Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fit-18 ta’ Awwissu 2014 – Api Raffineria di Ancona SpA vs Comitato nazionale per la gestione della Direttiva 2003/87/CE et

(Kawża C-391/14)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Api Raffineria di Ancona SpA

Konvenuti: Comitato nazionale per la gestione della Direttiva 2003/87/CE, Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare, Ministero dello Sviluppo Economico

Domandi preliminari

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2013/448/UE 1 , tal-5 ta’ Settembru 2013, hija invalida sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas, il-perċentwali ta’ emissjonijiet assoċjati mal-kombustjoni ta’ gass tal-iskart – jew gass mill-ipproċessar tal-azzar – u lanqas ta’ dawk assoċjati mas-sħana prodotta mill-koġenerazzjoni, u b’hekk kisret l-Artikolu 290 TFUE u l-Artikolu 10a(1), (4) u (5) tad-Direttiva 2003/87/KE 2 , eċċediet il-limiti tad-delega mogħtija mid-Direttiva u marret kontra l-għanijiet tad-Direttiva (inkoraġġiment ta’ teknoloġiji tal-enerġija iktar effiċjenti u osservanza tar-rekwiżiti tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjiegi)?

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, hija invalida, fid-dawl tal-Artikolu 6 TUE, sa fejn tmur kontra l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-Artikolu 17 tal-istess konvenzjoni, minħabba li naqset indebitament milli tosserva l-aspettattivi leġittimi tal-kumpanniji rikorrenti li huma jibqgħu iżommu l-proprjetà li tikkonsisti fin-numru ta’ kwoti allokati fuq bażi provviżorja u li għandhom dritt għaliha abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, u b’hekk ċaħħdithom mill-utilità ekonomika marbuta mal-imsemmija proprjetà?

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, hija invalida sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali, billi d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 296(2) TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sa fejn hija nieqsa minn motivazzjoni adegwata?

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, hija invalida sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali, billi d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit mill-Artikolu 5(4) TUE, u barra minn hekk hija vvizzjata b’nuqqas ta’ twettiq ta’ investigazzjoni u bi żball ta’ evalwazzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-kalkolu tan-numru massimu tal-kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas (data rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali uniformi) ma ħax inkunsiderazzjoni l-effetti tal-bidliet fl-interpretazzjoni li seħħew fir-rigward tal-kunċett ta’ “installazzjoni ta’ kombustjoni” bejn l-ewwel fażi (2005-2007) u t-tieni fażi (2008-2012) ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE?

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, hija invalida sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali, minħabba l-ksur tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, u minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ investigazzjoni u żball ta’ evalwazzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-kalkolu tan-numru massimu tal-kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas (data rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali uniformi) twettaq abbażi ta’ data pprovduta mill-Istati Membri li kienet inkoerenti billi kienet ibbażata fuq interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE?

Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, hija invalida sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali, minħabba l-ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali previsti fl-Artikoli 10a(1) u 23(3) tad-Direttiva 2003/87/KE?

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 240, p. 27).

2 Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).