Language of document : ECLI:EU:C:2015:25

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Jannar 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Riorganizzazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji permezz ta’ allinjament temporali tal-iskadenzi — Sejħa għal offerti ġdida — Liċenzji għal tul ta’ żmien iqsar minn dak ta’ liċenzji antiki — Restrizzjoni — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑463/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Awwissu 2013, fil-proċedura

Stanley International Betting Ltd,

Stanleybet Malta Ltd

vs

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli di Stato,

fil-preżenza ta’:

Intralot Italia SpA,

SNAI SpA,

Galassia Game Srl,

Eurobet Italia Srl unipersonale,

Lottomatica Scommesse Srl,

Sisal Match Point SpA,

Cogetech Gaming Srl

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Stanley International Betting Ltd, minn D. Agnello, u M. Mura, avukati,

–        għal Stanleybet Malta Ltd, minn F. Ferraro, R. A. Jacchia, A. Terranova u D. Agnello, avukati,

–        għal SNAI SpA, minn A. Fratini u F. Filpo, avukati,

–        għal Lottomatica Scommesse Srl, minn A. Vergerio di Cesana, C. Benelli u G. Fraccastoro, avukati,

–        għal Sisal Match Point Spa, minn L. Medugno, A. Auteri, G. Fraccastoro u F. Vetrò, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato, u minn I. Volpe, espert,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.‑C. Halleux u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, avukat,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Stanley International Betting Ltd (iktar ’il quddiem “Stanley International Betting”) u Stanleybet Malta Ltd (iktar ’il quddiem “Stanleybet Malta”), u, min-naħa l-oħra, il-Ministero dell’Economia e delle Finanze (Ministeru għall-ekonomija u għall-finanzi) u l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli di Stato (Aġenzija tad-dwana u tal-monopolji tal-Istat) dwar l-organizzazzjoni ta’ sejħa għal offerti ġdida li tipprevedi liċenzji għal tul ta’ żmien iqsar minn dak tal-liċenzji mogħtija fil-passat.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-leġiżlazzjoni Taljana tistabbilixxi, essenzjalment, li l-parteċipazzjoni fl-organizzazzjoni tal-logħob ta’ l-ażżard, inkluż il-ġbir ta’ mħatri, hija suġġetta għall-kisba ta’ liċenzja u ta’ awtorizzazzjoni mill-pulizija.

4        Qabel l-emendi tal-leġiżlazzjoni applikabbli li saru matul is-sena 2002, l-operaturi inkorporati fil-forma ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju li l-azzjonijiet tagħhom kienu kkwotati fis-swieq irregolati ma setgħux jiksbu liċenzja għal-logħob tal-ażżard. Dawn l-operaturi kienu għalhekk esklużi mis-sejħiet għal offerti fir-rigward tal-attribuzzjoni ta’ liċenzji li saru matul is-sena 1999. L-inkompatibbiltà ta’ din l-esklużjoni mal-Artikoli 43 KE u 49 KE kienet ġiet ikkonstatata b’mod partikolari fis-sentenza Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C-360/04, EU:C:2007:133).

5        Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 223, tal-4 ta’ Lulju 2006, li jipprevedi dispożizzjonijiet urġenti għall-irkupru ekonomiku u soċjali, għall-kontroll u għar-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi, u li jipprevedi interventi fil-qasam tad-dħul fiskali u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali, mibdul f’liġi bil-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006 (GURI Nru 18, tal-11 ta’ Awwissu 2006), introduċa riforma fis-settur tal-logħob fl-Italja, intiża sabiex jiġi żgurat li dan is-settur ikun konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

6        B’mod partikolari wara s-sentenza Costa u Cifone (C‑71/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80), is-settur tal-logħob tal-ażżard ġie rriformat permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 16 tat-2 ta’ Marzu 2012, li jipprevedi dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam ta’ semplifikazzjoni fiskali, ta’ titkib tal-effikaċja u ta’ tisħiħ tal-proċeduri ta’ kontroll (ĠURI Nru 52, tat-2 ta’ Marzu 2012, p. 1), mibdul, wara li sarulu emendi, f’liġi bil-Liġi Nru 44 tas-26 ta’ April 2012 (GURI Nru 99, tat-28 ta’ April 2012, Suppliment ordinarju Nru 85, p. 1 et seq.; test ikkoordinat, p. 23 et seq., iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 16”).

7        L-Artikolu 10(9g) u (9h) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 16 jipprovdi:

“9g      Fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-logħob pubbliku, inklużi dawk fil-qasam tal-imħatri fuq avvenimenti sportivi, inklużi t-tiġrijiet taż-żwiemel, u mhux sportivi, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu huma intiżi li jiffavorixxu l-imsemmija riorganizzazzjoni, permezz ta’ allinjament temporali inizjali tal-iskadenzi tal-liċenzji li jkopru l-ġbir tal-imħatri inkwistjoni, filwaqt li jitħares ir-rekwiżit ta’ aġġustament tar-regoli nazzjonali ta’ selezzjoni tal-persuni li, f’isem l-Istat, jiġbru l-imħatri fuq avvenimenti sportivi, inklużi t-tiġrijiet taż-żwiemel, u mhux sportivi, għall-prinċipji li joħorġu mis-sentenza [Costa u Cifone, EU:C:2012:80]. Għal dan il-għan, fid-dawl tal-iskadenza li jmiss ta’ grupp ta’ liċenzji għall-ġbir tal-imsemmija mħatri, l-Amministrazione autonoma dei monopoli di Stato [Amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat] għandha torganizza immedjatament u, fi kwalunkwe każ, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2012, sejħa għal offerti għas-selezzjoni tal-persuni li jiġbru l-imsemmija mħattri b’osservanza, minn tal-inqas, tal-kriterji segwenti:

a)      possibbiltà ta’ parteċipazzjoni għall-persuni li diġà jeżerċitaw attività ta’ ġbir ta’ mħatri f’wieħed mill-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea, fejn ikollhom is-sede legali u operattiva tagħhom, fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni valida u effettiva maħruġa skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku tal-imsemmi Stat u li jkollhom ukoll il-kwalitajiet ta’ onorabbiltà u ta’ affidabbiltà kif ukoll il-kwalitajiet ekonomiċi u patrimonjali indikati mill-Amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat [...];

b)      attribuzzjoni ta’ liċenzji, validi sat-30 ta’ Ġunju 2016, għall-ġbir, esklużivament f’network fiżiku, ta’ mħatri fuq avvenimenti sportivi, inklużi t-tiġrijiet taż-żwiemel, u mhux sportivi, fi ħdan aġenziji, sa massimu ta’ 2 000, li jkollhom bħala attività esklużiva l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ logħob pubbliku, mingħajr limitazzjoni fir-rigward tad-distanzi minimi bejn dawn l-aġenziji jew fir-rigward ta’ postijiet oħra ta’ ġbir, li huma diġà attivi, ta’ mħatri identiċi;

c)      previżjoni, bħala parti mill-prezz, ta’ valur bażiku għall-finijiet tal-irkant ta’ EUR 11 000 għal kull aġenzija;

d)      konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja li l-kontenut tiegħu jkun konformi ma’ kull prinċipju ieħor stabbilit fis-sentenza [Costa u Cifone, EU:C:2012:80], kif ukoll mad-dispożizzjonijiet nazzjonali kompatibbli fis-seħħ fil-qasam tal-logħob pubbliku;

e)      possibbiltà li l-aġenziji jiġu operati fi kwalunkwe komun jew provinċja, mingħajr limiti numeriċi fuq bażi territorjali u mingħajr kundizzjonijiet favorevoli għad-detenturi ta’ liċenzja diġà awtorizzati sabiex jiġbru mħatri identiċi jew li jistgħu, fi kwalunkwe każ, ikunu favorevoli għal dawn tal-aħħar;

f)      stabbiliment ta’ garanziji [...].

9h      Id-detenturi ta’ liċenzja li tippermettilhom jiġbru l-imħatri msemmija fil-paragrafu 9g, li l-liċenzja tagħhom tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2012, għandhom ikomplu jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ ġbir tagħhom sad-data tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ liċenzja mogħtija skont il-paragrafu ċċitat. [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Stanley International Betting u Stanleybet Malta ppreżentaw appell quddiem il-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat) intiż sabiex tinbidel is-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (Qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) Nru 1884/2013.

9        Din is-sentenza kienet tikkonċerna sejħa għal offerti fir-rigward tal-attribuzzjoni, taħt liċenzja, ta’ 2 000 dritt għall-eżerċizzju konġunt ta’ logħob pubbliku permezz tal-istabbiliment ta’ network fiżiku ta’ ħwienet tal-logħob u tal-operazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, skont l-Artikolu 10(9g) u (9h) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 16 (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti”).

10      Stanley International Betting, kumpannija rreġistrata fir-Renju Unit, kif ukoll is-sussidjarja Maltija tagħha, Stanleybet Malta, huma attivi fl-Italja, permezz ta’ operaturi msejħa “ċentri ta’ trażmissjoni ta’ data” (iktar ’il quddiem iċ-“ĊTD”), li jinsabu f’postijiet miftuħa għall-pubbliku u li l-operaturi proprjetarji tagħhom iqiegħu għad-dispożizzjoni tal-lagħba l-konnessjoni telematika u jittrażmettu d-data ta’ kull imħatra lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

11      Din l-attività ilha madwar ħmistax-il sena tiġi eżerċitata fl-Italja permezz tal-operaturi proprjetarji taċ-ĊTD fuq il-bażi ta’ relazzjoni fil-forma kuntrattwali ta’ mandat mingħajr il-pussess ta’ liċenzja u mingħajr l-awtorizzazzjoni mill-pulizija.

12      Peress li jqisu li kienu ġew esklużi minn sejħiet għal offerti preċedenti organizzati matul is-snin 1999 u 2006, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin jitolbu l-annullament tas-sejħa għal offerti l-ġdida billi jsostnu li hija ta’ natura diskriminatorja u li hija kuntrarja għas-sentenzi Placanica et (EU:C:2007:133) kif ukoll Costa u Cifone (EU:C:2012:80) u qegħdin jitolbu l-organizzazzjoni ta’ sejħa għal offerti ġdida.

13      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin jikkritikaw, b’mod partikolari, l-introduzzjoni ta’ diskriminazzjonijiet fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-liċenzji l-ġodda, li huwa ta’ 40 xahar u li għalhekk huwa kunsiderevolment inqas minn dak, ta’ bejn disa’ snin u tnax-il sena, tal-liċenzji preċedenti kif ukoll fir-rigward tan-natura esklużiva tal-attività ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-logħob pubbliku u tal-projbizzjoni ta’ trasferiment ta’ liċenzji.

14      Huma jsostnu b’mod partikolari li dawn il-kundizzjonijiet restrittivi ma jippermettulhomx jipparteċipaw b’mod effettiv fis-sejħa għal offerti, b’mod partikolari fid-dawl tal-penalitajiet marbuta mal-kawżi ta’ revoka, ta’ sospensjoni u ta’ dekadenza tal-liċenzja, bħalma huma t-telf tal-garanzija fil-każ ta’ dekadenza u t-trasferiment, mingħajr ħlas, tal-użu tal-beni materjali u immaterjali miżmuma taħt titolu ta’ proprjetà u li jikkostitwixxu n-network ta’ operazzjoni u ta’ ġbir tal-imħatri tagħhom mal-iskadenza tal-liċenzja.

15      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li huma esposti għal riskju kbir ta’ dekadenza u ta’ revoka tal-liċenzji eventwalment miksuba minħabba l-kontenzjuż li jinvolvi ċ-ĊTD li permezz tagħhom joperaw fl-Italja. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qiesu li huma kienu tqiegħdu fis-sitwazzjoni fejn kellhom jagħżlu bejn, minn naħa, li jirrinunzjaw għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom fl-Italja u, min-naħa l-oħra, li jesponu ruħhom għar-riskju ta’ dekadenza tal-liċenzji eventwalment miksuba u tat-telf tal-garanziji mħallsa.

16      It-Tribunale amministrativo regionale del Lazio ċaħad ir-rikors bħala inammissibbli minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux ipparteċipaw fis-sejħa għal offerti li tagħha kienu qegħdin jitolbu l-annullament. Kien wara din is-sentenza li dawn tal-aħħar ressqu l-kawża tagħhom quddiem il-Consiglio di Stato.

17      Din il-qorti tal-aħħar tqis li, għalkemm huwa minnu li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi dwar il-liċenzji l-ġodda huma iktar stretti u ddettaljati minn dawk li kienu previsti fil-passat, dawn id-dispożizzjonijiet madankollu ma humiex neqsin minn ċarezza, ikopru l-parteċipanti kollha, inklużi dawk li kienu diġà detenturi ta’ liċenzja, u japplikaw ukoll għar-relazzjonijiet diġà eżistenti, b’tali mod li huwa diffiċli li wieħed jifhem f’hiex jikkonsisti l-allegat “vantaġġ” li baqa’ jingħata lid-detenturi l-antiki ta’ liċenzja.

18      Barra minn hekk, madwar 120 parteċipant ieħor fis-sejħa għal offerti inkwistjoni, li jinkludu gruppi barranin kbar li ma jagħmlux parti mill-operaturi eżistenti u li għandhom struttura operattiva analoga għal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma qajmu ebda kritika fir-rigward ta’ din is-sejħa għal offerti.

19      Barra minn hekk, skont din il-qorti, minkejja li huma validi għal tul ta’ żmien iqsar minn dawk attribwiti fil-passat, il-liċenzji l-ġodda huma fl-istess ħin inqas onerużi u inqas restrittivi ekonomikament għal min ikun jixtieq jikseb liċenzja.

20      Għaldaqstant, filwaqt li tindika li fil-fehma tagħha l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE ma jipprekludux id-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa xorta waħda neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikoli 49 et seq [TFUE], u 56 et seq TFUE, kif ukoll il-prinċipji ddikjarati mill-Qorti tal-Ġustizzja [...] fis-sentenza [...] Costa u Cifone [(EU:C:2012:89)], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li [liċenzji] ta’ tul li jkun inqas minn dak ta’ [liċenzji] mogħtija preċedentement ikunu s-suġġett ta’ sejħa għall-offerti, meta din tal-aħħar tkun organizzata sabiex jiġu rrimedjati l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-illegalità tal-esklużjoni ta’ ċertu numru ta’ operaturi mis-sejħiet għall-offerti[?]

2)      L-Artikoli 49 et seq [TFUE], u 56 et seq TFUE, kif ukoll il-prinċipji ddikjarati mill-Qorti tal-Ġustizzja [...] fis-sentenza [...] Costa u Cifone [(EU:C:2012:89)], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-eżiġenza ta’ organizzazjoni mill-ġdid tas-sistema permezz ta’ allinjament ratione temporis tal-iskadenzi tal-[liċenzji] tikkostitwixxi ġustifikazzjoni kawżali xierqa għat-tul imnaqqas tal-[liċenzji] li huma s-suġġett ta’ sejħa għall-offerti meta mqabbla mat-tul tal-[liċenzji] mogħtija fl-imgħoddi?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

22      Lottomatica Scommesse Srl tikkontesta, essenzjalment, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija ssostni li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-iffissar ta’ tul ta’ żmien ftit jew wisq iqsar tal-liċenzji fil-qasam tal-logħob tal-ażżard huwiex kompatibbli mal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE. Il-kwistjoni ta’ din il-kompatibbiltà taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali u mhux f’dik tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din il-kumpannija ma hijiex qiegħda tikkontesta li l-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni għandha tkun konformi mal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE. Issa, il-portata tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob preċiżament interpretazzjoni ta’ dawn l-artikoli sabiex tiddetermina jekk it-tul ta’ żmien tal-imsemmija liċenzji huwiex konformi magħhom.

24      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

 Fuq l-ammissibbiltà

25      Il-Gvern Taljan iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tesponix b’mod suffiċjenti l-qafas fattwali sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposta utli.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tal-aħħar tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, dik il-qorti tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis li huwa neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Mulders, C‑548/11, EU:C:2013:249, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Issa, id-deċiżjoni tar-rinviju tiddeskrivi b’mod suffiċjenti l-kuntest ġuridiku u fattwali tat-tilwim fil-kawża prinċipali, u l-indikazzjonijiet ipprovduti minn dik il-qorti jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tad-domandi magħmula.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

30      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-logħob tal-ażżard li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ sejħa għal offerti ġdida fir-rigward ta’ liċenzji għal tul ta’ żmien iqsar minn dak tal-liċenzji mogħtija fil-passat minħabba riorganizzazzjoni tas-sistema permezz ta’ allinjament temporali tal-iskadenzi tal-liċenzji.

31      Minn naħa, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi timponi tul ta’ żmien iqsar għal-liċenzji l-ġodda meta mqabbla mal-liċenzji l-antiki, hijiex konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività.

32      F’dan ir-rigward għandu jiġi speċifikat li, għalkemm fis-sentenza Costa u Cifone (EU:C:2012:80), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet eżaminat ukoll il-konformità tal-leġiżlazzjoni Taljana mal-obbligu ta’ trasparenza u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tali eżami ma għadux meħtieġ f’din il-kawża peress li, skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ċari biżżejjed u ma jistgħux jibqgħu jiġu kkritikati fuq il-bażi li ma humiex ifformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku.

33      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi evalwat jekk ir-raġuni invokata mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġġustifikaw it-tul ta’ żmien iqsar tal-liċenzji l-ġodda, b’mod partikolari r-riorganizzazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji permezz ta’ allinjament temporali tal-iskadenzi, tistax tiġġustifika restrizzjoni li jista’ jkun hemm għal-libertajiet iggarantiti mit-Trattati.

 Fuq l-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività

34      Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti qegħdin jitolbu r-revoka tal-liċenzji fis-seħħ, l-annullament tal-aħħar sejħa għal offerti u l-organizzazzjoni ta’ sejħa għal offerti ġdida fuq bażijiet mhux diskriminatorji. Huma jsostnu li l-awtoritajiet Taljani ma kellhomx id-dritt li jagħżlu bejn ir-revoka u d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-liċenzji fis-seħħ u l-ftuħ ta’ sejħa għal offerti fir-rigward ta’ numru adegwat ta’ liċenzji ġodda u li, fi kwalunkwe każ, l-għażla magħmula tippreġudika l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività.

35      Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, kemm ir-revoka u d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-liċenzji antiki u kemm il-ftuħ ta’ sejħa għal offerti fir-rigward ta’ numru adegwat ta’ liċenzji ġodda setgħu jkunu soluzzjonijiet adegwati. Bħala prinċipju, dawn is-soluzzjonijiet huma, it-tnejn li huma, ta’ natura tali li jistgħu jirrimedjaw, minn tal-inqas fil-futur, l-esklużjoni illegali ta’ ċerti operaturi billi jippermettulhom jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-suq taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-operaturi eżistenti (sentenza Costa u Cifone, EU:C:2012:80, punt 52).

36      Minn dan isegwi li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom id-dritt li jagħżlu bejn l-imsemmija soluzzjonijiet bis-saħħa tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri f’qasam mhux armonizzat bħalma huwa dak tal-logħob tal-ażżard, marġni li l-limiti tiegħu huma madankollu stabbiliti permezz tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

37      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali li għandu jipprevedi modalitajiet proċedurali li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-operaturi jgawdu bis-saħħa tal-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (sentenzi Placanica et, EU:C:2007:133, punt 63, kif ukoll Costa u Cifone, EU:C:2012:80, punt 51).

38      Barra minn hekk, sabiex jiġu osservati l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu, sistema ta’ awtorizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u magħrufa bil-quddiem, b’tali mod li jiġu stabbiliti l-limiti li fihom tkun tista’ tiġi eżerċitata s-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet sabiex din is-setgħa ma tintużax b’mod arbitrarju (sentenza Garkalns, C‑470/11, EU:C:2012:505, punt 42).

39      Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-fatt stess li l-operaturi eżistenti kellhom il-possibbiltà li jibdew l-attività tagħhom numru ta’ snin qabel l-operaturi esklużi b’mod illegali, u għalhekk kellhom il-possibbiltà li jistabbilixxu ruħhom fis-suq b’ċerta reputazzjoni u bi klijentela leali, jagħtihom vantaġġ kompetittiv indebitu. L-għoti, lill-operaturi eżistenti, ta’ vantaġġi kompetittivi “addizzjonali” meta mqabbla mad-detenturi l-ġodda ta’ liċenzja għandu l-konsegwenza li jżomm u jsaħħaħ l-effetti tal-esklużjoni illegali mill-aħħar sejħiet għal offerti u jikkostitwixxi għalhekk ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, tali miżura tagħmel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jagħti lil operaturi esklużi illegalment mill-aħħar sejħa għal offerti u għalhekk ma tissodisfax il-prinċipju ta’ effettività (ara s-sentenza Costa u Cifone, EU:C:2012:80, punt 53).

40      Minn dan isegwi li, sabiex tkun konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività, leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex tagħti lill-operaturi eżistenti vantaġġi kompetittivi “addizzjonali” meta mqabbla mad-detenturi l-ġodda ta’ liċenzja.

41      Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi osservat li, skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għadhomx neqsin minn ċarezza, ikopru l-parteċipanti kollha, inklużi dawk li kienu diġà detenturi ta’ liċenzja, u japplikaw ukoll għal-liċenzji diġà eżistenti mingħajr ma jagħtu vantaġġi kompetittivi “addizzjonali” lill-operaturi eżistenti. Għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jaqblux ma’ din l-evalwazzjoni, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u lanqas li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni mogħtija lil dawn id-dispożizzjonijiet mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ilhom joperaw fit-territorju Taljan permezz taċ-ĊTD għal madwar ħmistax-il sena mingħajr il-pussess ta’ liċenzja u mingħajr awtorizzazzjoni mill-pulizija, b’tali mod li fil-verità ma jistgħux jitqiesu li huma “operaturi ġodda fis-suq”.

43      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi speċifikat li, dejjem skont il-qorti tar-rinviju, minkejja li huma validi għal tul ta’ żmien iqsar minn dawk attribwiti fil-passat, il-liċenzji l-ġodda huma fl-istess ħin inqas onerużi u inqas restrittivi ekonomikament għal min ikun jixtieq jikseb liċenzja.

44      Għaldaqstant, jidher li, fil-kawża prinċipali, l-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività hija żgurata.

 Fuq il-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE

45      Skont ġurisprudenza stabbilita għandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u/jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Duomo Gpa et, C‑357/10 sa C‑359/10, EU:C:2012:283, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għaldaqstant, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika għall-kisba ta’ liċenzja u li tipprevedi diversi każijiet ta’ dekadenza tal-liċenzja tikkostitwixxi ostakolu għal-libertajiet iggarantiti b’dan il-mod mill-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE (ara s-sentenza Costa u Cifone, EU:C:2012:80, punt 70).

47      Madankollu, għandu jiġi evalwat jekk tali restrizzjoni tistax tiġi aċċettata bis-saħħa tal-miżuri derogatorji, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, li huma previsti espliċitament fl-Artikoli 51 TFUE u 52 TFUE u li huma applikabbli wkoll fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bis-saħħa tal-Artikolu 62 TFUE, jew jekk tistax tiġi ġġustifikata, inkonformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (sentenza Digibet u Albers, C‑156/13, EU:C:2014:1756, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan is-sens, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-restrizzjonijiet għall-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard jistgħu jkunu ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħalma huma l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni tal-frodi u tal-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob (sentenza Digibet u Albers, EU:C:2014:1756, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      Barra minn hekk, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Taljana tal-logħob tal-ażżard, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-għan li jikkonċerna l-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-logħob tal-ażżard huwa ta’ natura li jiġġustifika r-restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali li jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni (ara s-sentenza Biasci et, C‑660/11 u C‑8/12, EU:C:2013:550, punt 23).

50      Fil-kawża ineżami, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali” tar-raġuni invokata mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġġustifikaw it-tul ta’ żmien iqsar tal-liċenzji l-ġodda, jiġifieri r-riorganizzazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji permezz ta’ allinjament temporali tal-iskadenzi, huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament amministrattiva ma jistgħux jiġġustifikaw deroga, minn Stat Membru, għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju japplika iktar u iktar meta d-deroga inkwistjoni twassal sabiex jiġi eskluż jew ristrett l-eżerċizzju ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Arblade et, C‑369/96 u C‑376/96, EU:C:1999:575, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Madankollu, għandha titfakkar in-natura partikolari tal-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard li tagħmel parti mill-oqsma li fihom jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ suġġett partikolari, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa, f’dawn l-oqsma, skont il-valuri partikolari tiegħu, ir-rekwiżiti li timplika l-protezzjoni tal-interessi kkonċernati, filwaqt li l-identifikazzjoni tal-għanijiet effettivament segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’, fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE, fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (sentenza Digibet u Albers, EU:C:2014:1756, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għalhekk, f’dan il-qasam speċifiku, l-awtoritajiet nazzjonali jibbenefikaw minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw ir-rekwiżiti li timplika l-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ordni soċjali u, sakemm jiġu osservati wkoll il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa jekk, fil-kuntest tal-għanijiet leġittimi segwiti minnu, huwiex neċessarju li jiġu pprojbiti totalment jew parzjalment l-attivitajiet tal-logħob u tal-imħatri, jew li jiġu sempliċement ristretti u li jiġu previsti għal dan il-għan modalitajiet ta’ kontroll ftit jew wisq stretti (ara s-sentenza Digibet u Albers, EU:C:2014:1756, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Minn dan isegwi li, f’dan il-kuntest partikolari, ir-riorganizzazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji permezz ta’ allinjament temporali tal-iskadenzi tista’, billi tipprevedi tul ta’ żmien għal-liċenzji l-ġodda li huwa iqsar minn dak tal-liċenzji mogħtija fil-passat, tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu b’mod koerenti l-għanijiet leġittimi tat-tnaqqis tal-opportunitajiet għal-logħob jew tal-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob u tista’ tissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità meħtieġa.

54      Jekk jirriżulta li, fil-futur, l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jixtiequ jnaqqsu n-numru ta’ liċenzji mogħtija jew ikunu jixtiequ jeżerċitaw kontroll iktar strett fuq l-attivitajiet fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, tali miżuri jkunu ffaċilitati fil-każ li l-liċenzji kollha jingħataw għall-istess tul ta’ żmien u jintemmu fl-istess ħin.

55      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ sejħa għal offerti ġdida fir-rigward ta’ liċenzji għal tul ta’ żmien iqsar minn dak tal-liċenzji mogħtija fil-passat minħabba riorganizzazzjoni tas-sistema permezz ta’ allinjament temporali tal-iskadenzi tal-liċenzji.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ sejħa għal offerti ġdida fir-rigward ta’ liċenzji għal tul ta’ żmien iqsar minn dak tal-liċenzji mogħtija fil-passat minħabba riorganizzazzjoni tas-sistema permezz ta’ allinjament temporali tal-iskadenzi tal-liċenzji.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.