Language of document : ECLI:EU:C:2013:386

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Appell — Akkordji — Suq tal-gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni — Iffissar ta’ prezzijiet ta’ mira, qsim tal-klijenti permezz ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali — Prova — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Ammont tal-multa — Gravità u tul tal-ksur — Ċirkustanza aggravanti — Reċidiva”

Fil-Kawża C‑511/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Settembru 2011,

Versalis SpA, li kienet Polimeri Europa SpA, stabbilita fi Brindisi (l-Italja), irrappreżentata minn M. Siragusa, F. Moretti u L. Nascimbene, avukati,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, L. Malferrari u G. Conte, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Jannar 2013,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Versalis SpA, li kienet Polimeri Europa SpA (iktar ’il quddiem “Versalis”), titlob l-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2011, Polimeri Europa vs Il‑Kummissjoni (T‑59/07, Ġabra p. II-4687, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha intiż għall-annullament, sa fejn tikkonċernaha, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), jew, sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha.

2        Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat appell inċidentali intiż għall-annullament tas-sentenza appellata sa fejn permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-imputazzjoni ta’ ċirkustanza aggravanti minħabba reċidiva, u, konsegwentement, naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

3        Fis-7 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni fetħet proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), dwar is-suq tal-gomma butadiene (iktar ’il quddiem il-“GB”) u tal-gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni (iktar ’il quddiem il-“GSB”), gomom sintetiċi essenzjalment użati fil-produzzjoni ta’ tajers. Hija bagħtet l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem l-ewwel dikjarazzjoni”), b’mod partikolari, lil Versalis, lil Eni SpA, kumpannija parent tar-rikorrenti proprjetarja 100% tal-kapital ta’ din tal-aħħar, u lil Syndial SpA, li kienet EniChem SpA (iktar ’il quddiem “Syndial”), kumpannija oħra tal-grupp Eni.

4        Fis-6 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem it-“tieni dikjarazzjoni”). Wara li żammet smigħ tal-kumpanniji fit-22 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura fir-rigward b’mod partikolari ta’ Syndial.

5        Fid-29 ta’ Novembru 2006, il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Skont l-Artikolu 1 tagħha, Versalis, Eni SpA u l-impriżi l-oħra destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri Bayer AG (iktar ’il quddiem “Bayer”, The Dow Chemical Company, Dow Deutschland Inc., Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH, u Dow Europe GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien, “Dow”), Shell Petroleum NV, Shell Nederland BV, Shell Nederland Chemie BV (iktar ’il quddiem, flimkien, “Shell”), Unipetrol a.s., Kaučuk a.s. (iktar ’il quddiem “Kaučuk”) u Trade‑Stomil sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Stomil”), kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea billi pparteċipaw fi ftehim uniku u kontinwu li fil-kuntest tiegħu huma kienu ftehmu li jiffissaw il-miri ta’ prezzijiet, li jaqsmu l-klijenti permezz ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, il-kompetituri u l-klijenti fis-setturi tal-GB u tal-GSB, matul il-perijodu, f’dak li jikkonċerna lil Versalis, ta’ bejn l-20 ta’ Mejju 1996 u t-28 ta’ Novembru 2002.

6        Matul dan il-perijodu, skont il-premessi 26 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, l-attività tal-grupp Eni għall-prodotti kkonċernati kienet inizjalment iggarantita minn EniChem Elastomeri Srl, kumpannija kkontrollata indirettament minn Eni SpA, tramite s-sussidjarja tagħha EniChem SpA. Fl-1 ta’ Novembru 1997, EniChem Elastomeri Srl ġiet amalgamata ma’ EniChem SpA. Eni SpA kienet tikkontrolla 99.97 % ta’ EniChem SpA. Fl-1 ta’ Jannar 2002, EniChem SpA ttrasferixxiet l-attività kimika strateġika tagħha, inkluża l-attività marbuta mal-GB u mal-GSB, lil Versalis. Sa mill-21 ta’ Ottubru 2002, Versalis hija kkontrollata direttament u kompletament minn Eni.

7        Fir-rigward tal-multa imposta permezz tad-deċiżjoni kkontestata, din ġiet ikkalkulata skont il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

8        Għalhekk, il-Kummissjoni qabelxejn ikkunsidrat il-ksur imwettaq bħala “serju ħafna” u ffissat l-ammont inizjali għall-kalkolu tal-multa billi għamlet differenzjazzjoni skont il-bejgħ ta’ GB u ta’ GSB magħmul minn kull waħda mill-impriżi kkonċernati fl-2001. Fir-rigward ta’ Enichem, jiġifieri kull impriża proprjetà ta’ Eni SpA, il-bejgħ ta’ GB u ta’ GSB, skont il-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata, kien ta’ EUR 164.902 miljun fl-2001. B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-ammont, Enichem kienet l-ewwel impriża, skont il-bejgħ ta’ GB u ta’ GSB, involuta fl-imsemmi ksur. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Versalis għal EUR 55 miljun.

9        Wara dan, il-Kummissjoni applikat koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan ta’ dissważjoni, imqassmin fi skali skont id-dħul mill-bejgħ dinji magħmul mill-impriżi kkonċernati matul is-sena 2005. Filwaqt li qieset li ma kellu jiġi applikat l-ebda koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni fir-rigward ta’ Stomil, li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien ta’ EUR 38 miljun, u lanqas fir-rigward ta’ Kaučuk, li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien ta’ EUR 2.718 biljun, il-Kummissjoni applikat koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.5 fil-konfront ta’ Bayer AG, ta’ 1.75 fil-konfront ta’ Dow, ta’ 2 fil-konfront ta’ Eni SpA u fil-konfront ta’ Versalis, kif ukoll ta’ 3 fil-konfront ta’ Shell, li d-dħul mill-bejgħ tagħhom kien ta’ EUR 27.383 biljun, EUR 337.221 biljun, EUR 73.738 biljun u EUR 246.549 biljun rispettivament.

10      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna lil Versalis u lil Eni SpA, l-ammont tal-multa żdied b’65 % minħabba li dawn il-kumpanniji kienu pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni għal sitt snin u sitt xhur.

11      Fl-aħħar nett, peress li qieset li “EniChem” diġà kienet id-destinatarja ta’ żewġ deċiżjonijiet preċedenti li jikkonstataw ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, jiġifieri d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/31.149 – Polypropylene) (ĠU L 230, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Polypropylene”), u 94/599/KE, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/31.865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni PVC”), il-Kummissjoni żiedet l-ammont bażiku deċiż fil-konfront ta’ Versalis b’50 % minħabba r-reċidiva.

12      Konsegwentement, fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq Veralis, in solidum mal-kumpannija parent tagħha Eni SpA, multa ta’ EUR 272.25 miljun.

 Il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) fl-20 ta’ Frar 2007, Versalis ippreżentat kawża intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha. Essenzjalment, hija invokat sittax-il motiv insostenn tat-talbiet tagħha.

14      Dawn il-motivi kienu bbażati, b’mod partikolari, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża (it-tielet motiv), fuq l-imputazzjoni illegali li saritilha minħabba l-ksur (is-seba’ motiv), kif ukoll fuq il-konstatazzjonijiet infondata tal-eżistenza ta’ akkordju u ta’ parteċipazzjoni fih (it-tmien u d-disa’ motivi). Fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, din tal-aħħar invokat in-natura infondata tal-evalwazzjoni tal-ksur (l-għaxar motiv), in-natura inkorretta tad-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv (it-tnax-il motiv), kif ukoll in-natura mhux ġustifikata taż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva (l-erbatax-il motiv).

15      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, b’mod partikolari, dan li ġej.

16      Fir-rigward tal-ksur allegat tad-drittijiet tad-difiża, li jirriżulta minn diverġenza bejn it-tieni dikjarazzjoni u d-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li dan il-motiv kien jibbaża fuq il-premessa li tgħid li “fid-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà ta’ EniChem SpA (li saret Syndial), għall-perijodu mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-1 ta’ Jannar 2002, filwaqt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat biss ir-responsabbiltà ta’ [Versalis], inkluż għall-perijodu msemmi iktar ’il fuq li matulu hija ma ħadmitx fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati”.

17      Issa, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li t-tieni dikjarazzjoni kienet issemmi li Versalis kellha “titqies bħala li hija responsabbli mill-ksur għall-perijodu bejn l-20 ta’ Mejju 1996 u t-28 ta’ Novembru 2002” u, “l-istess bħad-deċiżjoni kkontestata (premessi 365 sa 373), [ikkonstatat] [ir-] responsabbiltà ta’ [Versalis] għall-perijodu kollu tal-ksur”. Fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li din id-dikjarazzjoni kienet tiddikjara, barra min hekk li, “sa fejn EniChem SpA kienet tikkontrolla 100 % mill-kapital ta’ [Versalis] bejn l-1 ta’ Jannar u l-20 ta’ Novembru 2002, Syndial [kellha] tinżamm responsabbli, in solidum, għall-ksur ta’ [Versalis] għal dan il-perijodu”. Skont il-Qorti Ġenerali, minn dan irriżulta “li t-tieni dikjarazzjoni [...] [kienet] tikkonstata r-responsabbiltà ta’ Syndial għal perijodu limitat biss, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent ta’ [Versalis] bejn l-1 ta’ Jannar u l-20 ta’ Ottubru 2002, u mhux għall-perijodu tal-ksur kollu”. Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 87 tal-imsemmija sentenza, li l-premessa ta’ Versalis kienet żbaljata.

18      F’dak li jikkonċerna l-imputazzjoni tal-ksur lir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tqis li, meta żewġ entitajiet jikkostitwixxu entità ekonomika waħda, il-fatt li l-entità li tkun wettqet il-ksur tkun għadha teżisti ma jimpedixxix, fih innifsu, li tiġi ssanzjonata l-entità li lilha ġew ittrasferiti l-attivitajiet ekonomiċi. Dan huwa partikolarment minnu, skont il-Qorti Ġenerali, meta dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u applikaw, essenzjalment, l-istess direttivi kummerċjali.

19      Fil-punt 126 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset, li, f’dan il-każ, kien “paċifiku li, waqt l-aġir ta’ ksur tagħhom, EniChem SpA u [Versalis] kienu, direttament jew indirettament, kompletament miżmuma mill-istess kumpannija, jiġifieri Eni [SpA]”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-Qorti Ġenerali, “il-prinċipju [ta’] responsabbiltà personali ma [kienx jipprekludi] li s-sanzjoni għal ksur imwettaq l-ewwel minn EniChem SpA u tkompla, sussegwentement, minn [Versalis]”. Barra minn hekk, fil-punt 129 tal-imsemmija sentenza l-Qorti Ġenerali qieset li “sanzjoni imposta fuq impriża li tkompli teżisti legalment, iżda li ma tibqax teżerċita attività ekonomika, [kienet] tirriskja li ma jkollhiex effett dissważiv” u li xi “impriżi jkunu jistgħu jaħarbu sanzjonijiet bis-sempliċi fatt li l-identità tagħhom [kienet immodifikata] wara ristrutturazzjonijiet, ċessjonijiet jew tibdil legali jew organizzattiv ieħor”.

20      Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-natura infondata tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ akkordju, fil-punt 168 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, qabelxejn, li l-argument imqajjem minn Versalis kontra t-Taqsima 4.3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Laqgħat tal-akkordju”, “li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi tagħha jissemmew biss fl-annessi A 23 sa A 25 tar-rikors, ma [kinitx tissodisfa] ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura [tal-Qorti Ġenerali]”. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-argument kien inammissibbli.

21      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-allegati kontradizzjonijiet eżistenti bejn ċerti dikjarazzjonijiet li Bayer u Dow kienu għamlu matul il-proċedura amministrattiva u dikjarazzjonijiet oħra magħmula minn xi impjegati ta’ dawn il-kumpanniji, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari kkonstatat, fil-punti 180 u 198 tas-sentenza appellata, li “it-tweġibiet mogħtija għan-nom ta’ impriża, bħala tali, għandhom iktar kredibbiltà minn dik li tista’ jkollha t-tweġiba mogħtija minn membru tal-persunal tagħha, indipendentement mill-esperjenza jew l-opinjoni personali ta’ dan tal-aħħar”.

22      F’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-ksur inkwistjoni bħala “serju ħafna”, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 222 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni kkontestata kienet tissanzjona l-konklużjoni ta’ ftehim dwar miri tal-prezzijiet, il-qsim tas-suq u l-iskambju ta’ data kummerċjali sensittiva, u li dawn il-prattiki kienu jikkostitwixxu, min-natura tagħhom, ksur serju ħafna. Hija żiedet li l-Kummissjoni, f’din id-deċiżjoni kienet indikat li “ma kienx possibbli li tqis l-impatt konkret tal-akkordju”, li kopra t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), filwaqt li “il-ftehim inkwistjoni kienu ġew implementati mill-impriżi kkonċernati u, għaldaqstant, kellhom effett fis-suq”. Fil-punt 228 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti ta’ Versalis ibbażati fuq l-assenza ta’ tali effetti. Fir-rigward tad-daqs tas-suq, li huwa biss element wieħed fost oħrajn li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 229 tal-istess sentenza, li “ma hemm xejn li [kien] jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball fid-deċiżjoni kkontestata meta stmat is-suq ikkonċernat fl-2001 f’ammont minn “tal-inqas” EUR 550 miljun [u li eventwali] żball fejn dan l-ammont tbaxxa kien ta’ dannu għal [Versalis]”.

23      F’dak li jikkonċerna l-motiv ibbażat fuq applikazzjoni illegali tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 250 tas-sentenza appellata, li l-elementi li ppermettew lill-Kummissjoni li tistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni f’dak li jikkonċerna lil Eni SpA u lil Versalis jirriżultaw b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata, u li minnha ma jirriżultax li l-Kummissjoni għamlet riferiment għal elementi oħra ħlief id-dħul mill-bejgħ globali u d-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati. Il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 251 tal-imsemmija sentenza, li d-dħul mill-bejgħ dinji għas-sena 2005 kien ta’ EUR 27.383 biljun għal Bayer, EUR 37.221 biljun għal Dow (jiġifieri 35.93 % iktar minn dak ta’ Bayer), u ta’ EUR 73.738 biljun għal EniChem (jiġifieri 169.28 % iktar minn dak ta’ Bayer u 98.11 % iktar minn dak ta’ Dow).

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni miżmum f’dak li jikkonċerna lil Versalis żdied b’14.28 % meta mqabbel ma’ dak ta’ Dow (2 versus 1.75), billi dan l-aħħar koeffiċjent stess żdied b’16.66 % meta mqabbel ma’ dak miżmum għal Bayer (1.75 versus 1.5), ma setax jikkostitwixxi, skont il-Qorti Ġenerali, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 251 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni setgħet iżżomm, fuq din il-bażi, koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni iktar għoli milli diġà hu. Hija fakkret ukoll, fl-istess punt, li billi l-Kummissjoni ma hijiex marbuta tapplika formula matematika preċiża fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, hija ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni d-differenza tal-kapaċità ekonomika tal-impriżi kkonċernata fl-għażla tal-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni li hija applikat.

25      Fir-rigward taż-żieda tal-multa minħabba reċidiva, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 296, 298 u 299 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata tevoka d-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II u l-fatt li “EniChem” kienet destinatarja ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni essenzjalment qieset li l-istess impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, kienet irrepetiet aġir li jikkostitwixxi ksur. Issa, f’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Kummissjoni kienet għamlet “riferiment, fil-premessa 487 tad-deċiżjoni kkontestata, għal ‘EniChem’, b’mod ġenerali, fejn din il-kelma tinsab iddefinita, fil-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala ‘kull kumpannija proprjetà ta’ Eni SpA’”. L-imsemmija frażi hija, skont il-Qorti Ġenerali, “impreċiża, tal-inqas fir-rigward tal-persuni ġuridiċi li jikkostitwixxu l-entità ekonomika destinatarja tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II”. Il-Qorti Ġenerali żiedet li “l-kumpannija li hija destinatarja tad-Deċiżjoni Polypropylene, jiġifieri Anic [SpA], ma [kinitx] waħda mill-persuni ġuridiċi msemmija [fil-premessi 26 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienu intiżi] essenzjalment biex jiddeskrivu l-evoluzzjoni tal-kumpanniji proprjetà ta’ Eni [SpA] matul il-ksur, li [kien] seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II”.

26      Fil-punt 300 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni ċertament għamlet riferiment, “fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 262 tad-deċiżjoni kkontestata, għad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II, fejn indikat li ‘Eni’ kienet involuta fid-deċiżjonijiet imsemmija”, li l-frażi “Eni” madankollu ma kinitx “iddefinita bil-miktub fid-deċiżjoni kkontestata”, peress li l-Kummissjoni, sabiex tindika lill-kumpannija Eni SpA “bħala l-kumpannija parent tal-kumpanniji l-oħrajn [...] [kienet tuża] l-kelma ‘Eni SpA’”. Issa, fil-punt 301 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, “anki jekk wieħed jippreżumi li bl-użu tal-kelma ‘Eni’ [...], il-Kummissjoni [irreferiet] għall-kumpanniji li jagħmlu parti mill-‘impriża’ fis-sens tal-Artikolu 81 KE, kif ikkostitwita mill-persuni ġuridiċi kkontrollati minn Eni, [kellu] jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma [kienet] [i]pproduċiet ebda prova ddettaljata u preċiża f’dan ir-rigward fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata”. Skont il-Qorti Ġenerali, “[i]l-Kummissjoni [illimitat] ruħha biex tirrileva, fl-iskritturi tagħha [quddiemha], li Eni kienet tikkontrolla “kompletament” lill-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II”. Il-Qorti Ġenerali żiedet li, “[i]ssa, apparti l-fatt li din l-affermazzjoni ma [kinitx] ikkorroborata minn ebda prova, din ma [kinitx reġgħet] issemmiet fid-deċiżjoni kkontestata”.

27      Fil-punt 302 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, “fil-każ ineżami, l-iżvilupp tal-istruttura u tal-kontroll tal-kumpanniji kkonċernati [kien] partikolarment kumpless” u li “id-deċiżjoni Polypropylene kienet [ġiet] indirizzata lil Anic [SpA], mingħajr ma jidher isem Eni [SpA] fid-deċiżjoni msemmija”. “Fir-rigward tad-deċiżjoni PVC II, [skont il-Qorti Ġenerali,] il-Kummissjoni [semmiet] fiha, fil-premessa 8, il-fatt li Anic [SpA] kienet ‘saret’ EniChem SpA u, fil-premessa 43, il-fatt li dan l-iżvilupp kien seħħ minħabba ‘diversi organizzazzjoni mill-ġdid’, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra”. Il-Qorti Ġenerali rrilevat li “[i]ktar minn hekk, anki hemmhekk, isem Eni [SpA] ma kienx jidher f’din id-deċiżjoni” u li “[f]’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kellha tkun partikolarment preċiża u tipproduċi l-provi kollha meħtieġa biex tqis lill-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u l-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II bħala li kienu jifformaw l-istess “impriża”, xi ħaġa li l-Kummissjoni ma għamlitx.

28      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motiv ibbażat fuq in-natura mhux ġustifikata taż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva, annullat l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan kien jistabbilixxi l-ammont tal-multa imosta fuq ir-rikorrenti għal EUR 272.25 miljun u stabbilixxiet dan l-ammont għal EUR 181.5 miljun. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors u kkundannat lil kull parti sabiex tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 It-talbiet tal-partijiet

29      Versalis titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla, totalment jew parzjalment, is-sentenza appellata sa fejn permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha fil-Kawża T-59/07 u, konsegwentement,

–        tannulla, totalment jew parzjalment, id-deċiżjoni kkontestata;

–        u/jew tannulla jew, tal-inqas, tnaqqas il-multa imposta fuqha permezz tal-imsemmija deċiżjoni;

–        sussidjarjament, tannulla totalment jew parzjalment, is-sentenza appellata sa fejn permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha fil-Kawża T‑59/07, u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali, sabiex din tiddeċiedi dwar il-mertu fid-dawl tal-indikazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kemm tal-preżenti proċedura kif ukoll ta’ dik li tirrigwarda l-Kawża T‑59/07, u

–        tiċħad l-appell inċidentali tal-Kummissjoni kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell;

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-imputazzjoni ta’ ċirkustanza aggravanti minħabba r-reċidiva, u, konsegwentement naqqset l-ammont tal-multa, u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell prinċipali

31      Insostenn tat-talbiet tagħha, Versalis tinvoka sitt aggravji, intiżi għar-riformazzjoni tas-sentenza appellata u għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

32      L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u wettqet qari żbaljat tat-tieni dikjarazzjoni billi eskludiet l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża riżultanti minn diverġenza bejn din id-dikjarazzjoni u d-deċiżjoni kkontestata. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-imputazzjoni tal-ksur inkwistjoni lil Versalis, kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata f’dan ir-rigward. It-tielet aggravju huwa essenzjalment ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, fuq żnaturament ta’ provi kif ukoll fuq nuqqas ta’ twettiq, mill-Qorti Ġenerali, ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplut. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq kalkolu żbaljat tal-multi u klassifikazzjoni mhux ġustifikata tal-ksur bħala “serju ħafna”, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq twettiq mhux komplet tal-istħarriġ ġudizzjarju. Il-ħames aggravju huwa essenzjalment ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq motivazzjoni insuffiċjenti f’dak li jikkonċerna n-natura żbaljata tad-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament mill-Kummissjoni. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet ksur kif ukoll applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni u vvizzjat is-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni meta hija ddikjarat ċerti annessi tar-rikors bħala inammissibbli.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq qari manifestament żbaljat tat-tieni dikjarazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm assenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża riżultanti minn diverġenza bejn din id-dikjarazzjoni u d-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

33      Versalis issostni li l-Kummissjoni, fit-tieni dikjarazzjoni u sa anki fl-ewwel dikjarazzjoni, qisitha bħala responsabbli in solidum ma’ EniChem SpA (li saret Syndial) għal kważi t-tul kollu tal-ksur, filwaqt li kienet ilha teżerċita attività fis-settur tal-GB u tal-GSB sa mill-1 ta’ Jannar 2002 biss. Fid-deċiżjoni kkontestata, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni eskludiet kull imputabbiltà diretta fuq Syndial u żammitha responsabbli tal-ksur kollu. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq din id-diverġenza billi rrilevat li t-tieni dikjarazzjoni kienet iżżomm ir-responsabbiltà ta’ Syndial biss għal perijodu limitat u li minn dan kien jirriżulta li l-premessa ta’ Versalis kienet żbaljata. Issa, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punti 415 u 416 tat-tieni dikjarazzjoni, li Syndial kienet ipparteċipat individwalment għall-ksur ta mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-20 ta’ Ottubru 2002.

34      Skont Versalis, billi l-premessa tagħha fil-verità kienet korretta, il-Qorti Ġenerali kellha tilqa’ l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, hija ma kellhiex l-okkażjoni li tirrispondi għall-imputazzjoni ta’ responsabbiltà li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn il-fatt li wieħed jinżamm solidament responsabbli ma’ kumpannija oħra mill-fatt li wieħed jinżamm responsabbli waħdu jew responsabbli konġuntament ma’ kumpannija waħda, u dan peress li l-kumpanniji li fuqhom tiġi imposta multa li għandha titħallas b’mod solidali jkunu marbuta, bħala prinċipju, jikkontribwixxu għal ishma ndaqs għall-ħlas tagħha. Barra minn hekk, quddiem il-Kummissjoni r-rikorrenti għażlet l-istrateġija ta’ difiża tagħha billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tieni dikjarazzjoni kienet ipprevediet ir-responsabbiltà solidali ta’ Syndial għal kważi t-totalità tal-ksur. Għaldaqstant, Versalis iddeċidiet li tikkonċentra d-difiża tagħha fuq l-avvenimenti li seħħew matul il-perijodu li matulu hija stess kienet mexxiet l-attività inkwistjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar sat-28 ta’ Novembru 2002.

35      Il-Kummissjoni essenzjalment twieġeb li, fil-punt 416 tat-tieni dikjarazzjoni, hija indikat b’mod ċar ir-responsabbiltà individwali ta’ Versalis għall-ksur inkwistjoni għall-perijodu mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 u ta’ dik ta’ Syndial għall-perijodu ta’ mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-20 ta’ Ottubru 2002. Hija kkunsidrat ukoll, fil-punt 353 ta’ din id-dikjarazzjoni, li Syndial setgħet tiġi miżmuma solidarjament responsabbli għall-ksur imwettaq minn Versalis għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar u l-20 ta’ Ottubru 2002. Fl-imsemmija dikjarazzjoni, ir-rikorrenti għaldaqstant ġiet ikkritikata b’responsabbiltà individwali għat-tul kollu tal-akkordju.

36      Skont il-Kummissjoni, ma tantx huwa kredibbli li Versalis iddeċidiet li ma tiddefendix ruħha b’mod adegwat minħabba l-fatt biss li parti mis-sanzjoni, li tikkorrispondi għar-responsabbiltà għall-perijodu ta’ mill-1 ta’ Jannar sal-20 ta’ Ottubru 2002, setgħet tiġi sostnuta solidarjament ma’ kumpannija oħra tal-istess grupp. Versalis u Syndial iddeċidew li jikkoordinaw id-difiża tagħhom billi kkonċentraw fuq perijodu differenti, iżda billi kull waħda minnhom għamlet riferiment b’mod espress għan-nota tal-oħra għall-perijodi restanti. Versalis ma pprovatx tagħti prova li l-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku t-tieni dikjarazzjoni eskludiet ir-responsabbiltà ta’ Syndial.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      Fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jidhru fil-punti 84 sa 87 tas-sentenza appellata, li jgħidu li, minn naħa, it-tieni dikjarazzjoni żżomm ir-responsabbiltà ta’ Syndial għal perijodu limitat biss, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent ta’ Versalis, bejn l-1 ta’ Jannar u l-20 ta’ Ottubru 2002, u mhux għat-tul kollu tal-ksur, u, min-naħa l-oħra, il-motiv imqajjem minn Versalis quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq diverġenza bejn din id-dikjarazzjoni u d-deċiżjoni kkontestata, għaldaqstant tistrieħ fuq premessa żbaljata, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn il-konstatazzjonijiet huma effettivament ineżatti.

38      Fil-fatt, hekk kif Versalis irrilevat ġustament fl-appell, it-tieni dikjarazzjoni ssostni, fil-punt 146 tagħha, li Syndial kienet tagħmel parti mill-impriża li wettqet il-ksur inkwistjoni, magħmula minn Eni SpA, Versalis u Syndial, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-20 ta’ Ottubru 2002, u mhux biss bejn l-1 ta’ Jannar u l-20 ta’ Ottubru 2002. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ċ-ċaħda tagħha fuq il-motiv imqajjem minn Versalis u bbażat fuq diverġenza bejn it-tieni dikjarazzjoni, minn naħa, u d-deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra, liema deċiżjoni, kuntrarjament għal din id-dikjarazzjoni, ma ġietx indirizzata lil Syndial, fuq il-kunsiderazzjoni biss li dan il-motiv kien jistrieħ fuq premessa “żbaljata”.

39      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta ddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ivvizzjata, f’dan il-kuntest, minn żball li jikkostitwixxi, għal Versalis, ksur tad-drittijiet tad-difiża.

40      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta preċiżament minn dan il-punt 416, il-Kummissjoni qieset li Eni SpA, Versalis u Syndial kienu jiffurmaw impriża waħda, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, fi kwalunkwe każ matul il-perijodu ta’ mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-20 ta’ Ottubru 2002, jiġifieri matul kważi t-tul kollu tal-ksur. Konsegwentement, Versalis ma setgħetx ikollha dubji dwar il-fatt li kull aġir antikompetittiv tal-impriża kien ċirkoskritt, u għaldaqstant, hija tiġi imputata b’kull aġir antikompetittiv ta’ Syndial. Jekk Versalis, minkejja dan il-fatt, iddeċidiet li ma tiħux pożizzjoni dwar l-aġir antikompetittiv allegat bejn l-20 ta’ Mejju 1996 u l-1 ta’ Jannar 2002, u li, f’dan ir-rigward, tibbaża ruħha fuq id-difiża ppreżentata minn Syndial, din id-deċiżjoni hija għażla ta’ din l-impriża, li ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, u għal finijiet ta’ kompletezza, ma jidhirx li dan it-tqassim tal-kompiti sabiex tingħata risposta għall-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni kien ta’ preġudizzju għal Versalis.

41      Il-fatt li, fil-punt 353 tat-tieni dikjarazzjoni, il-Kummissjoni rrilevat li Versalis u Syndial kellhom, barra minn hekk, jinżammu responsabbli in solidum tal-ksur għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar u l-20 ta’ Ottubru 2002 ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, kulma jagħmel l-imsemmi punt 353 huwa li jenfasizza, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-punti 354 sa 356 ta’ din id-dikjarazzjoni, li kienet jeżisti, anki matul dan il-perijodu, li matulu Versalis kienet biss ikkontrollata indirettament minn Eni SpA, kontinwità ekonomika mhux interrotta fir-rigward tal-impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, magħmula minn Eni SpA, Versalis u Syndial.

42      Barra minn hekk, minkejja li Versalis issostni li l-ipoteżi li tgħid li hija tista’ biss tinżamm responsabbli għal ksur flimkien ma’ żewġ kumpanniji oħra tiddistingwi ruħha b’mod ċar ħafna minn dik fejn din tkun miżmuma responsabbli solidarjament ma’ kumpannija waħda oħra biss, hija bl-ebda mod ma turi fiex id-deċiżjoni kkontestata setgħet twassal għal riżultat differenti kieku hija kienet taf, matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, li d-deċiżjoni kkontestata kienet se tkun indirizzata mhux lil Syndial, iżda biss lil Eni SpA u lilha stess.

43      Minn dan isegwi li l-argumenti bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, li jirriżulta minn diverġenza bejn it-tieni dikjarazzjoni u d-deċiżjoni kkontestata, peress li din tal-aħħar fl-aħħar mill-aħħar ma ġietx indirizzata lil Syndial, imqajma insostenn tal-ewwel aggravju tal-appell, huma infondati fil-liġi u fil-fatt, u li għal din ir-raġuni, hemm lok, li għandu jissostitwixxi dak miżmum mill-Qorti Ġenerali, li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-imputazzjoni tal-ksur inkwistjoni lil Versalis kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti taċ-ċaħda tal-argumenti invokati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward

 L-argumenti tal-partijiet

44      Skont Versalis, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju fundamentali ta’ responsabbiltà personali meta ċaħdet il-motiv ibbażat fuq imputazzjoni żbaljata tar-responsabbiltà riżultanti mill-avvenimenti li seħħew matul il-perijodu ta’ mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-1 ta’ Jannar 2002. Fil-fatt, skont Versalis, il-Kummissjoni kellha tidentifika żewġ responsabbiltajiet distinti, ta’ Syndial u tagħha stess, għal dan il-perijodu.

45      F’dan ir-rigward, Versalis issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet il-possibbiltà li tidderoga mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali b’mod eċċezzjonali biss u f’kundizzjonijiet preċiżi li f’dan il-każ ma humiex sodisfatti. Fil-fatt, Syndial ma kinitx waqfet teżisti legalment jew ekonomikament, l-attività marbuta mal-GB u mal-GSB ma kinitx ġiet trasferita bl-għan li jevadu r-regoli dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u Versalis kif ukoll Syndial ma kinux jiddependu fuq l-istess awtorità pubblika. Ir-rikorrenti lanqas ma kienet għamlet dikjarazzjoni spontanea sabiex tassumi r-responsabbiltà tal-aġir adottat minn Syndial.

46      Barra minnhekk, skont Versalis, ma jeżisti ebda riskju ta’ assenza ta’ effett dissważiv fl-ipoteżi fejn ir-responsabbiltà tiġi imputata lil Syndial u mhux lilha stess, u dan billi din il-kumpannija għadha teżerċita attivitajiet ekonomiċi u tista’ tħallas l-ammont tas-sanzjoni. Issa, skont il-ġurisprudenza, ir-riskju ta’ alterazzjoni tal-effett dissważiv jirrappreżenta l-parametru fundamentali li jippermetti li wieħed jidderoga mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. F’dan ir-rigward, Versalis tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-punt 144 tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (C‑352/09 P, Ġabra p. I‑2359).

47      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-intensità tar-rabtiet ekonomiċi u organizzazzjonali li jgħaqqdu lil Versalis u Syndial u kulma għamlet kien li kkonstatat li dawn iż-żewġ kumpanniji “kienu, direttament jew indirettament, kompletament miżmuma mill-istess kumpannija, jiġifieri Eni [SpA]”. Għaldaqstant, hija wettqet żball ta’ liġi. Hija lanqas ma mmotivat b’mod suffiċjenti ċ-ċaħda tal-argumenti invokati quddiemha f’dan ir-rigward.

48      Il-Kummissjoni tirrispondi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx il-każijiet ta’ kumpannija ċessjonarja għas-sitwazzjonijiet fejn kumpannija ċedenti waqqfet l-attività ekonomika kollha. Skont il-ġurisprudenza, hija biss l-eżistenza ta’ “rabta strutturali” bejn żewġ kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess grupp li hija determinanti, u dan il-prinċipju ma jillimitax ruħu għas-sitwazzjonijiet fejn l-impriżi kkonċernati jiddependu mill-istess awtorità pubblika.

49      Il-Kummissjoni tqis bħala nieqes minn rilevanza l-argument invokat minn Versalis, li jgħid li, billi Syndial hija kumpannija eżistenti u operazzjonali, ma jeżistix riskju ta’ assenza ta’ effett dissważiv fil-każ fejn ir-responsabbiltà tkun imputata lil Syndial u mhux lir-rikorrenti, peress li l-ġurisprudenza ma tillimitax il-possibbiltà li tissanzjona lill-impriża ċessjonarja fl-eventwalità biss fejn il-kumpannija li tittrasferixxi tkun waqfet teżisti ġuridikament jew ekonomikament.

50      F’dak li jikkonċerna r-rabtiet ekonomiċi u organizzazzjonali li jgħaqqdu lil Versalis u Syndial, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fis-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123), li jeżistu rabtiet strutturali li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq kumpannija ċessjonarja għas-sempliċi raġuni li l-impriża involuta fl-akkordju kienet ittrasferixxiet l-attivitajiet inkwistjoni lil kumpannija oħra li hija kienet proprjetarja ta’ 50 % minnha. Għaldaqstant huwa evidenti li, f’dan il-każ, billi ċ-ċessjonarju kien ikkontrollat 100 %, kienet teżisti kontinwità ekonomika. F’dan ir-rigward, is-sentenza appellata hija motivata b’mod suffiċjenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni jkopri l-attivitajiet ta’ impriżi, u l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. Skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, meta tali entità tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha twieġeb għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/016, Ġabra p. I‑10893, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta żewġ entitajiet jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika, il-fatt li l-entità li wettqet il-ksur għadha teżisti ma jimpedixxix, fih innifsu, li tiġi ssanzjonata l-entità li lilha hija ttrasferixxiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha. B’mod partikolari, tali applikazzjoni tas-sanzjoni hija ammissibbli meta dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv, applikaw fil-biċċa l-kbira l-istess direttivi kummerċjali (ara s-sentenza ETI et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan il-każ, il-Kummissjoni, hekk kif jirriżulta mill-premessi 368 u 369 tad-deċiżjoni kkontestata, qieset li matul il-ksur inkwistjoni, Eni SpA, Versalis u Syndial kienu impriża waħda. Barra minn hekk, peress li matul dan it-tul kollu Eni SpA kienet proprjetarja direttament jew indirettament tal-kapital kollu jew kważi kollu mhux biss ta’ Versalis iżda wkoll ta’ Syndial, u din hija xi ħaġa li Versalis ma tikkontestax, il-Kummissjoni setgħet, skont ġurisprudenza stabbilita, tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li tgħid li Eni SpA eżerċitat effettivament influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Legris Industries vs Il-Kummissjoni, C‑289/11 P, punti 46 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kawża preżenti, din il-preżunzjoni ma hijiex maqluba.

54      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha dritt tattribwixxi l-aġir infrazzjonali mwettaq minn Syndial lil Versalis, minkejja l-fatt li Syndial għadha teżisti.

55      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li s-sitwazzjoni fejn l-entità li tkun wettqet il-ksur waqfet teżisti ġuridikament jew ekonomikament ukoll taqa’ taħt l-ipoteżi msemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, u dan peress li hemm riskju li sanzjoni imposta fuq impriża li ma għadhiex teżerċita attivitajiet ekonomiċi tkun nieqsa minn effett dissważiv (ara s-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 144), peress li ma jirriżultax preċiżament minn din is-sentenza li l-imputazzjoni ta’ ksur lil entità li ma hijiex l-awtur tiegħu hija limitata għall-każijiet biss li fihom, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni għal kumpannija awtriċi ta’ ksur tkun nieqsa mill-għan dissważiv tagħha.

56      Fil-fatt, fis-sentenza ETI et, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għaliha fil-punt 144 tas-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha dritt timputa l-ksur ikkonċernat lil kumpannija li ma kinitx l-awtriċi tal-aġir li jikkostitwixxi ksur f’sitwazzjoni fejn l-entità awtriċi tal-ksur baqgħet teżisti bħala operatur ekonomiku fi swieq oħra (ara s-sentenza ETI et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat din l-evalwazzjoni fuq il-fatt li, matul l-aġir tagħhom li jikkostitwixxi ksur, il-kumpanniji kkonċernati kienu miżmuma mill-istess entità pubblika (sentenza ETI et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

57      Hemm ukoll lok li jiġi kkonstatat li l-portata tas-sentenza ETI et, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex limitata, kuntrarjament għal dak li ssostni Versalis, għall-każijiet fejn l-entitajiet ikkonċernati huma kkontrollati minn awtorità pubblika. Fil-fatt, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fatt li trasferiment ta’ attivitajiet ma huwiex deċiż minn individwi, iżda mil-leġiżlatur fil-perspettiva ta’ privatizzazzjoni, ma huwiex rilevanti. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li setgħu eżistew dubji eventwali dwar l-imputabbiltà ta’ ksur lil entità aventi kawża, f’din l-ipoteżi, l-iktar l-iktar, ta’ kontroll komuni eżerċitat minn awtorità pubblika, liema dubji tneħħew mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-kuntrarju, ebda dubju dwar tali imputabbiltà ma tista’ teżisti fl-ipoteżi fejn dan il-kontroll, bħal f’dan il-każ, jiġi eżerċitat minn kumpannija rregolata mid-dritt privat.

58      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni setgħet timputa, b’mod validu, l-aġir antikompetittiv inkwistjoni lil Versalis.

59      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni allegata, il-Qorti Ġenerali esponiet fid-dettall, fil-punti 120 sa 131 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet qieset bħala infondat il-motiv imqajjem f’dan is-sens fl-ewwel istanza. Il-motivi ta’ din is-sentenza għaldaqstant ma jħallu spazju għal ebda dubju dwar il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat id-deċiżjoni tagħhom dwar dan il-punt u konsegwentement, dawn jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel l-istħarriġ tagħha. Minn dan isegwi li s-sentenza appellata ma hija vvizzjata minn ebda nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

60      Billi ebda wieħed mill-argumenti mqajma insostenn tat-tieni aggravju ma ntlaqa’, hemm lok li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, fuq applikazzjoni żbaljata ta’ dan id-dritt, fuq żnaturament ta’ provi kif ukoll fuq nuqqas ta’ twettiq, mill-Qorti Ġenerali, ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet

 L-argumenti tal-partijiet

61      Skont Versalis, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet l-argumenti bbażati fuq kontradizzjonijiet allegati bejn tliet dikjarazzjonijiet magħmula minn Bayer, tramite l-konsulent legali tagħha M. K., kif ukoll l-argumenti mressqa minnha stess f’dak li jikkonċerna dikjarazzjoni magħmula minn M. N., impjegat ta’ Dow. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-punt 180 u 198 tas-sentenza appellata, fuq il-prinċipju li jgħid li t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni mogħtija f’isem impriża bħala tali għandhom kredibbiltà superjuri għal dik li jista’ jkollha r-risposta pprovduta minn membru tal-persunal ta’ din l-impriża.

62      Madankollu, dawn l-argumenti kkonċernaw, f’kull każ, kontradizzjonijiet bejn dikjarazzjonijiet magħmula f’isem impriżi kkonċernati. Hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mit-traskrizzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet orali mwettqa matul il-proċedura amministrattiva, M. N., li huwa xhud dirett tal-ksur inkwistjoni u pprovda deskrizzjoni tal-fatti differenti ħafna mid-deskrizzjonijiet li l-Kummissjoni wettqet fid-deċiżjoni kkontestata, għamel id-dikjarazzjonijiet tiegħu f’isem Dow u mhux f’ismu proprju. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant wettqet żball meta applikat il-“prinċipju ta’ supremazija” tad-dikjarazzjonijiet li ġejjin mill-impriżi kkonċernati stess fuq dawk tal-impjegati ta’ dawn l-impriżi u, konsegwentement, skartat provi li jiskaġunaw li ġew prodotti minn Versalis min-numru ta’ ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ evalwazzjonijiet dwar l-eżistenza tal-imsemmi akkordju.

63      Versalis tqis li għandu jsir eżami ġdid tal-imsemmija argumenti sabiex jiġi vverifikat jekk il-kuntatti bejn kompetituri mfakkra fid-deċiżjoni kkontestata kkostitwixxewx effettivament akkordju bl-għan li jiġu ffissati prezzijiet u li jinqasam is-suq jew jekk dawn kinux biss ksur okkażjonali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni li jikkonsisti, l-iktar l-iktar, fi skambji ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Versalis tosserva li ċerti ċirkustanzi fattwali pprovduti mill-kandidati għall-klemenza diġà ġew miċħuda fil-kuntest tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, Kaučuk vs Il-Kummissjoni (T‑44/07, Ġabra p. II‑4601); Unipetrol vs Il-Kummissjoni (T‑45/07, Ġabra p. II‑4629), u Trade-Stomil vs Il‑Kummissjoni (T‑53/07, Ġabra p. II‑4657), mogħtija għar-rikorsi ppreżentati minn tliet kumpanniji oħra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri Kaučuk, Unipetrol a.s. u Stomil, u wasslu għall-annullament totali ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din kienet tikkonċerna lil dawn il-kumpanniji.

64      Il-Kummissjoni ssostni li l-ksur inkwistjoni ġie kkonstatat abbażi ta’ numru kbir ta’ provi, u waħdiet minnhom biss ġew ikkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-fatt li din tal-aħħar attribwixxiet lil dikjarazzjoni magħmula minn Bayer valur probatorju superjuri għal dak ta’ dikjarazzjonijiet oħrajn iwassal sabiex din id-dikjarazzjoni tkun ikkorroborata minn elementi oħra tal-proċess, li ma humiex ikkontestati minn Versalis. Fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjonijiet invokati minn din tal-aħħar ma jistgħux jikkontradixxu d-dikjarazzjonijiet l-oħra li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata u huwa evidenti li dawn il-kwistjonijiet joħorġu mill-konstatazzjoni tal-fatti. Issa, din tkun taħrab mill-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Versalis essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta attribwixxiet, għal xi dikjarazzjonijiet magħmula f’isem Bayer u Dow, saħħa probatorja partikolarment għolja, filwaqt li dikjarazzjonijiet oħra, li joriġinaw mill-istess impriżi u magħmula wkoll f’isimhom, jikkontradixxu l-ewwel dikjarazzjonijiet.

66      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha ġurisdizzjoni, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tirriżulta mill-atti tal-proċess li ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. L-evalwazzjoni tal-fatti għaldaqstant ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament tal-provi ppreżentati quddiema, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Legris Industries vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan il-każ, Versalis ma tibbażax l-allegazzjonijiet tagħha fuq ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li tirriżulta mill-atti tal-proċess.

68      Fir-rigward ta’ żnaturament possibbli tal-provi, Versalis titlaq mill-premessa, imqajma fil-punt 35 tal-appell tagħha, li tgħid li l-argumentazzjoni tagħha “tikkonċerna” tali żnaturament li wettqet il-Qorti Ġenerali, peress li din eskludiet provi li jiskaġunaw importanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjonijiet dwar l-akkordju inkwistjoni.

69      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni tal-punti 180 u 198 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-imsemmija premessa, li essenzjalment tgħid li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni provi li jiskaġunaw prodotti minn Versalis minħabba l-fatt li hija attribwixxiet għal ċerti dikjarazzjonijiet magħmula f’isem Bayer u Dow saħħa probatorja iktar għolja, hija żbaljata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat biss, fl-imsemmija punti 180 u 198, li d-dikjarazzjonijiet tal-impjegati ta’ Bayer u ta’ Dow ma jistgħux ikollhom “iktar” valur probatorju minn dawk magħmula mill-kumpanniji stess.

70      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 180 u 197 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti mhux biss fuq uħud mid-dikjarazzjonijiet ta’ Bayer u ta’ Dow, iżda wkoll fuq dikjarazzjonijiet ta’ Shell kif ukoll fuq għadd ta’ provi dokumentarji.

71      Minn dan jirriżulta li Versalis fil-verità tikkritika l-evalwazzjoni, bħala tali, magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar il-fatti, il-provi u l-argumenti dwarhom, u għaldaqstant tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma qisitx bħala suffiċjenti l-argumentazzjoni li hija ressqet sabiex turi l-assenza ta’ ksur. Għaldaqstant, Versalis tfittex li tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali u tal-provi mressqa, liema ħaġa, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, taħrab mill-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja.

72      Għaldaqstant, l-argumenti mressqa minn Versalis insostenn tat-tielet aggravju kif ukoll dan l-aggravju stess għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-multi u l-klassifikazzjoni ta’ ksur “serju ħafna”, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq twettiq mhux komplet tal-istħarriġ ġudizzjarju

 L-argumenti tal-partijiet

73      L-ewwel nett, Versalis issostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punt 225 tas-sentenza appellata, li “ftehim jew prattiki miftiehma li jirrigwardaw b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet jew it-tqassim ta’ ishma mis-suq jistgħu, abbażi biss tan-natura tagħhom stess, jiġu kklassifikati bħala ‘serji ħafna’, mingħajr ma jeħtieġ li l-Kummissjoni turi effett konkret tal-ksur fis-suq”. Fil-fatt, skont Versalis, mill-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida u mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li sabiex titwettaq evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, il-Kummissjoni hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tagħha fuq is-suq, meta jidher li dan l-impatt jista’ jitkejjel. Issa, l-ewwel dikjarazzjoni, li fiha l-Kummissjoni wettqet analiżi eżawrjenti f’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-approċċ segwit fit-tieni dikjarazzjoni, kif ukoll studji annessi mar-rikors juru li, f’dan il-każ, dan l-impatt, li kien limitat, kien effettivament jista’ jitkejjel.

74      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezz jistgħu jitqiesu bħala “serji” biss jew jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ multa mnaqqsa jekk, hekk kif inhu l-każ f’din il-kawża, l-effetti dannużi tagħhom fis-suq huma limitati.

75      Sussidjarjament, Versalis issostni li l-Kummissjoni kienet marbuta tindika l-fatturi l-oħra li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tiġġustifika ż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa lil hinn mill-ammont minimu applikabbli ta’ EUR 20 miljun previst għall-ksur “serju ħafna”. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant wettqet żball ta’ liġi meta ma rrilevatx dan il-punt.

76      It-tieni nett, Versalis tqis li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx b’mod “raġonevoli u koerenti” dwar il-fatturi essenzjali meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur. Fil-fatt, kulma għamlet kien li sostniet li kien biżżejjed li l-Kummissjoni tkun ikkonstatat, f’dan ir-rigward, in-natura intrinsikament “serja ħafna” tal-aġir inkriminat, u hija astjeniet milli tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tal-ksur fuq is-suq. Madankollu, ir-rikorrenti pprovdiet data lill-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħmel eżami konkret, tant li din kienet marbuta twettaq tali eżami, tipprovdi l-evalwazzjoni tagħha ta’ din id-data, u minnha tislet konklużjonijiet li jirriżultaw minnha dwar it-talba għal tnaqqis tal-multa.

77      It-tielet nett, Versalis tqis li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod korrett elementi importanti tal-kawża. Fil-fatt, hija qieset, fil-punt 229 tas-sentenza appellata, li “ma [kien] hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball fid-deċiżjoni kkontestata meta stmat is-suq ikkonċernat fl-2001 f’ammont minn ‘tal-inqas’ EUR 550 miljun”. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-atti tal-proċess tal-ewwel istanza, il-Kummissjoni naqqset drastikament il-valur globali tas-suq ikkonċernat u, konsegwentement, bi żball ippresupponiet li l-akkordju kien jinvolvi kważi 90 % tas-suq minflok 60 % tiegħu, hekk kif hija kienet indikat fit-tieni dikjarazzjoni.

78      Kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet li jidhru fl-imsemmi punt 229, li jgħid li “ma [kien] hemm xejn x’jippermetti li jiġi kkunsidrat li żball fejn dan l-ammont tbaxxa kien ta’ dannu għal [Versalis]”, il-partijiet tas-suq miżmuma mill-impriżi involuta fi ksur jagħmlu parti mill-fatturi potenzjalment rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Barra minn hekk, il-parti tas-suq ikkonċernat mill-allegat akkordju kellha titqies, fi kwalunkwe każ, bħala terġa’ inqas minn dik ikkalkulata fid-deċiżjoni kkontestata, u dan minħabba l-esklużjoni mill-grupp tal-membri ta’ dan l-akkordju, ta’ tnejn mill-impriżi inizjalment involuti b’mod materjali, jiġifieri Kaučuk u Trade-Stomil.

79      Il-Kummissjoni tirrispondi li hija ġurisprudenza stabbilita li l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezz jagħmlu parti mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni li huma l-iktar serji. Jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 75), u tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C‑272/09 P, Ġabra p. I-12789, punt 34) kif ukoll mil-linji gwida li l-impatt konkret ta’ tali akkordju fuq is-suq ma huwiex kriterju deċiżiv għad-determinazzjoni tal-livell tal-multa, iżda element fost oħra li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni jekk jista’ jitkejjel. Il-fatt li l-Kummissjoni, fit-tieni dikjarazzjoni, abbandunat l-analiżi tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet fis-swieq inkwistjoni li jidhru fl-ewwel dikjarazzjoni, madankollu ma jfissirx li l-akkordju kkonċernat ma pproduċiex effetti fuq is-suq, u din hija ipoteżi oħra li r-rikorrenti ma wrietx.

80      Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, l-identifikazzjoni ta’ effetti partikolari fuq is-suq ikkostitwixxa biss element addizzjonali li ppermettielha li żżid l-ammont inizjali tal-kalkolu tal-multa.

81      Fl-aħħar nett, huwa b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istudji tas-suq prodotti minn Versalis, u dan peress li l-ksur inkwistjoni seta’ jitqies bħala “serju ħafna” minħabba n-natura tiegħu u peress li l-istudji msemmija kienu bbażat fuq data mhux kompluta. Fir-rigward tal-valur tas-suq ikkonċernat, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma żnaturat il-fatti meta qisitu bħala “tal-inqas” EUR 550 miljun fl-2001. Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni fi kwalunkwe każ ma bbażatx ruħha fuq il-parti tas-suq ikkontrollata mill-impriżi parteċipanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82      F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, ir-rilevanza tal-effetti tal-ksur inkwistjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita skont numru kbir ta’ elementi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Bavaria vs Il-Kummissjoni, C‑445/11 P, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward iktar konkretament tal-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, dan ma huwiex kriterju deċiżiv għad-determinazzjoni tal-livell tal-multi (ara s-sentenzi KME Germany et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑389/10 P, Ġabra p. I-13125, punt 44).

83      Barra minn hekk, l-akkordji orizzontali ta’ prezz jew ta’ qsim tas-swieq jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur serju ħafna abbażi biss tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni hija marbuta turi impatt konkret tal-ksur fuq is-suq (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-13 ta’ Diċembru 2012, Transcatab vs Il-Kummissjoni, C‑654/11 P, punt 42). F’dan il-każ, l-impatt konkret tal-ksur jikkostitwixxi biss element fost oħrajn li, jekk jista’ jitkejjel, jista’ jippermetti lill-Kummissjoni li żżid l-ammont inizjali tal-multa lil hinn mill-ammont minimu previst ta’ EUR 20 miljun (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

84      Konsegwentement, minkejja li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur inkwistjoni fuq is-suq, jekk wieħed jippresupponi li dan l-impatt kien effettivament jista’ jitkejjel, din għamlet hekk għal finijiet ta’ kompletezza. Barra minn hekk, billi l-imsemmi ksur huwa intrinsikament serju ħafna, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt konkret tiegħu seta’ biss iwassal għal żieda tal-multa. L-argument invokat minn Versalis għaldaqstant huwa ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75, kif ukoll id-digriet Transcatab vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punti 43 u 44).

85      It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx b’mod “raġonevoli u koerenti” dwar il-fatturi essenzjali meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur, sa fejn din naqset milli twettaq eżami tad-data miġjuba minn Versalis, milli tipprovdi l-evalwazzjoni tagħha ta’ din id-data u milli tislet konklużjonijiet minnha dwar it-talba għat-tnaqqis tal-multa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali pprovdiet, fil-punti 219 sa 233 tas-sentenza appellata, espożizzjoni dettaljata tal-fattur li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur. Konsegwentement, dan l-argument huwa infondat. Is-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali wkoll approvat f’dan ir-rigward, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, numru ta’ elementi mill-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, punt 133).

86      Fir-rigward, it-tielet nett, tal-argumentazzjoni li tgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-fatti billi qieset li xejn ma kien jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta stmat is-suq ikkonċernat “f’ammont minn ‘tal-inqas’ EUR 550 miljun fl-2001”, din ma tistax tintlaqa’.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li Versalis tonqos milli turi sew li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 229 tas-sentenza appellata, li tgħid li “ma [kien] hemm xejn x’jippermetti li jiġi kkunsidrat li żball fejn [l-istima tas-suq ikkonċernat] [tbaxxiet] kien ta’ dannu għal [Versalis]”, hija ineżatta, u kif ukoll milli tistabbilixxi li din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi żnaturament tal-fatti.

88      Fil-fatt, Versalis stess tikkonferma, fil-punt 64 tal-appell, li l-partijiet tas-suq miżmuma mill-impriżi involuti fi ksur jinsabu fost il-fatturi “potenzjalment” rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Madankollu, il-Kummissjoni, meta ffissat l-ammonti inizjali diversi tal-multa għal kull impriża involuta fil-ksur inkwistjoni, ibbażat ruħha preċiżament, fil-premessi 466 u 467 tad-deċiżjoni kkontestata, mhux fuq il-partijiet tas-suq miżmuma minn dawn l-impriżi, iżda fuq l-ammonti ta’ bejgħ ta’ GB u ta’ GSB mwettqa minnhom. L-argumentazzjoni ta’ Versalis, li tgħid li l-Kummissjoni kkoreġiet l-istima tagħha tas-suq ikkonċernat li tidher fid-deċiżjoni kkontestata meta mqabbla ma’ dik imsemmija fit-tieni dikjarazzjoni, konsegwentement hija ineffettiva.

89      Għaldaqstant, billi ebda wieħed mill-argumenti mqajma insostenn tar-raba’ aggravju ma huwa fondat, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq iċ-ċaħda, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, tat-tnax-il motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali

 Fuq l-ewwel parti tal-ħames aggravju, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja f’dak li jikkonċerna n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

90      Versalis tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod adegwat l-assenza ta’ indikazzjoni mill-Kummissjoni tal-fatturi kollha li ppermettewlha tiddetermina koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 2 f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji kkontrollati minn Eni SpA, u li pprovdiet motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja f’dan ir-rigward.

91      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-fattur ta’ dissważjoni “għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata”, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-punti 23 u 24 tas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni (C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859). Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nnifisha meta qieset li d-dħul mill-bejgħ globali u d-daqs relattiv tal-impriżi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni kienu suffiċjenti u li “ma [kienx jirriżulta] li l-Kummissjoni semmiet espliċitament elementi oħra”, minkejja li hija kkonstatat fl-istess ħin, fil-punti 249 u 250 tas-sentenza appellata, li l-espressjoni ġenerika “ċirkustanzi tal-każ” użata fit-test tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ta’ natura li toħloq misinterpretazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ elementi oħra li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni.

92      Versalis issostni li meta l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 250 tas-sentenza appellata, li “l-espressjoni “ċirkustanzi tal-każ” [setgħet] tinftiehem bħala li tirreferi [...]għad-dħul mill-bejgħ globali u d-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati”, hija ma mmotivatx din l-evalwazzjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt. Il-fatt li l-Kummissjoni kkonfermat din iċ-ċirkustanza fis-seduta ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

93      Skont il-Kummissjoni, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punt 250 tas-sentenza appellata huwa ċar u impekkabbli. Ebda element tad-deċiżjoni kkontestata ma tindika li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni elementi apparti d-dħul mill-bejgħ globali u d-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

94      Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-riferiment għas-sentenza Showa Denko vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li Versalis qiegħda tagħmel qari żbaljat tagħha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta fil-punt 23 tal-imsemmija sentenza kkonstatat li l-fattur ta’ dissważjoni huwa evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ għadd ta’ elementi, u mhux biss tas-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata, għamlet riferiment għall-punti 53 sa 55 tal-konklużjonijiet ippreżentati f’din il-kawża mill-Avukat Ġenerali Geelhoed, li essenzjalment kien irrileva li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv jista’ jkun intiż mhux biss għal “dissważjoni ġenerali”, fis-sens ta’ azzjoni intiża sabiex tiskoraġġixxi l-kumpanniji kollha in ġenerali milli jwettqu l-ksur inkwistjoni, iżda wkoll “dissważjoni speċifika”, sabiex tiskoraġġixxi lill-konvenut speċifiku milli jerġa’ jikser ir-regoli fil-futur. Għaldaqstant, f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat biss li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta tillimita l-evalwazzjoni tagħha għall-fatturi li jirrigwardaw biss sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata.

95      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li l-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, il-Qorti Ġenerali, meta jistabbilixxu koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, ikunu fi kwalunkwe każ obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni fattur apparti d-dħul mill-bejgħ u d-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati.

96      F’dan il-kuntest, it-tieni nett għandu jiġi kkonstatat li l-kriterji li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, jiġifieri d-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati u d-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, jirriżultaw b’mod ċar mill-premessi 474 u 475 tad-deċiżjoni kkontestata. Hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet fil-punt 250 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-Kummissjoni għamlet riferiment għaċ-“ċirkustanzi tal-każ” ukoll ma jistax jannulla din il-konklużjoni, u dan billi mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni semmiet speċifikament elementi oħra barra dawk diġà msemmija, u li l-frażi “ċirkustanzi tal-każ” għandha tinftiehem bħala li tirreferi, ġustament, għad-dħul mill-bejgħ globali u d-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati.

97      Fir-rigward tal-motivazzjoni dwar il-kriterji użati għall-istabbiliment tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali mmotivat l-evalwazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward b’mod dettaljat fil-punti 242 sa 250 tas-sentenza appellata. Din il-motivazzjoni ma hija vvizzjata minn ebda kontradizzjoni jew żball ta’ liġi, u turi, b’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li jippermetti lil Versalis li ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ħames aggravju hija infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-ħames aggravju, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni u ta’ motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja f’dak li jikkonċerna l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-Kummissjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

99      Versalis issostni li, peress li l-Kummissjoni għażlet li tapplika metodu aritmetiku sabiex tikkalkula multa, din hija marbuta bir-regoli inerenti għaliha, ħlief ġustifikazzjoni espliċita fir-rigward tal-membri kollha ta’ akkordju. Fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181), il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-eventwalità fejn ġie stabbilit koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.25 għal impriża u koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 2.5 għal impriża oħra. Din is-sentenza tistabbilixxi b’mod ċar l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn iż-żieda tad-dħul mill-bejgħ u ż-żieda tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, tbiegħdet minn dawn il-prinċipji.

100    Skont ir-rikorrenti, billi d-dħul mill-bejgħ tal-impriżi involuti fil-ksur inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali, sabiex tiżgura r-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex fl-istess ħin tevita l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ iktar minn 3, kellha tapplika koeffiċjent ta’ 1.25 u mhux ta’ 1.5 għal Bayer u, konsegwentement, koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni inferjuri għall-impriżi kkonċernati l-oħra kollha, jiġifieri koeffiċjent ta’ 1.33 għal Dow, ta’ madwar 1.66 għal EniChem u ta’ 3 għal Shell. L-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tidher fil-punt 251 tas-sentenza kkontestata, li tgħid li “mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni stabbilit għal EniChem ġie kkalkulat abbażi tal-koeffiċjent stabbilit għal Dow u mhux abbażi tal-koeffiċjent stabbilit għal Shell”, hija ineffettiva, peress li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament japplika għall-membri kollha tal-istess akkordju.

101    Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma turi ebda żball ta’ liġi, iżda pjuttost tissuġġerixxi metodu ta’ kalkolu ta’ sostituzzjoni, li jwassalha sabiex tapplika fir-rigward tagħha koeffiċjent inqas għoli. Sa fejn din it-talba tikkonċerna wkoll il-multi imposti fuq impriżi oħrajn, din hija inammissibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni (C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, punt 47), li tgħid li hija ma tistax, permezz ta’ rikors esklussiv u mekkaniku għal xi formuli aritmetiċi, tiċċaħħad mis-setgħa diskrezzjonali tagħha. L-għażla li ma tapplikax koeffiċjenti superjuri għal 3, li Versalis tidher li taqbel magħha, twassal għal ċertu degressività tal-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni meta mqabbla mad-daqs tal-impriżi, degressività li barra minn hekk, ir-rikorrenti bbenefikat ħafna minnha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

102    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan tal-fattur ta’ multiplikazzjoni fir-rigward tal-effett dissważiv u t-teħid inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża inkwistjoni jinsab fl-impatt imfittex fuq l-imsemmija impriża, fejn is-sanzjoni ma tistax tkun negliġibbli fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punt 104, kif ukoll id-digriet tas-7 ta’ Frar 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑421/141 P, punt 82).

103    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, ma tistax, permezz tar-rikors esklużiv u mekkaniku għal metodu ta’ kalkolu aritmetiku bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ biss tal-impriżi kkonċernati, iċċaħħad lilha nnifisha mis-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dak li jikkonċerna l-istabbiliment tal-ammont tal-multi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). L-istabbiliment ta’ multa xierqa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 121, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 243).

104    Għall-kalkolu tal-multi imposti fuq l-impriżi li pparteċipaw f’akkordju, trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati huwa għaldaqstant inerenti għall-eżerċizzju tas-setgħat li għandha l-Kummissjoni fil-qasam. Fil-fatt, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija msejħa tindividwalizza s-sanzjoni skont l-aġir u l-karatteristiċi ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi, u dan sabiex tiggarantixxi, f’kull każ ineżami, l-effikaċja tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni (sentenza tat-12 ta’ Novembru 2009, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑564/08 P, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Fil-fatt, abbażi tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 102 tal-preżenti sentenza, il-Kummissjoni hija qabelxejn marbuta tiżgura li s-sanzjoni ma ssirx “negliġibbli” fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tal-impriżi kkonċernati, u dan madankollu ma jeħtieġx li impriża li jkollha dħul mill-bejgħ partikolarment għoli meta mqabbel ma’ dak tal-membri l-oħra f’akkordju għandha tiġi imposta fuqha multa miżjuda strettament skont ir-rapport li jeżisti bejn id-dħul mill-bejgħ tagħha u dak tal-impriżi l-oħra kollha involuti fl-akkordju kkonċernat. Fil-fatt, li kieku dan kien il-każ, il-multi imposti fuq l-ikbar impriżi f’akkordju u miżjuda skont tali metodu aritmetiku ċertament ikollhom effett suffiċjentement dissważiv iżda jirriskjaw li jkunu sproporzjonati mal-gravità tal-ksur imwettaq konkretament, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn, bħal f’dan il-każ, teżisti differenza kunsiderevoli bejn id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati.

106    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li, essenzjalment, ħaddnet l-approċċ segwit mill-Kummissjoni li kienet stabbilixxiet koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv ta’ 2 għal Versalis u ta’ 3 għal Shell, u dan billi dan l-approċċ ma huwiex intiż li japplika koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv sproporzjonati fuq l-ikbar impriżi li, abbażi biss tar-relazzjoni matematika li teżisti bejn id-dħul mill-bejgħ tagħhom u dak tal-impriżi ta’ daqs iżgħar, setgħu teoretikament jiġu applikati fuqhom koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv ħafna iktar għoljin.

107    Jekk f’dan ir-rigward Versalis issostni li peress li l-Kummissjoni għażlet li tapplika metodu aritmetiku sabiex tikkalkula multa, din hija marbuta mir-regoli inerenti għaliha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma għażlitx tali metodu. Dan il-fatt, ikkonfermat barra minn hekk mill-Kummissjoni matul is-seduta tas-sottomissjonijiet orali, essenzjalment jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni, fil-premessa 474 irrilevat espressament li kienu jeżistu differenzi kunsiderevoli bejn id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati.

108    F’dak li jikkonċerna l-insuffiċjenza allegata tal-motivazzjoni miżmuma mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar, fil-punt 251 tas-sentenza appellata semmiet il-kriterji kollha rilevanti għall-istabbiliment tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv. Minkejja li l-Qorti Ġenerali, fir-rigward ta’ allegata inugwaljanza fit-trattament bejn Versalis u Shell, tillimita ruħha li tikkonstata biss li “li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni stabbilit għal EniChem ġie kkalkulat abbażi tal-koeffiċjent stabbilit għal Dow u mhux abbażi tal-koeffiċjent stabbilit għal Shell”, din il-konstatazzjoni fiha nfisha hija ċertament qasira ħafna iżda għandha tinqara flimkien mal-preċiżazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali, f’dan l-istess punt, u li tgħid li l-Kummissjoni “l-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali meta tiġi biex tistabbilixxi l-ammont tal-multa u ma hijiex obbligata tapplika formula matematika preċiża”.

109    Fid-dawl ta’ dawn l-aħħar konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, Versalis ma setgħetx tiġi mqarrqa dwar il-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex essenzjalment tapprova l-evalwazzjoni tal-fattur dissważiv imwettqa mill-Kummissjoni, peress li hekk kif jirriżulta mill-punti 102 sa 106 tal-preżenti sentenza, dawn il-kunsiderazzjonijiet irriżultaw li huma eżatti. Għaldaqstant, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata f’dan ir-rigward lanqas ma tista’ tintlaqa’.

110    Konsegwentement, it-tieni parti tal-ħames aggravju għandha titqies bħala infondata u dan l-aggravju għandu jiġi miċħud kollu.

 Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet ksur kif ukoll applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni u vvizzjat is-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni meta hija ddikjarat ċerti annessi tar-rikors promotur bħala inammissibbli

 L-argumenti tal-partijiet

111    Essenzjalment, Versalis tqis li ċ-ċaħda tal-argument tagħha li jqis it-Taqsima 4.3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Laqgħat tal-akkordju’’, bħala inammissibbli huwa bbażat fuq tqabbil formalist, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, bejn it-titolu tal-partijiet ta’ din id-deċiżjoni u t-titoli tal-partijiet li jiffurmaw it-‘Taqsima E’ tar-rikors promotur. Il-punti 54 sa 56 ta’ dan ir-rikors semmew u taw taqsira tal-kontenut tal-annessi ta’ dan tal-aħħar, u l-argument imqajjem jirriżulta b’mod ċar biżżejjed mit-test tar-rikors stess.

112    Barra minn hekk, l-imsemmija annessi, fejn partijiet speċifiċi jissemmew fil-punti 61, 62, 64, 94 u 121 tal-imsemmi rikors, ma fihom ebda argument fil-liġi. Huwa għaldaqstant b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-elementi li jinsabu fl-istess annessi “ma [kinux jissodisfaw] ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti [...] u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura [tal-Qorti Ġenerali]” u li “ma [kienx] id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, [...] motivi u [...] argumenti”. Fi kwalunkwe każ, is-sentenza hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

113    Huma għaldaqstant nieqsa minn kull rilevanza anki l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 169 tas-sentenza appellata, li jgħidu li Versalis ma setgħetx timla l-lakuna tar-rikors “billi tintroduċi, fl-istadju tar-replika, ċerta informazzjoni fattwali jew legali [...] u billi tirreferi għall-annessi [...] jew billi tipprovdi annessi ġodda mar-replika”. Fil-fatt, fl-eżami tal-konformità tar-rikors mar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kontenut tar-replika ma huwiex, bħala ipoteżi, rilevanti”. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddikjarat dawn l-annessi bħala inammissibbli kellha l-konsegwenza li jkun impossibbli għal Versalis li ssostni, favur tagħha, elementi importanti li jiskaġunaw.

114    Skont il-Kummissjoni, fir-rigward taċ-ċaħda tal-annessi inkwistjoni, is-sentenza appellata tikkonforma mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti Ġenerali eżaminat b’attenzjoni l-argumenti espressi kollha, minkejja li fil-qosor u b’mod sommarju, fir-rikors. Għall-kuntrarju, hija ġustament ċaħdet ir-riferiment globali għall-annessi li jinsab fil-punti 54 sa 56 tar-rikors kif ukoll tentattiv tardiv tar-rikorrenti sabiex tirrimedja għal-lakuni tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

115    Qabelxejn, għandu jitfakkar, hekk kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Sabiex rikors ikun ammissibbli, hemm bżonn li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat jirriżultaw, imqar jekk b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Minkejja li l-korp tiegħu jista’ jkun issostanzjat u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet partikolari minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki dawk annessi mar-rikors, ma jistgħux iraqqgħu l-assenza tal-elementi essenzjali tal-argumentazzjoni fil-liġi, li, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Rekwiżiti analogi huma meħtieġa, hekk kif il-Qorti Ġenerali enfasizzat fil-punt 62 tal-imsemmija sentenza, meta argument jiġi invokat insostenn ta’ motiv.

116    Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, fid-dawl tar-regola hekk imfakkra, ċaħdet bħala inammissibbli argument dwar it-Taqsima 4.3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Laqgħat tal-akkordju”. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset li dan l-argument kien spjegat, fil-liġi u fil-fatt, f’ċerti annessi biss tar-rikors.

117    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li Versalis, permezz tas-sitt aggravju tagħha, tikkontesta, hekk kif jirriżulta mit-titolu ta’ dan tal-aħħar u mill-punt 98 tal-appell, id-“dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ċerti annessi tar-rikors promotur”. Issa, il-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala inammissibbli mhux l-annessi inkwistjoni, hekk kif issostni r-rikorrenti, iżda argument li kien jinsab biss, fost numru ta’ elementi oħra, f’dawn l-annessi. F’dan ir-rigward, Versalis għaldaqstant tagħmel qari żbaljat tas-sentenza appellata.

118    Il-fatt li Versalis tagħmel tali qari fil-parti kkonċernata tas-sentenza appellata huwa kkorroborat mill-argumentazzjoni potenzjalment insidjuża, li tinsab fil-punt 94 tal-appell, li tgħid li ċ-ċaħda tal-argument inkwistjoni mill-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq tqabbil “formalist” bejn it-titolu tal-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata u t-titoli tal-partijiet li jiffurmaw it-taqsima kkonċernata tar-rikors tagħha tal-ewwel istanza. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tiċħad dan l-argument mhux minħabba li ma kienx intitolat b’mod korrett, iżda għaliex dan ma kienx jinsab fir-rikors fih innifsu. Il-fatt li, barra minn hekk, titolu li jikkorrispondi għall-argument ikkonċernat ma kienx jinsab fir-rikors tal-ewwel istanza ġie rrilevat mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 167 tas-sentenza appellata, għall-finijiet ta’ kompletezza biss.

119    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-punti 54 sa 56 tar-rikors tal-ewwel istanza, riprodotti fil-punt 165 tas-sentenza appellata, kif ukoll min-noti rilevanti, li, skont Versalis, semmew u qassru l-kontenut tal-annessi inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li ebda argument speċifiku ta’ liġi jew ta’ fatt ma jista’ jiġi dedott mill-iżviluppi li jidhru f’dawn il-punti u f’dawn in-noti. Konsegwentement, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-elementi essenzjali ta’ liġi u ta’ fatt dwar it-Taqsima 4.3 tad-deċiżjoni ma jinsabux fir-rikors, hija fondata.

120    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta, fil-punt 170 tad-deċiżjoni appellata, iddikjarat l-argument ta’ Versalis li jirrigwarda t-Taqsima 4.3 tad-deċiżjoni kkontestata bħala inammissibbli. Għaldaqstant, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud.

121    Konsegwentement, billi ebda wieħed mill-aggravji mqajma insostenn tal-appell ta’ Versalis ma huwa fondat, hemm lok li dan jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-appell inċidentali

 Fuq l-eċċezzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

122    Matul is-seduta, Versalis qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-appell inċidentali tal-Kummissjoni, minħabba li din ma kienx fadlilha interess ġuridiku. Fil-fatt, il-Kummissjoni, wara li ngħatat is-sentenza appellata, informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tiftaħ l-investigazzjoni mill-ġdid peress li din kienet tirrigwarda reċidiva ta’ Versalis, bl-għan li tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida.

123    Din l-eċċezzjoni ma hijiex fondata.

124    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li t-telf tal-interess ġuridiku fil-mori tal-kawża bħala prinċipju ma għandux effett fuq l-ammissibbiltà, iżda jista’ jwassal lill-qorti sabiex tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-5 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Princia di Imperia, C‑183/08 P, punt 31).

125    F’dan il-każ, hekk kif il-Kummissjoni sostniet ġustament fis-seduta, hija madankollu żammet l-interess ġuridiku tagħha billi s-sanzjoni pekunjarja imposta fuq Versalis bid-deċiżjoni kkontestata, miżjuda b’interessi sa mid-data tal-adozzjoni tagħha, tkompli teżisti fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell inċidentali tal-Kummissjoni, u dan ma jkunx il-każ fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ġdida. Għalhekk, f’kuntest kumparabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt, għall-Kummissjoni, li jiġi ppreparat abbozz ta’ regolament bl-għan li tikkonforma ma’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jfissirx, bħala tali, li l-Kummissjoni tilfet kull interess ġuridiku li teżerċita appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Jannar 2002, Franza vs Monsanto u Il-Kummissjoni, C‑248/99 P, Ġabra p. I‑1, punt 31).

126    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-eċċezzjoni mqajma minn Versalis ma tistax tintlaqa’.

 Fuq l-aggravju uniku

 L-argumenti tal-partijiet

127    Insostenn tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tqajjem aggravju uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 101 TFUE, ta’ vizzji tal-proċedura li jirrigwardaw preġudizzju lill-interessi tal-Kummissjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Ikun bi żball li s-sentenza appellata ddeċidiet li l-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata bl-għan li tiġi stabbilita ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva kontra Eni SpA u Versalis ma humiex suffiċjenti.

128    Il-Kummissjoni tfakkar qabelxejn li hija, fil-premessa 430 tat-tieni dikjarazzjoni, ħabbret l-intenzjoni tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza aggravanti, ksur preċedenti diġà kkonstatati, u semmiet b’mod espress il-parteċipazzjoni ta’ ‘ENI’ fil-ksur indikat fid-deċiżjonijiet Polpropyline u PVC II. F’dan ir-rigward, Versalis ma ħaditx pożizzjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni. Għall-ewwel darba fir-rikors tagħha tal-ewwel istanza, Versalis sostniet, minn naħa waħda, li l-awtur tal-ksur preċedenti u l-persuna involuta f’dan il-ksur ma kinux l-istess persuni, peress li s-setturi ta’ attività inkwistjoni jikkonċernaw prodotti u swieq differenti u diġà ġew trasferiti qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-impriża tal-grupp involut fil-kawżi ta’ kompetizzjoni preċedenti kienu ta’ EniChem SpA.

129    Versalis madankollu qatt ma sostniet li l-kumpanniji ssanzjonati fid-deċiżjonijiet Polyprolyline u PVC II ma kinux imqiegħda taħt id-direzzjoni tal-‘grupp ENI’. Il-Kummissjoni tqis li hija setgħet, li kieku riedet, timponi, fid-deċiżjonijiet tagħha, il-multa lill-istess kumpannija parent, jiġifieri Eni SpA li kienet tikkontrolla lil EniChem SpA u Anic SpA kompletament, kumpanniji destinatarji tal-imsemmija deċiżjonijiet. Il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, Ġabra p. II‑4071), ikkonfermat li l-Kummissjoni, f’tali kundizzjonijiet, setgħet ġustament tikkunsidra li l-istess impriża kienet diġà ġiet ikkundannata għall-istess tip ta’ ksur.

130    Il-Qorti Ġenerali ma indirizzatx domandi bil-miktub lill-partijiet dwar ir-reċidiva, u ma staqsietx għal kjarifikazzjonijiet dwar il-fatti matul is-seduta. Huwa għaldaqstant b’mod totalment aċċidentali li s-sentenza appellata annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ allegat nuqqas ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 101 TFUE. Il-Qorti Ġenerali ddeterminat, b’mod żbaljat, is-suġġett u l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali jinkludi ksur serju tal-prinċipju ta’ kontradittorju u, konsegwentement, vizzju ta’ proċedura li jikkawża preġudizzju lill-interessi tagħha.

131    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-motivazzjoni ta’ att għandha tiġi evalwata fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 66 tas-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑4201, Ġabra p. I‑6079), għaldaqstant iddeċidiet li motivazzjoni sommarja li tinsab f’deċiżjoni adottata f’kuntest magħruf sew mid-destinatarju hija suffiċjenti. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kellha toffrilha l-possibbiltà li tikkjarifika u tippreċiża l-motivazzjoni tagħha, hekk kif għamlet fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2012, Versalis u Eni vs Il-Kummissjoni (T‑103/08).

132    Skont il-Kummissjoni, il-premessi 366 sa 373 tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxu b’mod ċar l-eżistenza ta’ kontinwità bejn l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni PVC II u dik involuta fil-ksur inkwistjoni f’din il-kawża. Konsegwentement, hija titlob għall-annullament tas-sentenza kkontestata sa fejn permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tar-reċidiva kemm fir-rigward tad-deċiżjoni Polypropylene kif ukoll fir-rigward tad-deċiżjoni PVC II u, fi kwalunkwe każ, sa fejn l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali jirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ reċidiva fir-rigward tad-deċiżjoni PVC II.

133    Versalis tirrispondi, l-ewwel nett, li l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati, b’mod partikolari, fuq il-kawża li wasslet għas-sentenza Versalis u Eni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, huma ta’ natura purament fattwali. Dawn l-argumenti la dehru fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, u għaldaqstant huma inammissibbli.

134    It-tieni nett, ir-rikorrenti tirrileva li l-ħolqien tagħha jmur lura għas-sena 1989, jiġifieri numru ta’ snin wara t-tmiem tal-aġir issanzjonat bid-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II u wara t-trasferiment tal-attivitajiet ikkonċernati lil kumpanniji terzi jew l-introduzzjoni ta’ dawn l-attivitajiet lil impriżi komuni. Għaldaqstant ma teżisti ebda kontinwità ekonomika u funzjonali bejn l-imsemmija attivitajiet u l-attività ttrasferita lir-rikorrenti fl-1 ta’ Jannar 2002 minn kumpannija msejħa “EniChem SpA”, li ma hijiex il-kumpannija EniChem SpA li d-deċiżjoni PVC II tikkonċerna. Il-kumpannija parent, matul il-perijodu li huwa s-suġġett tad-deċiżjonijiet preċedenti, kienet l-Ente Nazionale Idrocarburi, jiġifieri korp pubbliku, u mhux Eni SpA.

135    It-tielet nett, Versalis issostni li l-fatt, għall-Kummissjoni, li tinvoka s-sempliċi possibbiltà teorika ta’ imputazzjoni, fil-ħin tagħha, tal-ksur li huwa s-suġġett tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II lill-imsemmija kumpannija parent ma jwassalx sabiex joħloq preżunzjoni inkonfutabbli ta’ responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-aġir tal-passat tas-sussidjarji tagħha kkontrollati 100 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha turi, skont il-kriterju applikat mill-Kummissjoni matul l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li l-kumpannija parent inkwistjoni kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Anic SpA u fuq EniChem Spa, u dan hija la għamlitu f’dawn id-deċiżjonijiet u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata.

136    Barra minn hekk, Eni SpA ma ġietx ikkunsidrata bħala responsabbli għall-aġir ta’ Anic SpA u EniChem SpA matul l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet preċedenti u għaldaqstant qatt ma nstemgħet f’dan ir-rigward.

137    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-attitudni tagħha u dik ta’ Eni Spa fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, Versalis issostni li, b’mod partikolari matul is-seduta, hija kkontestat l-imputazzjoni tar-reċidiva. Fi kwalunkwe każ, hija ma kellhiex l-obbligu li tifformula osservazzjonijiet dwar it-tieni dikjarazzjoni. Is-sentenza Il‑Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex rilevanti f’dan il-kuntest, billi l-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza kkonfermat il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tipprovdi motivazzjoni sommarja biss jekk din tikkonċerna kwistjonijiet li dwarhom il-parti avversarja ma pprovdiet ebda indikazzjoni minkejja obbligu espliċitu f’dan ir-rigward. Issa, tali obbligu ma jeżistix f’dan il-każ.

138    Il-ħames nett, f’dak li jikkonċerna l-allegat ksur tal-kontradittorju, Versalis tirrileva li l-argumenti tagħha ma ġewx ippreżentati b’mod tardiv, u li l-vizzju ssanzjonat mill-Qorti Ġenerali kien jirrigwarda l-motivazzjoni fil-mertu, tant li dan ma setax jiġi rrimedjat matul il-proċedura ġudizzjarja. Fi kwalunkwe każ, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin li tingħata d-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju u ma tistax tiġi rregolarizzata matul il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni. L-argument imqajjem mill-Kummissjoni, għaldaqstant, huwa infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

139    Għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-motivazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u tippermetti lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ deċiżjoni individwali, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu li tali deċiżjoni tiġi mmotivata għandu l-għan, apparti li jiġi permess stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex possibbilment ivvizzjata minn vizzju li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha (sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    Il-motivazzjoni għaldaqstant għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin li tingħata d-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. L-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bir-raġunijiet tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem l-istanzi tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Minn dan jirriżulta li meta l-Kummissjoni timponi multa fuq kumpannija minħabba ksur tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, u hija tapplika, matul il-kalkolu tal-multa, koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni sabiex tieħu kont tal-fatt li din l-istess kumpannija kienet diġà ġiet involuta qabel fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija marbuta tipprovdi, mad-deċiżjoni li timponi l-imsemmija multa, espożizzjoni ta’ natura li tippermetti lill-qrati tal-Unjoni kif ukoll lil din il-kumpannija jsiru jafu f’liema kwalità u sa liema punt hija kienet involuta fil-ksur preċedenti. B’mod partikolari, jekk il-Kummissjoni tqis li l-imsemmija kumpannija kienet tagħmel parti mill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni dwar il-ksur preċedenti, din għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fid-dritt għal din l-affermazzjoni.

143    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fil-premessa 430 tat-tieni dikjarazzjoni, kienet indikat li hija ser tieħu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet preċedenti ta’ ksur simili, billi tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II u billi tindika li “ENI” kienet “involuta” f’dawn id-deċiżjonijiet. Essenzjalment, l-istess konstatazzjoni qasira tinsab fil-premessa 487 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni barra minn hekk tirrileva li “Enichem” kienet diġà destinatarja tal-imsemmija deċiżjonijiet. Barra minn hekk, il-premessa 488 tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tinftiehem fis-sens li, skont il-Kummissjoni, l-istess impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, hija l-awtriċi tal-ksur li huwa s-suġġett tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II u tal-ksur ikkonstatat bid-deċiżjoni kkontestata.

144    Issa, billi d-deċiżjoni Polypropylene hija indirizzata, b’mod partikolari, lil Anic SpA, u d-deċiżjoni PVC II, b’mod partikolari, lil “Enichem SpA”, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt ta’ qabel dan tas-sentenza preżenti bl-ebda mod ma jippermettu li wieħed isir jaf f’liema kwalità u sa liema punt Versalis, li ma tinsabx fost id-destinatarji tad-deċiżjoni Polypropylene u lanqas ma tinsab fost dawk tad-deċiżjoni PVC II, kienet involuta f’dawn id-deċiżjonijiet.

145    Minkejja li l-Kummissjoni ssostni li l-premessi 366 sa 373 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu deskrizzjoni preċiża tal-avvenimenti kollha li jikkonċernaw lil “EniChem”, madankollu dawn l-elementi jirrigwardaw biss il-bidliet li seħħu fi ħdan il-grupp Eni mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002, hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat fil-punt 299 tas-sentenza kkontestata. Madankollu, l-imsemmija premessi ma jinkludu ebda preċiżazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji li jiffurmaw l-impriżi destinatarji tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II, huma ma jsemmux jekk dawn il-kumpanniji humiex identiċi għal dawk imsemmija mid-deċiżjoni kkontestata, li hija xi ħaġa li Versalis tikkontesta, u huma lanqas ma jirrigwardaw tibdil possibbli li seħħ f’dan il-kuntest bejn id-dati ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni Polypropylene, fit-23 ta’ April 1986, kif ukoll tad-deċiżjoni PVC II, fis-27 ta’ Lulju 1994, u d-data tal-bidu tal-ksur ikkonstatat bid-deċiżjoni kkontestata, fl-20 ta’ Mejju 1996.

146    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti f’dan ir-rigward.

147    Fir-rigward tal-ksur allegat tal-prinċipju ta’ kontradittorju, li l-konsegwenza tiegħu hija li jippreġudika d-drittijiet tad-difiża, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 141 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-Kummissjoni kienet obbligata tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti, sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant ma jidhirx li iktar informazzjoni, li l-Kummissjoni, fl-assenza ta’ kwalunkwe ksur allegat tal-prinċipju ta’ kontradittorju, setgħet tipprovdi lill-Qorti Ġenerali, setgħu jkollhom effett kwalunkwe fuq ir-riżultat tal-kawża miġjuba quddiem din tal-aħħar.

148    Fir-rigward tal-argument li jgħid li Versalis jew Eni SpA, matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, ma kinux invokaw il-fatt li d-destinatarji tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II, minn-naħa, u tad-deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra, ma kinux l-istess persuni, huwa biżżejjed li jitfakkar li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jobbliga lid-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jikkontesta d-diversi elementi ta’ liġi jew ta’ fatt tagħha matul il-proċedura amministrattiva.

149    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma pprovdietx biżżejjed provi dettaljati u preċiżi li jippermettu li jiġi ġġustifikat li l-istess “impriża” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE kienet irrepetiet aġir li jikkostitwixxi ksur u li, konsegwentement, jannullaw l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq Versalis ta’ EUR 272.25 miljun.

150    Għaldaqstant, billi l-uniku aggravju mqajjem mill-Kummissjoni insostenn tal-appell inċidentali tagħha ma huwiex fondat, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

151    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ma jkunx fondat, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

152    Fir-rigward tal-appell prinċipali, billi l-Kummissjoni talbet li Versalis tiġi kkundannata u din tal-aħħar tilfet fl-aggravji tagħha, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

153    F’dak li jikkonċerna l-appell inċidentali, billi Versalis talbet li l-Kummissjoni tiġi kkundannata u din tal-aħħar tilfet fl-uniku aggravju tagħha, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli prinċipali u inċidentali huma miċħuda.

2)      Versalis SpA hija kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-appell prinċipali.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-appell inċidentali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.