Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta' April 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Bucureşti - ir-Rumanija) - Asociaţia ACCEPT vs Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării

(Kawża C-81/12) 

(Politika soċjali - Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol - Direttiva 2000/78/KE - Artikoli 2(2)(a), 10(1) u 17 - Projbizzjoni ta' diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentament sesswali - Kunċett ta' 'fatti li minnhom wieħed jista' jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni' - Adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova - Sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi - Persuna li tippreżenta ruħha u li hija pperċepita mill-pubbliku bħala li hija d-direttur ta' klabb tal-futbol professjonali - Dikjarazzjonijiet pubbliċi li jeskludu r-reklutaġġ ta' plejer tal-futbol ippreżentat bħala omosesswali)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Asociaţia ACCEPT

Konvenut: Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Curtea de Apel Bucureşti - Interpretazzjoni tal-Artikoli 2(2)(a), 10(1) u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) - Kriterji diskriminatorji fl-għażla tal-persunal ta' klabb tal-futbol, relatati mal-orjentament sesswali - Applikabbiltà tad-Direttiva fil-każ ta' dikjarazzjonijiet diskriminatorji lill-istampa, fin-nuqqas ta' proċess ta' reklutaġġ effettiv - Fatti li minnhom wieħed jista' jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta - Oneru tal-prova - Sistema ta' sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta' nuqqas ta' osservanza ta' dispożizzjonijiet - Ammissibbiltà ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi l-applikazzjoni ta' sanzjoni kontravenzjonali wara l-iskadenza ta' terminu ta' preskrizzjoni ta' sitt xhur - Obbligu li tiġi imposta sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva

Dispożittiv

L-Aritkoli 2(2) u 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta' Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li fatti bħal dawk li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu kklassifikati bħala "fatti li minnhom wieħed jista' jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni" fir-rigward ta' klabb tal-futbol professjonali f'sitwazzjoni fejn id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati jsiru minn persuna li tippreżenta ruħha, u li hija pperċepita mill-mezzi tax-xandir u mis-soċjetà, bħala d-direttur prinċipali ta' dan il-klabb, mingħajr madankollu ma jkollha neċessarjament il-kapaċità legali li torbot jew li tirrappreżenta lil dan il-klabb fil-qasam tar-reklutaġġ.

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-eventwalità li fatti bħal dawk li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali jiġu kklassifikati bħala "fatti li minnhom wieħed jista' jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni" bbażata fuq l-orjentament sesswali fil-kuntest tar-reklutaġġ ta' plejers minn klabb tal-futbol professjonali, l-adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jwassalx sabiex tkun meħtieġa prova li ma tistax tiġi prodotta mingħajr ma jiġi ppreġudikat id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li tiġi kkonstatata diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, fis-sens ta' din id-direttiva, l-unika sanzjoni li tista' tingħata meta tali konstatazzjoni ssir wara l-iskadenza ta' terminu ta' preskrizzjoni ta' sitt xhur mid-data li fiha jkunu seħħew il-fatti hija twiddiba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jekk, skont din l-istess leġiżlazzjoni, tali diskriminazzjoni ma tkunx issanzjonata f'kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jagħtu lis-sanzjoni natura effettiva, proporzjonata u dissważiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, jekk dan ikun il-każ, hija għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva msemmija bil-għan li jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minn din id-direttiva.

____________

1 - ĠU C 126, 28.04.2012.