Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (l-Estonja) fl-4 ta’ Ottubru 2017 – Mittetulundusühing Järvelaev vs Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA)

(Kawża C-580/17)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Qorti tar-rinviju

Riigikohus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Mittetulundusühing Järvelaev

Konvenut: Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA)

Domandi preliminari

Fir-rigward tal-irkupru ta’ sussidju ta’ proġett mogħti fil-kuntest ta’ miżura “Leader”, jekk is-sussidju ngħata fis-6 ta’ Settembru 2011, l-aħħar ħlas akkont sar fid-19 ta’ Novembru 2013, il-ksur kien ikkonstatat fl-4 ta’ Diċembru 2014 u d-deċiżjoni ta’ rkupru kienet adottata fis-27 ta’ Jannar 2015, fir-rigward tar-rekwiżit dwar it-tul tal-operazzjoni, għandu jiġi applikat l-Artikolu 72 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 1 jew l-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill? F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-irkupru huwa bbażat fuq l-Artikolu 33(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 3 jew fuq l-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill?

Fl-ipoteżi fejn għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li għandu jiġi applikat ir-Regolament Nru 1698/2005, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tkun irċeviet sussidju tagħti b’kera l-oġġett (dgħajsa bil-qlugħ) miksub bħala l-investiment sostnut permezz tas-sussidju ta’ proġett, mogħti fil-kuntest ta’ miżura “Leader”, lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru oħra li tuża d-dgħajsa bil-qlugħ għall-istess attività bħal dik li għaliha l-benefiċjarju tas-sussidju rċieva dan tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat bħala modifika sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005, li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-investiment jew li tikseb vantaġġ indebitu lil impriża? Sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar il-vantaġġ indebitu, l-aġenzija ta’ pagament tal-Istat Membru għandha tikkonstata f’hiex kien jikkonsisti konkretament il-vantaġġ? Jekk tingħata risposta affermattiva, il-vantaġġ indebitu jista’ jikkonsisti fil-fatt li l-utent reali tas-suġġett tal-investiment ma kienx jibbenefika minn sussidju ta’ proġett li kieku ressaq huwa stess talba bl-istess kontenut?

2a)    Fl-ipoteżi fejn għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li għandu jiġi applikat ir-Regolament Nru 1303/2013, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tkun irċeviet sussidju tagħti b’kera l-oġġett (dgħajsa bil-qlugħ) miksub bħala l-investiment sostnut permezz tas-sussidju ta’ proġett, mogħti fil-kuntest ta’ miżura “Leader”, lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru oħra li tuża d-dgħajsa bil-qlugħ għall-istess attività bħal dik li għaliha l-benefiċjarju tas-sussidju rċieva dan tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat bħala bidla sostanzjali li taffettwa n-natura, l-għanijiet jew il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-investiment fis-sens tal-Artikolu 71(1)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013, li jwassal sabiex l-għanijiet inizjali tiegħu jiġu ppreġudikati?

Fl-ipoteżi fejn għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li għandu jiġi applikat ir-Regolament Nru 1698/2005, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-benefiċjarju ta’ sussidju jagħti b’kera l-oġġett (dgħajsa bil-qlugħ) miksub bħala l-investiment sostnut permezz tas-sussidju ta’ proġett, mogħti fil-kuntest ta’ miżura “Leader”, lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru oħra li tuża d-dgħajsa bil-qlugħ għall-istess attività bħal dik li għaliha l-benefiċjarju tas-sussidju rċieva dan tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat bħala modifika sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 72(1)(b) tar-Regolament Nru 1698/2005, li tirriżulta jew minn bidla fin-natura tal-proprjetà ta’ infrastruttura, jew mill-waqfien jew mir-rilokazzjoni ta’ attività produttiva, fid-dawl tal-fatt li l-proprjetarju tad-dgħajsa bil-qlugħ baqa’ l-istess, filwaqt li l-benefiċjarju tas-sussidju huwa l-possessur indirett, u mhux iktar possessur dirett tad-dgħajsa bil-qlugħ u filwaqt li jirċievi kera u mhux dħul ibbażat fuq il-provvista tas-servizz deskritt fit-talba?

3a)    Fl-ipoteżi fejn l-ewwel domanda tingħata r-risposta li għandu jiġi applikat ir-Regolament Nru 1303/2013, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tkun irċeviet sussidju tagħti b’kera l-oġġett (dgħajsa bil-qlugħ) miksub bħala l-investiment sostnut permezz tas-sussidju ta’ proġett, mogħti fil-kuntest ta’ miżura “Leader”, lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru oħra li tuża d-dgħajsa bil-qlugħ għall-istess attività bħal dik li għaliha l-benefiċjarju tas-sussidju rċieva dan tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat bħala bidla ta’ proprjetà ta’ infrastruttura li tagħti vantaġġ indebitu lil impriża fis-sens tal-Artikolu 71(1)(b) tar-Regolament Nru 1303/2013, fid-dawl tal-fatt li l-proprjetarju tad-dgħajsa bil-qlugħ baqa’ l-istess, filwaqt li l-benefiċjarju tas-sussidju huwa l-possessur indirett, u mhux iktar possessur dirett tad-dgħajsa bil-qlugħ u filwaqt li jirċievi kera u mhux dħul ibbażat fuq il-provvista tas-servizz deskritt fit-talba? Sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar il-vantaġġ indebitu, l-aġenzija ta’ pagament tal-Istat Membru għandha tikkonstata f’hiex kien jikkonsisti konkretament il-vantaġġ? Jekk tingħata risposta affermattiva, il-vantaġġ indebitu jista’ jikkonsisti fil-fatt li l-utent reali tas-suġġett tal-investiment ma kienx jibbenefika minn sussidju ta’ proġett li kieku ressaq huwa stess talba bl-istess kontenut?

Huwa awtorizzat li jiġi impost fuq il-benefiċjarju ta’ sussidju, permezz tar-regolament nazzjonali li jirregola l-miżura “Leader”, obbligu ta’ konservazzjoni ta’ ħames snin li jikkonċerna s-suġġett tal-investiment b’mod iktar iebes minn dak previst fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 jew fl-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1303/2013?

Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta negattiva għar-raba’ domanda, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjoni ta’ regolament nazzjonali, li tistipula li l-benefiċjarju ta’ sussidju ta’ proġett huwa obbligat li jikkonserva u li juża, fis-sens previst, l-oġġett miksub bħala l-investiment sostnut mis-sussidju ta’ proġett matul perijodu ta’ mill-inqas ħames snin li jiddekorri mill-ħlas tal-aħħar ħlas akkont tas-sussidju, kif ukoll, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fis-sens li din id-dispożizzjoni tissupponi li l-benefiċjajru tas-sussidju juża personalment is-suġġett tal-investiment, huma konformi mal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 jew mal-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1303/2013?

Għandu jiġi kkunsidrat li huma preżenti irregolaritajiet fis-sens tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 jew tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013, fir-rigward tal-assenza ta’ implementazzjoni, mill-benefiċjarju tas-sussidju, ta’ operazzjoni li ma kinitx meħtieġa mir-regolament nazzjonali li jirregola l-miżura “Leader”, iżda li l-benefiċjarju tas-sussidju kien indika fis-“sommarju tal-attivitajiet u tal-għanijiet tal-operazzjoni u tal-investiment” espost fit-talba u li kien wieħed mill-kriterji li permezz tagħhom it-talbiet kienu evalwati fid-dawl tal-klassifikazzjoni tagħhom fl-ordni ta’ prijorità?

Jekk is-sitt domanda tingħata risposta fl-affermattiv, għandu jiġi kkunsidrat li l-irkupru jsir illegali minħabba li r-rimbors jintalab qabel ma jiddekorru l-ħames snin mill-aħħar ħlas u minħabba li l-benefiċjarju tas-sussidju jtemm il-ksur matul proċedura ġudizzjarja li tirrigwarda l-irkupru?

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tat-30 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26).

2 Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifika fil-ĠU 2016 L 200, p. 140)).

3 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1).

4 Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549).