Direttiva 2001/29, l‑applikazzjoni tal‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet stabbiliti minn din id‑direttiva għandha tiġi eżerċitata skont l‑obbligi internazzjonali (75). Isegwi li l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fil‑ħarsien ta’ dawn it‑trattati internazzjonali.

135. L‑ewwel kundizzjoni stabbilita mill‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 teħtieġ li l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet jiġu applikati biss f’ċerti każijiet speċjali. Għalhekk għandhom jiġu ddefiniti u bbażati b’mod ċar fuq ċerti għanijiet speċjali (76). Fil‑każ tal‑eċċezzjoni taħt l‑Artikolu 5(3)(ċ), l‑għan speċjali li din l‑eċċezzjoni hija bbażata fuqu jikkonsisti fl‑informazzjoni lill‑pubbliku fuq ġrajjiet kurrenti; iżda din l‑eċċezzjoni ma teskludix għan kummerċjali, anki indirett, ta’ informazzjoni fuq ġrajjiet kurrenti (77).

136. Kieku l‑Qorti tal‑Ġustizzja kellha tqis li r‑riproduzzjoni ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta tirrappreżenta użu legali abbażi tal‑Artikolu 5(3)(ċ) tad‑Direttiva 2001/29, dan ikun ifisser li hija tkun diġà qiegħda tqis b’mod impliċitu li l‑għan ta’ dik ir‑riproduzzjoni jikkonsisti fl‑informazzjoni lill‑pubbliku. Ċertament, ikun jista’ jingħad li r‑riproduzzjoni parzjali ta’ artikli ta’ gazzetta f’forma ta’ siltiet minn tali artikli ma tikkorrispondix għal kollox ma’ tali għan, u li l‑iskop prinċipali tagħha huwa ta’ natura kummerċjali, filwaqt li l‑għan ta’ informazzjoni għall‑pubbliku hija biss ta’ natura sekondarja. Madankollu, anki fil‑każ fejn, pereżempju, rivista tippubblika artiklu ta’ rivista oħra, jew fuq ir‑radju tinqara silta minn artiklu ta’ gazzetta, jew f’servizz televiżiv fuq wirja jiġu ffilmjati xi xogħlijiet ta’ dik il‑wirja, dawn il‑mezzi ta’ komunikazzjoni ma jużawx ix‑xogħol biss għall‑finijiet ta’ informazzjoni tal‑pubbliku, iżda anki għall‑finijiet kummerċjali. Għalhekk, fil‑fehma tiegħi, jista’ jiġi kkunsidrat li anki r‑riproduzzjoni ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetti, jekk hija użata għat‑tħejjija ta’ sunti ta’ dawk l‑artikli ta’ gazzetta, hija diretta lejn l‑informazzjoni tal‑pubbliku. Fil‑fehma tiegħi, isegwi li jista’ jitqies li dan huwa każ speċjali konformi mal‑ewwel kundizzjoni stabbilita mill‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29. Għalhekk, għall‑istampar tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta, l‑ewwel kundizzjoni stabbilita mill‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 hija sodisfatta.

137. It‑tieni kundizzjoni stabbilita mill‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 teħtieġ li l‑każijiet speċjali li għalihom japplikaw l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet ma jmorrux kontra l‑isfruttament normali tax‑xogħol. L‑isfruttament normali ta’ artikli ta’ gazzetti jimplika li l‑gazzetti fejn huma ppubblikati l‑artikli jinbiegħu bil‑qligħ; il‑vantaġġi ekonomiċi li jistgħu jinkisbu abbażi ta’ artikli ta’ gazzetta għandhom jiġu rriżervati għad‑detentur tad‑drittijiet tal‑awtur (78). Ikun hemm kuntrast ma’ dak l‑isfruttament normali jekk jiġi milqut b’mod sensibbli s‑suq tal‑bejgħ tal‑gazzetti u jonqos il‑volum tal‑bejgħ (79).

138. Ir‑riproduzzjoni tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta tippermetti lill‑kumpannija Infopaq li tkun taf b’mod rapidu liema artikli huma importanti u għal liema minnhom hemm bżonn li titħejja sintesi. B’hekk, Infopaq tista’ tħejji sunti għall‑artikli ta’ gazzetta importanti kollha, b’mod li l‑abbonati tagħha ma jkollhom għalfejn jixtru l‑gazzetti (80). B’dan il‑mod, fil‑fehma tiegħi, ir‑riproduzzjoni ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta tolqot l‑isfruttament normali tagħhom, u għalhekk it‑tieni kundizzjoni tal‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 mhijiex sodisfatta.

139. It‑tielet kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 teħtieġ li l‑każijiet speċjali li għalihom japplikaw l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet ma jippreġudikawx b’mod mhux ġustifikat l‑interessi legali tad‑detentur tad‑drittijiet. Għalhekk, fil‑kuntest tat‑tielet kundizzjoni, mhuwiex biżżejjed li jiġu milquta l‑interessi leġittimi tad‑detentur tad‑drittijiet, peress li f’kull każ, kull eċċezzjoni jew limitazzjoni toħolqilhom preġudizzju; anzi, dan l‑effett ma għandux ikun bla ġustifikazzjoni (81). Għal dan il‑għan jeħtieġ li jiġi ddeterminat dan il‑preġudizzju mil‑aspett kwantitattiv u kwalitattiv (82).

140. Fil‑kawża prinċipali, is‑silta mill‑artiklu ta’ gazzetta titħejja għall‑artikli kollha li fihom kliem partikolari mfittex. Jekk il‑kelma mfittxija hija ripetuta ta’ spiss f’dawk l‑artikli, mil‑aspett kwantitattiv dan ifisser li siltiet simili jistgħu jitħejjew għal ħafna artikli. Jekk artiklu fih diversi kelmiet imfittxija, dan ifisser ukoll li għal kull artiklu huwa possibbli li jitħejjew diversi siltiet. Kif diġà ntqal fl‑evalwazzjoni tat‑tieni kundizzjoni tal‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29, ir‑riproduzzjoni ta’ dawn is‑siltiet, permezz tat‑tħejjija ta’ sunti, tista’ tolqot b’mod indirett il‑bejgħ tal‑artikli ta’ gazzetta, u għalhekk anki d‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur għandhom interess leġittimu li jipparteċipaw fil‑profitti li Infopaq tagħmel b’dan il‑mod. Billi s‑siltiet huma ppreparati fir‑rigward ta’ numru kbir ħafna ta’ artikli ta’ gazzetta, inqis li hemm preġudizzju mhux ġustifikat għall‑interessi leġittimi tad‑detenturi tad‑dritt. Għalhekk, fil‑fehma tiegħi, jeħtieġ li jiġi konkluż li l‑istampar ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta lanqas ma jissodisfa t‑tielet kundizzjoni stabbilita mill‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29.

141. Mill‑fatt li l‑istampar tas‑siliet ta’ artikli ta’ gazzetta ma jissodisfax la t‑tieni u lanqas it‑tielet kundizzjoni taħt l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 isegwi li dan ma jistax jirrappreżenta użu legali tal‑artikli ta’ gazzetti skont l‑Artikolu 5(1) ta’ dik id‑Direttiva.

2.      L‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja jissodisfaw il‑kundizzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29?

142. Billi ġie osservat, fil‑paragrafu 141 ta’ dawn il‑konkluzjoni, li s‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta ma jistgħux jirrappreżentaw użu legali tal‑artikli ta’ gazzetta, jista’ jiġi kkunsidrat li l‑iskanjar, il‑konferżjoni tal‑fajls ta’ xbieha f’fajls ta’ test u l‑ħażna (83) tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta ma jippermettux użu legali tax‑xogħol u għalhekk ma jissodisfaw il‑kundizzjonijiet tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29. Billi dawn l‑atti ta’ riproduzzjoni ma jistgħux jiġu ġġustifikati abbażi tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, dawn ma jistgħux jiġu ġġustifikati b’mod awtonomu lanqas abbażi tal‑kundizzjonijiet taħt l‑Artikolu5(5) tal‑istess direttiva. Għalhekk, għandu jiġi osservat, anki f’dak li jirrigwarda l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja, li dawn ma jissodisfawx il‑kundizzjonijiet taħt l‑Artikolu 5(5) ta’ dik id‑direttiva.

3.      Konklużjoni dwar l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29

143. Wara li ġiet ikkunsidrata l‑evalwazzjoni bbażata fuq l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29, fil‑fehma tiegħi jeħtieġ li r‑risposta għat‑tlettax‑il domanda preliminari għandha tkun fis‑sens li jiġi ddikjarat li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil‑kawża prinċipali, l‑iskanjar ta’ artikli sħaħ ta’ gazzetta magħmul minn impriża, l‑ipproċessar suċċessiv tar‑riproduzzjoni, kif ukoll il‑ħażna u l‑istampar ta’ parti mir‑riproduzzjoni, li tikkonsisti f’silta jew iżjed ta’ testi ta’ ħdax‑il kelma, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala każijiet speċjali li ma jmorrux kontra l‑isfruttament normali tal‑artikli ta’ gazzetta u li ma jippreġudikawx b’mod mhux ġustifikat l‑interessi leġittimi tad‑detentur tad‑drittijiet skont l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29.

F –    Konklużjoni

144. L‑evalwazzjoni mwettqa f’dawn il‑konklużjonijiet uriet li l‑atti kollha magħmula minn Infopaq fil‑proċess ta’ tħejjija ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta jikkostitwixxu atti ta’ riproduzzjoni skont l‑Artikolu 2 tal‑Direttiva 2001/29. Dawn l‑atti ta’ riproduzzjoni mhumiex ammissibbli abbażi tal‑eċċezzjoni għad‑dritt ta’ riproduzzjoni stabbilita mill‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, u lanqas mhuma konformi mal‑Artikolu 5(5) tal‑istess direttiva. Isegwi li għat‑twettiq tal‑imsemmija atti ta’ riproduzzjoni, Infopaq għandha tikseb l‑awtorizzazzjoni mingħand id‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur.

VII – Konklużjoni

145. Fid‑dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li f’ċirkustanzi bħal dawk fil‑kawża prinċipali, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi għad‑domandi preliminari magħmula fl‑istess ordni mill‑Højesteret, bil‑mod li ġej:

1)         Il‑ħażna u l‑istampar suċċessiv ta’ test meħud minn artiklu ta’ gazzetta ta’ kuljum li jikkonsisti minn kelma ta’ tiftix kif ukoll mill‑ħames kelmiet li jippreċeduha u mill‑ħamsa suċċessivi, jaqgħu taħt il‑kunċett ta’ riproduzzjoni skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill 2001/29/KE, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal‑awtur u drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni.

2)         Iċ‑ċirkustanza essenzjali sabiex atti partikolari ta’ riproduzzjoni temporanja jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala tranżitorji skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 tinsab fit‑tul qasir ħafna ta’ żmien tal‑eżistenza tar‑riproduzzjoni, iżda waqt l‑evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi kollha tal‑każ partikolari.

3)         Jekk att ta’ riproduzzjoni temporanja isir permezz tal‑ħolqien ta’ fajl ta’ test abbażi ta’ fajl ta’ xbieha, u jekk kemm il‑fajl ta’ test kif ukoll dak ta’ xbieha jitħassru, dan l‑att ta’ riproduzzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali, għandu jiġi kkunsidrat bħala tranżitorju fis‑sens tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

4)         Hija l‑qorti nazzjonali, abbażi tal‑kriterji pprovduti fir‑risposta mogħtija għat‑tieni domanda preliminari, li għandha tistabbilixxi jekk l‑att ta’ riproduzzjoni jistax jiġi kkunsidrat bħala tranżitorju skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, kemm‑il darba tinħażen parti minn riproduzzjoni li tinkludi fiha silta jew iżjed ta’ ħdax‑il kelma.

5)         Att ta’ riproduzzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tranżitorju skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, kemm‑il darba f’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali, tiġi stampata parti mir‑riproduzzjoni li tinkludi fiha silta jew iżjed ta’ ħdax‑il kelma.

6)         Il‑fażi tal‑proċess teknoloġiku fejn isiru atti ta’ riproduzzjoni temporanja mhijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk dawn humiex parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

7)         F’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali, kemm‑il darba l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja jkunu jinkludu l‑iskanjar manwali ta’ artikli sħaħ ta’ gazzetta, li permezz tiegħu dawn jiġu ttrasformati minn dokumenti fuq karta stampata f’dokumenti diġitali, dawn l‑atti ta’ riproduzzjoni jkunu jikkostitwixxu parti integrali u essenzjali minn proċess teknoloġiku skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

8)         F’ċirkustanzi bħal dawk fil‑kawża prinċipali, l‑istampar ta’ silta ma jikkostitwixxix att ta’ riproduzzjoni temporanja, għal liema raġuni ma jistax jiġi ġġustifikat abbażi tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 u għalhekk mhuwiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk dawk l‑atti ta’ riproduzzjoni jistgħux jitqiesu bħala parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku.

9)         L‑użu legali ta’ xogħol skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 jinkludi l‑forom kollha ta’ użu tax‑xogħol stess li għalihom mhijiex meħtieġa l‑awtorizzazzjoni tad‑detentur tad‑dritt tal‑awtur, jew li kienu awtorizzati espressament minnu; fil‑każ ta’ użu tax‑xogħol fil‑forma ta’ riproduzzjoni, il‑kunsens tad‑detentur tad‑dritt tal‑awtur mhuwiex meħtieġ jekk ir‑riproduzzjoni hija permessa abbażi ta’ waħda mill‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 5(2) u (3) tad‑Direttiva 2001/29, kemm‑il darba l‑Istat Membru kkonċernat ikun ittraspona fis‑sistema legali interna tiegħu din l‑eċċezzjoni jew limitazzjoni u r‑riproduzzjoni tkun konformi mal‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29.

10)         L‑iskanjar ta’ artikli sħaħ ta’ gazzetta, l‑ipproċessar suċċessiv tar‑riproduzzjoni u l‑ħażna ta’ parti mir‑riproduzzjoni, li tikkonsisti f’silta jew iżjed ta’ ħdax‑il kelma, f’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali, ma jippermettux użu legali tax‑xogħol skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, magħmul permezz tal‑istampar u l‑użu ta’ tali siltiet għall‑finijiet tal‑attività ta’ tħejjija ta’ sunti ta’ artikli ta’ gazzetta min‑naħa tal‑impriża interessata, minkejja li d‑detentur tad‑dritt ma jkunx ikkonsenta.

11)         Sabiex jiġi stabbilit jekk l‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29, jeħtieġ li jiġi aċċertat jekk minħabba tali atti ta’ riproduzzjoni temporanja jinkisbux vantaġġi ekonomiċi b’mod dirett.

12)         F’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali, iż‑żieda f’termini ta’ effiċjenza tal‑utent li jirriżulta mill‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk dawk l‑atti għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti skont l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.

13)         F’ċirkustanzi bħal dawk fil‑kawża prinċipali, l‑iskanjar ta’ artikli sħaħ ta’ gazzetta magħmula minn impriża, l‑ipproċessar suċċessiv tar‑riproduzzjoni, kif ukoll il‑ħażna u l‑istampar ta’ parti mir‑riproduzzjoni, li tikkonsisti f’silta jew iżjed ta’ testi ta’ ħdax‑il kelma, ma jistgħux jitqiesu bħala każijiet speċjali li ma jmorrux kontra l‑isfruttament normali tal‑artikli ta’ gazzetta u li ma jippreġudikawx b’mod mhux ġustifikat l‑interessi leġittimi tad‑detentur tad‑drittijiet skont l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29.


11 – Lingwa oriġinali: is‑Sloven.


2 – ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.


3 –      (Nota li tirreferi esklużivament għat‑test Sloven tal‑konklużjonijiet).


4 – Bekendtgørelse af lov om ophavsret, nr. 763 af 30. juni 2006 (verżjoni konsolidata tal‑liġi fuq id‑drittijiet tal‑awtur, Nru 763 tat‑30 ta’ Ġunju 2006). It‑traduzzjoni bl‑Ingliż tal‑verżjoni konsolidata tal‑liġi Daniża fuq id‑drittijiet tal‑awtur tinsab fis‑sit elettroniku tal‑Ministeru tal‑Kultura Daniż: http://www.kum.dk/sw832.asp.


5 – Id‑digriet tar‑rinviju ma jispjegax kif jiġu ppreparati dawn is‑sunti, u lanqas x’inhu l‑kontenut eżatt tagħhom. Bl‑istess mod, ma jiġix indikat b’mod ċar liema hija r‑rabta bejn dawn is‑sunti u s‑siltiet tal‑artikli ta’ gazzetta, magħmulin mill‑kelma mfittxija kif ukoll tal‑ħames kelmiet li jippreċeduha u mill‑ħames kelmiet li jsegwuha (ara l‑punt 15 ta’ dawn il‑konklużjonijiet). Imkien fid‑digriet tar‑rinviju mhuwa indikat espressament li s‑siltiet ta’ ħdax‑il kelma huma użati esklużivament f’livell intern jew jekk hemmx ukoll il‑possibbiltà li dawn is‑siltiet jintbagħtu lil klijenti tal‑kumpannija Infopaq.


6 – Dan huwa l‑format ta’ fajl TIFF (Tagged Image File Format).


7 – Dawn huwa l‑hekk imsejjaħ softwer OCR (Optical Character Recognition).


8 – ASCII huwa l‑akronimu għal American Standard Code for Information Interchange.


9 – (Nota li tirreferi esklużivament għat‑test Sloven tal‑konklużjonijiet).


10 –      (Nota li tirreferi esklużivament għat‑test Sloven tal‑konklużjonijiet).


11 –      Biex tindika d‑Direttiva 2001/29 il‑qorti tar‑rinviju tuża, fid‑domandi preliminari, l‑espressjoni “Direttiva Infosoc”; “Infosoc” u t‑taqsir tal‑espressjoni Ingliża “information society” (soċjetà tal‑informazzjoni). Biex ikun hemm uniformità fl‑użu ta’ taqsir ta’ din id‑Direttiva f’dawn il‑konklużjonijiet, anki fid‑domandi preliminari nuża t‑taqsira “Direttiva 2001/29”.


12 – Fuq il‑pożizzjoni li ħa l‑Gvern Awstrijak ara l‑punt 26 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


13 – Id‑Direttiva 2001/29 tagħmel enfażi fuq il‑protezzjoni tad‑dritt tal‑awtur u tad‑drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni, iżda mhijiex limitata għal dan is‑settur. L‑għan tagħha jikkonsisti, minn naħa, fil‑kontribuzzjoni, bl‑armonizzazzjoni ta’ wħud mill‑aspetti tad‑dritt tal‑awtur u tad‑drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni, għall‑funzjonament tas‑suq intern u, min‑naħa l‑oħra, fit‑twettiq ta’ obbligi internazzjonali speċifiċi fuq is‑suġġett. Dwar dan l‑aħħar aspett, kif jirriżulta mill‑‑premessa 15 tad‑Direttiva 2001/29, hemm, speċjalment, it‑twettiq tal‑obbligi li jirriżultaw minn żewġ trattati internazzjonali, stipulati fil‑kuntest tal‑Organizzazzjoni Dinjija tal‑Proprjetà Intellettwali (WIPO), jiġifieri t‑“Trattat tal‑WIPO dwar id‑Dritt tal‑Awtur” u t‑“Trattat tal‑WIPO dwar il‑Preżentazzjonijiet u l‑Fonogrammi”. Fid‑duttrina, pereżempju, M. Lehmann, “The EC Directive on the Harmonisation of Certain Aspects of Copyright and Related Rights in the Information Society – A Short Comment”, International review of industrial property and copyright law, Nru 5/2003, p. 521.


14 – Ara, f’dan is‑sens, il‑Green Paper “Id‑dritt tal‑awtur u d‑drittijiet relatati fis‑Soċjetà tal‑informazzjoni”, [KUMM(95) 382 def., p. 49]; M. Vivant, “Directive 2001/29/EC on the harmonisation of certain aspects of copyright and related rights in the information society”, in A.R. Lodder, u H.W.K. Kaspersen, (ed.), Edirectives: Guide to European Union Law on E‑Commerce, Kluwer Law International, L‑Aja 2002, p. 98; M. Lehmann, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 13, p. 523, nota 18).


15 – Ara f’dan is‑sens il‑Green Paper “Id‑dritt tal‑awtur u d‑drittijiet relatati fis‑Soċjetà tal‑informazzjoni”, [KUMM(95) 382 def., p. 49].


16 – Pereżempju, li jsir possibbli l‑iżvilupp jew it‑tħaddim normali tat‑teknoloġiji l‑ġodda jfisser li tiġi permessa r‑riproduzzjoni teknikament meħtieġa għall‑funzjonament normali tal‑Internet jew għall‑użu ta’ programmi informatiċi. Dan jirriżulta evidenti, pereżempju, mill‑premessa 33 tad‑Direttiva 2001/29, li tgħid li għandhom jiġu esklużi mid‑dritt ta’ riproduzzjoni l‑“atti li bihom jista’ jsir browsing kif ukoll atti ta’ ħażna”; il‑ħtieġa li d‑dritt ta’ riproduzzjoni ma jimpedixxix it‑tħaddim normali tat‑teknoloġiji l‑ġodda jirriżulta wkoll minn direttivi oħra, bħal, pereżempju d‑Direttiva tal‑Kunsill dwar il‑protezzjoni legali ta’ programmi tal‑kompjuter 91/250/KEE, tal‑14 ta’ Mejju 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol., 1, p. 114‑), li fis‑sbatax‑il premessa tgħid li, “d‑drittijiet esklussivi ta’ l‑awtur li jipprevjenu r‑riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ dan ix‑xogħol għandhom ikunu soġġetti għall‑eċċezzjoni limitata fil‑każ ta’ programm tal‑kompjuter li tippermetti r‑riproduzzjoni teknika meħtieġa għall‑użu ta’ dak il‑programm minn min jiksbu legalment”.


17 – Ara, pereżempju, is‑sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punt 31), tad‑9 ta’ Novembru 2000, Yiadom (C‑357/98, Ġabra p. I‑9265, punt 26) u tas‑6 ta’ Frar 2003, SENA (C‑245/00, Ġabra. p. I‑1251, punt 23).


18 – Fid‑duttrina, ara bħala eżempju, M. Vivant, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 14), p. 98, li tiddefinixxi r‑riproduzzjoni bħala l‑“‘iffissar’ ta’ xogħol fuq mezz ta’ appoġġ”. T. Kritharas, “The Challenge of Copyright in Information Society. Copyright on the Internet: Current Legal Aspects”, Revue hellénique de droit international, Nru 1/2003, p. 22, li, b’referenza għall‑ġurisprudenza Britannika, tiddefinixxi d‑dritt ta’ riproduzzjoni b’dan il‑mod: “Dak li huwa denju ta’ kopja, huwa denju prima facie li jiġi protett [mid‑dritt tal‑awtur]”.


19 – L‑għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni jirriżulta b’mod partikolari mill‑premessa 9 tad‑Direttiva 2001/29 li tgħid li “[k]ull armonizzazzjoni tad‑drittijiet ta’ l‑awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar‑raġuni li dawn id‑drittijiet huma kruċjali għall‑kreazzjoni intellettwali”; indirettament, dan l‑għan jirriżulta wkoll mill‑‑premessi 4 u 10 tagħha. Il‑‑premessa 4 ta’ din id‑direttiva tgħid li “[q]afas armonizzat legali dwar id‑drittijiet ta’ l‑awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil‑kreattività u innovazzjoni”; il‑premessa 10 tal‑istess direttiva ssostni li l‑awturi “għandhom jirċievu kumpens xieraq għall‑użu tax‑xogħol tagħhom” u li “[p]rotezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa” sabiex jiġi ggarantit tali kumpens. Anki l‑Qorti tal‑Ġustizzja sostniet il‑ħtieġa ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal‑awturi, li jiggarantilhom kumpens adegwat għall‑użu tax‑xogħlijiet tagħhom; f’dan ir‑rigward ara s‑sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2006 SGAE (C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punt 36).


20 – Bħala eżempju, wieħed jista’ jaħseb ukoll f’riproduzzjoni parzjali ta’ xbieha. Jekk ix‑xbieha tirrappreżenta oġġett fuq ħajt abjad, minn ritratt (għalhekk minn riproduzzjoni) li tirrappreżenta biss parti mill‑ħajt abjad, ma jkunx possibbli li wieħed jagħraf liema xbieha hi. Iżda jekk ir‑ritratt jirappreżenta parti mill‑oġġett, u huwa evidenti li hija riproduzzjoni stess ta’ dik ix‑xbieha, ikun hemm riproduzzjoni parzjali. Jista’ jingħata eżempju anki iktar estrem: jekk fis‑siltiet minn artikli ta’ ġurnali mħejjija minn Infopaq tinġieb kelma waħda biss, pereżempju l‑konġunzjoni “u”, jew l‑isem ta’ kumpannija partikolari, ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit minn liema artiklu ta’ gazzetta ġejja dik is‑silta, u għalhekk ma jkunx hemm riproduzzjoni parzjali.


21 – Bħala paragun għal dak li jirrigwarda d‑diffikultà li jiġu ddeterminati b’mod kwantitattiv it‑tul tal‑kwotazzjonijiet, nosserva li fil‑kuntest tal‑kumment għall‑Artikolu 10(1) tal‑Konvenzjoni ta’ Berna għall‑Protezzjoni tax‑Xogħolijiet Letterarji u Artistiċi (tad‑9 ta’ Settembru 1886, li tlestiet f’Pariġi fl‑4 ta’ Mejju 1896, riveduta f’Berlin fit‑13 ta’ Novembru 1908, li tlestiet f’Berna fl‑20 ta’ Marzu 1914 u riveduta f’Ruma fit‑2 ta’ Ġunju 1928, fi Brussell fis‑26 ta’ Ġunju 1948, fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u f’Pariġi fl‑24 ta’ Lulju 1971 u riveduta fit‑28 ta’ Settembru 1979), li jippermetti l‑kwotazzjonijiet, tqajmet il‑kwistjoni tal‑limiti massimi permessi għall‑kwotazzjonijiet stess, b’enfażi f’dan il‑kuntest fuq kif il‑limitazzjonijiet kwantitattivi ta’ tali tul huma ta’ applikazzjoni diffiċli. Ara, pereżempju, Ricketson, S., u Ginsburg, J.C., International Copyright and Neighbouring Rights. The Berne Convention and Beyond, Vol. I, Oxford University Press, New York 2005, p. 788, punt 13.42; Ricketson, S., The Berne Convention for the protection of literary and artistic works: 1886‑1986, Centre for Commercial Law Studies, Queen Mary College; Kluwer, Londra 1987, p. 493, punt 9.23.


22 – Għall‑kwotazzjonijiet letterarji jew magħrufa jkun biżżejjed li jissemma ftit kliem sabiex ikun hemm riproduzzjoni. Pereżempju, il‑kwotazzjoni “Et tu, Brute?” fiha tliet kelmiet biss, iżda faċilment jista’ jingħad li din hija riproduzzjoni parzjali tal‑kliem tat‑traġedja ta’ William Shakespeare “Julius Caesar”. Iżda jekk, pereżempju, tliet kelmiet mis‑silta minn artiklu ta’ gazzetta msemmijin mill‑qorti tar‑rinviju (ara l‑punt 15 ta’ dawn il‑konklużjonijiet) – “bejgħ tal‑ġrupp” – diffiċilment jista’ jingħad li din hija riproduzzjoni ta’ artiklu preċiż ta’ gazzetta.


23 – Ara l‑punt 14 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


24 – Ara l‑punt 25 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


25 – Motivazzjoni tal‑proposta għal Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill fuq l‑armonizzazzjoni ta’ wħud mill‑aspetti tad‑dritt tal‑awtur u tad‑drittijiet relatati mas‑soċjetà tal‑informazzjoni [KUMM(97) 628 def., p. 29, punt 3].


26 – F’dan ir‑rigward, jingħad li eżempji ta’ atti ta’ riproduzzjoni li għandhom jiġu esklużi abbażi tal‑Artikolu 5(1) jidhru wkoll fir‑rapport tal‑Kummissjoni lill‑Kunsill, lill‑Parlament Ewropew u lill‑Kumitat Ekonomiku u Soċjali fuq l‑Applikazzjoni tad‑Direttiva 2001/29/KE fuq l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal‑awtur u tad‑drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni, [SEC(2007) 1556, p. 3] u preċiżament: ir‑riproduzzjonijiet għar‑routers tal‑Internet, u r‑riproduzzjonijiet li jkun hemm matul il‑browsing, kemm fil‑memorja RAM (Random Access Memory) kif ukoll fil‑memorji cache (caches).


27 – F’dan is‑sens, ara, pereżempju, M. Lehmann, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 13), paġni 523 sa 524.


28 – P.B. Hugenholtz, “Caching and Copyright: The Right of Temporary Copying”, European Intellectual Property Review, Nru 10/2000, p. 482, jiddefinixxi l‑caching bħala “kreazzjoni awtomatika ta’ kopji temporanji ta’ informazzjoni diġitali […] biex tkun tista’ tintuża minnufih id‑data għall‑użu futur”.


29 – T Kritharas,. (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 18), p. 34, jenfasizza li d‑Direttiva 2001/29 teskludi mid‑dritt ta’ riproduzzjoni abbażi tal‑Artikolu 5(1) l‑atti ta’ ħażna fil‑cache (caching). P. B. Hugenholtz, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑iċċitat iktar ‘il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 28), p. 482 et seq, li janalizza diversi metodi ta’ caching taħt il‑profil tal‑protezzjoni tad‑dritt tal‑awtur.


30 – Dan huwa kkonfermat ukoll mill‑motivazzjoni tal‑proposta ta’ direttiva għal Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill fuq l‑armonizzazzjoni ta’ uħud mill‑aspetti tad‑dritt tal‑awtur u tad‑drittijiet relatati mas‑soċjetà tal‑informazzjoni, [KUMM(97) 628 def., p. 29, punt 3], fejn jirriżulta li l‑eċċezzjoni stabbilita mill‑Artikolu 5(1) tirrigwarda kemm l‑ambjent tal‑Internet kif ukoll l‑atti ta’ riproduzzjoni li ma jinsabux f’dak l‑ambjent. Hekk ukoll, pereżempju, Plaza J. Penadés, “Propiedad intelectual y sociedad de la información (la Directiva comunitaria 2001/29/CE)”, in F. de Paula Blasco Gascó,  (ed.), Contratación y nuevas tecnologías, Consejo General del Poder Judicial, Madrid 2005, p. 147.


31 – Il‑memorja RAM (Random Access Memory) taħdem b’mod li tirreġistra temporanjament data li tippermetti l‑funzjonament tal‑kompjuter; meta l‑utent jitfi l‑kompjuter, dik id‑data, irreġistrata fil‑memorja RAM, titħassar awtomatikament. Ara, f’dan is‑sens, T. Kritharas, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 18, p. 22); G. Westkamp, “Transient Copying and Public Communications: The Creeping Evolution of Use and Access Rights in European Copyright Law”, George Washington International Law Review, Nru 5/2004, p. 1057, nota 2.


32 – Ara l‑punt 101 u s‑segwenti ta’ dawn il‑konkużjonijiet.


33 – Din l‑informazzjoni tingħata mill‑qorti tar‑rinviju fil‑punt 2 tad‑digriet tar‑rinviju, fejn jiġi deskritt il‑proċess ta’ tħejjija tas‑siltiet minn artikli ta’ ġurnali.


34 – Ara r‑rapport “Study on the implementation and effect in Member States’ laws of Directive 2001/29/EC on the harmonisation of certain aspects of copyright and related rights in the information society”, Institute for Information Law, Università ta’ Amsterdam, L‑Olanda, 2007, aċċessibbli fl‑indirizz elettroniku http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/docs/studies/infosoc‑study_en.pdf, p. 23, li jiddefinixxi r‑riproduzzjoni permanenti bħala “kopja permanenti tanġibbli” (“tangible permanent copy”), u r‑riproduzzjoni temporanja bħala “kopja temporanja mhux viżibbli” (“non‑visible temporary copy”).


35 – Ara l‑punt 101 u s‑segwenti ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


36 – Il‑qorti tar‑rinviju tuża l‑kunċett ta’ “att ta’ riproduzzjoni temporanja”; iżda billi, kif intqal diġà fil‑punt 71 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, mhuwiex ċar jekk il‑ħażna tas‑silta, komposta minn ħdax‑il kelma, hijiex att ta’ riproduzzjoni temporanja, fl‑indikazzjoni tad‑domanda preliminari ser nuża biss l‑espressjoni “att ta’ riproduzzjoni”.


37 – Anki r‑rapport “Study on the implementation and effect in Member States’ laws of Directive 2001/29/EC on the harmonisation of certain aspects of copyright and related rights in the information society”, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 34, p. 32), li jenfasizza li l‑kunċett ta’ “tranżitorju” fl‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 jagħmel referenza għal “perijodu qasir ħafna ta’ żmien”.


38 – Dan jirriżulta wkoll mis‑sinjifikat normali tal‑kunċetti ta’ “temporanju” [bis‑Sloven: “začasen”] u ta’ “tranżitorju” [bis‑Sloven: “prehoden”] fid‑diversi lingwi. Bl‑Ingliż, il‑kunċett ta’ “temporary” (“temporanju”) (“začasen”) ifisser “li jdum biss għal ħin limitat”, filwaqt li l‑idea ta’ “transient” (“tranżitorju”) (“prehoden”) ifisser “li jdum biss għal ħin qasir ħafna”; ara Oxford Dictionary of English, 2 edizzjoni, Oxford University Press, Oxford 2005. Bl‑istess mod, bil‑Ġermaniż, il‑kunċett ta’ “vorübergehend” (“temporanju”) (“začasen”) huwa ddefinit hekk: “li jdum biss għal perijodu determinat; momentanju”, filwaqt li l‑kunċett ta’ “flüchtig” (“tranżitorju”) (“prehoden”) huwa ddefinit (fil‑punt 3 bil‑kelma “flüchtig”): “li jgħaddi malajr, li ma jdumx ħafna”; ara Duden – Deutsches Universalwörterbuch, 6 edizzjoni, Mannheim 2006. Bil‑Franċiż, il‑kunċett ta’ “provisoire” (“temporanju”) (“začasen”) ifisser “li jeżisti sakemm ma tiħux postu sitwazzjoni definittiva”, filwaqt li l‑kunċett “transitoire” (“tranżitorju”) (“prehoden”) ifisser “li jdum għal perijodu qasir”; ara Nouveau Larousse Encyclopédique, 2. vol., Larousse, Parigi 2003. Bit‑Taljan, il‑kunċett ta’ “temporaneo” jfisser “li jdum għal perijodu ta’ żmien limitat, li mhuwiex definittiv”, filwaqt li l‑kunċett ta’ “transitorio” jfisser “li ma jdumx, limitat fiż‑żmien”; ara Dizionario Italiano Sabatini Coletti, Giunti, Firenze 1997. Huma sfumaturi semantiċi li għandhom jiġu ddeċifrati mill‑kuntest biex wieħed jasal għat‑tifsira effettiva tal‑kunċett partikolari.


39 – Ara r‑rapport “Study on the implementation and effect in Member States’ laws of Directive 2001/29/EC on the harmonisation of certain aspects of copyright and related rights in the information society”, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 34, p. 32).


40 – Ibid.


41 – Id‑duttrina twissi li mhuwiex għal kollox ċar fiex tikkonsisti dik il‑kundizzjoni. Ara, pereżempju, M. Hart, “The Copyright in the Information Society Directive: An Overview”, European Intellectual Property Review, Nru 2/2002, p. 59. H.‑P. Mayer, “Richtlinie 2001/29/EG zur Harmonisierung bestimmter Aspekte des Urheberrechts und der verwandten Schutzrechte in der Informationsgesellschaft”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, Nru 11/2002, p. 327, li jiddefinixxi din il‑kundizzjoni bħala “problematika”.


42 – Din il‑problema ta’ interpretazzjoni tal‑kundizzjoni li l‑att ta’ riproduzzjoni temporanja għandu jkun parti integrali u essenzjali ta’ proċess teknoloġiku hija ttrattata bħala eżempju fir‑rapport “Study on the implementation and effect in Member States’ laws of Directive 2001/29/EC on the harmonisation of certain aspects of copyright and related rights in the information society”, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 34), p. 33. Ara wkoll G. Spindler, “Europäisches Urheberrecht in der Informationsgesellschaft”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, Nru 2/2002, p. 111.


43 – Anki G. Spindler, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 42, p. 111); rapport “Study on the implementation and effect in Member States’ laws of Directive 2001/29/EC on the harmonisation of certain aspects of copyright and related rights in the information society”, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 34, p. 33).


44 – Il‑motivazzjoni tal‑proposta titkellem dwar “certain acts of reproduction which are dictated by technology”; motivazzjoni tal‑proposta għal Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill fuq l‑armonizzazzjoni ta’ wħud mill‑aspetti tad‑dritt tal‑awtur u tad‑drittijiet relatati mas‑soċjetà tal‑informazzjoni, [KUMM(97) 628 def., p. 29].


45 – (Nota li tirreferi esklużivament għat‑test Sloven tal‑konklużjonijiet).


46 – Komunikazzjoni jew tqegħid għad‑dispożizzjoni tax‑xogħlijiet lill‑pubbliku jew id‑distribuzzjoni tagħhom.


47 – Fir‑rigward tal‑fatt li l‑kundizzjoni tal‑użu legali tirreferi għall‑użu ġġustifikat abbażi tal‑Artikolu 5(2) u (3) tad‑Direttiva 2001/29, ara, pereżempju, C. Waelde, u H. MacQueen, “The Scope of Copyright”, Electronic Journal of Comparative Law, Nru 3/2006, p. 63; ara wkoll ir‑rapport “Study on the implementation and effect in Member States’ laws of Directive 2001/29/EC on the harmonisation of certain aspects of copyright and related rights in the information society”, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 34, p. 34), li jenfasizza kif il‑kundizzjoni tal‑użu legali taħt l‑Artikolu 5(1) jirreferi għal regoli ġuridiċi esterni għal dan l‑Artikolu.


48 – Ara l‑punt 111 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


49 – Ir‑rapport “Study on the implementation and effect in Member States’ laws of Directive 2001/29/EC on the harmonisation of certain aspects of copyright and related rights in the information society”, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 34, p. 34), jagħti dan l‑eżempju: ir‑riproduzzjoni ta’ xogħol fil‑memorja RAM li nħolqot flimkien mal‑kopja ffinalizzata għall‑użu privat b’mod konformi mal‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29 (kif traspost fil‑livell nazzjonali), tista’ tiġi eskluża mid‑dritt tar‑riproduzzjoni abbażi tal‑Artikolu 5(1)(b) tad‑Direttiva, billi l‑użu li tippermetti (jiġifieri l‑kopja ffinalizzata għall‑użu privat) huwa legali.


50 – L‑Artikolu 5(2) tad‑Direttiva 2001/29 jistabbilixxi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni taħt l‑Artikolu 2 ta’ dik id‑Direttiva, filwaqt li l‑Artikolu 5(3) jistabbilixxi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni taħt l‑Artikolu 2, kif ukoll għad‑dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill‑pubbliku, u għad‑dritt li jitpoġġew għad‑dispożizzjoni tal‑pubbliku materjali protetti oħrajn taħt l‑Artikolu 3 ta’ dik id‑Direttiva.


51 – Il‑premessa 32 tad‑Direttiva 2001/29 tgħid li “[d]in id‑Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni”


52 – Fir‑rigward ta’ dan l‑Artikolu għandu jingħad li fid‑Direttiva 2001/29 ġie riprodott l‑Artikolu 10a tal‑Konvenzjoni ta’ Berna għall‑protezzjoni tax‑xogħlijiet letterarji u artistiċi, (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 21). B’mod iktar preċiż, l‑ewwel eċċezzjoni rregolata mill‑Artikolu 5(3)(ċ) tad‑Direttiva 2001/29 ġiet adottata fuq il‑mudell tal‑Artikolu 10a(1) tal‑Konvenzjoni ta’ Berna, filwaqt li t‑tieni waħda hija bbażata fuq l‑Artikolu 10a(2) ta’ dik il‑Konvenzjoni.


53 – L‑eċċezzjonijiet l‑oħrajn mhumiex rilevanti fil‑kawża prinċipali. Dwar l‑eċċezzjoni taħt l‑Artikolu 5(3)(d), li taċċetta kwotazzjonijiet “għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni, kemm‑il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew suġġett ieħor li kien diġà sar disponibbli legalment għall‑pubbliku, li, sakemm ma jkunx sar impossibbli, is‑sors, magħdud l‑isem ta’ l‑awtur, ikun indikat, u li l‑użu tagħhom huwa skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill‑iskop speċifiku”, għandu jingħad, b’mod partikolari, li fil‑kawża prinċipali, għalkemm is‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta jistgħu jissejħu kwotazzjonijiet, madankollu dawn mhumiex kwotazzjonijiet għal skopijiet ta’ kritika jew riċensjoni. Fil‑fatt, dawn il‑kwotazzjonijiet ma jintużawx għall‑kritika jew għar‑riċensjoni ta’ artiklu partikolari ta’ gazzetta, iżda pjuttost għall‑attività ta’ tħejjija ta’ sunti ta’ artikli ta’ gazzetta.


54 – Pereżempju, C. Berger, “Elektronische Pressespiegel und Informationsrichtlinie. Zur Vereinbarkeit einer Anpassung des § 49 UrhG an die Pressespiegel‑Entscheidung des BGH mit der Informationsrichtlinie”, Computer und Recht, Nru 5/2004, p. 363; V. Glas, Die urheberrechtliche Zulässigkeit elektronischer Pressespiegel. Zugleich ein Beitrag zur Harmonisierung der Schranken des Urheberrechts in den Mitgliedstaaten der EU, Mohr Siebeck, Tübingen 2008, p. 131. Anki mid‑duttrina dwar l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 10a(1) tal‑Konvenzjoni ta’ Berna, li fuq il‑mudell tagħha ddaħħlet fid‑Direttiva 2001/29 l‑ewwel eċċezzjoni fl‑Artikolu 5(3)(ċ), jirriżulta li dan il‑kunċett jinkludi tradizjonalment il‑gazzetti u r‑rivisti; ara, pereżempju, S. Ricketson, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 21, p. 501), punt 9.30, u p. 503, punt 9.32. Barra minn hekk skont id‑duttrina, l‑Artikolu 10a(1) tal‑Konvenzjoni ta’ Berna ġeneralment ma jmurx kontra li l‑applikazzjoni tar‑regola tiġi estiża għall‑edizzjonijiet fuq l‑Internet ta’ gazzetti u rivisti; f’dan ir‑rigward ara, pereżempju, S. Ricketson, J.C. Ginsburg (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 21, p. 801, punt 4).


55 – Id‑dritt ta’ komunikazzjoni lill‑pubbliku u ta’ tqegħid għad‑dispożizzjoni ta’ xogħol tal‑awtur huwa rregolat mill‑Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 2001/29 li jgħid li “l‑Istati Membri għandhom jipprovdu lill‑awturi bid‑dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill‑pubbliku tax‑xogħolijiet tagħhom, bil‑fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill‑pubbliku x‑xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal‑pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom”.


56 – Il‑komunikazzjoni lill‑pubbliku hija ddefinita fil‑premessa 23 tad‑Direttiva 2001/29, li minnha jirriżulta li hija tirrgwarda “l‑komunikazzjoni kollha lill‑pubbliku mhux preżenti fil‑post fejn toriġina l‑komunikazzjoni” u li tinkludi “kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill‑ġdid bħal din ta’ xogħol lill‑pubbliku b’mezzi bil‑fili jew mingħajr fili, inkluż ix‑xandir”. Pereżempju fost dawn hemm il‑komunikazzjoni lill‑pubbliku, kif ukoll it‑trażmissjoni bir‑radju, bis‑satellita u bil‑kejbil tax‑xogħol ta’ awtur jew ta’ materjali oħra protetti.


57 – It‑tqegħid għad‑dispożizzjoni lill‑pubbliku huwa ddefinit fil‑premessa 24 tad‑Direttiva, li tgħid li hija tirrigwarda “l‑atti kollha li jagħmlu disponibbli dan is‑suġġett lill‑membri tal‑pubbliku li ma jkunx preżenti fejn joriġina l‑att”. Mid‑duttrina dwar iż‑żewġ Trattati WIPO (It‑Trattat tal‑WIPO dwar id‑Dritt tal‑Awtur u t‑Trattat tal‑WIPO dwar il‑Preżentazzjonijiet u l‑Fonogrammi), implimentati fis‑sistema legali Komunitarju mid‑Direttiva 2001/29, jirriżulta li t‑tqegħid għad‑dispożizzjoni jimplika t‑tqegħid għad‑dispożizzjoni permezz ta’ sistemi informatiċi li permezz tagħhom ikun possibbli li jinkiseb xogħol partikolari; ara M. Ficsor, The Law of Copyright and the Internet. The 1996 WIPO Treaties, their Interpretation and Implementation, Oxford University Press, New York 2002, p. 183, punt 4.56. Ara wkoll J. Reinbothe, u S. von Lewinski, The WIPO Treaties 1996. The WIPO Copyright Treaty and The WIPO Performances and Phonograms Treaty. Commentary and Legal Analysis, Butterworths, Londra 2002, p. 109, punt 20.


58 – Ċertament, il‑komunikazzjoni permezz tal‑posta elettronika mhiex trażmissjoni jew ritrażmissjoni ta’ xogħol lil pubbliku, bil‑fili jew mingħajr fili, inkluż ix‑xandir bir‑radju.


59 – Inqis li l‑komunikazzjoni ta’ siltiet minn artikli ta’ gazzetta permezz tal‑posta elettronika lil abbonati individwali ma tistax titqies bħala att ta’ tqegħid għad‑dispożizzjoni. Kif jirriżulta mill‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 2001/29, kundizzjoni għat‑tqegħid għad‑dispożizzjoni hija li l‑pubbliku jista’ jkollu aċċess mill‑post u fil‑mument magħżul individwalment. Din il‑kundizzjoni ma tkunx sodisfatta fil‑każ tat‑trażmissjoni permezz tal‑posta elettronika, peress li din hija korrispondenza diretta lil abbonati determinati, li permezz tagħha dawn ma jkollhomx aċċess dirett għar‑riproduzzjonijiet parzjali mill‑post u fil‑mument magħżula individwalment minnhom. Anki d‑duttrina tenfasizza li meta jintbagħat xogħol permezz tal‑posta elettronika, dan ma jidħolx fost l‑atti ta’ tqegħid għad‑dispożizzjoni. Ara, pereżempju, S. von Lewinski, “Die Multimedia‑Richtlinie – Der EG‑Richtlinienvorschlag zum Urheberrecht in der Informationsgesellschaft”, MultiMedia und Recht, Nru 3/1998, p. 116; G. Spindler, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 42, p. 108).


60 – V. Glas, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 54, p. 144). Din l‑interpretazzjoni hija kkonfermata anki mill‑Artikolu 10a(2) tal‑Konvenzjoni ta’ Berna, li fuq l‑eżempju tagħha din l‑eċċezzjoni ddaħħlet fid‑Direttiva 2001/29, fejn jingħad li: “huwa riżervat ukoll għal‑leġiżlazzjoni tal‑Pajjiżi tal‑Unjoni li tistabbilixxi l‑kundizzjonijiet li bihom, fir‑rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti permezz tal‑fotografija, iċ‑ċinematografija, ix‑xandir jew it‑trażmissjoni bil‑fili lill‑pubbliku, ix‑xogħlijiet letterarji jew artistiċi li wieħed jista’ jara jew jisma’ matul il‑ġrajja jistgħu, skont l‑iskop informattiv, jiġu riprodotti u jsiru aċċessibbli għall‑pubbliku”. Il‑korsiv huwa tiegħi. Fid‑duttrina ara S. Ricketson, u J.C. Ginsburg, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 21, p. 802, punt 13.54 u p. 805, punt 13.55).


61 – Id‑duttrina tenfasizza li m’hemmx kundizzjonijiet simili għal din la fil‑konvenzjonijiet internazzjonali u lanqas fil‑leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar id‑dritt tal‑awtur. Ara, f’dan ir‑rigward, G. Westkamp, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 31, p. 1101). Ara wkoll ir‑rapport “Study on the implementation and effect in Member States’ laws of Directive 2001/29/EC on the harmonisation of certain aspects of copyright and related rights in the information society”, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 34, p. 35).


62 – Motivazzjoni tal‑proposta għal Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill fuq l‑armonizzazzjoni ta’ wħud mill‑aspetti tad‑dritt tal‑awtur u tad‑drittijiet relatati mas‑soċjetà tal‑informazzjoni, [KUMM(97) 628 def., p. 37].


63 – F’dan ir‑rigward, hija essenzjali l‑kwistjoni dwar jekk l‑att ta’ riproduzzjoni temporanja għandux sinjifikat ekonomiku indipendenti għall‑persuna li teżegwih, jew għad‑detentur tad‑dritt tal‑awtur.


64 – F’dan is‑sens, anki r‑rapport “Study on the implementation and effect in Member States’ laws of Directive 2001/29/EC on the harmonisation of certain aspects of copyright and related rights in the information society”, (iċċitat iktar ’il fuq finnota ta’ qiegħ il‑paġna 34, p. 35), fejn hemm enfasizzat li, sabiex l‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29 ikollu portata effettiva, is‑sinjifikat ekonomiku indipendenti ma jistax jiġi interpretat biss mill‑aspett tal‑interessi tad‑detentur tad‑dritt.


65 – J. Corbet, “De ontwerp‑richtlijn van 10 december 1997 over het auteursrecht en de naburige rechten in de Informatiemaatscjhappij”, Informatierecht/AMI, Nru 5/1998, p. 96, li jgħid li l‑caching għandu sinjifikat ekonomiku billi jżid il‑veloċità ta’ trażmissjoni tad‑data, u għalhekk is‑servizzi pprovduti b’dan il‑mod huma dawk li l‑pubbliku jippreferi. Iżda Corbet jitkellem biss fuq sinjifikat ekonomiku, u mhux fuq sinifikat ekonomiku indipendenti. Ara wkoll P.B. Hugenholtz, u K. Koelman, Digital Intellectual Property Practice Economic Report, Institute for Information Law (IViR), p. 24, nota ta’ qiegħ il‑paġna 36, rapport aċċessibbli fl‑indirizz tal‑Internet www.ivir.nl/publications/hugenholtz/PBH‑DIPPER.doc.


66 – Anki d‑duttrina tenfasizza li r‑riproduzzjoni li tkun attività ekonomika awtonoma għandha sinjifikat ekonomiku indipendenti. Ara, f’dan ir‑rigward P.B. Hugenholtz, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑pagna 28), p. 488; G. Westkamp, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota 31, p. 1098); P.B. Hugenholtz, K. Koelman, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑pagna 65, p. 24).


67 – Din l‑analiżi hija valida għall‑ħażna tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta kemm‑il darba l‑qorti tar‑rinviju jkollha tiddeċiedi li dan huwa att ta’ riproduzzjoni temporanja; f’każ kuntrarju, din il‑ħażna ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.


68 – Ara l‑argumenti f’ G. Westkamp, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 31, p. 1101), li tenfasizza kif dejjem hemm bżonn li jiġi evalwat is‑sinjifikat ekonomiku tal‑atti ta’ riproduzzjoni temporanja fid‑dawl tal‑att ta’ riproduzzjoni finali li għandu dewmien massimu.


69 – Is‑segwenti evalwazzjoni hija valida għall‑ħażna tas‑siltiet mill‑artikli ta’ gazzetta kemm‑il darba l‑qorti tar‑rinviju tqis li dan huwa att ta’ riproduzzjoni temporanja; f’każ kuntrarju, din il‑ħażna ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.


70 – Għal dak li jirrigwarda l‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29, għandu jiġi ċċarat li dan jistabbilixxi kundizzjonijiet supplimentari għall‑applikazzjoni tal‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni, għad‑dritt ta’ komunikazzjoni lill‑pubbliku, għad‑dritt ta’ tqegħid għad‑dispożizzjoni u għad‑dritt ta’ distribuzzjoni tax‑xogħol jew ta’ materjali oħra protetti. Kif jirriżulta mis‑sinjifikat letterali ta’ dan l‑Artikolu, huwa jirreferi għall‑“eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil‑paragrafi 1, 2, 3 u 4” tal‑Artikolu 5 tad‑Direttiva 2001/29; dawn il‑paragrafi jirregolaw l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni (paragrafi 2 u 3), għad‑dritt ta’ komunikazzjoni lill‑pubbliku u ta’ tqegħid għad‑dispożizzjoni (paragrafu 3) u għad‑dritt ta’ distribuzzjoni (paragrafu 4).


71 – Ara, pereżempju M. Hart, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 41, p. 61); T. Kritharas, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 18, p. 30); M. Lehmann, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 13, p. 526).


72 – Konvenzjoni ta’ Berna għall‑protezzjoni tax‑xogħlijiet letterarji u artistiċi, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 21). Huwa veru li l‑Komunità mhijiex parti kontraenti fil‑Konvenzjoni ta’ Berna, iżda xi regoli tad‑Direttiva 2001/29 ġew ifformulati fuq l‑eżempju ta’ dik il‑konvenzjoni. Il‑lista tal‑partijiet kontraenti fil‑Konvenzjoni ta’ Berna tista’ tiġi kkonsultata mill‑paġna tal‑Internet http://www.wipo.int/treaties/en/ShowResults.jsp?country_id=ALL&start_year=ANY&end_year=ANY&search_what=C&treaty_id=15.


73 – Il‑Komunità Ewropea hija parti kontraenti tat‑Trattat tal‑Organizzazzjoni Dinjija tal‑Proprjetà Intellettwali dwar id‑Dritt tal‑Awtur; il‑lista tal‑partijiet kontraenti tista’ tiġi kkonsultata mill‑paġna tal‑Internet http://www.wipo.int/treaties/en/ShowResults.jsp?country_id=ALL&start_year=ANY&end_year=ANY&search_what=C&treaty_id=16.


74 – Agreement on Trade‑Related Aspects of Intellectual Property Rights. Il‑Komunità hija parti kontraenti tal‑Ftehim TRIPS; il‑kompetenza sabiex tiġi stipulata din il‑konvenzjoni hija maqsuma bejn il‑Komunità u l‑Istati Membri; ara l‑opinjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑15 ta’ Novembru 1994 (Opinjoni 1/94, Ġabra p. I‑5267, punt 3 tal‑parti dispożittiva).


75 – Il‑‑premessa 44 ssostni wkoll li l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet “ma jistgħux jiġu applikati b’mod li jippreġudika l‑interessi leġittimi tad‑detentur tad‑drittijiet jew li jmorru kontra l‑isfruttar normali tax‑xogħol tiegħu jew ta’ suġġett ieħor”. Din il‑premessa għalhekk tirriferi espressament għal tnejn mit‑tliet kundizzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29.


76 – Għanijiet speċjali ta’ dan it‑tip huma rappreżentati, pereżempju, mir‑riproduzzjoni tax‑xogħol għall‑finijiet edukattivi, favur persuni b’diżabbiltà jew tas‑sigurtà pubblika. Għal dak li jirrigwarda l‑eċċezzjonijiet individwali f’dawk is‑setturi, ara l‑Artikolu 5(3) (a), (b) u (e) tad‑Direttiva 2001/29. Fid‑duttrina, ara S. Ricketson, u J.C. Ginsburg, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 21, p. 764, punt 13.12); J. Reinbothe, S. von Lewinski, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota nota ta’ qiegħ il‑paġna 57, p. 124, punt 15).


77 – F’dan ir‑rigward, nosserva li l‑eċċezzjoni fl‑Artikolu 5(3)(ċ) tad‑Direttiva 2001/29 ma tgħidx espressament li l‑informazzjoni tal‑pubbliku fuq ġrajjiet kurrenti ma jistax ikollha sinjifikat ekonomiku; din l‑eċċezzjoni hija ddifferenzjata b’dan il‑mod, pereżempju, mill‑eċċezzjonijiet fil‑paragrafu 2(b) jew 2(ċ) tal‑istess Artikolu, li jipprojbixxu espressament li r‑riproduzzjonijiet għall‑użu privat jew magħmula minn bibljoteki aċċessibbli għall‑pubbliku u minn istituti ta’ tagħlim jiġu eżegwiti b’għanijiet kummerċjali.


78 – Ara f’dan is‑sens M. Ficsor, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ tal‑paġna 57, p. 516, punt C10.03).


79 – J. Reinbothe, u von S. Lewinski, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ tal‑paġna 57, p. 125, punt 18), jenfasizzaw li fil‑kuntest ta’ din il‑kundizzjoni jeħtieġ li jiġi ddefinit is‑suq rilevanti għall‑finijiet tal‑użu tax‑xogħol li fuqu eċċezzjoni partikolari ma jkollhiex effett. F’dan ir‑rigward, l‑awturi msemmija jsemmu l‑każ (punt 19) fejn il‑bejgħ ta’ kotba tal‑iskola fotokopjati jolqot is‑suq tal‑kotba tal‑iskola u għalhekk mhuwiex iġġustifikat fuq il‑bażi tal‑eċċezzjoni li tippermetti r‑riproduzzjoni għal għanijiet edukattivi.


80 – Din l‑evalwazzjoni għandha ssir indipendentement mill‑fatt li, kif qalu l‑qorti tar‑rinviju u l‑partijiet fil‑proċedura prinċipali, it‑tħejjija ta’ sunti hija permessa mis‑sistema legali Daniża. Bħala eżempju, għandu jitqies li lanqas il‑qari ta’ kotba fotokopjati mhuwa pprojbit, iżda dan ma jillegalizzax il‑fotokopjar illimitat tal‑kotba.


81 – M. Ficsor, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 57, p. 516, punt C10.03).


82 – J. Reinbothe, S. von Lewinski, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota qiegħ il‑paġna 57, p. 126 u 127, punt 22).


83 – Din l‑evalwazzjoni hija valida għall‑ħażna tas‑siltiet minn artikli ta’ gazzetta kemm‑il darba l‑qorti tar‑rinviju tikkunsidra li dan huwa att ta’ riproduzzjoni temporanja; f’każ kuntrarju, din il‑ħażna ma tistax tkun iġġustifikata abbażi tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2001/29.