Language of document : ECLI:EU:C:2007:57

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta' Jannar 2007 (*)

“Libertà ta' stabbiliment – Artiklu 52 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 43 KE) – Persuna li taħdem għal rasha – Taxxa fuq id-dħul – Żewġ konjuġi li jgħixu l-bogħod minn xulxin b'mod mhux permanenti – Ċaħda ta’ tassazzjoni komuni – Residenza separata tal-konjuġi – Benefiċċji kumpensatorji għat-telf tal-paga favur il-konjuġi li mhijiex residenti – Dħul mhux suġġett għat-tassazzjoni fl-Istat Membru ta' residenza tal-konjuġi”

Fil-kawża C-329/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Ġunju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Settembru 2005, fil-kawża

Finanzamt Dinslaken

vs

Gerold Meindl,

fil-preżenza ta':

Christine Meindl-Berger,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, K. Schiemann u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Mejju 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala rappreżentant prinċipali, u U. Forsthoff bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta' Lulju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 43 KE).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-Finanzamt Dinslaken (l-awtorità tat-taxxa ta’ Dinslaken, iktar 'il quddiem il-"Finanzamt") u G. Meindl dwar ir-rifjut minn naħa tal-Finanzamt li jikkonċedi lil dan ta' l-aħħar tassazzjoni komuni flimkien ma' martu C. Meindl-Berger.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3        L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 26(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl-1997 (Einkommensteuergesetz 1997, iktar 'il-quddiem l-"EStG 1997"), tippermetti liż-żewġ konjuġi li jgħixu l-bogħod minn xulxin b'mod mhux permanenti jagħżlu t-tassazzjoni komuni b'mod konformi ma' l-Artikolu 26b ta' l-istess liġi jew li jibqgħu jiġu ntaxxati separatament. Madankollu, dan jissuġġetta din il-libertà ta' l-għażla għall-kundizzjoni li ż-żewġ konjuġi jkunu taxxabbli totalment, jiġifieri li jkollhom id-domiċilju tagħhom jew il-post ta' residenza ordinarja tagħhom fil-Ġermanja.

4        Madankollu, bis-saħħa ta' l-Artikolu 1a(1)(2) ta' l-EStG 1997, it-tassazzjoni komuni tista’ tingħata, taħt ċertu kundizzjonijiet, billi jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul tal-konjuġi li tirrisjedi f'pajjiż ieħor. Għalkemm mhux suġġett għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, dan id-dħul huwa, b'mod konformi ma' din id-dispożizzjoni, użat bħala element ta' kalkolu fil-kuntest ta' l-Artikolu 26b. B'mod iktar preċiż, jintuża fil-kalkolu tar-rata applikabbli għad-dħul tal-konjuġi li huwa suġġett għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tas-sistema "ta' qsim" (splitting).

5        Sabiex tinkiseb it-tassazzjoni komuni, hu neċessarju, minn naħa, li l-konjuġi li jkun taxxabbli totalment ikun ċittadin ta’ Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u li l-konjuġi l-ieħor ikollu d-domiċilju tiegħu jew il-post ta' residenza ordinarja tiegħu barra il-Ġermanja iżda f'pajjiż ta' l-Unjoni jew taż-ŻEE.

6        Min-naħa l-oħra, it-tassazzjoni komuni hija possibbli biss jekk id-dħul taż-żewġ konjuġi għas-sena kalendarja huwa suġġett għat-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża fil-konfront ta' mill-inqas total ta' 90%, jew jekk id-dħul li mhuwiex suġġetti għal din it-taxxa ma jeċċedix l-ammont ta' DEM 24 000.

7        Bis-saħħa ta' l-Artikolu 1(3)(2) ta' l-EStG 1997, il-kalkolu tad-dħul taż-żewġ konjuġi li jgħixu l-bogħod minn xulxin b'mod mhux permanenti jsir f'żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, għandu jiġi ddeterminat l-ammont ta' dħul globali. Fit-tieni fażi, dan id-dħul globali jkun is-suġġett ta' allokazzjoni bejn dawk li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża u dawk li mhumiex.

8        Waqt l-allokazzjoni tad-dħul globali, it-total tad-dħul taż-żewġ konjuġi jittieħed in kunsiderazzjoni, mingħajr ma ssir distinzjoni jekk dan ġiex miksub fil-Ġermanja jew f'pajjiż barrani. L-Artikolu 1a(1)(2) flimkien mat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 1(3) ta' EStG 1997 ma jipprovdu l-ebda regola speċjali fir-rigward tal-mod kif jiġi kkalkolat d-dħul, b'tali mod li d-definizzjoni ta' dħul hija meħuda mill-liġi fiskali Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul. Dan jgħodd bl-istess mod għad-dħul li ma jidhirx fid-dikjarazzjoni maħruġa mill-amministrazzjoni fiskali ta' l-Istat ta’ residenza jew li huwa deskritt bħala dħul mhux suġġett għat-taxxa. Fil-fatt, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet legali li jgħidu bil-kontra, din id-dikjarazzjoni hija kkunsidrata bħala nieqsa minn effett vinkolanti.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        G. Meindl, ċittadin Awstrijaku, jirrisjedi f'Dinslaken (il-Ġermanja). Il-mara tiegħu, C. Meindl-Berger, hija ċittadina Awstrijaka u tirrisjedi f'Innsbruck (l-Awstrija).

10      Matul l-1997 (iktar 'il-quddiem is-"sena kkontestata"), G. Meindl irċieva fil-Ġermanja xi dħul derivanti minn attivitajiet professjonali u artiġjanali fl-ammont totali ta' DEM 138 422. Matul din l-istess sena, il-mara tiegħu weldet tifla. L-Istat Awstrijaku ħallasha allowance tat-twelid, benefiċċju speċjali ta' maternità u benefiċċji tal-familja. C. Meindl-Berger ma kienet tirċievi l-ebda dħul taxxabbli matul dan il-perjodu skond il-liġi Awstrijaka.

11      Il-miżżewġin Meindl talbu, skond l-Artikoli 26 u 26b ta' l-EStG 1997, sabiex jibbenifikaw minn tassazzjoni komuni għas-sena kkontestata.

12      Il-Finanzamt ċaħdet din it-talba, minħabba li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikoli 1a(1)(2) u 1(3) ma ġewx sodisfatti. Fil-fatt, skond il-Finanzamt, minn naħa, il-parti tad-dħul li l-miżżewġin Meindl irċevew fil-Ġermanja hija inqas mill-minimu ta' 90%, u min-naħa l-oħra, dak ta' DEM 24 000 huwa milħuq, peress illi C. Meindl-Berger kienet irċeviet mill-Istat Awstrijaku xi benefiċċji kumpensatorji għat-telf tal-paga, jiġifieri l-allowance tat-twelid u l-benefiċċju speċjali ta' maternità, fl-ammont ta' DEM 26 994.73, filwaqt li l-allowance tat-tarbija ma kinitx ittieħdet in kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, il-benefiċċji kumpensatorji għat-telf tal-paga mhumiex eżenti mit-taxxa skond l-EStG 1997, għaliex dawn ma kienux regolati skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża. Barra dan, il-fatt li l-benefiċċji msemmija mhumiex suġġetti għat-tassazzjoni skond il-liġi Awstrijaka, bl-ebda mod ma jaffettwa t-teħid in kunsiderazzjoni tagħhom waqt l-evalwazzjoni ta' talba għal tassazzjoni komuni.

13      Konsegwentement, il-Finanzamt ikkunsidrat li G. Meindl kellu jkun suġġett għat-taxxa kif applikabbli għall-persuni mhux miżżewġin, u stabbilixxiet l-ammont ta' taxxa fuq id-dħul tiegħu għal DEM 45 046.

14      Wara kontestazzjoni mingħajr riżultat kontra din id-deċiżjoni tal-Finanzamt, il-Finanzgericht (il-qorti tal-finanzi) laqgħat l-appell ta’ G. Meindl. Hija ddeċidiet li dan ta' l-aħħar kellu d-dritt li jibbenifika minn tassazzjoni komuni skond l-Artikolu 1a(1)(2) flimkien ma’ l-Artikolu 26 ta' l-EStG 1997.

15      Sussegwentement, il-Finanzamt ippreżentat appell fuq punt ta’ dritt ("Reviżjoni") quddiem il-Bundesfinanzhof. Skond hi, il-kundizzjonijiet ta' tassazzjoni komuni ma ġewx sodisfatti. Semmiet f'dan ir-rigward li C. Meindl-Berger kienet irċeviet mill-Istat Awstrijaku xi benefiċċji kumpensatorji għat-telf tal-paga bil-valur fi flus ta' DEM 26 994.73, liema ammont, minn naħa, kien jaqbeż il-limitu ta' DEM 24 000 u, minn naħa l-oħra, inaqqas il-parti tad-dħul li l-miżżewġin Meindl irċevew fil-Ġermanja taħt il-minimu ta' 90%. Barra minn hekk, il-Finanzamt ikkunsidrat li l-kunċett ta' dħul għandu jkun definit u ddeterminat esklussivament skond il-liġi fiskali Ġermaniża u mhux skond il-liġi fiskali ta' l-Istat ta' residenza, jiġifieri l-liġi fiskali Awstrijaka.

16      B'mod partikolari, hija żżid li l-konformità mal-liġi Komunitarja tal-minimu ta' 90% ġiet ikkonfermata mis-sentenzi ta' l-14 ta' Frar 1995 Schumacker (C-279/93, Ġabra p. I-225), u ta' l-14 ta' Settembru 1999, Gschwind (C-391/97, Ġabra p. I-5451).

17      Fil-fatt, skond il-Finanzamt, il-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema previst fl-Artikolu 48 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 39 KE) ma jipprekludix li, meta l-liġi ta' Stat Membru tikkonċedi lill-koppji miżżewġa li huma residenti l-benefiċċju ta' l-applikazzjoni tas-sistema "ta' qsim" ("splitting"), l-għotja ta' dan l-istess benefiċċju fiskali lill-koppji miżżewġa li mhumiex residenti tkun suġġetta għall-kundizzjoni li parti sostanzjali tad-dħul globali tagħhom tkun suġġetta għat-taxxa f'dan l-istess Stat Membru.

18      G. Meindl talab lill-qorti sabiex jogħġobha tiċħad l-appell fuq punt ta’ dritt.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domanda preliminari li ġejja:

"Hemm ksur ta' l-[Artikolu 52 tat-Trattat] meta persuna taxxabbli li hija residenti tiġi miċħuda t-tassazzjoni komuni mal-konjuġi tagħha li tirrisjedi fl-Awstrija, minħabba l-fatt li din il-konjuġi rċeviet iktar minn 10% tad-dħul tal-familja u iktar minn DEM 24 000 u li dan id-dħul mhuwiex suġġett għat-taxxa skond il-liġi Awstrijaka?"

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 52 tat-Trattat jipprekludix li persuna taxxabbli li hija residenti tiġi miċħuda mill-Istat Membru fejn tirrisjedi t-tassazzjoni komuni mal-konjuġi tagħha minn liema mhiex isseparata u li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, minħabba l-fatt li din il-konjuġi rċeviet f'dan l-Istat Membru l-ieħor iktar minn 10% tad-dħul tal-familja u iktar minn DEM 24 000 meta d-dħul irċevut minnha f'dan l-Istat Membru l-ieħor mhuwiex suġġett għat-taxxa fuq id-dħul.

21      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li għalkemm it-tassazzjoni diretta hija l-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn ta' l-aħħar għandhom jeżerċitaw tali kompetenza skond id-dritt Komunitarju u, konsegwentement, iżommu lura minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta' Novembru 2003, Schilling u Fleck-Schilling, C-209/01, Ġabra p. I-13389, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, li r-regoli dwar l-ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari bbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha ta' diskriminazzjoni moħbija li, bl-applikazzjoni ta' kriterji oħra ta' distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (sentenza Schumacker, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Skond ġurisprudenza konstanti, diskriminazzjoni ma tista' tikkonsisti f'xejn ħlief l-applikazzjoni ta' regoli differenti għal sitwazzjonijiet komparabbli jew inkella fl-applikazzjoni ta' l-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Schumacker, punt 30, u Gschwind, point 21).

23      Fir-rigward ta' taxxi diretti, is-sitwazzjoni tar-residenti u dik tal-persuni li mhumiex residenti fi Stat mhumiex, bħala prinċipju, komparabbli għaliex id-dħul irċevut fit-territorju ta' Stat minn persuna li mhijiex residenti jikkostitwixxi biss, fil-biċċa l-kbira, parti mid-dħul globali tagħha, li jkun ikkonċentrat fil-post tar-residenza tagħha, u għaliex il-kapaċità personali tal-persuna li mhijiex residenti li tħallas it-taxxa, li tirriżulta mit-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul kollu tagħha u tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, tista' tiġi evalwata bl-aktar mod faċli fil-post fejn hija għandha ċ-ċentru ta' l-interessi personali u patrimonjali tagħha, li normalment ikun il-post tar-residenza abitwali tagħha (sentenza ta' l-1 ta' Lulju 2004, Wallentin, C-169/03, Ġabra. p. I-6443, punt 15, u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Madankollu, G. Meindl huwa, skond id-deċiżjoni tar-rinviju, taxxabbli u jirrisjedi fl-Istat fuq it-territorju ta' liema huwa jirċievi d-dħul kollu tal-familja tiegħu.

25      F'dan ir-rigward, għandu jingħad li huwa qed jiġi ttrattat b'mod differenti minn kif tiġi ttrattata persuna taxxabbli li hija residenti u li l-konjuġi tagħha, li tirċievi biss dħul li mhuwiex suġġett għat-taxxa, tirrisjedi wkoll f'dan l-Istat Membru. Fil-fatt, din il-persuna taxxabbli tista’ tibbenifika mit-tassazzjoni komuni.

26      Kif qal l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, persuna taxxabbli li hija residenti u li l-konjuġi tagħha tirrisjedi fl-istess Stat Membru li fih din ta’ l-aħħar tirċievi biss dħul li mhuwiex suġġett għat-taxxa, tinsab oġġettivament fl-istess sitwazzjoni bħal persuna taxxabbli li hija residenti u li l-konjuġi tagħha tirrisjedi fi Stat Membru ieħor li fih din ta’ l-aħħar tirċievi biss dħul li mhuwiex suġġett għat-taxxa, għaliex fiż-żewġ każijiet, id-dħul taxxabbli tal-familja ġej mill-attività ta' wieħed mill-konjuġi biss u, fiż-żewġ każijiet, hija l-persuna taxxabbli li hija residenti.

27      F'dan ir-rigward għandu jingħad li matul is-sena kkontestata, C. Meindl-Berger ma rċeviet l-ebda dħul taxxabbli fl-Istat tar-residenza tagħha, safejn il-benefiċċji kumpensatorji tal-paga in kwistjoni ma jikkostitwixxux dħul taxxabbli skond il-liġi fiskali ta' dan l-Istat.

28      Barra minn hekk, għandu jingħad li l-kundizzjoni tar-residenza tal-konjuġi hija rekwiżit li ċ-ċittadini tal-pajjiż jistgħu jissodisfaw iktar faċilment milli ċ-ċittadini ta' Stati Membri oħrajn li stabbilew ruħhom fil-Ġermanja sabiex jeżerċitaw hemmhekk attività ekonomika peress illi l-membri tal-familji ta' dawn ta' l-aħħar jirrisjedu b'mod iktar frekwenti barra minn dan l-Istat Membru (ara, b'analoġija, is-sentenza tas-16 ta' Mejju 2000, Zurstrassen, C-87/99, Ġabra p. I-3337, punt 19).

29      F'dawn iċ-ċirkostanzi, id-deċiżjoni tal-Finanzant li jikkunsidra lil G. Meindl bħala persuna taxxabbli li mhuwiex miżżewweġ, għalkemm huwa miżżewweġ u rċieva d-dħul kollu taxxabbli tal-familja fl-Istat tar-residenza tiegħu, peress illi l-mara tiegħu żammet ir-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor u hemm irċeviet dħul mhux suġġett għat-taxxa li jeċċedi kemm 10% tad-dħul tal-familja u kemm DEM 24 000, ma tistax tiġi ġġustifikata. Fil-fatt, l-Istat tar-residenza ta' tali persuna taxxabbli huwa l-uniku Stat li jista’ jieħu in kunsiderazzjoni is-sitwazzjoni personali u familjari ta' l-imsemmija persuna peress illi din ta' l-aħħar mhux biss tirrisjedi f'dan l-Istat, iżda, fuq kollox, tirċievi hemmhekk it-total tad-dħul taxxabbli tal-familja (ara, b'analoġija, is-sentenza Zurstrassen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

30      Peress illi f'dan il-każ G. Meindl bl-ebda mod ma jista’ jibbenefika, fil-kuntest tat-tassazzjoni komuni, mit-tehid in kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu, għandu jingħad li din hija diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 52 tat-Trattat (ara, b'analoġija, is-sentenza Wallentin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), anki jekk id-dħul taż-żewġ miżżewġin għas-sena kkontestata huwa, skond id-deċiżjoni fiskali fil-kawża prinċipali, inqas mil-minimu ta' 90% u d-dħul li mhuwiex suġġett għat-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża jaqbeż l-ammont ta' DEM 24 000.

31      F'dan ir-rigward, għandu jingħad li s-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija fundamentalment differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Gschwind, ċċitata iktar ’il fuq, għaliex f'din ta' l-aħħar, l-għoti ta' benefiċċju fiskali, kif mitlub minn G. Meindl, lil koppji miżżewġa li mhumiex residenti bil-kundizzjoni li mill-inqas 90% tad-dħul globali tagħhom ikun suġġett għat-taxxa fl-Istat Membru fejn jaħdmu jew, jekk din il-perċentwali ma tkunx milħuqa, li d-dħul tagħhom li ġej minn pajjiż ieħor u li mhuwiex suġġett għat-taxxa f'dan l-Istat Membru ma jaqbiżx ċertu limitu massimu, ġie ddikjarat bħala kumpatibbli mat-Trattat meta tinżamm il-possibbiltà li tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom fl-Istat tar-residenza tagħhom. Dan mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

32      Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, ir-risposta għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 52 tat-Trattat jipprekludi li persuna taxxabbli li hija residenti tiġi miċħuda mill-Istat Membru fejn tirrisjedi t-tassazzjoni komuni mal-konjuġi tagħha minn liema mhiex isseparata u li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, minħabba l-fatt li din il-konjuġi rċeviet f'dan l-Istat Membru l-ieħor iktar minn 10% tad-dħul tal-familja u iktar minn DEM 24 000 meta d-dħul irċevut minnha f'dan l-Istat Membru l-ieħor mhuwiex suġġett għat-taxxa fuq id-dħul.

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 52 tat-Trattat (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 43 KE) jipprekludi li persuna taxxabbli li hija residenti tiġi miċħuda mill-Istat Membru fejn tirrisjedi t-tassazzjoni komuni mal-konjuġi tagħha minn liema mhiex isseparata u li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor, minħabba l-fatt li din il-konjuġi rċeviet f'dan l-Istat Membru l-ieħor iktar minn 10% tad-dħul tal-familja u iktar minn DEM 24 000 meta d-dħul irċevut minnha f'dan l-Istat Membru l-ieħor mhuwiex suġġett għat-taxxa fuq id-dħul.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.