Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2015 minn Stichting Woonpunt et mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-12 ta’ Mejju 2015 fil-Kawża T-203/10 RENV, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-415/15 P)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Appellanti: Stichting Woonpunt, Stichting Havensteder, li kienet Stichting Com.wonen, Woonstichting Haag Wonen, Stichting Woonbedrijf SWS.Hhvl (rappreżentanti: P. Glazener, avukat, u L. Hancher, professur)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Belġju, Vereniging van Institutionele Beleggers in Vastgoed, Nederland (IVBN)

Talbiet

tannulla d-digriet [tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) mogħti fit-12 ta’ Mejju 2015 fil-Kawża T-203/10 RENV] totalment jew parzjalment konformement mal-aggravji mqajma f’dan l-appell,

tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex twettaq evalwazzjoni ġdida konformement mal-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u l-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Skont l-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni, wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-fatti rilevanti u ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-digriet, meta kkonkludiet li l-ilmenti tar-rikorrenti huma mmirati fir-realtà kontra l-ittra Artikolu 17 u li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali ma jistax jestendi għal din l-ittra. Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali injorat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 108(1) TFUE, l-effetti ġuridiċi tad-deċiżjoni iridu jirriżultaw mill-fatt li s-sitwazzjoni preċedenti ma kinitx kompatibbli mat-Trattat. Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sentenza TF1 meta ddeduċiet li l-istħarriġ tagħha tad-deċiżjoni kkontestata għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni evalwatx korrettament il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti kif modifikat wara l- impenji meħuda mill-Istat Olandiż.Skond it-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni, wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-fatti rilevanti u ma mmotivatx b’mod suffiċjenti id-digriet, meta kkonkludiet li l-miżuri utli proposti mill-Kummissjoni ma setgħux ikunu mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali għar-raġuni li huma biss proposti u li hija l-adozzjoni tagħhom mill-awtoritajiet Olandiżi li għamlet l-imsemmija miżuri vinkolanti.

____________