Language of document : ECLI:EU:C:2009:200

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis‑26 ta’ Marzu 2009 1(1)

Kawża C‑32/08

Fundación Española para la Innovación de la Artesanía (FEIA)

vs

Cul de Sac Espacio Creativo SL

u vs

Acierta Product & Position SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Juzgado de lo Mercantil n. 1 de Alicante (Spanja)]

“Disinni Komunitarji – Proprjetarji tad‑dritt – Disinni maħluqin fuq kummissjoni”





1.        B’din it‑talba għal deċiżjoni preliminari l‑Juzgado de lo Mercantil n. 1 de Alicante qed tagħmel numru ta’ domandi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar l‑interpretazzjoni tal‑Artikoli 14 u 88 tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001, dwar id‑disinji [disinni] Komunitarji (2) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament”).

2.        Dawn id‑domandi saru fil‑kuntest ta’ kawża li għandha bħala suġġett il‑falsifikazzjoni allegata ta’ mudelli Komunitarji mhux reġistrati, ikkummissjonati u magħmulin fil‑kuntest ta’ proġett intiż li jippromwovi l‑integrazzjoni tad‑disinn industrijali fis‑settur artiġjanali. Hija l‑ewwel darba li l‑Qorti tal‑Ġustizzja qed tintalab tinterpreta d‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament fil‑kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari (3).

I –    Il‑kuntest ġuridiku

A –    Id‑dritt Komunitarju

3.        L‑interess tal‑Komunità fi kwistjonijiet relatati mal‑protezzjoni tad‑disinn industrijali jmur lura għall‑1959, meta l‑Kummissjoni pproponiet lill‑gvernijiet tas‑sitt Stati Membri ta’ dak iż‑żmien li jinħolqu gruppi ta’ ħidma inkarigati mill‑elaborazzjoni ta’ protezzjoni Komunitarja ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali bl‑iskop li jiġu preklużi problemi li l‑limitazzjoni territorjali tal‑protezzjoni offruta fil‑livell nazzjonali kienet tfisser għall‑funzjonament korrett tas‑suq komuni. Għalhekk twaqqfu tliet gruppi ta’ ħidma separati fuq il‑privattivi, it‑trademarks u d‑disinni. Il‑grupp ta’ ħidma fuq id‑disinni, ippresedut mit‑Taljan Roscioni, għamel ir‑rapport tiegħu fl‑1962 fejn ġiet irrakkomandata l‑adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni uniformi f’livell Komunitarju imma ġew enfasizzati d‑diffikultajiet li jinbeda proċess ta’ armonizzazzjoni leġiżlattiva minħabba diverġenzi sinjifikattivi li kienu jikkaratterizzaw il‑leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni.

4.        Wara perijodu twil ta’ waqfien, id‑dibattitu reġa’ tqajjem mill‑Kummissjoni bil‑Green Paper fuq id‑disinn industrijali (iktar ’il quddiem il‑“Green Paper”), ippreżentata f’Ġunju tal‑1991, li, fl‑intenzjoni tal‑istituzzjoni, kellha sservi bħala l‑bażi ta’ konsultazzjoni għall‑gruppi kkonċernati. F’dan id‑dokument, il‑Kummissjoni ddiskutiet id‑diversi aspetti tal‑protezzjoni legali tad‑disinn industrijali u s‑soluzzjonijiet adottati mil‑leġiżlazzjonijiet nazzjonali u ddefinixxiet b’mod ġenerali dak li, fil‑fehma tagħha, kellu jkun l‑approċċ Komunitarju fuq is‑suġġett. Abbażi tar‑riflessjonijiet li saru fil‑Green Paper, il‑Kummissjoni pproponiet, minn naħa, il‑ħolqien ta’ disinn Komunitarju validu għat‑territorju kollu tal‑Komunità u suġġett għal sistema uniformi u, min‑naħa l‑oħra, armonizzazzjoni tal‑leġiżlazzjonijiet nazzjonali limitata għall‑aspetti l‑iktar rilevanti tas‑suġġett. Skont din il‑proposta, kienu inklużi fl‑Anness tal‑Green Paper abbozz ta’ proposta ta’ regolament fuq id‑disinni Komunitarji u proġett ta’ proposta ta’ direttiva dwar l‑approssimazzjoni tal‑liġijiet Komunitarji tal‑Istati Membri dwar il‑protezzjoni legali tad‑disinni.

5.        Abbażi ta’ dawn il‑proġetti, il‑Kummissjoni bagħtet, fl‑1993, lill‑Kunsill u lill‑Parlament proposta għal regolament fuq disinni Komunitarji (4) u proposta għal direttiva fuq il‑protezzjoni legali tad‑disinni (5). Id‑direttiva ġiet adottata fit‑13 ta’ Ottubru 1998 (6), filwaqt li l‑proċedura leġiżlattiva ta’ adozzjoni tar‑Regolament kienet itwal u itqal, billi rrikjediet li jiġu ppreżentati żewġ proposti oħra, fl‑1999 u fl‑2000.

6.        Kif jirriżulta mill‑premessi tar‑Regolament, it‑twaqqif ta’ disinn Komunitarju li jkun suġġett għal regoli uniformi fit‑territorju kollu tal‑Komunità għandu l‑għan li jneħħi l‑ostakolu għall‑moviment liberu tal‑merkanzija li tirrapreżenta l‑limitazzjoni territorjali tal‑protezzjoni tad‑disinni li hemm f’livell nazzjonali u biex jiġi evitat li, minħabba d‑differenzi sinjifikattivi li hemm bejn il‑leġiżlazzjonijiet tal‑Istati Membri, disinni identiċi jiġu protetti, fid‑diversi sistemi legali differenti, skont metodi differenti u fl‑interess ta’ proprjetarji differenti (7).

7.        Biex il‑protezzjoni mogħtija lid‑disinn Komunitarju tirrispondi għall‑ħtiġijiet tas‑setturi ekonomiċi kollha tal‑Komunità, ir‑Regolament jistabbilixxi żewġ forom ta’ protezzjoni; l‑ewwel waħda, anqas estiża u għal perijodu qasir, tingħata lil disinni mhux irreġistrati, filwaqt li t‑tieni waħda tingħata għal perijodu itwal lil disinni reġistrati u tagħti lill‑persuna protetta drittijiet ta’ esklużività (8).

8.        It‑Titolu II tar‑Regolament jinqasam f’ħames taqsimiet. It‑tielet taqsima, intitolata “Dritt għad‑disinn Komunitarju”, jinkludi l‑Artikolu 14 li, taħt l‑istess intestatura, jistipula li:

“1. Id‑dritt għad‑disinn Komunitarju għandu jagħti dritt legali lid‑disinjatur jew lis‑suċċessur tiegħu fit‑titolu.

2. Jekk żewġ persuni jew iktar ikunu żviluppaw disinn, id‑dritt għad‑disinn Komunitarju għandu jagħtihom id‑dritt legali konġuntement.

3. Madankollu, meta disinn jiġi żviluppat minn impjegat fit‑twettiq ta’ dmirijietu jew wara l‑ordnijiet mogħtija lilu minn min iħaddmu, id‑dritt għad‑disinn Komunitarju għandu jkun vestit f’min iħaddem, għajr jekk miftiehem jew speċifikat xorta oħra bil‑liġijiet nazzjonali”.

9.        It‑Titolu IX tar‑Regolament għandu dispożizzjonijiet dwar “Il‑ġurisdizzjoni u l‑proċedura legali fil‑kawżi li jkollhom x’jaqsmu mad‑disinji [disinni] Komunitarji”. L‑Artikolu 81, li huwa inkluż fit‑tieni taqsima ta’ dak it‑titolu, jagħti lill‑qrati tad‑disinni Komunitarji indikati mill‑Istati Membru skont l‑Artikolu 80 ġurisdizzjoni esklużiva biex jisimgħu kwistjonijiet dwar il‑falsifikazzjoni u l‑validità tad‑disinni Komunitarji. Fir‑rigward tad‑dritt applikabbli mill‑qrati, l‑Artikolu 88(1) u (2) jistipula li:

“1. Il‑qrati tad‑disinji [disinni] Komunitarji għandhom japplikaw id‑dispożizzjonijiet ta’ dan ir‑Regolament.

2. Dwar il‑materji kollha mhux koperti b’dan ir‑Regolament, qorti tad‑disinji Komunitarji għandha tapplika l‑liġijiet nazzjonali tagħha, inklużi l‑liġijiet privati internazzjonali tagħha” (9).

B –    Id‑dritt nazzjonali

10.      Is‑sistema legali Spanjola tistabbilixxi protezzjoni għad‑disinni reġistrati biss. L‑Artikolu 14 (1) u (4) tal‑Liġi Nru 20/2003 tas‑7 ta’ Lulju 2003 fuq il‑protezzjoni legali tad‑disinni industrijali, imdaħħal fit‑Titolu III “Proprjetà tad‑disinn”, taħt l‑intestatura “Dritt ta’ reġistrazzjoni”, jistipula hekk:

“1. Id‑dritt ta’ reġistrazzjoni ta’ disinn huwa tal‑awtur jew tas‑suċċessur tiegħu fit‑titolu. […]

4. Fil‑proċedimenti quddiem l‑Uffiċċju tal‑Privattivi u t‑trademarks Spanjol, huwa preżunt li l‑applikant għandu dritt jirreġistra d‑disinn”.

11.      Skont l‑Artikolu 15 tal‑istess Liġi:

“Jekk id‑disinn ġie żviluppat minn impjegat fl‑eżekuzzjoni tad‑dmirijiet tiegħu jew wara li jingħatawlu ordnijiet minn min iħaddmu, jew fl‑eżekuzzjoni ta’ ħidma fil‑kuntest ta’ għoti ta’ servizzi, id‑dritt ta’ reġistrazzjoni tad‑disinn huwa ta’ min iħaddem jew tal‑kontraent li kien ikkummissjona d‑disinn, ħlief jekk ma jiġix pprovdut mod ieħor”.

II – Il‑kawża nazzjonali u d‑domandi preliminari

12.      Il‑Fundación española para la innovación de la artesanía (iktar ’il quddiem il‑“FEIA”), rikorrenti fil‑kawża prinċipali, ippatroċinat il‑proġett bl‑isem “D’Artes, Diseño y Artesanía de incorporación del Diseño al Sector Artesiano”, li l‑għan tiegħu kien il‑ħolqien u l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ firxa ta’ prodotti magħmulin minn xi ħwienet ta’ artiġjanat abbażi ta’ disinni magħmulin minn professjonisti tad‑disinn industrijali.

13.      Fil‑kuntest ta’ dan il‑proġett, il‑kumpannija AC&G, S.A. tqabbdet mill‑FEIA biex tagħżel id‑disinjaturi u tikkonkludi magħhom ftehim għall‑elaborazzjoni ta’ disinn u tal‑għoti ta’ għajnuna teknika lill‑artiġjan fil‑fażi tal‑ħolqien ta’ prodott. Bis‑saħħa ta’ dan l‑inkarigu AC&G, S.A. kkonkludiet kuntratt mal‑kumpannija Cul de sac espacio creativo, S.L. (iktar ’il quddiem “Cul de sac”), li b’eżekuzzjoni tiegħu ddisinjat sensiela ta’ arloġġi tal‑kukù għall‑artiġjana Veronica Palomares. Dawn l‑arloġġi ġew ippreżentati fil‑kuntest tal‑ewwel edizzjoni tal‑proġett “D’Artes” taħt l‑isem ta’ kollezzjoni “Santamaría”.

14.      Fl‑2006, Cul de Sac u l‑kumpannija Acierta Product & Position, S.A. (iktar ’il quddiem “Acierta”) ikkummerċjalizzaw sensiela ta’ arloġġi tal‑kukù msemmija kollezzjoni “Timeless”. Billi kkunsidrat li din il‑kummerċjalizzazzjoni kienet tikser id‑drittijiet fuq il‑mudelli ta’ arloġġi tal‑kollezzjoni “Santamaría” li hija tqis li hija proprjetarja tagħha, il‑FEIA ħarrket liż‑żewġ kumpanniji quddiem il‑Juzgado de lo mercantil n. 1 de Alicante. Quddiem din il‑qorti, il‑kumpannija rikorrenti ddikjarat li hija l‑proprjetarja tad‑drittijiet fuq il‑mudelli inkwistjoni taħt diversi titoli (10), u rriferiet kemm għad‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament kif ukoll għal‑leġiżlazzjoni Spanjola. Il‑kumpanniji konvenuti invokaw in‑nuqqas ta’ locus standi tal‑FEIA għaliex ma kinitx proprjetarja tad‑drittijiet fuq il‑mudelli kkontestati.

15.      Billi kkunsidrat li s‑soluzzjoni tal‑kwistjoni kienet tiddependi fuq l‑interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar‑Regolament, il‑qorti tar‑rinviju ssospendiet il‑proċediment u għamlet, skont l‑Artikolu 234 KE, dawn id‑domandi preliminari lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)   L‑Artikolu 14(3) [tar‑Regolament] għandu jiġi interpretat fis‑sens li japplika biss għad‑disinni Komunitarji maħluqa fil‑kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg li fiha d‑disinjatur ikun marbut b’kuntratt suġġett għal‑liġi dwar ix‑xogħol u li d‑dispożizzjonijiet tiegħu jkunu tali li d‑disinjatur ikun jaħdem taħt id‑direzzjoni ta’ u jkun impjegat minn ħaddieħor? jew

2)     L‑espressjonijiet ‘impjegat’ u ‘min iħaddem’ użati fl‑Artikolu 14(3) tar‑[Regolament] għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ sabiex jiġu inklużi sitwazzjonijiet oħra barra minn relazzjonijiet ta’ impjieg, bħal relazzjonijiet li fihom, abbażi ta’ kuntratt ċivili/kummerċjali (u, konsegwentement, wieħed li ma jipprovdix li individwu jaħdem taħt id‑direzzjoni ta’ u jkun impjegat minn ħaddieħor), individwu (id‑disinjatur) jiftiehem ma’ ħaddieħor li joħlolqu disinn, għal prezz miftiehem, u konsegwentement, ikun mifhum li d‑disinn jappartjeni lill‑persuna li tkun ikkummissjonatu, ħlief jekk il‑kuntratt jipprovdi mod ieħor?

3)     Fil‑każ li r‑risposta għat‑tieni domanda tkun fin‑negattiv, minħabba li l‑produzzjoni ta’ disinni f’relazzjoni ta’ impjieg u ta’ disinni f’relazzjoni li mhijiex waħda ta’ impjieg, jikkostitwixxu sitwazzjonijiet fattwali differenti,

a)     għandha tiġi applikata r‑regola ġenerali tal‑Artikolu 14(1) tar‑[Regolament] u konsegwentement, id‑disinni għandhom ikunu kkunsidrati bħala li jappartjenu lid‑disinjatur, ħlief jekk il‑partijiet jiftiehmu mod ieħor fil‑kuntratt? jew

b)     il‑qorti tad‑disinni Komunitarji għandha tapplika l‑liġi nazzjonali li tirregola d‑disinni, skont l‑Artikolu 88(2) tar‑[Regolament]?

4)     Fil‑każ li r‑referenza għal‑liġi nazzjonali hija rilevanti, l‑applikazzjoni tal‑liġi nazzjonali tkun possibbli jekk din tqis id‑disinni maħluqa fil‑kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg (id‑disinni jappartjenu lil min iħaddem, ħlief jekk ikun ġie miftiehem mod ieħor) u dawk maħluqa fuq ordni (id‑disinni jappartjenu lil min jikkummissjonahom, ħlief jekk ikun ġie miftiehem mod ieħor), bl‑istess mod (kif tagħmel il‑liġi Spanjola)?

5)     Fil‑każ li r‑risposta għar‑raba’ domanda tkun fl‑affermattiv, soluzzjoni bħal din (id‑disinni jappartjenu lil min jikkummissjonahom, ħlief jekk ikun ġie miftiehem mod ieħor), tkun f’kontradizzjoni mar‑risposta negattiva għat‑tieni domanda?”.

III – Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

16.      Il‑FEIA, Cul de Sac, Acierta, ir‑Renju Unit u l‑Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub f’din il‑proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari skont it‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 23 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja. Saret seduta fid‑29 ta’ Jannar 2009.

IV – Analiżi

A –    Fuq l‑ewwel u t‑tieni domandi preliminari

17.      L‑ewwel żewġ domandi magħmulin mill‑qorti tar‑rinviju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 14(3) tar‑Regolament. B’dawn id‑domandi l‑qorti tar‑rinviju qed tistaqsi fis‑sustanza lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jekk dik id‑dispożizzjoni tirregolax biss il‑kwistjoni tad‑disinni magħmulin minn impjegat fil‑kuntest ta’ kuntratt ta’ impjieg jew jekk, minflok, tapplikax ukoll għall‑hekk imsejħin “disinji [disinni] kkummissjonati” jiġifieri magħmulin minn ħaddiem għal rasu fil‑kuntest ta’ kuntratt ta’ locatio operis.

18.      Kemm ir‑rikorrenti fil‑kawża nazzjonali kif ukoll ir‑Renju Unit esprimew ruħhom favur applikazzjoni tad‑dispożizzjoni inkwistjoni anki għad‑disinni msemmijin l‑aħħar, fejn għalihom dik id‑dispożizzjoni għandha tiġi interpretata mhux esklużivament b’riferiment għal dak li tgħid, imma anki fid‑dawl tat‑tifsira ġenerali u l‑għanijiet tas‑sistema li tifforma parti minnha. L‑interpretazzjoni ssuġġerita hija ġġustifikata, b’mod partikolari, fid‑dawl tal‑ħtieġa ta’ koordinazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament ma’ dawk tad‑Direttiva 98/71, li tarmonizza parzjalment biss il‑leġiżlazzjonijiet nazzjonali fuq il‑protezzjoni tad‑disinn industrijali. Fin‑nuqqas ta’ din il‑koordinazzjoni, l‑effett kumulattiv bejn il‑protezzjoni Komunitarja u l‑protezzjoni nazzjonali, li huwa possibbli mid‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament, jista’ jwassal għar‑rikonoxximent ta’ drittijiet ta’ privattiva ta’ individwi, li jkunu differenti, għall‑istess disinn. Il‑Kummissjoni, Cul de sac u Acierta jissuġġerixxu minflok li tingħata risposta għall‑ewwel żewġ domandi preliminari fis‑sens li r‑regola stabbilita fl‑Artikolu 14(3) tar‑Regolament tapplika esklużivament għad‑disinni maħluqin fil‑kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Il‑Kummissjoni u Cul de sac jenfasizzaw b’mod partikolari, li d‑dispożizzjonijiet tad‑dritt Komunitarju li, bħad‑dispożizzjoni inkwistjoni, ma fihom l‑ebda riferiment espress għad‑dritt nazzjonali għad‑determinazzjoni tal‑portata tagħhom u tas‑sinjifikat tal‑formulazzjoni tagħhom, għandhom jirċievu interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil‑Komunità kollha. Acierta u l‑Kummissjoni josservaw ukoll li l‑Artikolu 14(3) għandu deroga fir‑rigward tar‑regola ġenerali msemmija fil‑paragrafu (1) li, bħala tali, ma tittollera la interpretazzjoni wiesgħa u lanqas applikazzjoni b’analoġija f’ċirkustanzi mhux espressament regolati. L‑istituzzjoni intervenjenti tqis fl‑aħħar li l‑interpretazzjoni proposta hija kkonfermata mix‑xogħlijiet preparatorji u mill‑proċedura ta’ adozzjoni tar‑Regolament u hija koerenti mad‑dixxiplina Komunitarja u internazzjonali dwar drittijiet oħra ta’ proprjetà industrijali.

19.      Skont il‑formulazzjoni tal‑Artikolu 14(3) meta “disinn jiġi żviluppat minn impjegat fit‑twettiq ta’ dmirijietu jew wara l‑ordnijiet mogħtija lilu minn min iħaddmu, id‑dritt għad‑disinn Komunitarju għandu jkun vestit f’min iħaddem, għajr jekk miftiehem jew speċifikat xorta oħra mil‑liġijiet nazzjonali”.

20.      Kif sostnew il‑konvenuti fil‑kawża prinċipali u l‑Kummissjoni, is‑sinjifikat letterali ta’ din id‑dispożizzjoni twassal għall‑kunsiderazzjoni li dak li qed jiġi rregolat jikkonċerna biss id‑disinni maħdumin fil‑kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg. L‑użu ta’ kliem bħal “impjegat” u “min iħaddem” huwa b’mod partikolari f’dan is‑sens u jenfasizza l‑intenzjoni ċara tal‑leġiżlatur Komunitarju li biex tapplika din ir‑regola tkun meħtieġa l‑eżistenza ta’ rabta ta’ impjieg fis‑sens tad‑dritt tax‑xogħol.

21.      Interpretazzjoni differenti li, kif ġie ssuġġerit mill‑FEIA u mir‑Renju Unit, iddaħħal taħt din ir‑regola l‑kuntratti ta’ locatio operis iġġebbed inevitabbilment is‑sinjifikat tad‑dispożizzjoni inkwistjoni u testendi l‑kuntest semantiku tat‑kliem użati lil hinn mit‑tifsira komuni li għandhom u dan, fil‑fehma tiegħi, jispiċċa biex imur kontra l‑formulazzjoni nnifisha tal‑liġi.

22.      Lanqas jidhirli li huwa possibbli, kuntrarjament għal dak li tgħid il‑FEIA, li din l‑interpretazzjoni tistrieħ biss fuq il‑kunsiderazzjoni li t‑test tal‑Artikolu 14(3) jiddistingwi bejn disinni żviluppati fil‑qadi tad‑dmirijiet tal‑impjegat, li huma rilevanti għat‑twettiq tal‑kuntratt ta’ impjieg, u dawk żviluppati abbażi ta’ ordnijiet mogħtija minn min iħaddem, li minflok huma kkummissjonati lill‑impjegat abbażi ta’ relazzjoni kuntrattwali differenti. Fil‑fatt it‑tnejn huma sitwazzjonijiet li jirrigwardaw l‑iżvolġiment tar‑relazzjoni ta’ impjieg: l‑ewwel tirrigwarda d‑dmirijiet tal‑impjegat fit‑twettiq tal‑kuntratt individwali ta’ impjieg u t‑tieni, ix‑xogħlijiet mogħtija minn min iħaddem lill‑ħaddiem fil‑kuntest ta’ dik ir‑relazzjoni. Din id‑distinzjoni għandha l‑iskop li tillimita l‑portata tad‑drittijiet miksuba minn min iħaddem biss għall‑kreazzjonijiet tal‑impjegat li effettivament huma r‑riżultat tat‑twettiq tal‑kuntratt tax‑xogħol. Għaldaqstant, fil‑fehma tiegħi, ma għandux ikun permess li r‑riferiment għad‑disinni żvilupati mill‑impjegat fit‑twettiq ta’ “ordnijiet mogħtija” minn min iħaddem tiġi interpretata bħala r‑rieda tal‑leġiżlatur Komunitarju li jestendi s‑sistema prevista mid‑dispożizzjoni inkwistjoni għal disinni maħluqin fil‑kuntest ta’ kuntratt ta’ locatio operis.

23.      Meta jiġi ċċarat li s‑sistema taħt l‑Artikolu 14(3) tirrigwarda biss iċ‑ċirkustanza ta’ disinni elaborati fil‑kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg, jibqa’ biex jiġi vverifikat jekk huwiex possibbli li minn dik id‑dispożizzjoni titnissel regola applikabbli b’analoġija għaċ‑ċirkustanza differenti ta’ disinni magħmulin “fuq kummissjoni” F’dan ir‑rigward jeħtieġ li jsir riferiment, minn naħa, għall‑finalità tal‑artikolu inkwistjoni u, min‑naħa l‑oħra, għall‑ħidmiet preparatorji tar‑Regolament.

24.      Mill‑ewwel lat, ir‑regola li biha l‑imprenditur jikseb id‑drittijiet ta’ sfruttament patrimonjali tar‑riżultati tax‑xogħol tal‑impjegat, mingħajr il‑ħtieġa ta’ att ta’ trasferiment ad hoc, tintuża ħafna fil‑leġiżlazzjoni, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, fir‑rigward tad‑diversi setturi tal‑proprjetà industrijali. Fid‑dritt Komunitarju dik ir‑regola hija espressa, minbarra fl‑Artikolu 14(3) tar‑Regolament, fl‑Artikolu 3(2) tad‑direttiva tal‑Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 1986 dwar il‑protezzjoni legali ta’ topografiji ta’ prodotti semikundutturi (11), fl‑Artikolu 2(3) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 91/250/KEE tal‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il‑protezzjoni legali ta’ programmi tal‑kompjuter (12) u fl‑Artikolu 11(3) tar‑Regolament tal‑Kunsill Nru 2100/94/KE tas‑27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet tal‑Komunità dwar il‑varjetà ta’ pjanti (13), kif ukoll l‑abbozz għal regolament fuq il‑privattivi. Essenzjalment hija tirrispondi għall‑ħtieġa li jiġu bbilanċjati interessi konfliġġenti: minn naħa, dak ta’ imprenditur li japproprja ruħu bir‑riżultati ta’ xogħol li normalment ikun ħallas l‑ispejjeż għalih, u mill‑oħra, dak tal‑ħaddiem li jitħallas b’mod adegwat għax‑xogħol li jkun għamel. Il‑kisba diretta mill‑imprenditur tad‑drittijiet patrimonjali fuq xogħlijiet maħluqin minn impjegat jippermetti lil dan tal‑aħħar jitħallas għalihom indipendentement mir‑riżultat tal‑attività ta’ użu ekonomiku tax‑xogħol ‑ li għalih l‑impjegat jista’ ma jkollux il‑mezzi finanzjari u organizzattivi meħtieġa ‑ u jiżgura lil min iħaddem li dawn id‑drittijiet ma jiġux ittrasferiti mill‑impjegat lil imprenditur ieħor.

25.      Abbażi tal‑għażla li saret mill‑Artikolu 14(3) tar‑Regolament li tattribwixxi lil min iħaddem id‑dritt li jiddistribwixxi u jirreġistra d‑disinn magħmul mill‑impjegat tiegħu biex ikun jista’ jikseb il‑proprjetà tad‑drittijiet ta’ privattiva li jirriżultaw mit‑twettiq ta’ dawn l‑atti, hemm imbagħad idea li tattribwixxi lir‑relazzjoni tax‑xogħol natura “integrali” li tiġġustifika t‑trasferiment fuq l‑imprenditur, bħala riżultat ta’ impjieg, tad‑drittijiet kollha ta’ użu ekonomiku tax‑xogħlijiet imwettqa mill‑impjegat.

26.      Il‑kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq iwassluni biex nikkunsidra li s‑sistema stabbilita mid‑dispożizzjoni inkwistjoni, maħsuba b’riferiment għal kuntest kuntrattwali preċiż, ma tistax tiġi applikata b’analoġija għal skemi kuntrattwali differenti.

27.      Din il‑konklużjoni tidher li hija kkonfermata mill‑ħidmiet preparatorji tar‑Regolament.

28.      Fl‑abbozz ta’ proposta għal regolament mehmuż mal‑Green Paper ma kienx hemm dispożizzjoni analoga għall‑Artikolu 14(3). L‑Artikolu 11 ta’ dan l‑abbozz irriproduċa l‑kontenut tal‑Artikolu 14(1) attwali filwaqt li l‑Artikolu 12 intitolat “Disinn magħmul minn impjegat jew fuq kummissjoni”, kien jistabbilixxi biss, skont il‑proposta li għamel il‑Max Planck Institute (14), ir‑regoli ta’ kunflitt li abbażi tagħhom tiġi ddeterminata l‑liġi nazzjonali li tirregola l‑proprjetà tad‑dritt għad‑disinn Komunitarju fil‑każ ta’ disinn magħmul minn impjegat (Nru 1) u d‑disinn magħmul fuq kummissjoni (Nru 3) (15).

29.      Fil‑kumment tagħha fuq l‑Artikolu 12(1) tal‑abbozz, il‑Kummissjoni enfasizzat fil‑Green Paper id‑diffikultà li n‑negozjaturi tal‑Konvenzjoni kienu diġà ltaqgħu magħha fuq il‑privattiva Ewropea tal‑1973 u tal‑Ftehim dwar il‑privattiva Komunitarja tal‑1989, biex jilħqu qbil fuq regola tad‑dritt sostanzjali uniformi dwar l‑għoti tal‑proprjetà tad‑drittijiet fuq xogħlijiet imwettqa minn impjegati fil‑kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Filwaqt li ħeġġet għal adozzjoni kompleta ta’ din ir‑regola, il‑Kummissjoni kkunsidrat li kienet sodisfaċenti, f’dan l‑istadju, sabiex jiġi evitat dewmien fil‑proċess ta’ adozzjoni tar‑Regolament, l‑inklużjoni fl‑abbozz ta’ regola ta’ kunflitt immudellata fuq l‑Artikolu 6 tal‑Konvenzjoni ta’ Ruma tal‑1980 fuq il‑liġi applikabbli għall‑obbligazzjonijiet kuntrattwali. Fir‑rigward tad‑disinni magħmulin fuq kummissjoni, il‑Green Paper kienet limitata, fil‑kumment għall‑Artikolu 12(3) tal‑abbozz għal referenza għall‑ħtieġa li l‑partijiet jingħataw “l‑għażla l‑iktar wiesgħa possibbli dwar l‑għoti ta’ proprjetà tad‑dritt għal disinn u l‑liġi applikabbli għall‑kuntratt” (16) u ssuġġeriet l‑adozzjoni ta’ kriterju ta’ rabta iktar speċifika fir‑rigward ta’ dak ta’ “rabta iktar mill‑qrib” stabbilita mill‑Konvenzjoni ta’ Ruma. Ma sar l‑ebda riferiment għall‑possibbiltà li tinħoloq, eventwalment anki f’perijodu ta’ żmien medju sa twil, sistema ta’ dritt sostanzjali uniformi fuq il‑punt.

30.      Fil‑Green Paper il‑Kummissjoni kienet adottat diġà approċċ differenti ħafna għall‑problemi dwar il‑proprjetà tad‑drittijiet fuq id‑disinni magħmulin fil‑kuntest ta’ kuntratt ta’ impjieg jew kuntratt ta’ locatio operis.

31.      Dan l‑approċċ differenti huwa rifless ukoll fil‑proċess tal‑adozzjoni tar‑Regolament. Fil‑proposta tal‑1993 (17) il‑Kummissjoni segwiet, fir‑rigward tad‑disinni magħmulin minn impjegat, l‑għan iktar ambizzjuż imsemmi diġà fil‑Green Paper u introduċiet, fl‑Artikolu 14(2) regola sostanzjali (18) li ssostitwixxiet ir‑regola ta’ kunflitt prevista fl‑Artikolu 12(1) tal‑abbozz tal‑proposta ta’ regolament mehmuż mal‑Green Paper. Madankollu, ir‑regola ta’ kunflitt għal disinni magħmulin fuq kummissjoni, li tinsab fl‑Artikolu 12(3) ta’ dan l‑abbozz, tneħħiet.

32.      It‑test tad‑dispożizzjoni li jinsab fl‑Artikolu 14 (2) tal‑proposta tal‑1993 baqa’ sostanzjalment mhux mibdul fil‑proposti suċċessivi (19) ‑ bl‑eċċezzjoni taż‑żieda ta’ riferiment għal‑leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ‑ u fil‑verżjoni finali tar‑Regolament, filwaqt li l‑kwistjoni tal‑proprjetà tad‑drittijiet fuq id‑disinni magħmulin fuq kummissjoni, kif rajna, baqgħet mingħajr regoli speċifiċi anki ta’ natura tad‑dritt internazzjonali privat.

33.      F’dan il‑kuntest, jidher li diffiċilment tista’ tiġi ġġustifikata l‑analoġija biex għal dawk id‑disinni tiġi estiża s‑sistema uniformi stabbilita mil‑leġiżlatur Komunitarju għad‑disinni żviluppati mill‑impjegati biss.

34.      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, jien nissuġġerixxi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi lill‑ewwel żewġ domandi preliminari fis‑sens li r‑regola li hemm fl‑Artikolu 14(3) tar‑Regolament Nru 6/2002 tapplika biss għad‑disinni magħmulin mill‑impjegati fil‑kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

B –    Fuq it‑tielet, ir‑raba’ u l‑ħames domandi preliminari

35.      Bit‑tielet, ir‑raba’ u l‑ħames domandi, li ser neżamina konġuntament, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi essenzjalment lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jekk, fil‑każ li r‑risposta għall‑ewwel żewġ domandi tkun fis‑sens li l‑Artikolu 14(3) tar‑Regolament ma japplikax għad‑disinni magħmulin fil‑kuntest ta’ kuntratt ta’ locatio operis, il‑proprjetà tad‑dritt għal dawn id‑disinni għandhiex tiġi ddeterminata abbażi tad‑dispożizzjonijiet li jinsabu fil‑paragrafu (1) tal‑istess artikolu, jiġifieri jekk teżistix fuq dan il‑punt lakuna fir‑Regolament li l‑Istati Membri għandhom obbligu li jimlew fl‑applikazzjoni tal‑Artikolu 88(2) tiegħu.

36.      Il‑FEIA tikkunsidra li l‑Artikolu 14 għandu jiġi interpretat fl‑intier tiegħu fid‑dawl tal‑għanijiet tar‑Regolament u billi tittieħed inkunsiderazzjoni l‑intenzjoni tal‑leġiżlatur li joħloq biss regolamentazzjoni minima f’dan il‑qasam. Il‑FEIA tirreferi b’mod partikolari, minn naħa, għall‑Artikoli 27, 88 u 96 tar‑Regolament, li għandhom riferiment għal‑leġiżlazzjonijiet nazzjonali u jippermettu lil dawn tal‑aħħar jistabbilixxu protezzjoni tad‑disinni Komunitarji iktar wiesgħa minn dik stabbilita mir‑Regolament, u min‑naħa l‑oħra, għall‑premessi 6, 8 u 9, li jfakkru l‑ħtiġijiet marbutin mal‑osservanza tal‑prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità u li jiddefinixxu l‑għan ta’ allinjament tad‑dispożizzjonijiet sostanzjali tar‑Regolament ma’ dawk tad‑Direttiva 98/71. Ir‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali tissuġġerixxi wkoll li l‑kunċett ta’ “suċċessur fit‑titolu” li jidher fl‑Artikolu 14(1) tar‑Regolament jiġi interpretat bħala riferiment għad‑diversi metodi possibbli ta’ kisba tad‑dritt għad‑disinn stabbiliti mil‑leġiżlazzjonijiet tal‑Istati Membri, inkluż dak ikkontemplat mil‑liġi Spanjola favur min jagħmel l‑ordni. Min‑naħa tiegħu, ir‑Renju Unit jikkunsidra li, fil‑każ li l‑Qorti tal‑Ġustizzja teskludi d‑disinni fuq kummissjoni mill‑applikazzjoni tal‑Artikolu 14(3), il‑proprjetà tad‑drittijiet fuq dawk id‑disinni tiġi ddeterminata abbażi tal‑leġiżlazzjoni tal‑Istati Membri skont il‑prinċipju stabbilit fl‑Artikolu 88(2) tar‑Regolament.

37.      Skont il‑Kummissjoni, Acierta u Cul de sac, l‑Artikolu 14(1) tar‑Regolament għandu dispożizzjoni ġenerali favur l‑għoti ta’ dritt għal disinn lil min joħolqu. L‑unika eċċezzjoni għal din ir‑regola hija fil‑paragrafu (3) suċċessiv u tirrigwarda l‑unika ċirkustanza ta’ disinni żviluppati minn impjegat fil‑kuntest tar‑relazzjoni ta’ impjieg. Għalhekk ma hemm l‑ebda lakuna fir‑Regolament inkwistjoni għad‑determinazzjoni tal‑proprjetà tad‑dritt għad‑disinn Komunitarju u konsegwentement, mhux possibbli li jsir riferiment għall‑Artikolu 88(2).

38.      Skont l‑Artikolu 14(1) tar‑Regolament, “[i]d‑dritt għad‑disinn Komunitarju għandu jagħti dritt legali lid‑disinjatur jew lis‑suċċessur tiegħu fit‑titolu”.

39.      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li d‑dritt għad‑disinn Komunitarju li jirreferi għalih l‑Artikolu 14 kumplessivament jikkonsisti fid‑dritt li jiġi żvelat id‑disinn Komunitarju jew li ssir applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni tiegħu. Għalhekk dan jippermetti li jsiru atti li minnhom jirriżultaw id‑drittijiet ta’ privattiva stabbiliti mir‑Regolament biex jista’ jkun hemm it‑tgawdija patrimonjali tad‑disinn Komunitarju.

40.      Fir‑rigward tal‑kisba ta’ dawn id‑drittijiet, l‑Artikolu 14(1) jistabbilixxi regola ġenerali favur d‑disinjatur u s‑suċċessuri tiegħu fit‑titolu (20). Dawn iż‑żewġ kategoriji ta’ suġġetti tpoġġew minn din id‑dispożizzjoni fuq livell ta’ parità.

41.      Premess dan, għall‑finijiet tar‑risposta li għandha tingħata lill‑qorti tar‑rinviju, jeħtieġ, fil‑fehma tiegħi, li l‑ewwel nett tiġi ċċarata l‑portata tal‑kunċett ta’ “suċċessur fit‑titolu” skont id‑dispożizzjoni inkwistjoni.

42.      Dan il‑kunċett jinsab ukoll f’dispożizzjonijiet oħra tar‑Regolament (21), minkejja varjazzjonijiet skont il‑verżjonijiet lingwistiċi differenti, li fihom wieħed jinnota xi minn daqqiet espressjonijiet differenti (22). Minkejja li l‑kwistjoni hija waħda li tqajmet fis‑seduta, jien ma nqisx li huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat kemm il‑kunċett li jidher fl‑Artikolu 14(1) jikkorrispondi ma’ dak użat fid‑dispożizzjonijiet l‑oħrajn tar‑Regolament fejn jidher jew fl‑espressjonijiet użati alternattivament, billi din l‑evalwazzjoni tippreżupponi proċedura kumplessa ta’ tqabbil tal‑verżjonijiet lingwistiċi differenti tar‑Regolament li r‑riżultati tagħha, fi kwalunkwe każ, mhumiex sinjifikattivi ħafna.

43.      Fis‑seduta, il‑Kummissjoni sostniet li l‑kunċett ta’ “suċċessur fit‑titolu”, li tidher fl‑Artikolu 14(1), għandu l‑istess portata fid‑dispożizzjonijiet kollha tar‑Regolament fejn jidher u jirreferi biss għall‑każijiet ta’ suċċessjoni causamortis jew għal sitwazzjonijiet ta’ suċċessjoni bejn l‑impriżi jew ta’ għaqdiet, filwaqt li ma jinkludix il‑każijiet ta’ dritt għad‑disinn b’mezz kuntrattwali.

44.      Din l‑interpretazzjoni ma tikkonvinċinix.

45.      Anki irrispettivament miċ‑ċirkustanza li f’verżjonijiet lingwistiċi determinati tar‑Regolament (pereżempju dawk Ingliżi, Ġermaniżi, Taljani u Portugiżi) l‑istess espressjoni użata fl‑Artikolu 14(1) tidher ukoll fl‑Artikolu 28 u tindika ċ‑“ċessjonarju” tad‑disinn Komunitarju reġistrat, l‑argument tal‑istituzzjoni intervenjenti jidher li mhuwiex sostnut mill‑ħidmiet preparatorji tar‑Regolament.

46.      F’dan ir‑rigward, jeħtieġ qabel kollox li jiġi rrilevat li d‑dispożizzjoni tal‑Artikolu 14(1) kienet tinsab diġà fl‑Artikolu 11 tal‑abbozz ta’ proposta għal regolament mehmuż mal‑Green Paper kif ukoll fl‑ewwel proposta ta’ regolament ippreżentata mill‑Kummissjoni fl‑1993 u ma kien hemm l‑ebda tibdil fiha matul il‑proċess ta’ adozzjoni tar‑Regolament.

47.      Fil‑kumment għall‑Artikolu 11 iċċitat iktar ’il fuq, u li ta’ min jirriproduċi hawnhekk l‑estratti rilevanti tiegħu, il‑Kummissjoni qalet dan li ġej fil‑Green Paper:

“The basic principle, common to many national legislations, is that the right originates in the person of the designer. The principle is, however, qualified by the subsidiary principle that the original right may be transferred or assigned in its entirety to another person, the successor in title. The Community design needs probably to apply the same principles […]. These principles express the common sense solution one would look for in case where a person, having created a design, has to choose between exploiting the design himself (whether personally or through a licensee) or assigning it to a manufacturer”  (23).

48.      Għalhekk il‑kunċett ta’ “successor in title” kien jindika, sa mill‑ewwel stadji tal‑proċess leġiżlattiv li wassal għall‑adozzjoni tar‑Regolament, iċ‑ċessjonarju tad‑drittijiet ta’ użu patrimonjali tad‑disinn Komunitarju, jiġifieri l‑persuna li lilha ġew ittrasferiti, permezz ta’ kuntratt, dawn id‑drittijiet li joriġinaw mid‑disinjatur.

49.      Jekk il‑kunċett ta’ “suċċessuri fit‑titoli” li hemm fl‑Artikolu 14(1) tar‑Regolament jinftiehem b’dan il‑mod ‑ u fil‑fehma tiegħi ma hemmx elementi li huma f’sens kuntrarju ‑ għandu jiġi skartat l‑argument interpretattiv tal‑Kummissjoni f’din il‑kawża, li jgħid li dan l‑artikolu jipprevedi regola ġenerali ta’ għoti favur id‑disinjatur għad‑disinn Komunitarju. Din ir‑regola ma għandhiex eċċezzjoni oħra interpretattiva jekk mhux dik espressament stabbilita fil‑paragrafu (3) tal‑istess artikolu u li ma tittollera l‑ebda intervent min‑naħa tal‑leġiżlazzjonijiet tal‑Istati Membri.

50.      Fil‑fatt ir‑Regolament ipoġġi lid‑disinjatur u lis‑suċċessur fit‑titolu tiegħu, fis‑sens ippreċiżat iktar ’il fuq, fuq l‑istess livell fir‑rigward tal‑kisba tal‑proprjetà tad‑drittijiet ta’ użu patrimonjali fuq id‑disinn Komunitarju, b’differenza waħda ovvja li tal‑ewwel jikseb dawn id‑drittijiet b’titolu oriġinali, bħala konsegwenza tal‑ħolqien tad‑disinn, u t‑tieni b’titolu sekondarju permezz ta’ att ta’ trasferiment.

51.      F’dan il‑kuntest, min iħaddem u min jagħmel l‑ordni huma t‑tnejn suċċessuri tad‑disinjatur tad‑disinn Komunitarju.

52.      Madankollu, fl‑ewwel każ, il‑leġiżlatur Komunitarju kkunsidra li jintroduċi sistema uniformi li abbażi tagħha, fin‑nuqqas ta’ ftehim speċifiku tal‑partijiet fil‑kuntratt ta’ impjieg jew ta’ dispożizzjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal dak il‑kuntratt li jattribwixxi lid‑disinjatur tiegħu d‑dritt għad‑disinn magħmul mill‑impjegat, dan id‑dritt jappartjeni lil min iħaddem mingħajr il‑ħtieġa ta’ att ta’ trasferiment ad hoc. F’dan is‑sens, l‑Artikolu 14(3) ma jintroduċix, kuntrarjament għal dak li sostniet il‑Kummissjoni, eċċezzjoni għar‑regola prevista fil‑paragrafu 1 ta’ dak l‑artikolu, imma jikkompletaha billi jistabbilixxi regoli awtonomi fil‑każ li jrid jiġi ddeterminat l‑għoti tad‑dritt għad‑disinn Komunitarju fil‑kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali partikolari.

53.      Iżda fit‑tieni każ, fin‑nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika tar‑Regolament li jirregola b’mod uniformi l‑għoti ta’ dritt għad‑disinn magħmul fuq kummissjoni, il‑portata u l‑modalitajiet tat‑trasferiment eventwali ta’ dan id‑dritt tad‑disinjatur lil min jagħmel l‑ordni jiġu ddefiniti, minbarra abbażi tar‑rieda tal‑partijiet espressa fil‑kuntratt, bis‑saħħa tal‑liġi applikabbli għalih. Barra minn hekk u b’mod differenti minn dak li ġie inizjalment stabbilit fl‑abbozz ta’ proposta mehmuż mal‑Green Paper, billi r‑Regolament lanqas ma jistabbilixxi regola ta’ kunflitt uniformi li jidentifika l‑liġi applikabbli għall‑kuntratt li bih ġie kkummissjonat ix‑xogħol lil min jaħdem ix‑xogħol, il‑ħolqien ta’ disinn minħabba l‑użu ekonomiku tiegħu, dik il‑liġi għandha loġikament tiġi ddeterminata abbażi ta’ regoli tad‑dritt internazzjonali privat tal‑Istati Membri.

54.      Fil‑kawża prinċipali, il‑qorti tar‑rinviju għandha għalhekk l‑obbligu, bis‑saħħa tal‑Artikolu 88(2) tar‑Regolament, li tapplika d‑dispożizzjonijiet rilevanti tad‑dritt Spanjol, billi hija l‑liġi applikabbli għall‑kuntratt bejn AC&G, S.A. u Cul de Sac, biex jiġi ddeterminat ta’ min hija l‑proprjetà tad‑disinn Komunitarju mhux reġistrat li huwa s‑suġġett ta’ azzjoni ta’ falsifikazzjoni mibdija quddiem din il‑qorti mill‑FEIA.

V –    Konklużjonijiet

55.      Għar‑raġunijiet imsemmijin iktar ’il fuq, jien nissuġġerixxi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad‑domandi preliminari magħmulin mill‑Juzgado de lo Mercantil n. 1 de Alicante:

“1. L‑Artikolu 14(3) tar‑Regolament (KE) tal‑Kunsill Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id‑disinni Komunitarji għandu jiġi intepretat fis‑sens li s‑sistema li dan jistabbilixxi japplika biss għal disinni magħmulin mill‑imjegat fil‑kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

2. L‑Artikoli 14 u 88 tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id‑disinji [disinni] Komunitarji għandhom jiġu interpretati fis‑sens li l‑proprjetà tad‑dritt għad‑disinni maħluqin fil‑kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali li hija differenti mir‑relazzjoni ta’ impjieg, kif inhu l‑każ tad‑disinni magħmulin minn min jagħmel ix‑xogħol f’isem min jagħmel l‑ordni, għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ rieda espressa tal‑partijiet u tal‑liġi applikabbli għall‑kuntratt. Il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tittratta bl‑istess mod, għall‑għanijiet ta’ determinazzjoni tal‑proprjetarju tad‑dritt għad‑disinn, id‑disinni magħmula minn prestatarju f’isem min iħaddem u d‑disinni maħluqa minn impjegat fil‑kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjegat u min iħaddem, mhijiex kuntrarja għall‑Artikolu 14(3) tar‑Regolament.”


1 – Lingwa oriġinali: it‑Taljan.


2 – ĠU L 3, 2002, p. 1.


3 – In‑nuqqas ta’ komunikazzjoni tal‑lista tat‑tribunali tad‑disinji Komunitarji stabbilita fl‑Artikolu 80(2) tar‑Regolament kien is‑suġġett ta’ żewġ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l‑ewwel waħda kontra Franza li spiċċat bis‑sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑507/07, ‑Ġabra p. I‑85) u t‑tieni waħda kontra l‑Lussemburgu, li ġiet konkluża b’digriet ta’ tħassir. Barra minn hekk hemm pendenti quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza żewġ rikorsi dwar żewġ deċiżjonijiet tal‑UASI dwar talbiet għat‑tħassir ta’ disinji Komunitarji (T‑9/07, Grupo Promer Mon Graphicü vs UASI u T‑10/08, Kwang Yang Motor vs UASI).


4 – COM(93) 342 finali (ĠU 1994, C 29, p. 21).


5 – COM(93) 344 finali (ĠU C 345, p. 14).


6 – ‑Direttiva 98/71/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1998 dwar il‑protezzjoni legali tad‑disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120).


7 – Ara l‑premessi 2 u 4 tar‑Regolament.


8 – Ara l‑premessi 15 sa 17 u l‑Artikoli 11 u 12.


9 –      Nosserva li xi intervenjenti, fl‑osservazzjonjijiet tagħhom, ġibdu l‑attenzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja għal diversi dispożizzjonijiet oħrajn tar‑Regolament li, fil‑fehma tagħhom, huma ta’ rilevanza biex tingħata risposta għad‑domandi magħmula mill‑qorti tar‑rinviju. Għal raġunijiet ta’ qosor, ikkunsidrajt madankollu li kien opportun li iktar ’il fuq nirreferi biss għat‑test tal‑artikoli li jirrigwardaw id‑domandi.


10 – Bħala l‑persuna li qed tippromwovi l‑proġett D’Artes li fil‑kuntest tiegħu nħaddmu l‑mudelli, bħala dik li tat l‑ordni lil Cul de sac u bħala ċessjonarja ta’ AC&G, S.A.


11 – ĠU L 24, p.  36.


12 – ĠU L 122, p. 42.


13 – ĠU L 227, p. 1.


14 – Ara l‑International Review of Intellectual Property and Competition Law, Nru 4/1991, p. 523 et seq.


15 – It‑test komplet tal‑Artikolu 12, bl‑Ingliż, huwa dan li ġej:


“(1) If a design has been developed by an employee, the right to the Community Design shall be determined, to the extent that the parties to the contract of employment have not chosen a different law, in accordance with the law of the State in which the employee habitually carries out his work, even if he is temporarily employed in another country; if the employee does not habitually carry out his work in any one country, the right to the Community Design shall be determined in accordance with the law of the State in which the employer has his place of business to which the employee is attached.


(2) A choice of law made by the parties to govern a contract of employment shall not have the result of depriving the employee of the protection afforded to him by any mandatory rules of the law which would be applicable under paragraph (1) in the absence of choice.


(3) If the design has been developed in pursuance of a commission, the right to the Community Design shall be determined, in the absence of a different choice of law by the parties to the contract, in accordance with th law of the State in which the commissioner has his domicile or his seat”.


16 – Fil‑verżjoni Ingliża “the widest possibile choice to decide on the entitlement to the design and as regards the law applicable to the contract”.


17 – Ara iktar ’il fuq, punt 5.


18 – Id‑dispożizzjoni inkwistjoni tgħid: “Madankollu, meta disinn jiġi żviluppat minn impjegat fit‑twettiq ta’ dmirijietu jew abbażi tal‑ordnijiet ta’ min iħaddmu, id‑dritt għad‑disinn Komunitarju jappartjeni lil min iħaddem, għajr jekk miftiehem jew speċifikat xorta oħra fil‑liġijiet nazzjonali”.


19 – Ara iktar ’il fuq, punt 5.


20 – Għall‑kuntrarju, id‑dritt morali ta’ paternità tad‑disinn jappartjeni unikament lid‑disinjatur tiegħu li, bis‑saħħa tal‑Artikolu 18 tar‑Regolament, “għandu jkollu d‑dritt, bl‑istess mod bħall‑applikant għal disinn Komunitarju rreġistrat jew il‑pussessur ta’ dan, li jiġi ċċitat bħala ta’ hekk quddiem l‑Uffiċċju u fir‑reġistru”, anki fejn ikun ittrasferixxa lil terzi d‑drittijiet ta’ użu patrimonjali tad‑disinn.


21 – Dan il‑kunċett jirriżulta wkoll fil‑premessa 20 tar‑Regolament, li tgħid: “Huwa wkoll meħtieġ illi d‑disinjatur jew is‑suċċessur tiegħu fit‑titolu jitħallew jittestjaw fis‑suq il‑prodotti li jinkorporaw id‑disinn qabel ma jiddeċiedu jekk ikunux jixtiequ l‑protezzjoni li tirriżulta minn disinn Komunitarju rreġistrat. Għal dan l‑għan huwa meħtieġ li jiġi pprovdut illi l‑iżvelar tad‑disinn mid‑disinjatur jew mis‑suċċessur tiegħu fit‑titolu, […] ma għandux ikunu ta’ preġudizzju fl‑istima tan‑novità jew tal‑karattru individwali tad‑disinn fil‑kwistjoni”.


22 – Fil‑verżjoni Taljana, Ġermaniża u Ingliża, pereżempju, l‑istess espressjoni (“avente causa”, “successor in title”, “Rechtshochfolge”) tidher kemm fl‑Artikolu 14(1) kif ukoll fl‑Artikolu 28, fir‑rigward ta’ trasferiment tad‑disinn reġistrat, filwaqt li l‑verżjonijiet Franċiżi u Spanjoli jużaw żewġ espressjonijiet differenti (“ayant droit” u “causa habiente”, fl‑Artikolu 14(1) u “ayant cause” u “cessionario” fl‑Artikolu 28).


23 –      Il‑korsiv huwa tiegħi.