Language of document : ECLI:EU:C:2013:29

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Jannar 2013 (*)

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram — Responsabbiltà tal-kumpannija parent li tirriżulta biss mill-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha — Prinċipju ne ultra petita — Effett fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-kumpannija parent ta’ annullament ippronunċat minn sentenza li tirrigwarda sussidjarja”

Fil-Kawża C‑286/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, V. Bottka u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Tomkins plc, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn K. Bacon, barrister, imqabbda minn S. Jordan, solicitor,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi-President, A. Tizzano, M. Ilešič, G. Arestis, M. Berger u E. Jarašiūnas, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász (Relatur), A. Borg Barthet, J.-C. Bonichot, M. Safjan, D. Šváby u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Mejju 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Marzu 2011, Tomkins vs Il-Kummissjoni (T‑382/06, Ġabra p. II‑1157, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din, minn naħa, annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F‑1/38.121 — Attrezzaturi) (sunt fil-ĠU 2007, L 283, p. 63, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, min-naħa l-oħra, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq Tomkins plc (iktar ’il quddiem “Tomkins”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

2        Fil-punti 1 sa 3 kif ukoll 12 u 13 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet il-konstatazzjonijiet segwenti:

“1      Permezz tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni [...] ikkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw, matul perijodi differenti bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u l-1 ta’ April 2004, fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni fil-forma ta’ grupp ta’ ftehim antikompetittivi u ta’ prattiki miftiehma fis-suq tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram, li kienu jkopru t-territorju taż-ŻEE. Il-ksur kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet, fi qbil dwar il-listi tal-prezzijiet, fi skontijiet u roħs u f’mekkaniżmi ta’ applikazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet, fit-tqassim tas-swieq nazzjonali u tal-klijenti u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali oħra kif ukoll f’parteċipazzjoni f’laqgħat regolari u fiż-żamma ta’ kuntatti oħrajn intiżi li jiffaċilitaw il-ksur.

2      Ir-rikorrenti, [Tomkins], [kif ukoll is-sussidjarja tagħha meta seħħew il-fatti], [Pegler] (li kienet The Steel Nut & Joseph Hampton Ltd), kienu fost id-destinatarji tad-deċiżjoni [kkontestata].

3      Ir-rikorrenti kellha, bejn is-17 ta’ Ġunju 1986 u l-31 ta’ Jannar 2004, 100 % tal-kapital ta’ Pegler, li timmanifattura attrezzaturi tar-ram. Fl-1 ta’ Frar 2004, Pegler inbiegħet lill-grupp tad-diretturi tagħha. Fis-26 ta’ Awwissu 2005, Pegler Holdings Ltd u Pegler inxtraw minn Aalberts Industries NV, destinatarja oħra tad-deċiżjoni [kkontestata].

[…]

12      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti u s-sussidjarja tagħha Pegler kienu kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u t-22 ta’ Marzu 2001.

13      Għal dan il-ksur, fl-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti, in solidum ma’ Pegler, multa ta’ EUR 5.25 miljun.”

 Is-sentenza kkontestata

3        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Diċembru 2006, Tomkins talbet b’mod partikolari lill-Qorti Ġenerali sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna d-dewmien tal-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur; u

–        tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha in solidum ma’ Pegler.

4        Wara r-rinunzja parzjali tal-motivi mqajma fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti qajmet motiv wieħed biss ibbażat fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tad-dewmien tal-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur.

5        Fil-fatt jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni imputat fuq ir-rikorrenti, li kellha 100 % tal-kapital ta’ Pegler bejn is-17 ta’ Ġunju 1986 u l-31 ta’ Jannar 2004, l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ din tal-aħħar u kkundannatha in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha. Din l-imputazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Pegler matul il-perijodu tal-ksur.

6        Il-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li Tomkins kienet ikkunsidrata responsabbli tal-ksur biss bħala kumpannija parent ta’ Pegler u skont il-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar mal-akkordju u li, minħabba dan il-fatt, ir-responsabbiltà tagħha ma setgħetx teċċedi dik ta’ Pegler. Issa, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, hekk kif il-Kummissjoni kkonstatat li Pegler kienet ipparteċipat fl-akkordju inkwistjoni matul il-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1988 u d-29 ta’ Ottubru 1993, ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Pegler vs Il-Kummissjoni (T‑386/06, Ġabra p. II‑1267). Peress li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienet ikkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur fl-imsemmi perijodu, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-konsegwenzi ta’ dan l-annullament fir-rigward ta’ Tomkins.

7        Wara li fakkret fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-impossibbiltà għall-qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi ultra petita, b’mod partikolari l-fatt li hija ma tistax tiddeċiedi fuq elementi li jirrigwardaw destinatarji oħra barra minn dawk previsti mit-talbiet imqajma mir-rikorrenti (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products u, C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363), il-Qorti Ġenerali, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, madankollu kkunsidrat li, mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-rikorrenti kienet tammonta għal entità unika mas-sussidjarja tagħha, li parzjalment kisbet deċiżjoni favorevoli sussegwentement għar-rikors għal annullament ippreżentat fil-kawża li wasslet għas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Konsegwentement, hija kkunsidrat li l-imputazzjoni ta’ responsabbiltà li l-Kummissjoni ssostni li għandha r-rikorrenti timplika li din tal-aħħar tibbenefika mill-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża.

8        Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li hija ma tkunx qed tiddeċiedi ultra petita meta, fit-trattament ta’ rikors għal annullament introdott separatament minn kumpannija parent u mis-sussidjarja tagħha, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-eżitu tar-rikors ippreżentat mis-sussidjarja ladarba t-talbiet ta’ dan ir-rikors ikollhom l-istess suġġett bħal dak tar-rikors ippreżentat mill-kumpannija parent.

9        Fil-preżenza ta’ responsabbiltà tal-kumpannija parent strettament marbuta ma’ dik tas-sussidjarja tagħha, peress li l-ħlas ta’ multa in solidum minn Tomkins ma setgħex iseħħ fin-nuqqas tal-imputazzjoni ta’ din tal-aħħar tal-aġir ta’ ksur ta’ Pegler, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993, u, konsegwentement, hija naqset l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq Tomkins, ta’ EUR 5.25 sa 4.25 miljun, li minnhom EUR 3.4 miljun in solidum ma’ Pegler.

10      Fuq il-waqfien tal-ksur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li Pegler ma kinitx uriet li hija ddisassoċjat ruħha mill-ftehim konkluż fl-10 ta’ Ġunju 2000, li kellu bħala suġġett żieda fil-prezzijiet b’effett mill-14 ta’ Awwissu 2000, u li, minħabba dan il-fatt, din tal-aħħar kienet ipparteċipat fl-akkordju, b’mod kontinwu, sad-data li fiha l-Kummissjoni kkunsidrat li l-akkordju kien intemm, jiġifieri dak tal-ispezzjonijiet għal għarrieda minnha fix-xahar ta’ Marzu 2001.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, u;

–        tiċħad fl-intier tiegħu r-rikors ippreżentat minn Tomkins quddiem il-Qorti Ġenerali.

12      Tomkins titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–        tiċħad l-appell fl-intier tiegħu bħala manifestament infondat, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati mal-kawża kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

 Fuq l-appell

 L-argumenti tal-partijiet

13      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ressqet ħames aggravji, li huma bbażati rispettivament fuq ksur min-naħa tal-Qorti Ġenerali tar-regola ne ultra petita, fuq il-konstatazzjoni żbaljata li r-rikorsi tal-kumpannija parent Tomkins u tas-sussidjarja tagħha kellhom l-istess suġġett, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-fatt li Tomkins kienet tagħmel parti minn impriża li ammettiet li wettqet ksur, fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq kontradizzjoni fis-sentenza appellata, u fl-aħħar nett, fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq.

 Fuq l-ewwel aggravju

14      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ikkonċernat parti mid-dewmien tal-parteċipazzjoni fil-ksur stabbilit f’din id-deċiżjoni, fuq il-bażi tal-elementi li qatt ma tqajmu minn Tomkins, il-Qorti Ġenerali injorat ir-regola li tipprojbixxi lill-qorti li tiddeċiedi ultra petita. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenzi Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P,Ġabra p. I‑2239), ma tirrikonoxxix eċċezzjonijiet għal din ir-regola peress li żewġ rikorrenti jappartjenu għall-istess impriża u huma ddikjarati responsabbli in solidum. L-annullament li jippruvaw jiksbu kull rikorrent, destinatarju ta’ deċiżjoni, huwa neċessarjament limitat għat-talbiet imqajma minn kull wieħed minnhom fil-kawża proprja tagħha u l-ebda eċċezzjoni ma tkun possibbli għad-destinatarji li jappartjenu għal impriża unika.

15      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet konfużjoni bejn il-kunċett ta’ impriża, bħala entità ekonomika fil-qasam tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 08, Vol. 02, p. 205), u l-kunċett proċedurali tal-persuna ġuridika, li jippreżenta talba quddiem il-qrati tal-Unjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE u tar-Regolament Nru 1/2003. Skont il-Kummissjoni, li tibbaża ruħha fuq is-sentenza ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, iċċitata iktar ’il fuq, rikors introduttiv minn entità li tifforma part minn grupp ma jaffettwax il-pożizzjoni legali ta’ entitajiet oħra tal-grupp. Hija responsabbiltà tad-destinatarju tad-deċiżjoni li jiddeċiedi l-portata tar-rikors tiegħu quddiem il-qrati tal-Unjoni kif ukoll tal-motivi li jixtieq iqajjem. F’każ li l-annullament parzjali tad-deċiżjoni li tirrigwarda s-sussidjarja tindika l-eżistenza ta’ żball fuq il-mertu tal-Kummissjoni li tista’ potenzjalment tibbenefika lill-kumpannija parent, din tal-aħħar għandha tqajjem hija stess dan l-iżball quddiem il-Qorti Ġenerali.

16      Il-Kummissjoni ssostni li l-multi imposti fuq entitajiet ġuridiċi ta’ impriża waħda jistgħu jvarjaw anki jekk, għal parti speċifika ta’ dawk il-multi, tiġi imposta r-responsabbiltà in solidum. Konsegwentement, ir-responsabbiltà in solidum ta’ dawn iż-żewġ entitajiet ta’ impriża tkun mingħajr konsegwenza għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, iċċitata iktar ’il fuq, f’dak li jirrigwarda deċiżjonijiet ultra petita. F’din il-kawża, ma teżistix rabta stretta bejn ir-responsabbiltà ta’ Tomkins u dik ta’ Pegler.

17      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet fuq il-motiv dwar id-dewmien tal-ksur mingħajr ma eżaminat l-argumenti legali mressqa minn Tomkins stess fir-rigward tad-data tal-bidu tal-ksur u billi llimitat ruħha, minflok, biex tirreferi għall-eżitu tas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Il-Qorti Ġenerali b’hekk interpretat mill-ġdid u kkwalifikat mill-ġdid is-suġġett tar-rikors.

18      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, billi jitnaqqas l-ammont tal-multa impost fuq Tomkins, fuq il-bażi ta’ sentenza speċifika, il-Qorti Ġenerali indebitament trattat ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni. Hija responsabbiltà ta’ din tal-aħħar, u mhux tal-Qorti Ġenerali, li tasal għall-konklużjonijiet ta’ din is-sentenza, jekk ikun il-każ billi tnaqqas jew tannulla l-ammont ta’ din il-multa, sabiex tikkonforma mal-imsemmija sentenza ta’ annullament.

19      Skont Tomkins, l-ewwel aggravju mqajjem huwa inammissibbli sa fejn il-Kummissjoni tipprova tikseb eżami ġdid tal-fatti diġà eżaminati mill-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari, tal-konstatazzjonijiet li jirrigwardaw iż-żmien tal-ksur attribwit lil Tomkins, li jmur kontra n-natura tal-appell.

20      Sussidjarjament, Tomkins issostni li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx ultra petita u ma ddevjatx mill-ġurisprudenza fil-qasam. Hija ssostni li t-tnaqqis tad-dewmien tal-parteċipazzjoni ta’ Pegler fil-ksur u tal-ammont tal-multa peress li l-Kummissjoni wettqet żball meta ddeterminat dan id-dewmien, jammonta għal wieħed mill-kapijiet tat-talba tagħha speċifikament imsemmija fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et kif ukoll ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et ma humiex rilevanti.

21      Tomkins issostni li l-Qorti Ġenerali ma ħolqotx eċċezzjoni tar-regola tal-proċeduri li skont din, qorti ma tistax tiddeċiedi ultra petita, iżda li evalwat b’mod korrett il-fatti tal-kawża preżenti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà in solidum taż-żewġ kumpanniji inkwistjoni li jappartjenu lill-istess grupp. Fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, il-Kummissjoni kienet ħawdet, fl-appell tagħha, l-aggravju invokat minn Tomkins, bil-għan tat-tnaqqis tad-dewmien tal-ksur imwettaq minn Pegler kif ukoll tal-multa dovuta, u l-punti ta’ fatt imressqa fir-rigward tad-dati preċiżi tal-bidu u t-tmiem tal-ksur insostenn tat-talbiet tagħhom. Ma jkunx sostnut mill-Kummissjoni li Tomkins għandha tbati l-piż tar-responsabbiltà attribwita lilha, iżda ma tistax tibbenefika mit-tnaqqis mill-Qorti Ġenerali tar-responsabbiltà primarja u diretta tal-kumpannija sussidjarja inkwistjoni, li setgħet tirriżulta f’responsabbiltà li ma tistax tkun in solidum.

22      Fir-rigward tal-konfużjoni bejn ir-regoli sostantivi fil-qasam tal-kompetizzjoni, ibbażati fuq il-kunċett ta’ impriża, u r-regoli proċedurali, li l-bażi tagħha hija magħmula mill-kunċett ta’ entità ġuridika, Tomkins ssostni li l-Kummissjoni pproċediet bi klassifikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali ġustament ammettiet li kienet teżisti konnessjoni stretta u “inseparabbli” bejn is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pegler vs Il-Kummissjoni u Tomkins vs Il-Kummissjoni, li, skont amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, tiġġustifika li jsiru referenzi bejn iż-żewġ kawżi.

 Fuq it-tieni aggravju

23      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li t-talbiet insostenn tar-rikors għal annullament ta’ Tomkins u tas-sussidjarja tagħha Pegler, kellhom l-“istess għan”. Skont il-Kummissjoni, dawn iż-żewġ persuni ġuridiċi kkontestaw perijodi differenti ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 1988 sas-7 ta’ Frar 1989 għal Tomkins, jiġifieri 38 jum, u tal-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993 għal Pegler, jiġifieri tul ta’ 4 snin, 9 xhur u 29 jum. Dawn id-differenzi u dawk li jirriżultaw mill-fatt li xi motivi u argumenti differenti tqajmu minn dawn iż-żewġ entitajiet jammontaw, skont il-Kummissjoni, għal talbiet b’għanijiet differenti.

24      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, ibbażat ruħha fuq premessa fattwali żbaljata li tista’ tammonta għal żnaturament tal-fatti, sa fejn Tomkins sostniet li “jekk id-deċiżjoni [kkontestata] kellha tiġi annullata f’dak li jirrigwarda Pegler, kien hemm lok ukoll li tiġi annullata l-imsemmija deċiżjoni sa fejn din tikkonċernaha”. Issa, Tomkins ma qajmitx dan l-aggravju la fir-rikors tagħha għall-annullament u lanqas fir-replika tagħha u, b’hekk, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żnaturament ta’ aggravju mqajjem mir-rikorrenti.

25      Skont Tomkins, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li t-talbiet tagħha u dawk ta’ Pegler kellhom l-“istess għan”, peress li ż-żewġ partijiet talbu speċifikament, kull wieħed fir-rikors tagħhom, li jitnaqqas id-dewmien fil-parteċipazzjoni ta’ Pegler għall-ksur, hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

 Fuq it-tielet aggravju

26      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset ir-responsabbiltà ta’ entità tal-“impriża Tomkins”, peress li d-dewmien tal-parteċipazzjoni tal-ksur kienet tnaqqset għal entità oħra ta’ din l-impriża, jiġifieri s-sussidjarja tagħha Pegler. It-tnaqqis tar-responsabbiltà ta’ Pegler għall-ksur kien ibbażat fuq l-istatus ta’ Pegler bħala “kumpannija rieqda” u ma kienx ibbażat fuq il-fatt li l-grupp inkwistjoni ma pparteċipax fil-ksur. Il-fatt li din tal-aħħar setgħet ma kinitx id-destinatarja tajba tad-deċiżjoni kkontestata fi ħdan il-grupp, għal perijodu speċifiku, jikkonċerna biss lil din is-sussidjarja u ma jeżentax lill-impriża fl-intier tagħha mir-responsabbiltà tagħha fil-konfront tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx legalment tannulla l-multa imposta fuq Tomkins għall-perijodu inkluż bejn l-20 ta’ Jannar 1989 u d-29 ta’ Ottubru 1993 peress li r-“responsabbiltà ta’ Tomkins kienet marbuta strettament ma’ dik ta’ Pegler”, u dan billi tibbaża ruħha fuq tali rabta b’mod li dan ma jeżistix iktar.

27      Tomkins issostni li t-tielet aggravju huwa inammissibbli, peress li dan għandu bħala għan li jikseb l-eżami mill-ġdid tal-fatti li ġew diġà deċiżi mill-Qorti Ġenerali u li, barra minn hekk, il-Kummissjoni ma invokatx dan il-motiv fl-ewwel istanza.

 Fuq ir-raba’ aggravju

28      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li ma tispeċifikax bi preċiżjoni suffiċjenti li teżisti eċċezzjoni għas-sentenza Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, iċċitata iktar ’il fuq. Barra minn hekk, fil-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata, li tikkonċerna l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal disważjoni, il-Qorti Ġenerali tkun inkoerenti u mhux preċiża, sa fejn tistieden lill-Kummissjoni li tasal għall-konklużjonijiet dwar ir-responsabbiltà in solidum fir-rigward tal-ħlas tal-multa minn Tomkins, qabel ma hija tiddetermina l-ammont tal-multa fil-punt 59 tal-imsemmija sentenza.

29      Tomkins tikkunsidra li dan ir-raba’ aggravju ma huwiex fondat, billi ssostni li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tesponi b’ċerta ċarezza suffiċjenti r-raġunament tagħha, li b’hekk tippermetti lill-partijiet ikunu jafu r-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha u għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita stħarriġ.

 Fuq il-ħames aggravju

30      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju u d-dritt għal smigħ xieraq meta ma tathiex l-opportunità tieħu pożizzjoni fuq l-intenzjoni tagħha li tnaqqas il-multa imposta lil Tomkins filwaqt li bbażat ruħha fuq il-motivi mressqa minn Pegler f’kawża separata. Meta kienet qed tirreferi għal parti mis-sentenza, għalkemm l-imsemmi motiv imqajjem minn Pegler insostenn tar-rikors tiegħu ma kienx tqajjem minn Tomkins fil-proċedura bil-miktub, il-Qorti Ġenerali kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni.

31      Tomkins tikkunsidra li dan l-aggravju huwa bla bażi, peress li l-Kummissjoni kienet parti għall-proċeduri li wasslu għas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u b’hekk kienet perfettament informata bl-argumenti relattivi għad-dewmien tal-ksur. Skont Tomkins, il-Kummissjoni ma qajmitx dan l-aggravju matul il-proċeduri li wasslu għas-sentenza appellata biss għal raġunijiet tattiċi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravji

32      Peress li l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravji tal-appell huma simili, jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien.

33      Fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “r-rikorrenti ma nżammitx responsabbli għall-akkordju inkwistjoni minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-attivitajiet tiegħu. Hija nżammet responsabbli għall-ksur biss inkwantu kumpannija parent minħabba l-parteċipazzjoni ta’ Pegler fl-akkordju. Għalhekk, ir-responsabbiltà tagħha ma tistax tisboq dik ta’ Pegler”.

34      Huwa stabbilit bejn il-partijiet, fil-fatt, li r-responsabbiltà ta’ Tomkins tirriżulta esklużivament mill-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha Pegler fl-akkordju li rriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

35      Madankollu, permezz ta’ dawn it-tlett aggravji tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, tkun xi tkun ir-responsabbiltà tagħha tal-impriża magħmula minn dawn iż-żewġ kumpanniji tal-istess grupp fir-rigward tal-ksur li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata, il-kumpannija Tomkins ma setgħetx tibbenefika, fil-kuntest tal-proċeduri li nbdew permezz tar-rikors li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, tat-tnaqqis tad-dewmien tal-ksur deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-proċeduri mibdija mir-rikors separat ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali mill-kumpannija Pegler fuq il-bażi ta’ elementi ta’ argumenti li Tomkins ma qajmitx fil-kuntest tar-rikors proprju tagħha.

36      Fit-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-distinzjoni bejn ir-responsabbiltà tal-entitajiet ġuridikament separati fi ħdan grupp ta’ kumpanniji u ssostni, b’mod partikolari, li, f’din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata ġiet indirizzata kemm lill-Tomkins kif ukoll lill-Pegler u li l-konstatazzjoni dwar il-perijodu tal-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993 ġiet annullata peress li Pegler kienet, fil-bidu, “kumpannija inattiva skont id-dritt tal-kumpanniji Ingliż” u, iktar tard, “kumpannija inattivi li taġixxi bħala aġent”.

37      Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex suffiċjenti sabiex ipoġġu fid-dubju l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata, peress li, sabiex tiġi attribwita responsabbiltà lil xi entità ta’ grupp, huwa neċessarju li tkun imressqa prova li entità għall-inqas wettqet ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u li din iċ-ċirkustanza tkun tirriżulta f’deċiżjoni li tkun saret definittiva.

38      Issa, f’din il-kawża, prova bħal din ma tressqitx, b’mod definittiv, dwar il-perijodu tal-31 ta’ Diċembru 1988 sad-29 ta’ Ottubru 1993 peress li l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda dan il-perijodu fis-sentenza tagħha Pegler vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, hija irrilevanti r-raġuni li għaliha n-nuqqas ta’ aġir ta’ ksur ta’ Pegler ġie kkonstatat.

39      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat ruħha fuq il-premessa, li skont din ir-responsabbiltà ta’ Tomkins bħala kumpannija parent hija, fil-każ preżenti, purament derivata u aċċessorja u tiddependi b’hekk fuq dik tas-sussidjarja Pegler, dawn iż-żewġ kumpanniji, barra minn hekk, ġew ikkundannati jħallsu in solidum il-multa li kienu talbu li tiġi mnaqqsa.

40      B’hekk għandu jingħad ukoll li l-motiv u l-argumenti ta’ Tomkins fl-ewwel istanza ma kinux jirrigwardaw, hekk kif jirriżulta mill-punti 25 u 28 sa 30 tas-sentenza appellata, il-parteċipazzjoni propja tagħha għall-ksur, iżda biss dik ta’ Pegler.

41      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi naqset id-dewmien tal-ksur ukoll għal Tomkins, mingħajr ma ġiet ippreżentata talba speċifika għal dan il-għan minn din il-kumpannija, iddeċidiet ultra petita, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja espressa b’mod partikolari permezz tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et kif ukoll ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni.

42      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi, fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, li, bħal Pegler, Tomkins kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali l-perijodu tal-ksur misjub fid-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni, madankollu, li din il-kumpannija parent ma kinitx ikkontestat l-istess perijodu bħal dik tas-sussidjarja tagħha, iżda biss parti żgħira ta’ dan il-perijodu u b’argumenti differenti minn dawk invokati minn Pegler. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li r-rikors imressaq separatament minn Pegler u minn Tomkins kellhom l-istess għan.

43      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjoni fejn ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent hija totalment derivata minn dik tas-sussidjarja tagħha, u fejn dawn iż-żewġ kumpanniji ppreżentaw rikors bil-għan b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali tnaqqas il-multa bbażata fuq tnaqqis tad-dewmien tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja, il-kunċett tal-“istess għan” ma jeħtieġx li r-rikorsi ta’ dawn il-kumpanniji u tal-argumenti mressqa minnhom ikunu identiċi, sabiex jikkontestaw id-dewmien tal-ksur aċċettat mill-Kummissjoni.

44      Konsegwentement, sa fejn huwa stabbilit li kemm Pegler kif ukoll Tomkins ikkontestaw id-dewmien tal-ksur u li parti minn dan il-perijodu jkunu identiċi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi li jwassal għall-konstatazzjonijiet li jidhru fil-punt 44 tas-sentenza appellata.

45      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li skont din il-Qorti Ġenerali kienet żnaturat il-motiv invokat minn Tomkins, dan għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti. Fil-fatt, mill-punti preċedenti tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi li s-suġġett tar-rikors tal-kumpannija parent u dik tas-sussidjarja tagħha kienu identiċi, indipendentement mill-fatt li Tomkins ippreżentat jew le, fir-rikors tagħha, it-talba li tidher fit-tielet sentenza tal-punt 42 tas-sentenza appellata u riprodotta fil-punt 24 tas-sentenza preżenti.

46      F’dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kummissjoni, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għas-soluzzjoni tal-kawża preżenti.

47      Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, iċċitata iktar ’il fuq, bid-differenza tal-fatti tas-sentenza preżenti, il-kumpannija AssiDomän Kraft Products AB u sitt kumpanniji oħra Svediżi ma kinux ressqu rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li kienet ġiet parzjalment annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement għar-rikors ippreżentat minn impriżi oħra.

48      Fil-kawża li wasslet għas-sentenza ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, iċċitata iktar ’il fuq, li tirrigwarda kwistjoni ġuridika ta’ natura oħra, b’mod partikolari s-sospensjoni tal-preskrizzjoni għall-infurzar ta’ pieni, li kienet tirrigwarda tliet kumpanniji li jappartjenu lill-istess grupp. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 149 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda waħda biss minn dawn il-kumpanniji, u din id-deċiżjoni kienet ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ din il-kumpannija biss. B’hekk, ma seta’ jiġi dedott ebda effett minn tali annullament fir-rigward taż-żewġ kumpanniji.

49      B’hekk, f’każ bħal dak tal-każ preżenti, fejn ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent tirriżulta biss minn dik tas-sussidjarja tagħha u fejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha ppreżentaw rikorsi paralleli fejn is-suġġett huwa l-istess, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma tiddeċiedi ultra petita, tikkunsidra r-riżultat tar-rikors ippreżentat minn Pegler u tannulla d-deċiżjoni kkontestata għall-perijodu qabel id-29 ta’ Ottubru 1993 ukoll f’dak li jirrigwarda Tomkins.

50      F’dan ir-rigward, il-possibbiltà msemmija mill-Kummissjoni li hija stess tista’ tbiddel jew tirtira d-deċiżjoni tagħha meħuda fir-rigward tal-kumpannija parent sabiex tasal għall-konklużjonijiet tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, ma tipprovdix garanzija suffiċjenti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-impriżi fil-qasam tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravji tal-Kummissjoni ma humiex fondati.

 Fuq ir-raba’ aggravju

52      Ir-raba’ aggravju tal-appell hu maqsum f’żewġ partijiet.

53      Permezz tal-ewwel parti, il-Kummissjoni tattribwixxi li l-Qorti Ġenerali ma fornietx raġunament suffiċjenti u ċar insostenn tal-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tirrepeti b’mod kunsiderevoli l-argumenti diġà ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravji tagħha.

54      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li wieħed jirreferi għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dawn l-aggravji, li minnhom jidher ċar li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex fondati.

55      Permezz tat-tieni parti, il-Kummissjoni allegat inkoerenza jew nuqqas ta’ preċiżjoni fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata, sa fejn, minn naħa, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tikkunsidra s-sentenza tagħha Pegler vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il-fattur ta’ disważjoni u fejn, min-naħa l-oħra, hija stess iffissat, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, l-ammont tal-multa imposta fuq Tomkins.

56      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza appellata ma tinkludi ebda kontradizzjoni jew nuqqas ta’ preċiżjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali naqset l-ammont tal-multa biss sa fejn din tannulla d-deċiżjoni kkontestata għall-perijodu qabel id-29 ta’ Ottubru 1993 ukoll f’dak li jirrigwarda Tomkins. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 56 sa 58 tal-istess sentenza, waslet għall-konklużjoni li r-rikors ta’ Tomkins ma kienx jirrigwarda żball minn naħa tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-fattur tad-disważjoni.

57      Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju ma huwiex fondat.

 Fuq il-ħames aggravju

58      Permezz ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tallega l-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. B’mod partikolari, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma tathiex l-opportunità li tgħarraf il-perspettiva tagħha fuq l-intenzjoni li hija kellha sabiex tibbaża ruħha fuq il-motivi mqajma minn Pegler.

59      Għandu jitfakkar mill-bidu li l-Kummissjoni ma talbitx li sseħħ seduta f’din il-kawża. Hekk kif il-Qorti Ġenerali semmiet fil-punt 23 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra, kienet indikat li “hija tħalli f’idejn il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċidi jekk għandhiex isseħħ seduta fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti”.

60      Il-kritika tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-dritt għal smigħ xieraq huma bbażati fuq il-konvinzjoni soda ta’ din l-istituzzjoni li skont din teżisti impossibbiltà assoluta li l-kumpannija parent Tomkins tibbenefika minn tnaqqis tal-perijodu ta’ ksur stabbilit għas-sussidjarja tagħha Pegler, fejn l-azzjonijiet li tressqu ma kinux totalment identiċi.

61      Issa, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet u mill-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravji, din il-possibbiltà teżisti f’ċerti ċirkustanzi. L-applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà hija r-riżultat ta’ evalwazzjoni ġuridika tal-Qorti Ġenerali li din il-qorti għandha d-dritt li tagħmel mingħajr ma tavża lill-partijiet qabel ma tinqata’ s-sentenza. Li taġixxi b’dan il-mod ma jammontax għal ksur tad-drittijiet tad-difiża jew tad-dritt għal smigħ xieraq.

62      Minn dan isegwi li l-ħames aggravju ma huwiex fondat.

63      Peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-Kummissjoni ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

64      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub minn Tomkins.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.