Language of document : ECLI:EU:T:2007:334

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

8 ta’ Novembru 2007(*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati mal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (KE) Nru 45/2001– Kunċett ta’ ħajja privata”

Fil-kawża T-194/04,

The Bavarian Lager Co. Ltd, stabbilita fi Clitheroe (ir-Renju Unit), inizjalment irrappreżentata minn J. Pearson u C. Bright, imbagħad minn J. Webber u M. Readings, solicitors,

rikorrenti,

sostnuta mill-

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), irrappreżentat minn H. Hijmans, bħala aġent,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Docksey u P. Aalto, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Marzu 2004, li tiċħad talba mressqa mir-rikorrenti intiża sabiex tikseb aċċess komplet għall-minuti li ttieħdu waqt laqgħa fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u talba intiża għad-dikjarazzjoni li l-Kummissjoni żbaljatament waqqfet il-proċedura mressqa kontra l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq abbażi ta’ l-Artikolu 169 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 226 KE),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat UE:

“1.      L-Unjoni hija stabbilita fuq il-prinċipji ta’ liberta’, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.

2.      L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali ffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

[…]”

2        Skond l-Artikolu 255 tat-Trattat KE:

“1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha uffiċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, soġġett għall-prinċipji u l-kundizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.

2.      Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.

[…]”

3        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet previsti fl-Artikolu 255 KE. Dan ir-Regolament huwa applikabbli sa mit-3 ta’ Diċembru 2001.

4        Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937/KE, ECSC, Euratom, tal-5 ta’ Diċembru 2001, li temenda r-regoli ta’ proċedura (ĠU L 345, p. 94), ħassret id-deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom, tat-8 ta’ Frar 1994, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46, p. 58), li kienet tiggarantixxi l-implementazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-Kummissjoni, tal-kodiċi ta’ kondotta dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 340, 1993, p. 41, iktar’il quddiem il-“kodiċi ta’ kondotta”).

5        Il-premessi 4 u 11 tar-Regolament Nru 1049/2001 jindikaw dan li ġej:

“(4) L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-prinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE.

[…]

(11)  Bħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom. Meta jagħmlu stima ta’ l-eċċeżżjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni.”

6        Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-eċċezzjonijiet tad-dritt għall-aċċess:

“1.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

b)      il-privatezza [ħajja privata] u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-legiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali.

2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.      Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati […]”

7        L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li “[l]-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni”.

8        Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, p. 31) tobbliga lill-Istati Membri li jassiguraw il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fondamentali ta’ persuni fiżiċi, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali, sabiex jiġi assigurat il-moviment liberu ta’ data personali fil-Komunità.

9        L-Artikolu 286 KE jipprovdi li l-atti Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u tal-moviment liberu ta’ din id-data għandhom japplikaw għall-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet Komunitarji.

10      Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 2001, p. 1) ġie adottat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 286 KE.

11      Skond il-premessa 15 tar-Regolament Nru 45/2001:

“[…] L-aċċess għad-dokumenti, inklużi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti li jkun fihom data personali, huwa regolat bir-regoli adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 255 tat-Trattat KE li l-iskop tiegħu jinkludi t-Titoli V u VI tat-Trattat ta’ l-[UE].”

12      Ir-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi:

“[...]

Artikolu 1

Għan tar-Regolament

1.      Skond dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet u l-korpi stabbiliti minn, jew fuq il-bażi ta’ [dawn i]t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej, hawnhekk iżjed’l quddiem imsejħa ‘istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità’, għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni naturali, u b’mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-privatezza [ħajja privata] fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u m’għandhomx la jirrestrinġu u lanqas jipprojbixxu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ data personali bejniethom jew lil xi reċipjenti bla ħsara għall-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri li timplimenta d-Direttiva 95/46/EC […]

2.      L-awtorità indipendenti ta’ superviżjoni stabbilita b’dan ir-Regolament, hawnhekk iżjed’l quddiem imsejjħa l-kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data, għandha tissorvelja l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar l-operazzjonijiet kollha ta’ ipproċessar imwettqa minn istituzzjoni jew korp tal-Komunità.

Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament :

a)       ‛data personali’ għandha tfisser kull informazzjoni relatata ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli hawnhekk iżjed’l quddiem imsejjħa ‛suġġett tad-data’; persuna identifikabbli hija waħda li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għa[n]-numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità tiegħu jew tagħha fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali;

b)       ‛proċessar ta’ data personali’ hawnhekk iżjed’l quddiem imsejjaħ ‛proċessar’ għandha tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li hija mwettqa fuq data personali, sew jekk b’mezzi awtomatiċi sew jekk le, bħal ġbir, rekordjar, organizzazzjoni, ħażna, adattazzjoni jew bdil, ksib lura, konsultazzjoni, użu, kxif permezz ta’ trasmissjoni, disseminazzjoni jew li tintgħamel disponibbli b’mod ieħor, allinjament jew kombinazzjoni, ibblukkar, tħassir jew distruzzjoni ;

c)       ‘sistema ta’ filing ta’ data personali’ hawnhekk iżjed’l quddiem imsejjħa ‘sistema ta’ filing’ għandha tfisser kull sett strutturat ta’ data personali li huwa aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, sew jekk, ċentralizzati, diċentralizzati jew imxerda fuq bażi funzjonali jew ġeografiku ;

[…]

Artikolu 3

Il-kamp ta’ applikazzjoni

1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet kollha jew il-korpi tal-Komunità sal-limitu li dak l-ipproċessar isir fl-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet kollha jew parti minnhom li jaqgħu fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità.

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kollha kemm hi jew in parti b’mezzi awtomatiċi, u għal ipproċessar ħlief dak b’mezzi awtomatiċi ta’ data personali li jifforma parti minn sistema ta’ filing jew li hu maħsub li jifforma parti minn sistema ta’ filing.

[...]

Artikolu 4

Kwalità tad-data

1.      Id-data personali għandha tkun :

a)      ipproċessata b’mod ġust u legali;

b)      miġbura għal għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux aktar ipproċessata b’mod inkompatibbli ma’ dawk l-għanijiet […] ;

[…]

Artikolu 5

Legalità ta’ l-ipproċessar

Id-data personali tista’ tiġi pproċessata biss jekk :

a)       l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-eżerċizzju ta’ xogħol magħmul fl-interess pubbliku jew fuq il-bażi tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej jew strumenti oħra legali adottati fuq il-bażi tagħhom jew fl-eżerċizzju leġittimu ta’ awtorità uffiċjali vestita fl-istituzzjoni jew korp tal-Komunità jew f’part terza li lilha tingħata l-informazzjoni, jew

b)       l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligazzjoni legali li għaliha l-kontrollur huwa suġġett, jew

[…]

d)       is-suġġett tad-data ikun ta l-kunsens kategoriku tiegħu jew tagħha […]

Artikolu 8

It-trasferiment ta’ data personali lill-reċipjenti, ħlief għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità huwa suġġett għad-Direttiva 95/46/KE [...]

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4, 5, 6 u 10, id-data personali għandha tiġi trasferita biss lill-reċipjenti bla ħsara għall-liġi nazzjonali adottata għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 95/46/EC :

a)       jekk ir-reċipjent jistabbilixxi li d-data hija meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew suġġett għall-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, jew

b)      jekk ir-reċipjent jistabbilixxi l-ħtieġa li jkollu dik id-data trasferita u ma jkun hemm ebda raġuni li jiġi assunt li l-interessi leġittimi tas-suġġett tat-data jistgħu jiġu preġudikati.

[…]

Artikolu 18

Id-dritt tas-suġġett tad-data li joġġezzjoni

Is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt :

a)      li joġġezzjona f’kull żmien, fuq bażi leġittima li jġiegħel fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu jew tagħha, għall-ipproċessar ta’ data li tirrelata miegħu jew magħha, ħlief fil-każi koperti bl-Artikolu 5(b), (ċ) u (d). Fejn ikun hemm oġġezzjoni ġustifikata, l-ipproċessar in kwistjoni m’għandux aktar jinvolvi dik id-data;

[…]”

13      L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (KEDB) jipprovdi:

“1.      Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.

2.      M’għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiz, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.”

14      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2002 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1, iktar’il quddiem il-“Karta”) tipprovdi:

“Artikolu 7

Rispett għall-ħajja privata u tal-familja

Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.

Artikolu 8

Protezzjoni ta’ data personali

1.      Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha.

2.      Din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal skopijiet determinati u fuq bażi tal-kunsens tal-persuna konċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għal data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tirrettifikaha.

3.      L-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti.

[…]

Artikolu 42

Dritt ta’ aċċess għal dokumenti

Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta’ l-Unjoni, tkun xi tkun il-forma li fiha jkunu saru.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Ir-rikorrenti ġiet stabbilita fit-28 ta’ Mejju 1992 sabiex timporta birra Ġermaniża f’bars fir-Renju Unit li jinsabu prinċipalment fin-naħa ta’ fuq ta’ l-Ingilterra.

16      Madankollu, ir-rikorrenti ma setgħetx tbigħ il-prodott tagħha, peress li numru kbir ta’ operaturi ta’ bars fir-Renju Unit kienu marbuta b’kuntratti ta’ xiri esklużiv li kienu jobbligawhom li jiġu fornuti birra mingħand ċerti birreriji.

17      Bis-saħħa tas-Supply of Beer (Tied Estate) Order 1989 SI 1989/2390 (Regolament tar-Renju Unit dwar il-provvista ta’ birra), il-birreriji Britanniċi li għandhom drittijiet f’iktar minn 2 000 bar huma marbuta li jagħtu lill-operaturi ta’ dawn l-istabbilimenti, il-possibbiltà li jixtru birra li ġejja minn birrerija oħra, bil-kundizzjoni, skond l-Artikolu 7(2)(a) ta’ l-imsemmi Regolament, li l-birra hija bbottiljata f’bittija u li għandha kontenut ta’ alkoħol li ma jaqbiżx il-volum ta’ 1.2 %. Din id-dispożizzjoni hija normalment imsemmija l-“Guest Beer Provision” (iktar’il quddiem il-“GBP”).

18      Issa, il-biċċa l-kbira tal-birer prodotti barra mir-Renju Unit ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “birer ibbottiljati f’bittija”, fis-sens tal-GBP, u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar.

19      Billi hija tal-fehma li l-GBP tikkostitwixxi miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet u, għaldaqstant, inkompatibbli ma’ l-Artikolu 30 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 28 KE), ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 1993, irreġistrata bir-referenza P/93/4490/UK.

20      Wara li tressaq l-ilment, il-Kummissjoni ddeċidiet, fit-12 ta’ April 1995, li tiftaħ proċedura kontra r-Renju Unit skond l-Artikolu 169 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 226 KE). Fit-28 ta’ Settembru 1995, hija informat lir-rikorrenti bl-eżistenza ta’ dan l-ilment u bl-intimazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Settembru 1995. Fis-26 ta’ Ġunju 1996, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lir-Renju Unit u fil-5 ta’ Awwissu 1996, ippubblikat din id-deċiżjoni fi stqarrija ta’ l-istampa.

21      Fil-11 ta’ Ottubru 1996, inżammet laqgħa (iktar’il quddiem “laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996” jew il-“laqgħa”), li għaliha pparteċipaw rappreżentanti tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Suq intern u servizzi finanzjarji” tal-Kummissjoni, tal-Ministeru tal-Kummerċ u ta’ l-Industrija tar-Renju Unit u rappreżentanti tal-Konfederazzjoni tal-Birreriji tas-Suq Komuni (iktar’il quddiem il-“CBMC”). Ir-rikorrenti kienet talbet sabiex tipparteċipa permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Awwissu 1996, iżda l-Kummissjoni rrifjutat it-talba tagħha.

22      Fil-15 ta’ Marzu 1997, il-Ministeru ta’ l-Industrija tar-Renju Unit ħabbar proġett għal modifika tal-GBP li permezz tiegħu birra bbottiljata tista’ terġa’ tinbiegħ bħala birra barranija, l-istess bħal dik ibbottiljata f’bittija. Wara li l-Kummissjoni, f’żewġ okkażjonijiet, fid-19 ta’ Marzu 1997 u fis-26 ta’ Ġunju 1997, issospendiet id-deċiżjoni tagħha li tibgħat opinjoni motivata lir-Renju Unit, il-kap ta’ l-unità 2 “Applikazzjoni ta’ l-Artikoli 30 sa 36 tat-Trattat KE (notifiki, ilmenti, ksur, eċċ.) u l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet għall-kummerċ” tad-direttorat B “Moviment liberu tal-merkanzija u ta’ kuntratti pubbliċi” tad-DĠ “Suq intern u servizzi finanzjarji” informa lir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tal-21 ta’ April 1997, fid-dawl tal-proġett tar-reviżjoni tal-GBP, li l-proċedura ta’ l-Artikolu 169 tat-Trattat KE kienet ġiet sospiża u li l-opinjoni motivata ma kinitx ġiet innotifikata lill-Gvern tar-Renju Unit. Huwa indika li din il-proċedura tingħalaq ladarba l-GBP emendata tidħol fis-seħħ. Il-verżjoni l-ġdida tal-GBP saret applikabbli mit-22 ta’ Awwissu 1997. Konsegwentement, l-opinjoni motivata qatt ma ntbagħtet lir-Renju Unit u l-Kummissjoni finalment iddeċidiet, fl-10 ta’ Diċembru 1997, li twaqqaf il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

23      Ir-rikorrenti talbet lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Suq intern u servizzi finanzjarji”, permezz ta’ faks mibgħut fil-21 ta’ Marzu 1997, kopja ta’ l-opinjoni motivata, b’mod konformi mal-kodiċi ta’ kondotta. Din it-talba ġiet miċħuda, kif ukoll dik li saret sussegwentement.

24      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Settembru 1997 (iktar’il quddiem “id-deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 1997”), is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni kkonferma r-rifjut tat-talba indirizzata lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Suq intern u servizzi finanzjarji”.

25      Ir-rikorrenti ressqet appell, irreġistrat bir-referenza T-309/97, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mid-deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 1997. Permezz tas-sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 1999, Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni (T-309/97, Ġabra. p. II-3217), il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan l-appell billi kkunsidrat li l-preservazzjoni ta’ l-għan in kwistjoni, jiġifieri li Stat Membru jitħalla jikkonforma ruħu volontarjament ma’ l-eżiġenzi tat-Trattat, jew jekk ikun xieraq, li dan jingħata l-okkażjoni li jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu, kienet tiġġustifika, abbażi tal-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku, ir-rifjut għall-aċċess ta’ dokument ta’ tħejjija relatat mal-fażi ta’ l-inkjesta tal-proċedura ta’ l-Artikolu 169 tat-Trattat KE.

26      Fl-4 ta’ Mejju 1998, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-Kummissjoni applikazzjoni għall-aċċess għad-dokumenti kollha annessi mal-fajl P/93/4490/UK minn ħdax-il kumpannija u organizzazzjoni indikati u minn tliet kategoriji definiti ta’ persuni jew ta’ kumpanniji, b’applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta. Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba inizjali għar-raġuni li l-kodiċi ta’ kondotta japplika biss għad-dokumenti li l-awtriċi tagħhom kienet il-Kummissjoni. L-applikazzjoni konfermatorja ġiet irrifjutata għar-raġuni li l-Kummissjoni ma kinitx l-awtriċi tad-dokumenti in kwistjoni u li kull applikazzjoni kellha ssir lill-awtur.

27      Fit-8 ta’ Lulju 1998, ir-rikorrenti ressqet ilment, irreġistrat bir-referenza 713/98/IJH, quddiem l-Ombudsman Ewropew billi ppreċiżat, permezz ta’ ittra datata t-2 ta’ Frar 1999, li hija kellha l-ħsieb li tikseb l-ismijiet tar-rappreżentanti tal-KBSK li kienu pparteċipaw fil-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996 u dawk tal-kumpanniji u tal-persuni li jaqgħu taħt l-erbatax-il kategorija identifikati mir-rikorrenti fl-applikazzjoni inizjali għal aċċess għad-dokumenti li jinkludu kummenti mibgħuta lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-fajl P/93/4490/UK.

28      Wara skambju ta’ ittri bejn l-Ombudsman Ewropew u l-Kummissjoni, f’Ottubru u Novembru 1999 din ta’ l-aħħar indikatlu li, mill-45 ittra li hija kienet bagħtet lill-persuni kkonċernati fejn talbithom l-awtorizzazzjoni sabiex tiżvela l-identità tagħhom lir-rikorrenti, din irċeviet 20 risposta, li minnhom erbatax kienu pożittivi u sitta negattivi. Il-Kummissjoni bagħtet l-isem u l-indirizz tal-persuni li kienu aċċettaw li isimhom jiġi kkomunikat. Ir-rikorrenti indikat lill-Ombudsman Ewropew li l-informazzjoni kkomunikata mill-Kummissjoni kienet għadha mhijiex kompleta.

29      Fil-proġett tar-rakkommandazzjoni tiegħu, indirizzat lill-Kummissjoni fl-ilment 713/98/IJH, tas-17 ta’ Mejju 2000, l-Ombudsman Ewropew ippropona li l-Kummissjoni għandha tikkomunika lir-rikorrenti l-ismijiet tar-rappreżentanti tal-KBSK li kienu pparteċipaw fil-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996 u dawk tal-kumpanniji u l-persuni li jaqgħu taħt l-erbatax-il kumpannija identifikati mir-rikorrenti fl-applikazzjoni inizjali tagħha għall-aċċess tad-dokumenti li tinkludi kummenti mibgħuta lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-fajl P/93/4490/UK.

30      Fl-opinjoni motivata tagħha indirizzata lill-Ombudsman Ewropew fit-3 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni sostniet li kien għad hemm il-bżonn li l-persuna tagħti l-kunsens tagħha, iżda indikat li hija setgħet tikkomunika l-ismijiet tal-persuni li ma kinux wieġbu għat-talba li hija għamlet għall-awtorizzazzjoni, peress li, fin-nuqqas ta’ risposta, l-interess u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni kkonċernati ma jipprevalux. Għaldaqstant, hija żiedet l-isem ta’ 25 persuna oħra.

31      Fit-23 ta’ Novembru 2000, l-Ombudsman ressaq ir-rapport speċjali tiegħu quddiem il-Parlament bħala risposta għall-proġett tar-rakkommandazzjoni indirizzat lill-Kummissjoni fl-ilment 713/98/IJH (iktar’il quddiem ir-“rapport speċjali”), fejn huwa kkonkluda li ma kien jeżisti ebda dritt fundamentali li jipprekludi l-iżvelar ta’ l-informazzjoni kkomunikata lill-awtorità amministrattiva taħt segretezza u li d-Diretta 95/94 ma titlobx li l-Kummissjoni żżomm sigriet l-ismijiet tal-persuni li jikkomunikawlha opinjonijiet jew informazzjoni fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

32      Fit-30 ta’ Settembru 2002, l-Ombudsman indirizza ittra lill-President tal-Kummissjoni, is-Sur Prodi, fejn indika li:

“L-Ombudsman jemmen li r-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali mhumiex interpretati b’mod korrett fis-sens li huma jimplikaw l-eżistenza ta’ dritt ġenerali ta’ parteċipazzjoni anonima f’attivitajiet pubbliċi. Interpretazzjoni żbaljata bħal din għandha mnejn tippreġudika l-prinċipju ta’ trasparenza u d-dritt għal aċċess pubbliku għal dokumenti, kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll fl-Istati Membri fejn il-prinċipju ta’ trasparenza u l-aċċess pubbliku għal dokumenti huma stabbiliti mil-leġiżlazzjoni kostituzzjonali nazzjonali.

33      Skond il-komunikat stampa ta’ l-Ombudsman Nru 23/2001, tat-12 ta’ Diċembru 2001, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar ir-rapport speċjali fejn jitlob lill-Kummissjoni tforni l-informazzjoni mitluba mir-rikorrenti.

34      Permezz ta’ posta elettronika tal-5 ta’ Diċembru 2003, ir-rikorrenti ressqet applikazzjoni quddiem il-Kummissjoni għall-aċċess għad-dokumenti msemmija fil-punt 27 iktar’il fuq abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

35      Il-Kummissjoni wieġbet għal din l-applikazzjoni permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2004 billi sostniet li ċerti dokumenti relatati mal-laqgħa setgħu jiġu żvelati, iżda ġibdet l-attenzjoni tar-rikorrenti għall-fatt li ħames ismijiet inżammu sigrieti fil-minuti tal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, peress li żewġ persuni kienu opponew ruħhom espliċitament kontra l-iżvelar ta’ l-identità tagħhom u peress li l-Kummissjoni ma rrnexxiliex tikkuntattja lit-tlieta l-oħra.

36      Permezz ta’ posta elettronika tad-9 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti ressqet applikazzjoni konfermatorja fis-sens ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 intiża sabiex tikseb il-minuti kompleti tal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, li jinkludu l-ismijiet tal-parteċipanti kollha.

37      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Marzu 2004 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni rrifjutat l-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrenti. Hija kkonfermat li r-Regolament Nru 45/2001 japplika fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għall-iżvelar ta’ l-ismijiet tal-parteċipanti l-oħra. Peress li r-rikorrenti ma stabbilixxiet ebda għan speċifiku u leġittimu u lanqas in-neċessità ta’ l-iżvelar, l-eżiġenzi previsti fl-Artikolu 8 ta’ l-imsemmi Regolament ma kinux sodisfatti u l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet applikabbli. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li, anki jekk ir-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali ma japplikawx, din setgħet tirrifjuta li tiżvela l-ismijiet l-oħra bis-saħħa tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1047/2001, sabiex ma tikkompromettix il-kapaċita’ tagħha li tagħmel stħarriġ.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

38      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti ressqet dan l-appell.

39      Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Diċembru 2004, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza aċċetta li r-Repubblika tal-Finlandja tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Wara r-rinunzja min-naħa tar-Repubblika tal-Finlandja ta’ l-intervent tagħha, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz ta’ digriet tas-27 ta’ April 2005, ħassar dan l-intervent.

40      Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Frar 2006, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) talab li jintervjeni f’dawn il-proċedimenti in sostenn tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Ġunju 2006, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizza dan l-intervent.

41      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ġew mitluba jipproduċu ċerti dokumenti. Dawn ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-termini stabbiliti.

42      Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Mejju 2006, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 65(b) sa l-Artikolu 66(1), u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din ordnat lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi l-minuti kompleti tal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, li jinkludu l-ismijiet kollha tal-parteċipanti, filwaqt li pprovdiet li dan id-dokument ma kienx ser jiġi kkomunikat lir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti. Il-Kummissjoni kkonformat ruħha ma’ din it-talba.

43      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta tat-13 ta’ Settembru 2006.

44      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha :

–        tiddikjara li l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tal-modifika li saret fuq il-GBP mill-Gvern Britanniku tmur kontra l-Artikolu 30 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 28 KE) ;

–        tiddikjara li l-Kummissjoni ma kellhiex taċċetta l-modifika msemmija iktar’il fuq u li għalhekk hija kisret l-Artikolu 30 tat-Trattat KE ;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata ;

–        tordna li l-Kummissjoni għandha tikkomunika l-ismijiet tal-persuni l-oħra kollha li pparteċipaw fil-laqgħa ;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45      Waqt is-seduta, il-KEPD, in sostenn ta’ l-applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti magħmula mir-rikorrenti, talab lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

46      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha :

–        tiċħad it-talbiet relatati mal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bħala inammissibbli;

–        tiċħad l-applikazzjoni għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad l-applikazzjoni intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tiżvela l-ismijiet tal-persuni l-oħra li pparteċipaw fil-laqgħa bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-Kummissjoni tikkomunika l-ismijiet tal-persuni l-oħra li pparteċipaw fil-laqgħa

47      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tindirizza ordni lill-istituzzjonijiet jew tissostitwixxihom fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita. Din il-limitazzjoni ta’ l-istħarriġ ta’ legalità tapplika fl-oqsma kontenzjuzi li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti, inkluż dak ta’ l-aċċess għal dokumenti (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Mattila vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-204/99, Ġabra. p. II‑2265, punt 26, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Jannar 2004, Mattila vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-353/01 P, Ġabra. p. I‑1073, punt 15).

48      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tordna lill-Kummissjoni tikkomunikalha l-ismijiet tal-persuni kollha li pparteċipaw fil-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996.

 Fuq l-għeluq illegali tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 169 tat-Trattat KE

 Argumenti tal-partijiet

49      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni aċċettat li tagħlaq il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, bi ksur ta’ l-Artikolu 30 tat-Trattat KE, jew, sussidjarjament, ta’ l-Artikolu 6 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 12 KE); il-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996 kienet element fundamentali tagħha.

50      Effettivament, peress li l-Kummissjoni rrifjutat it-talba tar-rikorrenti sabiex tipparteċipa fil-laqgħa, li hija, b’mod żbaljat, għalqet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li l-GBP mmodifikata baqgħet tiddiskrimina kontra birra li ġejja minn Stati Membri oħra minbarra r-Renju Unit u li hija kienet qed turi riluttanza estrema li tiżvela l-ismijiet tal-parteċipanti fil-laqgħa, din ta’ l-aħħar ġiet użata bħala mezz mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-kumpanniji tal-produtturi tal-birra fir-Renju Unit sabiex jipperswadu lill-Kummissjoni taċċetta modifika intiża sabiex tipprekludi lill-importaturi tal-birra, bħalma hija r-rikorrenti, milli jbigħu l-prodotti tagħhom f’parti importanti tas-suq Britanniku. Skond ir-rikorrenti, dan il-ftehim, intiż għall-għeluq illegali tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fir-rigward tagħha kellu l-effett ta’ telf ta’ opportunità, u konsegwentement, ta’ telf finanzjarju konsiderevoli. Għaldaqstant, kien hemm ksur ta’ l-Artikolu 30 tat-Trattat KE.

51      Ir-rikorrenti ssostni li l-GBP kif emendata tmur ukoll kontra l-Artikolu 6 tat-Trattat KE inkwantu din għandha l-effett li tistabbilixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità kontra birer prodotti fi Stati Membri oħra minbarra r-Renju Unit.

52      Il-Kummissjoni hija tal-fehma, essenzjalment, li t-talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-aċċettazzjoni tal-modifika magħmula mill-Gvern tar-Renju Unit fil-GBP tmur kontra l-Artikolu 30 tat-Trattat KE, u li huwa ma kellux jaċċettaha, u li b’dan il-mod huwa kiser l-Artikolu 30 tat-Trattat KE, huma manifestament inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

53      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara li l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tal-modifika magħmula mill-Gvern Britanniku fil-GBP tmur kontra l-Artikoli 30 u 6 tat-Trattat KE u l-Artikolu 6 tat-Trattat KE. Din it-talba għandha tiġi mifhuma fis-sens li r-rikorrenti tinvoka, fil-fatt, li l-Kummissjoni żbaljatament ċaħdet l-ilment tagħha li miżuri tar-Renju Unit allegatament imorru kontra d-dritt Komunitarju.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li individwu ma jistax jitlob l-annullament ta’ rifjut tal-Kummissjoni sabiex tiftaħ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru (id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 1992, Asia Motor France vs Il-Kummissjoni, C-29/92, Ġabra. p. I‑3935, punt 21 ;id-digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2004, Institouto N. Avgerinopoulou et. vs Il-Kummissjoni, T-139/02, Ġabra. p. I‑875, punt 76, u tad-19 ta’ Settembru 2005, Aseprofar et Edifa vs Il-Kummissjoni, T-247/04, Ġabra. p. II‑3449, punt 40).

55      Fil-fatt, mill-Artikolu 169 tat-Trattat KE jirriżulta li l-Kummissjoni mhijiex obbligata li tiftaħ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, iżda għandha, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali li teskludi d-dritt ta’ l-individwi li jeżiġu li l-istituzzjoni tesprimi ruħha f’sens determinat u li tressaq rikors għal annullament kontra r-rifjut tagħha li taġixxi (id-digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Frar 1998, Smanor et. vs Il-Kummissjoni, T-182/97, Ġabra. p. II‑271, punt 27, u Institouto N. Avgerinopoulou et. vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 77).

56      Għaldaqstant, f’dan il-każ, ir-rikorrenti mhijiex ammessa titlob l-annullament tar-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju Unit minħabba li l-GBP kif emendata tikser l-Artikoli 6 u 30 tat-Trattat KE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkontestat li l-Kummissjoni nfisha kisret dawn l-Artikoli meta għalqet il-proċedura in kwistjoni.

57      F’kull każ, jekk jitqies li l-applikazzjoni tar-rikorrenti mhijiex intiża sabiex tikseb l-annullament ta’ dan ir-rifjut iżda dik tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha ta’ l-10 ta’ Diċembru 1997, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiċħad ilment li jinformaha li aġir ta’ Stat jista’ jagħti lok għall-ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mhijiex vinkolanti u għalhekk mhijiex att li jista’ jiġi kkontestat (id-digriet Aseprofar et Edifa vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 48). Barra minn hekk, huwa manifest li l-appell tressaq wara ż-żmien stabbilit fir-rigward tad-data ta’ din id-deċiżjoni.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-għeluq ta’ l-ilment tagħha huma inammissibbli.

59      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-ilment tar-rikorrenti li l-għeluq illegali tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu wassal għal telf ta’ opportunità u telf finanzjarju konsiderevoli, biżżejjed jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqitx talba għal kumpens fil-kuntest ta’ l-appell tagħha. Għalhekk, m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’dan ir-rigward.

 Fuq l-aċċess għal dokumenti

 L-argumenti tal-partijiet

60      Ir-rikorrenti ssostni li, skond il-konklużjonijiet tar-rapport speċjali ta’ l-Ombudsman, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 mhijiex applikabbli għall-dan il-każ, għaliex id-Direttiva 95/46 ma tobbligax lill-Kummissjoni li żżomm sigriet l-ismijiet tal-persuni li jikkomunikawlha opinjonijiet jew informazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għall-ittra ta’ l-Ombudsman indirizzata lill-President tal-Kummissjoni fit-30 ta’ Settembru 2002, iċċitata fil-punt 32 iktar’il fuq, li fiha huwa jallega li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata tad-Direttiva 95/46.

61      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 lanqas ma japplika. Effettivament, peress li l-laqgħa nżammet fl-1996, il-proċedura ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ma setgħetx tkun eventwalment affettwata mill-iżvelar ħlief b’mod minimu, minħabba li kienu għaddew seba’ snin minn meta nżammet din il-laqgħa u mid-data li fiha tressaq l-appell. Madankollu, anki jekk din id-dispożizzjoni tapplika, il-Kummissjoni ma tistax tinvokaha in sostenn tar-rifjut tagħha li tiżvela l-informazzjoni mitluba, minħabba li, f’dan il-każ, kien hemm interess pubbliku superjuri għal dan l-iżvelar. Fil-fatt, l-Ombudsman u l-Parlament kienu partikolarment interessati, f’din il-kawża, għall-fatt li terzi ta’ influwenza setgħu jressqu l-opinjoni tagħhom quddiem il-Kummissjoni fl-ikbar segretezza, li jmur kontra l-prinċipju ta’ trasparenza.

62      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li hemm element ġdid fil-kontroreplika, jiġifieri li l-persuni li r-rikorrenti talbet l-ismijiet tagħhom kienu rappreżentanti tal-CBMC u li kienu aġixxew skond l-istruzzjonijiet ta’ l-entità li huma kienu jirrappreżentaw. Ir-rikorrenti ssostni li, ladarba l-Kummissjoni osservat li dawn il-persuni kienu rappreżentanti tal-CBMC, din l-affermazzjoni hija llum pubblika u r-reputazzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tar-rispett tal-kunfidenzjalità ma tiġix ippreġudikata bl-iżvelar ta’ l-ismijiet ta’ dawn il-persuni.

63      Ir-rikorrenti tfakkar li l-assoċjazzjonijiet professjonali, bħall-CBMC, jirrappreżentaw normalment l-operaturi kollha ta’ suq speċifiku jew il-biċċa l-kbira tagħhom u għalhekk, għandhom it-tendenza li jesponu fehma f’isem l-operaturi kollha ta’ settur. Ir-reputazzjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi kompromessa biss jekk jirriżulta li, waqt il-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, ir-rappreżentanti tal-CBMC irrappreżentaw grupp speċifiku ta’ birreriji bl-iskop li jżommu magħluq suq tal-birra f’bars fir-Renju Unit. Skond ir-rikorrenti, dan it-telf ta’ kunfidenzjalità ma jippreżenta ebda riskju ladarba l-informazzjoni ġiet ikkomunikata mill-impjegati ta’ din l-assoċjazzjoni professjonali, sakemm din ma tesponix b’mod korrett il-fehma tal-membri tagħha.

64      Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jobbliga lill-Kummissjoni tiżvela l-ismijiet kollha tal-parteċipanti fil-laqgħa kif ukoll is-sottomissjonijiet mibgħuta fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u li ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma hija applikabbli f’dan il-każ.

65      Il-KEPD isostni li, skond l-argumenti li huwa ppreżenta waqt is-seduta, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għad-dokument intitolat “Aċċess pubbliku għad-dokumenti u protezzjoni ta’ data personali” (Dokumenti ta’ referenza, Lulju 2005 Nru 1, KEPD – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data), li jinsab fuq is-sit internet tiegħu.

66      Il-KEPD jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit l-aħjar ekwilibriju bejn, minn naħa, il-protezzjoni tad-data personali u, min-naħa l-oħra, id-dritt fundamentali taċ-ċittadin Ewropew li jkollu aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet. Ir-raġunament tal-Kummissjoni ma jiħux in kunsiderazzjoni dan l-ekwilibriju, li huwa espliċitament irregolat mill-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, applikazzjoni għall-aċċes għal dokumenti hija bbażata fuq il-prinċipji demokratiċi u mhuwiex neċessarju li jingħataw ir-raġunijiet li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet, u madankollu, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 45/2001 mhijiex rilevanti f’dan il-każ. Bl-istess mod, il-KEPD huwa tal-fehma li r-regoli tal-protezzjoni tad-data ma jippermettux li jiġi dedott dritt ġenerali ta’ parteċipazzjoni, b’mod anonimu, f’attivitajiet pubbliċi.

67      Skond il-KEPD, l-interess protett fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa l-ħajja privata u mhux il-protezzjoni tad-data personali li huwa kunċett bil-wisq usa’ minn dak tal-ħajja privata. Jekk l-isem ta’ parteċipant, imsemmi fil-proċess ta’ laqgħa, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ data personali, peress li l-identità ta’ din il-persuna tiġi żvelata u li l-kunċett ta’ protezzjoni tad-data personali huwa applikabbli għal din id-data, kemm jekk din taqa’ taħt il-ħajja privata u anki jekk le, il-KEPD ifakkar li, fil-kuntest ta’ attivitajiet personali, l-iżvelar ta’ isem mhuwiex, b’mod ġenerali, marbut mal-ħajja privata. Minn dan huwa jiddeduċi li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1409/2001 sabiex tirrifjuta l-iżvelar ta’ l-ismijiet tal-persuni kkonċernati.

68      Il-KEPD jikkonkudi li, f’kull każ, l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ rifjut għall-iżvelar mhuwiex dritt assolut iżda jimplika li l-ħajja privata hija ppreġudikata b’mod importanti jew konsiderevoli, u dan għandu jiġi evalwat fir-rigward tar-regoli u tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data personali. Ma jkunx hemm dritt ġenerali attribwit lill-persuna kkonċernata li topponi ruħha kontra l-iżvelar. Il-persuna kkonċernata li topponi ruħha l-iżvelar għandha tipprovdi raġuni plawsibbli, fejn tispjega għaliex l-iżvelar jista’ jippreġudikaha.

69      Il-Kummissjoni ssostni li l-applikazzjoni għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex fondata. Hija tosserva li dan il-każ jirrigwarda l-interazzjoni ta’ żewġ drittijiet, jiġifieri d-dritt għall-aċċess pubbliku għal dokumenti u d-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data.

70      Minn naħa, id-dritt għal aċċess pubbliku għal dokumenti skond ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa ġeneralment mingħajr restrizzjonijiet u awtomatiku u ma jiddependix fuq l-interess partikolari ta’ persuna li titlob aċċess għal dokument. Il-persuna li tagħmel din it-talba mhijiex normalment obbligata li timmotivaha.

71      Min-naħa l-oħra, id-data personali tista’ biss tiġi żvelata lealment u leġittimament abbażi tal-prinċipji fundamentali li jirregolaw il-ħajja privata u d-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli fil-qasam ta’ l-ipproċessar tad-data personali. Il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 8 tal-KEDB, għall-Artikolu 286 KE u għall-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdu li l-persuna li titlob aċċess għad-data personali għandha tipprova li l-iżvelar ta’ din id-data huwa neċessarju u li l-Kummissjoni tkun ċerta li dan ma jippreġudikax l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata.

72      Il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma tippreżentax argumenti ġuridiċi sabiex issostni l-argument tagħha li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u sussegwentement mir-Regolament Nru 45/2001, mhijiex applikabbli, iżda sempliċement tibbaża ruħha fuq il-proġett ta’ rakkommandazzjoni ta’ l-Ombudsman u fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament li jsostnuha. Il-konklużjoni ta’ l-Ombudsman hija bbażata fuq interpretazzjoni tad-Direttiva u l-kodiċi ta’ kondotta li l-Qorti tal-Ġustizzja, minn dakinhar, ma approvatx (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, Ġabra. p. I‑2125 ; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Diċembru 1999, Interporc vs Il-Kummissjoni, T‑92/98, Ġabra. p. II‑3521, punt 70, u tas-16 ta’ Ottubru 2003, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, T‑47/01, Ġabra. p. II‑4441, punti 63 u 64). Barra minn hekk, peress li l-aħħar applikazzjoni għal aċċess ġiet imressqa mir-rikorrenti wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 45/2001, għandu jiġi eżaminat ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela l-informazzjoni mitluba fid-dawl ta’ dawn ir-regoli. F’kull każ, la l-Ombudsman u lanqas il-Parlament ma huma kompetenti li jagħtu interpretazzjoni konklużiva tal-liġi.

73      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-pożizzjoni tagħha rigward il-portata tar-regoli ta’ protezzjoni tad-data personali. Din ikkonstatat li r-regoli ta’ protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, japplikaw fil-qasam tal-pubblikazzjoni ta’ ismijiet ta’ persuni fiżiċi anki meta dawn huma impjegati taċ-Ċivil u meta l-ipproċessar ġie magħmul fl-interess ġenerali (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et., C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra. p. I‑4989, punt 64). Dan l-approċċ, fir-rigward tad-Direttiva 95/46, ġie kkonfermat sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, Ġabra. p. I‑12971, punt 24), li tgħid li l-kunċett ta’ “data personali” ċertament jinkludi l-isem tal-persuna flimkien mad-dettalji tat-telefon jew ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijet tax-xogħol jew il-passatempi tagħha.

74      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-metodu specifiku li jippermetti li jiġu kkonċiljati d-dritt għall-aċċess pubbliku għal dokumenti u d-dritt għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali huwa stabbilit fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, li għandu jiġi moqri flimkien mal-premessa 11 tar-Regolament imsemmi, li tgħid li “[m]eta jagħmlu stima ta’ l-eċċeżżjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni”. Din l-eċċezzjoni ma tistax tiġi mwieżna ma’ interess ġenerali superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument in kwistjoni, minħabba r-Regolament Nru 1049/2001, iżda teżiġi speċifikament li l-istituzzjonijet Komunitarji jirrifjutaw l-aċċess għal dokument jekk il-komunikazzjoni tippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u dik tad-data personali.

75      Ir-Regolament Nru 45/2001 ma jipprekludix l-iżvelar jew kull ipproċessar ieħor tad-data personali mill-Kummissjoni, iżda jipprovdi l-mezz li jiġi deċiż każ b’każ jekk istituzzjoni tistax leġittimament u lealment tipproċessa data personali, jekk ipproċessar bħal dan ma jippreġudikax il-protezzjoni tad-data.

76      Il-Kummissjoni tenfasizza li, jekk f’każ speċifiku u b’mod konformi mar-Regolament Nru 45/2001, l-ipproċessar isir leġittimament u lealment, ma tistax tiġi invokata l-eċċezzjoni għad-dritt għall-aċċess pubbliku prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, u d-dokument li jinkludi data personali għandu jiġi żvelat. Min-naħa l-oħra, jekk l-ipproċessar mitlub huwa illegali u żleali u jekk l-applikant ma jistax jiġġustifika l-bżonn ta’ l-iżvelar, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tiżvela din id-data.

77      Il-Kummissjoni ssostni li, peress li ż-żewġ drittijiet in kwistjoni huma ta’ l-istess natura, importanza u grad, huma għandhom jiġu implementati b’mod konġunt u għandu jinstab ekwilibriju f’kull każ partikolari li jikkonċerna talba ta’ aċċess għal dokument pubbliku li jinkludi data personali.

78      Il-Kummissjoni tirreferi għal rapport dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri, imhejji min-netwerk ta’ l-UE ta’ esperti indipendenti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali CFR-CDF, li jgħid li “filwaqt li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li jingħata biss aċċess parzjali għal ċerti dokumenti, hija l-istituzzjoni Komunitarja li m’għandhiex tagħti dritt ta’ aċċess għal dokumenti meta l-interess ta’ l-applikant ma jippreżenta ebda rabta raġjonevoli proporzjonali mal-preġudizzju li jirriżulta għad-dritt li għandha l-persuna kkonċernata għall-preservazzjoni tal-ħajja privata tagħha meta mqabbla ma’ l-ipproċessar tad-data personali”.

79      Il-bżonn ta’ tali approċċ ekwilibrat kien muri mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data stabbilit fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46, fl-opinjoni tiegħu 5/2001, tas-17 ta’ Mejju 2001, dwar ir-rapport speċjali ta’ l-Ombudsman. Skond din l-opinjoni:

“Għandu jiġi osservat li, [...] l-obbligu ta’ żvelar impost mil-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess pubbiku għad-dokumenti amministrattivi ma jistabbilixxix obbligu assolut ta’ trasparenza. Bil-kontra, il-leġiżlazzjoni tissuġġetta l-obbligu li jingħata aċċess għad-dokumenti għar-rispett għall-ħajja privata u għalhekk ma jiġġustifikax żvelar illimitat, mingħajr restrizzjonijiet, tad-data personali. Barra minn hekk, jekk wieħed jikkonsulta kemm il-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, jidher li għandha ssir analiżi taċ-ċirkustanzi [...] fuq bażi individwali sabiex jinstab ekwilibriju ġust bejn iż-żewġ drittijiet. B’mod partikolari, skond din l-analiżi, il-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess pubbliku tista’ tipprovdi regoli distinti li japplikaw għall-kategoriji differenti tad-data jew għal tipi differenti ta’ persuni kkonċernati.”

80      Il-Kummissjoni tfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprovdix għall-obbligu awtomatiku u llimitat li jiġu żvelati dokumenti jew partijiet minn dokumenti dwar data personali, iżda dan l-obbligu jeżisti safejn ma jmurx kontra l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

81      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża. Fir-rigward tar-rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet Britanniċi u tal-CBMC, ir-rikorrenti ġiet informata sew bl-interessi u bl-entitajiet rappreżentati fil-laqgħa. Bħala rappreżentanti, il-persuni preżenti aġixxew b’mod konformi ma’ l-istruzzjonijiet ta’ l-entitajiet li huma kienu qegħdin jirrappreżentaw, u dan f’isem dawn ta’ l-aħħar u mhux fuq bażi personali. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-effetti tad-deċiżjonijiet meħuda waqt il-laqgħa kienu jikkonċernaw l-entitajiet irrappreżentati u mhux ir-rappreżentanti fuq bażi personali. Madankollu, hija l-informazzjoni dwar l-entitajiet rappreżentati li tikkostitwixxi informazzjoni rilevanti li għandha tiġi suġġetta għal eżami pubbliku b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza u r-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela l-identità tal-persuni li jirrappreżentaw l-interessi tagħha ma jistax jiġi kkunsidrat bħala preġudizzju għad-drittijiet tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni wkoll il-bżonn li ma tikkompromettix il-kapacità tagħha li tagħmel inkjesti u s-sorsi ta’ informazzjoni li hija għandha.

82      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti qatt ma ssodisfat l-obbligu li tipprova l-bżonn tat-trasferiment, previst fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Fil-fatt, il-komunikazzjoni ta’ l-identità tal-parteċipanti ma tippermettix li jkun hemm kjarifiki supplementari dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Peress li l-minuti ġew żvelati, il-pubbliku kien informat sew bil-fatti u bl-argumenti li abbażi tagħhom il-Kumissjoni ħadet id-deċiżjoni. Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li ebda raġuni valida u speċifika ma ġiet ipprovduta sabiex jiġi ppruvat il-bżonn ta’ l-iżvelar tad-data personali għal terzi, il-Kummissjoni kienet obbligata li tirrifjuta tali żvelar.

83      Skond il-Kummissjoni, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti fir-replika tagħha, il-fatt li l-ismijiet ta’ l-impjegati tal-CBMC huma pubbliċi ma jfissirx li dan jgħodd għall-identità tal-persuni li pparteċipaw fil-laqgħa. Il-Kummissjoni tenfasizza li ma jirriżultax neċessarjament li l-ismijiet ta’ ċerti rappreżentanti ta’ assoċjazzjoni professjonali li rrappreżentaw lil din ta’ l-aħħar waqt laqgħa jistgħu jiġu dedotti mill-pubblikazzjoni ta’ l-identità ta’ l-impjegati kollha. Effettivament, jekk dan kien il-każ, ir-rikorrenti ma kien ikollha ebda raġuni li titlob li dawn l-ismijiet jiġu kkomunikati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssuġġeritx li r-rappreżentanti tal-CBMC ma ddefendewx il-fehmiet ta’ l-assoċjazzjoni waqt il-laqgħa. Ir-rikorrenti ma wrietx kif l-iżvelar ta’ l-identità tal-persuni kkonċernati jista’ jipprovdi informazzjoni iktar rilevanti minn dik inkluża fil-minuti tal-laqgħa u fid-dokumenti l-oħra li tqassmu.

84      Fir-rigward ta’ l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegata applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni tenfasizza li din ma bbażatx ir-rifjut ta’ l-iżvelar fuq din l-eċċezzjoni, iżda fuq dik prevista fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament imsemmi.

85      Ir-rikorrenti ġiet informata li, anki jekk il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data ma kinitx tapplika għat-talba, il-Kummissjoni ġustament irrifjutat li tiżvela l-ismijiet tal-ħames persuni kontra l-volontà tagħhom, sabiex ma tikkompromettix il-kapaċità tagħha li tinvestiga allegat ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Il-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996 saret fil-kuntest ta’ tali investigazzjoni. Jekk l-ismijiet tal-persuni li pprovdew informazzjoni lill-Kummissjoni setgħu jiġu żvelati kontra l-volontà tagħhom, il-Kummissjoni tiġi mċaħħda minn sors prezzjuż ta’ informazzjoni, u dan jista’ jikkomprometti l-kapaċità tagħha li twettaq tali investigazzjonijiet.

86      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li, fil-kuntest ta’ l-ilmenti u tal-proceduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dawk li jressqu l-ilmenti għandhom il-possibbiltà li jagħżlu pproċessar “kunfidenzjali” jew “mhux kunfidenzjali”. L-ebda raġuni valida ma tippermetti r-rifjut lil partijiet oħra kkonċernati fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jibbenefikaw mill-istess dritt.

87      Konsegwentement, l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet timponi li l-ħames ismijiet anonimi ma jiġux trasmessi lir-rikorrenti.

88      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma ressqitx prova ta’ “interess pubbliku superjuri għall-iżvelar” ta’ dawn l-ismijiet, li jippermetti l-oppożizzjoni kontra din l-eċċezzjoni.

89      F’dan il-każ, l-iżvelar ta’ l-ismijiet tal-persuni oħra, kontra l-volontà tagħhom u kuntrarjament għall-aspettattivi tagħhom f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità meta huma kkollaboraw fl-investigazzjoni dwar l-allegat ksur, jippreġudika l-protezzjoni ta’ l-investigazzjonijiet kollha. Madankollu, l-interess pubbliku manifest jeżiġi li l-kunfidenzjalità ta’ l-investigazzjonijiet tiġi ppreservata minflok ippreġudikata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

 Osservazzjonijiet preliminari

90      Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrenti għad-dokument komplet, kif ukoll l-appell tagħha, huma bbażati fuq ir-Regolament Nru 1049/2001.

91      Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-Regolament Nru 45/2001 japplika fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għall-iżvelar ta’ l-ismijiet tal-parteċipanti fil-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li r-rikorrenti ma stabbilixxietx la skop espliċitu jew leġittimu u lanqas il-bżonn ta’ tali żvelar, l-eżiġenzi previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament imsemmi ma ġewx sodisfatti u l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellha tapplika. Hija żiedet li, anki jekk ir-regoli adottati fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali ma kinux applikabbli, hija madankollu kellha tirrifjuta li tiżvela l-ismijiet l-oħra skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex ma tiġix kompromessa l-kapaċità tagħha li twettaq investigazzjonijiet.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-persuna li titlob aċċess mhijiex obbligata tiġġustifika t-talba tagħha u għalhekk m’għandhiex għalfejn turi interess sabiex ikollha aċċess għad-dokumenti mitluba (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra. p. II-2023, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet jikkostitwixxi l-prinċipju u li deċiżjoni ta’ rifjut mhijiex valida jekk din ma tkunx ibbażata fuq waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

94      Skond ġurisprudenza stabbilita, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati restrittivament, sabiex ma jostakolawx l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali stabbilit f’dan ir-Regolament (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2000, L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni, C‑174/98 P u C‑189/98 P, Ġabra. p. I‑1, punt 27 ; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2002, Kuijer vs Il-Kunsill, T‑211/00, Ġabra. p. II‑485, punt 55, u Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 84).

95      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandha tiġi eżaminata l-applikazzjoni li l-Kummissjoni għamlet ta’ l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) u tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

 Fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni għall-ħajja privata u l-integrità tal-persuna, prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001

–       Osservazzjonijet preliminari dwar ir-rabta bejn ir-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 45/2001

96      Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni għall-ħajja privata u l-integrità tal-persuna, partikolarment b’konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tad-data personali.

97      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, minkejja li r-rikorrenti tirreferi, fir-rikors tagħha, għad-Direttiva 95/46 biss u mhux għar-Regolament Nru 45/2001, l-appell tagħha għandu jiġi mifhum li jirreferi għall-imsemmi Regolament, minħabba li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, parzjalment, fuq dan ir-Regolament. Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti rreferiet b’mod korrett għall-imsemmi Regolament.

98      Preliminarjament, għandha tiġi eżaminata r-rabta eżistenti bejn ir-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 45/2001 fid-dawl ta l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 f’dan il-każ. Għal dan il-għan, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li huma għandhom għanijiet differenti. L-ewwel wieħed huwa intiż sabiex jassigura l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll ta’ l-informazzjoni li fuqha huma bbażati d-deċiżjonijet tagħhom. Għalhekk, huwa intiż sabiex jiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti b’mod sħiħ, kif ukoll li jippromwovi prassi amministrattiva tajba. It-tieni wieħed huwa intiż sabiex jassigura l-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari, tal-ħajja privata tagħhom, waqt l-ipproċessar tad-data personali.

99      Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 45/2001 tindika li l-aċċess għal dokumenti, fosthom il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-dokumenti li jinkludu data personali, jaqgħu taħt ir-regoli adottati abbażi ta’ l-Artikolu 255 KE.

100    Għaldaqstant, l-aċċess għad-dokumenti li jinkludu data personali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, li jgħid, bħala regola ġenerali, id-dokumenti kollha ta’ l-istituzzjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku. Huwa jipprovdi wkoll li ċerti interessi pubbliċi u privati għandhom jiġu prottetti permezz ta’ sistema ta’ eċċezzjonijiet.

101    B’dan il-mod, dan ir-Regolament jipprovdi għal eċċezzjoni, imfakkra iktar’il fuq, li tikkonċerna l-każijiet fejn l-iżvelar jippreġudika l-protezzjoni għall-ħajja privata u għall-integrità tal-persuna, b’mod partikolari, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tad-data personali, bħar-Regolament Nru 45/2001.

102    Barra minn hekk, skond il-premessa 11 tar-Regolament Nru 1049/2001, fl-evalwazzjoni tal-bżonn ta’ eċċezzjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni, u għaldaqstant il-prinċipji stabbiliti fir-Regolament Nru 45/2001.

103    F’dan ir-rigward, għandhom jiġu mfakkra d-dispożizzjonijiet l-iktar rilevanti tar-Regolament Nru 45/2001.

104    Skond l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, “data personali” tinkludi kull informazzjoni relatata ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli. Persuna identifikabbli hija waħda li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għan-numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità tiegħu jew tagħha fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali. Għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati bħala data personali, per eżempju, il-kunjom u l-isem, l-indirizz postali, l-indirizz tal-posta elettronika, in-numru tal-kont tal-bank, in-numri tal-karti ta’ kreditu, in-numru tas-sigurtà soċjali, dak tat-telefon jew dak tal-liċenzja tas-sewqan.

105    Barra minn hekk, skond l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 45/2001, l-“[i]proċessar ta’ data personali” jinkludi kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li hija mwettqa jew huma mwettqa fuq data personali, sew jekk b’mezzi awtomatiċi sew jekk le, bħal ġbir, rekordjar, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, ksib lura, konsultazzjoni, użu, komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni, disseminazzjoni jew kull forma oħra li biha ssir disponibbli, l-approssimazzjoni jew il-kombinazzjoni, l-ibblukkar, it-tħassir jew id-distruzzjoni. Għaldaqstant, il-komunikazzjoni ta’ data, permezz ta’ trażmissjoni, diffużjoni jew kull forma oħra li biha ssir disponibbli, hija inkluża fid-definizzjoni ta’ “proċessar” u, b’dan il-mod, dan ir-Regolament jipprovdi huwa nnifsu, indipendentement mir-Regolament Nru 1049/2001, għall-possibbilità li ċerta data personali ssir pubblika.

106    Barra minn hekk, l-ipproċessar għandu jkun leġittimu skond l-Artikolu 5(a) jew (b) tar-Regolament Nru 45/2001, li jgħid li l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-eżerċizzju ta’ xogħol magħmul fl-interess pubbliku jew għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa suġġett. Għandu jiġi osservat li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet mogħti liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u lil kull persuna fiżika jew morali li tirrisjedi jew li hija stabbilita fi Stat Membru, prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, jikkostitwixxi obbligu legali fis-sens ta’ l-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Għaldaqstant, jekk ir-Regolament Nru 1049/2001 jeżiġi l-komunikazzjoni tad-data, li tikkostitwixxi “proċessar” fis-sens ta’ l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 45/2001, l-Artikolu 5 ta’ dan l-istess Regolament irendi din il-komunikazzjoni legali f’dan ir-rigward.

107    Fir-rigward ta’ l-obbligu li tiġi stabbilita l-ħtieġa ta’ trasferiment, prevista fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, għandu jiġi mfakkar li l-aċċess għad-dokumenti li jinkludu data personali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, skond l-Artikolu 6(1) ta’ dan, l-applikant mhuwiex obbligat li jimmotiva l-applikazzjoni u għalhekk m’għandux bżonn juri interess sabiex jikseb aċċess għad-dokumenti mitluba (ara punt 92 iktar’il fuq). Għaldaqstant, fil-każ fejn din id-data personali tiġi ttrasferita sabiex jingħata effett lill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni, is-sitwazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’dan il-mod, l-applikant m’għandux bżonn jipprova n-neċessità ta’ l-iżvelar fis-sens ta’ l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Fil-fatt, jekk l-applikant ikun meħtieġ li jipprova n-neċessità tat-trasferiment, inkwantu kundizzjoni supplementari imposta fir-Regolament Nru 45/2001, din l-eżiġenza tkun waħda li tmur kontra l-għan ta’ l-Artikolu Nru 1409/2001, jiġifieri l-ikbar aċċess possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet.

108    Barra minn hekk, peress li, skond l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal dokument huwa rrifjutat, fil-każ li l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni għall-ħajja privata u l-integrità ta’ l-individwu, trasferiment li ma jaqax taħt din l-eċċezzjoni, bħala regola ġenerali, ma jippreġudikax l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001.

109    Fir-rigward tad-dritt ta’ oppożizzjoni mill-persuna kkonċernata, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi li din tista’ topponi ruħha f’kull żmien, għal raġunijiet urġenti u leġittimi marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tagħha, kontra l-ipproċessar ta’ data li tikkonċernaha, ħlief fil-każijiet li jaqgħu, b’mod partikolari, taħt l-Artikolu 5(b) tar-Regolament imsemmi. Għalhekk, peress li l-ipproċessar imsemmi fir-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxi obbligu legali fis-sens ta’ l-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 45/2001, bħala regola ġenerali, il-persuna kkonċernata ma tibbenefikax mid-dritt ta’ oppożizzjoni. Madankollu, peress li l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi għal eċċezzjoni għal dan l-obbligu legali, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, abbażi ta’ dan, l-effett ta’ l-iżvelar ta’ data dwar il-persuna kkonċernata.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li jekk il-komunikazzjoni ta’ din id-data ma tippreġudikax il-protezzjoni għall-ħajja privata u l-integrità tal-persuna kkonċernata, kif jeżiġi l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rifjut tal-persuna kkonċernata ma jistax jipprekludi din il-komunikazzjoni.

111    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001, inkwantu huma jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali li jistgħu jippreġudikaw il-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari, tal-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li, skond ġurisprudenza stabblita, huma parti importanti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza tiggarantixxi r-rispett tiegħu (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 95/46, is-sentenza Österreichischer Rundfunk et., iċċitata, punt 68).

112    Dawn il-prinċipji ġew ripetuti espliċitament fl-Artikolu 6(2) UE li jgħid li l-Unjoni tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif huma ggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, inkwantu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Komunità.

113    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 8 tal-KEDB, filwaqt li, fil-paragrafu 1, jistabbilixxi l-prinċipju li m’għandux ikun hemm indħil minn awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizzju tad-dritt għall-ħajja privata, jipprovdi, fil-paragrafu 2, li tali ndħil huwa possibbli sakemm “jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex tiġi evitata d-diżordni jew l-għemil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor”.

114    Għandu jiġi osservat ukoll li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-kunċett ta’ “ħajja privata” huwa wiesa’ u m’għandux definizzjoni eżawrjenti. L-Artikolu 8 tal-KEDB iħares ukoll id-dritt għall-identità u għall-iżvilupp personali kif ukoll id-dritt ta’ kull individwu li jistabbilixxi u jiżviluppa r-relazzjonijiet tiegħu ma’ individwi oħra u mad-dinja esterna. Ebda raġuni ta’ prinċipju ma tippermetti l-esklużjoni ta’ l-attivitajiet professjonali jew kummerċjali mill-kunċett tal-“ħajja privata” (ara l-QEDB, is-sentenzi Niemitz vs Il-Ġermanja tas-16 ta’ Diċembru 1992, serje A n° 251‑B, § 29 ; Amann vs L-Iżvizzera tas-16 ta’ Frar 2000, Recueil des arrêts et décisions, 2000‑II, § 65, u Rotaru vs Ir-Rumanija ta’ l-4 ta’ Mejju 2000, Recueil des arrêts et décisions, 2000‑V, § 43). Għaldaqstant, teżisti żona ta’ interazzjoni bejn l-individwu u l-oħrajn li, anki f’kuntest pubbliku, tista’ taqa’ taħt il-“ħajja privata” (ara l-QEDB, is-sentenza Peck vs Ir-Renju Unit tat-28 ta’ Jannar 2003, Recueil des arrêts et décisions, 2003‑I, § 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Sabiex tiġi ddefinita l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-Artikolu 8 tal-KEDB, għandu jiġi stabbilit, l-ewwel nett, jekk jeżistix indħil fil-ħajja privata tal-persuna kkonċernata u, it-tieni nett, jekk dan huwa l-każ, jekk huwiex iġġustifikat. Sabiex ikun iġġustifikat, dan għandu jkun previst mil-liġi, jkollu skop leġittimu u jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika. Rigward din il-kundizzjoni ta’ l-aħħar, sabiex jiġi stabbilit jekk l-iżvelar huwiex “meħtieġ f’soċjetà demokratika”, għandu jiġi eżaminat jekk l-eċċezzjonijiet invokati sabiex jiġġustifikawh humiex “rilevanti u suffiċjenti” u jekk il-miżuri adottati humiex proporzjonali ma’ l-iskopijiet leġittimi tal-KEDB. Fil-kawżi dwar l-iżvelar tad-data personali, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ddeċidiet li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw ċerta libertà sabiex jistabblixxu ekwilibriju ġust bejn l-interessi pubbliċi u privati li jinsabu f’kompetizzjoni. Madankollu, dan il-marġni ta’ evalwazzjoni hija marbuta ma’ l-istħarriġ ġudizzjarju u l-portata tiegħu tiddependi fuq fatturi bħan-natura u l-importanza ta’ l-interessi in kwistjoni kif ukoll tal-gravità ta’ l-indħil (ara s-sentenza Peck vs Ir-Renju Unit, iċċitata, b’mod partikolari § 76 u 77 ; ara, ukoll, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali P.Léger dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C 317/04 u C 318/04, Ġabra. p. I 4721, I 4724, punti 226 sa 228)

116    Għandu jiġi kkonstatat li kull deċiżjoni meħuda b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tosserva l-Artikolu 8 tal-KEDB, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 6(2) UE. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-limiti li, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, skond l-Artikolu 255(2) KE. Madankollu, l-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi eċċezzjoni li hija intiża sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni għall-ħajja privata u l-integrità ta’ l-individwu.

117    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ aċċess għal dokumenti għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett. L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 tikkonċerna d-data personali li tista’ tippreġudika b’mod konkret u effettiv ir-rispett tal-ħajja privat u ta’ l-integrità tal-persuna.

118    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-fatt li l-kunċett ta’ “ħajja privata” huwa wiesa’, kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bnidem, u li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jista’ jikkostitwixxi wieħed mill-aspetti tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali P.Léger dwar is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 209) ma jfissirx li kull data personali hija inkluża neċessarjament fil-kunċett ta’ “ħajja privata”.

119    A fortiori, kull data personali ma tistax minħabba n-natura tagħha tippreġudika l-ħajja privata tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, fil-premessa 33 tad-Direttiva 95/46, issir referenza għall fatt li d-data li tista’ min-natura tagħha tippreġudika l-libertajiet fundamentali jew id-dritt għall-ħajja privata m’għandhiex tkun ipproċessata jekk is-suġġett tad-data ma jagħtix il-kunsens espliċitu tiegħu, u dan jindika li d-data mhijiex kollha ta’ l-istess natura. Din id-data sensittiva tista’ tiġi inkluża f’dik li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 45/2001 jirreferi għaliha, dwar l-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data, bħal dik li tiżvela oriġini ta’ razza jew oriġini etnika, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku jew id-data dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali.

120    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, f’dan il-każ, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 tapplikax, għandu jiġi eżaminat jekk l-aċċess pubbliku għall-ismijiet tal-parteċipanti fil-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996 jistax jippreġudika b’mod konkret u effettiv ir-rispett għall-ħajja privata u l-integrità tal-persuni kkonċernati.

–       L-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni dwar il-preġudizzju għall-protezzjoni tal-ħajja privata u ta’ l-integrità tal-persuni kkonċernati, prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, għal dan il-każ

121    F’dan il-każ, l-applikazzjoni għal aċċess in kwistjoni tikkonċerna l-minuti ta’ laqgħa tal-Kummissjoni, li għaliha pparteċipaw rappreżentanti tad-DĠ “Suq intern u servizz finanzjarji” tal-Kummissjoni, tal-Ministeru tal-Kummerċ u ta’ l-Industrija tar-Renju Unit u rappreżentanti tal-CBMC. Dawn il-minuti jinkludu lista’ tal-parteċipanti fil-laqgħa, elenkati skond l-entità li f’isimha huma pparteċipaw fl-imsemmija laqgħa, deskritti bit-titolu tagħhom, l-inizjali ta’ isimhom, kunjomhom u, fejn xieraq, is-servizz, il-korp jew l-assoċjazzjoni li huma jiddependu fuqha fi ħdan dawn l-entitajiet. It-test tal-minuti ma jirreferix għall-persuni fiżiċi iżda għall-entitajiet in kwistjoni, bħall-CBMC, id-DĠ “Suq intern u servizzi finanzjarji” jew il-Ministeru tal-Kummerċ u ta’ l-Industrija tar-Renju Unit.

122    Għandu jiġi kkonstatat li l-lista’ tal-parteċipanti għal-laqgħa li tidher fil-minuti in kwistjoni tinkludi għalhekk data personali, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, minħabba li minnha jistgħu jiġu identifikati l-persuni li pparteċipaw għal din il-laqgħa.

123    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, s-sempliċi fatt li dokument jinkludi data personali ma jfissirx neċessarjament li l-ħajja privata jew l-integrità tal-persuni kkonċernati huma implikati, anki jekk l-attivitajiet professjonali mhumiex, bħala regola ġenerali, esklużi mill-kunċett ta’ “ħajja privata” fis-sens ta’ l-Artikolu 8 tal-KEDB (ara punt 114 iktar’il fuq u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li hija ċċitata fl-istess punt).

124    Effettivament, kif indikat il-Kummissjoni nfisha, il-persuni preżenti waqt il-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, li l-ismijiet tagħhom ma ġewx żvelati, ipparteċipaw bħala rappreżentanti tal-CBMC u mhux fuq bażi personali. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet meħuda waqt il-laqgħa kienu jikkonċernaw l-entitajiet rappreżentati u mhux ir-rappreżentanti tagħhom fuq bażi personali.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-minuti jinkludu l-ismijiet ta’ dawn ir-rappreżentanti ma jippreġudikax il-ħajja privata tal-persuni in kwistjoni, peress li dawn ipparteċipaw fil-laqgħa bħala rappreżentanti ta’ l-entitajiet tagħhom. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat iktar’il fuq, il-proċess ma jinkludix opinjoni individwali li tista’ tiġi attribwita lil dawn il-persuni, iżda pożizzjonijiet li jistgħu jiġu attribwiti lill-entitajiet rappreżentati minn dawn il-persuni.

126    F’kull każ, għandu jiġi osservat li l-iżvelar ta’ l-ismijiet tar-rappreżentanti tal-CBMC ma jistax jippreġudika b’mod konkret u effettiv il-protezzjoni tal-ħajja privata u ta’ l-integrità tal-persuni kkonċernati. Is-sempliċi preżenza ta’ l-isem tal-persuna kkonċernata fil-lista tal-parteċipanti fil-laqgħa, f’isem l-entitajiet li din il-persuna kienet qiegħda tirrappreżenta, ma tikkostitwixxix tali preġudizzju u l-protezzjoni tal-ħajja privata u ta’ l-integrità tal-persuni kkonċernati mhijiex kompromessa.

127    Dan l-approċċ mhuwiex kontradett mis-sentenza Österreichischer Rundfunk et, iċċitata iktar’il fuq, invokata mill-Kummissjoni. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ġbir ta’ data ta’ l-ismijiet relatata mad-dħul professjonali ta’ individwu, sabiex tiġi kkomunikata lil terzi, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8 tal-KEDB. Hija kkonstatat li, jekk is-sempliċi memorizzazzjoni minn min jimpjega ta’ data ta’ ismijiet relatata mar-remunerazzjoni mħallsa lill-impjegati tiegħu ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi ndħil fil-ħajja privata, il-komunikazzjoni ta’ din id-data lil terzi, f’dan il-każ, awtorità pubblika, tippreġudika r-rispett tal-ħajja privata ta’ l-individwi, indipendentement mill-użu eventwali ta’ l-informazzjoni kkomunikata b’dan il-mod, u jippreżenta element ta’ indħil fis-sens ta’ l-Artikolu 8 tal-KEDB. (is-sentenza Österreichischer Rundfunk et, iċċitata, punt 74). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, sabiex tistabbilixxi tali ndħil, ma tantx kien rilevanti jekk l-informazzjoni kkomunikata hijiex sensittiva jew le, jew li l-individwi sostnew żvantaġġi eventwali minħabba dan l-indħil. Kien biżżejjed li d-data dwar id-dħul ta’ ħaddiem jew ta’ pensjonant tkun ġiet ikkomunikata minn min jimpjega lil terza persuna (is-sentenza Österreichischer Rundfunk et., iċċitata, punt 75).

128    Għandu jiġi osservat li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk tal-kawża preżenti. Effettivament, dan il-każ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, u l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) ma tikkonċernax l-iżvelar tad-data personali li tista’ tippreġudika r-rispett tal-ħajja privata u ta’ l-integrità ta’ l-individwu. Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 119 iktar’il fuq, id-data personali kollha ma tistax min-natura tagħha tippreġudika l-ħajja privata tal-persuna kkonċernata. Fiċ-ċirkustanzi in kwistjoni, is-sempliċi fatt li tiġi żvelata l-parteċipazzjoni ta’ persuna fiżika, li taġixxi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet professjonali tagħha, bħala rappreżentant ta’ entità kollettiva, għal laqgħa li nżammet ma’ istituzzjoni Komunitarja, anki jekk l-opinjoni personali espressa minn din il-persuna f’din l-okkażjoni ma tistax tiġi identifikata, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ndħil fil-ħajja privata. Għalhekk dan għandu jiġi distint mis-sitwazzjoni prevalenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Österreichischer Rundfunk et., iċċitata, fejn kien hemm in kwistjoni l-ġbir u l-komunikazzjoni minn min jimpjega lill-awtorità pubblika ta’ kombinazzjoni speċifika ta’ data personali, jiġifieri l-ismijiet ta’ impjegati assoċjati mad-dħul ta’ dawn ta’ l-aħħar.

129    Fis-sentenza Lindqvist, iċċitata iktar’il fuq, u invokata wkoll mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-fatt li ssir referenza, fuq paġna fuq l-Internet, għal diversi persuni u l-fatt li huma jiġu identifikati b’isimhom, jew b’elementi oħra, per eżempju bin-numru tat-telefon tagħhom jew b’informazzjoni relatata mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jew mal-passatempi tagħhom, jikkostitwixxi “proċessar ta’ data personali” fis-sens tad-Direttiva 95/46 (is-sentenza Lindqvist, iċċitata, punt 27). Din is-sentenza mhijiex rilevanti għal dan il-każ. Fil-fatt, kif imfakkar fil-punt preċedenti, il-każ preżenti jaqa’ taħt ir-Regolament Nru 1049/2001 u għalhekk jirrigwarda, minbarra l-kwistjoni dwar jekk hemmx in kwistjoni pproċessar ta’ data personali, il-kwistjoni dwar jekk l-iżvelar tad-data in kwistjoni tippreġudikax ir-rispett tal-ħajja privata u ta’ l-integrità ta’ l-individwu.

130    L-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma jikkontradixxi l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, li tgħid li r-rispett tal-ħajja privata jinkludi d-dritt ta’ l-individwu li jistabbilixxi u jiżviluppa relazzjonijiet ma’ individwi oħra u jista’ jiġi estiż għal attivitajiet professjonali jew kummerċjali (ara s-sentenzi Niemitz vs Il-Germanja, iċċitata, § 29 ; Amann vs L-Iżvizzera, iċċitata, § 65 ; Rotaru vs Ir-Rumanija, iċċitata, § 43, u Peck vs Ir-Renju Unit, iċċitata, § 57).

131    Effettivament, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-kunċett ta’ ħajja privata jinkludi ċerti aspetti ta’ l-attività professjonali ta’ l-individwu; madankollu dan ma jfissirx li kull attività professjonali hija koperta globalment u neċessarjament mill-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt tal-parteċipazzjoni ta’ rappreżentant ta’ entità kollettiva għal-laqgħa li saret ma’ istituzzjoni Komunitarja ma jaqax taħt il-kamp tal-ħajja privata tiegħu, b’tali mod li l-iżvelar ta’ minuti li jsemmu l-preżenza tiegħu fl-imsemmija laqgħa ma jikkostitwixxix indħil fil-ħajja privata tiegħu.

132    Għaldaqstant, l-iżvelar ta’ l-ismijiet in kwistjoni ma jirriżultax f’indħil fil-ħajja privata tal-persuni li pparteċipaw fil-laqgħa u ma jippreġudikax il-protezzjoni tal-ħajja privata tagħhom u l-integrità tal-persuna tagħhom.

133    Konsegwentement, il-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tapplika għal dan il-każ.

134    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tallegax li, f’dan il-każ, jiġifieri matul il-ġbir tad-data, jiġifieri waqt il-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, hija kienet obbligata li żżomm sigriet l-ismijiet tal-parteċipanti jew li l-parteċipanti, waqt il-laqgħa, talbu lill-Kummissjoni biex ma tiżvelax l-identità tagħhom. Kien biss fl-1999, meta l-Kummissjoni talbet awtorizzazzjoni sabiex tiżvela l-identità tagħhom, li ċerti parteċipanti rrifjutaw li isimhom jiġi żvelat.

135    Peress li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-persuna kkonċernata, meħtieġa mill-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, mhijiex sodisfatta f’dan il-każ, ir-rifjut tal-persuna kkonċernata ma jipprekludix l-iżvelar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas fittxet li tistabbilixxi li l-persuni li kienu rrifjutaw l-iżvelar ta’ isimhom, wara l-laqgħa, kienu wrew li l-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tagħhom kienet ser tiġi ppreġudikata bl-iżvelar.

136    F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi osservat li, finalment, mill-persuni in kwistjoni, il-Kummissjoni rċeviet rifjut mingħand tnejn minnhom biss, u li hija ma rnexxilhiex tikkuntattja t-tliet persuni l-oħra, li lanqas ma kienet żvelat l-ismijiet tagħhom (ara punt 35 iktar’il fuq).

137    Il-persuni li pparteċipaw f’din il-laqgħa ma setgħux jikkunsidraw li l-opinjonijiet li esprimew f’isem l-entitajiet li huma kienu qegħdin jirrappreżentaw gawdew trattament kunfidenzjali. Għandu jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, il-kwistjoni hija dwar laqgħa li saret fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Minkejja li l-parti li tressaq ilment tista’, fi proċeduri bħal dawn, skond ir-regoli interni tal-Kummissjoni, tagħżel trattament kunfidenzjali, trattament bħal dan mhuwiex previst għall-persuni l-oħra li pparteċipaw fl-investigazzjonijiet. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni żvelat il-minuti, minkejja n-nuqqas ta’ ċerti ismijiet, huwa ċar li hija kkunsidrat li din ma kinitx informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali. Ir-Regolament Nru 45/2001 jeżiġi li l-Kummissjoni żżomm sigriet l-ismijiet tal-persuni li jikkomunikawlha opinjonijiet jew informazzjoni dwar l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha.

138    Rigward l-argument tal-Kummissjoni, li r-rikorrenti qatt ma ssodisfat l-obbligu li tipprova n-neċessità ta’ trasferiment, previst fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, biżżejjed jiġi mfakkar li, kif ikkonstatat fil-punti 107 u 108 iktar’il fuq, ladarba l-iżvelar jagħti effett lill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 u ma jaqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament imsemmi, l-applikant m’għandux bżonn jipprova n-neċessità fis-sens ta’ l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni li l-komunikazzjoni ta’ l-identità tal-parteċipanti ma ppermettietx li jsiru kjarifiki supplementari dwar id-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax jiġi aċċettat.

139    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball fid-dritt meta kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx la skop espliċitu u leġittimu u lanqas in-neċessità li tikseb l-ismijiet tal-ħames persuni li pparteċipaw fil-laqgħa u li opponew ruħhom, wara din il-laqgħa, kontra l-komunikazzjoni ta’ l-identità tagħhom lir-rikorrenti.

140    Hemm ukoll lok li tiġi eżaminata l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni ta’ l-iskopijiet ta’ l-attivitajiet relatati ma’ spezzjoni, investigazzjoni jew verifika

141    Għandu jiġi mfakkar li, skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni ta’ l-iskopijiet ta’ l-attivitajiet ta’ spezzjoni, investigazzjoni u verifika, sakemm l-iżvelar tad-dokument imsemmi mhuwiex iġġustifikat minħabba interess pubbliku superjuri.

142    Minkejja li r-rikorrenti fir-rikors tagħha tirreferi, bi żball, għall-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li r-rikors tagħha jiġi interpretat fis-sens li hija tinvoka t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament, għaliex huwa abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li l-Kummissjoni mmotivat, sussegwentement, ir-rifjut tagħha li tagħti aċċess għall-minuti kompleti. F’kull każ, matul il-laqgħa, ir-rikorrenti rreferiet għat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

143    Għandu jiġi mfakkar li l-istituzzjoni hija obbligata tevalwa, f’kull każ, jekk id-dokumenti li għalihom huwa mitlub l-iżvelar jaqgħux effettivament taħt l-eċċezzjonijiet imsemmija fir-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti.

144    Dan il-każ jirrigwarda minuti ta’ laqgħa li seħħet fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

145    Madankollu, il-fatt li d-dokument in kwistjoni huwa marbut ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, għalhekk, jikkonċerna l-investigazzjoni, ma jistax minnu nnifsu jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni invokata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 41). Fil-fatt, kif ġie mfakkar iktar’il fuq, kull eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet li taqa’ taħt ir-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi interpretata u applikata strettament (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Settembru 2000, Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑20/99, Ġabra. p. II‑3011, punt 45).

146    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienet digà twettqet meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fit-18 ta’ Marzu 2004. Fil-fatt, hija kienet diġà għalqet il-proċedura ta’ ksur kontra r-Renju Unit fl-10 ta’ Diċembru 1997.

147    B’dan il-mod, f’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk id-dokument relatat ma’ l-attivitajiet ta’ l-investigazzjoni kienx kopert mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, minkejja li l-investigazzjoni kienet spiċċat u l-proċedura ta’ infrazzjoni kienet ingħalqet sitt snin qabel.

148    Il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kellha l-okkażjoni tikkonstata li t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li huwa intiż sabiex jipproteġi “l-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni[jiet] u verifiki” huwa applikabbli biss jekk l-iżvelar tad-dokumenti in kwistjoni għandu mnejn jipperikola t-twettiq ta’ l-attivitajiet ta’ spezzjonijiet, investigazzjonijiet u verifiki (is-sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 109).

149    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din l-eċċezzjoni, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, mhijiex intiża sabiex tipproteġi l-attivitajiet ta’ l-investigazzjoni minnhom infushom, iżda l-iskop ta’ dawn l-attivitajiet, kif jirriżulta mis-sentenza Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq (punt 46) tikkonsisti, fil-każ ta’ proċedura iktar’il fuq, fil-każ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, li l-Istat Membru kkonċernat jiġi mġiegħel jikkonforma ruħu mad-dritt Komunitarju [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il-Kummissjoni, T‑36/04, punt 133] F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet diġà għalqet il-proċedura ta’ ksur kontra r-Renju Unit fl-10 ta’ Diċembru 1997 minħabba li dan ta’ l-aħħar kien emenda l-leġiżlazzjoni in kwistjoni, u għalhekk, ma kienx hemm skop ta’ investigazzjoni u, b’hekk l-għan ta’ l-attivitajiet ta’ investigazzjoni kien intlaħaq. B’dan il-mod, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienet teżisti ebda investigazzjoni, li l-iskop tagħha seta’ jipperikola l-iżvelar tal-minuti li jinkludu l-ismijiet ta’ ċerti rappreżentanti ta’ entitajiet li pparteċipaw għal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, u għalhekk, l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament NRU 1049/2001 ma tapplikax għal dan il-każ.

150    Sabiex tiġġustifika r-rifjut tagħha li tiżvela l-minuti kompleti, il-Kummissjoni terġa’ ssostni li jekk l-ismijiet tal-persuni li pprovdew informazzjoni lill-Kummissjoni setgħu jiġu żvelati kontra l-volontà tagħhom, il-Kummissjoni tiġi mċaħħda minn sors prezzjuż ta’ informazzjoni li jista’ jippreġudika l-kapaċità tagħha li twettaq investigazzjonijiet fuq allegat ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

151    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżami mitlub għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti għandha tkun konkreta. Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 45). Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett għandu jkun raġjonevolment previdibbli u mhux biss ipotetiku. Konsegwentement, l-eżami li trid tagħmel l-istituzzjoni għandu jsir b’mod konkret u għandu jirriżulta mir-raġunijiet tad-deċiżjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 2000, Kuijer vs Il-Kunsill, T‑188/98, Ġabra. p. II‑1959, punt 38 ; tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra. p. II‑1121, punti 69 u 72, u Franchet et Byk vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 115).

152    B’dan il-mod, minkejja li għandu jiġi ammess li n-neċessità li jiġi ppreservat l-anonimat tal-persuni li jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar ksur eventwali tad-dritt Komunitarju tikkostitwixxi skop leġittimu li jista’ jiġġustifika l-fatt li l-Kummissjoni ma tagħtix aċċess sħiħ jew almenu parzjali ta’ ċerti dokumenti, jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet in abstracto dwar il-preġudizzju li l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat bl-ismijiet jista’ jaffettwa l-investigazzjoni tagħha mingħajr ma wriet kif rikjest mil-liġi li l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni ta’ l-iskopijiet ta’ l-investigazzjoni. Għalhekk, ma ġiex muri, f’dan il-każ, li l-iskop ta’ l-investigazzjoni kien ġie konkretament u effettivament ippreġudikat bl-iżvelar tad-data mitluba sitt snin wara li ngħalqet il-proċedura ta’ l-investigazzjoni msemmija.

153    Minbarra dan, kif ġie kkonstatat iktar’il fuq, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tipprovdix għal trattament kunfidenzjali għall-persuni li pparteċipaw fl-investigazzjonijiet, bl-eċċezzjoni tal-persuna li tressaq l-ilment. Jidher li jekk il-Kummissjoni żvelat il-proċess in kwistjoni mingħajr l-ismijiet tal-persuni li ma tawx l-awtorizzazzjoni li jiġi żvelat isimhom, din kienet tal-fehma li, bħala regola ġenerali, l-iżvelar ta’ dan id-dokument ma jaqax taħt l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tar-Regolament Nru 1049/2001.

154    F’dan ir-rigward, ir-referenza tal-Kummissjoni, magħmula waqt is-seduta, għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni (145/83, Gabra. p. 3539), dwar il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali mhijiex rilevanti. Dak il-każ kien jirrigwarda persuna li żvelat informazzjoni dwar prattiċi anti-kompetittivi ta’ min kien iħaddimha u li l-Kummissjoni kellha żżomm sigriet. Din il-persuna kienet speċifikament talbet mill-bidu tal-proċedura sabiex l-identità tagħha ma tiġix żvelata. Madankollu, f’dan il-każ, kif ġie osservat iktar’il fuq, il-Kummissjoni ma wrietx li, waqt il-parteċipazzjoni fil-laqgħa in kwistjoni, il-persuni kkonċernati setgħu jikkunsidraw li huma kienu jibbenefikaw minn trattament kunfidenzjali jew li huma kienu talbu lill-Kummissjoni sabiex ma tiżvelax l-identità tagħhom. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat iktar’il fuq, peress li l-Kummissjoni żvelat il-minuti, minkejja li ċerti ismijiet kienu nieqsa, għandu jiġi kkonstatat li hija kkunsidrat li huma ma kinux informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali. Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda argument intiż sabiex juri kif l-iżvelar ta’ l-ismijiet tal-persuni li wrew ir-rifjut tagħhom seta’ jistabbilixxi attivitajiet eventwali ta’ investigazzjoni kkonċernati f’dan il-każ.

155    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti bbażati fuq il-protezzjoni ta’ l-iskop ta’ l-attivitajiet ta’ investigazzjoni ma jistgħux jintlaqgħu.

156    Konsegwentement, mhemmx lok li tiġi eżaminata l-eventwali eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument imsemmi.

157    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-minuti kompleti tal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, li jinkludu l-ismijiet kollha, ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet previsti fit-tielet inċiz ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

158    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

159    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

160    Skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tordna li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, intervenjenti in sostenn tar-rikorrenti, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Marzu 2004, li tirrifjuta l-applikazzjoni għal aċċess għall-minuti kompleti tal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, li jinkludu l-ismijiet kollha, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż ta’ The Bavarian Lager Co. Ltd.

3)      Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Novembru 2007.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.