Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-22 ta' Diċembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal administratif de Paris - Franza) - Ville de Lyon vs Caisse des dépôts et consignations

(Kawża C-524/09) 1

"Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Konvenzjoni ta' Aarhus -Direttiva 2003/4/KE - Aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali - Direttiva 2003/87/KE - Skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjoni ta'gassijiet serra -Regolament (KE) Nru 2216/2004 - Sistema standardizzata u sikura ta' reġistri - Aċċess għal data dwar tranżazzjonijiet fil-qasam tal-kwoti ta' esmissjonijiet ta' gassijiet serra - Rifjut ta' komunikazzjoni - Amministratur Ċentrali - Amministraturi tar-reġistri nazzjonali - Natura kunfidenzjali tad-data miżmuma fir-reġistri - Derogi"

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal administratif de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ville de Lyon

Konvenut: Caisse des dépôts et consignations

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Tribunal administratif de Paris - Interpretazzjoni tad Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat 28 ta' Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitlu 15, Vol. 7 p. 375) u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitlu 15, Vol. 7, p. 631), kif ukoll tal Artikoli 9 u 10 u tal-Anness XVI tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004, tal 21 ta' Diċembru 2004, għal sistema standardizzata u sikura ta' reġistri skont id-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 319M, p. 1) - Aċċess għal informazzjoni dwar tranżazzjonijiet ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra - Rifjut ta' komunikazzjoni ta' din l-informazzjoni - Kompetenzi rispettivi tal-amministrazzjoni ċentrali u tal-amministrazzjoni nazzjonali tar reġistru - Natura kunfidenzjali ta' informazzjoni miżmuma fir-reġistri u possibbiltajiet ta' deroga

Dispożittiv

Talba għall-komunikazzjoni ta' data dwar it-tranżazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar l-ismijiet tal-persuni li f'isimhom jinsabu l-kontijiet ta' oriġini u tad-destinazzjoni tat-trasferimenti tal-kwoti ta' emissjonijiet, tal-kwoti jew unitajiet ta' Kjoto involuti f'dawn it-tranżazzjonijiet, kif ukoll id-data u l-ħin tal-imsemmija tranżazzjonijiet, taqa' esklużivament taħt ir-regoli speċifiċi ta' komunikazzjoni lill-pubbliku u ta' kunfidenzjalità li jinsabu fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, fil-verżjoni li tirriżulta mid-Direttiva 2004/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta' Ottubru 2004, kif ukoll ta'dawk li jinsabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004, tal-21 ta' Diċembru 2004, għal sistema standardizzata u sikura ta' reġistri skont id-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Id-data dwar it-tranżazzjonijiet, bħal dik mitluba fil-kawża prinċipali mill-awtorità pubblika li tixtieq tinnegozja mill-ġdid ftehim ta' kiri, hija data kunfidenzjali fis-sens tar-Regolament Nru 2216/2004 u li, skont l-Artikoli 9 u 10 tiegħu, moqrija flimkien mal-punti 11 u 12 tal-Anness XVI tal-imsemmi Regolament, fin-nuqqas ta' ftehim minn qabel tad-detenturi tal-kontijiet, tali data hija biss ikkonsultata liberament mill-pubbliku ġenerali fil-parti pubblika tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, mill-15 ta' Jannar tal-ħames sena (X+5) wara s-sena (X) tat-twettiq tat-tranżazzjonijiet relattivit għat-trasferimenti ta' kwoti ta' emissjonijiet.

Għalkemm, għall-finijiet ta' implementazzjoni tar--Regolament Nru 2216/2004, l-Amministratur Ċentrali huwa l-uniku wieħed kompetenti sabiex jikkomunika lill-pubbliku ġenerali d-data msemmija fil-punt 12 tal-Anness XVI ta' dan ir-Regolament, madankollu, huwa l-obbligu tal-amministratur tar-reġistru nazzjonali, li tkun saritlu talba għall-komunikazzjoni ta' tali data dwar it-tranżazzjonijiet, li jiċħad huwa stess din it-talba sa fejn, fin-nuqqas tal-ftehim minn qabel tad-detenturi tal-kontijiet ikkonċernati, dan l-amministratur huwa obbligat li jiżgura l-kunfidenzjalità ta' tali data, sakemm din ma tistax tiġi legalment ikkomunikata lill-pubbliku ġenerali mill-Amministratur Ċentrali.

____________

1 - ĠU C 37, 13.02.2010.