Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-7 ta’ Novembru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State – il-Pajjiżi l-Baxxi) – X (C-199/12), Y (C-200/12), Z vs Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C-201/12)

(Kawżi Magħquda C-199/12 sa C-201/12) 1

(Direttiva 2004/83/KE – Livelli stabbiliti minimi dwar il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 10(1)(d) – Sħubija fi grupp soċjali partikolari – Orjentazzjoni sesswali – Raġuni għall-persekuzzjoni – Artikolu 9(1) – Kunċett ta’ ‘atti ta’ ta’ persekuzzjoni’ – Biża’ fondata li jiġi ppersegwitat minħabba s-sħubija fi grupp soċjali partikolari – Atti suffiċjentement serji sabiex ikunu ta’ bażi għal tali biża’ – Leġiżlazzjoni li tikkriminalizza atti omosesswali – Artikolu 4 – Evalwazzjoni individwali tal-fatti u taċ-ċirkustanzi)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel, Z

Konvenuta: X (C-199/12), Y (C-200/12), Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C-201/12)

Fil-preżenza ta’: Hoog Commissariaat van de Verenigde Naties voor de Vluchtelingen (C-199/12 sa C-201/12)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Raad van State - Interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(a) u (2)(ċ) u tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96) - Għoti tal-istatus ta’ refuġjat - Kundizzjonijiet - Raġunijiet għall-persekuzzjoni - Omosesswalità - Kunċett ta’ grupp soċjali partikolari - Leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini li tipprovdi piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas 10 snin fil-każ ta’ relazzjonijiet omosesswali

Dispożittiv

L-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni kriminali bħal dawk inkwistjoni f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, li hija intiża speċifikament għall-persuni omosesswali, tippermetti li tikkonstata li dawn il-persuni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw grupp soċjali partikolari.

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 9(2)(ċ) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi kriminalizzazzjoni ta’ atti omosesswali ma tikkostitwixxix, bħala tali, att ta’ persekuzzjoni. Għall-kuntrarju, piena ta’ priġunerija li tissanzjona atti omosesswali u li hija effettivament applikata fil-pajjiż ta’ oriġini li jkun adotta tali leġiżlazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala sanzjoni sproporzjonata jew diskriminatorja, u għaldaqstant tikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni.

L-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss l-atti omosesswali kriminali taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Meta jevalwaw applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat, l-awtoritajiet ma jistgħux raġonevolment jistennew li, sabiex jevita r-riskju ta’ persekuzzjoni, l-applikant għal ażil jaħbi l-omosesswalità tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew irażżan l-espressjoni tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

____________

1 ĠU C 217, 21.07.2012.