Language of document : ECLI:EU:C:2014:2380

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-18 ta’ Novembru 2014 (1)

Kawża C‑146/13

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il-Parlament Ewropew,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Implementazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa — Ħolqien ta’ protezzjoni unitarja mogħtija permezz ta’ privattiva — Regolament (UE) Nru 1257/2012 — Stħarriġ ġudizzjarju effettiv — Nuqqas ta’ bażi legali — Użu ħażin ta’ poter — Prinċipji ta’ awtonomija u ta’ uniformità — Stħarriġ tal-legalità — Applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”





1.        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (2).

2.        Dan ir-regolament ġie adottat wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/167/UE, tal-10 ta’ Marzu 2011, li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (3).

3.        Dan jagħmel parti mill-“pakkett tal-privattiva unitarja” flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1260/2012, tas-17 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni (4), u l-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi, iffirmat fid-19 ta’ Frar 2013 (5).

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

1.      Il-konvenzjoni dwar il-privattiva Ewropea

4.        L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar il-Ħruġ ta’ Privattivi Ewropej (Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea), iffirmata f’München fil-5 ta’ Ottubru 1973 u li daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 1977 (6), bit-titolu “Privattiva Ewropea”, jistabbilixxi:

“(1)      Il-privattivi maħruġa taħt din il-konvenzjoni jissejħu privattivi Ewropej.

(2)      F’kull wieħed mill-Istati kontraenti li għalihom tinħareġ, il-privattiva Ewropea għandha l-istess effetti u hija suġġetta għall-istess sistema bħal privattiva nazzjonali maħruġa f’dak l-Istat, ħlief jekk din il-konvenzjoni tipprovdi mod ieħor.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.        L-Artikolu 142 tal-KEP, bit-titolu “Privattiva unitarja” jipprovdi:

“(1)      Kull grupp ta’ Stati kontraenti li, fi ftehim speċjali, ikun ipprovda li l-privattivi Ewropej maħruġa għal dawk l-Istati għandu jkollhom natura unitarja fit-territorji tagħhom kollha, jista’ jipprovdi li l-privattivi Ewropej jistgħu jinħarġu biss konġuntament għall-Istati kollha.

(2)      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-parti huma applikabbli meta grupp ta’ Stati kontraenti jkun uża l-fakultà msemmija fil-paragrafu 1.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2.      Il-Ftehim QUP

6.        Il-Ftehim QUP jipprovdi fl-Artikolu 23 tiegħu:

“L-azzjonijiet tal-[Qorti Unifikata tal-Privattivi (7)] huma attribwibbli direttament lil kull Stat Membru Kontraenti individwalment, inkluż għall-finijiet tal-Artikoli [258 TFUE sa 260 TFUE], u lill-Istati Membri Kontraenti kollha b’mod kollettiv.”

7.        L-Artikolu 89(1) tal-Ftehim QUP jipprovdi:

“Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl- 1 ta’ Jannar 2014 jew fl-ewwel jum tar-raba’ xahar wara d-depożitu tat-tlettax-il strument ta’ ratifika jew ta’ adeżjoni f’konformità mal-Artikolu 84, inkluż it-tliet Stati Membri li fihom ħadu effett l-ogħla numru ta’ privattivi Ewropej fis-sena ta’ qabel is-sena li fiha jseħħ l-iffirmar tal-Ftehim jew fl-ewwel jum tar-raba’ xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (8)] dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ dan il-Ftehim, skont liema hija l-aktar tard.”

B –    Id-dritt tal-Unjoni

8.        Il-premessi 24 u 25 tar-Regolament ikkontestat huma fformulati skont kif ġej:

“(24) Il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ privattivi Ewropej b’effett unitarju [(9)] għandha tiġi stabbilita u rregolata minn strument li jistabbilixxi sistema unifikata għal-litigazzjoni dwar il-privattiva għall-privattivi Ewropej u għall-[PEEU].

(25)      It-twaqqif ta’ [QUP] biex tisma’ każijiet li jikkonċernaw il-[PEEU].hija essenzjali sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb ta’ dik il-privattiva, il-konsistenza ta’ ġurisprudenza u għaldaqstant ta’ ċertezza legali, u ta’ nfiq effettiv għall-propjetarji tal-privattiva. Għalhekk huwa tal-akbar importanza li l-Istati Membri parteċipanti jirratifikaw il-Ftehim dwar [QUP] skont il-proċeduri kostituzzjonali u parlamentari nazzjonali tagħhom u jieħdu l-passi meħtieġa biex dik il-Qorti issir operazzjonali mill-aktar fis possibbli.”

9.        Skont l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, dan jimplementa l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni unitarja mogħtija minn privattiva u jikkostitwixxi ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 tal-KEP.

10.      L-Artikolu 2(a) sa (c) tar-Regolament ikkontestat jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘Stat Membru parteċipanti’ tfisser Stat Membru li jipparteċipa f’kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja permezz tad-Deċiżjoni Nru 2011/167/UE, jew permezz ta’ deċiżjoni adottata skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) tat-TFUE, fiż-żmien meta it-talba għal effet unitarju tkun saret kif imsemmi fl-Artikolu 9 [TFUE];

(b)      ‘Privattiva Ewropea’ tfisser privattiva mogħtija mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi [(10)] skont ir-regoli u l-proċeduri stabbilti fil-KEP;

(c)      ‘[PEEU]’ tfisser privattiva Ewropea li tibbenefika minn effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti permezz ta’ dan ir-Regolament.”

11.      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament ikkontestat jipprovdi:

“Privattiva Ewropea mogħtija bl-istess sett ta’ talbiet fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha għandha tibbenefika minn effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti sakemm l-effett unitarju tagħha jkun ġie reġistrata fir-Reġistru għall-protezzjoni ta’ privattiva unitarja.

Il-privattiva Ewropea mogħtija ma’ gruppi differenti ta’ talbiet għal Stati Membri parteċipanti differenti m’għandhiex tibbenefika minn effett unitarju.”

12.      Għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament ikkontestat:

“1.       Il-[PEEU] għandha tagħti d-dritt lill-proprjetarju tagħha li jipprevjeni kwalunkwe parti terza milli twettaq atti li kontrihom tipprovdi protezzjoni dik il-privattiva fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti li fihom hija għandha effett unitarju, soġġett għal limitazzjonijiet applikabbli.

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak id-dritt u l-limitazzjonijiet tiegħu għandhom ikunu uniformi fl-Istati Membri parteċipanti kollha li fihom il-privattiva għandha effett unitarju.”

13.      L-Artikolu 9 tar-Regolament ikkontestat jipprovdi li:

“1.       L-Istati Membri parteċipanti għandhom, fis-sens tal-Artikolu 143 tal-KEP, jagħtu lill-EPO l-kompiti li ġejjin, li jridu jitwettqu skont ir-regoli interni tal-EPO:

(a)      jamminstra t-talbiet għal effett unitarju minn proprjetarji ta’ privattivi Ewropej;

(b)      jinkludi r-Reġistru għal protezzjoni tal-privattiva unitarja fi ħdan ir-Reġistru Ewropew tal-Privattivi u biex jamministra r-Reġistru għal protezzjoni tal-privattiva unitarja;

(c)      jirċievi u jirreġistra d-dikjarazzjonijiet dwar il-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 8, l-impenji tagħhom tal-iritirar u tal-liċenzjar meħuda mill-propjetarju tal-[PEEU] f’korpi internazzjonali ta’ standardizzazzjoni;

(d)      tippubblika it-traduzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament [...] Nru 1260/2012 matul il-perijodu tranżitorju msemmi f’dak l-Artikolu;

(e)      il-ġbir u l-amminstrazzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid għal [PEEU], fir-rigward tas-snin ta’ wara s-sena li fiha ir-referenza tal-għotja hija ippubblikata fil-Bulettin Ewropew tal-Privattiva; il-ġbir u l-amministrazzjoni ta’ tariffi addizzjonali għal ħlas tard tat-tariffi ta’ tiġdid fejn dan il-ħlas tard isir fi żmien sitt xhur mid-data meta suppost sar il-ħlas, kif ukoll id-distribuzzjoni ta’ parti mit-tariffi ta’ tiġdid miġbura lill-Istati Membri parteċipanti;

(f)      jamministra skema ta’ kumpens għar-rimbors ta’ spejjeż ta’ traduzzjoni imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament [...] Nru 1260/2012;

(g)      jiżgura li talba għal effett unitarju mill-proprjetarju tal-privattiva Ewropea tiġi sottomessa fil-lingwa tal-proċeduri kif definit fl-Artikolu 14(3) tal-KEP mhux aktar tard minn xahar wara li r-referenza tal-għotja tiġi ppubblikata fil-Bulettin Ewropew tal-Privattiva; u

(h)      jiżgura li l-effett unitarju jiġi indikat fir-Reġistru għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja, fejn talba għal effett unitarju tkun ġiet ippreżentata u, matul il-perijodu transitorju previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament [...] Nru 1260/2012, tkun ġiet sottomessa flimkien mat-traduzzjonijiet msemmija f’dak l-Artikolu u li l-EPO jiġi infurmat bi kwalunkwe limitazzjoni, liċenzji, trasferimenti jew revoki ta’ [PEEU].

2.       L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament huma u jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom skont il-KEP u għandhom jikkooperaw għal dak il-għan. Fil-kapaċità tagħhom ta’ Stati kontraenti għall-KEP, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-governanza u s-sorveljanza tal-attivitajiet relatati mal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandhom jiżguraw l-istabbiliment tal-livell tat-tariffi ta’ tiġdid skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament u s-sehem tad-distribuzzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament.

Għal dak il-għan, għandhom iwaqqfu kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi (minn issa ’il quddiem [il-]‘Kumitat Magħżul’) fis-sens tal-Artikolu 145 tal-KEP.

Il-Kumitat Magħżul għandu jkun kompost mir-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti u rappreżentant tal-Kummissjoni bħala osservatur, kif ukoll sostituti li jirrappreżentaw lil dawn fl-assenza tagħhom. Il-Membri tal-Kumitat Magħżul jistgħu jiġu assistiti minn konsulenti jew esperti.

Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Magħżul għandhom jittieħdu bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni skont it-regoli stipulati fl-Artikolu 35(2) tal-KEP.

3.      L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-protezzjoni legali effettiva quddiem qorti kompetenti ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri parteċipanti kontra d-deċiżjonijiet tal-EPO fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1.”

14.      L-Artikolu 18 tar-Regolament huwa fformulat hekk:

“1.      Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.      Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 jew mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim [QUP], skont liema data tkun l-aħħar.

B’deroga mill-Artikoli 3(1), 3(2) u 4(1), privattiva Ewropea li għaliha effett unitarju jkun irreġistrat fir-Reġistru għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja għandu jkollha effett unitarju biss f’dawk l-Istati Membri parteċipanti li fihom il-[QUP] jkollha ġurisdizzjoni esklussiva rigward il-[PEEU] fid-data tar-reġistrazzjoni.

3.      Kull Stat Membru parteċipanti għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bir-ratifikazzjoni tiegħu tal-Ftehim fil-waqt tad-depożitu tal-istrument ta’ ratifika tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u lista tal-Istati Membri li jkunu rratifikaw il-ftehim fid-data tad-dħul fis-seħħ. Il-Kummissjoni, għandha b’mod regolari wara dan taġġorna l-lista tal-Istati Membri parteċipanti li jkunu rratifikaw il-Ftehim [QUP] u għandha tippubblika lista aġġornata bħal din f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.      L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 9 ikunu fis-seħħ sad-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5.      Kull Stat Membru parteċipanti għandu jiżgura li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(2) ikunu fis-seħħ sad-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew, fil-każ ta’ Stat Membru parteċipanti li fih il-[QUP] ma jkollhiex ġurisdizzjoni esklussiva fir-rigward tal-[PEEU] fid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sad-data li minnha l-[QUP] jkollha tali ġurisdizzjoni esklussiva f’dak l-Istat Membru parteċipanti.

6.      Il-protezzjoni tal-privattiva unitarja tista’ tintalab għal kwalunkwe privattiva Ewropea mogħtija fid-data jew wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

15.      B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Marzu 2013, ir-Renju ta’ Spanja beda din l-azzjoni.

16.      B’deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2013, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn dawn l-intervenjenti kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

18.      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li r-Regolament ikkontestat huwa legalment ineżistenti jew, fuq bażi sussidjarja, tannullah fl-intier tiegħu,

–        fuq bażi ulterjorment sussidjarja, tannulla:

–        l-Artikolu 9(1) fl-intier tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 9(2) tar-Regolament ikkontestat, skont it-termini indikati taħt il-ħames motiv ta’ dan ir-rikors, u

–        l-Artikolu 18(2) tar-Regolament ikkontestat fit-totalità tiegħu, kif ukoll ir-riferimenti kollha li r-Regolament jagħmel għall-QUP bħala sistema ġudizzjarja tal-PEEU u bħala sors tad-dritt tagħha, u

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

19.      Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors, u

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

III – Fuq ir-rikors

20.      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka seba’ motivi fuq bażi prinċipali.

21.      L-ewwel motiv jallega ksur tal-valuri tal-istat ta’ dritt kif iddikjarati fl-Artikolu 2 TUE. Ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li r-Regolament ikkontestat jagħti protezzjoni bbażata fuq il-privattiva Ewropea, minkejja li l-proċedura amministrattiva li tirrigwarda l-ħruġ ta’ tali privattiva ma taqa’ taħt ebda stħarriġ ġudizzjarju li jippermetti l-applikazzjoni korretta u uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

22.      It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 118 TFUE ma jikkostitwixxix il-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, peress li ma jistabbilixxix miżuri li jiggarantixxu l-protezzjoni uniformi prevista f’dik id-dispożizzjoni.

23.      It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-użu ħażin ta’ poter. Skont ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament u l-Kunsill ikkommettew tali użu ħażin inkwantu r-Regolament ikkontestat ma jirrispettax l-objettiv tal-kooperazzjoni msaħħa msemmija fl-Artikolu 20(1) TUE.

24.      Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 291(2) TFUE. Fuq bażi prinċipali, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-kompetenza attribwita lill-Istati Membri parteċipanti li jaġixxu fil-kuntest tal-kumitat magħżul billi jiffissaw il-livell ta’ tariffi ta’ tiġdid u jiddefinixxu l-kwota ta’ distribuzzjoni tagħhom. Skont dak l-Istat Membru, l-Artikolu 291 TFUE ma jippermettix lil-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddelega lill-Istati Membri parteċipanti tali kompetenza. Fuq bażi sussidjarja, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka l-ksur tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (11) inkwantu d-delega ta’ poteri ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati f’dik is-sentenza. Il-ħames motiv, min-naħa l-oħra, huwa bbażat fuq ksur tal-istess prinċipji stabbiliti fl-imsemmija sentenza, minħabba d-delega lill-EPO, fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ikkontestat, ta’ ċerti kompiti amministrattivi marbuta mal-PEEU. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li s-setgħat iddelegati jimplikaw diskrezzjoni wiesgħa u, barra minn hekk, l-atti tal-EPO ma humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

25.      Is-sitt u s-seba’ motivi huma bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija u uniformità tad-dritt tal-Unjoni. Ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li l-kompetenzi tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha ġew żnaturati, peress li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament ikkontestat jissuġġetta l-applikabbiltà ta’ dan tal-aħħar għad-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim QUP inkwantu dik id-data tiġi wara l-1 ta’ Jannar 2014, waqt li jenfasizza li s-sistema ġudizzjarja speċifika għall-PEEU hija prevista f’dak il-ftehim u mhux fir-Regolament ikkontestat.

26.      Fuq bażi sussidjarja, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament parzjali tar-Regolament ikkontestat, kif ifformulat fil-punt 18 ta’ dawn it-talbiet.

A –    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-valuri tal-istat ta’ dritt

1.      L-argumenti tal-partijiet

27.      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li r-Regolament ikkontestat, inkwantu jistabbilixxi regolamentazzjoni bbażata fuq titolu maħruġ mill-EPO, li l-atti tiegħu ma humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, għandu jiġi annullat, għaliex imur kontra l-valuri ta’ osservanza tal-istat ta’ dritt kif imsemmija fl-Artikolu 2 TUE.

28.      Skont dak l-Istat Membru, il-proċedura amministrattiva kollha relatata mal-ħruġ ta’ privattiva Ewropea ma taqa’ taħt ebda stħarriġ ġudizzjarju li jiggarantixxi l-applikazzjoni korretta u uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

29.      L-imsemmi Stat Membru jsostni li ma jistax jiġi aċċettat li r-Regolament ikkontestat jinkorpora fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tal-atti maħruġa minn korp internazzjonali li ma huwiex suġġett għall-prinċipji msemmija hawn fuq. Minn naħa waħda, il-bordijiet tal-appell u l-bord suprem tal-appell huma korpi stabbiliti fi ħdan l-EPO li ma għandhom ebda indipendenza fir-rigward ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet tagħhom ma huma suġġetti għal ebda azzjoni ġudizzjarja.

30.      Il-Parlament u l-Kunsill jargumentaw li l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi offrut mis-sistema stabbilita huwa kompatibbli mal-prinċipji tal-istat ta’ dritt.

31.      Il-Parlament jindika li l-validità, in-nullità jew il-ksur tal-privattiva unitarja huma, b’applikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Ftehim QUP, suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-QUP, li d-deċiżjonijiet amministrattivi tal-EPO dwar il-ħruġ ta’ PEEU jistgħu jkunu suġġetti għal rikorsi amministrattivi quddiem diversi awtoritajiet fi ħdan il-EPO, li l-livell ta’ protezzjoni li minnu jibbenefikaw l-individwi fil-kuntest tal-KEP, ġie ġġudikat bħala aċċettabbli mill-Istati Membri, li lkoll huma partijiet għal dik il-konvenzjoni, u li l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-EPO fil-kuntest tal-kompiti amministrattivi msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament ikkontestat huwa previst fil-paragrafu 3 ta’ dik id-dispożizzjoni.

32.      Il-Kunsill, min-naħa l-oħra, isostni li s-sistema stabbilita mill-KEP hija kompatibbli mad-dritt fundamentali ta’ aċċess għal qorti. Għalkemm huwa minnu li l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi (12) tgawdi minn immunità ta’ ġurisdizzjoni u ta’ eżekuzzjoni, madankollu dik l-immunità tista’ tiġi rtirata f’każ konkret, u din l-organizzazzjoni tista’ tikkonkludi ma’ parti kontraenti waħda jew iktar, ftehimiet komplementari għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-immunità. Barra minn hekk, xejn ma jipprekludi li din l-organizzazzjoni tippreċiża, permezz ta’ ftehim internazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu suġġetti għal stħarriġ minn korp ġudizzjarju.

33.      Il-Kunsill sussegwentement jargumenta li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-immunità ġudizzjarja tal-organizzazzjonijiet internazzjonali mad-dritt ta’ aċċess għal qorti, ġiet eżaminata f’livell nazzjonali u internazzjonali. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet ukoll il-kompatibbiltà tal-immunità ġudizzjarja tal-organizzazzjonijiet internazzjonali mad-dritt fundamentali ta’ aċċess għal qorti, sa fejn ir-rikorrenti għandhom mezzi raġonevoli oħrajn biex jipproteġu b’mod effikaċi d-drittijiet tagħhom iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (13). Dan huwa dak li ġara f’dan il-każ. L-indipendenza u n-natura ġudizzjarja tal-bordijiet tal-appell u tal-bord suprem tal-appell ġew ikkonfermati mill-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (14), waqt li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-EPO hija globalment ekwivalenti għar-regoli ta’ protezzjoni ggarantiti mill-Kostituzzjoni Ġermaniża.

34.      Il-partijiet intervenjenti jaqblu mal-argumenti tal-Parlament u tal-Kunsill. Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jsostnu, madankollu u qabel kollox, li l-ewwel motiv ma huwiex effettiv inkwantu r-Regolament ikkontestat ma għandux l-iskop li jirregola l-kundizzjonijiet għall-ħruġ jew għall-validità ta’ privattiva Ewropea. Lanqas ma għandu l-iskop jew l-effett li jinkorpora l-atti tal-EPO jew is-sistema tal-KEP fis-sistema ġuridika tal-Unjoni. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-validità tar-Regolament ikkontestat, l-uniċi atti tal-EPO li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma dawk marbuta mar-rikonoxximent tal-effett unitarju tal-privattiva Ewropea, li huma konformi mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-QUP. Fi kwalunkwe każ, dawk l-Istati Membri jaqblu mal-motivi msemmija mill-Parlament u l-Kunsill li jiġġustifikaw li d-drittijiet fundamentali huma ggarantiti b’mod sodisfaċenti fis-sistema tal-KEP.

2.      L-evalwazzjoni tiegħi

35.      Fuq bażi preliminari, nirrileva li l-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni enfasizzaw in-nuqqas ta’ ċarezza tal-ewwel motiv, li ma huwiex ibbażat fuq ksur ta’ dritt fundamentali partikolari, iżda fuq allegat ksur tal-valuri tal-Unjoni.

36.      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ atti leġiżlattivi, għandha kompetenza, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi, b’mod partikolari, għal ksur ta’ kull regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tat-trattati.

37.      Għalkemm il-partijiet ma jistgħux jibbażaw ruħhom direttament fuq l-istat ta’ dritt, kif previst fl-Artikolu 2 TUE, biex jannullaw att tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li huwa diffiċli li ma jiġix rikonoxxut li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-possibbiltà li tikkunsidra l-istat ta’ dritt bħala regola tad-dritt ammissibbli quddiemha (15), speċjalment peress li r-Renju ta’ Spanja jsemmi, fir-rikors tiegħu, il-projbizzjoni ta’ aġir arbitrarju, id-dritt għal rimedju effettiv kif ukoll l-osservanza u l-uniformità tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni (16).

38.      B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina motiv ta’ dan it-tip, invokat mill-perspettiva ta’ ksur tal-valuri tal-osservanza tal-istat ta’ dritt.

39.      Madankollu, bħar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja, jiena nemmen li dan l-ewwel motiv, li jallega li s-sistema ta’ ħruġ ta’ privattivi ma huwiex konformi mal-Artikolu 2 TUE huwa ineffettiv, inkwantu ma għandu ebda effett fuq il-legalità tar-Regolament ikkontestat.

40.      Minn naħa waħda, l-għażla mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jaċċetta r-regoli għall-ħruġ tal-privattiva Ewropea saret fi stadju preċedenti għar-Regolament ikkontestat u f’kuntest ferm preċiż u, min-naħa l-oħra, is-suġġett tar-Regolament ikkontestat huwa ddelimitat sew.

a)      L-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni

41.      L-aċċettazzjoni tar-regoli tal-KEP fir-rigward tal-ħruġ tal-privattiva Ewropea hija kkonċepita hawnhekk fil-kuntest tal-kooperazzjoni msaħħa u fl-għażla razzjonali li saret mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod kostanti, tat lil-leġiżlatur setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ oqsma li jinvolvu minn naħa tiegħu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa msejjaħ li jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi (17).

43.      Il-qasam tal-proprjetà intellettwali, u b’mod iktar partikolari dak tal-privattivi, jagħmel parti minn dawn l-oqsma.

44.      Għandu jitfakkar li, sa mill-bidu tal-proċessi ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-privattivi fl-Ewropa, il-leġiżlatur tal-Unjoni dejjem kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi privattiva tal-Unjoni fuq il-bażi tas-sistema tal-KEP u tal-privattiva eżistenti (18).

45.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni lanqas ma ried jeskludi l-possibbiltà li jibbaża ruħu fuq dik is-sistema fil-kuntest tal-kooperazzjoni msaħħa. Fil-fatt, tali sistema tippreżenta l-vantaġġ li diġà tinsab fis-seħħ u li tat prova sħiħa tal-effikaċja tagħha fil-mod kif tiffunzjona bil-kwalità u l-grad għoli ta’ teknika u ħila esperta li jikkaratterizzawha. Barra minn hekk, ir-regoli tagħha huma vinkolanti għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni bħala Stati kontraenti tal-KEP u, kif jenfasizza l-Kunsill, l-Istati Membri qatt ma qiesu li l-effetti li jistgħu jipproduċu d-deċiżjonijiet tal-EPO fir-rigward tal-ħruġ ta’ privattivi jistgħu jmorru kontra l-prinċipji kostituzzjonali tagħhom.

46.      B’hekk, fid-deċiżjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa li, għandu jitfakkar, kienet is-suġġett ta’ żewġ rikorsi għal annullament min-naħa tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Taljana li ġew miċħuda, l-objettiv iddikjarat fil-premessa 7 tagħha jirreferi għall-ħolqien ta’ privattiva unitarja, u jispjega li dan jagħti protezzjoni uniformi fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha, “li tingħata fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri kollha mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO)”.

47.      Ir-Renju ta’ Spanja jirrikonoxxi huwa stess id-diversi opzjonijiet li kellu l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-eżerċitar tal-kompetenza tiegħu (19) u ma jikkontestax l-għażla ta’ dak il-leġiżlatur fiha nnifisha. Madankollu, huwa jikkunsidra li, billi “integra” fir-regolamentazzjoni tiegħu sistema internazzjonali li fiha l-prinċipji kostituzzjonali tat-trattati ma ġewx osservati, ir-Regolament ikkontestat imur kontra l-valuri ta’ rispett tal-istat ta’ dritt.

48.      Fil-fehma tiegħi dik l-analiżi hija żbaljata anki fid-dawl tal-iskop tar-Regolament ikkontestat.

b)      L-iskop tar-Regolament ikkontestat

49.      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ikkontestat, dan jikkostitwixxi ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 tal-KEP (20), li jipprovdi li “[k]ull grupp ta’ Stati kontraenti li, fi ftehim speċjali, ikun ipprovda li l-privattivi Ewropej maħruġa għal dawk l-Istati għandu jkollhom natura unitarja fit-territorji tagħhom kollha, jista’ jipprovdi li l-privattivi Ewropej jistgħu jinħarġu biss konġuntament għall-Istati kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

50.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni tabilħaqq kellu l-intenzjoni li jibbaża, fi stadju preliminari għar-Regolament ikkontestat, fuq is-sistema ta’ ħruġ tal-privattiva Ewropea mill-EPO, iżda mingħajr ma jinkorpora dik is-sistema fir-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, l-iskop proprju ta’ dak ir-Regolament jippermetti li jiġi identifikat li din ma hijiex kwistjoni li jiġu rregolati l-kundizzjonijiet għall-ħruġ u għall-validità tal-privattiva Ewropea u lanqas li tiġi prevista għal dan il-għan sistema bħal dik li setgħet tiġi stabbilita għall-istħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-EPO fir-rigward tal-kompiti li jaqgħu fuqu abbażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament ikkontestat.

51.      Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li kieku kellu jiġi annullat ir-Regolament ikkontestat, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ jew għall-validità tal-privattiva Ewropea ma jkunux affettwati minn dak l-annullament.

52.      Fil-fehma tiegħi, l-iskop uniku tar-Regolament ikkontestat huwa li jinkwadra r-rikonoxximent tal-effett unitarju ta’ privattiva Ewropea diġà maħruġa b’mod konformi mal-KEP.

53.      Kif isemmu r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja, il-leġiżlatur tal-Unjoni llimita ruħu sempliċement biex jindika l-karatteristiċi, il-kundizzjonijiet għat-twettiq u l-effetti tal-protezzjoni unitarja. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja stess irrikonoxxa dan fil-punt 20 tar-rikors tiegħu.

54.      F’dan ir-rigward, nibbaża ruħi fuq it-test tar-Regolament ikkontestat li huwa inekwivoku.

55.      B’hekk, il-formulazzjoni tat-titolu ta’ dan ir-Regolament ma tħalli lok għal ebda dubju, inkwantu dan tal-aħħar “jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja” (21).

56.      Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, bit-titolu “Suġġett”, jippreċiża fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan ir-Regolament “jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja, kif awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni [dwar kooperazzjoni msaħħa]” (22).

57.      Barra minn hekk, il-premessa 7 tal-imsemmi Regolament tindika l-mument minn meta l-effett unitarju jidħol fis-seħħ billi tispeċifika li “[p]rotezzjoni tal-privattiva unitarja għand[ha] [t]inkiseb billi jingħata effett unitarju lill-privattivi Ewropej fil-fażi ta’ wara l-għotja permezz ta’ dan ir-Regolament [...]” (23). Dan tabilħaqq ifisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried ikopri biss, fir-Regolament ikkontestat, il-fażi ta’ wara l-ħruġ ta’ privattiva Ewropea. L-intervent tiegħu fl-implementazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa jseħħ f’dan il-mument preċiż tal-kisba tal-protezzjoni unitarja.

58.      Il-protezzjoni unitarja li r-Regolament ikkontestat jorganizza b’hekk tidħol fis-seħħ biss wara li tinħareġ il-privattiva Ewropea u sakemm din tinżamm fis-seħħ. Dan ir-Regolament b’hekk sempliċement jagħti lill-privattivi Ewropej kwalità supplimentari, jiġifieri l-effett unitarju, mingħajr ma jaffettwa l-proċedura rregolata mill-KEP (24), li l-Istati Membri tal-Unjoni bħala Stati partijiet għal dik il-konvenzjoni huma obbligati li jirrispettaw.

59.      Il-protezzjoni mogħtija ma għadhiex irregolata mid-dritt nazzjonali tad-diversi Stati Membri skont l-Artikolu 64 tal-KEP, iżda mid-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni uniformi tar-Regolament ikkontestat.

60.      Ir-Regolament ikkontestat jagħti definizzjoni tal-PEEU, jippreċiża d-data meta tidħol fis-seħħ, id-drittijiet li din tagħti u l-portata tagħhom. Jipprovdi wkoll dispożizzjonijiet finanzjarji fir-rigward tat-tariffi li l-PEEU tiġġenera kif ukoll dispożizzjonijiet istituzzjonali dwar il-ġestjoni tagħha li jinkludu kompiti amministrattivi li jaqgħu fuq l-EPO li d-deċiżjonijiet tiegħu huma, f’dan il-każ, l-uniċi li jistgħu jiġu kkontestati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-legalità tar-Regolament ikkontestat.

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel motiv tar-Renju ta’ Spanja inkwantu dan huwa ineffettiv, peress li ma għandu ebda effett fuq il-legalità tar-Regolament ikkontestat billi ma jistax jiddependi fuq il-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-EPO dwar il-ħruġ ta’ privattivi Ewropej mad-dritt tal-Unjoni.

B –    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-ineżistenza tar-Regolament ikkontestat minħabba nuqqas ta’ bażi legali

1.      L-argumenti tal-partijiet

62.      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li l-Artikolu 118 TFUE ma kienx jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat u li dan tal-aħħar għandu jitqies li huwa ineżistenti.

63.      Huwa jsostni li r-Regolament ikkontestat huwa nieqes minn kull kontenut materjali, b’mod partikolari billi ma jiddeterminax l-atti li kontrihom il-PEEU tiżgura protezzjoni. Is-suġġett u l-għan tar-Regolament ikkontestat b’hekk ma jikkorrispondux għall-bażi legali li fuqha huwa bbażat.

64.      Skont ir-Renju ta’ Spanja, ir-riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti fuq il-bażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat ma jiggarantixxix protezzjoni uniformi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u industrijali tal-Unjoni u dak ir-Regolament ma jwettaqx approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri għal dan il-għan.

65.      Il-Parlament u l-Kunsill isostnu li l-Artikolu 118 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa. Dik id-dispożizzjoni, li tippermetti l-istabbiliment ta’ miżuri relatati mal-ħolqien ta’ titoli Ewropej sabiex tiġi żgurata protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Unjoni u l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni, ta’ koordinazzjoni u ta’ kontroll ċentralizzati fil-livell tal-Unjoni, ma teħtieġx armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet nazzjonali, sakemm jinħoloq titolu ta’ proprjetà intellettwali jew industrijali li joffri protezzjoni uniformi fl-Istati Membri parteċipanti.

66.      Meta jitqies l-iskop u l-kontenut tiegħu, ir-Regolament ikkontestat jissodisfa r-rekwiżit imsemmi hawn fuq, inkwantu jistabbilixxi l-PEEU, li toffri protezzjoni uniformi fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti, u jiddefinixxi l-karatteristiċi tagħha kif ukoll il-portata u l-effetti tagħha.

67.      Il-partijiet intervenjenti kollha jaqblu mal-osservazzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill, u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizza, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza Spanja u L-Italja vs Il-Kunsill (25), li l-Artikolu 118 TFUE jikkostitwixxi bażi xierqa għall-kisba tal-effett unitarju tal-privattiva Ewropea.

2.      L-evalwazzjoni tiegħi

68.      Ir-Renju ta’ Spanja huwa tal-fehma li l-bażi legali mogħtija mill-Artikolu 118 TFUE ma hijiex xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat inkwantu jikkunsidra li dan ir-regolament huwa regola tad-dritt mingħajr ebda kontenut, li l-għan finali tagħha huwa li l-kompetenzi mogħtija mit-Trattat lill-Unjoni jkunu eżerċitati minn korp internazzjonali, u li r-riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma huwiex tali li jiggarantixxi protezzjoni uniformi fl-Unjoni.

69.      Jien ma naqbilx ma’ dan l-argument, u dan għar-raġunijiet segwenti.

70.      Għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, “l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ l-att” (26).

71.      Fir-rigward tal-objettiv tar-Regolament ikkontestat, dan huwa, għandu jitfakkar, li jagħti protezzjoni uniformi fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha (27).

72.      Dan jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ikkontestat, li jipprovdi li “[PEEU] għandha jkollha karattru unitarju. Għandha tipprovdi protezzjoni uniformi u għandha jkollha effett indaqs fl-Istati Membri parteċipanti kollha”.

73.      Dik il-protezzjoni tagħti benefiċċju reali f’termini ta’ uniformità, u b’hekk ta’ integrazzjoni, meta mqabbla mas-sitwazzjoni li tirriżulta mill-implementazzjoni tar-regoli previsti mill-KEP li jiżguraw, f’kull wieħed mill-Istati kontraenti tagħha, protezzjoni li l-portata tagħha hija ddefinita mid-dritt nazzjonali (28).

74.      Effettivament, b’mod konformi mal-Artikolu 64(1) tal-KEP, l-effetti tal-privattiva Ewropea huma ddeterminati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ “kull wieħed mill-Istati li għalih tkun inħarġet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-proprjetarju ta’ privattiva Ewropea b’hekk kien ikollu l-obbligu li jitlob ir-reġistrazzjoni tal-privattiva Ewropea tiegħu f’kull Stat li huwa parti għall-KEP fejn ikun jixtieq jibbenefika minn protezzjoni.

75.      Dan kien ifisser li, għall-istess ksur imwettaq f’diversi Stati Membri, kien ikun hemm diversi proċeduri u liġijiet applikabbli biex tiġi rregolata l-kwistjoni, li dan kien joħloq inċertezza legali sostanzjali.

76.      Fir-rigward tal-kontenut tar-Regolament ikkontestat, ma nistax naqbel mal-analiżi tar-Renju ta’ Spanja li jsostni li dak ir-regolament huwa “qoxra vojta”, meta d-dispożizzjonijiet li jipprovdi huma suffiċjenti u meta jitqies il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni jeżerċita kompetenza kondiviża mal-Istati Membri.

77.      Minn naħa waħda, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ikkontestat jipprovdi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-effett unitarju billi jippreċiża li dan jingħata biss jekk il-privattiva Ewropea tkun inħarġet bl-istess ġabra ta’ talbiet għall-Istati Membri parteċipanti kollha u jekk tkun ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-protezzjoni unitarja mogħtija minn privattiva.

78.      L-Artikolu 4 tar-Regolament ikkontestat huwa relatat mad-data meta tidħol fis-seħħ il-PEEU, jiġifieri l-jum tal-pubblikazzjoni mill-EPO tal-avviż tal-ħruġ tal-privattiva Ewropea fil-Bulettin Ewropew tal-Privattivi, b’mod li titqies li ma daħlitx fis-seħħ bħala privattiva nazzjonali fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti f’dik id-data.

79.      Rigward l-Artikolu 5 tar-Regolament ikkontestat, dwar il-protezzjoni uniformi, dan jiddefinixxi l-effetti tal-karattru unitarju u l-mod kif tiġi ggarantita l-protezzjoni uniformi fl-Istati Membri parteċipanti kollha.

80.      Dan jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-PEEU tagħti d-dritt lill-proprjetarju tagħha li jipprevjeni kwalunkwe terz milli jwettaq atti li kontrihom tipprovdi protezzjoni dik il-privattiva fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti li fihom hija għandha effett unitarju, suġġett għal limitazzjonijiet applikabbli.

81.      Fil-paragrafu 2 tiegħu, dan jipprovdi li l-portata ta’ dak id-dritt u l-limitazzjonijiet tiegħu huma uniformi fl-Istati Membri parteċipanti kollha li fihom il-privattiva għandha effett unitarju.

82.      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, wara t-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 118 TFUE jagħti bażi legali xierqa għall-ħolqien ta’ titoli ta’ proprjetà intellettwali u jirrigwarda espressament l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, qasam li jaqa’ taħt il-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 4(2) TFUE (29).

83.      Meta t-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża mal-Istati Membri f’qasam speċifiku, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f’dak il-qasam. Dan huwa previst fl-Artikolu 2(2) TFUE, li jiddikjara wkoll li “[l]-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sal-punt fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat tagħha”.

84.      Barra minn hekk, l-Artikolu 118 TFUE jipprovdi li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu “[jistabbilixxi] l-miżuri dwar il-ħolqien ta’ drittijiet Ewropej sabiex tiġi assigurata protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali madwar l-Unjoni u dwar l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni, ta’ koordinazzjoni u ta’ kontroll ċentralizzati fil-livell ta’ l-Unjoni” (30).

85.      Wieħed ma għandux jinsa li l-kompetenzi mogħtija mill-Artikolu 118 TFUE huma eżerċitati f’din il-kawża abbażi tal-implementazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa u li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-diskrezzjoni wiesgħa tiegħu, għażel li jirrikorri għal diversi strumenti legali li jirriżultaw fl-istess ħin mid-dritt internazzjonali, mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mid-dritt nazzjonali għall-finijiet ta’ dik l-implementazzjoni, u dan ma huwiex ikkontestat mir-Renju ta’ Spanja.

86.      Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’, fil-fehma tiegħi, jirreferi għad-dritt nazzjonali billi jipprovdi, fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, li l-atti li kontrihom il-privattiva tiżgura protezzjoni u l-limitazzjonijiet applikabbli huma dawk iddefiniti fil-liġi applikabbli għall-PEEU fl-Istat Membru parteċipanti li d-dritt nazzjonali tiegħu japplika għall-PEEU bħala oġġett ta’ proprjetà.

87.      F’dan ir-rigward, il-premessa 9 tar-Regolament ikkontestat tippermetti li tiġi interpretata dik id-dispożizzjoni billi tiddikjara li “Fi kwistjonijiet mhux koperti minn dan ir-Regolament [...] għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-KEP, il-Ftehim [QUP], inklużi d-dispożizzjonijiet tiegħu li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni [u l-limitiazzjonijiet tad-dritt li kwalunkwe terz jiġi prekluż milli jwettaq atti li kontihom din il-privattiva tiżgura protezzjoni], u l-liġi nazzjonali, inklużi r-regoli tal-liġi internazzjonali privata”.

88.      Il-Ftehim QUP jiddefinixxi, fl-Artikoli 25 sa 27 tiegħu, l-atti li kontrihom PEEU tiżgura protezzjoni u l-limitazzjonijiet tal-effetti ta’ tali privattiva. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jittrasponu fid-dritt nazzjonali tagħhom id-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-artikoli.

89.      Barra minn hekk, l-Artikolu 118 TFUE, li jagħmel parti mill-Kapitolu 3 tat-Titolu VII tat-Trattat FUE dwar “l-approssimazzjoni tal-liġijiet”, mhux neċessarjament jeżiġi min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li huwa jarmonizza kompletament l-aspetti kollha tad-dritt tal-proprjetà intellettwali billi jistabbilixxi ġabra eżawrjenti ta’ regoli dwar il-funzjonament jew il-kontenut tiegħu. Ir-Renju ta’ Spanja stess irrikonoxxa dan fir-replika tiegħu (31).

90.      B’hekk, fil-fehma tiegħi, ma hemm xejn fid-diċitura tal-Artikolu 118 TFUE li teskludi li l-att tal-Unjoni li għalih ikun stabbilit it-titolu jirreferi għad-dritt nazzjonali, sakemm dak l-att jiggarantixxi li t-titolu jiżgura protezzjoni uniformi fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti.

91.      Hija l-garanzija ta’ din il-protezzjoni li r-Renju ta’ Spanja qiegħed jikkontesta wkoll f’din il-kawża.

92.      Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi għad-dritt nazzjonali, dan ma jfissirx li l-protezzjoni uniformi msemmija fl-Artikolu 118 TFUE ma hijiex iggarantita.

93.      Jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikoli 5(3) u 7 tar-Regolament ikkontestat kif ukoll tal-premessa 9 tiegħu li leġiżlazzjoni nazzjonali unika għandha tiddefinixxi l-atti li kontrihom il-PEEU tiżgura protezzjoni. Fi kliem ieħor, kull PEEU tkun suġġetta għal-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru wieħed u dik il-leġiżlazzjoni tkun applikabbli għat-territorju kollu tal-Istati Membri parteċipanti.

94.      Billi jirreferi għal-liġi nazzjonali applikabbli f’kull każ, ir-Regolament ikkontestat b’hekk jiggarantixxi protezzjoni uniformi inkwantu dak ir-riferiment ikopri wkoll kull ftehim internazzjonali li għalih l-Istati Membri huma partijiet, inkluż il-Ftehim QUP li għandu jiġi rratifikat mill-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE (32).

95.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni motiv tar-Renju ta’ Spanja bħala infondat.

C –    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

1.      L-argumenti tal-partijiet

96.      Ir-Renju ta’ Spanja jafferma li l-Parlament u l-Kunsill ikkommettew użu ħażin ta’ poter, peress li r-Regolament ikkontestat ma josservax l-objettiv ta’ kooperazzjoni msaħħa msemmi fl-Artikolu 20(1) TUE. Peress li l-effetti tal-PEEU huma ppreċiżati fil-Ftehim QUP, l-uniku skop tar-Regolament ikkontestat huwa li joħloq l-apparenza ta’ kunċett u ta’ regolamentazzjoni tal-Unjoni, waqt li fir-realtà, dan jipproduċi devjazzjoni mid-dritt tal-Unjoni u mill-kontrolli tagħha. Għall-kuntrarju ta’ dak li jafferma l-Parlament, dik il-kwistjoni ma ġietx deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Spanja u L-Italja vs Il-Kunsill (33).

97.      Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

98.      Il-Parlament jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’dik is-sentenza, ċaħdet l-allegazzjonijiet ta’ użu ħażin ta’ poter fl-istabbiliment tal-protezzjoni unitarja mogħtija minn privattiva. Il-Kunsill jiddikjara wkoll li r-Regolament ikkontestat u l-ħolqien tal-PEEU jiffavorixxu l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni, waqt li proprjetarju ta’ privattiva Ewropea li jkun jixtieq jikseb protezzjoni fil-25 Stat Membru parteċipanti jkun obbligat, mingħajr l-effett unitarju ta’ tali privattiva, li jivvalida separatament dik il-privattiva f’kull wieħed mill-25 Stat Membru, u dik il-privattiva jkollha tiġi kkonfermata u, f’każ ta’ litigazzjoni, iddefenduta separatament f’kull wieħed mill-25 Stat Membru.

99.      Il-partijiet intervenjenti jaqblu mal-argumenti tal-Parlament u tal-Kunsill.

2.      L-evalwazzjoni tiegħi

100. Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter inkwantu juża l-kooperazzjoni msaħħa għal finijiet oħrajn li ma humiex dawk assenjati lilu mit-Trattati.

101. Fil-fehma tiegħu, ir-Regolament ikkontestat huwa “qoxra vojta” u b’hekk ma jiggarantixxix protezzjoni uniformi li tikkostitwixxi l-għan tad-deċiżjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa.

102. Skont ġurisprudenza stabbilita, att huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk, fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ġie adottat bl-iskop esklużiv jew, mill-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk li għalihom ingħata jew sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattati sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ (34).

103. Għalkemm ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li dan il-motiv huwa bbażat fil-kuntest tal-kooperazzjoni msaħħa u mhux mill-perspettiva tar-Regolament ikkontestat fih innifsu, li huwa s-suġġett tat-tieni motiv, xorta jibqa’ l-fatt li jeċċepixxi l-istess argument li jgħid li l-kontenut tar-Regolament ikkontestat huwa vojt fis-sens li ma jinkludi ebda sistema legali li tiggarantixxi protezzjoni uniformi.

104. Peress li dan l-argument ġie miċħud fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, il-provi li fuqhom jibbaża r-Renju ta’ Spanja b’hekk ma humiex provi pertinenti. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D –    Fuq ir-raba’ u l-ħames motivi, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 291(2) TFUE u tal-prinċipji ddikjarati fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja

1.      L-argumenti tal-partijiet

105. Permezz tar-raba’ motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-attribuzzjoni, fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament ikkontestat, lill-Istati Membri parteċipanti li jaġixxu fil-kuntest tal-Kumitat Magħżul, tal-kompetenza li jiffissaw il-livell ta’ tariffi ta’ tiġdid u l-kwota ta’ distribuzzjoni tagħhom. L-attribuzzjoni ta’ dawk il-kompetenzi ta’ eżekuzzjoni lill-Istati Membri parteċipanti tikkostitwixxi, fuq bażi prinċipali, ksur tal-Artikolu 291(2) TFUE u, fuq bażi sussidjarja, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li dik id-dispożizzjoni ma ġietx miksura, ksur tal-prinċipji ddikjarati fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (35), dwar id-delega tal-kompetenza.

106. Il-Parlament isostni li l-attribuzzjoni ta’ ċerti kompetenzi lill-aġenziji dejjem kienet eċċezzjoni għar-regoli tat-Trattat dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li huwa ġuridikament aċċettabbli taħt ċerti kundizzjonijiet. Huwa jistaqsi, barra minn hekk, dwar ir-rilevanza ta’ dik is-sentenza f’każ ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi lil korp internazzjonali bħall-Kumitat Magħżul.

107. Il-Kunsill huwa tal-fehma li, b’mod konformi mal-Artikolu 291(1) TFUE, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jadottaw atti legalment vinkolanti, ir-responsabbiltà għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni xierqa taqa’ fuq l-Istati Membri. Huwa biss f’każ li l-applikazzjoni ta’ dawk l-atti tkun teħtieġ kundizzjonijiet uniformi li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni jiġu adottati mill-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, mill-Kunsill, b’mod konformi mal-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja ma jurix għalfejn l-iffissar tat-tariffi ta’ tiġdid u l-kwota ta’ distribuzzjoni tagħhom għandu jiġi eżegwit b’mod uniformi fil-livell tal-Unjoni. Minn dan isegwi li s-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (36) ma għandha ebda rilevanza għal din il-kawża.

108. Fi kwalunkwe każ, il-Parlament u l-Kunsill huma tal-fehma li l-kundizzjonijiet imposti minn dik is-sentenza huma ssodisfatti, waqt li l-Parlament jippreċiża li dik il-ġurisprudenza għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-Artikolu 118 TFUE, li jeżiġi li għandhom jiġu stabbiliti sistemi “ċentralizzati” għall-PEEU.

109. Il-partijiet intervenjenti jaqblu mal-osservazzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill. Għal diversi fosthom, il-prinċipji ddikjarati f’dik is-sentenza ma humiex applikabbli. Fi kwalunkwe każ, dawn huma osservati.

110. Permezz tal-ħames motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament ikkontestat, li jiddelega ċerti kompiti amministrattivi lill-EPO, jikser il-prinċipji stipulati fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (37). Dawn ma humiex kompetenzi tal-Istati Membri, iżda kompetenzi tal-Unjoni.

111. Il-Parlament u l-Kunsill jargumentaw li dik il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli.

112. Il-partijiet intervenjenti jaqblu mal-osservazzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

2.      L-evalwazzjoni tiegħi

113. Id-diversi partijiet ma jikkontestawx li, fuq il-bażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament ikkontestat, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri parteċipanti, fil-kuntest tal-kumitat magħżul li huma jistabbilixxu, li jiżguraw li jiffissaw il-livell tat-tariffi ta’ tiġdid u l-kwota ta’ distribuzzjoni tagħhom.

114. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, madankollu, li f’dan il-każ kienu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi ta’ eżekuzzjoni; li, għaldaqstant, il-kompetenzi ta’ eżekuzzjoni kellhom jingħataw, b’mod konformi mal-Artikolu 291(2) TFUE, lill-Kummissjoni jew, f’każijiet speċifiċi, lill-Kunsill, u li dik id-dispożizzjoni b’hekk ġiet miksura.

115. Ma nistax naqbel ma’ dan ir-raġunament.

116. Fil-fatt, ir-Renju ta’ Spanja jibbaża ruħu fuq dispożizzjoni li, fil-fehma tiegħi, ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

117. Skont l-Artikolu 291(2) TFUE, “meta jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ l-atti ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti, dawn l-atti jistgħu jagħtu l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b’mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill”.

118. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 291 TFUE ma jagħti ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ att ta’ eżekuzzjoni, iżda sempliċement jirreferi, fil-paragrafu 2 tiegħu, għan-neċessità li jiġi adottat tali att mill-Kummissjoni jew, f’ċerti każijiet speċifiċi, mill-Kunsill, sabiex jiġi żgurat li att legalment vinkolanti tal-Unjoni jiġi eżegwit fi ħdanha taħt kundizzjonijiet uniformi (38).

119. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jirriżulta, barra minn hekk, mill-Artikolu 291(2) TFUE, li huwa biss “[m]eta jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ l-atti ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti, [li] dawn l-atti jistgħu jagħtu l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b’mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 [TUE] u 26 [TUE], lill-Kunsill” (39).

120. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li l-att ta’ eżekuzzjoni għandu jippreċiża “l-kontenut ta’ att leġiżlattiv sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollhaˮ (40).

121. F’dan il-każ, jidhirli li l-eżerċitar mill-Istati Membri parteċipanti tas-setgħa mogħtija lilhom mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament ikkontestat jaqa’ taħt qafas regolatorju stabbilit u delineat mil-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jeħtieġx implementazzjoni taħt kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha.

122. Effettivament, fl-ewwel lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddefinixxi, fl-Artikolu 11 tar-Regolament ikkontestat, it-tariffi ta’ tiġdid għall-PEEU bħala dovuti għas-snin li jsegwu s-sena tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-ħruġ ta’ privattiva Ewropea li tingħata effett unitarju fil-Bulettin Ewropew tal-Privattivi u jissuġġetta l-eżistenza ta’ PEEU għall-ħlas ta’ dawk it-tariffi.

123. Sussegwentement, fl-Artikolu 12 tar-Regolament ikkontestat, il-leġiżlatur tal-Unjoni jindika l-livell ta’ dawk it-tariffi, li għandhom ikunu progressivi għaż-żmien kollu tal-protezzjoni unitarja mogħtija minn privattiva, suffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż kollha marbuta mal-ħruġ ta’ privattiva Ewropea u mal-ġestjoni ta’ dik il-protezzjoni, u suffiċjenti biex jiggarantixxu l-bilanċ baġitarju tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi. Barra minn hekk, dak il-livell għandu jqis, inter alia, parametri differenti marbuta mal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk jelenka l-għan imfittex f’dak it-teħid inkunsiderazzjoni, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni u tiġi promossa l-kompetittività tal-impriżi Ewropej, li jiġi rifless id-daqs tas-suq kopert mill-privattiva u li tkun komparabbli mal-livell ta’ tariffi ta’ tiġdid nazzjonali relatati ma’ privattiva Ewropea medja li tidħol fis-seħħ fl-Istati Membri parteċipanti fil-mument meta l-livell ta’ tariffi ta’ tiġdid jiġi ffissat għall-ewwel darba.

124. Finalment, l-Artikolu 13 tar-Regolament ikkontestat jelenka l-kriterji ġusti, ekwi u rilevanti li fuqhom għandha tkun ibbażata l-kwota ta’ distribuzzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid bejn l-Istati Membri parteċipanti.

125. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament ikkontestat huwa inekwivoku fil-formulazzjoni tiegħu għaliex jagħti lill-Istati Membri s-setgħa sabiex jiżguraw li jiffissaw il-livell ta’ tariffi ta’ tiġdid “skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament” (41) u l-kwota tagħhom ta’ distribuzzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid “skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament” (42).

126. Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri parteċipanti f’dan ir-rigward.

127. Barra minn hekk, ir-regolament għandu portata ġenerali, huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu u huwa applikabbli direttament f’kull Stat Membru. Dik id-dispożizzjoni, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 288 TFUE, tinqara wkoll in fine tar-Regolament ikkontestat b’riferiment espress għall-Istati Membri parteċipanti.

128. Jiena tal-fehma li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament ikkontestat jaqa’, min-naħa l-oħra, taħt l-Artikolu 291(1) TFUE, li jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha tal-liġi nazzjonali neċessarji għall-implementazzjoni tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni.

129. Fil-fehma tiegħi, dan ma jitpoġġiex f’dubju mill-fatt li huwa fil-kwalità ta’ Stati partijiet għall-KEP li l-Istati Membri parteċipanti jiżguraw li jiffissaw il-livell tat-tariffi ta’ tiġdid b’mod konformi mal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament u l-kwota ta’ distribuzzjoni tagħhom b’mod konformi mal-Artikolu 13 tiegħu.

130. Madankollu, dik il-kwalità ma teżentax lill-Istati Membri mid-dmir tagħhom li jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifiċi xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (43).

131. Kif tindika l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament ikkontestat, “[l]-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament huma u jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom skont il-KEP u għandhom jikkooperaw għal dak il-għan” (44).

132. Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti dwar il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (45) li ma hijiex applikabbli hawnhekk, u lanqas dik li tirriżulta mis-sentenza Ir-Renju Unit vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (46) li tippreċiża l-prinċipji ddikjarati fl-ewwel sentenza.

133. Dik il-ġurisprudenza tinkwadra biss il-possibbiltà għal istituzzjoni tal-Unjoni li tiddelega parti mill-kompetenzi tagħha lil korp jew aġenzija tal-Unjoni jew lil korp estern għall-Unjoni kif ukoll il-possibbiltà għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jafda miżuri ta’ eżekuzzjoni lil korp jew aġenzija tal-Unjoni jew lil korp estern għall-Unjoni, minflok ma jafda dik is-setgħa lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill.

134. Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (47), l-Awtorità Għolja kienet fdat lil korpi rregolati mid-dritt privat setgħat li hija kellha taħt it-Trattati u fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (48), il-leġiżlatur tal-Unjoni kien ippreveda li l-korp tal-Unjoni maħluq kellu jaġixxi skont is-setgħat li r-Regolament inkwistjoni kien jagħtih u fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kull att legali vinkolanti tal-Unjoni li jassenja kompiti lil dak il-korp.

135. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-raba’ motiv, inkwantu bbażat fuq ksur tal-Artikolu 291(2) TFUE, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

136. Rigward il-ħames motiv, li jqajjem il-kwistjoni dwar jekk, billi jafdaw ċerti kompiti amministrattivi lill-EPO, il-kundizzjonijiet stipulati mill-ġurisprudenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (49) dwar id-delega ta’ poteri lil korpi esterni għall-Unjoni humiex sodisfatti, għandu jiġi osservat li, f’din il-kawża, ma huwiex il-leġiżlatur tal-Unjoni, iżda l-Istati Membri parteċipanti li jafdaw kompiti amministrattivi lill-entità rregolata mid-dritt internazzjonali li huwa l-EPO.

137. Għandu jitfakkar li r-Regolament ikkontestat jikkostitwixxi ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 tal-KEP u li huwa fuq il-bażi tal-Artikolu 143(1) tal-KEP, li jistabbilixxi li grupp ta’ Stati kontraenti jista’ jafda kompiti supplimentari lill-EPO, li l-Istati Membri parteċipanti fdaw lill-EPO l-kompiti amministrattivi elenkati fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ikkontestat.

138. F’dak il-każ, il-ġurisprudenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (50) lanqas ma tista’ tapplika.

139. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-ħames motiv għandu jkun miċħud ukoll bħala infondat.

E –    Fuq is-sitt u s-seba’ motivi, ibbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ uniformità tad-dritt tal-Unjoni

1.      L-argumenti tal-partijiet

140. Permezz tas-sitt motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-preżervazzjoni tal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tippresupponi li l-kompetenzi tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha ma jkunu żnaturati minn ebda trattat internazzjonali. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li r-Regolament ikkontestat jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tiegħu, li huwa applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 2014 jew fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim QUP, id-data li titqies li tiġi l-iktar tard. Barra minn hekk ir-Regolament ikkontestat jiddefinixxi sistema ġudizzjarja speċifika għall-PEEU, li ma tinsabx fl-imsemmi Regolament iżda fil-Ftehim QUP. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-kontenut ta’ dak il-ftehim imur kontra l-kompetenzi tal-Unjoni u li l-imsemmi ftehim jagħti lil terzi s-setgħa li jiddefinixxu b’mod unilaterali l-applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat.

141. Il-Parlament jirrileva li r-rabta bejn ir-Regolament ikkontestat u l-Ftehim QUP tirrappreżenta l-kundizzjoni essenzjali għall-funzjonament tas-sistema ta’ protezzjoni uniformi tal-privattivi bis-saħħa tal-privattiva unitarja, u ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni. Il-Ftehim QUP jirrispetta ż-żewġ kundizzjonijiet essenzjali li huma meħtieġa għall-finijiet tal-ħarsien tal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għaliex, minn naħa waħda, in-natura tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha ma hijiex mibdula u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi ftehim ma jimponi ebda interpretazzjoni partikolari fuq l-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha, fl-eżerċitar tal-kompetenzi interni tagħhom, tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-Unjoni li jinsabu fl-imsemmi ftehim.

142. Barra minn hekk, il-ħolqien tal-QUP ma jmur kontra ebda kompetenza tal-Unjoni. Fl-ewwel lok, il-kompetenza biex tinħoloq qorti komuni għall-privattivi u biex tiġi ddefinita l-portata tal-kompetenzi tagħha dejjem taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u ma ġietx fdata lill-Unjoni fuq bażi esklużiva. Sussegwentement, ir-Regolament ikkontestat jeħtieġ espressament li l-Istati Membri jagħtu kompetenza esklużiva lill-QUP. Ir-Regolament ikkontestat, li huwa bbażat fuq l-Artikolu 118 TFUE, jippermetti espliċitament lill-Istati Membri li jadottaw, fil-qasam tal-privattivi, dispożizzjonijiet li jipprevedu derogi mir-Regolament ta’ Brussell. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jeżiġi li d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim QUP ikun suġġett għall-emendi meħtieġa li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel għar-Regolament Brussell I, f’dak li jirrigwarda r-rabta bejnu u l-imsemmi ftehim. Finalment, diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE jissuġġettaw id-dħul fis-seħħ ta’ att legali dderivat mid-dritt tal-Unjoni għall-approvazzjoni tiegħu mill-Istati Membri.

143. Il-Kunsill isostni li l-argumenti invokati insostenn ta’ dak il-motiv huma inammissibbli inkwantu huma indirizzati kontra l-Ftehim QUP. Fi kwalunkwe każ, huwa jirrileva li l-għażla politika tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jgħaqqad il-PEEU mal-funzjonament ta’ korp ġudizzjarju distint, il-QUP, li tiggarantixxi l-koerenza tal-ġurisprudenza u taċ-ċertezza legali. Ma jeżisti ebda ostakolu legali għall-ħolqien ta’ rabta bejn il-PEEU u l-QUP, li hija esposta fil-premessi 24 u 25 tar-Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, fil-prattika leġiżlattiva, hemm diversi eżempji ta’ każijiet li fihom l-applikabbiltà ta’ att tal-Unjoni kienet ikkundizzjonata minn avveniment estern għal dak l-att.

144. Il-partijiet intervenjenti jaqblu mal-pożizzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill.

145. Permezz tas-seba’ motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament ikkontestat jattribwixxi lill-Istati Membri l-kapaċità li jiddeċiedu b’mod unilaterali jekk dan għandux jiġi applikat għalihom. B’hekk, jekk Stat Membru jkollu jiddeċiedi li ma jirratifikax il-Ftehim QUP, ir-Regolament ikkontestat ma jkunx applikabbli għalih u l-QUP ma takkwistax kompetenza esklużiva fuq it-territorju tiegħu biex tieħu konjizzjoni tal-PEEU, b’mod li l-PEEU ma jkollhomx effett unitarju fir-rigward tal-imsemmi Stat Membru. Minn dan jirriżulta ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ uniformità tad-dritt tal-Unjoni.

146. Il-Parlament jikkunsidra li r-rifjut ta’ Stat Membru li jirratifika l-Ftehim QUP, li effettivament ifisser l-inapplikabbiltà tar-Regolament ikkontestat fit-territorju tiegħu, jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 4(3) TUE. Anki jekk wieħed jippreżumi li jeżisti riskju fir-rigward tal-applikazzjoni uniformi tar-Regolament ikkontestat, dak ir-riskju jkun iġġustifikat, fid-dawl tan-neċessità li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ċertezza ġuridika.

147. Il-Kunsill ifakkar li l-Artikolu 18(2) tar-Regolament ikkontestat jipprovdi biss deroga fir-rigward tal-Artikolu 3(1) u (2) u l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, b’mod li l-effett unitarju ta’ privattiva Ewropea huwa llimitat għall-Istati Membri li rratifikaw il-Ftehim QUP, inkwantu d-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-imsemmi regolament japplikaw għall-Istati Membri parteċipanti kollha. Meta titqies l-importanza tar-rabta bejn ir-Regolament ikkontestat u l-Ftehim QUP, ġie kkunsidrat li din tikkonsisti f’garanzija supplimentari sabiex dik ir-rabta tiffunzjona bl-aħjar mod. Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-għoti ta’ eċċezzjoni għall-applikabbiltà ta’ att tal-Unjoni huwa legalment possibbli biss jekk il-miżura derogatorja tkun iġġustifikata b’mod oġġettiv u jekk tkun limitata ratione temporis. Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

148. Il-partijiet intervenjenti jaqblu mal-pożizzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill.

2.      L-evalwazzjoni tiegħi

149. Ser nanalizza flimkien is-sitt u s-seba’ motivi invokati mir-Renju ta’ Spanja inkwantu dawn jittrattaw ir-rabta bejn ir-Regolament ikkontestat u l-Ftehim QUP.

150. Fl-ewwel lok, ser neżamina l-ewwel u t-tieni partijiet tas-sitt motiv, u sussegwentement, fit-tieni lok, ser nanalizza l-aħħar parti tas-sitt motiv u tas-seba’ motiv.

151. Qabel kollox, nirrileva li r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax il-fatt li jista’ jkun hemm sistema ġudizzjarja distinta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-Opinjoni 1/09 (51), li l-Artikolu 262 TFUE jipprevedi l-“fakultà” li jiġu estiżi l-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni għall-kawżi marbuta mal-applikazzjoni ta’ atti tal-Unjoni li joħolqu titoli Ewropej ta’ proprjetà intellettwali u li, għaldaqstant, dan ma jistabbilixxix monopolju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ikkunsidrat u ma jippreġudikax l-għażla tal-qafas ġudizzjarju li jista’ jiġi stabbilit għall-kawżi bejn individwi dwar titoli tal-proprjetà intellettwali (52).

a)      L-ewwel u t-tieni partijiet tas-sitt motiv

152. L-ewwel parti tas-sitt motiv tiegħu twassal lir-Renju ta’ Spanja biex isostni li ma hemmx differenza sostanzjali bejn il-Ftehim QUP u l-abbozz ta’ ftehim li joħloq qorti kompetenti għall-kawżi dwar il-privattiva Ewropea u l-privattiva komunitarja, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (53).

153. Skont dak l-Istat Membru, minn naħa waħda, il-QUP ma tagħmilx parti mis-sistema istituzzjonali u ġudizzjarja tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-Ftehim QUP ma jipprovdix garanziji għall-preżervazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. L-imputazzjoni diretta, individwali u kollettiva lill-Istati Membri kontraenti, inkluż għall-finijiet tal-Artikoli 258 TFUE sa 260 TFUE, prevista fl-Artikolu 23 tal-Ftehim QUP, anki jekk nassumu li din hija kompatibbli mat-Trattati, hija insuffiċjenti f’dan ir-rigward.

154. Fir-rigward tat-tieni parti tas-sitt motiv, ir-Renju ta’ Spanja jipprova juri li l-Istati Membri ma jistgħux jirratifikaw il-Ftehim QUP mingħajr ma jmorru kontra l-obbligi tagħhom abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

155. Huwa jargumenta li l-Ftehim QUP kellu jiġi konkluż mill-Unjoni skont l-Artikolu 3(2) TFUE, inkwantu jaffettwa regoli komuni, jiġifieri, b’mod partikolari, dawk tar-Regolament Brussell I. Billi adottat ir-Regolament Brussell I, l-Unjoni akkwistat kompetenza esklużiva fil-qasam li huwa jkopri (54).

156. F’dan is-sens, ir-Renju ta’ Spanja analizza l-kontenut tal-Ftehim QUP kif ukoll ir-regoli dwar il-kompetenza ġudizzjarja fir-rigward tal-azzjonijiet attribwiti lill-QUP biex jasal għall-konklużjoni li l-Istati Membri li huma partijiet għall-Ftehim QUP jeżerċitaw kompetenza li ma għadhiex tappartjeni lilhom u li, għaldaqstant, dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni.

157. Dawn iż-żewġ partijiet tas-sitt motiv huma ta’ natura enigmatika li hija mmanifestata fid-diffikultà biex jiġi ddeterminat liema test huwa realment ikkontestat mir-Renju ta’ Spanja meta huwa jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, billi jagħmel l-applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat dipendenti fuq id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim QUP, l-Artikolu 18(2) ta’ dak ir-Regolament jiżnaturax il-kompetenzi tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha.

158. Kif jirrilevaw id-diversi partijiet fil-kawża, jiena tal-fehma li jidher li r-Renju ta’ Spanja fir-realtà qiegħed jipprova, permezz tal-imsemmija partijiet tal-motiv, jikkontesta l-legalità tal-Ftehim QUP fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u juri li dak il-ftehim ma jirrispettax l-Opinjoni 1/09 (55).

159. Il-kwistjoni li tqum hawnhekk hija jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex kompetenza biex tistħarreġ il-kontenut tal-Ftehim QUP invokat mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tar-rikors tiegħu għal annullament kontra r-Regolament ikkontestat meta titqies ir-rabta li teżisti bejn dawk iż-żewġ strumenti legali fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa.

160. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

161. Ċertament, ir-Renju ta’ Spanja ma setax jirrikorri għall-proċedura ta’ għoti ta’ opinjoni prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE f’dak li jirrigwarda l-Ftehim QUP previst. Fil-fatt, dik il-proċedura ma setgħetx tkun applikabbli għal tali ftehim bejn l-Istati Membri inkwantu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi aċċettata biss fir-rigward tal-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehim li fih l-Unjoni tkun parti.

162. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jitlob direttament lill-qorti tal-Unjoni l-annullament tal-Ftehim QUP fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jistabbilixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja “għandha teżamina l-legalità ta’ atti leġislattivi, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minbarra ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Din għandha tikkontrolla wkoll il-legalità ta’ l-atti ta’ korpi jew organi ta’ l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi”.

163. Fil-fatt, il-Ftehim QUP ma jaqa’ taħt ebda kategorija ta’ atti msemmija fit-Trattat FUE. Dan huwa ftehim intergovernattiv innegozjat u ffirmat unikament minn ċerti Stati Membri fuq il-bażi tad-dritt internazzjonali.

164. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, ir-rabta li teżisti bejn ir-Regolament ikkontestat u l-Ftehim QUP ma tistax tikkostitwixxi l-bażi tal-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-analiżi tar-Regolament ikkontestat teżiġi li wieħed jeżamina l-kontenut tal-Ftehim QUP.

165. L-argumenti invokati mir-Renju ta’ Spanja fir-replika tiegħu biex juri li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza biex tistħarreġ il-kontenut tal-Ftehim QUP ma jistgħux ipoġġu f’dubju r-risposta tiegħi.

166. Fil-fatt, ir-Renju ta’ Spanja jirreferi għal ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-fehma tiegħi, ma tistax tapplika fil-kuntest tal-kawża li għandna quddiemna.

167. B’hekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (56), l-istħarriġ tal-legalità li kellu jsir mill-qorti tal-Unjoni kien jirrigwarda l-att tal-Unjoni intiż biex jimplementa l-ftehim internazzjonali inkwistjoni, jiġifieri riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ Sigurtà tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u mhux ta’ din tal-aħħar bħala tali.

168. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tagħha li kienet diġà annullat deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova ftehim internazzjonali wara li eżaminat il-legalità interna tagħha fir-rigward tal-ftehim inkwistjoni (57).

169. Il-kuntest tal-kawża li għandna quddiemna huwa totalment differenti, għaliex ir-Regolament ikkontestat ma japprovax ftehim internazzjonali u lanqas ma jimplementa tali ftehim, iżda huwa intiż biex jimplementa l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni unitarja mogħtija minn privattiva.

170. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kieku r-Regolament ikkontestat kellu jiġi annullat, dan b’ebda mod ma jippreġudika l-validità tal-Ftehim QUP.

171. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jidhirli li l-ewwel u t-tieni partijiet tas-sitt motiv għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

b)      L-aħħar parti tas-sitt motiv u s-seba’ motiv

172. Fir-rigward tal-aħħar parti tas-sitt motiv, ir-Renju ta’ Spanja jallega li jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament ikkontestat li l-applikazzjoni tiegħu tiddependi b’mod assolut mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim QUP. Minn dan isegwi li l-effettività tal-kompetenza eżerċitata mill-Unjoni permezz tar-Regolament ikkontestat tiddependi mir-rieda tal-Istati Membri li huma partijiet għall-Ftehim QUP.

173. Fir-rigward tas-seba’ motiv, ir-Renju ta’ Spanja jallega li l-Artikolu 18(2) tar-Regolament ikkontestat jattribwixxi lill-Istati Membri l-kapaċità li jiddeċiedu b’mod unilaterali jekk dan għandux jiġi applikat għalihom.

174. Ma nistax naqbel mal-analiżi li saret mir-Renju ta’ Spanja.

175. Il-leġiżlatur tal-Unjoni indika li qorti kompetenti fir-rigward tal-PEEU kellha tiġi stabbilita u rregolata minn strument li jistabbilixxi sistema unifikata għal-litigazzjoni dwar il-privattivi Ewropej u l-PEEU (58).

176. Huwa ddikjara wkoll li dak l-istabbiliment kien essenzjali sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-PEEU, il-koerenza tal-ġurisprudenza u, għaldaqstant, iċ-ċertezza legali (59).

177. L-objettiv tar-Regolament ikkontestat huwa li jiggarantixxi dan il-funzjonament tajjeb. Ġustament, ikun kontra dawn il-prinċipji jekk jiġi applikat ir-Regolament ikkontestat minkejja l-fatt li l-QUP tkun għadha ma ġietx stabbilita.

178. Ma nistax naqbel mar-Renju ta’ Spanja meta huwa jsostni li huma l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat.

179. Fil-fehma tiegħi, huwa b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE li l-Istati Membri parteċipanti għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha li jippermettu l-implementazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa, inkluża r-ratifikazzjoni tal-Ftehim QUP, għaliex din tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għal dik l-implementazzjoni. Fil-fatt, skont dik id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, kemm ġenerali jew speċifiċi, biex jiżguraw li dawn iwettqu tassew l-obbligi tagħhom li jkunu ġejjin mit-Trattat jew mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

180.  L-Istati Membri parteċipanti, jekk jonqsu milli jirratifikaw il-Ftehim QUP, ikunu qegħdin imorru kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali inkwantu jipperikolaw il-kisba tal-objettivi ta’ armonizzazzjoni u ta’ protezzjoni uniformi tal-Unjoni (60).

181. Hija għal din ir-raġuni li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-premessa 25 tar-Regolament ikkontestat, indika li kien “tal-akbar importanza li l-Istati Membri parteċipanti jirratifikaw il-Ftehim [QUP] skont il-proċeduri kostituzzjonali u parlamentari nazzjonali tagħhom u jieħdu l-passi meħtieġa biex dik il-Qorti issir operazzjonali mill-aktar fis possibbli” (61).

182. Dik il-premessa 25 tispjega għalfejn il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament ikkontestat, jagħmel l-applikabbiltà ta’ dak ir-Regolament tiddependi fuq id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim QUP jekk din tkun wara l-1 ta’ Jannar 2014.

183. Għalkemm huwa aċċettat li ċerti qrati nazzjonali jistgħu jżommu l-kompetenza f’ċerti Stati Membri parteċipanti fejn l-effett unitarju tal-privattiva Ewropea huwa rikonoxxut, huma kkontestati dawk l-objettivi ta’ armonizzazzjoni u ta’ protezzjoni uniformi li l-effett unitarju tal-privattivi Ewropej huwa maħsub li jipproduċi.

184. Ir-rabta bejn ir-Regolament ikkontestat u l-Ftehim QUP hija tali li kien inkoerenti min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, għall-finijiet ta’ ċertezza legali, li ma jagħmilx l-applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat dipendenti fuq id-dħul fis-seħħ ta’ dak il-ftehim.

185. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-aħħar parti tas-sitt motiv u s-seba’ motiv bħala infondati.

F –    Fuq it-talba għal annullament parzjali tar-Regolament ikkontestat, ifformulata fuq bażi sussidjarja

1.      L-argumenti tal-partijiet

186. Il-Parlament, il-Kunsill, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Ungerija jikkunsidraw li t-talba għal annullament parzjali tar-Regolament ikkontestat, issollevata fuq bażi sussidjarja, ma tistax tiġi milqugħa, għaliex id-dispożizzjonijiet li l-annullament tagħhom huwa mitlub jikkostitwixxu parti essenzjali tal-qafas regolatorju stabbilit minn dak ir-regolament u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu sseparati minnu mingħajr ma tiġi mmodifikata s-sustanza tiegħu.

187. Ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li l-Artikolu 9 tar-Regolament ikkontestat huwa perfettament separabbli mill-kumplament tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament (62). Rigward l-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament, huwa tal-fehma li ma jkunx neċessarju, fid-dawl tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE (63), li r-Regolament ikkontestat jinkludi dispożizzjoni dwar l-applikabbiltà tiegħu.

2.      L-evalwazzjoni tiegħi

188. Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l‑annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss jekk il-miżura jew l‑elementi li qiegħed jintalab l‑annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill‑bqija tal‑att. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li dak ir-rekwiżit ta’ separabbiltà ma huwiex sodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jbiddel is-sustanza tiegħu (64).

189. F’din il-kawża, għandu jitfakkar li l-objettiv tar-Regolament ikkontestat huwa l-ħolqien ta’ protezzjoni unitarja mogħtija minn privattiva. Sabiex jasal għal dak l-objettiv, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa qafas regolatorju.

190. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ikkontestat jipprovdi li “[p]rivattiva Ewropea mogħtija bl-istess sett ta’ talbiet fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha għandha tibbenefika minn effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti sakemm l-effett unitarju tagħha jkun ġie reġistrat fir-Reġistru għall-protezzjoni ta’ privattiva unitarja” (65).

191. Dik il-kundizzjoni teħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ serje ta’ miżuri amministrattivi li jseħħu qabel u wara dik ir-reġistrazzjoni, miżuri li huma meħtieġa sabiex din tal-aħħar issir effettiva.

192. Dawk il-miżuri ġew previsti minn dak il-leġiżlatur fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ikkontestat, bit-titolu “Kompiti amministrattivi fil-qafas tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi”.

193. Dik id-dispożizzjoni telenka lista eżawrjenti tal-kompiti li l-eżekuzzjoni tagħhom taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-EPO.

194. Mingħajr l-eżekuzzjoni ta’ dawk il-kompiti, li jikkundizzjonaw b’mod ċar il-funzjonament tajjeb tas-sistema li tistabbilixxi l-PEEU, huwa inkonċepibbli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jasal għall-objettiv iffissat fir-Regolament ikkontestat.

195. Għaldaqstant, ma narax kif, billi jitneħħa l-Artikolu 9(1) tar-Regolament ikkontestat, is-sustanza tiegħu mhux ser tiġi affettwata.

196. Fir-rigward tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament ikkontestat, peress li dik id-dispożizzjoni tirrigwarda l-iffissar tat-tariffi ta’ tiġdid u d-definizzjoni tal-kwota ta’ distribuzzjoni tagħhom li huma s-suġġett tal-ħames motiv tar-Renju ta’ Spanja, jidhirli li huwa inkonċepibbli li wieħed jipprevedi dispożittiv finanzjarju, kif huwa ppreċiżat fil-Kapitolu V tar-Regolament ikkontestat, mingħajr ma jkunu previsti l-persuni jew l-entitajiet li ser ikunu inkarigati biex jiżguraw li tali ffissar u definizzjoni jkunu inkwadrati.

197. Fil-fehma tiegħi, b’hekk isegwi li l-Artikolu 9(1), fit-totalità tiegħu, u (2), tar-Regolament ikkontestat, fit-termini indikati taħt il-ħames motiv ta’ dan ir-rikors, ma jikkonċernax aspett li jista’ jiġi sseparat mill-qafas regolatorju stabbilit permezz ta’ dak ir-regolament u li għaldaqstant, jekk dan jiġi annullat dan jaffettwa s-sustanza tal-imsemmi regolament.

198. Rigward l-Artikolu 18(2) tar-Regolament ikkontestat, li jirregola l-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar li huwa jagħmel dipendenti fuq id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim QUP, jiena jidhirli, għar-raġunijiet imsemmija fil-kuntest tal-evalwazzjoni li għamilt tal-aħħar parti tas-sitt motiv u tas-seba’ motiv, li dik id-dispożizzjoni ma tistax tiġi sseparata mill-kumplament tar-Regolament ikkontestat.

199. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li t-talba għal annullament parzjali tar-Regolament ikkontestat ifformulata fuq bażi sussidjarja mir-Renju ta’ Spanja hija inammissibbli.

200. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li ebda wieħed mill-motivi invokati mir-Renju ta’ Spanja insostenn tar-rikors tiegħu ma jista’ jiġi aċċettat, dawn għandhom jiġu miċħuda.

IV – Konklużjoni

201. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors, u

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż tiegħu stess, waqt li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 361, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”.


3 – ĠU L 76, p. 53, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa”. Dik id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ żewġ rikorsi għal annullament, ippreżentati mir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana, li ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Spanja u L-Italja vs Il-Kunsill (C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240).


4 – ĠU L 361, p. 89.


5 – ĠU C 175, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim QUP”.


6 – Iktar ’il quddiem il-“KEP”.


7 –      Iktar ’il quddiem il-“QUP”.


8 –      ĠU L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”.


9 –      Iktar ’il quddiem il-“PEEU”.


10 –      Iktar ’il quddiem l-“EPO”.


11 – 9/56, EU:C:1958:7.


12 – Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill uża l-istess riferiment bil-miktub, jiġifieri l-“OEBˮ, sabiex jirreferi kemm għall-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi kif ukoll għall-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.


13 – Ara Qorti EDB, Waite u Kennedy vs Il-Ġermanja [GC], Nru 26083/94, KEDB 1999-I, kif ukoll Qorti EDB, Beer u Regan vs Il-Ġermanja [GC], Nru 28934/95, 18 ta’ Frar 1999.


14 – Qorti EDB, Lenzing AG vs Il-Ġermanja (Diċ.), Nru 39025/97.


15 – Ara L. Pech, “The Rule of Law as a Constitutional Principle of the European Union”, Jean Monnet Working Paper 04/09, NYU School of Law, New York, 2012, p. 58 sa 60.


16 – Ara l-punt 36 tar-rikors tar-Renju ta’ Spanja.


17 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft (C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120).


18 – Ara p. 3 tal-proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja [COM(20160) 790 finali].


19 – Ara l-punt 17 tar-rikors tar-Renju ta’ Spanja.


20 – Ara wkoll il-premessa 6 tar-regolament ikkontestat.


21 – Korsiv miżjud minni.


22Idem.


23Idem.


24 – Ara l-punt 9 tal-osservazzjonijiet tar-Renju tal-Belġju.


25 – EU:C:2013:240.


26 – Ara s-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑431/11, EU:C:2013:589, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Konsegwenza li tirriżulta neċessarjament mill-Artikolu 20 TUE, li jiddikjara, fil-paragrafu 4 tiegħu, li “[l]-atti adottati fil-qafas ta’ koperazzjoni msaħħa għandhom jorbtu biss l-Istati Membri li jipparteċipaw” [ara s-sentenza Spanja u L-Italja vs Il‑Kunsill (EU:C:2013:240, punt 68)].


28 – Ara s-sentenza Spanja u L-Italja vs Il-Kunsill (EU:C:2013:240, punt 62).


29 – Ibidem (punt 25).


30 – Korsiv miżjud minni. Ara, għat-termini “fil-livell tal-Unjoni”, is-sentenza Spanja u L-Italja vs Il-Kunsill (EU:C:2013:240, punt 68).


31 – Ara l-punt 21 tar-replika tar-Renju ta’ Spanja.


32 – Ara l-premessa 25 tar-Regolament ikkontestat.


33 – EU:C:2013:240.


34Ibidem (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35 – EU:C:1958:7.


36Idem.


37Idem.


38 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 33).


39 – Ibidem (punt 34).


40 – Ibidem (punt 39).


41 – Korsiv miżjud minni.


42Idem.


43 – Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE.


44 – Korsiv miżjud minni.


45 – EU:C:1958:7.


46 – C‑270/12, EU:C:2014:18.


47 – EU:C:1958:7.


48 – EU:C:2014:18.


49 – EU:C:1958:7.


50Idem.


51 – EU:C:2011:123.


52 – Punt 62. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ukoll li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, billi jirrikorru għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont il-modalitajiet previsti fit-Trattat FUE, biex jistabbilixxu l-privattiva unitarja u jiffissaw ir-regoli relatati, inkluż, jekk ikun il-każ, regoli speċifiċi dwar kwistjonijiet ġudizzjarji [ara s-sentenza Spanja u L-Italja vs Il-Kunsill (EU:C:2013:240, punt 92)].


53 – Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123).


54 – Ara s-sentenza TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 38).


55 – EU:C:2011:123.


56 – C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461.


57 – Ara s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (EU:C:2008:461, punt 289). Ara wkoll l-Opinjoni 3/94 (EU:C:1995:436, punt 22) u s-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑122/95, EU:C:1998:94, punt 42).


58 – Ara l-premessa 24 tar-Regolament ikkontestat.


59 – Ara l-premessa 25 tar-Regolament ikkontestat.


60 – Ara l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE.


61 – Korsiv miżjud minni.


62 – Fil-punt 17 tar-risposta tiegħu għan-noti ta’ intervent, ir-Renju ta’ Spanja jibbaża ruħu, f’dan is-sens, fuq il-punt 19 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2013:871).


63 – Dik id-dispożizzjoni tipprovdi li l-atti leġiżlattivi jidħlu fis-seħħ fid-data li huma jiffissaw jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


64 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill (EU:C:2014:170, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65 – Korsiv miżjud minni.