Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (il-Belġju) fid-19 ta' Lulju 2010 - Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers (Sabam) vs Netlog NV

(Kawża C-360/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank van eerste aanleg te Brussel.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers (Sabam).

Konvenuta: Netlog NV.

Domanda preliminari

Id-Direttivi 2001/29 1 u 2004/48 2, moqrija flimkien mad-Direttivi 95/46 3, 2000/31 4 u 2002/58 5, interpretati b'mod partikolari fid-dawl tal-Artikoli 8 u 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jippermettu lill-Istati Membri li jawtorizzaw qorti nazzjonali, li quddiemha jitressqu l-proċeduri prinċipali u abbażi tas-sempliċi dispożizzjoni legali li tipprovdi li: "Huma [il-qrati nazzjonali] jistgħu wkoll joħorġu ordni ta' twaqqif kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terz sabiex jiġi ppreġudikat id-dritt tal-awtur jew drittijiet relatati miegħu", sabiex tordna lil fornitur ta' servizzi ta' postijiet ta' akkomodazzjoni jistabbilixxi, għall-klijentela kollha tiegħu, in abstracto u bħala prevenzjoni, bl-ispejjeż tiegħu u mingħajr limitazzjoni ratione temporis, sistema ta' filtrazzjoni tal-parti l-kbira tal-informazzjoni maħżuna fuq is-servers tiegħu, bl-għan li jiġu identifikati fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali, ċinematografiku jew awdjoviżiv li SABAM tallega li għandha drittijiet fuqhom, u imbagħad jibblokka l-iskambju tagħhom?

____________

1 - Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2 - Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

3 - Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta' Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355 ).

4 - Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta' Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

5 - Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).