Language of document : ECLI:EU:C:2011:321

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÒN

ippreżentati fid-19 ta’ Mejju 2011 (1)

Kawża C‑447/09

Reinhard Prigge

Michael Fromm

Volker Lambach

vs

Deutsche Lufthansa AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja)]

“Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Artikolu 2(5) – Artikolu 4(1) – Artikolu 6(1) – Artikoli 21 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Ftehim kollettiv li jistabbilixxi t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol mas-sittin sena (‘irtirar furzat’) tal-pilotii ta’ kumpannija tal-ajru – Sigurtà tal-avjazzjoni – Awtonomija tan-negozjar kollettiv –Rekwiżiti professjonali ġenwini u determinanti – Politika soċjali – Proporzjonalità”





I –    Introduzzjoni

1.        B’din id-domanda preliminari, il-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ftehim kollettiv li jimponi t-tmiem ta’ relazzjoni tax-xogħol tal-pilotii ta’ kumpannija tal-ajru fl-età ta’ 60 sena, għall-finijiet li tiġi żgurata s-sigurtà tal-avjazzjoni, jiksirx id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (2), jew il-prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

2.        Għalhekk, din il-kawża toffri l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha fuq il-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-kuntest tar-relazzjonijiet industrijali (3) fir-rigward, għal darba oħra, ta’ klawżola fi ftehim kollettiv li tistabbilixxi t-tmiem ta’ relazzjoni tax-xogħol meta l-ħaddiem ikun għalaq età partikolari meta joqrob għall-irtir (4). B’mod iżjed konkret, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiżviluppa din il-ġurisprudenza miż-żmien meta l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet id-duttrina tagħha fis-sentenza reċenti Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq. L-elementi li jikkaratterizzaw din il-kawża huma essenzjalment tnejn. Fl-ewwel lok, it-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol huwa stabbilit, mhux ta’ 65 sena (mument li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’termini globalment favorevoli, mingħajr il-bżonn li wieħed jidħol f’iktar dettalji issa), imma f’mument deċiżament qabel, ta’ 60 sena; u, fit-tieni lok, il-każ ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża jirrigwarda professjoni, dik ta’ pilota (5), li l-eżerċizzju tagħha, biex ngħid hekk, għandu “terminu ta’ validità” (65 sena, skont ir-regoli internazzjonali). Meta wieħed jieħu bħala punt ta’ tluq din l-aħħar partikolarità tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tiġi mistiedna tikkunsidra li l-garanzija tan-negozjar kollettiv jagħmel parti mill-għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Minkejja dan, l-eżami tal-portata fiż-żmien tad-dispożizzjoni konkreta kkontestata, mil-lat tal-proporzjonalità tagħha, iwassalna għall-konklużjoni li din ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Ir-regoli internazzjonali

3.        Fil-15 ta’ April 2003 l-Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni (6) adottaw regolament konġunt tal-avjazzjoni – liċenzji u kwalifiki tal-persunal tal-avjazzjoni (Joint Aviation Requirements – Flight Crew Licensing 1.060a, iktar ’il quddiem “JAR-FCL 1.060a”), li kien jinkludi dispożizzjonijiet preċiżi fuq ir-restrizzjonijiet applikabbli għad-detenturi ta’ liċenzji tat-titjir mill-età ta’ 60 sena. B’mod partikolari, jistabbilixxi li, bejn l-età ta’ 60 u 64 sena, id-detentur ta’ liċenzja ta’ pilota ma jkunx jista’ jeżerċita l-attività ta’ pilota ta’ ajruplan ta’ trasport kummerċjali, ħlief jekk ikun membru ta’ ekwipaġġ kompost minn diversi piloti, u jekk il-piloti l-oħrajn ikollhom l-età ta’ inqas minn 60 sena. Min-naħa l-oħra, detentur ta’ liċenzja ta’ pilota li għandu iktar minn 65 sena ma jistax jeżerċita l-attività ta’ pilota abbord ajruplan ta’ trasport kummerċjali.

4.        Fid-29 ta’ April 2003, dan ir-regolament ġie ppubblikat mill-Ministeru Federali tat-Trasport, tal-Kostruzzjoni u tal-Akkomodazzjoni fil-Bundesanzeiger nru 80a.

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

5.        L-Artikolu 21(1) ta’ din il-Karta jgħid li “[k]ull diskriminazzjoni bbażata fuq [...] l-età [...] għandha tkun projbita”.

6.        L-Artikolu 28 tal-Karta jgħid li “Il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi […]”.

2.      Id-Direttiva 2000/78

7.        Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-iskop tad-Direttiva 2000/78 “huwa li tniżżel parametru [tistabbilixxi qafas] ġenerali biex tikkumbatti [d-]diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

8.        L-Artikolu 2(5) ta’ din id-Direttiva jistipula li din “id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

9.        L-Artikolu 4(1) tad-direttiva, jistabbilixxi li minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), “l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat”.

10.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6 li speċifikament jirregola l-ġustifikazzjoni għad-differenzi ta’ trattament ibbażati fuq l-età, jgħid fl-ewwel paragrafu tiegħu li:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a) l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b) l-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

c) l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

C –    Id-dritt Ġermaniż

1.      Il-liġi fuq ix-xogħol part time u l-kuntratti għal żmien determinat

11.      L-Artikolu 14 tal-liġi Ġermaniża fuq ix-xogħol part time u l-kuntratti għal żmien determinat (Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge, iktar ’il quddiem it-“TzBfG”) tal-21 ta’ Diċembru 2000 (7) jistipula li huwa leċitu li wieħed jikkonkludi kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat meta teżisti raġuni oġġettiva biex isir dan.

2.      Il-liġi ġenerali fuq it-trattament ugwali

12.      Id-Direttiva 2000/78 kienet ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż bl-adozzjoni tal-liġi ġenerali fuq it-trattament ugwali tal-14 ta’ Awwissu 2006 (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz, iktar ’il quddiem l-“AGG”) (8). L-Artikoli 8 u 10 ta’ din il-liġi jirriproduċu fedelment biżżejjed il-kliem, rispettivament tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

3.      Id-dispożizzjonijiet fuq il-limitazzjoni tal-liċenzji tat-titjir fiż-żmien

13.      Minn naħa, l-Artikolu 20(2) tad-digriet dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa fir-rigward tat-traffiku bl-ajru (Luftverkehrs-Zulassungs-Ordnung, iktar ’il quddiem il-“LuftVZO”) (9) jirriferi, għal dak li jirrigwarda s-sistema tal-kundizzjonijiet kollha dwar il-liċenzja tat-titjir, għar-regolament dwar il-persunal tal-kumpanniji tal-ajru (Verordnung über Luftfahrtpersonal) u, parallelament, jiddikjara li l-JAR-FCL 1.060a, iċċitat iktar ’il fuq, japplika għall-piloti privati, għall-piloti professjonali u għall-piloti tal-linji tal-linji tal-ajru f’ekwipaġġi b’diversi membri.

14.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 tal-ewwel regolament tal-implementazzjoni tar-regolament dwar il-persunal tal-kumpanniji tal-ajru (Erste Durchführungsverordnung zur Verordnung über Luftfahrtpersonal, iktar ’il quddiem l-“ewwel DV LuftPersV”) tal-15 ta’ April 2003 (10) jistabbilixxi li d-detentur ta’ liċenzja ta’ pilota professjonali jew ta’ pilota ta’ linja tal-ajru mogħtija fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jew ta’ liċenzja miksuba skont l-Artikolu 46(5) tal-LuftPersV jista’, mal-età ta’ 60 sena u sal-età ta’ 65 sena, jeżerċita d-drittijiet li jirriżultaw minn din il-liċenzja f’ajruplani li l-ekwipaġġ tagħhom huwa kompost tal-inqas minn pilota wieħed, użati fit-trasport kummerċjali tal-passiġġieri, tal-posta u/jew tal-merkanzija, fil-limiti tat-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

4.      Il-ftehim kollettiv

15.      Fl-aħħar nett, id-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata direttament f’din il-kawża hija l-Artikolu 19(1) tal-ftehim kollettiv ġenerali nru 5a, dwar l-ekwipaġġ tad-Deutsche Lufthansa (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv nru 5a”), li jirregola r-relazzjonijiet industrijali tal-partijiet fil-kawża prinċipali. Dan l-Artikolu 19 jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu tal-14 ta’ Jannar 2005: “Ir-relazzjoni tax-xogħol tintemm – mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-kuntratt jiġi mħassar – fl-għeluq tax-xahar tal-età ta’ sittin sena [...]”. Minn dak il-mument, il-piloti affettwati minn din id-dispożizzjoni jirċievu remunerazzjoni tranżitorja (11).

16.      Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li, f’kumpanniji tal-ajru oħrajn tal-grupp Lufthansa, il-piloti jżommu l-impjieg tagħhom sal-età ta’ 65 sena.

III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17.      R. Prigge, M. Fromm u V. Lambach ħarrku quddiem l-Arbeitsgericht Frankfurt am Main il-kumpannija tal-ajru Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem id-“Deutsche Lufthansa”), li magħha kienu jaħdmu bħala piloti u kaptani, kontra d-deċiżjoni tagħha li kkunsidrat li r-relazzjonijiet tax-xogħol rispettivi tagħhom kienu ntemmu hekk kif għalqu l-età ta’ 60 sena ffissata fil-ftehim kollettiv nru 5a, li kien japplika għalihom. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li d-deċiżjoni inkwistjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tmur kontra d-Direttiva 2000/78 u l-AGG.

18.      L-Arbeitsgericht ċaħdet it-talba tagħhom, imbagħad il-Landesarbeitsgericht Hessen ċaħdet l-appell tagħhom. Il-persuni kkonċernati appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-Bundesarbeitsgericht kontra din is-sentenza mogħtija fl-appell.

19.      Il-Bundesarbeitsgericht, li kkunsidrat li s-soluzzjoni ta’ dan l-appell tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ diversi artikoli tad-Direttiva 2000/78, kif ukoll mill-prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

“L-Artikolu 2(5), l-Artikolu 4(1) u/jew l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol u/jew il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jipprojbixxi diskriminazzjoni minħabba fl-età għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirrikonoxxu dispożiżżjoni fi ftehim kollettiv li tipprovdi għal limitu ta’ età ta’ 60 sena għall-piloti sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fl-avjazzjoni?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      Id-domanda preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Novembru 2009.

21.      Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, il-Kummissjoni u, b’nota konġunta, it-tliet rikorrenti fil-kawża prinċipali (R. Prigge, M. Fromm u V. Lambach).

22.      Fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2011 kienu preżenti, biex jittrattaw oralment, ir-rappreżentanti ta’ R. Prigge, M. Fromm u V. Lambach, tal-Kummissjoni, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-Irlanda.

V –    Osservazzjonijiet preliminari

23.      Qabel ma ngħaddi għar-risposta għal din id-domanda preliminari magħmula mill-Bundesarbeitsgericht, jidhirli li huwa opportun li nagħmel xi kunsiderazzjonijiet, l-ewwel waħda fuq il-formulazzjoni tad-domanda stess, u mbagħad, kemm fuq il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni li qed nittrattaw u fuq ir-rwol, f’din il-kawża, tad-dritt għal negozjar kolletiv.

A –    Fuq il-formulazzjoni tad-domanda

24.      L-ewwel nett, għandha ssir osservazzjoni fuq iż-żewġ punti tad-dritt tal-Unjoni li qed tintalab l-interpretazzjoni tagħhom fir-rigward tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali: f’din l-ordni, regola tad-dritt sekondarju, id-Direttiva 2000/78, u prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, dak tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li hija l-bażi ta’ din ir-regola, u li fil-konfront tagħha, din id-direttiva, hija l-konkretizzazzjoni.

25.      Meta nibdew mill-element fl-ogħla livell, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, speċjalment fis-settur tar-relazzjonijiet industrijali, hija effettivament prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dan ilu magħruf mill-inqas mill-2005 meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet hekk fis-sentenza tagħha Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, u dan ma huwiex qed jiġi kkontestat f’din il-kawża. Fil-fatt minn dakinhar, il-ġurisprudenza, kemm jekk espliċitament kif ukoll jekk taċitament, applikat dan il-prinċipju prattikament dejjem fil-kuntest tad-Direttiva 2000/78 invokata f’kull każ.

26.      Għalkemm, meta ngħatat is-sentenza Mangold, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni kienet diġà ġiet ippromulgata solennement u kien fiha projbizzjoni espressa tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età (l-Artikolu 21), huwa biss wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li din kisbet l-effett sħiħ ġuridiku tagħha, bil-grad ta’ dritt primarju, u magħha, din it-tip ta’ diskriminazzjoni invokata, li hija l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ta’ qabel tal-aħħar imsemmija f’dak l-artikolu. Fil-fehma tiegħi, dan ifisser li din il-projbizzjoni, peress li kisbet l-istatus ta’ “kostituzzjoni miktuba”, il-bażi ewlenija ta’ dan il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fid-dritt tal-Unjoni hija l-Artikolu 21 tal-Karta. Din l-affermazzjoni għandha tinftiehem mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-tieni (qasam ta’ kompetenza tal-Unjoni) u t-tielet paragrafi (Titolu VII tal-Karta u l-interpretazzjonijiet) tal-Artikolu 6(1) UE (li jagħmlilna riferiment, b’mod partikolari, għall-Artikolu 13 KE li sar l-Artikolu 19 TFUE, minn naħa, u għall-Artikolu 52 tal-Karta, min-naħa l-oħra). Fi kliem ieħor, għalkemm l-affermazzjoni tas-sentenza Mangold (li ġiet imtennija fis-sentenza Kücükdeveci (12)) li tgħid li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jsib “is-sors [tiegħu] […], f’diversi strumenti internazzjonali u t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta’ l-Istati Membri” (13) tibqa’ għal kollox valida, jibqa’ l-fatt li dan il-prinċipju ġie kkonkretizzat fil-“Karta ta’ Lisbona”, b’mod li, wieħed jitlaq minn din il-bażi biex il-prinċipju jkun jista’ jiżvolġi l-possibbiltajiet u l-limiti tal-effetti tiegħu (14).

27.      Fir-rigward tar-regola tad-dritt sekondarju, id-Direttiva 2000/78, ftit hemm x’jingħad iżjed f’dan l-istadju. Biżżejjed jingħad li, fl-ewwel lok, id-direttiva tidher bħala r-regola li “timplementa” il-kompetenza tal-Unjoni fuq is-suġġett u li ssir, f’dan is-sens, il-kundizzjoni tat-twettiq tagħha fil-qafas tal-Unjoni. U, fit-tieni lok, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-direttiva “tikkonkretizza”, fil-qasam li huwa tagħha, il-prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età (15).

28.      L-aħħar partikolarità tal-formulazzjoni tad-domanda hija li tinkludi d-dikjarazzjoni li l-klawżola kuntrattwali kkontestata “ssib il-bażi tagħha fil-garanzija tas-sigurtà tal-avjazzjoni”. Għandu jiġi rrilevat hawnhekk li din il-klawżola ma fiha l-ebda preċiżazzjoni fuq dan is-suġġett, iżda tittratta pjuttost żieda li hija spjegabbli bil-fatt li l-Bundesarbeitsgericht aċċettat dan bħala ġustifikazzjoni oġġettiva tad-dispożizzjoni inkwistjoni, u dak li jinteressa lill-qorti tar-rinviju huwa jekk din il-ġurisprudenza ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-AGG hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

29.      Issa, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun limitata minn dawn it-termini stretti, kif wara kollox tipproponi l-Kummissjoni, ma tissodisfax l-għan li tingħata risposta utli lill-Bundesarbeitsgericht. Nikkunsidra li dak li jinteressa lill-qorti tar-rinviju huwa jekk ,meta ttemm prematurament ir-relazzjoni tax-xogħol, il-klawżola hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, kemm jekk dan ikun jew le għal raġunijiet li l-ġurisprudenza nazzjonali tat lil din it-tip ta’ dispożizzjoni.

30.      Bħala konsegwenza għal dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li d-domanda għandha terġa’ tiġi fformulata kif ġej:

“L-Artikolu 2(5), l-Artikolu 4(1) u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu li ftehim kollettiv jistabbilixxi limitu ta’ età ta’ 60 sena għall-piloti?”

B –    Fuq l-età bħala raġuni ta’ diskriminazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tar-relazzjonijiet industrijali

31.      Il-projbizzjonijiet espressi ta’ diskriminazzjoni għandhom storja twila fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. Il-membri tal-komunità politika u, iktar inġenerali, il-bnedmin, huma ugwali fid-dinjità, fis-sens tad-dinjità tal-persuna, u din id-dinjità umana tittraduċi ruħha f’numru, fil-bidu ristrett, ta’ projbizzjonijiet speċifiċi ta’ diskriminazzjoni, li l-formulazzjoni tagħhom għandhom rabta mill-qrib mal-istat tal-evoluzzjoni tal-kultura kostituzzjonali tagħna (16). Bħalissa, l-Artikolu 21 tal-Karta, fil-kontinwità diretta tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza li hemm fl-Artikolu 20 tagħha, jenumera xi ħmistax-il raġuni ta’ diskriminazzjoni pprojbita, li minnhom dik ta’ qabel tal-aħħar hija l-età.

32.      Din il-pożizzjoni tal-“età” fl-enumerazzjoni diġà turi li din ma hijiex eżattament l-iktar waħda antika jew “klassika” tal-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni. Dan ma jfissirx, madankollu, li l-importanza tagħha hija inqas mill-oħrajn. Iżda ġġiegħel lil wieħed jaħseb li bla dubju l-modernità tagħha hija kriterju ta’ nondiskriminazzjoni li għadu qed jiġi kkonsolidat u huwa suġġett ta’ proċess ta’ kostruzzjoni ta’ konsensus soċjali u politiku f’ċerti dimensjonijiet tiegħu.

33.      Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjoni fiha nnifisha ma tagħmel l-ebda “differenza ta’ trattament” fir-rigward tal-kriterji differenti ta’ diskriminazzjoni: għal kull wieħed fosthom, “kull” diskriminazzjoni hija pprojbita bl-istess mod. Fuq kollox, id-differenzi jirriżultaw, skont kemm jiġru, skont l-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni. Dak li huwa rilevanti, huwa li, lil hinn minn dan kollu, id-diversità tiddomina fost id-diversi “realtajiet” murija fid-dispożizzjoni li telenka d-diversi regoli ta’ nondiskriminazzjoni.

34.      Għalhekk, fil-każ tal-età, l-ispeċifiċità tagħha kienet ġiet enfasizzata diġà mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Lindorfer vs Il-Kunsill, fi kliem li ma għandu bżonn l-ebda kumment: “trattament ugwali irrispettivament mis-sess illum huwa meqjus bħala prinċipju fundamentali u suprem li għandu jiġi osservat u infurzat kull fejn possibbli, filwaqt li l-idea ta’ trattament ugwali irrispettivament mill-età huwa suġġett għal għadd kunsiderevoli ta’ kwalifiki u eċċezzjonijiet, bħal limiti ta’ età ta’ diversi tipi, ta’ spiss b’forza legali vinkolanti, li jitqiesu mhux biss bħala aċċettabbli iżda wkoll bħala effettivament ta’ benefiċċju u xi kultant essenzjali” (17). Mingħajr dubju dan jgħodd għall-qasam tant partikolari bħar-relazzjonijiet industrijali. Dan iwassalna għal perspettiva distinta.

35.      Il-kunsiderazzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji ġenerali fil-qafas tar-relazzjonijiet industrijali tirrifletti, effettivament, iż-żogħżija relattiva tad-“dimensjoni orizzontali” ta’ dawn id-drittijiet u prinċipji, jiġifieri tar-relazzjonijiet bejn l-individwi kif inhuma, fil-maġġoranza, b’mod partikolari, dawk li jimpjegaw (18).

36.      Il-projbizzjonijiet tad-diskriminazzjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet industrijali għandhom ċerta anzjanità fid-dritt tal-Unjoni, kemm fid-dritt primarju kif ukoll fid-dritt sekondarju (19). Il-projbizzjoni li tirrigwarda l-“età” ġiet żviluppata u kkonkretizzata bid-dħul tagħha fid-Direttiva 78/2000, flimkien ma’ tliet kriterji oħrajn ta’ nondiskriminazzjoni (reliġjon jew konvinzjonijiet, diżabbiltà u orjentazzjoni sesswali) (20).

37.      Id-direttiva fundamentalment tirriżerva trattament uniformi għal dawn l-erba’ kriterji. Madankollu ser naraw kif, fil-każ tal-età, din tintroduċi kategorija, il-“ġustifikazzjonijiet” ta’ ċerti każijiet ta’ differenza ta’ trattament (l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva) li ma teżistix fil-każ tal-oħrajn, u lanqas fiż-żewġ direttivi l-oħrajn.

38.      Hija din id-differenza li tippermetti li jinqasmu f’żewġ gruppi t-tliet dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 msemmijin espressament mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari tagħha. Dawn id-dispożizzjonijiet kollha jiddelimitaw fin-negattiv, b’mod jew ieħor, il-kuntest jew l-effettività tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fid-dinja tax-xogħol u, b’dan il-mod, jistgħu eventwalment jiġu invokati sabiex jilleġittimaw il-miżura kkontestata. Madankollu, il-portata tagħhom hija differenti ħafna.

39.      L-ewwel grupp ta’ dispożizzjonijiet, li jinkludi l-Artikolu 2(5) u l-Artikolu 4(1) huwa pproġettat fuq erba’ kategoriji ta’ projbizzjonijiet tad-diskriminazzjoni fil-qasam professjonali u tax-xogħol, l-għan speċifiku ta’ din id-direttiva. Għalhekk dawn jippermettu, mhux biss li tiġi relativizzata l-kunsiderazzjoni tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, iżda wkoll id-diskriminazzjoni għal raġunijiet reliġjużi jew ideoloġiċi, ta’ diżabbiltà jew ta’ orjentazzjoni sesswali (21). Ir-raġunijiet invokati f’dawn l-ewwel żewġ każijiet għandhom b’hekk ikunu ta’ piż. Huwa għalhekk li l-Artikolu 2(5) juża lingwaġġ li jevoka xi ftit il-limitazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali (l-Artikolu 52 tal-Karta) u li l-Artikolu 4(1) juża l-effett kumulattiv ta’ żewġ aġġettivi kemmxejn ambigwi: “ġenwina u determinanti”.

40.      Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(1) li jifforma t-tieni grupp imsemmi, huwa dispożizzjoni speċifikament intiża għall-“ġustifikazzjoni” tad-diskriminazzjonijiet – inklużi dawk diretti – ibbażati fuq l-età. L-Artikolu 6(1) iwessa’ b’dak il-mod il-possibbiltajiet ta’ deroga – dejjem speċifika, proporzjonata u ġustifikata – għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni meta r-raġuni tkun l-età. Dan l-artikolu tad-direttiva, flimkien mal-ħamsa u għoxrin premessa tagħha, jippermetti li tintuża, għal dak li jikkonċerna din ir-raġuni, terminoloġija (differenzi ta’ trattament “ġustifikati”) li tkun iktar diffiċli li tiġi aċċettata meta, pereżempju, ikun hemm il-kwistjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali jew fuq l-oriġni etnika.

C –    Id-dritt għan-negozjar kollettiv

41.      Kif wieħed jista’ jiddeduċi diġà mill-ġurisprudenza preċedenti (22), il-fatt li d-dispożizzjoni kkontestata tagħmel parti minn ftehim kollettiv u għalhekk tirriżulta mill-eżerċizzju mill-imsieħba soċjali tad-dritt għan-negozjar kollettiv (Artikolu 28 tal-Karta), iħalli riperkussjonijiet fuq il-kwistjoni. Dan l-element, flimkien ma’ partikolaritajiet oħrajn tal-każ inkwistjoni, iwasslu għall-kunsiderazzjoni tal-implikazzjonijiet kollha ta’ dan il-fatt, b’mod usa’ milli f’dawk il-każijiet meħtieġa miċ-ċirkustanzi fattwali madwar il-każijiet l-oħrajn li ġew deċiżi fil-passat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jidhirli li tajjeb li l-ewwel nagħmel osservazzjoni fuq il-portata tad-dritt għan-negozjar kollettiv, biex nirriżerva għall-iktar tard l-eżami tal-effett konkret tiegħu f’dan il-każ partikolari.

42.      Id-dritt li preżentement hemm fl-Artikolu 28 tal-Karta jwassal għall-kunċett ta’ “awtonomija tan-negozjar kollettiv”. Din l-awtonomija hija element ewlieni sabiex wieħed jifhem l-evoluzzjoni tad-dritt Ewropew tax-xogħol, li madwaru jinbnew ir-regoli tas-sistemi demokratiċi ta’ rappreżentazzjoni u jiġu stabbiliti l-limiti tal-liġi fil-konfront tal-libertà sindakali (23). Lil hinn mid-differenzi li l-kunċett tal-ftehim kollettiv jippreżenta skont l-Istati Membri (24), l-awtonomija tan-negozjar kollettiv tgawdi minn rikonoxximent partikolari fit-tradizzjoni ġuridika tagħhom (25).

43.      Għalhekk, il-garanzija tan-negozjar kollettiv tippresupponi r-rikonoxximent tar-rwol ċentrali li l-ftehim ikollu fir-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet industrijali, li jikkostitwixxi l-kamp ta’ azzjoni naturali tiegħu, filwaqt li dejjem jiġi żgurat bilanċ raġonevoli tagħhom mal-liġi u, b’mod partikolari, mad-dritt tal-Unjoni. Qari tal-ġurisprudenza jikkonferma li l-Qorti tal-Ġustizzja tfittex li tiżgura dan il-punt diffiċli ta’ bilanċ.

44.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa leċitu għall-Istati Membri li “jħallu t-twettiq tal-prinċipju tal-ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet l-ewwel nett għall-imsieħba soċjali”, iżda ppreċiżat li “madankollu din il-fakultà ma teħlishomx mill-obbligu li jiżguraw, b’miżuri leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi xierqa, li l-ħaddiema kollha tal-Komunità jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni prevista mid-direttiva fil-portata kollha tagħha” (26).

45.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet ikkonfrontata wkoll b’diversi każijiet fejn id-dritt għan-negozjar kollettiv, eżerċitat “skond […] il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali” (27) huwa invokat bħala limitu għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, fis-sentenza Albany (28), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehim kollettiv intiż biex itejjeb il-kundizzjonijiet ta’ impjieg u tax-xogħol ma jirrigwardax ir-regoli fuq il-kompetizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (li kien l-Artikolu 81 KE). Għall-kuntrarju, ġurisprudenza estensiva affermat mill-ġdid li l-ftehim kollettiv ma huwiex eżentat mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet sanċiti fit-Trattat (29) u, b’mod iktar konkret, li l-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fir-remunerazzjoni bejn ħaddiema rġiel u nisa, kif jidher fit-Trattati (suċċessivament, l-Artikoli 119 KE u 141 KE, attwalment l-Artikolu 157 TFUE) u fid-dritt sekondarju, japplika għall-ftehim kollettiv meta jkun hemm regola imperattiva (30). L-Artikolu 19 TFUE ma huwiex, b’differenza mal-Artikolu 157 TFUE, regola intiża għall-Istati Membri (huwa regola ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenza lill-Kunsill), iżda kemm id-Direttiva 2000/78 kif ukoll, evidentement, l-Artikolu 21 tal-Karta għandhom din in-“natura imperattiva” li teħtieġ il-ġurisprudenza.

46.      Għandu jiġi konkluż, minn ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq li, għalkemm ftehim kollettiv ma jikkostitwixxix kamp eskluż mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (bl-istess mod kif ma huwiex, mill-aspett tad-dritt intern, kamp assolutament meħlus mir-rispett tal-liġi) l-awtonomija tan-negozjar kollettiv jimmerita protezzjoni adegwata fil-qafas tal-Unjoni.

VI – Analiżi tad-domanda preliminari

47.      Id-domanda magħmula mill-Bundesarbeitsgericht, kif ifformulata, timmira għall-kunsiderazzjoni suċċessiva tal-possibbiltà li d-dispożizzjoni kkontestata tirrigwarda l-Artikolu 2(5) u l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta.

A –    Fuq l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva: l-esklużjoni mid-direttiva tal-miżuri adottati eventwalment mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala meħtieġa għas-sigurtà pubblika u għall-protezzjoni tas-saħħa

48.      Skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, din id-direttiva “m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.” B’din id-dispożizzjoni, applikabbli għar-raġunijiet kollha ta’ diskriminazzjoni koperti mid-direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju jirrikonoxxi l-possibbiltà ta’ kontradizzjoni bejn il-protezzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali fil-qasam tal-impjieg u l-istrumenti ta’ garanzija ta’ drittijiet u valuri fundmentali oħrajn, filwaqt li tingħata prijorità eċċezzjonali għal dawn tal-aħħar.

49.      B’mod partikolari, dan l-Artikolu 2 jipprevedi tliet tipi ta’ miżuri meħtieġa f’soċjetà demokratika: dawk meħtieġa għas-sigurtà pubblika (fosthom jiċċita, b’mod partikolari, id-difiża tal-ordni pubbliku u l-prevenzjoni tar-reati kriminali), il-miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa u, fl-aħħar nett, dawk intiżi li jiggarantixxu d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini inġenerali.

50.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-protezzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni, marbuta ma’ din id-dispożizzjoni, tistax tiġġustifika l-miżura kkontestata. Diffiċli li wieħed jiċħad li l-protezzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata ukoll mil-lat tas-sigurtà pubblika kif ukoll, kif jipproponi l-Gvern Ġermaniż, bħala miżura ta’ protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini (kemm jekk bħala membri tal-ekwipaġġ, jew passiġġieri tal-ajru jew abitanti ta’ żoni li jsir titjir minn fuqhom). Jiena nikkunsidra li, fil-prinċipju, huwa f’dan l-Artikolu 2(5) li miżura intiża li tiggarantixxi s-sigurtà tat-traffiku tal-ajru ssib eventwalment il-bażi naturali tagħha.

51.      Issa huwa fatt li, l-ewwel nett, id-dispożizzjoni inkwistjoni teħtieġ l-adozzjoni tal-miżura permezz ta’ “leġiżlazzjoni nazzjonali” kliem li huwa volontarjament iktar restrittiv mill-formula iktar ġenerali “l-Istati Membri jistgħu jipprovdu” li jużaw, kif ser naraw iktar ’il quddiem, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Għalkemm għandu jiġi rikonoxxut li t-terminoloġija użata ma hijiex għal kollox nieqsa minn ekwivoċi, il-qari tagħha mal-bqija tas-sentenza jippermetti li wieħed jifhem li l-kunsiderazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal deroga tad-direttiva għandhom fi kwalunkwe każ tal-inqas joriġinaw minn poteri pubbliċi (31). Jekk ma jkunx hekk, l-adozzjoni ta’ miżura li għandha dawn il-karatteristiċi għall-imsieħba soċjali partikolari, b’mod awtonomu, tidher li ma tissodisfa bl-ebda mod mal-ħtiġijiet tal-Artikolu 2(5) tad-direttiva.

52.      Min-naħa l-oħra, għalkemm ċertament l-imsieħba soċjali jistgħu jikkunsidraw, fin-negozjar kollettiv, għanijiet li bħala regola ma jaqgħux fil-kamp ta’ azzjoni tagħhom, l-Artikolu 2(5) jirriferi espressament għal miżuri li huma “neċessarji” għat-twettiq tal-għanijiet iċċitati. Fil-fehma tiegħi, dan l-aġġettiv mhux biss jirriferi għan-neċessità li jsir stħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni fir-rigward tal-għan indikat, imma jenfasizza wkoll in-natura essenzjali li għandu jkollha għat-twettiq ta’ dak l-għan. In-natura eċċezzjonali ta’ kull deroga għall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni (li huwa, ma ninsewx, is-suġġett ta’ dan l-artikolu) tispjega li dawn ma humiex miżuri li ma jikkontribwixxux ħlief b’mod aċċessorju għas-sigurtà jew saħħa pubblika, iżda huma biss dispożizzjonijiet adottati speċifikament għal dawn l-għanijiet li jimmeritaw protezzjoni speċjali.

53.      Fl-aħħar nett, nikkunsidra li l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet għall-ordni pubbliku u s-sigurtà u s-saħħa pubblika hija kompetenza inerenti, min-natura tagħha, fl-awtoritajiet nazzjonali, li essenzjalment ma taqax fil-qasam ta’ azzjoni proprja tan-negozjar kollettiv, ħlief għall-possibbiltà ta’ ċertu effett indirett u, fi kwalunkwe każ, sekondarju. Għalhekk, dawn ma humiex kwistjonijiet li jistgħu jitpoġġew għal-liberu arbitriju tal-partijiet u, minħabba f’hekk, joħorġu mill-kamp leġittimu ta’ intervent tal-imsieħba soċjali (32). L-għanijiet tal-Artikolu 2(5) jeħtieġu azzjoni, prattikament, assolutament uniformi, u inkompatibbli b’hekk, man-negozjar kollettiv li jagħti lok għal regolamentazzjoni li minnha nnifisha għandha natura plurali (33).

54.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra għalhekk li l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 ma jippermettix li jiġi ġġustifikat li ftehim kollettiv jistabbilixxi r-regola tat-tmien tar-relazzjoni tax-xogħol tal-piloti fl-età ta’ 60 sena bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-avjazzjoni.

B –    Fuq l-Artikolu 4(1) tad-direttiva: is-sistema partikolari tar-rekwiżiti professjonali ġenwini u determinati

55.      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jippermetti lill-Istati Membri li “jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat”.

56.      Ir-regola li fiha din id-dispożizzjoni (trasposta fid-dritt Ġermaniż bl-Artikolu 8 tal-AGG u potenzjalment applikabbli, hemmhekk ukoll, għar-raġunijiet kollha ta’ diskriminazzjoni koperti mid-direttiva) tibqa’ subordinata għall-koinċidenza ta’ kundizzjonijiet stretti ħafna: fl-ewwel lok, il-miżura diskriminatorja għandu jkollha “għan leġittimu”; fit-tieni lok, għandha tkun ibbażata fuq “karatterisitika relatata” mar-raġuni ta’ diskriminazzjoni; fl-aħħar nett, din il-karatteristika diskriminatorja għandha tkun rekwiżit professjonali “ġenwin u determinanti” kif ukoll proporzjonat.

1.      Għan leġittimu

57.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-għan allegat, jiġifieri s-sigurtà tal-avjazzjoni, biżżejjed jiġi indikat li, filwaqt li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjnijiet fuq il-possibbiltà li jiġi invokat fil-kuntest tan-negozjar kollettiv, dan l-objettiv jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu skont dan l-artikolu.

2.      Differenza ta’ trattament ibbażata fuq “karatteristika relatata” mar-raġuni ta’ diskriminazzjoni

58.      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(1) jippermetti li tiġi ġġustifikata differenza ta’ trattament “bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1”. Din il-formulazzjoni tistieden li ssir distinzjoni bejn ir-raġuni ta’ diskriminazzjoni proprja u l-karatteristika li magħha hija marbuta. Hija din tal-aħħar li għandha tikkostitwixxi “ħtieġa ġenwina u determinanti” sabiex tiġi ġġustifikata d-differenza ta’ trattament, u mhux ir-raġuni ta’ diskriminazzjoni fiha nnifisha (34).

59.      F’dan il-każ preżenti, ir-raġuni ta’ diskriminazzjoni hija evidentement l-età, filwaqt li l-“karatteristika relatata” mal-età hija kkostitwita, f’dan il-każ, minn ċerti fakultajiet fiżiċi jew psikiċi li t-telfien tagħhom jiżdied bl-età, u f’din il-kawża dan jittraduċi ruħu bl-għażla ta’ limitu fl-età, stabbilit, biex wieħed jgħid hekk, a priori.

3.      Rekwiżit professjonali “ġenwin u determinanti”

60.      Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni ta’ rekwiżit professjonali “ġenwin u determinati”, l-Artikoli 4(1) ma fihx ekwivoċi: l-aġġettiv doppju “ġenwin u determinanti” jippreskrivi b’mod ċar interpretazzjoni stretta tal-possibbiltajiet miftuħin minn din id-dispożizzjoni “bħala deroga għal dritt individwali sanċit mid direttiva” (35). Dan jirriżulta wkoll mit-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/78 li tgħid li l-mezz ta’ ġustifikazzjoni tal-Artikolu 4(1) ma jistax japplika ħlief f’“ċirkostanzi limitati ħafna” li fi kwalunkwe każ, “għandhom jiġu inklużi fl-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni”.

61.      Il-ġurisprudenza turi użu ristrett ta’ din l-eċċezzjoni u tal-volontà tagħha li tinterpretaha b’mod strett, filwaqt li tammetti li tkopri wkoll il-każijiet fejn, waqt li titqies in-natura partikolari tal-attività professjonali inkwistjoni, il-preżenza ta’ karatteristika relatata mal-età jew ma’ raġunijiet oħra ta’ diskriminazzjoni tonqos sewwa (jew biex id-dispożizzjoni tiġi parafrażata, b’mod ġenwin u determinanti) il-kapaċità tal-persuna li teżerċita din l-attività b’mod korrett u effikaċi.

62.      Is-sentenza Wolf, iċċitata iktar ’il fuq, hija, sa issa, l-unika każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-eżistenza ta’ din il-kundizzjoni eċċezzjonali tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78. Din kienet tirrigwarda preċiżament kwistjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-regola tista’ tapplika biex tiġġustifika regolamentazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi 30 sena bħala l-età massima għar-reklutaġġ fil-qafas ta’ impjieg tas-servizz tekniku intermedju għall-persuni tat-tifi tan-nar. Fil-motivi tas-sentenza Wolf hemm riferiment espress għat-tmintax-il premessa tad-Direttiva 2000/78 li tippreċiża li din ma għandhiex bħala effett li tobbliga lill-“forzi armati u l-pulizija, is-servizz tal-ħabsijiet jew ta’ l-emerġenza jirreklutaw jew iżommu fl-impjieg persuni li ma jkollhomx il-kapaċità rikjesta biex jaqdu l-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jkunu mitluba illi jwettqu fir-rigward tal-għan leġittimu li tinżamm il-kapaċità operattiva ta’ dawn is-servizzi” (36). Fil-fehma tiegħi, huwa probabbli li r-relazzjoni tal-kawża Wolf mal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, li huwa għan evidenti li jirriżulta minn din il-premessa, kellha ċerta influwenza fuq id-deċiżjoni li kienet adottat il-Qorti tal-Ġustizzja, li għażlet li tiġġustifika l-miżura bl-applikazzjoni, ex officio, tal-Artikolu 4(1) minflok ma tapplika – kif riedu l-partijiet – l-Artikolu 6(1) (37).

63.      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, xejn ma għandu jostakola, għall-inqas fuq il-livell ta’ prinċipji, li wieħed isib fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 kundizzjoni ta’ limitu ta’ età għall-eżerċizzju ta’ professjoni, b’għan bħal dak tas-sigurtà tal-avjazzjoni u professjoni b’karatteristiċi tant partikolari bħal dik ta’ pilota. Madankollu, il-problema hija li dan la huwa eżattament is-sens u lanqas il-portata tal-miżura nazzjonali inkwistjoni bħalissa.

64.      Ċertament, diffiċli wieħed jiddubita mill-importanza tal-kwistjoni tal-età għall-eżerċizzju ta’ din l-attività (38). Barra minn hekk, il-fatt li regolamentazzjoni internazzjonali kif tidher fil-JAR-FCL 1.060a timponi fuq il-piloti ċerti limitazzjonijiet bejn is-60 u l-65 sena (ma jistgħux itiru ħlief meta l-ekwipaġġ jinkludi pilota ieħor ta’ inqas minn 60 sena) jista’ jkun indikatur, mhux biss li l-professjoni ta’ pilota teħtieġ li wieħed ikollu ċerti karatteristiċi fiżiċi u psikiċi partikolari, imma wkoll li l-fatt li wieħed jagħlaq 60 sena jista’ jkollu ċerti konsegwenzi fuq dan il-livell.

65.      Madankollu, nikkunsidra li, sa fejn kemm ir-regola nazzjonali kif ukoll ir-regoli internazzjonali jippermettu t-titjir – ċertament b’ċerti restrizzjonijiet – sakemm wieħed jagħlaq 65 sena, limitu ta’ età inqas minn dan ma jistax ikun kopert minn deroga stabbilita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

66.      Fil-fehma tiegħi, meta tiġi kkunsidrata r-regolamentazzjoni internazzjonali tal-eżerċizzju tal-professjoni, il-fatt li wieħed ikollu inqas minn 65 sena jidher li huwa rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota skont l-Artikolu 4(1) tad-direttiva. Is-sempliċi fatt li regolamentazzjoni internazzjonali bħall-JAR-FCL 1.060a tistabbilixxi dan il-limitu ta’ età f’termini assoluti u ġenerali jikkostitwixxi prova biżżejjed tal-kundizzjonijiet meħtieġa f’dik id-dispożizzjoni tad-direttiva.

67.      Il-każ li għandna llum huwa differenti ħafna, fejn huwa previst li r-relazzjoni tax-xogħol tal-piloti ta’ kumpannija partikolari tintemm awtomatikament meta jagħlqu l-età ta’ 60 sena. Sa fejn ir-regoli internazzjonali jippermettu lill-piloti li għandhom iktar minn 60 sena jtiru, iżda taħt ċerti kundizzjonijiet, ma jidhirx li huwa loġiku, minn din il-perspettiva, li jiġi kkunsidrat li l-fatt li wieħed ma jkunx għalaq l-età ta’ 60 sena jikkostitwixxi rekwiżit professjonali “ġenwin u determinanti” skont l-Artikolu 4(1) tad-direttiva. Il-kundizzjonijiet introdotti għall-persuni li qabżu din l-età ma jistax ikollhom effett ieħor ħlief dak li jirriżulta mit-termini ta’ kif inhi fformulata. Għalhekk, fil-qafas tal-kundizzjonijiet magħmulin, l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni ma jkunx f’kunflitt ma’ xi ħtieġa oħra li setgħet tiġi allegata, b’mod li wieħed jista’ jikkonkludi li d-dispożizzjoni kkontestata ma ssibx il-bażi tagħha fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.

68.      Sabiex nikkonkludi din il-parti, nikkunsidra li l-ebda waħda miż-żewġ dispożizzjonijiet tad-direttiva intiża li tnaqqas il-portata ta’ kwalunkwe projbizzjoni tad-diskriminazzjoni stabbilita minn dik id-direttiva, jiġifieri l-Artikolu 2(5) u l-Artikolu 4(1), ma tippermetti konklużjoni li l-klawżola tal-ftehim kollettiv inkwistjoni hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Jibqa’ biex tiġi eżaminata dik il-klawżola fir-rigward tad-dispożizzjoni intiża speċifikament li ttaffi l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età: l-Artikolu 6. Ir-risposta li għandha tingħata fuq din id-dispożizzjoni tad-direttiva ser tkun ferm iktar kumplessa.

C –    Fuq l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva: il-ġustifikazzjoni tad-differenzi ta’ trattament ibbażati fuq l-età

69.      Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li “trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji”. L-Artikolu 6(1) tad-direttiva għalhekk jagħmel żewġ kundizzjonijiet biex waħda minn dawn id-differenzi ta’ trattament tkun ġustifikata: minn naħa, l-eżistenza ta’ objettiv jew għan leġittimu u, min-naħa l-oħra, in-natura “approprjata u neċessarja” tal-miżura, jiġifieri li tkun proporzjonata.

1.      L-objettiv jew l-għan leġittimu

70.      L-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ rekwiżiti tirreferi, iktar konkretament, għall-ġustifikazzjoni b’“għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali”.

71.      L-invokazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni bħala għan tal-miżura kkontestata hawnhekk, tobbliga, l-ewwel nett, li jiġi ddeterminat jekk għan ta’ din in-natura jirrigwardax dan l-Artikolu 6(1). Imbagħad ser insemmi l-possibbiltà tal-protezzjoni tal-awtonomija tan-negozjar kollettiv bħala għan leġittimu tal-politika soċjali f’kuntest tant partikolari bħal f’dan il-każ tal-lum.

a)      L-għan tas-sigurtà tal-avjazzjoni

72.      Interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 6(1) tista’ eventwalment tinkludi kwalunkwe tip ta’ objettiv jew għan leġittimu: it-terminu “inkluża” li tuża din id-dispożizzjoni (39) jidher li jindika li l-lista li ssegwi għandha valur ta’ eżempju, u la hija eżawrjenti u lanqas esklużiva, kif għandha valur ta’ eżempju l-enumerazzjoni tal-kundizzjonijiet li ssegwi f’din l-istess dispożizzjoni, li tindika t-tipi ta’ differenza ta’ trattament li jistgħu jseħħu b’dan il-mezz ta’ ġustifikazzjoni (40). Madankollu, it-tip ta’ eżempji li tipprovdi d-direttiva jippermetti sa ċertu punt li tingħaraf in-natura ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet.

73.      Dan jispjega għaliex il-ġurisprudenza tagħti interpretazzjoni iktar stretta tad-dispożizzjoni, filwaqt li effettivament tillimita l-għanijiet politiċi soċjali inġenerali. Għalhekk, is-sentenza Age Concern England, iċċitata iktar ’il fuq, tistabbilixxi espressament li “[j]irriżulta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 li l-għanijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ‘leġittimi’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, għaldaqstant, adattati sabiex jiġġustifikaw li ssir deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età, huma għanijiet li jirrilevaw mill-politika soċjali, bħal dawk relatati mal-politika tax-xogħol, mas-suq tax-xogħol jew mat-tagħlim professjonali” (punt 46) (41).

74.      Fil-fehma tiegħi, l-idea li tirriżulta minn dan hija li l-lista tal-Artikolu 6(1) ma hijiex eżawrjenti fiha nnifisha, b’mod li din ma hijiex limitata għall-għanijiet ta’ “politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali” (l-uniċi espressament iċċitati), għalkemm il-portata tagħha ma tistax testendi lil hinn mill-għanijiet tal-politika soċjali mifhuma f’sens wiesa’ u ġenerali, fejn l-għanijiet iċċitati huma sempliċi manifestazzjoni jew eżempju.

75.      Din l-interpretazzjoni hija perfettament kompatibbli mal-ġurisprudenza li tippermetti l-intervent tal-imsieħba soċjali fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 6(1) (42). Sa fejn din id-dispożizzjoni hija intiża li taffettwa miżuri bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali jew politika tax-xogħol, fil-kamp proprju tan-negozjar kollettiv, huwa loġiku li l-applikazzjoni tagħha tkun ristretta għall-imsieħba soċjali (43).

76.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għan bħal dak tas-sigurtà tal-avjazzjoni, wara li jitqies in-nuqqas manifest tiegħu ta’ rabta mal-qasam tal-politika soċjali u tar-relazzjonijiet industrijali, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “għan jew objettiv leġittimu” għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, fis-sens li l-ġurisprudenza tifhem dan il-kunċett tad-dispożizzjoni. Kif ingħad, huwa dan l-Artikolu 2(5) li jikkostitwixxi l-bażi naturali ta’ għan bħas-sigurtà tal-avjazzjoni.

77.      F’dan l-istadju, billi l-Bundesarbeitsgericht tidentifika espressament is-sigurtà tal-avazzjoni bħala għan tal-miżura kkontestata, wieħed jista’ jieqaf perfettament hawn fl-analiżi tal-kwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 6(1). Ċertament, fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali “biss li hija kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża li qed tidher quddiemha u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li tfittex ir-raġuni taż-żamma tal-miżura kkonċernata u li b’hekk tidentifika l-għan tagħha” (44). Madankollu, mingħajr ma titpoġġa fid-dubju l-ġurisdizzjoni aħħarija tal-qorti tar-rinviju, nikkunsidra li, kif diġà ġie rrilevat, sabiex ikollha risposta utli li tippermettilha li ssolvi l-kawża nazzjonali, l-eżami tad-domanda mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandux ikun limitat, għall-inqas fuq il-pjan tal-Artikolu 6(1), għall-ipoteżi li l-għan imfittex mill-miżura kkontestata jkun dak tas-sigurtà tal-avjazzjoni, iżda għandu jkun miftuħ għal possibbilitajiet oħrajn.

b)      Il-preservazzjoni tal-awtonomija tan-negozjar kollettiv, għan legitimu ta’ politika soċjali skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78

78.      It-tmiem “antiċipat” tar-relazzjoni tax-xogħol li għandna quddiemna, bħal f’każijiet oħrajn simili li ġew eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma ddaħħalx fl-ordinament ġuridiku nazzjonali minn ebda tip ta’ regola, iżda preċiżament permezz ta’ ftehim kollettiv. Fl-opinjoni tiegħi dan il-fatt jippermetti li jiġu esplorati toroq oħrajn ta’ investigazzjoni tal-għan leġittimu li jista’ jintlaħaq mill-miżura kkontestata (45). Din l-investigazzjoni jista’ jkollha bħala punt ta’ tluq ċerti sentenzi li ngħataw diġà mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq is-suġġett filwaqt li tiġi segwita l-“evoluzzjoni naturali” ta’ dawn is-sentenzi.

79.      Fl-ewwel lok, sabiex nibda rrid infakkar li l-ftehim kollettiv għandu funzjoni tiegħu rikonoxxuta, u billi jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri jgħin fit-twettiq tal-għanijiet tad-direttiva (is-sitta u tletin premessa u l-Artikolu 18 tad-direttiva). Iżda dan ma huwiex dak li hawn inkwistjoni. Fil-verità, il-kwistjoni hija dwar jekk, lil hinn minn din il-funzjoni mhux ikkontestata, l-għan tal-preservazzjoni ta’ spazju għan-negozjar kollettiv f’dan il-qasam (jiġifieri l-iffissar tal-mument konkret tal-interruzzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol fil-kuntest tal-kisba tad-dritt għall-pensjoni tal-irtirar) jistax ikollu n-natura ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali skont id-direttiva.

80.      Jiġi nnutat li din il-kwistjoni li qed inqajmu ma hijiex verżjoni ġdida tad-dibattitu fuq il-bilanċ bejn, biex wieħed jgħid hekk, “drittijiet fundamentali” u “libertajiet fundamentali”. Il-kwistjoni hawnhekk hija iktar modesta, billi hawn trid issir konfigurazzjoni tan-negozjar kollettiv bħala “għan leġittimu” ta’ politika soċjali, li jista’ jnaqqas speċifikaament il-portata tal-prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Nikkunsidra li l-iktar ġurisprudenza riċenti, iżda anki ċ-ċirkustanzi nnifishom ta’ din il-kawża, twassalna sabiex naċċettaw din il-proposta. L-ewwel nett, minn dak li hemm fil-ġurisprudenza, mis-sentenza Palacios de la Villa sas-sentenza Rosenbladt, it-tnejn iċċitati iktar ’il fuq, jidher li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirriżulta tendenza fejn il-klawżoli ta’ tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol flimkien mal-aċċess għal pensjoni tal-irtir adottati mill-ftehim kollettiv huma aċċettabbli fir-rigward tad-direttiva sakemm dawn jirrispondu impliċitament għall-għan leġittimu, biex jingħad malajr fil-qosor, li jitħalla post għall-ġenerazzjonijiet ta’ wara fl-aċċess għad-dritt tax-xogħol (46). Dan huwa akkumpanjat minn riflessjoni fuq il-funzjoni tan-negozjar kollettiv, li llum huwa żgurat mill-Karta, kif ukoll fuq il-“flessibbiltà” li timplika l-konvenzjoni (47).

81.      Fil-fatt, fis-sentenza Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ftehim kollettiv jista’ jistipula t-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti tax-xogħol anki f’mument fejn ikun ġara li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikompli jsir ix-xogħol inkwistjoni, jibqgħu jeżistu, bil-possibbiltà li tibda tiġi rċevuta l-pensjoni tal-irtirar. Hija kkunsidrat li klawżola bħal dik tissodisfa l-għan leġittimu li jiġi permess l-aċċess tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar għas-suq tax-xogħol.

82.      Naħseb li din il-ġurisprudenza ma tistax tinftiehem eżattament u kompletament mingħajr ma jitqies il-fatt li din hija miżura li tirriżulta minn negozjar kollettiv, u dan jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-leġittimità (48). Dan huwa għaliex fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza, qed nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta bħala għan leġittimu ta’ politika soċjali possibbli, f’ċerti ċirkustanzi, il-preservazzjoni ta’ spazju għalih għan-negozjar kollettiv (49).

83.      Minn dan il-punt ta’ tluq, fit-tieni lok, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jiġifieri l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota. Fil-fatt, jekk jintlaqgħu l-pretensjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri li jiġu permessi li jkomplu jtiru, inkluż taħt il-kundizzjonijiet imposti fuq il-piloti ta’ iktar minn 60 sena, sal-mument meta, skont il-JAR-FCL 1.060a l-awtorizzazzjoni ta’ titjir tagħhom tiskadi, dan jippresupponi t-tneħħija ta’ kull marġni leġittimu ta’ negozjar tal-imsieħba soċjali fuq dan is-suġġett konkret. Fil-fatt, jekk hemm karatteristika li verament tindividwa l-każ preżenti fir-rigward tal-kawżi deċiżi preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-fatt li l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota huwa suġġett, b’mod ġenerali u permezz ta’ regolamentazzjoni internazzjonali, għal limitu ta’ età li meta jinqabeż ma jkunx iktar possibbli li wieħed jibqa’ fiha. Għalhekk, jekk wieħed isegwi argument wieħed jew ieħor żviluppat matul din il-proċedura, il-ftehim kollettiv negozjat mill-piloti, b’differenza minn dawk ta’ professjonijiet oħrajn ma jistax ħlief jagħmel koinċidenza bejn id-data tat-tmiem awtomatiku tar-relazzjonijiet tax-xogħol mal-mument meta l-liċenzja tat-titjir tiskadi.

84.      Mingħajr ma jkun meħtieġ li wieħed la jara jekk b’dan kollu jistax jirriżulta fattur ta’ diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bejn il-professjoni ta’ pilota u l-maġġoranza tal-professjonijiet l-oħrajn, u lanqas li l-kwistjoni tkun ta’ bilanċ bejn żewġ drittijiet, jidher tal-inqas ċar li l-preservazzjoni, fuq il-livell tal-prinċipji, ta’ spazju operattiv għan-negozjar kollettiv fuq is-suġġett tista’ taspira biex tkun rikonoxxuta bħala għan leġittimu ta’ politika soċjali fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva.

85.      Għalhekk, nikkunsidra, mingħajr ma hemm bżonn ta’ iktar preċiżazzjonijiet, li jeżisti qasam ta’ azzjoni proprju għal ftehim kollettiv, żona speċjali fejn jista’ jopera leġittimament, u r-regoli dwar it-tmiem tar-relazzjonijiet tax-xogħol jirrigwardaw b’mod naturali dan il-qasam jew kamp proprju tan-negozjar kollettiv. Il-fatt sempliċi tal-intervent tiegħu f’dan il-qasam, fuq dawn il-kwistjonijiet, jikkostitwixxi pass importanti sabiex jiġu leġittimati d-deċiżjonijiet tiegħu iżda, anki f’dan il-qasam, ma jistax jaġixxi b’libertà totali, għaliex ladarba tiġi kkonstatata l-leġittimità tal-għan li tiftaħ id-dritt għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1), il-miżura xorta trid tiġi sottomessa għat-test tal-proporzjonalità li timponi din id-dispożizzjoni. Dan ifisser li, fil-kuntest tal-professjoni ta’ pilota, l-ipoteżi, qabel l-età ta’ 65 sena, ta’ żmien miftuħ għan-negozjar kollettiv ma huwiex fil-prinċipju inkompatibbli mad-Direttiva 2000/78, naturalment, sakemm jirrispondi għall-eżiġenza ta’ proporzjonalità.

2.      In-natura proporzjonata tal-miżura

86.      Qabel ma tiġi analizzata n-natura proporzjonata tagħha għandu jiġi miċħud l-ilment, madankollu, tan-nuqqas ta’ koerenza tal-miżura li jirriżulta mill-fatt li din ma tapplikax għall-piloti Ġermaniżi kollha (50), u lanqas għall-piloti kollha tal-grupp Lufthansa, iżda esklużivament għal dawk tal-kumpannija Deutsche Lufthansa. Fil-fehma tiegħi, sa fejn l-awtonomija timxi id f’id man-negozjar kollettiv, il-ħtieġa ta’ koerenza bejn ċertu ftehim kollettiv u ieħor toħloq ħafna problemi. Ma huwiex b’kumbinazzjoni li din hija, fil-biċċa l-kbira, ir-raġuni għaliex ikkunsidrajt li l-mezz tal-ftehim ma kienx xieraq sabiex jiġu ttrattati l-għanijiet tas-sigurtà pubblika. Madankollu, il-kwistjoni hija li qed jiġi allegat li n-negozjaturi tad-diversi ftehim kollettiv affettwati kienu l-istess, u s-sentenza Enderby kienet uriet diġà li, ġewwa l-istess impriża u mal-istess union, l-awtonomija tan-negozjar kollettiv ma kienx biżżejjed sabiex titwarrab il-ħtieġa ta’ koerenza bejn iż-żewġ ftehim kollettiv distinti (51). Madankollu, ma jidhirx li l-partijiet jaqblu daqshekk bi sħiħ f’dan il-każ: minn naħa, għalkemm ġie nnutat sew li l-union “Cockpit” innegozjat kull ftehim rilevanti fil-każ tal-grupp Lufthansa, dan ma jeskludix li n-negozjaturi kienu differenti skont il-kumpannija affettwata b’kull ftehim; min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-impriża, inqis li l-fatt li Deutsche Lufthansa tappartjeni, flimkien ma’ kumpanniji tal-ajru oħrajn, għall-grupp Lufthansa ma jfissirx li kien il-grupp ta’ impriżi bħala tali li kien innegozja l-ftehim, iżda kull impriża li kienet tagħmel parti minnu.

87.      Billi, għaldaqstant, qed jitwarrab l-ilment ta’ inkoerenza, għandha tiġi analizzata n-natura proporzjonata tal-miżura. Għal dan l-iskop, għandhom jiġu kkunsidrati diversi elementi li jikkaratterizzawha.

88.      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-piloti affettwati jirċievu mingħand il-kumpannija tal-ajru, matul il-perijodu mit-tmiem “antiċipat” tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom, ta’ 60 sena, sad-data meta jkollhom dritt għall-pensjoni tal-irtir dovuta fl-età ta’ 63 sena, remunerazzjoni tranżitorja ta’ natura kumpensatorja li tikkorrispondi għal madwar 60 % tal-kontribuzzjonijiet lis-sistema ta’ pensjonijiet (52).

89.      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkunsidrat kemm damet il-miżura, jiġifieri ħames snin, billi l-pilota kkonċernat jista’ jkompli jeżerċita l-attività tiegħu f’kumpannija tal-ajru oħra (għalkemm b’ċerti limitazzjonijiet) sa 65 sena. Fil-fehma tiegħi, qiegħda hemm l-oġġezzjoni prinċipali li tqajjem, mil-lat tal-proporzjonalità, il-miżura kkontestata li mhux biss tinvolvi l-perijodu ta’ żmien qabel l-età li warajha ma huwiex permess li jsir titjir (65 sena), iżda antiċipat ukoll it-tmiem awtomatiku tal-kuntratt billi naqqsitu għal 60 sena.

90.      Ċertament, ma jistax jingħad li dan huwa mument magħżul arbitrarjament. Mill-età ta’ 60 sena ġiet imposta prekawzjoni (il-preżenta ta’ kopilota) li tal-inqas għandha l-funzjoni li tiġbed l-attenzjoni fuq il-proċess tax-xjuħija fil-ġisem tal-bniedem. Madankollu, wieħed ma għandux jattribwixxi lil dan it-tip ta’ prekawzjonijiet, kif diġà kellna okkażjoni naraw, importanza determinanti.

91.      Dak li jrid jiġi analizzat hawnhekk, peress li s-sigurtà pubblika ma hijiex “ir-”raġuni li wasslet lill-imsieħba soċjali li jaqblu fuq din il-miżura (anki jekk tinsab fir-ratio jew il-loġika sottostanti tagħha), huwa jekk l-antiċipazzjoni fuq perijodu tant kunsiderevoli – ħames snin – fil-ħajja professjonali ta’ persuna hijiex proporzjonata mal-għan leġittimu li jiġi ppreżervat marġni operattiv għan-negozjar kollettiv.

92.      Fuq dan il-punt jiena tal-fehma li din hija regola sproporzjonata, tal-inqas fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota. L-ewwel element li għandu jiġi rrilevat huwa n-natura penalizzanti ta’ tul ta’ żmien ta’ ħames snin fil-kumpless ta’ karriera professjonali li trid tieqaf ta’ 65 sena. Barra minn hekk, il-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età llum il-ġurnata tibbenefika minn pożizzjoni solida biżżejjed fid-dritt tal-Unjoni sabiex taffronta l-kunsiderazzjoni tan-negozjar kollettiv, fuq dan il-punt konkret, minn pożizzjoni vantaġġuża. Irrid ngħid biss b’dan li l-imperattivi tal-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ma humiex meħtieġa jiġu skartati ħlief fil-limitu strett neċessarju fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ partikolari. Fl-aħħar nett, u għalkemm din id-dimensjoni ma ġietx ittrattata f’din il-kawża, l-inizjattivi dwar it-tmiem antiċipat tar-relazzjonijiet tax-xogħol għandhom riperkussjonijiet fuq id-dritt tax-xogħol, partikolarment fil-faxex ta’ età li qed neżaminaw hawnhekk.

93.      Dan kollu jwassalni sabiex nikkunsidra li, meta ffissa l-età ta’ 60 sena t-tmiem antiċipat tat-tul tal-kuntratt tax-xogħol, il-ftehim kollettiv qabeż il-marġni operattiv li kellu fil-bidu. Għalhekk dan jipprekludi wkoll il-leġitimazzjoni tal-miżura kkontestata skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

VII – Rikapitulazzjoni

94.      Dispożizzjoni nazzjonali bħal dik ikkontestata f’din il-kawża, sa fejn tippermetti t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni tax-xogħol tal-piloti ta’ linja tal-ajru meta jagħlqu l-età ta’ 60 sena, u meta tiġi adottata fi ftehim kollettiv, ma għandhiex natura ta’ miżura prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, tkun neċessarja għas-sigurtà pubblika jew għall-protezzjoni tas-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

95.      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, it-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni tax-xogħol tal-piloti minħabba l-fatt li għalqu l-età ta’ 60 sena ma jistax ikun ibbażat iktar fuq l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 partikolarment sa fejn wieħed ma jistax jagħti lill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ din il-professjoni minn dik l-età effett li jeċċedi dak li jesprimu dawn il-kundizzjonijiet. Għall-kuntrarju, għandu jiġi deċiż li r-restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota għall-persuni li laħqu l-limitu ta’ età ta’ 65 sena għandha tinftiehem, fl-istat attwali tar-regolamentazzjoni internazzjonali, bħala l-espressjoni u l-konsegwenza ta’ rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata.

96.      Peress li dan huwa l-każ, fil-kuntest ta’ professjoni bħal dik ta’ pilota kummerċjali, li fiha hemm kundizzjoni ta’ limitu ta’ età li tesprimi eżiġenza professjonali ġenwina u determinanti, id-Direttiva 2000/78, u partikolarment l-Artikolu 6(1) tagħha ma tipprekludix li jiġi permess li jiġi stabbilit, permezz ta’ ftehim kollettiv, u bl-għan ta’ politika soċjali li jiġi ppreżervat spazju għan-negozjar kollettiv, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tmiem awtomatiku tar-relazzjoni tax-xogħol minħabba l-fatt li l-ħaddiem jagħlaq età inferjuri għal dik stabbilita b’din in-natura ta’ rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti. Il-fatt li, f’dan il-mument, il-ħaddiem ikun kiseb id-dritt li jirċievi pensjoni tal-irtir jew, fin-nuqqas jiġi rrikonoxxut lilu, għaż-żmien li jgħaddi sal-aċċess għal dan id-dritt, kumpens tranżitorju, jikkostitwixxi wkoll kundizzjoni neċessarja. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk id-dispożizzjoni kuntrattwali inkwistjoni tibqax proporzjonata fir-rigward tal-għan indikat, għal dak li jirrigwarda kemm id-daqs tal-antiċipazzjoni tat-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-ammont tal-kumpens tranżitorju.

97.      Fi kwalunkwe każ, id-Direttiva 2000/78 tipprekludi, billi tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, wara li jiġi kkunsidrat il-limitu stabbilit fiż-żmien għall-eżerċizzju tal-professjoni, dispożizzjoni kif eżaminata f’din il-kawża, li tippermetti li jitmexxa ’il quddiem b’ħames snin it-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol fir-rigward ta’ dan il-limitu ta’ età stabbilit sabiex jesprimi rekwiżit professjonali ġenwin u determinati għall-piloti tal-linji tal-ajru.

VIII – Konklużjoni

98.      Bħala konklużjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) kif ġej:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tagħha, interpretata fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tipprekludi li jiġi stabbilit, permezz ta’ ftehim kollettiv, it-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-piloti ta’ kumpannija tal-ajru kummerċjali meta jagħlqu l-età ta’ 60 sena”.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.


3 – Biżżejjed jingħad hawnhekk li din il-ġurisprudenza, li tmur lura għas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981), u li kienet ġiet ikkonfermata minn numru kbir ta’ sentenzi ulterjuri, tat spinta qawwija lil dan il-każ tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, mhux mingħajr ma enfasizzat l-ispeċifiċità tagħha. Għal studju tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età f’dan il-qafas, isir riferiment, fost biblijografija abbundanti ħafna, għal M. Sprenger, Das arbeitsrechtliche Verbot der Alterdiskriminierung nach der Richtlinie 2000/78/EG, Hartung-Gorre Verlag, Constance 2006; F. Temming, Altersdiskriminierung im Arbeitsleben, editur Beck, Munich, 2008; N. Ten Bokum,T. Flanagam, R. Sands, u R. Von Steinau-Steinrück, (editur), Age Discrimination Law in Europe, Wolters Kluwer, 2009; M. Sargeant, (editur), The Law on Age Discrimination in the EU, Kluwer Law International 2008; D. Schiek, L. Waddington, u M. Bell, (editur), Non discrimination Law, Hart Publishing 2007. Ara wkoll M. Nogueira Gustavino, “Extinción del contrato de trabajo y discriminación por razón de edad”, Tratado de jubilación. Homenaje al Profesor Luis Enrique de la Villa Gil con motivo de su jubilación, López Cumbre (editur), Iustel 2007.


4 – Il-kliem “età tal-irtirar” ser jintuża minn issa ’il quddiem biex isir riferiment għall-età meta ħaddiem normalment jabbanduna l-attività tal-qligħ tiegħu, li tikkoinċidi mal-aċċess għall-benefiċċju ta’ pensjoni. Ara, f’dan l-istess kuntest tal-viċinanza tal-irtirar, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑41/05, Ġabra p. I‑8531); tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern (C‑388/07, Ġabra p. I‑1569); tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C-341/08, Ġabra p. I-0000); tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, Ġabra p. I-0000), u tat-18 ta’ Novembru 2010, Georgiev (C‑250/09 u 268/09, Ġabra p. I-0000).


5 – Piloti tal-linji tal-ajru kummerċjali, għall-preċiżjoni, imma għal raġunijiet ta’ ekonomija lingwistika, ser nitkellem iktar ’il quddiem fuq “piloti”.


6 – Organu tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili Ewropea li jirrappreżenta l-awtoritajiet ta’ regolamentazzjoni tal-avjazzjoni ċivili ta’ ċertu numru ta’ Stati Ewropej, fosthom il-Ġermanja.


7 – BGBl. I 2000, p. 1966.


8 – BGBl. I 2006, p. 1897.


9 – BGBl. I 2008, p.1229.


10 – Bundesanzeiger nru 82b tat-3 ta’ Mejju 2003.


11 – Skont l-informazzjoni mogħtija waqt is-seduta, l-impriża ma tħallasx din il-pensjoni kumpensatorja ħlief sa 63 sena, età li fiha l-piloti jkollhom dritt għall-pensjoni tal-irtir tagħhom.


12 – Sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010 (C-555/07, Ġabra p. I-0000).


13 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Mangold, punt 74, u Kücükdeveci, punt 21.


14 – Is-sentenza Kücükdeveci, punt 22, diġà fiha riferiment qasir għall-Artikolu 21 tal-Karta.


15 – Sentenzi Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27; tas-16 ta’ Ottubru 2007, Chacón Navas (C‑13/05, Ġabra p I-8531), u tat-30 ta’ April 1996, P./S. (C-13/94, Ġabra p. I-2143). L-applikabbiltà tad-direttiva ma hijiex inkwistjoni f’din il-kawża. It-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol tat-tliet persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali seħħ f’Novembru 2006, u f’Ġunju u April 2007, għalhekk wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi nazzjonali li ttrasponiet id-direttiva (mit-18 ta’ Awwissu 2006), b’mod li huwa d-dritt tal-Unjoni li diġà jirregola s-suġġett, indipendentement mill-fatt li t-terminu tat-traspożizzjoni kien jiskadi biss f’Diċembru 2006. Ara, fuq dan l-aħħar punt, is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1987 Kolpinghuis Nijmegen (80/86, Ġabra p. 3969, punt 15) u, a contrario, tat-23 ta’ Settembru 2008, Bartsch (C-427/06, Ġabra p. I-7245, punt 24), u tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer (C-147/08, Ġabra p. I-0000, punt 63).


16 – Ara K. Stern, “Die Idee der Menschen- und Grundrechte”, Handbuch der Grundrechte in Deutschland und Europa, vol. I, Entwicklung und Grundlagen, C.F. Müller Verlag, Heidelberg 2004, p. 3.


17 – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007 (C-227/04P, Ġabra p. I-6767); konklużjonijiet ippreżentati fis-27 ta’ Ottubru 2005, punt 85.


18 – Ara H.-J. Papier, “Drittwirkung der Grundrechte”, Handbuch der Grundrechte in Deutschland und Europa, Band II, Grundrechte in Deutschland, Allgemeine Lehren I, C.F. Müller Verlag, Heidelberg 2006, p. 1331.


19 – Għandhom jiġu ċċitati hawnhekk l-Artikoli 13 KE u 141 KE u d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1 p. 187).


20 – L-oriġini razzjali hija regolata, inġenerali, bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).


21 – L-Artikolu 4(1) għandu l-ekwivalenti tiegħu wkoll fit-test tad-Direttivi 76/207 u 2000/43, dwar id-diskriminazzjoni bbażata, rispettivament, fuq is-sess u fuq l-oriġni etnika.


22 – Ara, fir-rigward tal-Artikolu 28 tal-Karta, S. Rixen, “Artikel 28 GRCh (Artikel II 88 VVE) Recht auf Kollektivverhandlungen und Kollektivmaßnahmen”, Europäische Grundrechte-Charta, C.H. Beck, Munich 2006, p. 540.


23 – S. Sciarra, “La evolución de la negociación colectiva. Apuntes para un estudio comparado en los países de la Unión europea”, Revista de derecho Social nru 38, 2007, p. 196


24 – Wieħed jista’ jikkonsulta, f’dan ir-rigward Wedderburn, “Inderogability, Collective Agreements and Community Law”, The Industrial Law Journal, Oxford University Press, 1992, u F. Valdés Dal-Ré, “Negociación colectiva y sistemas de relaciones laborales: modelos teóricos y objetos y métodos de investigación”, Relaciones Laborales, nru 21, ġimgħat mill-1 sal-15 ta’ Novembru 2000, p. 83.


25 – Ma din iċ-ċirkustanza jiżdied il-fatt li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi Albany, Brentjen’s u Drijvende Bokken, iċċitati iktar ’il fuq, “huwa aċċettat sew li l-ftehim kollettiv konkluż bejn l-imsieħba soċjali jista’ jevita kwistjonijiet tax-xogħol li jqumu l-flus, inaqqas l-ispejjeż inerenti għall-kompromessi grazzi għan-negozjar kollettiv li jirrispondi għal regoli determinati u jkabbar il-previdibbiltà kif ukoll it-trasparenza. Ċertu ekwilibriju fil-piż rispettiv tan-negozjaturi jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet bilanċjati għal kull imsieħeb kif ukoll għas-soċjetà kollha” (konklużjonijiet ippreżentati fit-28 ta’ Jannar 1999, punt 181).


26 – Sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1985, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (143/83, Ġabra p. 427, punt 8), u tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Kummissjoni vs L-Italja (235/84, Ġabra p. 2291, punt 20). B’ċertu mod, dawn id-deċiżjonijiet jagħtu prijorità għall-effettività ta’ direttiva fir-rigward tal-promozzjoni tan-negozjar kollettiv (f’dan is-sens, P. Davies, “The European Court of Justice, National Courts, and the Member States”, European Community Labour Law. Principles And Perspectives. Liber Amicorum Lord Wedderburn, Clarendon Press, Oxford 1996, p. 121), imma jippresupponu wkoll rikonoxximent ċar tal-post tal-ftehim fil-qafas ġuridiku Komunitarju.


27 – Artikolu 28 tal-Karta.


28 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999 (C-67/96, Ġabra p. I-5751). Fl-istess sens, sentenzi tal-istess ġurnata, Brentjens’ (C-115/97 sa C-117/97, Ġabra p. I-6025), Drijvende Bokken (C-219/97, Ġabra p. I-6121), u Van der Woude (C-222/98, Ġabra p. I-7111). Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-271/08, Ġabra p. I-0000, punt 45).


29 – Sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1998, Schöning-Kougebetopoulou (C-15/96, Ġabra p. I-47); tal-24 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Franza (C-35/97, Ġabra p. I-5325); tas-16 ta’ Settembru 2004, Merida (C-400/02, Ġabra p. I-8471); tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, imsejħa “Viking Line” (C-438/05, Ġabra I-10779, punt 54); Laval un Partneri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 sa 47. Dawn is-sentenzi Viking Line (punt 44) u Laval (punt 91) jindikaw espressament li, għalkemm id-dritt li ssir azzjoni kollettiva, sanċit ukoll fl-Artikolu 28 tal-Karta, għandu jiġi “rrikonoxxut bħala dritt fundamentali li jagħmel parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura r-rispett tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal ċerti restrizzjonijiet”.


30 – Sentenzi tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, Ġabra p. 455, punt 39); tas-27 ta’ Ġunju 1990, Kowalska (C-33/89, Ġabra p. I-2591, punt 12); tas-7 ta’ Frar 1991, Nimz (C-184/89, Ġabra p. I-297, punt 11); tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lewen (C-333/97, Ġabra p. I-7243, punt 26); tat-18 ta’ Novembru 2004, Sass (C-284/02, Ġabra p. I-11143, punt 25), u tad-9 ta’ Diċembru 2004, Hlozek (C-19/02, Ġabra p. I-11491, punt 43). Ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 1983, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (165/82, Ġabra p. 3431, punt 11).


31 – Għalhekk, pereżempju, fil-kawża Petersen, iċċitata iktar ’il fuq, il-miżura inkwistjoni (il-limitu massimu tal-età għad-dentisti sussidjati mill-gvern) kienet ġiet adottata b’regola fil-livell ta’ liġi (ara l-punt 11 tas-sentenza) Minn dan l-aspett, u sa fejn l-għan invokat kien dak tal-protezzjoni tas-saħħa, id-differenza ta’ trattament stabbilita setgħet kienet rilevanti għal dan l-Artikolu 2(5). Madankollu dan ma kienx il-każ, sa fejn din kienet affettwata minn nuqqas ta’ koerenza, għaliex din ma kinitx tapplika għal dentisti mhux sussidjati mill-gvern.


32 – Is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C-341/05, Ġabra p. I-11767), tirriferi, għalkemm f’kuntest differenti ħafna, għar-relazzjoni bejn il-ftehim kollettiv u l-miżuri ta’ ordni pubbliku billi indikat li l-imsieħba soċjali “li ma jikkostitwixxux entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku”, ma jistgħux, fil-qafas ta’ negozjar kollettiv, jinvokaw l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/CE, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi “biex jinvokaw raġunijiet ta’ ordni pubbliku biex tiġi stabbilita l-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ azzjoni kollettiva bħal dik fil-kawża prinċipal” (punt 84). F’sens analogu s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑319/06, Ġabra p. I-4323).


33 – Għandha titfakkar, f’dan ir-rigward, l-importanza li s-sentenza Petersen, iċċitata iktar ’il fuq, tat lill-koerenza tal-miżura fil-qafas ta’ dan l-Artikolu 2(5) tad-direttiva (punti 61 u 62 tas-sentenza).


34 – Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C-229/08, Ġabra p. I-0000, punt 35).


35 – Wieħed jista’ jsemmi fuq dan il-punt, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punt 36), u tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar (C-273/97, Ġabra p. I‑7403, punt 23), li jeħtieġu interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 2(2) l-antik tad-Direttiva 76/207 (fil-formulazzjoni oriġinali tagħha), dispożizzjoni analoga għal dik inkwistjoni f’din il-kawża, imma applikabbli esklużivament fil-kamp tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (wara l-emenda magħmula mid-Direttiva 2002/73, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2003, id-dispożizzjoni reġgħet intużat mill-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 76/207, bi kliem li huwa iktar qrib dak tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78).


36 – Sentenza Wolf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38.


37 – Wieħed isib ukoll, fil-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207 msemmi, każijiet marbutin mas-sigurtà pubblika. Għalhekk, wara li ċaħdet li “kien hemm riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat, li kienet teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju kull miżura meħuda minħabba s-sigurtà pubblika” (u, b’mod partikolari, “ma hemm l-ebda riżerva ġenerali għall-implementazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza ta’ trattament bejn l-irġiel u n-nisa għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati motivati għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207, iċċitata iktar ’il fuq, seta’ jiġġustifika l-esklużjoni tan-nisa mill-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet, bħal kompiti tal-pulizija mwettqin f’sitwazzjonijiet ta’ inkwiet gravi intern (sentenza Johnston, iċċitata diġà, punti 36 u 37), xogħol ta’ gwardja tal-ħabs (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1988, Il-Kummissjoni vs Franza, 318/86, Ġabra p. 559, punti 11 sa 18), jew ta’ servizz f’korpi tal-ġlied bħar-Royal Marines (sentenza Sirdar, iċċitata diġà, punti 29 sa 31). Għall-kuntrarju, dispożizzjoni li teskludi lin-nisa mill-impjiegi militari kollha li jimplikaw l-użu ta’ armi ma tistax tiġi ġġustifikata (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil, C-285/98, Ġabra p. I-69, punti 25 sa 29).


38 – Il-Bundesarbeitsgericht issemmi hija stess, pereżempju fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Frar 2000, il-każ ta’ piloti ta’ inġenji tal-ajru militari, fejn ġie introdott limitu ta’ età legali ta’ 41 sena, bħala indiċi ta’ dak li l-leġiżlatur kien jikkunsidra li ċerti fakultajiet fiżiċi u psikiċi jibdew diġà jonqsu minn dik l-età (BAG tal-20.02.2002 AP Nru. 18 BGB § 620 Altersgrenze, § 611 Luftfahrt). F’diversi każijiet oħrajn deċiżi, il-Bundesarbeitsgericht ibbażat ruħha fuq “data medika empirika fejn il-persunal tal-kabina tal-inġenji tal-ajru huwa espost għal attrizzjoni fiżika u psikika intensa ħafna, li jżid ir-riskju ta’ bidla tal-fakultajiet minħabba l-età u reazzjonijiet żbaljati mhux mistennija”.


39 – “Incluidos” fil-verżjoni Spanjola, “including” fil-verżjoni Ingliża; “compresi” bit-Taljan, “erityisesti”, bil-Finlandiż; “insbesondere” bil-Ġermaniż, espressjonijiet li kollha għandhom l-istess tifsira.


40 – Pereżempju, huwa f’dan is-sens li jitkellem fil-konklużjonijiet tagħha l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Bartsch, iċċitata iktar ’il fuq (punt 110).


41 – Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C-88/08, Ġabra p. I-5325, punt 41), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fis-sentenzi Kücükdeveci (konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, punt 37), u Petersen (konklużjonijiet tat-3 ta’ Settembru 2009, point 55). Wieħed jista’ jara elementi oħrajn li jsostnu iktar indirettament dan l-argument fil-ħamsa u għoxrin premessa tad-direttiva, kif ukoll fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Mangold (punt 63), Palacios de la Villa (punt 68), jew Petersen (punti 48 sa 50).


42 – Ara s-sentenzi Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68, u tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C-45/09, Ġabra p. I-0000), punt 41.


43 – Ara s-sitta u tletin premessa tad-direttiva, li tagħmel referenza espressa għal din il-possibbiltà “dwar id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ftehim kollettiv”.


44 – Sentenza Petersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42.


45 – Possibbiltà li ssemmiet espressament fis-seduta.


46 – Sentenza Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 et 48.


47 – Għalhekk, il-punt 67 tas-sentenza Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq, jistabbilixxi li “[i]l-fatt li l-imsieħba soċjali jitħallew jiddefinixxu bilanċ bejn l-interessi rispettivi tagħhom toffri flessibbiltà kunsiderevoli, peress li kull wieħed mill-partijiet jista’, skont il-każ, jittermina l‑kuntratt”.


48 – Fil-qafas ġenerali tad-differenzi ta’ trattament ipprojbiti, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat x’importanza għandha tingħata għall-fatt li diskriminazzjoni titwieled f’kuntest tan-negozjar kollettiv. Tista’ tiġi msemmija, b’mod partikolari, is-sentenza Royal Copenhagen, fejn iddeċidiet li, jekk il-prinċipju tal-ugwaljanza ta’ remunerazzjoni fost il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa japplika wkoll meta r-remunerazzjoni hija stabbilita fi ftehim kollettiv, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu din iċ-ċirkustanza inkunsiderazzjoni sabiex “tikkunsidra jekk id-differenzi bejn ir-remunerazzjonijiet medji taż-żewġ gruppi ta’ ħaddiema huma dovuti għal fatturi oġġettivi u estranji għal kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess” (sentenza tal-31 ta’ Mejju 1995, C-400/93, Ġabra p. I-1275, punti 45 u 46)


49 – Fir-rigward tad-dħul tiegħu fil-kategorija ta’ “politika soċjali”, għandu jitfakkar li l-Artikolu 151 TFUE, li jiftaħ it-Titolu X tat-Trattat, iddedikat preċiżament għall-“politika soċjali” tal-Unjoni, issemmi, fost l-għanijiet ta’ din il-politika, id-“djalogu soċjali”, u l-Artikolu 155, inkluż taħt l-istess titolu, jirriferi wkoll għad-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni.


50 – Skont ir-regola Ġermaniża ġenerali, pilota li għandu iktar minn 60 sena u inqas minn 56 sena jista’ jtir fi trasport kummerċjali, imma fil-limiti tat-territorju tar-Repubblika Federali, u jirtira meta jagħlaq 65 sena (l-Artikolu 4 tad-Durchführungsverordnung zur Verordnung über Luftfahrtpersonal).


51 – Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1993 (C-127/92, Ġabra p. I-5535). Skont il-punt 22 tagħha, “jekk, biex jiġġustifika d-differenza ta’ remunerazzjoni, ikun biżżejjed li jinvoka n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni fil-qafas ta’ kull negozjat minn dawn meħud iżolatament, min iħaddem jista’ faċilment, kif jissottometti l-Gvern Ġermaniż, jevita l-prinċipju tal-ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet permezz ta’ negozjati separati” (punt 22).


52 – Skont l-informazzjoni pprovduta waqt is-seduta.