Language of document : ECLI:EU:C:2015:298

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Mejju 2015 (*)

“Rikors għal annullament — Implementazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa — Ħolqien ta’ protezzjoni unitarja mogħtija permezz ta’ privattiva — Regolament (UE) Nru 1257/2012 — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE — Bażi legali — Artikolu 291 TFUE — Delega ta’ poteri lil korpi esterni għall-Unjoni Ewropea — Prinċipji ta’ awtonomija u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑146/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-22 ta’ Marzu 2013,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn E. Chamizo Llatas u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Gómez-Leal u M. Dean kif ukoll minn U. Rösslein, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn T. Middleton u F. Florindo Gijón kif ukoll minn M. Balta u L. Grønfeldt, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet kif ukoll minn J.‑C. Halleux u T. Materne, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Thorning u M. Wolff, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u M. Möller kif ukoll minn J. Kemper, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, F.‑X. Bréchot u D. Colas kif ukoll minn N. Rouam, bħala aġenti,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz u U. Persson, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn M. Holt, bħala aġent, assistit minn J. Stratford, QC, u minn T. Mitcheson, barrister,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Martínez del Peral kif ukoll minn T. van Rijn, B. Smulders u F. Bulst, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič (Relatur), A. Ó Caoimh, C. Vajda u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, J. L. da Cruz Vilaça u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (ĠU L 361, p. 1, iktar il quddiem, ir-“regolament ikkontestat”).

2        Dan ir-regolament ġie adottat mill-Parlament u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/167/UE, tal-10 ta’ Marzu 2011, li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (ĠU L 76, p. 53, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni dwar il-Ħruġ ta’ Privattivi Ewropej

3        Il-Konvenzjoni dwar il-Ħruġ ta’ Privattivi Ewropej, iffirmata f’München, fil-5 ta’ Ottubru 1973, u li daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 1977, fil-verżjoni applikabbli għal din it-tilwima (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea”), tipprevedi fl-Artikolu 2 tagħha, intitolat “Privattiva Ewropea”:

“(1)      Il-privattivi maħruġa taħt din il-konvenzjoni jissejħu privattivi Ewropej.

(2)      F’kull wieħed mill-Istati kontraenti li għalihom tinħareġ, il-privattiva Ewropea għandha l-istess effetti u hija suġġetta għall-istess sistema bħal privattiva nazzjonali maħruġa f’dak l-Istat, ħlief jekk din il-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea tipprovdi mod ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4        L-Artikolu 142 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, intitolat “Privattiva unitarja”, jipprevedi:

“(1)      Kull grupp ta’ Stati kontraenti li, fi ftehim speċjali, ikun ipprovda li l-privattivi Ewropej maħruġa għal dawk l-Istati għandu jkollhom karattru unitarju fit-territorji tagħhom kollha, jista’ jipprovdi li l-privattivi Ewropej jistgħu jinħarġu biss konġuntament għall-Istati kollha.

(2)      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-parti huma applikabbli meta grupp ta’ Stati kontraenti jkun uża l-fakultà msemmija fil-paragrafu 1” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        L-Artikolu 143 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, intitolat “Dipartimenti Speċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi” (iktar ’il quddiem l-“EPO”), jipprevedi:

“(1)  Il-grupp ta’ Stati kontraenti jista’ jafda kompiti supplimentari lill-[EPO].

(2)      Jistgħu, għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti supplimentari, jinħolqu fl-[EPO] dipartimenti speċjali komuni għall-Istati li jagħmlu parti minn dan il-grupp. Il-President tal-[EPO] jassumi t-tmexxija ta’ dawn id-dipartimenti speċjali; id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) u (3) huma applikabbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 145 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, intitolat “Kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv”, jipprevedi:

“(1)      Il-grupp ta’ Stati kontraenti jista’ jwaqqaf Kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv sabiex jikkontrolla l-attività tad-dipartimenti speċjali maħluqa skont l-Artikolu 143(2); l-[EPO] jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan il-kumitat il-persunal, il-bini u l-mezzi materjali meħtieġa għat-twettiq tal-missjoni tiegħu. Il-President tal-[EPO] huwa responsabbli għall-attivitajiet tad-dipartimenti speċjali quddiem il-Kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv.

(2)      Il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Kumitat magħżul huma stabbiliti mill-grupp ta’ Stati kontraenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Skont l-Artikolu 146 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea:

“Sa fejn grupp ta’ Stati kontraenti jkun attribwixxa kompiti supplimentari lill-[EPO] fis-sens tal-Artikolu 143, huwa jkopri l-ispejjeż sostnuti mill-Organizzazzjoni għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti. Jekk ikunu twaqqfu dipartimenti speċjali fi ħdan l-[EPO] għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti supplimentari, il-grupp ta’ Stati kontraenti jkopri l-ispejjeż tal-persunal, bini u materjal imputabbli lill-imsemmija dipartimenti. L-Artikoli 39(3) u (4), 41 u 47 huma applikabbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 147 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, intitolat “Ħlasijiet tat-taxxi għaż-żamma fis-seħħ tal-privattiva unitarja”, jipprevedi:

“Jekk il-grupp ta’ Stati kontraenti jkun stabbilixxa skala unika għat-taxxi annwali, il-perċentwali msemmija fl-Artikolu 39(1) tiġi kkalkolata fuq din l-iskala unika; il-minimu msemmi fl-Artikolu 39(1) huwa wkoll minimu f’dak li jirrigwarda l-privattiva unitarja. L-Artikolu 39(3) u (4) huwa applikabbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi

9        L-Artikolu 23 tal-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi, iffirmat fid-19 ta’ Frar 2013 (ĠU C 175, p. 1, iktar ’il quddiem, il-“Ftehim QUP”) jipprevedi:

“L-azzjonijiet tal-Qorti huma attribwibbli direttament lil kull Stat Membru Kontraenti individwalment, inkluż għall-finijiet tal-Artikoli 258, 259 u 260 tat-TFUE, u lill-Istati Membri Kontraenti kollha b’mod kollettiv.”

10      L-Artikolu 89(1) tal-Ftehim QUP jipprevedi:

“Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014 jew fl-ewwel jum tar-raba’ xahar wara d-depożitu tat-tlettax-il strument ta’ ratifika jew ta’ adeżjoni f’konformità mal-Artikolu 84, inkluż it-tliet Stati Membri li fihom ħadu effett l-ogħla numru ta’ privattivi Ewropej fis-sena ta’ qabel is-sena li fiha jseħħ l-iffirmar tal-Ftehim jew fl-ewwel jum tar-raba’ xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1),] dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ dan il-Ftehim, skont liema hija l-aktar tard.”

 Id-dritt tal-Unjoni

11      Il-premessi 1, 4, 7, 9 16, 20, 24 u 25 tar-regolament ikkontestat huma fformulati kif ġej:

“(1)      Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet legali li jippermettu li l-intrapriżi jadattaw l-attivitajiet tagħhom fil-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ prodotti lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u jipprovduhom b’għażla akbar u b’aktar opportunitajiet jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) [TUE]. Il-protezzjoni tal-privattiva uniformi fis-suq intern, jew tal-anqas parti sinifikanti tiegħu, għandha tidher fost l-istrumenti legali li l-intrapriżi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

[...]

(4)      Il-protezzjoni tal-privattiva unitarja ser ittrawwem l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi u l-funzjonament tas-suq intern billi tagħmel l-aċċess għas-sistema tal-privattivi aktar faċli, inqas għoli f’termini ta’ flus u legalment sikur. Ser ittejjeb ukoll il-livell ta’ protezzjoni tal-privattiva billi tagħmel possibbli l-kisba ta’ protezzjoni tal-privattiva uniformi fl-Istati Membri parteċipanti u telimina l-ispejjeż u l-kumplessità għall-intrapriżi f’kull parti tal-Unjoni. Għandha tkun disponibbli għall-propjetarji ta’ privattiva Ewropea kemm mill-Istati Membri parteċipanti kif ukoll minn Stati oħra, irrispettivament min-nazzjonalità, ir-residenza jew il-post tal-istabbiliment tagħhom.

[...]

(7)      Protezzjoni tal-privattiva unitarja għandu jinkiseb billi jingħata effett unitarju lill-privattivi Ewropej fil-fażi ta’ wara l-għotja permezz ta’ dan ir-Regolament u fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Il-karatteristika ewlenija tal-privattiva Ewropea b’effett unitarju [iktar ’il quddiem, il-“PEEU”] għandha tkun il-karattru unitarju tagħha, jiġifieri li jipprovdu protezzjoni uniformi u li għandhom effett indaqs fl-Istati Membri parteċipanti kollha. Konsegwentement, [PEEU] għandha tiġi limitata, trasferita jew revokata, jew skaduta biss, fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Għandu jkun possibbli li [PEEU] tkun liċenzjata fir-rigward ta’ wieħed jew aktar tal-Istati Membri parteċipanti. Sabiex jiġi żgurat l-ambitu sostantiv uniformi ta’ protezzjoni mogħtija minn protezzjoni tal-privattiva unitarja, privattivi Ewropej biss li jkunu ngħataw għall-Istati Membri parteċipanti kollha bl-istess sett ta’ talbiet għandhom jibbenefikaw minn effett unitarju. Fl-aħħar nett, l-effett unitarju attribbwit lil privattiva Ewropea għandu jkollu natura aċċessorja u m’għandux jitqies li nqala’ safejn il-privattiva Ewropea bażika tkun ġiet revokata jew limitata.

[...]

(9)      Il-[PEEU] għandha tagħti d-dritt lill-proprjetarju tagħha li jipprevjeni kwalunkwe parti terza milli twettaq atti li kontrihom tipprovdi protezzjoni l-privattiva. Dan għandu jkun żgurat permezz tal-istabbiliment ta’ Qorti Unifikata tal-Privattivi. Fi kwistjonijiet mhux koperti minn dan ir-Regolament jew mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1260/2012 tas-17 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-KEP, il-[Ftehim QUP], inklużi d-dispożizzjonijiet tiegħu li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak id-dritt u l-limitazzjonijiet tiegħu, u l-liġi nazzjonali, inklużi r-regoli tal-liġi internazzjonali privata [(ĠU L 361, p. 89)].

[...]

(16)      Il-grupp ta’ Stati Membri li jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet tal-Parti IX tal-KEP jistgħu jagħtu kompiti lill-EPO u jwaqqfu kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi (minn hawn ’il quddiem “Kumitat Magħżul”).

[...]

(20)      Il-livell xieraq u d-distribuzzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid għandu jiġi determinat sabiex jiġi żgurat li, f’dak li jirrigwardja l-portezzjoni tal-privattiva unitarja, l-ispejjeż kollha tal-kompiti fdata f’idejn l-EPO huma koperti għal kollox mir-riżorsi ġġenerati mill-[PEEU] u li, flimkien mat-tariffi li jridu jitħallsu lill-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi matul l-istadju ta’ qabel l-għotja, id-dħul mit-tariffi ta’ tiġdid jiżgura baġit ibbilanċjat tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi.

[...]

(24)      Il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ [PEEU] għandha tiġi stabbilita u rregolata minn strument li jistabbilixxi sistema unifikata għal-litigazzjoni dwar il-privattiva għall-privattivi Ewropej u għall-[PEEU].

(25)      It-twaqqif ta’ Qorti Unitarja tal-Privattiva biex tisma’ każijiet li jikkonċernaw il-[PEEU] hija essenzjali sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb ta’ dik il-privattiva, il-konsistenza ta’ ġurisprudenza u għaldaqstant ta’ ċertezza legali, u ta’ nfiq effettiv għall-propjetarji tal-privattiva. Għalhekk huwa tal-akbar importanza li l-Istati Membri parteċipanti jirratifikaw il-Ftehim [QUP] skont il-proċeduri kostituzzjonali u parlamentari nazzjonali tagħhom u jieħdu l-passi meħtieġa biex dik il-Qorti issir operazzjonali mill-aktar fis possibbli.”

12      L-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jipprevedi:

“1. Dan ir-regolament jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja, kif awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni [ta’ kooperazzjoni msaħħa].

2.      Dan ir-Regolament jikkostitwixxi ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 tal-[Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea].”

13      L-Artikolu 2(a) sa (c) tar-regolament ikkontestat jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘Stat Membru parteċipanti’ tfisser Stat Membru li jipparteċipa f’kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja permezz tad-Deċiżjoni [ta’ kooperazzjoni msaħħa], jew permezz ta’ deċiżjoni adottata skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) tat-TFUE, fiż-żmien meta it-talba għal effet unitarju tkun saret kif imsemmi fl-Artikolu 9;

b)      ‘Privattiva Ewropea’ tfisser privattiva mogħtija mill-[EPO] skont ir-regoli u l-proċeduri stabbilti fil-KEP;

c)      ‘[PEEU]’, tfisser privattiva Ewropea li tibbenefika minn effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti permezz ta’ dan ir-Regolament”.

14      L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      Privattiva Ewropea mogħtija bl-istess sett ta’ talbiet fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha għandha tibbenefika minn effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti sakemm l-effett unitarju tagħha jkun ġie reġistrata fir-Reġistru għall-protezzjoni ta’ privattiva unitarja.

Il-privattiva Ewropea mogħtija ma’ gruppi differenti ta’ talbiet għal Stati Membri parteċipanti differenti m’għandhiex tibbenefika minn effett unitarju.

2.      [PEEU] għandha jkollha karattru unitarju. Għandha tipprovdi protezzjoni uniformi u għandha jkollha effett indaqs fl-Istati Membri parteċipanti kollha.

Tista’ tiġi limitata, trasferita jew revokata jew tiskadi biss fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

Tista’ tiġi lliċenzjata fir-rispett tat-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha jew parti minnhom.

3.      L-effett unitarju ta’ privattiva Ewropea għandu jitqies li ma jkunx tqajjem sa dak il-punt li l-privattiva Ewropea tkun ġiet revokata jew limitata.”

15      L-Artikolu 5(1) sa (3) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.      Il-[PEEU] għandha tagħti d-dritt lill-proprjetarju tagħha li jipprevjeni kwalunkwe parti terza milli twettaq atti li kontrihom tipprovdi protezzjoni dik il-privattiva fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti li fihom hija għandha effett unitarju, soġġett għal limitazzjonijiet applikabbli.

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak id-dritt u l-limitazzjonijiet tiegħu għandhom ikunu uniformi fl-Istati Membri parteċipanti kollha li fihom il-privattiva għandha effett unitarju.

3.      L-atti li kontrihom il-privattiva tipprovdi l-protezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-limitazzjonijiet applikabbli għandhom ikunu dawk definiti mil-liġi applikata għall-[PEEU] fl-Istati Membri parteċipanti li l-liġi nazzjonali tagħhom hija applikabbli għall-[PEEU] bħala oġġett ta’ proprjetà f’konformità mal-Artikolu 7.”

16      L-Artikolu 7 tal-istess regolament jipprevedi:

“1.      [PEEU] bħala oġġett ta’ proprjetà għandha tiġi ttrattata fit-totalità tagħha u fl-Istati Membri parteċipanti kollha bħala privattiva nazzjonali tal-Istat Membru parteċipanti li fih dik il-privattiva jkollha effett unitarju u li fiha, skont ir-Reġistru Ewropew tal-Privattivi:

a)      l-applikant kellu r-residenza jew il-post prinċipali tan-negozju tiegħu fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-privattiva Ewropea; jew

b)      fejn punt (a) ma japplikax, l-applikant kellu post tan-negozju fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-privattiva Ewropea.

2.      Fejn żewġ persuni jew aktar imdaħħla fir-Reġistru Ewropew tal-Privattivi bħala applikanti konġunti, il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu japplika għall-applikant konġunt indikat l-ewwel. Fejn dan mhuwiex possibbli, il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu japplika għall-applikant konġunt indikat li jkun imiss fl-ordni tar-reġistrazzjoni. Fejn il-punt (a) tal-paragrafu 1 ma japplikax għal kwalunkwe wieħed mill-applikanti konġunti, punt (b) tal-paragrafu 1 għandu japplika kif meħtieġ.

3.      Fejn l-ebda applikant ma jkollu r-residenza, il-post prinċipali tan-negozju jew il-post tan-negozju tiegħu fi Stat Membru parteċipanti li fih dik il-privattiva jkollha effett unitarju għall-finijiet tal-paragrafi 1 jew 2, il-[PEEU] bħala oġġett ta’ proprjetà għandha tiġi ttrattata fit-totalità tagħha u fl-Istati Membri parteċipanti kollha bħala privattiva nazzjonali tal-Istat fejn l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi għandha l-kwartieri ġenerali tagħha skont l-Artikolu 6(1) tal-KEP.

4.      Il-kisba ta’ dritt jista’ ma jkunx jiddependi fuq kwalunkwe reġistrazzjoni f’reġistru nazzjonali tal-privattiva.”

17      L-Artikolu 9 tar-regolament ikkontestat, intitolat “Kompiti amministrattivi fil-qafas tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri parteċipanti għandhom, fis-sens tal-Artikolu 143 tal-KEP, jagħtu lill-EPO l-kompiti li ġejjin, li jridu jitwettqu skont ir-regoli interni tal-EPO:

a)      jamminstra t-talbiet għal effett unitarju minn proprjetarji ta’ privattivi Ewropej;

b)      jinkludi r-Reġistru għal protezzjoni tal-privattiva unitarja fi ħdan ir-Reġistru Ewropew tal-Privattivi u biex jamministra r-Reġistru għal protezzjoni tal-privattiva unitarja;

c)      jirċievi u jirreġistra d-dikjarazzjonijiet dwar il-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 8, l-impenji tagħhom tal-iritirar u tal-liċenzjar meħuda mill-propjetarju tal-[PEEU] f’korpi internazzjonali ta’ standardizzazzjoni;

d)      tippubblika it-traduzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1260/2012 matul il-perijodu tranżitorju msemmi f’dak l-Artikolu;

e)      il-ġbir u l-amminstrazzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid għal [PEEU], fir-rigward tas-snin ta’ wara s-sena li fiha ir-referenza tal-għotja hija ippubblikata fil-Bulettin Ewropew tal-Privattiva; il-ġbir u l-amministrazzjoni ta’ tariffi addizzjonali għal ħlas tard tat-tariffi ta’ tiġdid fejn dan il-ħlas tard isir fi żmien sitt xhur mid-data meta suppost sar il-ħlas, kif ukoll id-distribuzzjoni ta’ parti mit-tariffi ta’ tiġdid miġbura lill-Istati Membri parteċipanti;

f)      jamministra skema ta’ kumpens għar-rimbors ta’ spejjeż ta’ traduzzjoni imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1260/2012;

g)      jiżgura li talba għal effett unitarju mill-proprjetarju tal-privattiva Ewropea tiġi sottomessa fil-lingwa tal-proċeduri kif definit fl-Artikolu 14(3) tal-KEP mhux aktar tard minn xahar wara li r-referenza tal-għotja tiġi ppubblikata fil-Bulettin Ewropew tal-Privattiva; u

h)      jiżgura li l-effett unitarju jiġi indikat fir-Reġistru għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja, fejn talba għal effett unitarju tkun ġiet ippreżentata u, matul il-perijodu transitorju previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1260/2012, tkun ġiet sottomessa flimkien mat-traduzzjonijiet msemmija f’dak l-Artikolu u li l-EPO jiġi infurmat bi kwalunkwe limitazzjoni, liċenzji, trasferimenti jew revoki ta’ [PEEU].

2.      L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament huma u jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom skont il-KEP u għandhom jikkooperaw għal dak il-għan. Fil-kapaċità tagħhom ta’ Stati kontraenti għall-KEP, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-governanza u s-sorveljanza tal-attivitajiet relatati mal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandhom jiżguraw l-istabbiliment tal-livell tat-tariffi ta’ tiġdid skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament u s-sehem tad-distribuzzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament.

Għal dak il-għan, għandhom iwaqqfu kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi (minn issa ’il quddiem ‘il-Kumitat Magħżul’) fis-sens tal-Artikolu 145 tal-KEP.

Il-Kumitat Magħżul għandu jkun kompost mir-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti u rappreżentant tal-Kummissjoni bħala osservatur, kif ukoll sostituti li jirrappreżentaw lil dawn fl-assenza tagħhom. Il-Membri tal-kumitat jistgħu jkunu megħjuna minn esperti jew konsulenti.

Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Magħżul għandhom jittieħdu bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni skont it-regoli stipulati fl-Artikolu 35(2) tal-KEP.

3. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw il-protezzjoni legali effettiva quddiem qorti kompetenti ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri parteċipanti kontra d-deċiżjonijiet tal-EPO fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1.”

18      L-Artikolu 18 tar-regolament ikkontestat jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.      Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 jew mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim [QUP], skont liema data tkun l-aħħar

B’deroga mill-Artikoli 3(1), 2(4) u 1(1), privattiva Ewropea li għaliha effett unitarju jkun irreġistrat fir-Reġistru għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja għandu jkollha effett unitarju biss f’dawk l-Istati Membri parteċipanti li fihom il-Qorti Unitarja tal-Privattiva jkollha ġurisdizzjoni esklussiva rigward il-[PEEU] fid-data tar-reġistrazzjoni.

3.      Kull Stat Membru parteċipanti għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bir-ratifikazzjoni tiegħu tal-Ftehim fil-waqt tad-depożitu tal-istrument ta’ ratifika tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim [QUP] u lista tal-Istati Membri li jkunu rratifikaw il-ftehim fid-data tad-dħul fis-seħħ. Il-Kummissjoni, għandha b’mod regolari wara dan taġġorna l-lista tal-Istati Membri parteċipanti l jkunu rratifikaw il-Ftehim [QUP] u għandha tippubblika lista aġġornata bħal din f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.      L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 9 ikunu fis-seħħ sad-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5.      Kull Stat Membru parteċipanti għandu jiżgura li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(2) ikunu fis-seħħ sad-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew, fil-każ ta’ Stat Membru parteċipanti li fih il-Qorti Unitarja tal-Privattiva ma jkollhiex ġurisdizzjoni esklussiva fir-rigward tal-[PEEU] fid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sad-data li minnha l-Qorti Unitarja tal-Privattiva jkollha tali ġurisdizzjoni esklussiva f’dak l-Istat Membru parteċipanti.

6.      Il-protezzjoni tal-privattiva unitarja tista’ tintalab għal kwalunkwe privattiva Ewropea mogħtija fid-data jew wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

19      B’applikazzjoni ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Marzu 2013, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta dan ir-rikors.

20      B’deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2013, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni Ewropea tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill, skont l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li r-regolament ikkontestat huwa legalment ineżistenti jew, sussidjarjament, tannullah kollu kemm hu;

–        sussidjarjament, tannulla:

–        l-Artikolu 9(1), kollu kemm hu, u l-Artikolu 9(2), tar-regolament ikkontestat, fit-termini riprodotti fil-kuntest tal-ħames motiv ta’ dan ir-rikors, u

–        l-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-regolament, kollu kemm hu, kif ukoll ir-riferimenti kollha li r-regolament ikkontestat jagħmel għal Qorti Unifikata tal-Privattivi bħala sistema ġudizzjarja tal-PEEU u bħala sors tad-dritt tagħha, u

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

22      Il-Parlament u l-Kunsill, li magħhom jingħaqdu l-partijiet intervenjenti kollha, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors; u

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

 Fuq ir-rikors

23      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka seba’ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-valuri tal-istat ta’ dritt, fuq nuqqas ta’ bażi legali, fuq użu ħażin ta’ poter, fuq ksur tal-Artikolu 291(2) TFUE u, sussidjarjament, fuq ksur tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), fuq ksur tal-istess prinċipji minħabba d-delega lill-EPO ta’ ċerti kompiti amministrattivi marbuta mal-PEEU u, fir-rigward tas-sitt u tas-seba’ motiv, fuq ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-valuri tal-istat ta’ dritt

 L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li r-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat għaliex jikser il-valuri tal-istat tad-dritt imfakkra fl-Artikolu 2 TUE. Dan ir-regolament jagħti protezzjoni bbażata fuq il-privattiva Ewropea, filwaqt li l-proċedura amministrattiva qabel il-ħruġ ta’ tali privattiva ma taqa’ taħt l-ebda stħarriġ ġudizzjarju li jippermetti li tiġi ggarantita l-applikazzjoni korretta u uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li jippreġudika l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-Renju ta’ Spanja jżid li ma jistax jingħad li l-imsemmi regolament “jinkorpora” fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni atti maħruġa minn korp internazzjonali li ma huwiex suġġett għall-prinċipji msemmija hawn fuq u li l-leġiżlatur tal-Unjoni jintegra fil-leġiżlazzjoni tiegħu sistema internazzjonali li fiha l-osservanza tal-prinċipji kostituzzjonali msemmija mit-Trattat FUE ma tkunx iggarantita. Dan l-Istat Membru jispeċifika, f’dan il-kuntest, minn naħa, li l-bordijiet tal-appell u l-bord suprem tal-appell huma korpi stabbiliti fi ħdan dan l-uffiċċju, li ma għandhom ebda indipendenza fir-rigward ta’ dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet ta’ dawn il-bordijiet tal-appell u ta’ dan il-bord suprem tal-appell ma huma suġġetti għal ebda azzjoni ġudizzjarja, għaliex l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi tgawdi immunità ta’ ġurisdizzjoni u ta’ eżekuzzjoni.

25      Il-Parlament, wara li fakkar li s-sistema tal-PEEU hija bbażata fuq għażla razzjonali li saret mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li huwa mogħti setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni, iqis li l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi offruta mir-regolament ikkontestat u ggarantit b’mod parallel mill-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea u mill-Qorti Unifikata tal-Privattivi huwa kompatibbli mal-prinċipji tal-istat ta’ dritt. Id-deċiżjonijiet amministrattivi tal-EPO dwar il-ħruġ ta’ PEEU jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appelli amministrattivi quddiem diversi istanzi fi ħdan dan l-uffiċċju. Il-livell ta’ protezzjoni li minnu jibbenefikaw l-individwi fil-kuntest tal-KEP tqies li huwa aċċettabbli mill-Istati Membri, li lkoll huma partijiet għal din il-konvenzjoni.

26      Il-Kunsill jallega l-assenza ta’ ċarezza ta’ dan l-ewwel motiv. Din l-istituzzjoni tqis, b’mod prinċipali, li t-trasferiment ta’ kompetenzi lil organizzazzjoni internazzjonali huwa kompatibbli mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, sakemm id-drittijiet fundamentali, fi ħdan l-organizzazzjoni kkonċernata, ikunu protetti b’mod ekwivalenti. Dan huwa l-każ hawnhekk. B’mod sussidjarju, skont il-Kunsill, l-Artikolu 9(3) tar-regolament ikkontestat jobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

27      Il-partijiet intervenjenti jaqblu, essenzjalment, mal-argumenti tal-Parlament u tal-Kunsill. Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jenfasizzaw madankollu, b’mod preliminari, in-natura ineffettiva tal-imsemmi motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28      Huwa stabbilit li r-regolament ikkontestat jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, intitolat “Privattiva unitarja”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati kontraenti f’tali ftehim jaqblu li l-privattivi Ewropej maħruġa għal dawn l-Istati għandhom karattru unitarju fit-territorji kollha tagħhom u jistgħu, barra minn hekk, jipprevedu li l-privattivi Ewropej ikunu jistgħu jingħataw biss konġuntament għal dawn l-Istati kollha.

29      Għal dan l-għan, ir-regolament ikkontestat joħloq il-kundizzjonijiet legali li jippermettu li tingħata, fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti, tali natura lil privattiva Ewropea maħruġa minn qabel mill-EPO abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea. Il-premessa 7 tar-regolament ikkontestat tispeċifika, f’dan ir-rigward, li l-protezzjoni unitarja, li hija ta’ natura strettament aċċessorja, għandha tinkiseb “billi jingħata effett unitarju lill-privattivi Ewropej fil-fażi ta’ wara l-għotja permezz ta’ dan ir-Regolament u fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha”. Kif jirriżulta b’mod espliċitu mid-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(b) u (c) tal-imsemmi regolament, PEEU hija privattiva Ewropea, jiġifieri privattiva maħruġa mill-EPO skont ir-regoli u l-proċeduri previsti fil-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, li tingħata effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti.

30      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-regolament ikkontestat bl-ebda mod ma għandu l-għan li jirregola, anki jekk biss parzjalment, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-privattivi Ewropej, li huma rregolati mhux mid-dritt tal-Unjoni, iżda biss permezz tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, u li huwa lanqas ma “jintegra” l-proċedura ta’ ħruġ tal-privattivi Ewropej prevista mill-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea fid-dritt tal-Unjoni.

31      Jirriżulta, min-naħa l-oħra, neċessarjament mill-klassifikazzjoni tar-regolament ikkontestat bħala “ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 tal-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej [dwar il-Privattiva Ewropea]”, li ma ġietx ikkontestata mir-Renju ta’ Spanja, li dan ir-regolament sempliċement, minn naħa, jiffissa l-kundizzjonijiet li fihom privattiva Ewropea maħruġa minn qabel mill-EPO skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea tista’, fuq talba tal-proprjetarju tagħha, tingħata effett unitarju u, min-naħa l-oħra, jiddefinixxi dan l-effett unitarju.

32      Għaldaqstant, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel motiv, li huwa intiż sabiex jikkontesta l-legalità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tal-proċedura amministrattiva qabel il-ħruġ ta’ privattiva Ewropea, huwa ineffettiv u, għalhekk, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tar-regolament ikkontestat

 L-argumenti tal-partijiet

33      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE ma kienx jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa sabiex jiġi adottat ir-regolament ikkontestat, u li dan tal-aħħar għandu jitqies li huwa legalment ineżistenti. Dan ir-regolament ma għandux kontenut materjali u l-adozzjoni tiegħu ma saritx flimkien mal-adozzjoni ta’ miżuri li jiggarantixxu protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Unjoni u lanqas ma jwettaq approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri għal dan l-għan.

34      L-imsemmi regolament huwa ppreżentat bħala ftehim speċjali, fis-sens tal-Artikolu 142 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, li, skont it-titolu tiegħu, jimplementa l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni unitarja mogħtija permezz ta’ privattiva. Madankollu, l-iskop u l-għan ta’ dan ir-regolament ma jikkorrispondux mal-bażi legali li fuqha huwa bbażat dan tal-aħħar.

35      Fil-fatt, ir-regolament ikkontestat ma jispeċifikax l-atti li kontrihom l-PEEU tiżgura protezzjoni u, b’mod żbaljat, jirreferi għad-dritt nazzjonali applikabbli, għaliex il-PEEU nħolqot mill-Unjoni u għaliex l-Istati Membri jistgħu, skont ir-Renju ta’ Spanja, jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom biss sa fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat tagħha. Minbarra dan, fir-rigward tal-effetti tal-PEEU, dan ir-regolament jirreferi għall-Ftehim QUP, li huwa ftehim ta’ dritt internazzjonali pubbliku konkluż mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, u mir-Repubblika Taljana. Dan ir-riferiment jippreġudika l-prinċipju ta’ awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. F’dan il-każ, l-imsemmi regolament tneħħielu l-kontenut tiegħu, peress li l-“approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet” ġiet ittrasferita fid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim QUP.

36      Il-Parlament u l-Kunsill isostnu li l-Artikolu 118 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Dan l-artikolu ma jirrikjedix armonizzazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, sakemm jinħoloq titolu ta’ proprjetà intellettwali li joffri protezzjoni uniformi fl-Istati Membri parteċipanti.

37      Fid-dawl tal-iskop u tal-kontenut tiegħu, l-imsemmi regolament jissodisfa dan ir-rekwiżit, għaliex jistabbilixxi l-PEEU, li toffri protezzjoni uniformi fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti, u huwa jiddefinixxi l-karatteristiċi kif ukoll il-portata u l-effetti tal-privattiva unitarja.

38      Il-partijiet intervenjenti li fformulaw osservazzjonijiet fuq it-tieni motiv jingħaqdu mal-pożizzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 35).

40      Għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi miżuri dwar il-ħolqien ta’ titoli Ewropej sabiex tiġi żgurata protezzjoni uniformi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fl-Unjoni. Din id-dispożizzjoni, introdotta fit-Trattat FUE permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, tirreferi b’mod speċifiku għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq intern, li jaqa’ taħt qasam ta’ kompetenzi kondiviżi tal-Unjoni skont l-Artikolu 4 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja u L-Italja vs Il-Kunsill, C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240, punti 16 sa 26).

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll, fir-rigward tal-kliem “madwar l-Unjoni [fl-Unjoni]” li jinsab f’din id-dispożizzjoni, li ladarba l-kompetenza mogħtija permezz ta’ dan l-artikolu hija eżerċitata permezz tal-kooperazzjoni msaħħa, it-titolu Ewropew ta’ proprjetà intellettwali maħluq b’dan il-mod u l-protezzjoni uniformi li huwa jagħti għandhom ikunu fis-seħħ mhux fl-Unjoni kollha, iżda biss fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja u L-Italja vs Il-Kunsill, C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240, punti 67 u 68).

42      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tar-regolament ikkontestat, jekk dan jistabbilixxix miżuri li jiggarantixxu protezzjoni uniformi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti u, għalhekk, jekk setax jiġi bbażat b’mod validu, kif isostnu l-Parlament, il-Kunsill u l-partijiet intervenjenti, fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, imsemmi bħala bażi legali fil-preambolu tal-imsemmi regolament.

43      Fir-rigward tal-għan tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, dan huwa intiż għall-“ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja”, li, skont il-premessa 1 ta’ dan ir-regolament, għandha tkun fost l-istrumenti legali li jkunu għad-dispożizzjoni tal-impriżi sabiex, fost l-oħrajn, tippermettilhom jadattaw l-attivitajiet tagħhom ta’ manifattura u ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom. Il-premessa 4 tal-imsemmi regolament tikkonferma dan l-għan filwaqt li tenfasizza n-neċessità li jittejjeb il-livell ta’ protezzjoni mogħtija permezz ta’ privattiva billi tingħata lill-impriżi l-possibbiltà li jiksbu protezzjoni uniformi fl-Istati Membri parteċipanti u li jiġu eliminati l-ispejjeż u l-kumplessità tas-sistema għall-impriżi tal-Unjoni kollha.

44      Fir-rigward tal-kontenut tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tiegħu jirriflettu, fid-definizzjoni tagħhom tal-karatteristiċi tal-PEEU, il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiggarantixxi protezzjoni uniformi fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti.

45      Ir-regolament ikkontestat jipprevedi, fil-fatt, fl-Artikolu 3(1) tiegħu, li privattiva Ewropea maħruġa bl-istess serje ta’ talbiet fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha għandha tibbenefika minn effett unitarju f’dawn l-Istati, sakemm dan l-effett unitarju jkun ġie rreġistrat fir-Reġistru għall-protezzjoni ta’ privattiva unitarja. L-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi, barra minn hekk, li PEEU għandha karattru unitarju u għandha tipprovdi protezzjoni uniformi u għandha jkollha effetti identiċi fl-Istati Membri parteċipanti kollha, u li tista’ tiġi llimitata, ittrasferita, irrevokata jew tiskadi biss fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

46      F’dan ir-rigward, l-indikazzjoni ta’ dritt nazzjonali wieħed applikabbli fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha, li d-dispożizzjonijiet ta’ dritt sostantiv tiegħu jiddefinixxu l-atti li kontrihom PEEU tista’ tagħti protezzjoni kif ukoll il-karatteristiċi ta’ din inkwantu oġġett ta’ proprjetà, tippermetti li tiġi ggarantita n-natura uniformi tal-protezzjoni mogħtija b’dan il-mod.

47      Fil-fatt, b’differenza mill-privattivi Ewropej mogħtija konformement mar-regoli ffissati mill-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, li jiżguraw, f’kull wieħed mill-Stati partijiet għal din il-konvenzjoni, protezzjoni li l-portata tagħha hija ddefinita mid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat, l-uniformità tal-protezzjoni mogħtija mill-PEEU tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikoli 5(3), u 7 tar-regolament ikkontestat, li jiggarantixxu li d-dritt nazzjonali indikat ikun ta’ applikazzjoni fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha li fihom din il-privattiva jkollha effett unitarju.

48      Fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja, li jgħid li r-regolament ikkontestat “ma għandux kontenut materjali”, għandu jiġi osservat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, meta jsemmi l-istabbiliment ta’ “miżuri dwar il-ħolqien ta’ drittijiet Ewropej sabiex tiġi assigurata protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali madwar l-Unjoni”, l-Artikolu 118 TFUE, li jagħmel parti mill-Kapitolu 3 tat-Titolu VII tat-Trattat FUE dwar l-“approssimazzjoni ta’ liġijiet”, ma jeżiġix neċessarjament min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li huwa jwettaq armonizzazzjoni kompleta u eżawrjenti tal-aspetti kollha tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali.

49      Minkejja l-assenza ta’ elenkar, fir-regolament ikkontestat, tal-atti li kontrihom il-PEEU tagħti protezzjoni, tali protezzjoni ma tisfax inqas uniformi sa fejn, indipendentement mill-portata eżatta tal-protezzjoni materjali mogħtija minn PEEU skont id-dritt nazzjonali applikabbli, skont l-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat, din hija applikabbli, għal din il-PEEU, fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha li fihom din il-privattiva jkollha effett unitarju.

50      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni espona, fil-premessa 9 tar-regolament ikkontestat, li l-portata u l-limitazzjonijiet tad-dritt, mogħti lill-proprjetarju tal-PEEU, li jipprekludi lit-terzi kollha milli jwettqu atti li kontrihom din il-privattiva tagħti protezzjoni fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha li fihom hija jkollha effett unitarju għandhom japplikaw għall-materji li ma humiex koperti minn dan ir-regolament jew mir-Regolament Nru 1260/2012.

51      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-protezzjoni unitarja mogħtija permezz ta’ privattiva, stabbilita mir-regolament ikkontestat, hija xierqa sabiex tipprevjeni diverġenzi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ protezzjoni permezz ta’ privattiva fl-Istati Membri parteċipanti u, għaldaqstant, hija intiża għal protezzjoni uniformi fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE.

52      Għaldaqstant din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

53      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

 L-argumenti tal-partijiet

54      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Parlament u l-Kunsill wettqu użu ħażin ta’ poter. Dan jirriżulta mill-fatt li r-regolament ikkontestat, li huwa “qoxra vojta”, ma jinkludi l-ebda qafas ġuridiku li jista’ jiggarantixxi protezzjoni uniformi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fl-Unjoni. Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Parlament, din il-kwistjoni ma ġietx deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Spanja u L-Italja vs Il-Kunsill (C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240).

55      Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-partijiet intervenjenti kollha, jitolbu li t-tielet motiv jiġi miċħud. Il-Parlament isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Spanja u L-Italja vs Il-Kunsill (C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240), ċaħdet l-argument tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Taljana bbażat fuq użu ħażin ta’ poter. Il-Kunsill iżid li r-regolament ikkontestat u l-ħolqien tal-PEEU jgħinu t-twettiq tal-għanijiet segwiti mill-Unjoni, għaliex il-proprjetarju ta’ privattiva Ewropea li jkun jixtieq jikseb protezzjoni fil-25 Stat Membru li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa jkun marbut, fl-assenza tal-effett unitarju tal-PEEU, jivvalida din il-privattiva f’kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, u l-imsemmija privattiva jkollha mbagħad tiġi kkonfermata u, fil-każ ta’ tilwima, difiża separatament f’kull wieħed mill-imsemmija Stati Membri.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56      Skont ġurisprudenza stabbilita, att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed esklużivament jew mill-inqas b’mod determinanti, għal finijiet oħrajn għajr dawk li għalihom ingħata l-poter inkwistjoni jew bl-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċjalment mit-Trattat FUE sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenzi Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 24, u Spanja u L-Italja vs Il-Kunsill, C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja ma jurix li r-regolament ikkontestat ġie adottat bl-iskop esklużiv jew determinanti li jintlaħqu finijiet oħrajn għajr dawk li għalihom ingħata l-poter inkwistjoni u msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dan, jew bl-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċjalment mit-Trattat FUE sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkustanzi tal-każ.

58      Fil-fatt, fil-kuntest tal-motiv tiegħu bbażat fuq użu ħażin ta’ poter, ir-Renju ta’ Spanja sempliċement jirrepeti l-argument tiegħu skont liema r-regolament ikkontestat ma jiddefinixxi l-ebda qafas ġuridiku li jista’ jiggarantixxi protezzjoni uniformi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fl-Unjoni. Dan l-argument ġie miċħud fil-kuntest tat-tieni motiv.

59      Għaldaqstant it-tielet motiv lanqas ma huwa fondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames motivi, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 291(2) TFUE u tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7)

 L-argumenti tal-partijiet

60      Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-għoti, fl-Artikolu 9(2) tar-regolament ikkontestat, lill-Istati Membri parteċipanti li jaġixxu fil-kuntest tal-Kumitat Magħżul tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi, tal-kompetenza li jiffissaw il-livell ta’ tariffi ta’ tiġdid u l-kwota ta’ distribuzzjoni tagħhom. L-għoti ta’ tali kompetenza ta’ eżekuzzjoni lill-Istati Membri parteċipanti tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 291 TFUE u tal-prinċipji msemmija fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

61      B’mod prinċipali, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 291 TFUE ma jippermettix lil-leġiżlatur jiddelega lill-Istati Membri parteċipanti l-imsemmija kompetenza. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma huwiex applikabbli u l-paragrafu 2 tiegħu jipprevedi li, meta kundizzjonijiet uniformi ta’ implementazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti jkunu neċessarji, dawn l-atti jagħtu setgħat ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill. Din il-kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu 2 hija manifestament issodisfatta f’dan il-każ, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ikkontestat.

62      Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-Artikolu 291(2) TFUE ma ġiex miksur, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-delega ta’ kompetenza inkwistjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), ikkonfermata permezz tas-sentenzi Romano (98/80, EU:C:1981:104), Tralli vs BĊE (C‑301/02 P, EU:C:2005:306) kif ukoll Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill u Il-Parlament (C‑270/12, EU:C:2014:18).

63      Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 9(1) tar-regolament ikkontestat, li jiddelega ċerti kompiti amministrattivi lill-EPO, jikser il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Bil-kontra ta’ dak li jsostnu diversi partijiet intervenjenti, ma humiex kompetenzi proprji tal-Istati Membri, iżda kompetenzi tal-Unjoni. Minkejja li l-ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ din id-delega tista’, skont dan l-Istat Membru, tkun tinsab fil-perizja tal-EPO fil-materja kkonċernata, tali delega ma tistax tirrigwarda poteri li jimplikaw marġni ta’ diskrezzjonali wiesa’. Issa, il-ġestjoni tal-iskema ta’ kumpens għar-rimbors tal-ispejjeż għat-traduzzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1260/2012, previst fl-Artikolu 9(1)(f) tar-regolament ikkontestat, timplika marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Barra minn hekk, l-EPO għandu privileġġ ta’ immunità ta’ ġurisdizzjoni u ta’ eżekuzzjoni u, għaldaqstant, l-atti tiegħu ma humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

64      B’risposta għar-raba’ motiv, il-Parlament isostni li l-għoti ta’ ċerti kompetenzi lil aġenziji dejjem kienet eċċezzjoni għar-regoli tat-Trattat dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li huwa ġuridikament aċċettabbli taħt ċerti kundizzjonijiet. Huwa jistaqsi, barra minn hekk, dwar ir-rilevanza tas-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7) f’każ ta’ għoti ta’ kompetenzi lil korp internazzjonali, bħalma huwa l-Kumitat Magħżul tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi.

65      Il-Kunsill iqis li, skont l-Artikolu 291(1) TFUE, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jadottaw atti legalment vinkolanti, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni xierqa taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Huwa biss fil-każ fejn l-applikazzjoni ta’ dawn l-atti tkun teħtieġ kundizzjonijiet uniformi li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni jiġu adottati mill-Kummissjoni jew, fejn xieraq, mill-Kunsill, skont l-Artikolu 291(2) TFUE. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja ma jiġġustifikax l-allegazzjoni tiegħu li l-iffissar tat-tariffi ta’ tiġdid u l-kwota ta’ distribuzzjoni tagħhom għandu jsir b’mod uniformi fuq il-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, is-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7) ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.

66      F’kull każ, il-Parlament u l-Kunsill iqisu li l-kundizzjonijiet stabbiliti mis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7) huma ssodisfatti.

67      B’risposta għall-ħames motiv, il-Parlament u l-Kunsill isostnu li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7) ma hijiex applikabbli, għar-raġunijiet esposti fir-risposta tagħhom għar-raba’ motiv. Dawn l-istituzzjonijiet iżidu li l-kompitu previst fl-Artikolu 9(1)(f) tar-regolament ikkontestat, bil-kontra tal-kompiti l-oħra previsti fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament, huwa suġġett għal kriterji stabbiliti b’mod indirett, permezz ta’ riferiment għall-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1260/2012. Bil-kontra ta’ dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, l-EPO ma għandux marġni ta’ manuvra sħiħ fir-rigward tal-imsemmi kompitu li għandu jitwettaq. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni li għandha ssir mill-EPO hija ta’ natura pjuttost amministrattiva jew teknika milli politika. Il-Parlament ifakkar ukoll li rappreżentant tal-Kummissjoni għandu siġġu fil-Kumitat Magħżul tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi inkwantu osservatur. Fir-rigward tal-allegata assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju, il-Parlament u l-Kunsill jirreferu għall-argumenti tagħhom diġà esposti f’dan ir-rigward.

68      Il-partijiet intervenjenti jingħaqdu mal-argumenti tal-Parlament u tal-Kunsill.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69      L-ewwel argument invokat insostenn tar-raba’ motiv jirrigwarda ksur tal-Artikolu 291(2) TFUE. It-tieni argument invokat insostenn tar-raba’ motiv kif ukoll insostenn tal-ħames motiv jirrigwarda ksur tal-prinċipji msemmija fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

70      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 291(2) TFUE, huwa stabbilit, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li r-regolament ikkontestat jikkostitwixxi ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, b’tali mod li huma applikabbli għal tali ftehim id-dispożizzjonijiet tal-Parti IX ta’ din il-konvenzjoni dwar il-ftehimiet speċjali, li tinkludi l-Artikoli 142 sa 149 ta’ din tal-aħħar.

71      Skont l-Artikoli 143 u 145 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, grupp ta’ Stati kontraenti li jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet tal-Parti IX tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea jista’ jafda kompiti lill-EPO u jwaqqaf Kumitat magħżul tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi, kif tfakkar il-premessa 16 tar-regolament ikkontestat. Barra minn hekk, l-Artikolu 146 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea jipprevedi li sa fejn grupp ta’ Stati kontraenti jkun attribwixxa kompiti supplimentari lill-EPO fis-sens tal-Artikolu 143 ta’ din il-konvenzjoni, huwa jkopri l-ispejjeż li jwassal għalihom għall-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi t-twettiq ta’ dawn il-kompiti.

72      Huwa sabiex jiġu implementati d-dispożizzjonijiet msemmija hawn fuq li l-Artikolu 9 tar-regolament ikkontestat jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-Istati Membri parteċipanti jafdaw serje ta’ kompiti li huwa jelenka lill-EPO u, fit-tieni paragrafu tiegħu, li, fil-kwalità tagħhom ta’ Stati partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw it-tmexxija u s-sorveljanza tal-attivitajiet relatati ma’ dawn il-kompiti u għandhom jiżguraw l-istabbiliment tal-livell tat-tariffi ta’ tiġdid u l-kwota ta’ distribuzzjoni tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Il-premessa 20 tal-imsemmi regolament tispeċifika f’dan ir-rigward li l-livell u d-distribuzzjoni xierqa tat-tariffi ta’ tiġdid għandhom jiġu stabbiliti b’mod li jiggarantixxu li, fir-rigward tal-protezzjoni unitarja mogħtija permezz tal-privattiva, l-ispejjeż kollha tal-kompiti fdati lill-EPO ikunu koperti b’mod sħiħ permezz tar-riżorsi ġġenerati mill-PEEU.

73      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ammont tat-tariffi ta’ tiġdid msemmija fl-Artikolu 9(2) tar-regolament ikkontestat għandu neċessarjament ikopri l-ispejjeż sostnuti mill-EPO sabiex jeżegwixxi l-kompiti supplimentari li għandhom jiġu fdati lilu, fis-sens tal-Artikolu 143 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, mill-Istati Membri parteċipanti.

74      Madankollu, dawn il-kompiti huma marbuta b’mod intrinsiku mal-implementazzjoni tal-protezzjoni unitarja mogħtija permezz ta’ privattiva, stabbilita permezz tar-regolament ikkontestat.

75      Għaldaqstant, għandu jitqies, bil-kontra ta’ dak li sostnew ċerti partijiet intervenjenti, li l-iffissar tal-livell ta’ tariffi ta’ tiġdid u tal-kwota ta’ distribuzzjoni tagħhom, imsemmi fl-Artikolu 9(2) tar-regolament ikkontestat, jikkostitwixxi l-implementazzjoni ta’ att legalment vinkolanti id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 291(1) TFUE.

76      Skont din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali neċessarji għall-implementazzjoni tal-atti legalment vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni.

77      Huwa biss meta kundizzjonijiet uniformi ta’ implementazzjoni tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni jkunu neċessarji li, skont l-Artikolu 291(2) TFUE, dawn l-atti jagħtu setgħat ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni jew, f’każijiet speċifiċi ġġustifikati b’mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 TUE u 26 TUE, lill-Kunsill.

78      Issa, ir-Renju ta’ Spanja, fil-kuntest tar-raba’ motiv, ma jesponix ir-raġunijiet għalfejn tali kundizzjonijiet uniformi huma neċessarji għall-implementazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ikkontestat.

79      Fil-fatt, dan l-Istat Membru sempliċement isostni li n-neċessità ta’ tali kundizzjonijiet tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u mill-iffissar ta’ tariffa unika għall-PEEU u mhux ta’ tariffa għal kull Stat Membru.

80      Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

81      Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 9(1)(e) tar-regolament ikkontestat jipprevedi li l-Istati Membri parteċipanti jafdaw lill-EPO l-kompitu tal-“ġbir u l-amminstrazzjoni tat-tariffi ta’ tiġdid għal [PEEU]”, mill-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma jirriżulta li l-ammont ta’ dawn it-tariffi ta’ tiġdid għandu jkun uniformi għall-Istati Membri parteċipanti kollha.

82      Mill-bqija, mill-klassifikazzjoni tar-regolament ikkontestat bħala ftehim speċjali fis-sens tal-Artikolu 142 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, u mill-fatt, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-Renju ta’ Spanja, jirriżulta neċessarjament li l-iffissar tal-livell ta’ tariffi ta’ tiġdid u l-kwota ta’ distribuzzjoni tagħhom għandu jsir mill-Kumitat Magħżul tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi, li huma neċessarjament l-Istati Membri parteċipanti, u mhux il-Kummissjoni jew il-Kunsill, li għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji għall-implementazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ikkontestat, ladarba l-Unjoni, b’mod differenti mill-Istati Membri tagħha, ma hijiex parti kontraenti fil-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea.

83      Għaldaqstant, ir-Renju ta’ Spanja jiżbalja meta jsostni li l-Artikolu 291(2) TFUE ġie miksur.

84      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), invokat insostenn tar-raba’ u l-ħames motivi. Fil-kuntest ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fost l-oħrajn, li delega, minn istituzzjoni tal-Unjoni lil entità privata, ta’ setgħa diskrezzjonali li timplika marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li tista’, skont l-użu li jsir minnha, tagħmel possibbli l-eżekuzzjoni ta’ politika ekonomika proprja, hija inkompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Meroni vs L-Awtorità Għolja, 9/56, EU:C:1958:7, punti 43, 44 u 47, kif ukoll Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 41 u 42).

85      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Unjoni, b’mod differenti mill-Istati Membri tagħha, ma hijiex parti kontraenti fil-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea. Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu raġun jipprevedi, fl-imsemmi Artikolu 9(2) li huwa fil-kwalità tagħhom ta’ Stati partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea li l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw l-iffissar tal-livell ta’ tariffi ta’ tiġdid u l-kwota ta’ distribuzzjoni tagħhom.

86      Rigward l-Artikolu 9(1) tar-regolament ikkontestat, mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li huma l-Istati Membri parteċipanti li, fis-sens tal-Artikolu 143 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, jafdaw lill-EPO l-kompiti li telenka l-imsemmija dispożizzjoni.

87      Peress li, bil-kontra ta’ dak li jafferma r-Renju ta’ Spanja, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddelegax lill-Istati Membri parteċipanti jew lill-EPO setgħat ta’ implementazzjoni li huma tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, il-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7) ma humiex applikabbli.

88      Għaldaqstant ir-raba’ u l-ħames motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq is-sitt u s-seba’ motiv, ibbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ uniformità tad-dritt tal-Unjoni

 L-argumenti tal-partijiet

89      Fil-kuntest tas-sitt motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-preżervazzjoni tal-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tippreżupponi li l-kompetenzi tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha ma jkunu żnaturati minn ebda trattat internazzjonali. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.

90      Permezz tal-ewwel parti tas-sitt motiv, ir-Renju ta’ Spanja jafferma li ma teżistix differenza sostanzjali bejn il-Ftehim QUP u l-abbozz ta’ ftehim li joħloq qorti kompetenti għall-kawżi dwar il-privattiva Ewropea u l-privattiva komunitarja, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE (Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123). Minn naħa, il-Qorti Unifikata tal-Privattivi ma tagħmilx parti mis-sistema istituzzjonali u ġudizzjarja tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Ftehim QUP ma jipprevedix garanziji għall-preżervazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. L-imputazzjoni diretta, individwali u kollettiva tal-azzjonijiet tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi lill-Istati Membri kontraenti, inkluż għall-finijiet tal-Artikoli 258 TFUE, 259 TFUE u 260 TFUE, prevista fl-Artikolu 23 tal-Ftehim QUP, anki fl-ipoteżi li din hija kompatibbli mat-Trattati, hija insuffiċjenti f’dan ir-rigward.

91      Bit-tieni parti tal-imsemmi motiv, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, bl-adeżjoni tagħhom mal-Ftehim QUP, l-Istati Membri parteċipanti jeżerċitaw kompetenza li issa hija tal-Unjoni, u dan bi ksur tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, sa fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ taffettwa regoli komuni jew tibdel il-portata tagħhom. Il-Ftehim QUP jaffettwa r-Regolament Nru 1215/2012 u l-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano, fit-30 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 339, p. 3), u jibdel il-portata tagħhom.

92      Fl-aħħar nett, bit-tielet parti tas-sitt motiv, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tiddependi b’mod assolut mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim QUP. L-Artikolu 89 ta’ dan il-ftehim jissuġġetta d-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar għall-preżentata tat-tlettax-il strument ta’ ratifika jew ta’ adeżjoni inkluż mit-tliet Stati Membri fejn l-ikbar numru ta’ privattivi Ewropej ipproduċew l-effetti tagħhom matul is-sena qabel dik li fiha ġie ffirmat Ftehim QUP. Għaldaqstant l-effettività tal-kompetenza eżerċitata mill-Unjoni permezz tar-regolament ikkontestat tiddependi mill-volontà tal-Istati Membri partijiet fil-Ftehim QUP.

93      Bis-seba’ motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-regolament ikkontestat jagħti lill-Istati Membri l-kapaċità li jiddeċiedu b’mod unilaterali l-punt dwar jekk dan għandux jiġi applikat fil-konfront tagħhom. B’dan il-mod, jekk Stat Membru kellu jiddeċiedi li ma jirratifikax il-Ftehim QUP, dan ir-regolament ma jkunx applikabbli għalih u l-Qorti Unifikata tal-Privattivi ma tiksibx ġurisdizzjoni esklużiva fit-territorju tagħha sabiex tiddeċiedi fuq il-PEEU, b’tali mod li l-PEEU ma jkollhomx effett unitarju f’dak li jirrigwarda l-imsemmi Stat Membru. Minn dan jirriżulta ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

94      Il-Parlament josserva, b’mod preliminari, li r-rabta li teżisti bejn ir-regolament ikkontestat u l-Ftehim QUP tirrappreżenta kundizzjoni indispensabbli għall-funzjonament tal-PEEU u ma tippreġudikax id-dritt tal-Unjoni. Il-Ftehim QUP josserva ż-żewġ kundizzjonijiet essenzjali li huma mitluba sabiex jiġu rrispettati l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ladarba, minn naħa, in-natura tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha ma hijiex mibdula u, min-naħa l-oħra, dan il-ftehim ma jorbot lill-Unjoni u lill-istituzzjonijiet tagħha, fl-eżerċizzju tas-setgħat interni tagħhom, bl-ebda interpretazzjoni partikolari tad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni li jinsabu fl-imsemmi ftehim.

95      Barra minn hekk, il-ħolqien tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi ma jippreġudika l-ebda kompetenza tal-Unjoni. Qabel kollox, il-kompetenza li tinħoloq qorti komuni fil-qasam tal-privattivi u sabiex tiġi ddefinita l-portata tal-kompetenzi ta’ din tibqa’ tal-Istati Membri u ma ġietx fdata lill-Unjoni fuq bażi esklużiva. Imbagħad, ir-regolament ikkontestat jitlob b’mod espliċitu li l-Istati Membri jagħtu lill-Qorti Unifikata tal-Privattivi ġurisdizzjoni esklużiva. Dan ir-regolament, ibbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, jippermetti b’mod espliċitu lill-Istati Membri jadottaw, fil-qasam tal-privattivi, dispożizzjonijiet li jipprevedu derogi mir-Regolament Nru 1215/2012. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni jitlob li d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim QUP ikun suġġett għall-modifiki neċessarji magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-regolament imsemmi l-aħħar, f’dak li jirrigwarda r-rabta bejn dan u l-imsemmi ftehim. Fl-aħħar nett, diversi dispożizzjonijiet tat-TFUE jissuġġettaw id-dħul fis-seħħ ta’ att legali dderivat tad-dritt tal-Unjoni għall-approvazzjoni tiegħu mill-Istati Membri.

96      Il-Parlament iqis, barra minn hekk, li r-rifjut ta’ Stat Membru li jirratifika l-Ftehim QUP, li jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regolament ikkontestat fit-territorju tiegħu, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 4(3) TUE. Skont din l-istituzzjoni, anki jekk jingħad li jeżisti riskju f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni uniformi tar-regolament ikkontestat, tali riskju jkun iġġustifikat, fid-dawl tan-neċessità li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

97      Il-Kunsill josserva li l-għażla politika tal-leġiżlatur tikkonsisti fir-rabta tal-PEEU mal-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja distinta, il-Qorti Unifikata tal-Privattivi, li tiggarantixxi l-koerenza tal-ġurisprudenza u ċ-ċertezza legali. Ma jeżisti l-ebda ostakolu legali għall-ħolqien ta’ rabta bejn il-PEEU u l-Qorti Unifikata tal-Privattivi, rabta li hija esposta fil-premessi 24 u 25 tar-regolament ikkontestat. Barra minn hekk jeżistu, fil-prassi leġiżlattiva, diversi eżempji ta’ każijiet fejn l-applikabbiltà ta’ att tal-Unjoni kienet suġġetta għall-intervent ta’ avveniment estern għal dan l-att. Fir-rigward tal-kwistjoni tan-numru ta’ ratifiki neċessarji għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim QUP, l-iffissar tan-numru għal 13-il ratifika huwa dovut għall-volontà tal-Istati Membri li jiggarantixxu li l-PEEU u l-Qorti Unifikata tal-Privattivi jiġu stabbiliti malajr.

98      Il-Kunsill ifakkar, minbarra dan, li l-Artikolu 18(2) tar-regolament ikkontestat jipprevedi biss deroga mill-Artikolu 3(1) u (2) u mill-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, b’mod li l-effett unitarju ta’ PEEU huwa limitat għall-Istati Membri li rratifikaw il-Ftehim QUP, u d-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament japplikaw għall-Istati Membri parteċipanti kollha. Fid-dawl tal-importanza tar-rabta li teżisti bejn ir-regolament ikkontestat u l-Ftehim QUP, tqies li din kienet garanzija supplimentari sabiex din ir-rabta tipproduċi effetti b’mod ottimu.

99      Il-partijiet intervenjenti li fformulaw osservazzjonijiet fuq is-sitt u s-seba’ motivi jingħaqdu mal-pożizzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100    B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li l-ewwel żewġ partijiet tas-sitt motiv huma intiżi sabiex jistabbilixxu, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim QUP ma humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri parteċipanti ma jistgħux jirratifikaw il-Ftehim QUP mingħajr ma jonqsu mill-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

101    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-legalità ta’ ftehim internazzjonali konkluż minn Stati Membri.

102    Fil-kuntest ta’ tali rikors, il-qorti tal-Unjoni lanqas ma għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-legalità ta’ att adottat minn awtorità nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liivimaa Lihaveis, C‑562/12, EU:C:2014:2229, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Għaldaqstant l-ewwel żewġ partijiet tas-sitt motiv għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

104    Fir-rigward tat-tielet parti tal-imsemmi motiv, għandu jiġi osservat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-regolament ikkontestat jipprevedi li dan tal-aħħar huwa applikabbli “mill-1 ta’ Jannar 2014 jew mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim [QUP], skont liema data tkun l-aħħar”.

105    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikabbiltà diretta ta’ regolament, prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, titlob li d-dħul tiegħu fis-seħħ u l-applikazzjoni tiegħu favur jew kontra individwi jitwettqu mingħajr ebda miżura ta’ riċezzjoni fid-dritt nazzjonali, ħlief jekk ir-regolament inkwistjoni jħalli f’idejn l-Istati Membri nfushom li jadottaw il-miżuri leġiżlattivi, regolatorji, amministrattivi u finanzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament (ara s-sentenzi Bussone, 31/78, EU:C:1978:217, punt 32, kif ukoll ANAFE, C‑606/10, EU:C:2012:348, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

106    Dan huwa l-każ hawnhekk, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla, huwa nnifsu, f’idejn l-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat, minn naħa, il-kompitu li jadottaw diversi miżuri fil-qafas ġuridiku ffissat permezz tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea u, min-naħa l-oħra, il-kompitu li jistabbilixxu l-Qorti Unifikata tal-Privattivi, li, kif imfakkar fil-premessi 24 u 25 tal-imsemmi regolament, hija essenzjali sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ din il-privattiva, il-koerenza tal-ġurisprudenza u, għaldaqstant, iċ-ċertezza legali, kif ukoll ta’ nfiq effettiv għall-proprjetarji tal-privattivi.

107    Rigward l-argument tar-Renju ta’ Spanja invokat fil-kuntest tas-seba’ motiv, li jgħid li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2), tar-regolament ikkontestat jagħti lill-Istati Membri l-kapaċità li jiddeċiedu b’mod unilaterali l-punt dwar jekk dan għandux jiġi applikat fil-konfront tagħhom, dan huwa bbażat fuq premessa żbaljata, għaliex din id-dispożizzjoni tipprevedi biss deroga mill-Artikolu 3(1) u (2) u mill-Artikolu 4(1) tar-regolament ikkontestat, bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmi regolament. Tali deroga parzjali u temporanja, hija, mill-bqija, iġġustifikata permezz tar-raġunijiet imfakkra fil-punt 106 ta’ din is-sentenza.

108    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li s-sitt u s-seba’ motiv għandhom jiġu miċħuda.

109    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandhom jiġu miċħuda r-rikors kollu kemm hu kif ukoll it-talba għall-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat magħmula b’mod sussidjarju mir-Renju ta’ Spanja.

 Fuq l-ispejjeż

110    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Parlament u mill-Kunsill, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

111    Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.