Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Työtuomioistuin (il-Finlandja) fl-24 ta’ Ottubru 2017 – Terveys- ja sosiaalialan neuvottelujärjestö (TSN) ry vs Hyvinvointialan liitto ry

(Kawża C-609/17)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Työtuomioistuin (il-Finlandja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Terveys- ja sosiaalialan neuvottelujärjestö (TSN) ry

Konvenuta: Hyvinvointialan liitto ry

Parti oħra: Fimlab Laboratoriot Oy

Domandi preliminari

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol 1 jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali fi ftehim kollettiv jew l-interpretazzjoni tagħha, skont liema impjegat, li fil-bidu tal-leave annwali tiegħu jew f’parti minnu ma kienx kapaċi għax-xogħol, ma jkollux dritt, minkejja t-talba tiegħu, jittrasferixxi leave li huwa għandu taħt il-ftehim kollettiv u li jaqa’ fil-perijodu kkonċernat, jekk in-nuqqas ta’ trasferiment tal-leave taħt il-ftehim kollettiv ma jnaqqasx id-dritt tal-impjegat għal erba’ ġimgħat leave annwali?

L-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu effetti legali diretti f’relazzjoni ta’ xogħol bejn persuni privati, jiġifieri effett legali orizzontali dirett?

L-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipproteġi l-leave akkwistat, sa fejn it-tul ta’ żmien tal-leave jaqbeż il-leave annwali minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol, u din id-dispożizzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali fi ftehim kollettiv jew l-interpretazzjoni tagħha, skont liema impjegat, li fil-bidu tal-leave annwali tiegħu jew f’parti minnu ma kienx kapaċi għax-xogħol, ma jkollux dritt, minkejja t-talba tiegħu, jittrasferixxi leave li huwa għandu taħt il-ftehim kollettiv u li jaqa’ fil-perijodu kkonċernat, jekk in-nuqqas ta’ trasferiment tal-leave taħt il-ftehim kollettiv ma jnaqqasx id-dritt tal-impjegat għal erba’ ġimgħat leave annwali?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.