Language of document : ECLI:EU:C:2013:636

Kawża C-369/11

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Trasport — Direttiva 2001/14/KE — Artikoli 4(1) u 30(3) — Allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja — Intaxxar ta’ tariffi — Tariffi tal-infrastruttura — Indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2013

1.        Trasport — Trasport ferrovjarju — Direttiva 2001/14 — Allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja u tal-intaxxar ta’ tariffi — Intaxxar ta’ tariffi tal-infrastruttura — Obbligi tal-Istati Membri — Portata — Iffissar ta’ tariffi tal-aċċess għall-infrastruttura — Esklużjoni — Nuqqas ta’ indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/14, Artikoli 4(1) u 30(3))

2.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Eżami tal-fondatezza mill-Qorti tal-Ġustizzja — Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni — Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata

(Artikolu 258 TFUE)

3.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni — Produzzjoni ta’ elementi li juru n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Preżunzjonijiet — Inammissibbiltà

(Artikolu 258 TFUE)

1.        Jonqos mill-obbligu tiegħu taħt l-Artikoli 4(1) u 30(3) tad-Direttiva 2001/14, fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet [tariffi] għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija, Stat Membru li ma jiżgurax l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura għall-intaxxar ta’ tariffi tal-aċċess għall-infrastruttura u l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja.

Skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom jimplementaw qafas għall-intaxxar ta’ tariffi u huma jistgħu wkoll jistabbilixxu regoli speċifiċi ta’ ntaxxar ta’ tariffi, filwaqt li josservaw l-indipendenza tal-amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura. Skont din id-dispożizzjoni, huwa l-kompitu ta’ dan tal-aħħar, minn naħa, li jistabbilixxi t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u, min-naħa l-oħra, li jipproċedi għall-irkupru tagħha.

F’dan ir-rigward, is-sistemi ta’ ntaxxar ta’ tariffi u ta’ allokazzjoni tal-kapaċità għandhom jinċentivaw lill-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja sabiex itejbu l-użu tal-infrastruttura fil-qafas iddefinit mill-Istati Membri. Issa, dawn l-amministraturi ma jistgħux jaslu għal tali titjib permezz tas-sistema ta’ ntaxxar ta’ tariffi jekk ir-rwol tagħhom kellu jiġi llimitat għall-kalkolu tal-ammont tat-tariffa f’kull każ konkret, billi japplikaw formula ffissata minn qabel permezz ta’ digriet ministerjali. Għalhekk, dawn l-amministraturi għandu jkollhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tat-tariffi.

(ara l-punti 41, 43, 70 u d-dispożittiv 1)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 63)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 68)