Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Eparkhiako Dikastirio Larnakas (Ċipru) fit-18 ta’ Awwissu 2014 – Astinomikos Diefthintis Larnakas vs Masoud Mehrabipari

(Kawża C-390/14)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Eparkhiako Dikastirio Larnakas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Astinomikos Diefthintis Larnakas

Konvenut: Masoud Mehrabipari

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, tal-prinċipju ta’ effettività bil-għan li jinkisbu l-għanijiet tad-direttivi u tal-prinċipju li l-penalitajiet għandhom ikunu proporzjonali, xierqa u raġonevoli, l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115/KE 1 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet teżisti qabel l-armonizzazzjoni (Artikolu 19(1)(f) u (i) tal-[Liġi dwar l-istranġieri u l-immigrazzjoni (“Kapitolu 105”)]) kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment, li kontrih jkunu ġew imposti miżuri ta’ tneħħija bil-forza mingħajr ebda suċċess u li jkun baqa’ detenut għal perijodu ta’ iktar minn 18-il xahar, peress li ma jkollux passaport fil-pussess tiegħu u ma jikkooperax mal-awtoritajiet għall-finijiet tal-ħruġ ta’ tali passaport mill-ambaxxata tiegħu, peress li jinvoka l-biża’ ta’ persekuzzjoni mill-awtoritajiet Iranjani?

F’każ li tingħata risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, il-proċeduri kriminali inkwistjoni jistgħu jiġu eżegwiti immedjatament wara l-iskadenza tal-perijodu massimu ta’ 18-il xahar ta’ detenzjoni għall-finijiet tat-tkeċċija, bir-riżultat li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment ma jiġix irrilaxxat, iżda jista’ jibqa’ detenut minħabba li jkun hemm pendenti proċeduri kriminali kontrih jekk il-qorti tqis li dan ikun neċessarju minħabba r-riskju li dan jaħrab?

X’inhu s-sinjifikat tal-kunċett ta’ “nuqqas ta’ kooperazzjoni” miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Artikolu 15(6)(a) tad-Direttiva 2008/115/KE u, b’mod partikolari, huwa permissibbli li s-sinjifikat ta’ din il-frażi jikkoinċidi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali (Artikolu 19(1)(f) u (i) tal-[Liġi dwar l-istranġieri u l-immigrazzjoni (“Kapitolu 105”)]) li jikkriminalizzaw kull rifjut li “jiġi prodott lid-direttur kull dokument li d-direttur jista’ jitlob” u kull “nuqqas jew ostakolu, b’mod attiv jew passiv, [ta’] kull direttur fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tiegħu” fid-dawl tan-nuqqas li jiġi prodott passaport, filwaqt li, fl-istess ħin, ma tiġi prodotta l-ebda prova marbuta mal-azzjonijiet adottati mill-awtoritajiet fir-rigward tal-pajjiż tal-oriġini għat-tneħħija b’suċċess taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz?

____________

1  Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).