Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2017 minn GX mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-3 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-556/16, GX vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-233/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: GX (rappreżentant: G.-M. Enache, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla se-sentenza kkontestata u konsegwentement tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Awtorità tal-Ħatra;

tordna l-ħlas ta’ kumpens għad-danni materjali u morali subiti minħabba d-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-appell tiegħu, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-556/16, GX vs Il-Kummissjoni li biha ġie miċħud ir-rikors tiegħu kontra deċiżjoni tal-bord tal-għażla fil-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/248/13 li ismu ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kandidati magħżula f’din il-kompetizzjoni.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ aggravji.

1. Illegalità tal-avviż tal-kompetizzjoni, tal-corrigendum u tal-prinċipji fundamentali taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.

Ir-rikorrent jikkunsidra li l-avviż tal-kompetizzjoni huwa illegali sa fejn ma jipprovdix ġustifikazzjoni oġġettiva jew dwar il-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa (Ġermaniż, Ingliż jew Franċiż) fid-dawl tal-interess tas-servizz jew tan-natura proporzjonali ta’ din il-limitazzjoni fid-dawl tal-ħtiġijiet reali tas-servizz.

Fit-tieni lok, ir-rikorrent jinvoka l-illegalità, l-assenza ta’ validità u ta’ bażi xjentifika tal-prinċipji fundamentali taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni li jirregolaw il-kompetizzjonijiet ġenerali EPSO sa fejn ma teżisti l-ebda bażi, l-ebda prova jew verifika għall-prattiki fundamentali użati mill-EPSO u bbażati fuq is-segwenti prinċipji: (i) “l-aġir preċedenti huwa l-aqwa indikatur ta’ prestazzjonijiet futuri”, (ii) “iċ-ċentri ta’ evalwazzjoni, li jissimulaw sitwazzjonijiet tal-ħajja reali fix-xgħol huma l-aqwa indikatur tal-prestazzjonijiet fil-ħajja reali”.

Fit-tielet lok, ir-rikorrent jinvoka l-illegalità tal-corrigendum ppubblika fil-kuntest tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/248/13.

2. Irregolaritajiet proċedurali fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.

Ir-rikorrent jinvoka ċertu numru ta’ irregolaritajiet proċedurali fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-kompetizzjoni EPSO/AD/248/13.

____________