Language of document : ECLI:EU:C:2013:181

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fil-21 ta’ Marzu 2013 (1)

Kawża C‑241/11

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Ċeka

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE — Attività u sorveljanza tal-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar professjonali — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑343/08 — Artikolu 260 TFUE — Somma f’daqqa — Terminu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li, peress li ma ħaditx il-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka (2), fir-rigward tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2003/41/KE, dwar istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali [professjonali] (3), ir-Repubblika Ċeka naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE. Il-Kummissjoni titlob, barra minn hekk, lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Ċeka sabiex tħallas somma f’daqqa għall-ammont ta’ EUR 3 364 395.20.

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk kienet ikkonfrontata b’eżerċizzju importanti u li spiss niltaqgħu miegħu kemm fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali kif ukoll taħt id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li jikkonsisti fil-kalkolu ta’ sanzjoni.

3.        Il-partikolarità ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li l-ksur ikkonstatat fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, jiġifieri s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, kellu impatt prattiku dgħajjef ħafna fis-sistema ġuridika Ċeka, fin-nuqqas ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar professjonali (iktar ’il quddiem l-“IPRO”) stabbiliti fit-territorju nazzjonali.

4.        Infakkar, f’dan ir-rigward, li fil-qasam tas-sanzjonijiet pekunarji fis-sens tal-Artikolu 260 TFUE, il-Kummissjoni ppubblikat serje ta’ komunikazzjonijiet (4) intiżi biex jarmonizzaw il-prattika tal-impożizzjoni tal-imsemmija sanzjonijiet, filwaqt li jikkontribwixxu bis-sħiħ għat-trattament ugwali tal-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma hijiex marbuta bil-proposti fformulati mill-Kummissjoni f’dawk il-komunikazzjonijiet (5).

5.        Minn dawn il-komunikazzjonijiet, fost oħrajn, jirriżulta li, fil-fehma tal-Kummissjoni, kull ksur tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ta’ natura serja. Madankollu, fil-fehma tiegħi dan l-approċċ huwa ta’ natura retorika, peress li jidher li jeskludi kull eżami tal-proporzjonalità tas-sanzjoni u kull individwalizzazzjoni ta’ din tal-aħħar, minkejja l-prinċipji li abitwalment huma ammessi b’mod ripressiv.

6.        Huwa minnu li, b’differenza mid-drittijiet nazzjonali li spiss jikklassifikaw il-ksur skont il-pieni imposti, id-dritt tal-Unjoni ma jagħmel ebda distinzjoni ta’ dan it-tip. Madankollu, aspett komuni kemm għad-drittijiet nazzjonali kif ukoll għad-dritt tal-Unjoni jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-grad ta’ illegalità, li għandu jinftiehem bħala ksur ta’ regola mwettaq b’ċertu grad ta’ volontà jew negliġenza (6).

7.        B’hekk, fis-sistema prevista mill-Artikolu 260 TFUE għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa, qabel kollox hija l-gravità li tippermetti li tiġi ddeterminata n-natura tal-ksur.

8.        Bħala konsegwenza, sabiex jiġi ggarantit bilanċ bejn il-ksur imwettaq u s-sanzjoni prevista, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħmel distinzjoni bejn il-ksur tad-dritt tal-Unjoni billi tikkwalifika n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi bħala ħfief, medji jew serji. Barra minn hekk, peress li l-illegalità ma tkunx tiddependi biss mill-aġir estern tal-awtur u mill-konsegwenzi tal-att, iżda tkun marbuta wkoll ma’ ċirkustanzi partikolari għall-persuna tal-awtur, b’mod partikolari mal-intenzjonijiet tiegħu, il-kalkolu tas-somma f’daqqa għandu jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa waħda, ċirkustanzi mitiganti, bħall-kooperazzjoni leali u, min-naħa l-oħra, kawżi aggravanti, bħar-reċidività ta’ Stat Membru kkonċernat.

9.        Finalment, il-kunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi kollha taqa’ taħt is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-impożizzjoni tas-sanzjonijiet pekunarji previsti mill-Artikolu 260 TFUE.

II – Fuq il-leġiżlazzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni

10.      Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-proċedura prekontenzjuża applikabbli, skont l-Artikolu 260 TFUE, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tqassret permezz tat-tneħħija tar-rekwiżit ta’ opinjoni motivata mill-Kummissjoni. Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-imsemmi artikolu, il-Kummissjoni hija obbligata biss li tibgħat lill-Istat Membru kkonċernat ittra ta’ intimazzjoni qabel ma tirrikorri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

11.      L-għan tad-Direttiva 2003/41, li n-nuqqas ta’ traspożizzjoni parzjali tagħha kien is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mir-Repubblika Ċeka, huwa li tiffissa regoli dwar l-attivitajiet u s-sorveljanza tal-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar professjonali (iktar ’il quddiem “IPRO”). L-IPRO huma stabbilimenti li l-għan tagħhom huwa li jipprovdu servizzi ta’ rtirar marbuta ma’ attività professjonali skont ftehim jew kuntratt, individwali jew kollettiv bejn dawk li jimpjegaw u l-persunal tagħhom jew l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ dawn tal-aħħar. Id-Direttiva 2003/41 hija intiża f’dan ir-rigward biex tistabbilixxi suq intern għas-sistemi tal-irtirar professjonali fuq livell Ewropew. Skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri madankollu jżommu r-responsabbiltà sħiħa għall-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ rtirar tagħhom u għat-tqassim tar-rwoli bejn it-tliet “pilastri” tas-sistema tal-irtirar, b’mod li huma għandhom il-kompitu, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tieni pilastru, li jiddefinixxu l-irwol u l-funzjonijiet tad-diversi tipi ta’ IPRO.

12.      Sabiex tikseb l-għanijiet imsemmija, id-Direttiva 2003/41 timponi fuq l-Istati Membri diversi obbligi fir-rigward tal-IPRO stabbiliti fit-territorju tagħhom, b’mod partikolari s-separazzjoni ġuridika bejn l-impriżi affiljati u l-IPRO (Artikolu 8), l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ funzjonament (Artikolu 9), il-kontroll tagħhom (Artikolu 13) u l-kostituzzjoni ta’ riżervi tekniċi (Artikoli 15 sa 18). Barra minn hekk, l-Artikolu 20(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lill-impriżi stabbiliti fit-territorju tagħhom biex jirrikorru għas-servizzi ta’ IPRO approvati fi Stati Membri oħrajn, u li għandhom jippermettu lill-IPRO approvati fit-territorju tagħhom li jipprovdu servizzi lil impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn. Il-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu jippreċiżaw f’dan ir-rigward ir-regoli ta’ kontroll tal-attivitajiet transkonfinali tal-IPRO.

13.      Skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/41, l-Istati Membri kellhom jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-istess direttiva qabel it-23 ta’ Settembru 2005.

III – Is-sentenza C‑343/08, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka

14.      Permezz tas-sentenza tagħha tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi ma adottatx, fit-terminu previst, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tad-Direttiva 2003/41, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva.

15.      B’risposta għall-argument tar-Repubblika Ċeka li n-nuqqas ta’ IPRO f’dan l-Istat Membru kien jiġġustifika n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/41, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punti 37 sa 52 tas-sentenza tagħha li skont il-ġurisprudenza, u fin-nuqqas ta’ raġuni ġeografika ta’ natura li ċċaħħad it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni minn kull suġġett, huwa importanti li, fl-ipoteżi fejn ir-Repubblika Ċeka tiddeċiedi li tissupplimenta s-sistema nazzjonali tagħha ta’ pensjonijiet tal-irtirar permezz ta’ sistema ta’ rtirar professjonali li jaqa’ taħt it-tieni pilastru, is-suġġetti kollha tad-dritt f’dan l-Istat Membru, bl-istess mod bħas-suġġetti tad-dritt l-oħrajn fl-Unjoni Ewropea, ikunu jafu x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

16.      Min-naħa l-oħra, fil-punti 53 sa 62 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni b’ebda mod ma kienet tobbliga lir-Repubblika Ċeka biex temenda s-sistema nazzjonali tagħha tal-pensjonijiet tal-irtirar. B’mod partikolari, id-Direttiva 2003/41 ma tistax, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi interpretata bħala li tobbliga lil Stat Membru, li minħabba n-nuqqas tat-tieni pilastru jkun jipprojbixxi l-istabbiliment ta’ IPRO fit-territorju tiegħu, biex ineħħi din il-projbizzjoni.

IV – Il-proċedura prekontenzjuża, ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C‑241/11 u l-iżviluppi li seħħew matul dawn il-proċeduri

17.      B’ittra tad-19 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Ċeka biex tikkomunikalha l-miżuri u l-kalendarju preċiżi li l-Gvern Ċek kien beħsiebu jadotta sabiex jikkonforma mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq. Fir-risposta tiegħu, dan l-Istat Membru indika li l-miżuri neċessarji kienu ser jiġu adottati sa mhux iktar tard minn Ġunju 2012. B’ittra tas-17 ta’ Ġunju 2010, il-Ministru tal-Finanzi tar-Repubblika Ċeka informa lill-Kummissjoni li d-deċiżjoni dwar il-mod ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/41 kellha tittieħed mill-gvern wara l-eżitu tal-elezzjonijiet leġiżlattivi tat-28 u d-29 ta’ Mejju 2010. Ulterjorment, b’ittra tal-1 ta’ Ottubru 2010, huwa ħabbar li dokument ta’ ħidma dwar it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva kien ser jiġi ppreżentat dalwaqt lill-gvern.

18.      B’ittra tad-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Ċeka ittra ta’ intimazzjoni li permezz tagħha hija stiednitha biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ xahrejn sa mid-data tal-irċevuta tal-imsemmija ittra. Fuq talba tar-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni aċċettat li tipprolonga dan it-terminu sat-28 ta’ Jannar 2011.

19.      B’risposta għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni, ir-Repubblika Ċeka indikat li hija kienet ħejjiet abbozz ta’ liġi li kien ser jiġi ppreżentat lill-gvern fl-ewwel trimestru tas-sena 2011 u lill-Parlament fix-xahar ta’ April 2011, b’mod li kellu jidħol fis-seħħ fit-tielet trimestru.

20.      Fid-19 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors, li permezz tiegħu hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        biex tikkonstata li dan l-Istat Membru ma ħax il-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll li

–        sabiex timponi kontrih pagament ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 22 364.16 għal kull jum ta’ dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza sa mid-data ta’ meta ngħatat is-sentenza f’din il-kawża sal-jum tal-adozzjoni tal-imsemmija miżuri ta’ eżekuzzjoni, u

–        li timponi wkoll kontriha somma f’daqqa fl-ammont ta’ EUR 5 644.80 għal kull jum ta’ dewmien fl-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri sa mid-data ta’ meta ngħatat is-sentenza inkwistjoni sad-data ta’ meta tingħata s-sentenza f’din il-kawża, jew sad-data tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni.

21.      Fit-2 ta’ Settembru 2011, ir-Repubblika Ċeka informat lill-Kummissjoni bil-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ, fil-31 ta’ Awwissu 2011, tal-Liġi Nru 260/2011 (7) (iktar ’il quddiem il-Liġi Nru 260/11) li tiżgura, skont dan l-Istat Membru, l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni, wara li eżaminat il-kontenut tal-Liġi Nru 260/11, fir-replika tagħha kkunsidrat li r-Repubblika Ċeka kienet ikkonformat il-leġiżlazzjoni tagħha ma’ din is-sentenza. Konsegwentement, il-Kummissjoni żammet lura milli titlob li jiġi ffissat pagament ta’ penalità. Madankollu, hija żammet it-talba tagħha fir-rigward tal-ħlas ta’ somma f’daqqa.

V –    Fuq ir-rikors u l-argumenti tal-partijiet

A –    Fuq l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

22.      Għandu jiġi rrilevat fl-ewwel lok li, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, id-data ta’ referenza biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 260 TFUE tikkorrispondi għad-data ta’ skadenza tat-terminu ffissat fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu (8).

23.      Għalkemm ir-Repubblika Ċeka ma tikkontestax ir-realtà tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, iżda biss il-gravità tal-ksur kif jirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li fil-mument tal-iskadenza tal-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni, li kienet ġiet ipprorogata, ir-Repubblika Ċeka ma kinitx adottat il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma totalment mal-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ċeka kisret l-obbligu tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 260(1) TFUE.

B –    Fuq it-talba għas-somma f’daqqa

24.      Meta matul din il-kawża ġew adottati l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, it-talba għal-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità tilfet is-suġġett tagħha b’mod konformi mal-ġurisprudenza (9).

25.      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni żammet it-talba tagħha għall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa kkalkolata b’mod konformi mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2005, imsemmija iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li s-somma f’daqqa tikkorrispondi għall-prodott ta’ ammont ta’ kuljum immultiplikat bin-numru ta’ sigħat ta’ persistenza tal-ksur. L-ammont ta’ kuljum jirriżulta, min-naħa l-oħra, mill-multiplikazzjoni ta’ ammont f’daqqa bażiku (10) bil-koeffiċjent tal-gravità tal-ksur (fuq skala minn 1 sa 20) u b’fattur “n”, li jirrifletti l-prodott gross tal-Istat Membru u n-numru ta’ voti li għandu fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

26.      Il-Kummissjoni tenfasizza l-obbligu li għandu kull Stat Membru li jittrasponi bis-sħiħ id-Direttiva 2003/41, kif ukoll li f’din il-kawża n-nuqqas ta’ traspożizzjoni ma kellu, fil-prattika, ebda effett konkret minħabba l-ineżistenza tat-tieni pilastru fi ħdan is-sistema Ċeka tal-pensjonijiet tal-irtirar. Hija tfakkar li, billi adotta d-Direttiva 2003/41, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-Istati Membri kollha jadottaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-attivitajiet tal-IPRO fit-territorji rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, kemm ir-regoli kkonċernati tad-Direttiva 2003/41 kif ukoll il-kontenut tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, ġew ifformulati b’mod ċar u ma jħallu ebda dubju dwar il-proċeduri għall-eżekuzzjoni tagħhom.

27.      F’dak li jirrigwarda d-dettalji tal-kalkolu tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tipproponi li jintuża koeffiċjent ta’ gravità ta’ 8, inkwantu r-regoli tad-Direttiva 2003/41 huma, fil-fehma tagħha, essenzjali għall-provvista ta’ servizzi transkonfinali mill-IPRO u li, mingħajr it-traspożizzjoni kompleta tagħhom fis-sistema ġuridika interna, il-kundizzjonijiet għall-funzjonament ta’ suq intern tas-sistema tal-irtirar professjonali ma jinħolqux. Il-Kummissjoni tenfasizza li n-nuqqas ta’ traspożizzjoni jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza ġuridika li l-gravità tiegħu hija aċċentwata fir-rigward ta’ regoli prudenzjali u regoli ta’ sorveljanza intiżi biex jiggarantixxu livell għoli ta’ sigurtà għall-pensjonanti futuri.

28.      Barra minn hekk, b’risposta għall-argument tar-Repubblika Ċeka li jallega traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2003/41 fit-terminu mogħti, il-Kummissjoni targumenta li din iċ-ċirkustanza ma tbiddel xejn mis-sitwazzjoni. Effettivament, it-traspożizzjoni parzjali tikkonċerna biss lill-IPRO li jipprovdu servizzi transkonfinali fir-Repubblika Ċeka. B’hekk ma kienx possibbli li jiġi dedott minn dawn il-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tal-IPRO suġġetti għall-kontroll tal-organi Ċeki u lanqas liema regoli prudenzjali japplikaw għal dawn l-istituzzjonijiet.

29.      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Ċeka tikkontesta prinċipalment il-gravità tal-persistenza tan-nuqqas ikkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet ferm dgħajfa jew ineżistenti. L-imsemmi Stat Membru huwa tal-fehma li ma għandhiex tiġi imposta kontrih somma f’daqqa jew li l-ammont tagħha għandu jitnaqqas sostanzjalment fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ.

30.      Minn naħa, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-gravità tan-nuqqas hija bbażata fuq premessa żbaljata, peress li l-Kummissjoni għamlet konfużjoni bejn din il-kwistjoni u dik ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka tfakkar li, sabiex jiġi evalwat il-grad tal-gravità ta’ ksur, għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-konsegwenzi tan-nuqqas fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza biex l-Istat Membru jiġi mġiegħel jikkonforma mal-obbligi tiegħu, l-importanza ta’ din ir-regola ġuridika li l-ksur tagħha jkun ġie kkonstatat u l-attitudni tal-Istat Membru kkonċernat.

VI – Evalwazzjoni ġenerali

A –    Fuq in-natura tas-somma f’daqqa

31.      Mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari wara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (11) jirriżulta li ż-żewġ sanzjonijiet pekunarji previsti fl-Artikolu 260(2) TFUE ma jissodisfawx l-istess funzjoni. Effettivament, filwaqt li l-impożizzjoni ta’ multa tidher li hija adatta biex Stat Membru jitħeġġeġ biex itemm, fl-iqsar żmien possibbli, il-ksur allegat, l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa hija bbażata aktar fuq il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi (12).

32.      Is-somma f’daqqa b’hekk tikkostitwixxi sanzjoni fis-sens strett tat-terminu. Għall-kuntrarju tal-pagament ta’ penalità li għandha natura essenzjalment koersiva, il-funzjoni tas-somma f’daqqa hija biex tippenalizza n-nuqqas ta’ azzjoni fil-passat mill-Istat Membru kkonċernat.

33.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddelimitat il-parametri tas-somma f’daqqa billi insistiet fuq in-natura disważiva tagħha u fuq il-funzjoni ta’ prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur fil-futur (13). Fil-fehma tal-Kummissjoni, it-theddida tal-impożizzjoni tagħha hija b’mod partikolari ta’ natura li tagħti inċentiv lill-Istat Membru biex jeżegwixxi s-sentenza inizjali b’konstatazzjoni ta’ nuqqas kemm jista’ jkun malajr u, b’mod partikolari, qabel ma jkollha tirrikorri għat-tieni darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (14).

34.      Barra minn hekk, in-natura punittiva tas-somma f’daqqa timplika li din għandha funzjoni retributtiva li tikkorrispondi għall-prinċipju li kull ksur għandu jkun segwit minn sanzjoni proporzjonata sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid l-Istat ta’ dritt.

35.      Effettivament, peress li l-ksur huwa att ta’ sfida kontra l-ordinament ġuridiku stabbilit, is-sanzjoni tikkostitwixxi risposta ġusta konsekuttiva għal dak l-att. Il-ġustizzja tar-risposta teżiġi madankollu, fil-fehma tiegħi, li s-somma f’daqqa imposta tibqa’ wkoll kemm jista’ jkun imnaqqsa fil-każ ta’ nuqqasijiet li l-gravità tagħhom tkun tidher li hija partikolarment dgħajfa.

36.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompitu li tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa b’mod li din tkun, minn naħa waħda adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata man-nuqqas ikkonstatat u l-kapaċità tal-Istat Membru kkonċernat illi jħallas (15). L-impożizzjoni tas-somma f’daqqa għandha, f’kull każ inkwistjoni, tibqa’ suġġetta għall-elementi rilevanti kollha waqt li jitqiesu l-karatteristiċi tan-nuqqas ikkonstatat kif ukoll l-attitudni proprja tal-Istat Membru kkonċernat (16).

37.      In-natura disważiva tas-somma f’daqqa ġiet imsaħħa b’mod partikolari permezz tas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa minkejja eżekuzzjoni kompleta tas-sentenza inizjali qabel ma ngħalqet il-proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 260 TFUE (ex Artikolu 228 KE). Konsegwentement, waqt li enfasizzat li din ma kinitx sanzjoni awtomatika, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat is-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tan-neċessità li timponi s-somma f’daqqa meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

B –    Fuq l-irwol tal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 260 TFUE

38.      Huwa paċifiku li l-linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq, dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 260 TFUE jikkontribwixxu biex jiggarantixxu t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza ġuridika tal-azzjoni mnedija minn dik l-istituzzjoni (17).

39.      Effettivament, għall-kuntrarju tas-sistemi ġuridiċi nazzjonali, fejn spiss il-kompitu biex jiġu stabbiliti regoli jew prattika relatata ma’ miżura ta’ sanzjoni jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-leġiżlatur, tar-rappreżentanti ta’ ministeru pubbliku jew possibbilment tal-qrati tal-appell jew tal-qrati supremi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha l-kompitu li tippubblika dan l-istrument ta’ referenza.

40.      Jidhirli, bl-istess mod bħall-Avukat Ġenerali Ruiz Jarabo Colomer, li għalkemm ma jikkonsistux f’testi regolatorji fis-sens proprju tal-kelma, dawn il-komunikazzjonijiet jorbtu lill-istituzzjonijiet li toħroġhom, ta’ mill-inqas fis-sens li ma tistax tiddevja minnhom ħlief permezz ta’ ġustifikazzjoni xierqa, għaliex inkella jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (18).

41.      Ninnota, barra minn hekk, li fl-oqsma l-oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari fid-dritt tal-kompetizzjoni, billi tadotta tali regoli ta’ kondotta u billi tħabbar bil-pubblikazzjoni tagħhom li ser tapplikahom minn dak il-mument ’il quddiem għall-każijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni timponi limitu fuq id-diskrezzjoni tagħha stess (19). Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija marbuta bil-komunikazzjonijiet li hija tadotta, kemm-il darba dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat (20).

42.      Għandu jiġi enfasizzat li l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 260 TFUE huma strument indispensabbli għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tadotta prattika ġusta u koerenti, u li tikkontribwixxi għall-prevedibbiltà tal-ġustizzja. Effettivament, il-komunikazzjonijiet jipparteċipaw fl-elaborazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ approċċ metodiku u rigoruż fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunarji. Il-funzjoni prinċipali tal-proposti tal-Kummissjoni hija sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tpoġġi s-sanzjonijiet f’kategorija li tikkorrispondi għan-natura tal-ksur allegat. Dawn b’hekk jikkostitwixxu għall-Qorti tal-Ġustizzja punt ta’ tluq indikattiv għall-evalwazzjoni globali tan-nuqqas allegat u jifformaw strument li jiggarantixxi li l-miżura ta’ sanzjoni ma ssirx arbitrarja jew soġġettiva, minkejja l-fatt li l-miżura qatt ma tilħaq oġġettività matematika.

43.      Infakkar, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tibbaża fuq il-komunikazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ħlief f’kuntest analitiku u abbażi ta’ referenza metodoloġika. Bħala konsegwenza, meta teżerċita d-diskrezzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja hija eżentata, b’mod partikolari, mill-obbligu li tippreżenta d-dettalji tal-kalkolu tas-somma f’daqqa li hija timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat.

VII – Fuq il-metodoloġija tal-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa

A –    Applikazzjoni tal-kriterju tal-gravità fil-prattika tal-Kummissjoni

44.      B’mod konformi mal-komunikazzjoni tagħha tal-2005 (21), il-Kummissjoni tibbaża ruħha, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tas-somma f’daqqa, fuq tliet kriterji, jiġifieri l-gravità tal-ksur, it-tul ta’ żmien tal-ksur u l-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas. Id-diffikultà prinċipali li taffettwa l-applikazzjoni tal-imsemmija kriterji tidher li tinsab fir-riskju ta’ sovrapożizzjoni, b’mod partikolari, bejn il-kriterji ta’ gravità u ta’ tul ta’ żmien. Effettivament, waqt li jikkostitwixxi parametru ta’ natura objettiva, l-estensjoni tal-ksur fuq medda ta’ żmien tista’ raġonevolment tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-gravità tan-nuqqas allegat.

45.      F’dan ir-rigward, għalkemm nammetti l-varjetà kbira ta’ nuqqasijiet allegati, nosserva madankollu li l-implimentazzjoni tal-koeffiċjent tal-gravità mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet pekunarji hija mmarkata b’ċertu nuqqas ta’ koerenza (22).

46.      Effettivament, huwa sorprendenti li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-pagament ta’ penalità, f’waħda mill-aktar kawżi kkumplikati, sa llum stess, relatati mal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet pekunarji għal sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġeneralizzat u strutturali, il-Kummissjoni pproponiet koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10. Min-naħa l-oħra, f’kawża li ġiet wara li kienet tirrigwarda nuqqas ta’ natura esklużivament leġiżlattiva, il-koeffiċjent ġie ffissat għal 11 (23). Barra minn hekk, fl-unika kawża li fiha, minħabba nuqqas ta’ provi, in-nuqqas ma setax jiġi kkonstatat, il-Kummissjoni kienet ipproponiet koeffiċjent ta’ gravità ta’ 14 (24). Finalment, il-Kummissjoni saħansitra waslet biex tipproponi koeffiċjent ta’ 1 f’kawża relatata ma’ nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva (25).

47.      B’mod aktar partikolari, fir-rigward ta’ talbiet relatati mal-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa f’kawżi li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttivi, il-Kummissjoni pproponiet koeffiċjenti ta’ 11 (26) u 12 (27). Min-naħa l-oħra, fil-kawżi relatati man-nuqqas ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat, li huma kkaratterizzati minn grad ta’ kumplessità ogħla, il-koeffiċjent propost kien ivarja bejn 5 (28), 8 (29) u 12 (30).

48.      Bħala paragun, u għall-finijiet ta’ memorja, infakkar li f’din il-kawża, il-Kummissjoni evalwat il-gravità tan-nuqqas bħala li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 8 minn skala ta’ 20.

B –    Analiżi tal-gravità tal-ksur għall-finijiet ta’ impożizzjoni ta’ somma f’daqqa

49.      Fl-ewwel lok, infakkar li d-differenza minn sentenza dikjarattiva mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE, li tirrifletti stat objettiv tad-dritt tal-Unjoni (31), sentenza mogħtija skont l-Artikolu 260(2) TFUE, u li timponi sanzjonijiet pekunarji, għandha element soġġettiv, inkwantu timplika evalwazzjoni tat-tort ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, din it-tieni sentenza għandha effett kostituttiv meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponi dawk is-sanzjonijiet.

50.      Fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur li jkun jikkonsisti f’nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tħaddan, minn naħa waħda, aspetti ta’ natura soġġettiva, li jirrigwardaw b’mod partikolari t-tort tal-Istat Membru, u, min-naħa l-oħra, l-identifikazzjoni tal-gravità, li hija bbażata fuq elementi oġġettivi relatati mal-grad tal-ksur u l-konsegwenzi tiegħu.

1.      Fuq id-dimensjoni soġġettiva tal-gravità tal-ksur

51.      Mill-perspettiva soġġettiva, il-kwistjoni li tqum għall-finijiet tal-kalkolu tas-somma f’daqqa hija jekk l-Istat Membru aġixxiex bona fede sa minn meta ngħatat l-ewwel sentenza għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Din is-sitwazzjoni tiġi evalwata skont il-miżuri adottati mill-imsemmi Stat Membru sabiex tiġi eżegwita s-sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE.

52.      F’dan ir-rigward, skont il-parametri ta’ analiżi rilevanti nsibu l-evalwazzjoni tad-diliġenza u tal-kooperazzjoni legali ta’ Stat Membru. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddetermina jekk in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni inkwisjtoni jirriżultax minn aġir volontarju jew sempliċement negliġenti u, jekk ikun il-każ, il-grad ta’ din in-negliġenza. Jidhirli li huwa essenzjali li Stat Membru leali ma jkunx ikkundannat biex iħallas somma f’daqqa ekwivalenti għal dik imposta kontra Stat Membru li ma jkunx ressaq l-iċken prova ta’ bona fede.

53.      B’mod konkret, fir-rigward tal-attitudni adottata mir-Repubblika Ċeka f’din il-kawża, mill-proċess jirriżulta li l-imsemmi Stat Membru eżegwixxa bis-sħiħ is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka ċċitata iktar ’il fuq, billi adotta leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 2003/41 19-il xahar wara li ngħatat l-imsemmija sentenza, jiġifieri sitt xhur wara li ġie ppreżentat dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

54.      Ir-Repubblika Ċeka tiġġustifika d-dewmien tagħha bis-sitwazzjoni interna, jiġifieri bidla fil-gvern wara elezzjonijiet leġiżlattivi, bid-dibattitu dwar ir-riforma tas-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali, kif ukoll bl-instabbiltà ekonomika marbuta mal-kriżi finanzjarja dinjija.

55.      Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjoni mis-sistema ġuridika interna tiegħu biex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (32).

56.      Madankollu, fid-dawl tal-prinċipju impossibilium nulla obligatio est, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis, meta tevalwa l-gravità tan-nuqqas għall-finijiet tal-impożizzjoni eventwali ta’ sanzjonijiet pekunarji, id-diffikultajiet reali li Stat Membru jista’ jiltaqa’ magħhom matul il-proċessi ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza abbażi tal-Artikolu 258 TFUE (33). Effettivament, b’differenza minn proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, l-approċċ ibbażat fuq ir-responsabbiltà oġġettiva ma jistax jiġi applikat fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 260 TFUE.

57.      Fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li hija nediet il-proċedura ta’ eżekuzzjoni fix-xhur wara li ngħatat is-sentenza, u li barra minn hekk, hija osservat l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni billi rrispondiet dejjem b’mod dettaljat għat-talbiet tagħha. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka targumenta li d-Direttiva 2003/41 diġà ġiet trasposta parzjalment fit-terminu mogħti u b’hekk qabel ma ngħatat l-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (34). Barra minn hekk, hija tgħid li t-traspożizzjoni sħiħa nkisbet matul din il-kawża.

58.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa stabbilit li r-Repubblika Ċeka effettivament ġabet prova ta’ kooperazzjoni leali mas-servizzi tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-korrispondenza skambjata.

59.      Barra minn hekk, jidhirli li huwa inkontestabbli li traspożizzjoni parzjali jew definittiva li sseħħ matul il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260 TFUE hija element li jimmilita favur l-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis dan l-aspett meta tevalwa l-gravità ta’ nuqqas, iżda jidhrilha li dan ma jeżentax lill-Istat Membru mill-obbligu li jbati l-konsegwenzi tan-nuqqas tiegħu fil-forma ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa (35).

60.      Għaldaqstant, fl-attitudni tar-Repubblika Ċeka nara fattur aggravanti li jirriżulta minn ċerta negliġenza kif ukoll minn nuqqas ta’ koerenza fil-livell tal-proċeduri nazzjonali, li dewwem indebitament l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Effettivament, sa mid-data meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, il-volum ta’ ħidma leġiżlattiva li kellha titwettaq għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza kien iddefinit b’mod ċar. L-intensità tal-isforzi li jistgħu jiġu previsti għal dan il-għan ma tidhirx li hija eċċessiva, anki f’kuntest politiku ta’ elezzjonijiet leġiżlattivi.

61.      Finalment, jidhirli li fil-konfront ta’ attitudni ta’ din ix-xorta li tkun ikkaratterizzata b’mod ċar b’negliġenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tevita li tikkundanna lir-Repubblika Ċeka biex tħallas somma f’daqqa.

2.      Fuq id-dimensjoni oġġettiva tal-gravità tal-ksur

62.      L-aspett oġġettiv tal-parametru ta’ gravità ġie ddefinit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja prinċipalment b’referenza għan-natura tal-ksur. Fost il-fatturi pertinenti, f’dan ir-rigward, insibu t-tul ta’ żmien tal-persistenza tan-nuqqas wara s-sentenza li kkonstatat dak il-ksur, kif ukoll l-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni (36). Barra minn hekk, hija sorprendenti l-konstatazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja spiss tnaqqas l-ammont tas-somma f’daqqa meta mqabbla ma’ dak propost mill-Kummissjoni (37).

63.      Waqt li nirrikonoxxi s-sovrapożizzjoni bejn il-parametri ta’ tul ta’ żmien u ta’ gravità, nipproponi li f’din l-analiżi nikkonċentraw fuq l-aspett oġġettiv tal-gravità tan-nuqqas allegat, qabel ma nindirizza ulterjorment il-kwistjoni tal-mogħdija taż-żmien.

64.      F’dak li jirrigwarda l-impatt tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni inkwistjoni fuq l-interessi pubbliċi u privati, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/41 hija intiża biex tistabbilixxi suq intern tas-sistemi tal-irtirar professjonali li fil-kuntest tiegħu l-IPRO għandhom jibbenefikaw mill-forniment liberu tas-servizzi u mil-libertà ta’ investiment (38).

65.      Nixtieq nenfasizza fl-ewwel lok li n-nuqqas allegat f’dan il-każ fil-konfront tar-Repubblika Ċeka mill-Kummissjoni huwa, fil-fehma tiegħi, ta’ gravità inqas minn dak li jirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Kummissjoni. Effettivament, jidhirli li għandhom jiġu applikati ċirkustanzi mitiganti favur ir-Repubblika Ċeka.

66.      B’hekk, minn naħa waħda, inkwantu b’mod konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2003/41 ma timponix li dak l-Istat Membru joħloq it-tieni pilastru jew li jneħħi l-projbizzjoni tal-istabbiliment ta’ IPRO fit-territorju tiegħu, l-impatt reali tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati huwa kważi ineżistenti. Effettivament, peress li t-traspożizzjoni kien ikollha l-objettiv prinċipali li tinforma lill-persuni li jistgħu jkunu kkonċernati mill-attivitajiet tal-IPRO, in-nuqqas ta’ din it-traspożizzjoni fis-sistema ġuridika Ċeka, fejn it-tieni pilastru tas-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet tal-irtirar huwa nieqes, ma jistax jitqies bħala partikolarment serju. Konsegwentement, l-impatt tal-ksur allegat fuq l-interessi pubbliċi u privati jibqa’ ferm limitat.

67.      Min-naħa l-oħra, meta titqies is-sitwazzjoni speċifika prevalenti fir-Repubblika Ċeka, l-interpretazzjoni ferm wiesgħa tad-Direttiva 2003/41 kif targumenta l-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu effettivament setgħet toħloq konfużjoni (39). Konsegwentement, anki kieku r-Repubblika Ċeka aġixxiet b’mod partikolarment diliġenti, hija fi kwalunke każ ma kinitx tkun f’pożizzjoni, għat-tul ta’ żmien kollu tal-ewwel proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li tadotta miżuri effikaċi sabiex ittemm in-nuqqas allegat.

68.      Għalkemm il-miżuri nazzjonali li kellhom jiġu adottati kienu jibqgħu mingħajr applikazzjoni konkreta, din is-sitwazzjoni kienet iddum biss sakemm il-leġiżlatur nazzjonali jintroduċi t-tieni pilastru fis-sistema nazzjonali tiegħu tal-pensjonijiet tal-irtirar. Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li f’dik l-eventwalità, il-leġiżlatur seta’ jbiddel il-kuntest ġuridiku hekk stabbilit fil-limiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/41.

C –    Analiżi tat-tul ta’ żmien tal-ksur għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa

69.      Din il-proċedura tenfasizza żewġ aspetti relatati mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-mogħdija taż-żmien. Minn naħa, din teħtieġ li jiġi evalwat it-tul ta’ żmien li kien neċessarju għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, din tirrigwarda l-kwistjoni tal-ħeffa li biha l-Kummissjoni fetħet il-proċedura skont l-Artikolu 260 TFUE.

70.      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-ewwel aspett, jidhirli li huwa evidenti li l-kriterju tat-tul ta’ żmien tal-ksur, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa element li jinsab totalment f’idejn l-Istat Membru kkonċernat. Dan tal-aħħar jista’ jiddeċiedi jew li jwettaq l-eżekuzzjoni fil-mument li jidhirlu li jkun opportun, jew inkella, fl-ipoteżi jew id-dubji dwar il-portata tal-obbligi tiegħu jippersistu, li jitlob l-interpretazzjoni tas-sentenza mogħtija abbażi tal-Artikolu 258 TFUE b’mod konformi mal-Artikolu 43 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea moqri flimkien mal-Artikolu 158 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (40).

71.      Għal din ir-raġuni, it-tul ta’ żmien jikkontribwixxi biex isaħħaħ il-gravità oġġettiva ta’ nuqqas li jikkonsisti f’nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’hekk jista’ jintuża bħala element indikattiv tal-kuntest analitiku tal-kuntest analitiku ta’ miżura tas-sanzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, is-somma f’daqqa.

72.      Fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li hija kienet ser tipproċedi mingħajr dewmien għall-eliminazzjoni tan-nuqqas ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha. Barra minn hekk, inkwantu l-uniku skop tat-traspożizzjoni kien li tinforma, b’mod suffiċjenti, lis-suġġetti tad-dritt potenzjalment ikkonċernati f’każ ta’ deċiżjoni eventwali li jiddaħħal it-tieni pilastru fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, dan l-Istat Membru jirrelativizza l-urġenza tal-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq.

73.      Il-Kummissjoni ttenni, min-naħa tagħha, li l-eżekuzzjoni ta’ sentenza dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha titlesta fl-iqsar żmien possibbli. F’din il-kawża, il-Liġi Nru 260/11 ġiet adottata biss 19-il xahar wara li ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għaddew tnax-il xahar minn meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, u d-data tal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-ittra ta’ intimazzjoni, li ntbagħtet skont il-proċedura tal-Artikolu 260 TFUE. Finalment, għaddew ħames snin u erba’ xhur bejn din id-data tal-aħħar u d-data ffissata mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/41 għat-traspożizzjoni tagħha.

74.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-parametru tar-responsabbiltà oġġettiva ta’ Stat Membru li fuqu huwa bbażżat ir-rikors skont l-Artikolu 258 TFUE ma jistax jiġi applikat fil-kuntest tal-proċedura ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunarji abbażi tal-Artikolu 260 TFUE.

75.      Ċertament, il-ġurisprudenza teħtieġ li l-eżekuzzjoni titnieda immedjatament u tingħalaq fl-iqsar żmien possibbli (41), li timplika li l-Istat Membru għandu jieħu passi sabiex jeżegwixxi s-sentenza kemm jista’ jkun malajr wara li tingħata. Għaldaqstant, ma hemm ebda dubju li skont il-partikolaritajiet politiċi u amministrattivi nazzjonali kif ukoll il-grad ta’ kumplessità tan-nuqqas ikkonstatat, l-eżekuzzjoni sħiħa sseħħ biss f’data ulterjuri. Il-kalkolu tas-somma f’daqqa b’hekk għandu jieħu f’kunsiderazzjoni dawk iċ-ċirkustanzi.

76.      Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li tinbeda l-eżekuzzjoni ma jiggarantixxix, b’mod evidenti, eżekuzzjoni effikaċi u sħiħa, jekk l-Istat Membru ma jkun jara ebda interess fiha fl-immedjat. Effettivament, ma huwiex eskluż li Stat Membru jadotta miżura tranżitorja u jikkomunikaha lill-Kummissjoni sabiex idewwem l-analiżi tagħha tal-istat ta’ eżekuzzjoni, mingħajr ma jipprevedi eżekuzzjoni eżawrjenti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (42). Id-determinazzjoni ta’ somma f’daqqa għandha tinkludi wkoll elementi ta’ tali natura li jiskoraġġixxu lill-Istati Membri milli jirrikorru għal tali miżuri ta’ dewmien.

77.      F’din il-kawża, meta titqies in-natura espliċita tan-nuqqas allegat, jidhirli li l-persistenza tan-nuqqas għal 19-il xahar sa mid-data meta ngħatat is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi ġġustifikata.

78.      Fir-rigward tat-tieni aspett, jiġifieri r-rapidità li biha l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proċedura abbażi tal-Artikolu 260 TFUE, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni rreferiet l-ewwel talba għall-informazzjoni relatata mal-istat ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, xahar wara li ngħatat dik is-sentenza, qabel ma bagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni disa’ xhur wara. Iż-żmien li laħaq għadda bejn id-data tas-sentenza u l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-ittra ta’ intimazzjoni laħaq kważi sena.

79.      F’dan ir-rigward, huwa interessanti li jiġi rrilevat, li bl-eċċezzjoni ta’ nuqqasijiet ferm kumplessi, il-prattika tal-Kummissjoni hija kkaratterizzata minn tqassir progressiv fit-terminu li hija tagħti lill-Istat Membru bejn id-data meta tingħata l-ewwel sentenza għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-iskadenza tat-terminu ffissat, preċedentement fl-opinjoni mmotivata, u attwalment fl-ittra ta’ intimazzjoni. B’hekk fl-ewwel kawżi ppreżentati abbażi ta’ dak li qabel kien l-Artikolu 228 KE, dan it-terminu kien jitla’ sa sentejn u nofs (43), erba’ snin u nofs (44), jew saħansitra disa’ snin (45). Fl-aktar kawżi reċenti, it-terminu kien ivarja bejn sena u sentejn (46).

80.      L-għoti ta’ terminu wisq ġeneruż mill-Kummissjoni jista’ jkollu riperkussjoni fuq il-kalkolu tas-somma f’daqqa. Effettivament, l-andament kemm tal-proċedura ta’ qabel il-kawża kif ukoll dik quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jikkontribwixxi biex iżid l-ammont tas-somma f’daqqa, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn l-ewwel sentenza ma tkunx ġiet eżegwita bis-sħiħ fid-data meta tingħata t-tieni sentenza, li tkun ingħatat abbażi tal-Artikolu 260 TFUE (47).

81.      Bħala konsegwenza, waqt li nirrikonoxxi li l-Kummissjoni bagħtet l-ewwel ittra relattivament wisq malajr, jidhirli li t-terminu indikat fl-ittra ta’ intimazzjoni, li r-Repubblika Ċeka kellha sena biex tirrispondi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienx irraġonevoli, fid-dawl tal-volum ta’ emendi leġiżlattivi meħtieġa sabiex jieqaf in-nuqqas allegat. Dan it-terminu jinkwadra, barra minn hekk, fil-prattika tal-Kummissjoni deskritta hawn isfel.

82.      Fuq bażi sussidjarja, ninnota li l-Kummissjoni tidher tindika fl-osservazzjonijiet tagħha li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tieħu wkoll inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni abbażi tal-Artikolu 260 TFUE, it-tul ta’ żmien tal-ksur sa mill-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/41. Tali approċċ huwa madankollu żbaljat. Fi kwalunkwe każ, tali kalkolu huwa meħtieġ, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għar-rikorsi mressqa skont l-Artikolu 260(3) TFUE fir-rigward tan-nuqqasijiet relatati man-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, fil-kuntest tal-ewwel rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (48).

83.      Finalment, jidhirli li l-emenda li saret fl-Artikolu 260 TFUE mit-Trattat ta’ Lisbona, li tikkonsisti fit-tneħħija tal-istadju tal-opinjoni mmotivata, b’mod li titqassar il-fażi ta’ qabel il-kawża tal-proċedura, timmilita aktar favur l-applikazzjoni stretta tat-terminu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza min-naħa ta’ Stat Membru.

VIII – Fuq l-ammont tas-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta f’din il-kawża

84.      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex timponi kontra r-Repubblika Ċeka somma f’daqqa ta’ EUR 3 364 395.20. Dan l-ammont jirriżulta mill-multiplikazzjoni tas-somma ta’ kuljum ta’ EUR 5 644.80 bin-numru ta’ jiem tal-ksur, jiġifieri 594 jum mid-data meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, jew l-14 ta’ Jannar 2010, sad-data meta ġew adottati d-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/41, jew il-31 ta’ Awwissu 2011. L-ammont ta’ kuljum propost mill-Kummissjoni jirriżulta mill-multiplikazzjoni fl-ammont ta’ bażi uniformi ta’ EUR 210 bil-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 8 u l-fattur “n” għar-Repubblika Ċeka li huwa ta’ 3.36 (49).

85.      Qabel ma nittratta dwar il-kalkolu indikattiv tal-ammont tas-somma f’daqqa, nixtieq infakkar li b’risposta għall-preokkupazzjonijiet tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha favur it-teħid f’kunsiderazzjoni tal-kapaċità ta’ Stat Membru li jħallas, skont kif tirriżulta mill-aħħar informazzjoni ekonomika ppreżentata għall-evalwazzjoni tagħha (50). Għaldaqstant, hija tqis l-iżviluppi reċenti fl-inflazzjoni u fil-prodott domestiku gross tal-Istat Membru inkwistjoni, kif jinsabu fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (51).

86.      Mill-perspettiva ta’ żmien, dan l-aġġustament ta’ informazzjoni ekonomika, li għandu bħala punt ta’ referenza l-mument tal-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-fatti tal-kawża, jikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipji msemmija hawn fuq skont liema l-iffissar tas-somma f’daqqa għandu jkun adattat għaċ-ċirkustanzi u proporzjonat man-nuqqas ikkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (52).

87.      F’dan il-każ, peress li l-partijiet fil-proċedura ma aġġornawx l-informazzjoni ekonomika rilevanti, għandha ssir referenza għall-aħħar komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 dwar l-aġġornament tal-informazzjoni użata għall-kalkolu tas-sanzjonijiet pekunarji (53). Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li l-ammont tas-somma f’daqqa minima għar-Repubblika Ċeka żdied u attwalment jammonta għal EUR 1 768 000. Barra minn hekk, ir-rata bażika għas-somma f’daqqa tibqa’ ta’ EUR 210, iżda l-fattur speċjali “n” għar-Repubblika Ċeka ġie ffissat għal 3.34.

88.      Finalment, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont li għandu jintuża f’din il-kawża, fl-ewwel lok, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tibbaża fuq koeffiċjent ta’ gravità inqas minn dak propost mill-Kummissjoni, jiġifieri ta’ 8.

89.      F’din il-kawża, meta titqies minn naħa waħda l-attitudni negliġenti tal-awtoritajiet Ċeki, u min-naħa l-oħra l-fatt li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata nuqqas ma kellu kważi ebda effett reali, koeffiċjent ta bejn 1 sa 2 jidhirli li huwa iktar xieraq.

90.      F’dan ir-rigward, nosserva li l-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 1 kien diġà ġie propost darba mill-Kummissjoni, għalkemm fil-kuntest ta’ talba għal penali. Il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet dik it-talba, li tqieset li hija xierqa biex tirrifletti b’mod adegwat il-grad ta’ gravità tal-ksur li kien għadu jissussisti fid-data meta l-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-fatti u finalment imponiet il-ħlas ta’ pagament ta’ penalità mill-Istat Membru kkonċernat (54).

91.      B’hekk, billi applikat l-informazzjoni aġġornata msemmija iktar ’il fuq u koeffiċjent ta’ gravità ta’ 1, l-ammont tas-somma ta’ kuljum kien jammonta għal EUR 701.40, jiġifieri EUR 210 immultiplikat bil-fattur “n” ta’ 3.34. Wara li tiġi mmultiplikata bin-numru ta’ jiem tal-ksur ta’ 594, is-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta tammonta għal EUR 416 631.60. Min-naħa l-oħra, meta jiġi applikat koeffiċjent ta’ gravità ta’ 2, l-ammont tas-somma ta’ kuljum jammonta għal EUR 402.80, immultiplikat bin-numru ta’ jiem tal-ksur, jew somma f’daqqa ta’ EUR 833 263.20.

92.      Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet favur koeffiċjenti daqstant dgħajfin, hija tiltaqa’ mad-diffikultà li tikkonsisti fil-fatt li s-somma f’daqqa hekk proposta hija aktar baxxa mis-somma minima ta’ EUR 1 768 000, ikkalkolata mill-Kummissjoni għar-Repubblika Ċeka fil-komunikazzjoni tagħha tal-2005, kif aġġornata mill-komunikazzjoni reċenti tal-2012, imsemmija iktar ’il fuq.

93.      Effettivament, skont il-Kummissjoni, fl-ipoteżi fejn is-somma kkalkolata fuq il-bażi ta’ rata ta’ kuljum tkun inqas mis-somma f’daqqa minima, huwa dan l-aħħar ammont li għandu jiġi impost fil-prinċipju. Din il-bażi minima fissa tirrifletti, skont il-Kummissjoni, il-prinċipju li nuqqas ta’ eżekuzzjoni persistenti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja minn Stat Membru jirrappreżenta, fih innifsu, ksur tal-prinċipju tal-legalità f’komunità tad-dritt, li jimmerita sanzjoni reali. Tali ammont minimu fiss jevita, barra minn hekk, il-proposta ta’ ammonti purament simboliċi li ma għandhom ebda effett disważiv u li jirriskjaw li jimminaw l-awtorità tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja aktar milli jsaħħuha (55).

94.      F’dan ir-rigward, nosserva li l-proposta ta’ somma f’daqqa minima kif ikkonċepita mill-Kummissjoni twassal għall-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-aktar koeffiċjenti dgħajfa fil-maġġoranza tal-każijiet, ħlief fil-każ ta’ ksur ta’ żmien twil ħafna. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ somma f’daqqa minima jidhirli li jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ somom purament simboliċi, waqt li huwa magħruf li, mill-perspettiva baġitarja, it-telf imprevist ta’ somma li tista’ titqies bħala “inutli” għandu effett disważiv ċert għall-Istati Membri.

95.      Peress li, kif għadu kif tfakkar, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi biss għall-Qorti tal-Ġustizzja qafas analitiku ta’ referenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibbaża l-evalwazzjoni ġusta tagħha f’kuntest globali tal-ksur allegat fuq il-bażi ta’ eżerċizzju metodiku, waqt li jiġu applikati l-kriterji li jinsabu fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

96.      Konsegwentement, fid-dawl tal-elementi kollha ta’ din il-proċedura u sabiex jiġi ggarantit il-ħarsien tal-funzjoni disważiva u punittiva tas-somma f’daqqa, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkundanna lir-Repubblika Ċeka biex tħallas somma f’daqqa fl-ammont ta’ EUR 1 miljun.

IX – Konklużjoni

97.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mas-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑343/08), ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260 TFUE;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka biex tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, somma f’daqqa ta’ EUR 1 miljun; u

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑343/08, Ġabra p. I‑275).


3 – Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 350).


4 – Ara, b’mod partikolari, il-Komunikazzjoni li tirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Artikolu 171 tat-Trattat ĠU 1996, C 242, p. 7; Metodu ta’ kalkolu tal-penali prevista fl-Artikolu 171 tat-Trattat KE, ĠU 1997, C 63, p. 2; komunikazzjoni SEK(2005) 1658, tat-13 ta’ Diċembru 2005, dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 228 KE (ĠU 2007, C 126, p. 15), kif aġġornata mill-Komunikazzjoni SEK(2010) 923 tal-20 ta’ Lulju 2010, bit-titolu “Implimentazzjoni tal-Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Aġġornament tal-informazzjoni użata għall-kalkolu tas-somom f’daqqa u tal-penali li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur”.


5 –      Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑387/97, Ġabra p. I‑5047, punti 86 u 89).


6 – Ara, fir-rigward tad-dritt penali, Darbellay, J., Théorie générale de l’illicéité, p. 124.


7 – Ġabra ta’ liġi Ċeka tal-31 ta’ Awwissu 2011, Vol. 92.


8 –      Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, punt 67); tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑279/11, punt 19); kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2012, u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑374/11, punt 19).


9 –      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, Ġabra p. I‑9159, punti 26 sa 28).


10 – Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2012) 6106 finali, bit-titolu “Aġġornament tal-informazzjoni użata għall-kalkolu tal-ħlasijiet f’daqqa u tal-pagament ta’ penalità li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur”, li tiffissa s-somma f’daqqa standard għal EUR 210.


11 –      C-304/02, Ġabra p. I‑6263.


12 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (punt 81).


13–      Sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, Ġabra p. I‑5703, punt 145); tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 142), u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-374/11), iċċitata iktar ’il fuq (punt 48).


14 –      Sentenza (Il-Kummissjoni vs Franza, C-121/07, iċċitata iktar ’il fuq punt 33).


15 – Sentenzi ċċitati tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (punt 146), u tal-11 ta’ Diċembru 2002, Il- Kummissjoni vs Spanja (C-610/10, iċċitata iktar ’il fuq punt 143).


16 – Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 141).


17 – Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑70/06, Ġabra p. I‑1, punt 34); tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 112), u tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 116).


18 –      Punti 12 u 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq.


19 –      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 211 sa 213).


20 – Ara, ex multis, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Holland Malt vs Il-Kummissjoni (C‑464/09 P, Ġabra p. I‑12443, punt 47).


21 – Komunikazzjoni SEK(2005) 1658 imsemmija iktar ’il fuq.


22 – Għal analiżi tal-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-gravità ara, b’mod partikolari, Kilbey, I., “The interpretation of Article 260 TFEU (ex 228 EC)”, European Law Review, 370, 2010, p. 6. Għal analiżi fir-rigward, b’mod partikolari, tal-importanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, ara van Rijn, T., “Non-exécution des arrêts de Il-Qorti tal-Ġustizzja de justice par les États membres, Cahier de droit européen”, 2008, Nri 1-2, p. 105 et seq.


23 –      Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq.


24 –      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑119/04, Ġabra p. I‑6885).


25 –      Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑177/04, Ġabra p. I‑2461).


26 –      Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑109/08, Ġabra p. I‑4657).


27 –      Sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑407/09, Ġabra p. I‑2467).


28 – Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.


29 –      Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, Ġabra p. I-11483).


30 – Sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq.


31 –      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C‑39/10, punt 63).


32 – Ara, ex multis, reċentement ukoll, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-374/11), iċċitata iktar ’il fuq (punt 39). Ara wkoll is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq.


33 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-374/11), iċċitata iktar ’il fuq (punt 40).


34 – Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li d-Direttiva 2003/41 kienet diġà ġiet trasposta parzjalment qabel ma l-Kummissjoni bdiet il-proċedura skont l-Artikolu 260 TFUE, f’dak li jirrigwarda l-parti relatata mal-possibbiltà mogħtija lill-IPRO li jipprovdu s-servizzi tagħhom fit-territorju nazzjonali fil-forma ta’ servizzi transkonfinali.


35 – Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (punti 60 u 84). Għal eżempji tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-isforzi mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali, ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (punt 36), u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-374/11, punti 40 u 41).


36 –      Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑374/11, punt 51).


37 – B’hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri intiżi biex jiżguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenza mingħajr dewmien u b’rispett tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, naqqset l-ammont minn madwar 43 miljun għal 10 miljun. Fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, C-568/07, Ġabra p. I-4505) is-somma f’daqqa tnaqqset mill-Qorti tal-Ġustizzja minn EUR 5 miljun għal EUR 1 miljun fuq il-bażi ta’ nuqqas li kien intemm parzjalment qabel ma ngħatat l-ewwel sentenza dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-369/07, iċċitata iktar ’il fuq), Il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lill-Istat Membru għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 2 miljun minflok l-ammont propost ta’ EUR 15-il miljun. Bl-istess mod, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-407/09, iċċitata iktar ’il fuq), is-somma f’daqqa ġiet imnaqqsa b’terz u finalment ammontat għal EUR 3 miljun. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-496/09, iċċitata iktar ’il fuq), il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lill-Istat Membru għall-ħlas ta’ somma f’daqqa mhux ta’ EUR 68 miljun kif mitlub mill-Kummissjoni, iżda ta’ EUR 30 miljun. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-610/10, iċċitata iktar ’il fuq), il-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li ppreċiżat li l-eżekuzzjoni tas-sentenza ma kinitx teħtieġ sforzi konsiderevoli, iffissat l-ammont tas-somma f’daqqa għal EUR 20 miljun, minflok il-EUR 50 miljun mitluba mill-Kummissjoni.


38 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq (punti 43 u 44). Ara wkoll il-preżentazzjoni tal-imsemmija Direttiva fil-punti 11 u 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39 – Skont ir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni pprovokat inċertezza meta affermat li d-Direttiva 2003/41 kienet timponi fuq ir-Repubblika Ċeka obbligu li titneħħa l-projbizzjoni li jiġi stabbilit fit-territorju tagħha l-IPRO. Kien biss fl-istadju meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din l-affermazzjoni billi neħħiet kull dubju dwar il-portata tal-imsemmija direttiva.


40 – Infakkar, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kwistjoni dwar x’inhuma l-miżuri li fihom tikkonsisti l-eżekuzzjoni ta’ sentenza dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE hija estranea għas-suġġett ta’ dik is-sentenza, b’mod li tali kwistjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ talba għal interpretazzjoni. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-503/04, Ġabra p. I-6153, punt 15) kif ukoll il-punt 43 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq.


41 –      Sentenza tal-25 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-278/01, Ġabra p. I-14141, punt 27).


42 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq.


43 – Sentenza tal-25 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.


44 – Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq.


45 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq.


46 – Fil-kawża C‑119/04, it-terminu kien ta’ sentejn; fil-kawża C‑177/04, it-terminu kien ta’ sena u nofs; fil-kawża C‑503/04, it-terminu kien ta’ sena u xahrejn; fil-kawża C‑70/06, it-terminu kien ta’ sena u tnax-il xahar; fil-kawża C‑121/07, it-terminu kien ta’ sena u tmien xhur; fil-kawżi C‑369/07 u C‑457/07, it-terminu kien ta’ sena u xahrejn; iżda biss ta’ 9 xhur fil-kawża C‑109/08. Finalment, fil-kawża C‑496/09, it-terminu tela’ għal erba’ snin.


47 – Għandu jitqies iż-żmien li jkun għadda bejn il-jum meta tingħata l-ewwel sentenza għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, minn naħa waħda, u l-jum meta l-imsemmija sentenza tkun ġiet eżegwita bis-sħiħ jew, fin-nuqqas, dak meta tingħata s-sentenza abbażi tal-Artikolu 260 TFUE min-naħa l-oħra.


48 – Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEK(2010) 1371 “Implementazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE”.


49 – B’mod konformi mal-Komunikazzjoni SEK(2010) 923 li temenda l-Komunikazzjoni SEK(2005) 1658.


50 – Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-279/11, iċċitata iktar ’il fuq punti 78 u 79). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx, fuq dan il-punt, lill-Kummissjoni li argumentat li kellu jiġi applikat il-fattur “n” kif kien ikkalkulat meta tressaq ir-rikors quddiem Il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260 TFUE.


51 – Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 131).


52 – Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-568/07), iċċitata iktar ’il fuq, (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


53 – Ara l-Komunikazzjoni C(2012) 6106 finali, imsemmija iktar ’il fuq.


54 – Ara l-kawża li tat lok għas-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq). Il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet penali ta’ EUR 31 650 kuljum għad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni sħiħa u totali tal-ewwel sentenza, sa mill-għoti tas-sentenza skont dak li qabel kien l-Artikolu 228 KE, u sal-eżekuzzjoni sħiħa tal-ewwel sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.


55 – Ara l-Komunikazzjoni SEK(2005) 1658, imsemmija iktar ’il fuq.