Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Berlin (il-Ġermanja) fil-5 ta’ April 2016 – Romano Pisciotti vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-191/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Romano Pisciotti

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

a) Estradizzjoni bejn Stat Membru u Stat terz tifforma parti mill-oqsma li, irrispettivament minn kull każ individwali, qatt ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattati, b’tali mod li ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tad-dritt tal-Unjoni bbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE fil-kuntest tal-applikazzjoni (litterali) ta’ regola tad-dritt kostituzzjonali [f’dan il-każ l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) tal-kostituzzjoni Ġermaniża], li tipprekludi biss l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess lejn Stati terzi?

b) Fil-każ ta’ risposta affermattiva: l-ewwel domanda għandha tingħata risposta differenti jekk il-kwistjoni tkun tikkonċerna estradizzjoni bejn Stat Membru u l-Istati Uniti tal-Amerika, ibbażata fuq il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-estradizzjoni?

Sa fejn l-applikazzjoni tat-Trattati ma hijiex eskluża a priori għal dak li jirrigwarda l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti tal-Amerika:

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE kif ukoll il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jkun qed jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE b’mod mhux iġġustifikat jekk, fil-każ ta’ talbiet għall-estradizzjoni li joriġinaw minn Stat terz, jagħmel distinzjoni fuq il-bażi ta’ regola tad-dritt kostituzzjonali [f’dan il-każ l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) tal-kostituzzjoni Ġermaniża] bejn iċ-ċittadini tiegħu u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni billi jestradixxi biss lil dawn tal-aħħar?

Fil-każ li, fil-każijiet imsemmija iktar ’il fuq, jiġi stabbilit ksur tal-projbizzjoni ġenerali ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE:

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, li fih l-awtorizzazzjoni għall-estradizzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti hija neċessarjament suġġetta għall-istħarriġ minn qabel tal-legalità fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, li madankollu l-eżitu tagħha jorbot lill-awtorità biss meta l-estradizzjoni tiġi ddikjarata inammissibbli, ksur serju jista’ jseħħ diġà fil-każ ta’ ksur sempliċi tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, jew huwa neċessarju ksur manifest?

Fil-każ li ksur manifest ma huwiex neċessarju:

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi interpretata fis-sens li ksur suffiċjentement serju f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża għandu jiġi eskluż peress li, fl-assenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-każ konkret inkwistjoni (jiġifieri, l-applikabbiltà ratione materiae tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE fil-qasam tal-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti tal-Amerika), l-awtorità eżekuttiva nazzjonali tkun tista’, sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha, tinvoka l-konformità tagħha ma’ deċiżjonijiet mogħtija minn qabel mill-qrati nazzjonali fl-istess kawża?

____________