Language of document : ECLI:EU:C:2017:223

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-16 ta’ Marzu 2017 (1)

Kawża C-98/15

María Begoña Espadas Recio

vs

Servicio Público de Empleo Estatal (SPEE)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social No 33 de Barcelona (tribunal industrijali Nru 33 ta’ Barcelona, Spanja)]

“Direttiva 79/7/KEE — Artikolu 4(1) — Ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Direttiva 97/81/KE — Ftehim Qafas dwar xogħol part-time — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kalkolu tal-perijodu tal-benefiċċju tal-qgħad — Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ jiem mhux maħduma — Diskriminazzjoni”






1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Juzgado de lo Social No 33 de Barcelona (tribunal industrijali Nru 33 ta’ Barcelona, Spanja) jitlob gwida dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 79/7/KEE dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (2) u tad-Direttiva 97/81/KE li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC. (3) Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju l-ewwel tistaqsi jekk benefiċċju tal-qgħad iffinanzjat minn kontribuzzjonijiet minn ħaddiema mara u minn min jimpjegaha jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas. Titlob ukoll kjarifika dwar jekk, meta ħaddiema part-time jkollha arranġament “vertikali” ta’ xogħol ma’ min jimpjegaha (pereżempju, taħdem 50 % tas-sigħat ta’ ħaddiem full-time paragunabbli, mifruxa fuq nhar ta’ Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa — il-Ħamis u l-Ġimgħa jkunu jiem li fihom ma taħdimx), regoli nazzjonali li jeskludu jiem mhux maħduma mid-determinazzjoni tal-perijodu sħiħ li fir-rigward tiegħu għandu jitħallas benefiċċju tal-qgħad humiex kompatibbli mal-Ftehim Qafas u/jew mad-Direttiva 79/7.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 79/7

2.        It-tieni premessa tad-Direttiva 79/7 tgħid li l-prinċipju ta’ trattament ugwali fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi implementat l-ewwel nett fi skemi statutorji li jagħtu protezzjoni kontra r-riskji, inter alia, tal-qgħad.

3.        Skont l-Artikolu 2, id-Direttiva 79/7 tapplika, inter alia, għal ħaddiema li l-attività tagħhom tieqaf minħabba qgħad involontarju. Id-Direttiva tkopri, pereżempju, skemi statutorji li jagħtu protezzjoni kontra l-qgħad kif stabbilit fl-Artikolu 3.

4.        Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa ddefinit fl-Artikolu 4(1) bħala li jfisser li:

“m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

–        l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom;

–        l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

–        il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

 Id-Direttiva 97/81

5.        Fis-6 ta’ Ġunju 1997, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali ġenerali, l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ min iħaddem Ewropea (UKIIE), iċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (ĊEIP) u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) ikkonkludew Ftehim Qafas dwar xogħol part-time (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”) li kellu l-għan, inter alia, li jelimina d-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time (4).

6.        Il-Ftehim Qafas kien debitament inkorporat fid-dritt (tal-Unjoni) mid-Direttiva 97/81. L-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva jispjega li l-iskop tagħha kien li timplementa l-Ftehim Qafas. L-Artikolu 2(1) kien jeżiġi li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw mad-Direttiva sal-20 ta’ Jannar 2000 jew li jiżguraw li l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji permezz ta’ ftehim sabiex jagħmlu dan. It-test tal-Ftehim Qafas huwa mehmuż ma’ din id-Direttiva (5).

7.        It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas jgħid:

“Dan il-Ftehim għandu x’jaqsam ma’ kondizzjonijiet ta’ impjieg għal ħaddiema part-time waqt li jiġi rikonoxxut illi l-kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà soċjali jeħtieġu deċiżjoni mill-Istati Membri.”

8.        L-għan tal-Ftehim Qafas, kif stabbilit fil-Klawżola 1(a) tiegħu, huwa li “jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part-time”.

9.        Skont il-Klawżola 2(1) il-Ftehim Qafas japplika għal “ħaddiema part-time li jkollhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif iddefiniti mil-liġi f’kull Stat Membru”.

10.      Ħaddiem part-time huwa ddefinit fil-Klawżola 3(1) bħala “ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta’ ġimgħa jew fuq medja għal perijodu ta’ impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta’ xogħol ta’ ħaddiem full-time ta’ l-istess tip”.

11.      Il-Klawżola 4 hija intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”. Il-Klawżola 4(1) tgħid: “[f]ejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.”

 Id-dritt Spanjol

12.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni Spanjola jipprovdi l-bażi għas-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali, li hija rregolata prinċipalment mil-Ley General de la Seguridad Social (liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali, iktar ’il quddiem l-“LGSS’), kif approvata mir-Real Decreto Legislativo (digriet leġiżlattiv irjali) Nru 1/94 tal-20 ta’ Ġunju 1994. L-Artikolu 204 tal-LGSS jipprevedi żewġ tipi ta’ protezzjoni kontra l-qgħad skont — livell kontributorju u livell ta’ assistenza soċjali. Is-sistema hija amministrata mill-Istat u l-protezzjoni kontra l-qgħad hija obbligatorja.

13.      L-Artikolu 210 tal-LGSS huwa intitolat “Il-perijodu tal-benefiċċju tal-qgħad”. It-tul ta’ żmien li matul tiegħu benefiċċju jitħallas lil ħaddiem qiegħed (iktar ’il quddiem il-“perijodu tal-benefiċċju”) jiġi ddeterminat b’riferiment għal: (i) il-perijodu ta’ impjieg li fir-rigward tiegħu jkun ħallas kontribuzzjonijiet fis-sitt snin li ppreċedew il-bidla tal-istat legali tiegħu minn persuna impjegata għal persuna qiegħda, jew (ii) iż-żmien meta ntemm l-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet. Huwa jistabbilixxi skala li tindika l-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet f’jiem u l-perijodu korrispondenti li matul tiegħu jitħallsu benefiċċji, espress ukoll f’jiem. Hekk, pereżempju, għal perijodu ta’ kontribuzzjonijiet ta’ 360 sa 539 jum, jitħallsu benefiċċji għal 120 jum; għal perijodu ta’ kontribuzzjonijiet ta’ 1 260 sa 1 439 jum jiġġenera 420 jum ta’ benefiċċji u perijodu ta’ kontribuzzjonijiet ta’ iktar minn 2 160 jum jagħti lok għall-ħlas ta’ benefiċċji għal 720 jum (il-perijodu massimu ta’ ħlas ta’ benefiċċji).

14.      Skont ir-regola 4(1) tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS, li tistabbilixxi regoli għal ħaddiema part-time, “sabiex jiġi stabbilit il-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet u l-perijodu tal-kalkolu tal-ammont bażiku għall-benefiċċji tal-qgħad, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ir-regoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni speċifika rilevanti”. Dawn ir-regoli jinsabu fir-Real Decreto 625/1985 de protección por desempleo (Digriet Irjali 625/1985 dwar il-protezzjoni tal-qgħad, iktar ’il quddiem l-“RD 625/1985”). L-Artikolu 3 ta’ din il-miżura jistabbilixxi kif jiġi kkalkolat il-perijodu li fir-rigward tiegħu jitħallas l-benefiċċju. L-Artikolu 3(1) jikkonċerna ħaddiema full-time. Huwa jipprovdi: “Il-perijodu tal-benefiċċju tal-qgħad għandu jkun ibbażat fuq il-perijodi ta’ impjieg li fir-rigward tagħhom ikunu tħallsu kontribuzzjonijiet fl-erba’ snin qabel is-sitwazzjoni legali tal-qgħad jew iż-żmien meta jkun intemm l-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet.” B’rabta ma’ ħaddiema part-time, l-Artikolu 3(4) jgħid li: “fejn kontribuzzjonijiet stabbiliti jkunu relatati ma’ xogħol part-time jew max-xogħol effettiv f’każijiet ta’ tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol, kull jum ta’ xogħol maħdum għandu jiġi kkalkolat bħala jum li fir-rigward tiegħu jkunu tħallsu kontribuzzjonijiet, indipendentement mit-tul tal-jum tax-xogħol”.

15.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li skont il-ġurisprudenza nazzjonali, it-telf ta’ impjieg jiskatta l-intitolament għal benefiċċju tal-qgħad. Sabiex jiġi stabbilit il-perijodu li matul tiegħu jitħallsu benefiċċji, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-jiem li fihom l-impjegat ikun effettivament ħadem, anki jekk il-kontribuzzjonijiet korrispondenti tas-sigurtà soċjali għar-riskju tal-qgħad ikunu tħallsu għal kull jum f’kull xahar matul is-sena kollha.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

16.      María Begoña Espadas Recio (iktar ’il quddiem “M.B Espadas Recio”) ħadmet bħala fattiga. Mit-23 ta’ Diċembru 1999 ’il quddiem, hija kienet f’impjieg kontinwu ma’ diversi persuni li jimpjegaw. Ir-ritmu tax-xogħol tagħha kien kif ġej: kienet taħdem sagħtejn u nofs it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ħamis kull ġimgħa u erba’ sigħat l-ewwel Ġimgħa kull xahar. L-istruttura tar-ritmu tax-xogħol tagħha kienet, għalhekk, “vertikali” — ix-xogħol part-time kien isir biss f’ċerti jiem tal-ġimgħa pjuttost milli mifrux fuq il-ħamest ijiem kollha ta’ ġimgħa tax-xogħol (arranġament “orizzontali”). Fid-29 ta’ Lulju 2013, l-impjieg ta’ M.B Espadas Recio intemm.

17.      Fit-30 ta’ Settembru 2013, is-Servicio Público de Empleo Estatal (servizz pubbliku għall-impjieg, iktar ’il quddiem is-“SPEE’) laqa’ t-talba tagħha għal ħlas ta’ benefiċċju tal-qgħad. Is-SPEE iddeċieda li jagħti benefiċċju inizjalment għal 120 jum, mill-10 ta’ Settembru 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014 inklużi, stmat għal EUR 6.10 għal kull jum. It-trattament mogħti lil M.B. Espadas Recio kien ibbażat fuq il-fatt li kienet ħallset kontribuzzjonijiet għal 452 jum. M.B. Espadas Recio ikkontestat din id-deċiżjoni, billi sostniet li hija kienet intitolata għal benefiċċju għal 720 jum (hija ma kkontestatx l-ammont bażiku fir-rigward tal-ammont ta’ benefiċċju għal kull jum li kienet tirċievi) (6). B’deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2013 is-SPEE laqa’ parzjalment il-kontestazzjoni tagħha. Huwa taha benefiċċju tal-qgħad għal 420 jum abbażi tas-sigħat ta’ xogħol tagħha li huwa kkalkola li kienu jammontaw għal 8.5 sigħat fil-ġimgħa.

18.      Is-SPEE interpreta l-Artikolu 210 tal-LGSS flimkien mal-Artikolu 3(4) tal-RD 625/1985 u qies li l-perijodu ta’ żmien li fir-rigward tiegħu kellu jitħallas benefiċċju tal-qgħad kellu jiġi kkalkolat abbażi tal-għadd tal-jiem li fir-rigward tagħhom kienu tħallsu kontribuzzjonijiet fis-sitt snin li ppreċedew il-bidla tal-istat ta’ M. Espadas Recio minn persuna impjegata għal persuna qiegħda. Fil-każ ta’ xogħol part-time, kull jum effettiv ta’ xogħol kellu jiġi ttrattat bħala jum li fir-rigward tiegħu kienu tħallsu kontribuzzjonijiet. Minn dan kien isegwi li, fis-sitt snin qabel ma sfat bla xogħol, M.B Espadas Recio kienet uriet li hija kienet ħallset kontribuzzjonijiet għal 1 387 jum. Il-perijodu tal-benefiċċju kien, għalhekk, stmat għal 420 jum. Is-SPEE ma ħax inkunsiderazzjoni l-bqija tal-perijodu ta’ sitt snin li fir-rigward tiegħu M.B Espadas Recio u l-persuni li jimpjegaw preċedenti tagħha kienu ħallsu kontribuzzjonijiet.

19.      Huwa paċifiku li kieku M.B Espadas Recio kienet ħadmet skont arranġament orizzontali — 1.75 sigħat tul ġimgħa ta’ ħamest ijiem tax-xogħol, b’kollox 8.5 sigħat — hija kienet tkun intitolata għal ħlas ta’ benefiċċju tal-qgħad għall-perijodu massimu ta’ 720 jum.

20.      M.B Espadas Recio ressqet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju li biha kkontestat id-deċiżjoni tas-SPEE b’rabta mal-perijodu ta’ żmien li fir-rigward tiegħu hija kienet ingħatat il-benefiċċju tal-qgħad. Hija tal-fehma li, billi kienet ħadmet għal sitt snin konsekuttivi u kkontribwixxiet għal 30 jew 31 jum fix-xahar (b’kollox 2 160 jum), hija kienet intitolata tibbenefika għal perijodu ta’ 720 jum pjuttost mill-benefiċċju mogħti għal 420 jum. Tissottometti li, għall-finijiet li jiġi stabbilit il-perijodu tal-benefiċċju, kellu jitqies kull jum li fir-rigward tiegħu kienu tħallsu kontribuzzjonijiet — u mhux biss il-jiem li fihom hija effettivament ħadmet. Fin-nuqqas ta’ dan, dan ikun jimplika mhux biss, b’mod illoġiku, penali doppja applikata għaliha bħala ħaddiema part-time, kuntrarjament għall-prinċipju ta’ proporzjonalità (7), iżda wkoll diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi tas-sess.

21.      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet eżaminat kwistjoni simili fil-kawża Bruno u Pettini (8). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’rabta ma’ pensjonijiet tal-irtirar għal membri tal-ekwipaġġ tal-kabina tal-Alitalia, li kienu rregolati mis-sistema Taljana tas-sigurtà soċjali, li l-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas kienet tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma kinitx tieħu inkunsiderazzjoni perijodi li matulhom ma jkunx sar xogħol sabiex jiġi kkalkolat il-perijodu ta’ servizz meħtieġ sabiex wieħed jikkwalifika għal tali pensjoni, minħabba li leġiżlazzjoni bħal din kienet tiddiskrimina kontra ħaddiema part-time, sakemm id-differenza fit-trattament ma kinitx iġġustifikata fuq bażi oġġettiva.

22.      Jekk il-Ftehim Qafas ma japplikax, il-qorti tar-rinviju tqis li jista’ jkun hemm diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kuntrarjament għad-Direttiva 79/7. Il-perijodu iqsar tal-benefiċċju mogħti mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni lil ħaddiema part-time “vertikali” meta mqabbla ma’ ħaddiema part-time “orizzontali” jimplika diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tas-sess, minħabba li r-regoli applikati jaffettwaw b’mod negattiv in-nisa kollha li jaħdmu. Skont statistika annwali, il-maġġoranza kbira ta’ ħaddiema part-time fi Spanja (madwar 70 % sa 80 %) huma nisa.

23.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob li tingħata deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

“(1)      B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza [Bruno u Pettini], il-klawżola 4 tal-[Ftehim Qafas] għandha titqies li tapplika għal benefiċċju kontributtiv tal-qgħad bħal dak stabbilit mill-Artikolu 210 tal-[LGSS], li huwa ffinanzjat esklużivament mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-ħaddiem u mill-impriżi li impjegawh, u li huwa kkalkolat skont perijodi ta’ impjieg li għalihom tħallsu kontribuzzjonijiet matul is-sitt snin li jippreċedu s-sitwazzjoni legali ta’ qgħad?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza [Bruno u Pettini], il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik tal-Artikolu 3(4) tal-[RD 625/1985] li tirreferi għaliha r-raba’ regola tal-ewwel paragrafu tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-[LGSS], li – fis-sitwazzjonijiet ta’ xogħol part-time ‘vertikali’ (tlett ijiem fil-ġimgħa biss) – ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ġranet mhux maħduma għall-finijiet tal-kalkolu tat-tul tal-benefiċċju tal-qgħad, minkejja li jkunu tħallsu l-kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għal dawn il-ġranet, ħaġa li għandha l-effett li tnaqqas it-tul tal-benefiċċju tal-qgħad?

(3)      Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess stabbilita mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7/KEE, għandha tiġi interpretata fis-sens li topponi jew tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-Artikolu 3(4) tal-[RD 625/1985], li, fis-sitwazzjonijiet ta’ xogħol part-time ‘vertikali’ (tlett ijiem fil-ġimgħa biss), ma tiħux inkunsiderazzjoni bħala ġranet ta’ kontribuzzjoni l-ġranet mhux maħduma, ħaġa li għandha l-effett li tnaqqas it-tul tal-benefiċċju tal-qgħad?”

24.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea, u ż-żewġ partijiet għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2016.

 Evalwazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

25.      Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-Unjoni jħares is-setgħa tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistema tas-sigurtà soċjali tagħhom u, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Meta jeżerċitaw dik is-setgħa, l-Istati Membri għandhom, madankollu, jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni (9).

26.      Għalhekk Spanja hija, bħala prinċipju, intitolata tagħti dan l-aċċess, u l-limitu ta’ benefiċċji kontributorji (iffinanzjati mill-ħaddiem flimkien ma’ min jimpjega) dwar il-qgħad skont is-sistema tas-sigurtà soċjali tagħha jiddependi mill-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet li jkun japplika għall-ħaddiem qiegħed ikkonċernat kif speċifikat mill-Artikolu 210 tal-LGSS u mill-Artikolu 3 tal-RD 625/1985. Madankollu, dawn ir-regoli nazzjonali għandhom joperaw konformement mad-dritt tal-Unjoni applikabbli.

27.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li M.B Espadas Recio kienet taħdem 8.5 sigħat fil-ġimgħa. Is-sigħat kienet tagħmilhom fuq medda ta’ tlett ijiem u r-ritmu tax-xogħol tagħha huwa deskritt bħala “vertikali”. Kieku ħadmet l-istess numru totali ta’ sigħat, iżda bi struttura “orizzontali” kienet tkun ħadmet 1.75 sigħat kull jum għal ħamest ijiem fil-ġimgħa. Il-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni tal-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas tapplika għaċ-ċirkustanzi ta’ M.B Espadas Recio?

 L-ewwel u t-tieni domanda

28.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas tapplikax għal benefiċċju kontributorju tal-qgħad bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv, ikun jeħtieġ jiġi aċċertat jekk il-Ftehim Qafas jipprekludix ir-regoli nazzjonali inkwistjoni. Skont dawn ir-regoli, il-kalkolu tal-perijodu li fir-rigward tiegħu jitħallas benefiċċju tal-qgħad jieħu inkunsiderazzjoni biss il-jiem li l-ħaddiem effettivament jaħdem, minkejja li kontribuzzjonijiet jitħallsu għal kull jum ta’ kull xahar. Din ir-regola tfisser tnaqqis tal-perijodu li fir-rigward tiegħu jitħallas benefiċċju tal-qgħad meta mqabbla ma’ ħaddiema part-time “orizzontali” jew ħaddiema full-time.

29.      Iż-żewġ domandi għandhom rabta mill-qrib bejniethom u, għalhekk, ser neżaminahom flimkien.

30.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-istat ta’ M.B Espadas Recio bħala ħaddiema part-time “vertikali” iwassal għal żewġ konsegwenzi. L-ewwel nett, l-ammont ta’ benefiċċju mħallas lilha huwa inqas minn dak ta’ ħaddiema full-time paragunabbli, minħabba li bħala ħaddiema part-time hija ħadmet inqas sigħat fil-ġimgħa. It-tieni nett, sabiex jiġi stabbilit il-perijodu tal-benefiċċju, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni il-jiem kollha li fir-rigward tagħhom hija u l-persuni li kienu jimpjegawha kienu fil-fatt ħallsu kontribuzzjonijiet. L-eliġibbiltà għall-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi mill-eżistenza tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ M.B Espadas Recio mal-persuni li kienu jimpjegawha; u s-sistema għal benefiċċju tal-qgħad hija ffinanzjata mill-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom. F’din is-sistema, kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali jiġu ttrattati fil-livell ta’ benefiċċju (“mhux kontributorju”) ta’ assistenza soċjali li huwa ffinanzjat esklużivament mill-Istat. Il-qorti tar-rinviju, għalhekk, hija tal-fehma li benefiċċju kontributorju tal-qgħad huwa essenzjalment iddeterminat minn relazzjoni ta’ impjieg u biss sa estent minimu minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali. Għaldaqstant, hija tqis li s-sentenza Bruno u Pettini (10) tal-Qorti tal-Ġustizzja tapplika b’analoġija għall-benefiċċju kontributorju tal-qgħad Spanjol.

31.      Il-Kummissjoni u Spanja jqisu, għall-kuntrarju, li l-benefiċċju kontributorju tal-qgħad fis-sistema Spanjola ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg” għall-finijiet tal-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas.

32.      Jiena tal-istess fehma.

33.      Il-ftehim Qafas jirrigwarda esklużivament il-“kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ ħaddiema part-time” (11). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-frażi tkopri pensjonijiet li jiddependu fuq relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u min jimpjegah, li teskludi pensjonijiet statutorji ta’ sigurtà soċjali li jkunu ddeterminati inqas minn din ir-relazzjoni milli minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali (12). Il-kwistjonijiet b’rabta ma’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali li ma jikkostitwixxux “paga” fis-sens tal-Artikolu 157(2) TFUE huma responsabbiltà tal-Istati Membri. Għalhekk, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas (għalkemm jistgħu, ċertament, jaqgħu taħt dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni). Għalhekk, il-klassifikazzjoni tal-benefiċċju kontributorju tal-qgħad inkwistjoni tiddependi mit-tifsira ta’ “paga” fid-dritt tal-Unjoni.

34.      Skont l-Artikolu 157(2) TFUE “paga” tfisser “il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, mingħand min iħaddmu”. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “paga” jkopri “[i]r-remunerazzjoni kollha, immedjata jew futura, bil-kundizzjoni li titħallas, minkejja li indirettament, mill-persuna li timpjega lil ħaddiem, għax-xogħol ta’ dan tal-aħħar” (13). F’dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li n-natura legali ta’ din ir-remunerazzjoni ma hijiex importanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE sakemm din tingħata għal impjieg (14). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li, “għalkemm huwa minnu li diversi tipi ta’ remunerazzjonijiet mogħtija mill-persuna li timpjega jirriflettu wkoll kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, ir-remunerazzjoni ta’ benefiċċju ma tistax tiġi kkontestata meta l-ħaddiem ikollu dritt jirċievi l-benefiċċju inkwistjoni minn min jimpjegah minħabba l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ impjieg” (15). Madankollu, għalkemm vantaġġi fl-għamla ta’ skemi jew benefiċċji ta’ sigurtà soċjali ma humiex, bħala prinċipju, esklużi mill-kunċett ta’ paga, dan il-kunċett ma jistax jiġi estiż b’mod li jinkludi skemi jew benefiċċji ta’ sigurtà soċjali rregolati statutorjament bl-esklużjoni ta’ kull element ta’ negozjar fl-impriża jew fis-settur tax-xogħol ikkonċernati u li huma obbligatorji għal kategoriji ġenerali ta’ ħaddiema (16).

35.      Jidhirli li, mill-fatt li min jimpjega jagħmel kontribuzzjonijiet għal skema li tiffinanzja benefiċċju tal-qgħad ma jsegwix neċessarjament li l-kunċett ta’ paga jkopri l-benefiċċju li jirriżulta. Lanqas meta l-Istat iħallas benefiċċju lil ħaddiema qiegħda ma jfisser li tali ħlasijiet għandhom ikunu kklassifikati awtomatikament bħala ħlasijiet ta’ sigurtà soċjali. Kull evalwazzjoni għandha tiġi rfinata. F’dan il-kuntest, il-kriterju ta’ impjieg ma jistax ikun esklużiv (17). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, b’rabta mal-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża Bruno u Pettini li: “[…] kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, ta’ organizzazzjoni tal-Istat, ta’ etika jew anki l-preokkupazzjonijiet ta’ natura finanzjarja li kellhom jew li seta’ kellhom rwol fit-tfassil ta’ skema mil-leġiżlatur nazzjonali jistgħu jieħdu preċedenza biss jekk il-pensjoni taffettwa biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, jekk hija direttament relatata mal-perijodu ta’ servizz moqdi u jekk l-ammont tagħha huwa kkalkulat abbażi tal-aħħar salarju […]” (18)

36.      Dawn it-tliet kriterji għandhom jiġu applikati b’mod kumulattiv u huma rilevanti f’dan il-kuntest. Filwaqt li l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u l-evalwazzjoni tal-fatti huma fl-aħħar mill-aħħar f’idejn il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, tipprovdi kjarifika u gwida.

37.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-benefiċċju tal-qgħad jitħallas lil kategorija partikolari ta’ ħaddiema — “dawk li jkunu f’sitwazzjoni legali ta’ qgħad”. Madankollu, min-naħa l-oħra, fid-digriet tar-rinviju hija tgħid li l-bażi kostituzzjonali tas-sistema Spanjola tas-sigurtà soċjali tkopri ċ-ċittadini kollha, billi tiggarantixxi assistenza soċjali u benefiċċji adegwati f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà, speċjalment fil-każ ta’ qgħad (19). Fil-fehma tiegħi, ikun diffiċli jitqies kif “iċ-ċittadini kollha” jistgħu jikkostitwixxu kategorija partikolari ta’ ħaddiema. Jiena pjuttost tal-fehma li dawk li jirċievu l-benefiċċju huma l-membri ta’ grupp li għandu l-karatteristika ġenerali tal-eliġibbiltà għall-benefiċċju inkwistjoni — li huma fi stat legali ta’ qgħad. Dan huwa differenti ħafna mill-eżempji ta’ kategoriji partikolari ta’ ħaddiema li huma identifikati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħal uffiċjali taċ-ċivil nazzjonali u professjonisti teatrali (20).

38.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li s-sors waħdieni ta’ finanzjament għall-benefiċċju tal-qgħad inkwistjoni huwa l-kontribuzzjonijiet mħallsa mill-ħaddiem u minn min jimpjega. Madankollu, dawn il-kontribuzzjonijiet isiru skont leġiżlazzjoni nazzjonali. Ma humiex irregolati bi ftehim bejn min jimpjega u l-ħaddiem. Dan jimplika li l-arranġament huwa iktar viċin ta’ skema ta’ sigurtà soċjali amministrata mill-Istat milli ta’ benefiċċju li jagħmel parti minn remunerazzjoni ta’ ħaddiem imħallsa skont ftehim ma’ min jimpjegah jew li tkun innegozjata kollettivament f’ismu. U l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg” “ma jistax jiġi estiż sabiex jinkludi skemi jew benefiċċji ta’ sigurtà soċjali […] li jkunu rregolati direttament b’liġi bl-esklużjoni ta’ kull element ta’ negozjar fl-impriża jew fis-settur tax-xogħol ikkonċernati u li jkunu applikabbli b’mod vinkolanti għal kategoriji ġenerali ta’ impjegati” (21) Inżid li l-RD 625/1985 (li jirregola l-perijodu tal-benefiċċju) huwa miżura li kienet innotifikata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Spanjoli skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (22) Din in-notifika timplika li l-Gvern Spanjol espressament jaċċetta li l-benefiċċju jikkostitwixxi benefiċċju tal-qgħad għall-finijiet ta’ dan ir-regolament (23).

39.      Isegwi fil-fehma tiegħi li l-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas ma tapplikax għal benefiċċju tal-qgħad bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

40.      Fid-dawl tar-risposta tiegħi għall-ewwel domanda, ma hemmx il-ħtieġa li tiġi eżaminata t-tieni domanda (li l-kontenut tagħha essenzjalment jikkoinċidi fi kwalunkwe każ ma’ dak tat-tielet domanda, li ser neżamina iktar ’il quddiem).

41.      Għaldaqstant, nikkonkludi li l-Ftehim Qafas għandu jiġi interpretat bħala li ma japplikax għal benefiċċju kontributorju tal-qgħad, bħal dak imsemmi fl-Artikolu 210 tal-LGSS, iffinanzjat esklużivament mill-kontribuzzjonijiet imħallsa minn ħaddiema u minn min kien jimpjegaha.

 Fuq it-tielet domanda

42.      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regoli nazzjonali li japplikaw sabiex jiġi ddeterminat il-perijodu li fir-rigward tiegħu jitħallsu benefiċċji (b’mod partikolari l-Artikolu 3 tal-RD 625/1985) humiex ipprojbiti mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, minħabba li jiddiskriminaw fuq il-bażi tas-sess.

43.      Benefiċċji tal-qgħad bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7, minħabba li tali benefiċċji jagħmlu parti minn skema statutorja li tagħti protezzjoni kontra, inter alia, il-qgħad — wieħed mir-riskji li hemm fil-lista tal-Artikolu 3(1)(a). L-Artikolu 4(1) jipprojbixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kundizzjonijiet li jirregolaw it-tul ta’ żmien u ż-żamma tad-dritt għal benefiċċji.

44.      Ir-regola tad-dritt nazzjonali inkwistjoni ma hijiex direttament diskriminatorja sa fejn tapplika mingħajr distinzjoni kemm għal ħaddiema rġiel kif ukoll għal ħaddiema nisa. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta għall-finijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 meta miżura nazzjonali, għalkemm ifformulata f’termini newtrali, tkun ta’ żvantaġġ għal għadd ferm ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel (24).

45.      Il-qorti tar-rinviju tgħid fid-digriet tagħha tar-rinviju li r-regola nazzjonali inkwistjoni — perijodu iqsar ta’ benefiċċju għal ħaddiema part-time “vertikali” meta mqabbla ma’ ħaddiema full-time — taffettwa b’mod negattiv iktar nisa milli rġiel minħabba li madwar 70 % sa 80 % ta’ dawk li jaħdmu part-time huma nisa.

46.      Filwaqt li r-regoli nazzjonali inkwistjoni ma jiddistingwux bejn irġiel u nisa, l-istatistika mogħtija mill-qorti tar-rinviju tindika li proporzjon kunsiderevolment ikbar ta’ ħaddiema nisa jitqiegħed fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ ħaddiema rġiel. Għalhekk, dawn ir-regoli huma indirettament diskriminatorji fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.

47.      Regoli bħal dawn evidentement huma ta’ żvantaġġ għal ħaddiema part-time bħal M.B Espadas Recio. Il-qorti tar-rinviju tinnota li kieku ħadmet full-time, hija kienet tkun intitolata għall-perijodu ta’ benefiċċju massimu ta’ 720 jum. Dan il-kalkolu kien jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kienu tħallsu kontribuzzjonijiet għal kull jum ta’ xogħol fix-xahar fis-sitt snin qabel ma hija sfat bla xogħol (25). Kieku r-ritmu tax-xogħol ta’ M.B Espadas Recio kien strutturat orizzontalment (1.75 sigħat kull jum għal ħamest ijiem fil-ġimgħa) hija kienet tkun intitolata wkoll għal ħlas ta’ benefiċċju għal dak l-istess perijodu massimu. Il-fatt li r-regoli nazzjonali inkwistjoni jaffettwaw b’mod negattiv biss grupp partikolari ta’ ħaddiema part-time — dawk b’ritmu ta’ xogħol vertikali — jibdel il-fehma tiegħi li r-regoli nazzjonali inkwistjoni jagħtu lok għal diskriminazzjoni indiretta?

48.      Le, dan ma jagħmlux.

49.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx mal-evalwazzjoni ta’ qrati nazzjonali f’ċerti kawżi fejn il-miżuri nazzjonali inkwistjoni kienu jikkonċernaw biss grupp partikolari ta’ ħaddiema part-time. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżuri bħal dawn ma jwasslux għal diskriminazzjoni indiretta minħabba li data ta’ statistika relatata ma’ ħaddiema part-time ġeneralment ma setgħetx tistabbilixxi (fin-nuqqas ta’ informazzjoni speċifika) li n-nisa kienu jsawru l-maġġoranza kbira ta’ ħaddiema fil-grupp ta’ ħaddiema part-time identifikati mill-qrati nazzjonali f’dawk il-kawżi (26).

50.      Hekk, pereżempju, Cachaldora Fernández (27) kienet tikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi għall-kalkolu ta’ pensjoni ta’ invalidità. L-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali kienet imsejsa fuq il-premessa li d-dispożizzjoni nazzjonali f’dik il-kawża kienet tikkonċerna grupp ta’ ħaddiema part-time, li fil-maġġoranza kbira tiegħu kienu nisa, iżda ma kinitx tapplika għall-ħaddiema part-time kollha. Kienu biss dawk il-ħaddiema li ma kinux ħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom kontinwament matul il-perijodu referenzjarju ta’ tmien snin qabel id-data tal-avveniment li ta lok għall-invalidità, meta l-interruzzjoni segwiet perijodu ta’ xogħol part-time, li kienu kkonċernati mir-regola nazzjonali. Il-grupp preċiż ta’ ħaddiema part-time ma setax, madankollu, jiġi identifikat b’mod ċar. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex statistika li kienet tindika l-għadd ta’ ħaddiema part-time li kellhom interruzzjonijiet fil-kontribuzzjonijiet tagħhom jew jekk dan il-grupp kienx prinċipalment kompost minn nisa. Ġie stabbilit ukoll li numru ta’ ħaddiema part-time setgħu effettivament jibbenefikaw mir-regola tal-liġi nazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża (28). Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, kienet tal-fehma li l-istatistika ġenerali li kienet il-bażi tal-premessa tal-qorti nazzjonali ma setgħetx twassal għall-konklużjoni li l-grupp ta’ ħaddiema żvantaġġati bir-regola tal-liġi nazzjonali inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali f’dik il-kawża kien prinċipalment kompost minn ħaddiema part-time u, b’mod partikolari, minn ħaddiema nisa.

51.      Il-pożizzjoni fil-każ ta’ M.B Espadas Recio hija differenti. Il-ħaddiema part-time “vertikali” kollha jiġu affettwati b’mod negattiv mill-miżura nazzjonali inkwistjoni u ma hemm xejn li jindika li ċerti ħaddiema f’dan il-grupp jistgħu jkunu f’vantaġġ meta mqabbla ma’ ħaddiem full-time.

52.      Bl-istess mod, fil-kawża Plaza Bravo (29) il-miżura nazzjonali inkwistjoni ma kinitx tapplika għall-ħaddiema part-time kollha. Ma rriżultax ċar mill-proċess tal-kawża jekk id-data statistikali dwar grupp speċifiku ta’ ħaddiema affettwati mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni stabbilixxietx li għadd ħafna ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel kien affettwat b’dan il-mod. Barra minn dan, tqies li dawn ir-regoli setgħu wkoll iqiegħdu ħaddiema full-time fi żvantaġġ. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-data statistikali ġenerali dwar ħaddiema part-time kollha ma stabbilixxietx li għadd ħafna ikbar ta’ nisa milli rġiel kienu affettwati mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni. Għalhekk, dik il-miżura ma tqisitx li kienet tagħti lok għal diskriminazzjoni indiretta (30).

53.      Fil-każ ta’ M.B Espadas Recio, il-qorti tar-rinviju tispjega li d-data ta’ statistika relatata ma’ xogħol part-time tapplika ugwalment għal ħaddiema part-time orizzontali u vertikali. L-informazzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju relatata ma’ ħaddiema part-time tindika li 70 % sa 80 % ta’ dawk li xogħolhom huwa strutturat b’mod “vertikali” huma nisa. L-istess proporzjon bejn irġiel u nisa japplika għal ħaddiema li għandhom ritmu part-time orizzontali. Minn din l-informazzjoni jista’ leġittimament jiġi konkluż li proporzjon ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel jiġi affettwat b’mod negattiv mill-miżura nazzjonali inkwistjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma ssuġġerixxietx li r-regoli nazzjonali inkwistjoni jistgħu kultant jirriżultaw fl-istess żvantaġġi għal ħaddiem full-time kif jagħmlu għal ħaddiema part-time.

54.      Isegwi li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 jipprekludi miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni sakemm ma jkunux iġġustifikati minn fatturi oġġettivi li ma jkollhom ebda rabta ma’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess. Dan ikun il-każ meta dawn il-miżuri jirriflettu għan leġittimu ta’ politika soċjali u jkunu xierqa sabiex dak l-għan jinkiseb u neċessarji sabiex dan jitwettaq (31).

55.      Spanja ma għamlitx sottomissjonijiet bil-miktub dwar jekk setgħetx tkun iġġustifikata kwalunkwe diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess. Madankollu, fis-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2016, il-Gvern Spanjol ikkonferma li l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni skont il-Ftehim Qafas kellhom jiġu interpretati bħala li kienu japplikaw ukoll b’rabta ma’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess. Fil-fehma tiegħu, il-prinċipju ta’ “kontribuzzjoni għas-sistema tas-sigurtà soċjali” jipprovdi ġustifikazzjoni oġġettiva għal kull diskriminazzjoni. Peress li d-dritt għal benefiċċju tal-qgħad u t-tul ta’ żmien ta’ dan il-benefiċċju huma bbażati biss fuq il-perijodu li matul tiegħu impjegat ikun ħadem jew kien irreġistrat fis-sistema tas-sigurtà soċjali, dan id-dritt ikun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità fin-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-jiem effettivament maħduma.

56.      Jiena ma naqbilx.

57.      Il-qorti tar-rinviju tgħid li l-għan tal-benefiċċju kontributorju tal-qgħad huwa li l-ħaddiem jingħata fondi bħala kumpens għas-salarju li ma jkunx baqa’ jirċievi (Artikolu 204 tal-LGSS).

58.      Fil-fehma tiegħi, huwa possibbli li dan l-għan jinkiseb billi jitqies dan li ġej: (i) il-perijodu li matul tiegħu jsiru kontribuzzjonijiet mill-ħaddiem u minn min jimpjegah; (ii) l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet u (iii) is-sigħat ta’ xogħol tal-ħaddiem ikkonċernat (jekk il-ħaddiem jaħdimx part-time jew full-time). Mill-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju, is-sistema Spanjola tidher tabilħaqq li tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi għal ħaddiema full-time u għal ħaddiema part-time orizzontali. Kull ħaddiem (li jħallas kontribuzzjonijiet għall-istess tul ta’ żmien) ikun qiegħed jirċievi benefiċċji tal-qgħad għall-istess perijodu. Madankollu, persuna li taħdem 50 % tas-sigħat full-time tirċievi livell korrispondenti inferjuri ta’ benefiċċju, li jirrifletti kontribuzzjonijiet iktar baxxi li jkunu saru abbażi tas-salarju part-time iktar baxx. Dan huwa għalkollox konsistenti mal-prinċipju ta’ pro rata temporis (32).

59.      Madankollu, ħaddiem part-time vertikali jirċievi benefiċċju għal perijodu iqsar minn ħaddiem paragunabbli li jaħdem full-time, minkejja li huwa jikkontribwixxi għal kull jum ta’ kull xahar tas-sena. Is-sistema tittratta ż-żewġ gruppi ta’ ħaddiema b’mod differenti. Fil-każ ta’ ħaddiema part-time vertikali, hija tenfasizza l-jiem effettivi ta’ xogħol pjuttost milli l-perijodu ta’ żmien li l-impjegat jaħdem matul ġimgħa ta’ xogħol.

60.      Dan joħloq anomalija illoġika u punittiva li tqiegħed ħaddiema part-time vertikali fi żvantaġġ. Ħaddiema part-time li għandhom impjieg relattivament ta’ dħul minimu, bħal xogħol ta’ tindif, ftit jista’ jkollhom għażla dwar l-arranġament tax-xogħol tagħhom. Dawn jistgħu tabilħaqq ikunu kostretti li jidħlu f’arranġament vertikali li jkun konvenjenti għal min jimpjegahom sempliċement sabiex jiksbu impjieg.

61.      Għaldaqstant, nikkonkludi li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fil-każ ta’ xogħol part-time “vertikali” (xogħol magħmul biss f’ċerti jiem tal-ġimgħa), teskludi jiem mhux maħduma mill-kalkolu ta’ jiem li fir-rigward tagħhom ikunu tħallsu kontribuzzjonijiet, li jirriżulta fi tnaqqis tal-perijodu li fir-rigward tiegħu jitħallas benefiċċju tal-qgħad, meta l-maġġoranza ta’ ħaddiema part-time “vertikali” ikunu nisa li jiġu affettwati b’mod negattiv minn tali miżuri nazzjonali.

 Konklużjoni

62.      Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-Juzgado de lo Social No 33 de Barcelona (tribunal industrijali Nru 33 ta’ Barcelona, Spanja) kif ġej:

(1)      Il-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE tas-7 ta’ April 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal benefiċċju kontributorju tal-qgħad, bħal dak ipprovdut fl-Artikolu 210 tal-Ley General de la Seguridad Social Spanjola (liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali), iffinanzjat esklużivament mill-kontribuzzjonijiet imħallsa minn ħaddiem u minn min kien jimpjegah.

(2)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-każ ta’ xogħol part-time vertikali (xogħol magħmul biss f’ċerti jiem tal-ġimgħa), jeskludi jiem mhux maħduma mill-kalkolu ta’ jiem li fir-rigward tagħhom ikunu tħallsu kontribuzzjonijiet, li jirriżulta fi tnaqqis tal-perijodu li fir-rigward tiegħu jitħallas benefiċċju tal-qgħad, meta l-maġġoranza ta’ ħaddiema part-time “vertikali” ikunu nisa li jiġu affettwati b’mod negattiv minn tali miżuri nazzjonali.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1978 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).


3 –      Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267).


4 –      Ara l-premessi 8 sa 12.


5 –      Ara wkoll id-Direttiva 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998, li testendi d-Direttiva 97/81/KE dwar il-ftehim strutturali fuq ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, CEEP u L-ETUC lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278). Hija l-verżjoni tad-Direttiva 97/81 kif emendata mid-Direttiva 98/23 li tapplika għall-kwistjonijiet rilevanti fil-kawża prinċipali.


6 –      Is-SPEE sussegwentement motu proprio rreveda l-ammont bażiku ta’ kull jum tal-benefiċċju tal-qgħad u ddeċieda li jżidu minn EUR 6.10 għal kull jum għal EUR 10.91 għal kull jum.


7 –      M.B Espadas Recio tinnota li l-ammont tal-benefiċċju tal-qgħad li hija rċeviet għal kull jum kien diġà tnaqqas pro rata sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet ħaddiema part-time, pjuttost milli full-time.


8 –      Sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno u Pettini (C-395/08 u C-396/08, EU:C:2010:329).


9 –      Ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Cachaldora Fernández (C-527/13, EU:C:2015:215, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 –      Sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno u Pettini (C-395/08 u C-396/08, EU:C:2010:329).


11 –      Ara l-premessi 8 sa 12 tad-Direttiva 97/81.


12 –      Ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Cachaldora Fernández (C-527/13, EU:C:2015:215, punti 36 u 37).


13 –      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014 (Österreichischer Gewerkschaftsbund, C-476/12, EU:C:2014:2332, punt 16). Ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1990 (Barber, C-262/88, EU:C:1990:209).


14 –      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014 (Österreichischer Gewerkschaftsbund, C-476/12, EU:C:2014:2332, punt 17).


15 –      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014 (Österreichischer Gewerkschaftsbund, C-476/12, EU:C:2014:2332, punt 18). Ara wkoll is-sentenza tal-1 ta’ April 2008 (Maruko, C-267/06, EU:C:2008:179, punti 41 sa 44).


16 –      Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001 (Griesmar, C-366/99, EU:C:2001:648, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17 –      Ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003 (Schönheit u Becker, C-4/02 and C-5/02, EU:C:2003:583, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 –      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010 (Bruno u Pettini, C-395/08 u C-396/08, EU:C:2010:329, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19 –      Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.


20 –      Ara, rispettivament, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003 (Schönheit u Becker, C-4/02 u C-5/02, EU:C:2003:583) u tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C-267/06, EU:C:2008:179). L-istess bħal fl-aħħar kawża, nuża t-terminu “professjonijiet teatrali” sabiex inkopri l-persuni kollha assoċjati ma’ produzzjoni teatrali, u mhux biss l-atturi.


21 –      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012 (Elbal Moreno, C-385/11, EU:C:2012:746, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 –      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72). L-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw bil-miktub lill-Kummissjoni dwar leġiżlazzjoni relatata ma’ skemi ta’ sigurtà soċjali li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Dawn jinkludu miżuri nazzjonali li jkunu jkopru benefiċċji tal-qgħad.


23 –      Ara wkoll is-sentenza tal-20 ta’ Frar 1997 (Martínez Losada et, C-88/95, C-102/95 u C-103/95, EU:C:1997:69, punti 17 sa 20).


24 –      Ara, pereżempju, id-digriet tas-17 ta’ Novembru 2015 (Plaza Bravo, C-137/15, EU:C:2015:771, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25 –      Spanja ssostni li jiġi applikat koeffiċjent ta’ 1.4 % sabiex il-pożizzjoni ta’ ħaddiema part-time titqiegħed f’konformità ma’ dik ta’ ħaddiema full-time sabiex jiġi ddeterminat il-perijodu li fir-rigward tiegħu jitħallsu benefiċċji. Madankollu, hija ma pprovdiet ebda informazzjoni oħra dwar kif jaħdem eżatt il-proċess; u dan madankollu huwa aspett li jaqa’ f’idejn il-qorti tar-rinviju.


26 –      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015 (Cachaldora Fernández, C-527/13, EU:C:2015:215), u d-digriet tas-17 ta’ Novembru 2015 (Plaza Bravo, C-137/15, EU:C:2015:771).


27 –      Sentenza tal-14 ta’ April 2015 (Cachaldora Fernández, C-527/13, EU:C:2015:215).


28 –      Fil-każijiet kollha fejn l-aħħar kuntratt li jkun ippreċeda l-inattività professjonali kien kuntratt ta’ xogħol full-time, iżda fejn il-ħaddiema, għall-bqija tal-perijodu ta’ kalkolu jew saħansitra matul il-karriera kollha tagħhom, ikunu ħadmu fuq bażi part-time biss, dawn jibbenefikaw minħabba li jirċievu pensjoni sopravvalutata b’rabta mal-kontribuzzjonijiet effettivament imħallsa.


29 –      Digriet tas-17 ta’ Novembru 2015 (Plaza Bravo, C-137/15, EU:C:2015:771).


30 –      Digriet tas-17 ta’ Novembru 2015 (Plaza Bravo, C-137/15, EU:C:2015:771, punti 24 sa 26 u punt 29).


31 –      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012 (Elbal Moreno, C-385/11, EU:C:2012:746, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32 –      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014 (Österreichischer Gewerkschaftsbund, C-476/12, EU:C:2014:2332, punti 22 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).