Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Settembru 2007 - Telefónica, S.A. Telefónica de España vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-336/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Telefónica, S.A. Telefónica de España S.A. (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: avukati F. E. Gonzalez Díaz u S. Sorinas Jimeno)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Prinċipalment, l-annullament, fis-sens ta' l-Artikolu 230 tat-Trattat KE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-4 ta' Lulju 2007 fil-każ COMP/38.784 - Wanadoo España vs Telefónica ;

sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis, fis-sens ta' l-Artikolu 229 tat-Trattat KE, tal-multa imposta fuqha permezz tad-deċiżjoni;

fi kwalunkwe każ, li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż li jattakka d-deċiżjoni ta' l-4 ta' Lulju 2007, relattiva għal proċeduri meħuda skond l-Artikolu 82 KE (każ COMP/38.784 - Wanadoo España vs Telefónica), li permezz tagħha l-Kummissjoni imponiet fuq Telefónica S.A, in solidum ma Telefónica de España S.A, multa ta' EUR 151 875 000 għall-ksur ta' l-Artikolu 82 KE, b'referenza għal prattici ta' margin squeezing.

In sostenn ta' l-argumenti tagħhom, il-partijiet jallegaw:

il-ksur tad-drittijiet ta' difiża tagħhom, minħabba li d-deċiżjoni hija bbażata fuq diversi fatti li ma kinux mgħarrfa lilhom matul il-proċeduri amministrattivi u minħabba li l-partijiet qatt ma kellhom il-possibiltà jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar dawn il-fatti;

li l-konvenuta għamlet diversi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni li jirrigwardaw:

id-definizzjoni ta' tliet swieq differenti ta' bejgħ bl-ingrossa u mhux ta' suq wieħed ta' bejgħ bl-ingrossa ta' l-ADSL li jinkludi kemm in-netwerk lokali kif ukoll dak nazzjonali u reġjonali, jew sussidjarjament, għall-inqas dawn it-tnejn ta' l-aħħar;

il-preżunta pożizzjoni dominati tar-rikorrenti kemm fis-swieq relevanti ta' prodotti li jinbigħu bl-ingrossa kif ukoll f'dawk ta' prodotti li jinbigħu bl-imnut.

l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE fil-konfront ta' l-allegat aġir abużiv tagħha. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tapplika dan l-Artikolu għar-rifjut de facto, min-naħa tar-rikorrenti, li jinnegozaw, meta l-prodotti in kwistjoni li jinbigħu bl-ingrossa mhumiex "infrastrutturi essenzjali", u b'hekk tmur kontra l-ġurisprudenza Oscar Bronner. It-tieni nett, anki li kieku kellu jiġi aċċettat li l-Artikolu 82 seta' japplika għall-aġir tar-rikorrenti, quod non, id-deċiżjoni tinjora r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza Industrie des Poudres Sphériques, li tipprovdi li qabel ma jista' jingħad li margin squeezing jikkostitwixxi aġir legali, għandu jintwera li l-prezz tal-prodott lest huwa predatorju.

l-allegat aġir abużiv u l-effett tiegħu fuq is-suq; l-ewwel nett għaliex għamlet għażla ħażina ta' l-investimenti ta' bejgħ bl-inġrossa li ġew imqabbla u, it-tieni nett, il-għaliex għamlet, fost affarjiet oħra, żbalji kbar ta' kalkolazzjoni u għamlet diversi omissjonijiet kemm fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' " perijodu b' perjijodu", kif ukoll f' dak ta' "likwidità skontata" (discounted cash flow). Dawn l-iżbalji, kemm individwalment, kif ukoll f'daqqa, jinvalidaw il-metodologija u l-kalkoli magħmula fid-deċiżjoni. Id-deċiżjoni lanqas ma tipprova b'mod adegwat l-allegat impatt negattiv ta' l-aġir fuq il-kompetizzjoni.

l-aġir ultra vires min-naħa tal-Kummissjoni, u, fi kwalunkwe każ, bi ksur tal-prinċipji ta' sussidjarjetà, proporzjonalità, ċertezza legali, kooperazzjoni leali, u amministrazzjoni tajba, peress li hija interveniet fejn kien diġà intervjena r-regolatur nazzjonali tat-telekomunikazzjoni, li kien ġie maħluq mil-leġiżlatur Komunitarju stess u li kien aġixxa b'mod konformi mas-setgħat u l-kompetenzi mogħtija lilu minn dan ta' l-aħħar u skond leġiżlazzjoni bbażata fuq regoli Komunitarji tal-kompetizioni.

Fir-rigward ta' l-annullament tal-multa jew it-tnaqqis tagħha, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 17/62 li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (attwalment l-Artikoli 81 u 82) u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, peress li hija stess kienet sostniet li l-vjolazzjoni kienet seħħet b'mod intenzjonali jew b' negliġenza gravi u peress li hija kienet ikklassifikat il-vjolazzjoni bħala "abbuż partikolari".

____________