Language of document : ECLI:EU:C:2011:575

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2011 (1)

Kawżi magħquda C‑424/10 u C‑425/10

Tomasz Ziolkowski (C‑424/10),

Barbara Szeja,

Maria‑Magdalena Szeja,

Marlon Szeja (C‑425/10)

vs

Land Berlin

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il‑Ġermanja)]

“Dritt ta’ ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jgħixu liberament fit-territorju tal‑Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti – Kunċett ta’ ‘residenza legali’ – Determinazzjoni taż-żmien ta’ residenza meħtieġ”





1.        Il-kawżi preżenti joffru l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċċara l‑kundizzjonijiet għall-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti imsemmi fl‑Aritkolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38/KE (2). Din id-dispożizzjoni tipprovdi li ċ‑ċittadini tal-Unjoni Ewropea li rrisjedu legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti f’dan it-territorju.

2.        Fil-kawżi prinċipali, ir-rikorrenti, ta’ nazzjonalità Pollakka, waslu fit‑territorju Ġermaniż qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea. Skont id-dritt nazzjonali Ġermaniż, kollha kisbu dritt ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji. B’mod regolari, id-dritt ta’ residenza tagħhom ġie estiż għall-istess raġunijiet.

3.        Mad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi dritt ta’ residenza permanenti, peress li jikkunsidraw li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-ksib imposti fl‑Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

4.        Il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Federali Amministrattiva) (il‑Ġermanja) tistaqi għalhekk jekk perijodi ta’ residenza imwettqa fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti skont id-dritt nazzjonali biss, inklużi fosthom dawk qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni, jistgħux jiġu kkunsidrati bħala perijodi ta’ residenza legali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkulazzjoni taż-żmien ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni għall-finijiet tal-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti.

5.        Fil-konklużjonijiet preżenti, jiena sejjer nispjega r-raġunijiet għaliex jiena naħseb li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodi ta’ residenza mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti skont id‑dritt nazzjonali biss għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkulazzjoni taż‑żmien ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni għall-finijiet tal-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti f’dan it-territorju.

6.        Barra minn hekk, jiena sejjer nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li taqta’ u tiddeċiedi li tali perijodi ta’ residenza mwettqa qabel l-adeżjoni fl-Unjoni tal-Istat ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni, għandhom wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ksib ta’ tali dritt.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva 2004/38

7.        Id-Direttiva 2004/38 tgħaqqad u tissimplifika l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ ċittadini li jiċċaqilqu u li jgħixu liberament fit-territorju tal-Unjoni. Hija tissostitwixxi sistema bi tliet livelli, fejn kull livell ikun skont ż-żmien ta’ residenza fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

8.        Fir-rigward tal-ewwel livell, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jirrisjedi fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti għal perijodu li ma jeċċedix tliet xħur, mingħajr ebda kundizzjonijiet jew formalitajiet ħlief għall-ħtieġa li jkollu fil-pussess tiegħu karta tal-identità valida jew passaport validu.

9.        Fir-rigward tat-tieni livell, li jikkorrispondi għal residenza li teċċedi tliet xhur fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda li din ir-residenza għandha tkun suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet.

10.      B’hekk, l-Artikolu 7(1)(a) sa (d) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)      –       miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–        għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l‑Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil‑punti (a), (b) jew (ċ).”

11.      Fir-rigward tat-tielet livell, il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2004/34, li huwa mingħajr dubju wieħed mill-iktar innovattivi, jistitwixxi dritt ta’ residenza permanenti, li ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, favur ċittadini tal-Unjoni li rrisjedu legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (3).

12.      Finalment, għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/38, id-dispożizzjonijiet tagħha ma jippreġudikawx liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru li jistgħu jkunu iktar favorevoli għall-persuni milquta minn din l-istess direttiva.

B –    Id-dritt nazzjonali

13.      Il-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Freizügigkeitsgesetz/EU) tat-30 ta’ Lulju 2004 (4) tittrasponi, fis-sistema legali Ġermaniża, id-Direttiva 2004/38. B’mod partikolari, l-Artikolu 2(1) tal-FreizügG/EU jipprovdi li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw mill-moviment liberu, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, għandhom id-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fit-territorju federali, skont id-dispożizzjonijiet tal-FreizügG/EU.

14.      Skont l-Artikolu 2(2) tal-FreizügG/EU, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, iċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx attività professjonali jibbenefikaw mill-moviment liberu, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-FreizügG/EU, li jipprovdi li ċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali, il-membri tal-familja tagħhom u l-imsieħba tagħhom, li jakkompanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni, jibbenefikaw mid-dritt previst fl-Artikolu 2(1) tal-FreizügG/EU, jekk ikollhom assigurazzjoni ta’ mard adegwata u riżorsi adegwati.

15.      Barra minn hekk, l-Artikolu 4a tal-FreizügG/EU jipprovdi li ċ-ċittadini tal-Unjoni, il-membri tal-familja tagħhom u l-imsieħba tagħhom, li rrisedew legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju federali, jibbenefikaw mid-dritt ta’ dħul u ta’ residenza indipendentament mill-kwistjoni dwar jekk jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tal-FreizügG/EU.

II – Il-fatti tal-kontroversja fil-kawża prinċipali

A –    Fil-Kawża C‑424/10

16.      Il-Kawża C‑424/10 tirrigwarda persuna ta’ nazzjonalità Pollakka, T. Ziolkowski. Dan tal-aħħar twieled fil-Polonja fl-1977 u wasal fil-Ġermanja fix-xahar ta’ Settembru 1989 ma’ ommu u ma’ ħuħ. B’mod partikolari, huwa segwa hemmhekk edukazzjoni professjonali sekondarja preparatorja. Fl-1994, huwa kiseb permess ta’ xogħol mhux limitat fiż-żmien u mingħajr ebda kundizzjoni oħra. T. Ziolkowski segwa apprendistat li huwa interrompa. Sussegwentement, huwa pprova joħloq, mingħajr suċċess, impriża ta’ tindif. Sa mill-wasla tiegħu fit-territorju Ġermaniż, huwa bbenefika minn benefiċċji ta’ għajnuna soċjali.

17.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, mix-xahar ta’ Lulju 1991 sax-xahar ta’ April 2006, T. Ziolkowski kiseb permess ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji.

18.      Fix-xahar ta’ Lulju 2005, T. Ziolkowski talab l-estensjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu, jew, jekk ikun il-każ, il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni.

19.      Fix-xahar ta’ Ottubru 2005, il-Land Berlin ħariglu permess ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji, validu sax-xahar ta’ April 2006. Huwa qallu li ma kienx ser ikun hemm estensjoni lil hinn minn din id-data, jekk T. Ziolkowski jibqa’ jiddependi fuq l-għajnuna soċjali.

20.      B’deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2006, u wara li T. Ziolkowski għamel talba ġdida, il-Land Berlin irrifjuta li jestendi l-permess ta’ residenza tiegħu minħabba li huwa ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-FreizügG/EU, peress li ma kellux xogħol jew ma setax jipprova li huwa kellu riżorsi proprji adegwati. Sussegwentement, T. Ziolkowski ġie infurmat li huwa kien suġġett għal miżura ta’ tkeċċija lejn il-Polonja. Huwa oppona din id-deċiżjoni quddiem il-Land Berlin, li għadu ma ddeċidiex.

21.      Wara rikors magħmul minn T. Ziolkowski, il-Verwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva) aċċettat it-talba tiegħu intiża li tikseb dritt ta’ residenza permanenti, minħabba li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 kien jagħti dan id-dritt lil kull ċittadin tal-Unjoni li rrisjeda legalment għal ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u mingħajr il-bżonn li tiġi vverifikata n-natura adegwata tar-riżorsi tiegħu.

22.      Il-Land Berlin appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Oberverwaltungsgericht Berlin‑Brandenburg (Qorti Amministrattiva Reġjonali Superjuri tal-Länder ta’ Berlin u ta’ Brandenburg) li, b’sentenza tat-28 ta’ April 2009, irriformat l-imsemmija deċiżjoni. Skont din il-qorti, għalkemm T. Ziolkowski jirrisjedi għal iktar minn ħames snin fit-territorju Federali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li residenza bbażata fuq id-dritt tal-Unjoni biss tista’ tiġi kkunsidrata bħala waħda legali u li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-perijodi li fihom l-Istat ta’ oriġini huwa membru tal-Unjoni.

23.      T. Ziolkowski ppreżenta appell kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju u jitlob li jiġi rrikonoxxut fil-konfront tiegħu dritt ta’ residenza permanenti.

B –    Fil-Kawża C-425/10

24.      Il-Kawża C‑425/10 tirrigwarda wkoll lil persuna ta’ nazzjonalità Pollakka, B. Szeja, imwielda fl-1960, li waslet fil-Ġermanja fl-1988, u uliedha mwielda fuq it-territorju Ġermaniż bejn l-1994 u l-1996. Missierhom jgħix separatament, iżda għandu l-kustodja konġunta tagħhom flimkien ma’ ommhom.

25.      B. Szeja kisbet dritt ta’ residenza mix-xahar ta’ Mejju 1990 sax-xahar ta’ Ottubru 2005 għal raġunijiet umanitarji. Uliedha wkoll kisbu permessi ta’ residenza li jikkorrispondu għal dak tal-omm.

26.      Fix-xahar ta’ Awwissu 2005, B. Szeja kif ukoll uliedha talbu l-estensjoni tal-permessi ta’ residenza tagħhom jew, jekk ikun il-każ, il-ħruġ ta’ dritt ta’ residenza permanenti skont id-dritt tal-Unjoni.

27.      B’deċiżjonijiet tas-26 ta’ Ottubru 2005, il-Land Berlin ċaħad dawn it-talbiet minħabba li huma ma kinux f’pożizzjoni li jaqilgħu l-għixien tagħhom u hedded lil B. Szeja u uliedha b’miżuri ta’ tkeċċija lejn il-Polonja.

28.      Dawn tal-aħħar opponew dawn id-deċiżjonijiet mingħajr suċċess. Għalhekk huma ressqu proċeduri quddiem il-Verwaltungsgericht sabiex jiġi rikonoxxut fil-konfront tagħhom dritt ta’ residenza permanenti skont id-Direttiva 2004/38. Fix-xahar ta’ Jannar 2007, din il-qorti aċċettat it-talbiet tagħhom, peress li kkunsidrat li l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jagħti tali dritt ta’ residenza permanenti lil kull ċittadin tal-Unjoni li rrisjeda legalment għal ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, mingħajr il-bżonn li tiġi vverifikata n-natura adegwata tar-riżorsi tiegħu.

29.      Il-Land Berlin appella minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberverwaltungsgericht Berlin‑Brandenburg, li rriformat l-imsemmija deċiżjoni b’sentenza tat-28 ta’ April 2009.

30.      B. Szeja u uliedha ppreżentaw appell kontra din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht.

31.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li wara petizzjoni fuq l-inizjattiva tal-Kamra tad-Deputati ta’ Berlin, B. Szeja u uliedha kisbu, fix-xahar ta’ Novembru 2006, permessi ta’ residenza ta’ żmien limitat għal raġunijiet umanitarji li, minn dak iż-żmien ’il hemm, ġew estiżi kull sitt xhur.

III – Id-domandi preliminari

32.      Il-Bundesverwaltungsgericht tqajjem dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38. Għalhekk, hija ddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38[…] għandha tiġi interpretata fis-sens li tagħti lil ċittadin tal-Unjoni […], li għex [irrisjeda] legalment, inkonformità mad-dritt nazzjonali, għal iktar minn ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru iżda li f’dan iż-żmien qatt ma ssodisfa l‑kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) [ta’ din id-direttiva], dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru?

2)      Għall-finijiet tar-residenza legali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38[…] għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-perijodi ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membri ospitanti mwettqa qabel id-data tal-adeżjoni mal-Unjoni […] tal-Istat ta’ oriġini ta’ dan iċ-ċittadin?”

IV – L-analiżi tiegħi

33.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li perijodi ta’ residenza imwettqa fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti skont id-dritt nazzjonali biss jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkulazzjoni taż-żmien ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-finijiet tal-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti.

34.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn il-perijodi ta’ residenza mwettqa qabel l-adeżjoni fl-Unjoni tal-Istat ta’ oriġini ta’ ċittadin tal-Unjoni għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din il-kalkulazzjoni għall-finijiet tal-ksib ta’ dan id-dritt.

A –    Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ residenza mwettqa skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti biss, għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti

35.      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li l-ksib ta’ dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur huwa suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet. Biex jibbenefika minnu, iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu, b’mod partikolari, jkun impjegat jew jaħdem għal rasu fl-Istat Membru ospitanti jew ikollu, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, riżorsi adewgati sabiex ma jsirx ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dak l-Istat u assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-imsemmi Stat.

36.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti, iċ-ċittadin tal-Unjoni jridx ikun issodisfa, matul il-ħames snin ta’ residenza kontinwa li tippreċedi dan il-ksib, waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, jew jekk huwiex biżżejjed li, matul dawn is-snin, ir-residenza tiegħu kienet legali skont id-dritt nazzjonali.

37.      Il-Gvern Ġermaniż, l-Irlanda, il-Gvernijiet Griegi u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jikkunsidraw li ċittadin tal-Unjoni jista’ jikseb dritt ta’ residenza permanenti biss jekk ikun irrisjeda għal ħames snin b’mod kontinwu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u jekk, matul dawn il-ħames snin, huwa jkun issodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38. Fi kliem ieħor, huma jikkunsidraw li r-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet ma tistax titqies “residenza legali” fis-sens tal-Aritkolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

38.      B’mod partikolari, dawn il-Gvernijiet u l-Kummissjoni jirrilevaw il-fatt li l-premessa 17 tal-imsemmija direttiva tindika li “[g]ħandu […] jiġi stabbilit dritt ta’ residenza permanenti għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom li għixu fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva (5) u mingħajr ma jkunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija.” Skont dawn tal-aħħar, l-espressjoni “skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva” tirrigwarda l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u turi li huma għandhom ikunu ġew sodisfatti preċedentament miċ-ċittadin tal-Unjoni sabiex jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti.

39.      Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni.

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi dwar il-portata tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva u b’mod partikolari fuq dak li għandu jiġi mifhum bil-kliem “għex [irrisjeda] legalment (6) […] fl-Istat Membru ospitanti”.

41.      Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (7), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li perijodi ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin, li ġew fi tmiemhom qabel id-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38, skont l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni qabel din id-data, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-dritt ta’ residenza permanenti.

42.      Iktar reċentament, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias (8), il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha domanda dwar jekk perijodi ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ospitanti, mwettqa biss abbażi ta’ permess ta’ residenza maħruġ validament skont id-Direttiva 68/360/KEE (9) filwaqt li d-detentur ta’ dan il-permess ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn kwalunkwe dritt ta’ residenza, jistgħux jiġu kkunsidrati bħala mwettqa legalment għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.

43.      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li residenza mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti biss abbażi ta’ permess ta’ residenza validament maħruġ skont id-dritt tal-Unjoni, iżda mingħajr ma jkunu sodisfatti miċ-ċittadin tal-Unjoni l-kundizzjonijiet għall-ibbenefikar minn dritt ta’ residenza, ma tistax titqies “legali”, u għalhekk ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti (10).

44.      Hija spjegat li l-permess ta’ residenza ta’ M. Dias kellu biss natura dikjaratorja u mhux kostituttiva ta’ drittijiet (11). Peress li dan il-permess ta’ residenza ma kienx ta’ natura li jikkostitwixxi drittijiet favur id-detentur tiegħu, b’mod partikolari dritt ta’ residenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li perijodi mwettqa biss abbażi ta’ tali permess ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti.

45.      Is-sentenzi Lassal u Dias, iċċitati iktar ’il fuq, ma jirregolawx il-kwistjoni dwar jekk perijodi ta’ residenza imwettqa biss abbażi tad-dritt nazzjonali għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti. Fil-kawżi preżenti, fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li r-residenza tistrieħ fuq dritt rikonoxxut mid-dritt nazzjonali. Il-punt ta’ liġi inkwistjoni jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk perijodi ta’ residenza, imwettqa regolarment skont id-dritt nazzjonali, jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni, meta dan tal-aħħar jissostitwixxi, permezz ta’ leġiżlazzjoni komuni ġdida, regoli li kien hemm preċedentament, kemm jekk huma regoli tal-Unjoni jew regoli nazzjonali li ma jmorrux kontra d-dritt preċedenti tal-Unjoni.

46.      F’dan ir-rigward, jiena nirrileva, l-ewwel nett, li d-Direttiva 2004/38 stess tipprovdi, fl-Artikolu 37, li d-disposizzjonijiet ipprovduti minnha ma jippreġudikawx disposizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli.

47.      Ħadd ma jiddubita li dan huwa l-każ ta’ dritt ta’ residenza maħruġ għal raġunijiet umanitarji, mingħajr ma jkun ġie meħud inkunsiderazzjoni l-livell ta’ riżorsi tal-persuna kkonċernata.

48.      Jiena naħseb li, għalhekk, peress li tispeċifika dan mingħajr ma tiċċara li, madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli għandhom jiġu esklużi mill-mekkaniżmu tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti, id-Direttiva 2004/38, forsi impliċitament, iżda xorta neċessarjament, fir-realtà ikkonfermathom għall-finijiet tal-mekkaniżmu inkwistjoni.

49.      Xi tkun l-utilità tal-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva li kieku kellha tintlaħaq il-konklużjoni kuntrarja? Jekk dan l-artikolu jeżisti, huwa għaliex għandu sinjifikat, li jista’ jkun biss f’armonija mal-għan tal-imsemmija direttiva, hekk kif sejrin naraw issa.

50.      It-tieni nett, fil-fatt, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxa mid-Direttiva 2004/38, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar ma għandhomx jiġu interpretati b’mod restrittiv u ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, jiġu pprivati mill-effett utli tagħhom (12). Madankollu, ma jidhirx dubjuż li l-għan tal-imsemmija direttiva, hekk kif ipprovdut b’mod partikolari fil-premessi 3 u 17 tagħha, huwa li jwassal għal sistema bbażata fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali li fiha d-dritt ta’ residenza permanenti jidher li huwa hawnhekk fattur ewlieni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, liema ċittadinanza hija intiża li tikkostitwixxi “l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza” (13).

51.      L-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa li jwassal sabiex, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-ksib ta’ dan id-dritt ta’ residenza permanenti, jkollhom ugwaljanza fit-trattament kważi totali maċ-ċittadini nazzjonali (14). Huwa jitlaq mill-prinċipju li, wara perijodu ta’ residenza twil biżżejjed fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, iċ-ċittadin tal-Unjoni żviluppa rabtiet b’saħħithom ma’ dan l-Istat u sar parti integrali tas-soċjetà ta’ din (15).

52.      Iż-żmien ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti huwa xhieda ta’ ċerta integrazzjoni f’dak l-Istat. Iktar ma jkun twil il-perijodu ta’ residenza fit-territorju tal-imsemmi Stat, iktar ma jkunu kkunsidrati b’saħħithom ir-rabtiet miegħu u iktar l-intergrazzjoni ma jkollha t-tendenza li tkun waħda sħiħa, sa ma tagħti lil dan iċ-ċittadin l-impressjoni li huwa fl-istess sitwazzjoni ta’ ċittadin nazzjonali u li jagħmel parti integrali tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti. Ma jistax ikun ikkontestat li, mill-perspettiva tiegħi, din hija s-sitwazzjoni li tifforma ruħha meta r-rabtiet bejn l-individwu u l-Istat Membru ospitanti jinħolqu fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ solidarjetà umana.

53.      Fis-sentenza Dias, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-integrazzjoni, li hija ċentrali għall-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, ma hijiex ibbażata biss fuq fatturi spazjali u temporali, imma wkoll fuq fatturi kwalitattivi, li jirrigwardaw il-livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti (16).

54.      Fil-fehma tiegħi, u hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali Kokott fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża li tat lok għas-sentenza McCarthy (17), dan il-livell ta’ integrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni ma jiddependix mill-kwistjoni dwar jekk d-dritt ta’ residenza tiegħu tiġix mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali.

55.      Inżid li, fil-fehma tiegħi, l-imsemmi livell ta’ integrazzjoni lanqas ma jiddependi mis-sitwazzjoni materjali ta’ dan iċ-ċittadin, skont jekk din hijiex prekarja jew le, peress li din is-sitwazzjoni ġiet meħuda inkunsiderazzjoni u amministrata mill-Istat Membru ospitanti matul perijodu ta’ żmien li t-tul tiegħu, li jeċċedi dak minimu rikjest mid-Direttiva 2004/38, kien preċiżament wirja ta’ koeżjoni soċjali.

56.      Jekk jiena nieħu, bħala riferiment, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, pereżempju Franċiż, li kiseb dritt ta’ residenza permanenti abbażi tad-dritt tal-Unjoni, irrisjeda fit-territorju Ġermaniż sa mill-età ta’ tnax-il sena, ħoloq familja hemmhekk u jinsab qiegħed f’ċirkustanzi identiċi għal dawk fil-każijiet preżenti, jiena ma narax kif l-integrazzjoni ta’ dak iċ-ċittadin tista’ tkun iktar sħiħa minn dik ta’ T. Ziolkowski, li ukoll wasal fit-territorju Ġermaniż fl-età ta’ 12-il sena, li segwa hemmhekk parti mit-tagħlim tiegħu u li illum għandu wild ta’ nazzjonalità Ġermaniża, jew ukoll, minn dik ta’ B. Szeja, li ilha tirrisjedi għal iktar minn 20 sena f’dan it-territorju, li fih uliedha twieldu u dejjem irrisjedu.

57.      Hemmhekk, differenza bejn dawn iċ-ċittadini twassal għall-kunsiderazzjoni li ċerti ċittadini tal-Unjoni huma ċittadini inqas minn oħrajn minħabba l-fatt biss li huma jkunu ġew milqugħa qabel l-Istat ta’ oriġini tagħhom ma jkun issieħeb fl-Unjoni u anki jekk dan seħħ għal raġunijiet umanitarji, liema kundizzjoni iktar favorevoli ma hijiex, madankollu prekluża mill-kliem tad-Direttiva 2004/38. Ovvjament, l-evalwazzjoni tiegħi kienet tkun kompletament differenti li kieku l-persuna inkwistjoni kienet tirrisjedi b’mod illegali fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, li ma huwiex il-każ fil-każijiet preżenti.

58.      Finalment, f’dan l-istadju, naħseb li jkun utili li l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/38 jerga’ jiġi kkunsidrat mill-ġdid. Din tal-aħħar, fil-fatt, twassal sabiex jinħoloq dritt ta’ residenza permanenti innovattiv li ma kienx jeżisti fit-testi preċedenti. Għalhekk, hija tipproċedi għar-reviżjoni tas-sistema antika billi tissostitwiha b’test uniku bil-għan li jinħloq dokument wieħed li l-għan tiegħu diġà ġie imfakkar minni preċedentement. B’hekk, id-Direttiva 2004/38 tipprovdi regoli li huma imposti fuq l-Istati Membri u li jiżguraw li, ġaladarba dawn ir-regoli jiġu ssodisfatti, huma ma jkunux jistgħu jopponu għar-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza permanenti. Fl-istess waqt, u fid-dawl tal-għan imfittex, permezz tal-Artikolu 37 tagħha li jinsab fil-Kapitolu VII irriżervat għad-dispożizzjonijiet finali, din id-direttiva ma tipprekludix lil dawn l-Istati li jipprovdu, għalihom stess, regoli iktar favorevoli, li jistgħu jaċċeleraw il-proċess ta’ integrazzjoni u ta’ koeżjoni soċjali. Għaldaqstant naħseb li, fil-kuntest tal-analiżi proposta minni, dan l-artikolu għandu tabilħaqq sens u utilità koerenti mal-għan tal-imsemmija direttiva.

59.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodi ta’ residenza imwettqa fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti skont id-dritt nazzjonali biss, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkulazzjoni taż-żmien ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni għall-finijiet tal-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti f’dan it-territorju.

B –    Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ residenza imwettqa qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat ta’ oriġini ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti

60.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk il-perijodi ta’ residenza imwettqa minn ċittadin tal-Unjoni qabel l-adeżjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu mal-Unjoni għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkulazzjoni taż-żmien ta’ residenza tiegħu għall-finijiet tal-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti.

61.      Fis-sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ residenza li ġew fi tmiemhom qabel id-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38 ma għandux bħala konsegwenza li jagħti effett retroattiv lill-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, iżda sempliċement li jagħti effett attwali lil sitwazzjonijiet li ġew fis-seħħ qabel din id-data (18).

62.      Għal dan il-għan, hija fakkret ukoll li d-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea japplikaw mid-dħul fis-seħħ tagħhom u li għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li għandhom jiġu applikati għall-effetti attwali ta’ sitwazzjonijiet li seħħew qabel (19).

63.      Barra minn hekk, dan jirriżulta mir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-10 ta’ Diċembru 2008, dwar l-applikazzjoni tad‑Direttiva 2004/38 (20). Mill-kontenut ta’ dan ir-rapport jirriżulta li l-perijodi ta’ residenza miksuba minn ċittadini tal-Unjoni qabel l-adeżjoni tal-Istat ta’ oriġini tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru ospitanti (21). Madankollu, infakkar li peress li d-direttiva innifisha tirrikonoxxi li d‑dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli ma jmorrux kontriha, ma hemm l‑ebda raġuni għaliex ma għandhomx jitħallew jipproduċu hawnhekk l-effetti imfittxa minnhom.

64.      Għalhekk, jiena nikkunsidra li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodi ta’ residenza imwettqa fit-territorju tal‑Istat Membru ospitanti skont id-dritt nazzjonali tiegħu biss u qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkulazzjoni taż-żmien ta’residenza ta’ dan iċ-ċittadin għall-finijiet tal-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti.

V –    Konklużjoni

65.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill‑Bundesverwaltungsgericht:

“L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal‑familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis‑sens li :

–        perijodi ta’ residenza imwettqa fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti skont id-dritt nazzjonali biss għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil‑kalkulazzjoni taż-żmien ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-finijiet tal-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti f’dan it-territorju;

–        tali perijodi ta’ residenza imwettqa qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat ta’ oriġini ta’ ċittadin tal-Unjoni għandhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni f’din il-kalkulazzjoni għall-finijiet tal-ksib ta’ dan id-dritt.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id‑drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


3 – Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva.


4 – BGBl. 2004 I, p. 1950, hekk kif emendata bil-liġi tas-26 ta’ Frar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 215, iktar ’il quddiem, il-“FreizügG/EU”).


5 – Enfasizzata minni.


6 – Idem.


7 – C‑162/09, Ġabra p. I‑9217.


8 – C‑325/09, Ġabra p. I‑0000.


9 – Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27).


10 – Sentenza Dias, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55).


11 – Ibidem (punti 48 sa 52).


12 – Ibidem (punt 31).


13 – Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2004/38.


14 – Ara l-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri [KUMM(2001) 257 finali, p. 3].


15 – Ibidem p. 18.


16 – Ara punt 64.


17 – Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011 (C‑434/09, Ġabra p. I‑2587).


18 – Punt 38.


19 – Punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑195/98, Ġabra p. I‑10497), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li Stat Membru kien marbut li jieħu inkunsiderazzjoni, għall-kalkulazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ għalliema u assistenti taħt kuntratt, il-perijodi ta’ xogħol imwettqa minn dan il-persunal qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni (punti 52 sa 56).


20 – KUMM(2008) 840 finali.


21 – Ara p. 8.