Language of document : ECLI:EU:C:2012:286

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Mejju 2012 (*)

“Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE — Organi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) — Trattament differenti fir-rigward ta’ dividendi mħallsa lil UCITS li ma humiex residenti, suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, u d-dividendi mħallsa lil UCITIS residenti, li ma humiex suġġetti għal tali taxxa f’ras il-għajn — Neċessità, sabiex tiġi evalwata l-konformità tal-miżura nazzjonali mal-moviment liberu tal-kapital, li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tad-detenturi tal-ishma — Assenza”

Fil-Kawżi magħquda C‑338/11 sa C‑347/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal administratif de Montreuil [Qorti amministrattiva ta’ Montreul] (Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-1 ta’ Lulju 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2011, fil-proċeduri

Santander Asset Management SGIIC SA, f’isem FIM Santander Top 25 Euro Fi (C‑338/11),

vs

Directeur des résidents à l’étranger et des services généraux

u

Santander Asset Management SGIIC SA, f’isem Cartera Mobiliaria SA SICAV (C‑339/11),

Kapitalanlagegesellschaft mbH, f’isem Alltri Inka (C‑340/11),

Allianz Global Investors Kapitalanlagegesellschaft mbH, f’isem DBI-Fonds APT n° 737 (C‑341/11),

SICAV KBC Select Immo (C‑342/11),

SGSS Deutschland Kapitalanlagegesellschaft mbH (C‑343/11),

International Values Series of the DFA Investment Trust Co. (C‑344/11),

Continental Small Co. Series of the DFA Investment Trust Co. (C‑345/11),

SICAV GA Fund B (C‑346/11),

Generali Investments Deutschland Kapitalanlagegesellschaft mbH, f’isem AMB Generali Aktien Euroland (C‑347/11)

vs

Ministre du Budget, des Comptes publics, de la Fonction publique et de la Réforme de l’État,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, G. Arestis, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Frar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Santander Asset Management SGIIC SA, f’isem FIM Santander Top 25 Euro Fi, u Santander Asset Management SGIIC SA, f’isem Cartera Mobiliaria SA SICAV, minn C. Charpentier, N. Gelli, P. Van den Perre u C. Profitos, avukati,

–        għal Kapitalanlagegesellschaft mbH, f’isem Alltri Inka, International Values Series of the DFA Investment Trust Co., Continental Small Co. Series of the DFA Investment Trust Co. u Generali Investments Deutschland Kapitalanlagegesellschaft mbH, f’isem AMB Generali Aktien Euroland, minn Y. Robert u S. Lauratet, avukati,

–        għal Allianz Global Investors Kapitalanlagegesellschaft mbH, f’isem DBI-Fonds APT n° 737, minn P. Schultze u A. Feger, avukati,

–        għal SICAV KBC Select Immo, minn V. Louvel u S. Defert, avukati,

–        għal SGSS Deutschland Kapitalanlagegesellschaft mbH, minn A. Lagarrigue u B. Hardeck, avukati,

–        għal SICAV GA Fund B, minn P. Le Roux u L. Bogey, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-S. Pilczer, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE.

2        Dawn it-talbiet saru fil-kuntest ta’ kawżi bejn organi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) li ma humiex residenti u l-awtoritajiet fiskali Franċiżi, fir-rigward tat-taxxa f’ras il-għajn miżmuma fuq id-dividendi ta’ oriġini nazzjonali ddistribwiti lil dawn l-UCITS.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3        Skont id-dritt Franċiż, l-UCITS jiġbru fihom il-kumpanniji ta’ investiment b’kapital varjabbli (KIKAV) u l-fondi speċjali ta’ investiment (FSI). Skont l-Artikolu 208(1a) A tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi (iktar ’il quddiem il-“KĠT”), il-KIKAV huma eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji għad-dħul li jagħmlu fl-ambitu tal-għanijiet legali tagħhom. Fir-rigward tal-FSI, in-natura ta’ koproprjetà tagħhom tqegħidhom awtomatikament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

4        L-Artikolu 119a(2) tal-KĠT jistabbilixxi:

“Id-[dividendi] jagħtu lok għall-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn li r-rata tagħha hija stabbilita mill-Artikolu 187 meta dawn jibbenefikaw minnhom persuni li ma għadhomx id-domiċilju fiskali tagħhom jew is-sede tagħhom fi Franza […]”

5        Skont l-Artikolu 187 tal-KĠT:

“1.      Ir-rata tat-taxxa f’ras il-għajn prevista fl-Artikolu 119a hija stabbilita:

[…]

—      fil-livell ta’ 25 % għad-dħul l-ieħor kollu.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

6        Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali huma UCITS Belġjani (Kawżi C‑342/11 u C‑346/11), Ġermaniżi (Kawżi C‑340/11, C‑341/11, C‑343/11 u C‑347/11), Spanjoli (Kawżi C‑338/11 u C‑339/11) u tal-Istati Uniti (Kawżi C‑344/11 u C‑345/11), li jinvestu inter alia f’azzjonijiet ta’ kumpanniji Franċiżi u jirċievu fuq din il-bażi dividendi. Dawn id-dividendi huma, skont l-Artikoli 119a(2) u 187(1) tal-KĠT, suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn fi Franza bir-rata ta’ 25 %.

7        Il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawżi prinċipali tintroduċi trattament fiskali differenti bi preġudizzju għall-UCITS li ma humiex residenti, inkwantu d-dividendi ta’ oriġini Franċiża bħalma huma dawk riċevuti minn dawn l-impriżi huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn filwaqt li d-dividendi tal-istess oriġini mħallsa lil UCITS residenti ma humiex suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn bħal din. Dan it-trattament differenti jikkostitwixxi, skont il-qorti tar-rinviju, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, li tista’ biss tiġi aċċettata, skont l-Artikolu 65 TFUE, jekk dan it-trattament differenti jikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk ir-restrizzjoni hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Skont il-qorti tar-rinviju, għall-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet, huwa essenzjali li jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni tad-detenturi tal-ishma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, flimkien ma’ dik tal-UCITS.

8        Hija tispjega li, jekk tittieħed inkunsiderazzjoni biss is-sitwazzjoni tal-UCITS, għandu jiġi kkonstatat li dawn, kemm jekk huma residenti fi Franza kif ukoll jekk huma residenti fi Stat Membru ieħor, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. F’dan il-każ, it-trattament differenti lanqas ma jista’ jitqies bħala ġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

9        Min-naħa l-oħra, jekk fid-dawl, minn naħa, tal-għan esklużiv tal-UCITS, li huwa dak li jiżguraw, bħala sempliċi intermedjarji, li ma humiex neċessarjament mogħnija b’personalità ġuridika, investimenti għan-nom ta’ investituri, u, min-naħa l-oħra, tal-impożizzjoni effettiva ta’ taxxa ta’ dividendi li taqa’, jew direttament minħabba s-sistema fiskali tal-UCITS residenti, jew indirettament minħabba t-taxxa f’ras il-għajn applikata għall-UCITS li ma humiex residenti, fuq id-detenturi tal-ishma, kemm jekk huma residenti u kif ukoll jekk ma humiex residenti, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss is-sitwazzjoni tal-UCITS, iżda wkoll dik tad-detenturi tal-ishma tagħhom, il-konformità tat-taxxa f’ras il-għajn mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi aċċettata fil-każijiet kollha fejn, jew is-sitwazzjonijiet ma jistgħux, fid-dawl tal-globalità tas-sistema fiskali applikabbli, jitqiesu bħala oġġettivament paragunabbli, jew raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali bbażata fuq l-effikaċità tal-kontrolli fiskali tiġġustifika d-differenza fit-trattament.

10      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal administratif de Montreuil iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Is-sitwazzjoni tal-azzjonisti [tad-detenturi tal-ishma] għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, flimkien ma’ dik tal-impriżi [organi] ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)?

2)      F’tali sitwazzjoni, liema huma l-kundizzjonijiet li fihom it-taxxa f’ras il-għajn tista’ titqies li hija konformi mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital?”

11      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Awwissu 2011, il-Kawżi C‑338/11 sa C‑347/11 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

12      B’mod preliminari, għandu jiġi ppreċiżat li, anki jekk l-Artikoli 119a(2) u 187 tal-KĠT japplikaw, b’mod ġenerali, għall-persuni li ma għandhomx id-domiċilju fiskali tagħhom jew ir-residenza tagħhom fi Franza, id-domandi li saru huma marbuta biss mat-trattament fiskali tal-UCITS li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

13      Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tissuġġetta d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali ddistribwiti lil UCITS għal trattament fiskali differenti skont il-post ta’ residenza tal-impriża benefiċjarja. Hija tfittex, b’mod partikolari, li tkun taf jekk, fir-rigward tal-intaxxar ta’ dividendi ddistribwiti minn kumpanniji residenti lil UCITS li ma humiex residenti, il-paragun tas-sitwazzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx trattament differenti li jikkostitwixxi ostaklu għall-moviment liberu tal-kapital għandux isir biss fil-livell tal-mezz ta’ investiment jew jekk għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni tad-detenturi tal-ishma.

14      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-taxxa diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑334/02, Ġabra p. I‑2229, punt 21; tal-20 ta’ Jannar 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑155/09, Ġabra p. I‑65, punt 39, u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑10/10, Ġabra p. I‑5389, punt 23).

15      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, inkwantu restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddiswadu lill-persuni li ma humiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddiswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jagħmlu dan fi Stati Membri oħra (sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen, C‑370/05, Ġabra p. I‑1129, punt 24; tat-18 ta’ Diċembru 2007, A, C‑101/05, Ġabra p. I‑11531, punt 40, kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C‑436/08 u C‑437/08, Ġabra p. I‑305, punt 50).

16      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni għall-movimenti ta’ kapitali, għandu jitfakkar li, skont din il-leġiżlazzjoni, id-dividendi ddistribwiti minn kumpannija residenti lil UCITS li ma hijiex residenti, stabbilita fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz, huma ntaxxati bir-rata ta’ 25 %, bl-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li dividendi bħal dawn ma humiex intaxxati meta dawn jitħallsu lil UCITS residenti.

17      Tali trattament fiskali differenti ta’ dividendi fir-rigward ta’ UCITS skont il-post ta’ residenza tagħhom jista’ jiddiswadi, minn naħa, lill-UCITS li ma humiex residenti milli jagħmlu investimenti f’kumpanniji stabbilti fi Franza u, min-naħa l-oħra, lill-investituri li jirresjedu fi Franza milli jiksbu azzjonijiet f’UCITS li ma humiex residenti.

18      Għalhekk, il-leġiżlazzjoni msemmija tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital li hija, bħala prinċipju, ipprojbita mill-Artikolu 63 TFUE.

19      Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk tali restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

20      Għal dan il-għan għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, “[l]-Artikolu 63 [TFUE] ma jippreġudikax id-dritt li għandhom l-Istati Membri […] li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jistabbilixxu distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni f’dak li jirrigwarda r-residenza tagħhom jew il-post fejn ikun investit il-kapital tagħhom”.

21      Sa fejn tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C‑11/07, Ġabra p. I‑6845, punt 57; tat-22 ta’ April 2010, Mattner, C‑510/08, Ġabra p. I‑3553, punt 32, kif ukoll Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

22      Fil-fatt, id-deroga prevista fl-imsemmija dispożizzjoni hija hi stess limitata mill-Artikolu 65(3) TFUE li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63”.

23      Għalhekk jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn it-trattamenti differenti li jippermetti l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li din id-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C‑35/98, Ġabra p. I‑4071, punt 43; tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C‑319/02, Ġabra. p. I‑7477, punt 29, u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑250/08, Ġabra p. I‑12341, punt 51).

24      Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk is-sitwazzjoni tad-detenturi tal-ishma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni flimkien ma’ dik tal-UCITS.

25      F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż jinsisti fuq il-fatt li l-UCITS ma humiex investituri f’isimhom proprju, iżda mezzi ta’ investiment kollettiv li jaġixxu għan-nom tad-detenturi tal-ishma tagħhom. Sakemm, fil-livell fiskali, l-interpożizzjoni tal-UCITS hija newtrali, id-dividendi li huma jirċievu ma jiġux intaxxati. Għalhekk, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni tad-detenturi tal-ishma sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trattament differenti mogħti lid-dividendi mħallsa lill-UCITS li ma humiex residenti, b’paragun mat-trattament mogħti lid-dividendi mħallsa lill-UCITS residenti, jikkonċernax sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli.

26      Madankollu, din l-argumentazzjoni ma tistax tintlaqa’.

27      Ċertament, huwa l-kompitu ta’ kull Stat Membru li jorganizza, filwaqt li josserva d-dritt tal-Unjoni, is-sistema tiegħu ta’ tassazzjoni tad-dħul iddistribwit. Madankollu, meta leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tistabbilixxi kriterju ta’ distinzjoni għat-tassazzjoni ta’ dħul iddistribwit, l-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha ssir b’mod li jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-kriterju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C‑170/05, Ġabra p. I‑11949, punti 34 u 35; tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha, C‑303/07, Ġabra p. I‑5145, punti 51 sa 54; tad-19 ta’ Novembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑540/07, Ġabra p. I‑10983, punt 43, kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑284/09, Ġabra p. I‑9879), punt 60).

28      Barra minn hekk, huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ evalwazzjoni ta’ jekk it-trattament differenti li jirriżulta minn tali leġiżlazzjoni jirriflettix differenza oġġettiva tas-sitwazzjonijiet. Għalhekk, meta Stat Membru jagħżel li jeżerċita l-kompetenza tiegħu li jimponi fuq id-dividendi mħallsa minn kumpanniji residenti fid-dawl biss tal-post ta’ residenza tal-UCITS benefiċjarji, is-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi tal-ishma tkun irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura diskriminatorja jew nondiskriminatorja ta’ din il-leġiżlazzjoni.

29      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li hija tistabbilixxi kriterju ta’ distinzjoni bbażat fuq il-post ta’ residenza tal-UCITS billi tissuġġetta biss lill-UCITS li ma humiex residenti għal taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li huma jirċievu.

30      Barra minn hekk, ir-rabta invokata mill-Gvern Franċiż bejn in-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ dividendi riċevuti mill-UCITS residenti u t-tassazzjoni ta’ dawn id-dividendi fir-rigward tad-detenturi tal-ishma ta’ dawn tal-aħħar hija nieqsa. Fil-fatt, l-eżenzjoni fiskali li minnha jibbenefikaw l-UCITS residenti ma hijiex suġġetta għat-tassazzjoni tad-dħul iddistribwit lid-detenturi tal-ishma tagħhom.

31      Għal dan il-għan għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-UCITS li jagħmlu kapitalizzazzjoni tad-dividendi riċevuti, ma ssir ebda ridistribuzzjoni tad-dividendi li jistgħu jkunu suġġetti għal taxxa sussegwenti fir-rigward tad-detenturi tal-ishma. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tistabbilixxi ebda rabta bejn it-trattament fiskali tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali riċevuti mill-UCITS ta’ kapitalizzazzjoni — kemm jekk huma residenti kif ukoll jekk ma humiex residenti — u s-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi tal-ishma tagħhom.

32      Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni lanqas ma tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi tal-ishma tal-UCITS li jagħmlu d-distribuzzjoni tad-dividendi miġbura.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni tal-Gvern Franċiż hija bbażata fuq il-premessa li d-detenturi tal-ishma tal-UCITS residenti għandhom huma stess ir-residenza fiskali tagħhom fi Franza, filwaqt li d-detenturi tal-ishma tal-UCITS li ma humiex residenti għandhom ir-residenza fiskali tagħhom fl-Istat fejn l-UCTIS ikkonċernata hija stabbilita. B’dan il-mod, il-konvenzjonijiet bilaterali għall-prevenzjoni ta’ tassazzjoni doppja konklużi bejn ir-Repubblika Franċiża u l-Istat Membru jew l-Istat terz ikkonċernat jiggarantixxu, skont il-Gvern Franċiż, trattament fiskali simili għad-detenturi tal-ishma tal-UCITS residenti u li ma humiex residenti.

34      Madankollu, minħabba l-ġeneralizzazzjoni tagħha, din il-premessa ma hijiex eżatta. Fil-fatt, ma huwiex inabitwali li detenturi tal-ishma ta’ UCITS li ma hijiex residenti fi Franza jkollu r-residenza fiskali tiegħu fi Franza jew li detentur tal-ishma ta’ UCITS residenti fi Franza jkollu r-residenza fiskali tiegħu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

35      Mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jirriżulta li d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali mħallsa lil UCITS ta’ distribuzzjoni residenti huma eżentati mit-taxxa anki fil-każ fejn ir-Repubblika Franċiża ma teżerċitax il-kompetenza fiskali tagħha fuq id-dividendi ridistribwiti minn tali UCITS, b’mod partikolari meta dawn ikunu tħallsu lil detenturi tal-ishma li għandhom ir-residenza fiskali tagħhom fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

36      Barra minn hekk, id-dividendi ta’ oriġini nazzjonal imħallsa lill-UCITS ta’ distribuzzjoni li ma humiex residenti huma ntaxxati b’rata ta’ 25 % indipendentement mis-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi tal-ishma tagħhom.

37      Fir-rigward tad-detenturi tal-ishma li ma humiex residenti ta’ dawn l-UCITS, minkejja li ċerti konvenzjonijiet bilaterali għall-prevenzjoni ta’ tassazzjoni doppja konklużi bejn ir-Repubblika Franċiża u l-Istat Membru jew l-Istat terz ikkonċernat jipprovdu għat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Istat ta’ residenza tat-taxxa f’ras il-għajn imposta fi Franza, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fiskali ta’ dawn id-detenturi tal-ishma. Għall-kuntrarju, huwa l-Istat ta’ residenza tad-detenturi tal-ishma li għandu jieħu inkunsiderazzjoni, skont tali konvenzjonijiet, it-trattament fiskali tad-dividendi fi Franza fil-livell tal-UCITS.

38      Anki jekk teżisti, kif il-Gvern Franċiż isostni, għal detentur tal-ishma residenti fi Franza ta’ UCITS li ma hijiex residenti, prassi amministrattiva li tippermettilu, f’ċerti każijiet, jikseb kreditu ta’ taxxa għat-taxxa f’ras il-għajn imposta fil-livell tal-UCITS li ma hijiex residenti, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tipprovdi għat-tassazzjoni ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali ddistribwiti lill-UCITS li ma humiex residenti b’rata ta’ 25 % biss minħabba l-post ta’ residenza tagħhom u, għalhekk, indipendentement mis-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi tal-ishma ta’ dawn l-UCITS.

39      Fir-rigward tal-kriterju ta’ distinzjoni stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni, ibbażat biss fuq il-post ta’ residenza tal-UCITS, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tas-sitwazzjonijiet sabiex tiġi ddeterminata n-natura diskriminatorja jew nondiskriminatorja ta’ din il-leġiżlazzjoni għandha ssir biss fil-livell tal-mezz ta’ investiment.

40      Din il-konklużjoni ma hijiex kkonfutata mill-fatt li, fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund (C‑194/06, Ġabra p. I‑3747) dwar is-sistema fiskali Olandiża tal-UCITS, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni s-sistema tat-taxxa applikabbli għall-persuni fiżiċi detenturi tal-ishma għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ sistema fiskali, bħal dik inkwistjoni fl-imsemmija kawża, mal-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, l-imsemmija sistema fiskali, u b’mod kuntrarju għal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, kienet tissuġġetta l-eżenzjoni fiskali fir-rigward tal-UCITS għall-kundizzjoni li d-dħul kollu ta’ dawn l-impriżi jkun iddistribwit lid-detenturi tal-ishma tagħhom u dan sabiex tqarreb it-taxxa fuq id-dħul mill-investiment mgħoddi minn dawn l-impriżi lejn dik imposta fuq l-investimenti diretti tal-individwi (sentenza Orange European Smallcap Fund, iċċitata iktar ’il fuq, punti 8, 33 u 60). Għalhekk, f’din il-kawża tal-aħħar, il-leġiżlatur nazzjonali ħa s-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi tal-ishma bħala kriterju ta’ distinzjoni tat-trattament fiskali applikabbli.

41      Min-naħa l-oħra, fil-każijiet inkwistjoni tal-kawżi prinċipali, il-kriterju ta’ distinzjoni tat-trattament fiskali applikabbli, stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, ma huwiex is-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi tal-ishma, iżda biss l-istat tal-UCITS, skont jekk din tkunx residenti jew le.

42      Imbagħad, kif il-qorti tar-rinviju tenfasizza, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi għall-prevenzjoni ta’ serje ta’ impożizzjonijiet ta’ taxxa fuq dividendi ddistribwiti minn kumpanniji residenti, is-sitwazzjoni ta’ UCITS benefiċjarja residenti hija paragunabbli għal dik ta’ UCITS benefiċjarja li ma hijiex residenti (ara s-sentenzi Aberdeen Property Fininvest Alpha, iċċitati iktar ’il fuq, punti 43 u 44, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

43      L-argument tal-Gvern Franċiż ibbażat fuq is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C‑282/07, Ġabra p. I‑10767, punt 47), li t-trattament differenti tal-UCITS residenti u l-UCITS li ma humiex residenti jirrifletti biss id-differenza tas-sitwazzjonijiet li fihom jinsabu l-imsemmija impriżi f’dak li jirrigwarda l-irkupru tat-taxxa, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Truck Center, iċċitata iktar ’il fuq, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni pprovdiet, fir-rigward tal-kumpanniji benefiċjarji residenti u fir-rigward tal-kumpanniji benefiċjarji li ma humiex residenti fl-istess ħin, għat-tassazzjoni ta’ ċertu dħul ta’ oriġini nazzjonali. Din il-leġiżlazzjoni pprovdiet biss għal modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa differenti skont il-post tas-sede tal-kumpannija benefiċjarja, li kienu ġġustifikati mid-differenza oġġettiva tas-sitwazzjonijiet li fihom kienu jinsabu l-kumpanniji residenti u l-kumpanniji li ma humiex residenti. Madankollu, fil-kawżi prinċipali, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma hijiex limitata għal modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa differenti skont il-post ta’ residenza tal-benefiċjarju tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali. Għall-kuntrarju, din tipprovdi għal taxxa fuq dawn id-dividendi biss fir-rigward tal-UCITS li ma humiex residenti.

44      Għalhekk, it-trattament differenti bejn l-UCITS residenti, li jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali fir-rigward tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali li huma jirċievu, u l-UCITS li ma humiex residenti, li jsostnu taxxa f’ras il-għajn fuq dawn id-dividendi, ma jistax jiġi ġġustifikat minn differenza rilevanti tas-sitwazzjoni.

45      Għad irid jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, hijiex iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA, C‑451/05, Ġabra p. I‑8251, punt 79; Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

46      Diversi raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni ġew invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Franċiż, jiġifieri n-neċessità li jitħares it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, in-neċessità li tiġi ggarantita l-effikaċità tal-kontrolli fiskali kif ukoll il-ħarsien tal-koerenza tas-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni għal restrizzjonijiet tal-movimenti tal-kapital marbuta ma’ Stati terzi, il-Gvern Franċiż jibbaża ruħu, minn naħa, fuq it-teżi li, f’dan il-kuntest partikolari, ir-regoli inkwistjoni huma neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità tal-kontrolli fiskali, u, min-naħa l-oħra, fuq l-Artikolu 64(1) TFUE.

47      Għandu jitfakkar li n-neċessità li jitħares it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn is-sistema inkwistjoni hija intiża sabiex tipprekludi aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ Stati Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C‑231/05, Ġabra p. I‑6373, punt 54; tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C‑379/05, Ġabra p. I‑9569, punt 58; Aberdeen Property Fininvest Alpha, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

48      Madankollu, meta Stat Membru jkun iddeċieda li ma jintaxxax lill-UCITS residenti li jibbenefikaw minn dividendi ta’ oriġini nazzjonali, ma tistax tiġi invokata n-neċessità li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa tat-tassazzjoni bejn l-Istati Membri bil-għan li tiġi ġġustifikata t-tassazzjoni tal-UCITS li ma humiex residenti li jibbenefikaw minn dan id-dħul (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Amurta, punt 59; Aberdeen Property Fininvest Alpha, punt 67, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 78).

49      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata bin-neċessità li tiġi ggarantita l-effikaċità ta’ kontrolli fiskali. Fil-fatt, kif il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll, l-effikaċità tal-kontrolli fiskali ma tistax tiġġustifika tassazzjoni li tolqot biss u speċifikament lil persuni li ma humiex residenti.

50      Fir-rigward tal-argument dwar il-ħarsien tal-koerenza tas-sistema fiskali Franċiża, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li n-neċessità li titħares koerenza bħal din tista’ tiġġustifika leġiżlazzjoni ta’ natura li tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann, C‑204/90, Ġabra p. I‑249, punt 21; tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, C‑157/07, Ġabra p. I‑8061, punt 43, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

51      Madankollu, sabiex argument ibbażat fuq ġustifikazzjoni bħal din jista’ jirnexxi, jeħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li tkun ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens għal dan il-vantaġġ bi ħlas fiskali determinat (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li n-natura ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon, C‑418/07, Ġabra p. I‑8947, punt 44, u Aberdeen Property Fininvest Alpha, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

52      Kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn tad-dividendi ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li d-dividendi riċevuti mill-UCITS ikkonċernata jiġu minnha ddistribwiti mill-ġdid u li t-tassazzjoni tagħhom fir-rigward tad-detenturi tal-ishma tal-istess UCITS tippermetti li l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn tiġi kkumpensata.

53      Għaldaqstant, ma teżisti l-ebda rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, bejn l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali miġbura minn UCITS residenti u t-tassazzjoni ta’ dawn id-dividendi bħala dħul tad-detenturi tal-ishma ta’ din l-istess UCITS.

54      Fl-aħħar nett, fir-rigward, b’mod partikolari, tar-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni għal restrizzjonijiet ta’ movimenti ta’ kapital marbuta ma’ Stati terzi, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Gvern Franċiż isostni biss li, fil-kuntest ta’ tali movimenti u fin-nuqqas ta’ konvenzjonijiet fiskali li jipprovdu għal assistenza amministrattiva reċiproka, ir-restrizzjonijiet inkwistjoni għandhom jiġu ġġustifikati min-neċessità li tiġi ggarantita l-effikaċità tal-kontrolli fiskali. Ċertament, il-ġurisprudenza tipprovdi li tali movimenti tal-kapital jaqgħu f’kuntest ġuridiku differenti minn dak tar-relazzjonijiet bejn Stati Membri (sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60). F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-Gvern Franċiż ma ressaqx provi li juru għal liema raġunijiet l-effikaċità tal-kontrolli fiskali tista’ tiġġustifika tassazzjoni li tolqot unikament u speċifikament lill-UCITS li ma humiex residenti. Min-naħa l-oħra, ladarba t-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma jipprevedux interpretazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE, ma hemmx għalfejn jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni tal-movimenti tal-kapital lejn jew minn Stati terzi li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tistax tiġi ġġustifikata taħt din id-dispożizzjoni.

55      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għad-domandi li tressqu għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għat-tassazzjoni, permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn, ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali meta dawn huma riċevuti minn UCITS residenti fi Stat ieħor, filwaqt li tali dividendi huma eżentati mit-taxxa fir-rigward tal-UCITS residenti fl-ewwel Stat.

 Fuq l-effett ta’ din is-sentenza ratione temporis

56      Fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, il-Gvern Franċiż talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tillimita ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza fil-każ li hija tikkonstata li leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija inkompatibbli mal-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE.

57      Insostenn tat-talba tiegħu, l-imsemmi gvern, minn naħa, ġibed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-konsegwenzi finanzjarji serji li sentenza li tagħmel tali konstatazzjoni jkollha. Min-naħa l-oħra, huwa sostna li, fid-dawl tal-imġiba tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri l-oħra, ir-Repubblika Franċiża setgħet tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet legali mnissla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, inter alia, il-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq kawża dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti jkunu sodisfatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2002, Barreira Pérez, C‑347/00, Ġabra p. I‑8191, punt 44; tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis, C‑453/02 u C‑462/02, Ġabra p. I‑1131, punt 41, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et, C‑292/04, Ġabra p. I‑1835, punt 34).

59      Għaldaqstant, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika tal‑Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jkunu sodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C‑402/03, Ġabra p. I‑199, punt 51, kif ukoll tat-3 ta’ Ġunju 2010, Kalinchev, C‑2/09, Ġabra p. I‑4939, punt 50).

60      B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi ferm speċifiċi, b’mod partikolari meta kien hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti b’mod partikolari għal numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu mħeġġa jadottaw imġiba li ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li għaliha possibbilment ikkontrbwixxiet l-imġiba stess adottata minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ April 2006, Richards, C‑423/04, Ġabra p. I‑3585, punt 42, u Kalinchev, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

61      Fir-rigward tal-argument tal-Gvern Franċiż ibbażat fuq l-inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, dan il-gvern ma indikax kif l-imġiba tal-Kummissjoni u ta’ Stati Membri oħra kkontribwixxiet għal tali inċertezza. Fi kwalunkwe każ, inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi kkonstatata fil-każijiet inkwistjoni tal-kawżi prinċipali. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li sabiex tiġi ddeterminata l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE, l-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha ssir fil-livell magħżul mill-Istat Membru stess, fil-każ ineżami, dak tal-UCITS. Barra minn hekk, kif il-qorti tar-rinviju tikkonstata, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mal-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE ta’ leġiżlazzjoni, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ma toħloq ebda problema partikolari, kemm-il darba l-paragun tas-sitwazzjonijiet isir fil-livell tal-UCITS.

62      Fir-rigward tar-riferiment mill-Gvern Franċiż għall-implikazzjonijiet baġitarji konsiderevoli ta’ din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minn sentenza mogħtija bħala deċiżjoni preliminari ma jiġġustifikawx, fihom infushom, il-limitazzjoni tal-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 52; tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punt 68, u Kalinchev, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52). Fil-każ ineżami, ir-Repubblika Franċiża, filwaqt li talbet il-limitazzjoni tal-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis biss matul is-seduta, ma ressqitx, f’din is-seduta, informazzjoni li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa jekk ir-Repubblika Franċiża fil-fatt tinsabx f’riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji.

63      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ma hemmx lok li jiġu limitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għat-tassazzjoni, permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn, ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali meta dawn huma riċevuti minn organi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli residenti fi Stat ieħor, filwaqt li dividendi bħal dawn huma eżentati mit-taxxa fir-rigward ta’ organi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli residenti fl-ewwel Stat.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.