Language of document : ECLI:EU:C:2014:2428

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 95/46/KE — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi — Ipproċessar ta’ data personali — Kunċett ta’ ‘fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika’”

Fil-Kawża C‑212/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ April 2013, fil-proċedura

František Ryneš

vs

Úřad pro ochranu osobních údajů,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F. Ryneš, minn M. Šalomoun, avukat,

–        għall-Úřad pro ochranu osobních údajů, minn I. Němec, avukat, u J. Prokeš,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u G. Kunnert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, J. Fałdyga u M. Kamejsza, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u C. Vieira Guerra, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn J. Holmes, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Martenczuk, P. Němečková u Z. Malůšková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn F. Ryneš u l-Úřad pro ochranu osobních údajů (Uffiċċju għall-protezzjoni tad-data personali, iktar ’il quddiem l-“Úřad”), dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar ikkonstata li F. Ryneš kien wettaq diversi atti ta’ ksur f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data personali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 10, 12 u 14 sa 16 tad-Direttiva 95/46 jiddikjaraw:

“(10) [...] l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità; [...] għal dik ir-raġuni, l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità;

[...]

(12)      [...] m’għandux ikun magħdud l-ipproċessar ta’ data magħmul minn persuna naturali [fiżika] fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li huma esklussivament personali jew domestiċi, bħal ma hija korrispondenza u ż-żamma ta’ reġistri ta’ indirizzi;

[...]

(14)      [...] meħud kont ta’ l-importanza ta’ l-iżviluppi li qed ikun hemm fil-qafas tas-soċjetà ta’ l-informatika, tat-teknika użata biex taqbad, tibgħat, timmanipula, tirreġistra, taħżen jew tikkomunika data audio-viżwali dwar persuna naturali, din id-Direttiva għandha tapplika għal ipproċessar li jkollu x’jaqsam ma’ din id-data;

(15)      [...] l-ipproċessar ta’ din id-data huwa milqut minn din id-Direttiva biss jekk ikun awtomatizzat jew jekk id-data pproċessata titqiegħed jew tkun maħsuba biex titqiegħed f’sistema ta’ skedar skont kriterji speċifiċi li jkollhom x’jaqsmu ma’ individwi, biex l-aċċess għad-data in kwistjoni jkun ħafif;

(16)      [...] l-ipproċessar ta’ data audio-viżwali, bħal ma jiġri f’każi ta’ sorveljanza bil-video, ma jaqgħax taħt din id-Direttiva jekk isir għal għanijiet ta’ sigurtà pubblika, difiża, sigurtà nazzjonali jew meta jsiru attivitajiet ta’ l-Istat fil-qasam tal-liġi kriminali jew attivitajiet oħra li ma jaqgħux taħt il-liġi tal-Komunità”.

4        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali [fiżika] identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza [...] għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika [...] tiegħu;

(b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

(ċ)      ‘sistema ta’ ħażna ta’ data personali’ (‘sistema ta’ ħażna’) tfisser sett strutturat ta’ data personali li jkun aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentraliżżat, di-ċentraliżżat jew imferrex fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

(d)      ‘kontrollur’ tfisser persuna naturali [...] li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali [...]”.

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        fil-kors ta’ attività li ma tkunx skont il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà tal-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku tal-Istat meta l-operazzjoni tal-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà tal-Istat) u l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

–        minn persuna naturali [fiżika] meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

6        L-Artikolu 7 tal-istess direttiva jaqra kif ġej:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

(a)      is-suġġett tad-data ikun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar;

jew

[...]

(f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skont l-Artikolu 1(1).”

7        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“1.      Meta d-data ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data, Stati Membru għandhom jipprovdu li l-kontrollur [...] għandhom fil-mument li jibdew ir-reġistrazzjoni tad-data personali [...], jagħtu lis-suġġett tad-data għall-inqas l-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diġa jaf biha:

[(a)]      l-identità tal-kontrollur [...];

[(b)]      l-għanijiet ta’ l-ipproċessar;

[(c)]      informazzjoni oħra bħal

–        il-kategoriji tad-data in kwistjoni,

–        ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri,

–        l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru

sakemm dik l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.

2.      Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika fejn, partikolarment għal ipproċessar għall-finijiet ta’ statistika jew għall-finijiet ta’ riċerka storika jew xjentifika, ma jkunx possibbli li tingħata dik l-informazzjoni jew biex tingħata jkun meħtieġ sforz sproporzjonat jew jekk ir-reġistrazzjoni jew l-iżvelar ikunu espressament meħtieġa bil-liġi. F’dawn il-każi Stati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni xierqa.”

8        L-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli [...] 11 (1) [...] meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

[...]

(d)      prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

[...]

(g)      il-protezzjoni [...] tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

9        Skont l-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur [...] għandu jinnotifika lill-awtorità ta’ superviżjoni [...] qabel ma jagħmel l-operazzjoni parzjali jew kollha ta’ l-ipproċessar awtomatiku jew sett ta’ operazzjonijiet bħal dawn maħsuba biex jaqdu skop wieħed jew diversi għanijiet relatati.”

 Id-dritt Ċek

10      L-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 101/2000 Sb., dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-emendi ta’ ċerti liġijiet (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 101/2000”) jipprovdi:

“Din il-liġi ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ data personali minn persuna fiżika għal użu purament personali”.

11      L-Artikolu 44(2) ta’ din il-liġi jirregola r-responsabbiltà tal-persuna inkarigata bl-ipproċessar tad-data personali, li twettaq ksur meta tipproċessa din id-data mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata, meta ma tipprovdix l-informazzjoni rilevanti lil din tal-aħħar u meta ma tissodisfax l-obbligu ta’ notifika lill-awtorità kompetenti.

12      Skont l-Artikolu 5(2) tal-imsemmija liġi, bħala prinċipju, l-ipproċessar ta’ data personali huwa possibbli biss bil-kunsens tal-persuna kkonċernata. Fin-nuqqas ta’ tali kunsens, l-imsemmi pproċessar jista’ jseħħ jekk ikun neċessarju għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi protetti mil-liġi tal-kontrollur, tad-destinatarju jew ta’ persuna oħra kkonċernata. Madankollu, dan l-ipproċessar ma għandux jikser id-dritt tal-persuna kkonċernata għar-rispett tal-ħajja privata u personali tagħha.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Matul il-perijodu bejn il-5 ta’ Ottubru 2007 u l-11 ta’ April 2008, F. Ryneš installa u uża sistema ta’ kamera mqiegħda taħt il-bordura tal-bejt tad-dar tal-familja tiegħu. Din il-kamera kienet installata b’mod fiss, mingħajr possibbiltà li ddur, u kienet tirreġistra fuq film id-daħla ta’ din id-dar, it-triq pubblika u d-daħla tad-dar tal-faċċata. Is-sistema kienet tippermetti biss reġistrazzjoni vidjo, li kienet tinżamm f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa, jiġifieri f’hard disk. Meta tintlaħaq il-kapaċità tiegħu, dan l-apparat kien iħassar ir-reġistrazzjoni eżistenti permezz ta’ reġistrazzjoni ġdida. L-imsemmi apparat ta’ reġistrazzjoni ma kienx jinkludi skrin, b’mod li l-immaġni ma setgħetx tidher immedjatament. F. Ryneš biss kellu aċċess dirett għas-sistema u għad-data.

14      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-unika raġuni għall-użu ta’ din il-kamera minn F. Ryneš kienet sabiex jipproteġi l-beni, is-saħħa u l-ħajja tiegħu stess u dawk tal-familja tiegħu. Fil-fatt, kemm huwa stess kif ukoll il-familja tiegħu kienu s-suġġett ta’ attakki matul diversi snin min-naħa ta’ persuna mhux magħrufa li ma setgħetx tinqabad. Barra minn hekk, fid-dar tal-familja tiegħu, it-twieqi tkissru diversi drabi bejn is-sena 2005 u s-sena 2007.

15      Matul il-lejl bejn is-6 u s-7 ta’ Ottubru 2007, seħħ attakk ieħor. Tieqa tad-dar inkwistjoni tkissret b’tir ta’ projettili permezz ta’ żbandola. Bis-saħħa tas-sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo inkwistjoni, żewġ persuni suspettati setgħu jiġu identifikati. Ir-reġistrazzjonijiet intbagħtu lill-pulizija u, sussegwentement, ġew invokati fil-kuntest tal-proċedura kriminali li nbdiet.

16      Billi waħda minn dawn il-persuni suspettati talbet il-verifika tal-legalità tas-sistema ta’ sorveljanza ta’ F. Ryneš, l-Úřad, permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2008, ikkonstata li dan tal-aħħar kien wettaq ksur fir-rigward tal-Liġi Nru 101/2000 minħabba li:

–        bħala kontrollur, ġabar, permezz ta’ sistema ta’ kamera, data personali mingħajr il-kunsens tal-persuni mexjin fit-triq jew deħlin fid-dar li tinsab in-naħa l-oħra tat-triq;

–        il-persuni kkonċernati ma ġewx informati bl-ipproċessar ta’ din id-data personali, bil-portata u bl-għanijiet ta’ dan l-ipproċessar, bil-persuna li wettqet l-ipproċessar u bil-mod li bih jopera l-imsemmi pproċessar, u lanqas bil-persuni li jista’ jkollhom aċċess għad-data inkwistjoni, u

–        bħala kontrollur, F. Ryneš ma ssodisfax ir-rekwiżit ta’ notifika tal-ipproċessar inkwistjoni lill-Úřad.

17      Adita b’rikors ippreżentat minn F. Ryneš kontra din id-deċiżjoni, il-Městský soud v Praze (Qorti muniċipali ta’ Praga) ċaħditu permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ April 2012. F. Ryneš ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (Qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-użu ta’ sistema ta’ kameras installata fuq dar privata għall-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-proprjetarji tad-dar jista’ jaqa taħt l-ipproċessar ta’ data personali ‘minn persuna naturali [fiżika] meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika’ fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46[...], anki jekk tali sistema tissorvelja wkoll żona pubblika?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sistema ta’ kamera, li tagħti lok għal reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa bħal hard disk, installata minn persuna fiżika fid-dar privata tagħha għall-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-proprjetarji tad-dar, liema sistema tissorvelja wkoll spazju pubbliku, jikkostitwixxi pproċessar ta’ data magħmul fil-kors ta’ attivitajiet purament personali jew domestiċi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

20      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tapplika “għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar”.

21      Il-kunċett ta’ “data personali” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jinkludi, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali [fiżika] identifikata jew identifikabbli”. Jitqies li huwa identifikabbli “min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza [...] għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika [...] tiegħu”.

22      Għaldaqstant, l-immaġni ta’ persuna rreġistrata permezz ta’ kamera tikkostitwixxi data personali fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti sa fejn hija tippermetti li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata.

23      F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “ipproċessar ta’ data personali”, għandu jiġi rrilevat li dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46 bħala “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali [...], bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, [...] ħażna”.

24      Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 15 u 16 tad-Direttiva 95/46, is-sorveljanza bil-vidjo, bħala prinċipju, taqa’ taħt din id-direttiva sa fejn tikkostitwixxi pproċessar b’mezzi awtomatiċi.

25      Issa sorveljanza mwettqa permezz ta’ reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni, bħal fil-kawża prinċipali, miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa, jiġifieri f’hard disk, tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46, ipproċessar ta’ data personali b’mezzi awtomatiċi.

26      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali pproċessar madankollu huwiex eskluż mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva sa fejn isir “fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva.

27      Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill-premessa 10 tad-Direttiva 95/46, din tal-aħħar tfittex li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali (ara s-sentenza Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 66).

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata, iggarantit bl-Artikolu 7 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, teżiġi li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet ta’ din il-protezzjoni għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara s-sentenzi IPI, C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 39, u Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 52).

29      Billi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, sa fejn jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali li jista’ jippreġudika l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li huma stabbiliti fl-imsemmija karta (ara s-sentenza Google Spain u Google, EU:C:2014:317, punt 68), id-deroga prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva għandha tingħata interpretazzjoni stretta.

30      Din l-interpretazzjoni stretta hija bbażata wkoll fuq il-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni li jeskludi mill-applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 l-ipproċessar tad-data magħmul fil-kors ta’ attivitajiet mhux biss sempliċement personali jew domestiċi, iżda “purament” personali jew domestiċi.

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, ipproċessar ta’ data personali jaqa’ taħt id-deroga prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 biss meta jsir fl-isfera purament personali jew domestika ta’ dak li jwettaq dan l-ipproċessar.

32      Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-persuni fiżiċi, il-korrispondenza u ż-żamma ta’ reġistri ta’ indirizzi jikkostitwixxu, fid-dawl tal-premessa 12 tad-Direttiva 95/46, “attività purament personali jew domestika”, minkejja li, inċidentalment, jikkonċernaw jew jistgħu jikkonċernaw il-ħajja privata ta’ persuni oħra.

33      Sa fejn sorveljanza bil-vidjo bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkopri, anki parzjalment, spazju pubbliku, u, minħabba f’hekk, tkun diretta ’l barra mill-isfera privata ta’ dak li jwettaq l-ipproċessar tad-data b’dan il-mezz, hija ma tistax titqies li hija attività purament “personali jew domestika”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.

34      Fl-istess ħin, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva tippermetti, jekk ikun il-każ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari skont l-Artikoli 7(f), 11(2) u 13(1)(d) u (g) tal-imsemmija direttiva, l-interessi leġittimi tal-kontrollur, li jikkonsistu, b’mod partikolari, bħal fil-kawża prinċipali, fil-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja ta’ dan il-kontrollur u ta’ dawk tal-familja tiegħu.

35      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sistema ta’ kamera, li tagħti lok għal reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa bħal hard disk, installata minn persuna fiżika fid-dar privata tagħha għall-protezzjoni tal-beni, tas‑saħħa u tal-ħajja tal-proprjetarji tad-dar, liema sistema tissorvelja wkoll spazju pubbliku, ma jikkostitwixxix ipproċessar ta’ data magħmul fil-kors ta’ attivitajiet purament personali jew domestiċi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sistema ta’ kamera, li tagħti lok għal reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa bħal hard disk, installata minn persuna fiżika fid-dar privata tagħha għall-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-proprjetarji tad-dar, liema sistema tissorvelja wkoll spazju pubbliku, ma jikkostitwixxix ipproċessar ta’ data magħmul fil-kors ta’ attivitajiet purament personali jew domestiċi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.