Language of document : ECLI:EU:C:2013:746

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fl-14 ta’ Novembru 2013 (1)

Kawża C‑609/12

Ehrmann AG

vs

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il‑Ġermanja)]

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Indikazzjonijiet dwar is-saħħa fir-rigward tal-ikel — Kundizzjonijiet speċifiċi — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikolu 10(1) u (2), l-Artikolu 28(5) u l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (2), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010, tad-9 ta’ Frar 2010 (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1924/2006” jew ir-“regolament”).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura minn Ehrmann AG (iktar ’il quddiem “Ehrmann”) kontra z-Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV (Assoċjazzjoni għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali, iktar ’il quddiem “ZBW”) dwar l-applikazzjoni ratione temporis tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1924/2006.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 1924/2006, jipprovdi:

“1. Dan ir-Regolament jarmonizza d-disposizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun provdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika għal indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa magħmula f’komunikazzjonijiet kummerċjali, kemm fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar ta’ ikel li għandu jkun imwassal bħala tali lill-konsumatur aħħari.”

4.        L-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “indikazzjoni” u ta’ “indikazzjoni dwar is-saħħa” fil-punti 1 u 5 tiegħu:

“1)      ‘indikazzjoni’ tfisser kull messaġġ jew rappreżentazzjoni, li mhix obbligatorja skond il-leġislazzjoni Komunitarja jew nazzjonali, inklużi rappreżentazzjonijiet bi stampi, grafiċi jew simboliċi, f’kull forma, li jiddikjaraw, jissuġġerixxu jew jimplikaw li xi ikel għandu karetteristiċi partikolari;

[...]

5)      ‘indikazzjoni dwar is-saħħa’ tfisser kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa”.

5.        L-Artikolu 3 ta’ dak ir-regolament bl-isem “Prinċipji ġenerali għall-indikazzjonijiet kollha”, jgħid hekk:

“Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa jistgħu jintużaw fit-tikketti, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ ikel imqiegħed fis-suq fil-Komunità biss jekk ikunu konformi mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

Bla ħsara għad-Direttivi 2000/13/KE u 84/450/KEE, l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa ma għandux:

(a)      ikun falz, ambigwu jew qarrieqi;

[...]”

6.        L-Artikolu 10 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu projbiti sakemm ma jkunux konformi mal-ħtiġijiet ġenerali tal-Kapitolu II u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan il-Kapitolu u jkunu awtorizzati skond dan ir-Regolament u inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14.

1.      2,     Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu permessi biss jekk l-informazzjoni li ġejja tkun inkluża fuq it-tikketta, jew jekk tali tikketta ma teżistix, fil-preżentazzjoni u r-reklamar:

(a)      dikjarazzjoni li tindika l-importanza ta’ dieta varjata u bilanċjata u stil ta’ ħajja san;

(b)      il-kwantità ta’ l-ikel u l-mod tal-konsum meħtieġa biex jinkiseb l-effett ta’ benefiċċju indikat;

(ċ)      fejn xieraq, dikjarazzjoni indirizzata lejn persuni li għandhom jevitaw l-użu ta’ dak l-ikel”; u

(d)      twissija adegwata għal prodotti li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa jekk ikkunsmati eċċessivament.

3.      Referenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tan-nutrijent jew ikel għal saħħa tajba globali jew benesseri relatat mas-saħħa tista’ ssir biss jekk tkun akkumpanjata minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa mniżżla fil-listi previsti fl-Artikoli 13 jew 14.

[...]”

7.        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2006, bl-isem “Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għajr dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju ta’ mard u għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal” jistabbilixxi li:

“1.       Indikazzjonijiet li jiddeskrivu jew jirreferu għal:

(a)       l-irwol ta’ nutrijent jew ta’ sustanza oħra fit-tkabbir, l-iżvilupp u l-funzjonijiet tal-ġisem, jew

(b)      il-funzjonijiet psikoloġiċi u ta’ mġieba, jew

(ċ)      bla ħsara għad-Direttiva 96/8/KE, dieta jew kontroll tal-piż jew tnaqqis fis-sens ta’ ġuħ jew żieda fis-sens ta’ xaba’ jew għat-tnaqqis ta’ l-enerġija disponibbli mid-dieta.

li huma indikati fil-lista prevista fil-paragrafu 3 jistgħu jsiru mingħajr ma jgħaddu mill-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 15 sa 19, jekk ikunu:

(i)      ibbażati fuq evidenza xjentifika aċċettata b’mod ġenerali, u

(ii)       mifhuma sew mill-konsumatur medju.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’listi ta’ indikazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 sa mhux aktar tard minn 31 ta’ Jannar 2008 akkumpanjati mill-kondizzjonijiet li japplikaw għalihom u b’referenzi għall-ġustifikazzjoni xjentifika rilevanti.

3.      Wara li tikkonsulta lill-Awtorità, il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3), lista Komunitarja, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi tissupplimentah, ta’ indikazzjonijiet permessi kif imsemmi fil-paragrafu 1, u l-kondizzjonijiet kollha meħtieġa għall-użu ta’ dawn l-indikazzjonijiet sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2010.

[...]”

8.        Skont l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, iddedikat għall-miżuri tranżitorji tiegħu:

“1.      Ikel li jitqiegħed fis-suq jew li jiġi ttikkettjat qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament jista’ jitqiegħed fis-suq sad-data ta’ l-iskadenza tiegħu u mhux aktar tard minn 31 ta’ Lulju 2009. Fir-rigward tad-disposizzjonijiet fl-Artikolu 4(1), l-ikel jista’ jitqiegħed fis-suq sa erbgħa u għoxrin xahar wara l-adozzjoni tal-profili nutrittivi rilevanti u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom.

2.      Prodotti li jġibu trade marks jew marki tad-ditta li jkunu diġà jeżistu qabel l-1 ta’ Jannar 2005 u li ma jkunux konformi ma’ dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq sa 19 ta’ Jannar 2022, wara liema terminu ta’ żmien għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

3.      Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni li jkunu ntużaw fi Stat Membru qabel l-1 ta’ Jannar 2006 b’mod konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli għalihom u li mhumiex inklużi fl-Anness, jistgħu jibqgħu jintużaw sa 19 ta’ Jannar 2010 taħt ir-responsabbiltà ta’ l-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u mingħajr preġudizzju għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja kif imsemmijin fl-Artikolu 24.

4.      Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni f’forma ta’ rappreżentazzjonijiet fi stampi, grafiċi jew simboliċi, li huma konformi mal-prinċipji ġenerali ta’ dan ir-Regolament, li mhumiex inklużi fl-Anness u li huma wżati skond kondizzjonijiet u kriterji speċifiċi elaborati permezz ta’ regoli jew disposizzjonijiet nazzjonali, għandhom ikunu soġġetti għal li ġej:

(a)      l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn 31 ta’ Jannar 2008, dawk l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u r-regoli jew disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli, flimkien mad-data xjentifika bħala sostenn għal dawn ir-regoli jew disposizzjonijiet;

(b)      il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3), tadotta deċiżjoni dwar l-użu ta’ tali indikazzjonijiet u mfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament.

Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni li mhumiex awtorizzati taħt din il-proċedura jistgħu jibqgħu jintużaw għal tnax-il xahar wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

5. Indikazzjonijiet dwar is-saħħa kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)(a) jistgħu jsiru mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa l-adozzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 13(3), taħt ir-responsabbiltà tan-negozju bil-kondizzjoni li dawn ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament u ma’ disposizzjonijiet nazzjonali eżistenti applikabbli għalihom, u bla ħsara għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja kif imsemmi fl-Artikolu 24.

[...]”

9.        L-Artikolu 29 tar-regolament imsemmi jgħid fl-aħħar nett:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn 1 ta’ Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.”

B –    Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

10.      Il-Kodiċi dwar il-prodotti tal-ikel, il-prodotti ta’ konsum regolari u l-prodotti intiżi għall-għalf tal-annimali (Lebensmittel-, Bedarfsgegenstände- und Futtermittelgesetzbuch, iktar ’il quddiem l-“LFGB”), fl-Artikolu 11 tiegħu intitolat “Dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni kontra l-prattiki qarrieqa” fil-verżjoni applikabbli tiegħu għal din il-kawża jgħid li:

“1) Huwa pprojbit li jiġu kkummerċjalizzati prodotti tal-ikel taħt denominazzjoni qarrieqa jew b’indikazzjonijiet jew preżentazzjoni qarrieqa jew li jiġu rreklamati b’mod ġenerali jew f’każ partikolari permezz ta’ preżentazzjonijiet jew dikjarazzjonijiet oħra qarrieqa. B’mod partikolari, ikun hemm prattika qarrieqa

1.      meta fir-rigward ta’ prodott tal-ikel, jintużaw denominazzjonijiet, indikazzjonijiet, preżentazzjonijiet, deskrizzjonijiet jew dikjarazzjonijiet oħra li jistgħu jqarrqu dwar il-karatteristiċi tiegħu, b’mod partikolari, dwar it-tip, il-kwalità, il-kompożizzjoni, il-kwantità, it-tul ta’ żmien li jista’ jinħażen, l-oriġini, il-provenjenza jew il-mod kif inhu mmanufatturat jew prodott dan l-oġġett;

[...]”

III – Il-fatti, il-kawża u d-domanda preliminari

11.      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li Ehrmann tipproduċi u tiddistribwixxi prodotti tal-ħalib, li fosthom hemm ġobon abjad bil-frott (“Monsterbacke”) li jiġi propost fil-kummerċ f’unitajiet ta’ sitt vażetti tal-plastik ta’ 50 gramma (iktar ’il quddiem il-“prodott inkwistjoni”).

12.      Skont it-tabella ta’ valuri nutrizzjonali li hemm fuq il-ġenb tal-imballaġġ, 100 g ta’ dan il-prodott fih valur kalorifiku ta’ 105 kcal, kontenut ta’ zokkor ta’ 13 g, kontenut ta’ lipidi ta’ 2.9 g u kontenut ta’ kalċju ta’ 130 mg. F’100 g ta’ ħalib tal-baqra, il-kontenut ta’ kalċju huwa wkoll ta’ 130 mg, filwaqt li l-kontenut ta’ zokkor huwa ta’ 4.7 g biss.

13.      Matul is-sena 2010, is-slogan pubbliċitarju “Importanti daqs it-tazza ħalib ta’ kuljum!” (iktar ’il quddiem is-“slogan ikkontestat”) twaħħal mal-wiċċ ta’ kull unità tal-prodott inkwistjoni. L-imballaġġ ma kien fih l-ebda indikazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 10(2)(a) sa (d) tar-Regolament Nru 1924/2006 sabiex indikazzjonijiet dwar is-saħħa Jkunu jistgħu jintużaw fuq l-ittikkettjar jew fil-preżentazzjoni ta’ prodotti tal-ikel.

14.      ZBW ikkunsidrat li s-slogan ikkontestat kien qarrieqi, għaliex il-kontenut ferm ogħla ta’ zokkor fil-prodott inkwistjoni pparagunat mal-ħalib ma kienx ġie indikat. Barra minn hekk, intqal li dan is-slogan ma kienx jikkonforma mal-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 1924/2006 għaliex kien fih indikazzjonijiet nutrizzjonali u indikazzjonijiet dwar is-saħħa. F’dan ir-rigward, ir-riferiment għall-ħalib jindika, għall-inqas indirettament, li l-prodott inkwistjoni fih huwa wkoll kwantità kbira ta’ kalċju, għalkemm dan ir-riferiment ma jikkostitwixxix indikazzjoni sempliċi ta’ kwalità iżda jwiegħed ukoll lill-konsumatur vantaġġ f’termini ta’ saħħa.

15.      Għaldaqstant, ZWB adixxiet lill-Landgericht Stuttgart b’rikors għal inibizzjoni u għar-rimbors tal-ispejjeż tal-intimazzjoni.

16.      Ehrmann talbet biex dak ir-rikors jiġi miċħud u sostniet li l-prodott inkwistjoni kien prodott tal-ikel alternattiv, paragunabbli mal-ħalib, u li d-differenza fil-kontenut ta’ żokkor mal-ħalib kienet dgħajfa wisq biex tkun rilevanti. Barra minn hekk, is-slogan ikkontestat ma kien qed jesprimi l-ebda kwalità nutrizzjonali speċifika tal-prodott u għalhekk kien biss indikazzjoni ta’ kwalità mhux koperta bir-Regolament Nru 1924/2006. Ehrmann sostniet ukoll li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament ma kienx applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 28(5) ta’ dak ir-regolament.

17.      Il-Landgericht Stuttgart ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn ZBW. L-Oberlandesgericht Stuttgart, għall-kuntrarju fl-appell, laqgħet it-talba għal inibizzjoni u għar-rimbors tal-ispejjeż tal-intimazzjoni b’sentenza tat-3 ta’ Frar 2011.

18.      Skont dik il-qorti, is-slogan ikkontestat la kien jikkostitwixxi indikazzjoni nutrizzjonali u lanqas indikazzjoni ta’ saħħa, fis-sens tar-Regolament Nru 1924/2006. Għalhekk ma kienx jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Il-qorti tal-appell, madankollu, ikkunsidrat li dak is-slogan kien qarrieqi, skont it-tieni sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 11(1) tal-LFGB, għaliex il-prodott inkwistjoni kellu, fl-istess kwantitajiet, kontenut ta’ zokkor ferm ogħla mill-ħalib mhux xkumat.

19.      Ġie ppreżentat rikors għal’ “Reviżjoni” minn Ehrmann kontra s-sentenza tal-Oberlandesgericht Stuttgart fil-qorti tar-rinviju. Skont din, is-slogan ikkontestat ma huwiex qarrieqi, fis-sens tal-Artikolu 11(1) tal-LFGB. Lanqas ma jikkostitwixxi indikazzjoni nutrizzjonali, skont l-Artikolu 2(2)(4) tar-Regolament Nru 1924/2006, iżda indikazzjoni dwar is-saħħa, skont l-Artikolu 2(2)(5) ta’ dak ir-regolament, u dan skont is-sentenza Deutsches Weintor (4). Fil-fatt, dan jissuġġerixxi relazzjoni bejn il-prodott inkwistjoni u s-saħħa tal-konsumatur, u dik ir-relazzjoni hija biżżejjed biex tikkostitwixxi “indikazzjoni dwar is-saħħa”.

20.      Il-qorti tar-rinviju tgħid f’dan ir-rigward li, matul is-sena 2010, data rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-ebda informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament 1924/2006 ma kienet tidher fuq it-tikketti tal‑prodott inkwistjoni. Għalhekk, ikkonfrontata bid-diversi interpretazzjonijiet possibbli dwar l-applikabbiltà ta’ dan l-artikolu għall-mument tal-fatti, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 kellhom diġà jiġu sodisfatti fl-2010?”

21.      Ehrmann u l-Kummissjoni Ewropea t-tnejn ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ġiet organizzata seduta għal sottomissjonijiet orali, fil-preżenza taż-żewġ partijiet, fl-10 ta’ Ottubru 2013.

IV – Analiżi ġuridika

A –    Osservazzjonijiet preliminari fuq ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni legali tal-Unjoni għall-fatti

22.      It-talba għal deċiżjoni preliminari fiha domanda waħda biss Ifformulata b’mod ċar, preċiż u limitat: skont l-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament Nru 1924/2006, l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-regolament kienu japplikaw fl-2010?

23.      Huwa evidenti li din il-kwistjoni tqum biss mill-mument meta s-slogan ikkontestat jikkorrespondi għal indikazzjoni dwar is-saħħa fis-sens ta’ dan ir-regolament. Issa, jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-qorti tar-rinviju diġà ddeċidiet fuq dan is-suġġett. Fil-fatt hija “ma tikkunsidrax li s-slogan pubbliċitarju huwa qarrieqi fis-sens [tal-leġiżlazzjoni nazzjonali]. Skont il-Bundesgerichtshof, is-slogan lanqas ma jikkostitwixxi indikazzjoni nutrizzjonali skont l-Artikolu 2(2)(4) tar-Regolament 1924/2006, iżda jikkositwixxi, bil-kontra, indikazzjoni dwar is-saħħa skont l-Artikolu 2(2)(5) ta’ dak ir-regolament” (5) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24.      Il-Bundesgerichtshof tkompli tippreċiża li “waslet għal din il-konklużjoni fuq il-bażi tas-sentenza [tal-Qorti tal-Ġustizzja] tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor [, iċċitata iktar ’il fuq])” (6) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

25.      Madankollu, il-kwistjoni tad-definizzjoni stess tal-“indikazzjoni dwar is-saħħa” tqajmet mill-partijiet fil-kawża prinċipali, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll fis-seduta. Ehrmann tikkunsidra li l-premessa tal-qorti tar-rinviju — jiġifieri li s-slogan ikkontestat huwa indikazzjoni dwar is-saħħa — hija żbaljata. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tindika dan lill-qorti tar-rinviju sabiex din tal-aħħar, fid-dawl ta’ interpretazzjoni korretta tar-Regolament Nru 1924/2006, tibdel d-deskrizzjoni tagħha tas-slogan ikkontestat.

26.      Għall-kuntrarju, jiena nikkunsidra li, f’dan il-każ, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra mill-ġdid l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li llimitat il-kuntest legali u fattwali tal-kawża ta’ quddiemha u ma inkludietx dan l-aspett tal-problema fid-domanda tagħha.

27.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem iddeċidiet li:

“20.       [...] fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il‑Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu [267 TFUE], hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja [...].

21.      Għaldaqstant is-setgħa li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal‑Ġustizzja hija mogħtija biss lill-qorti nazzjonali u l-partijiet ma jistgħux jibdlu l‑kontenut tagħhom [...].

22.      Barra minn hekk, bdil fis-sustanza tad-domandi preliminari [fuq talba ta’ waħda mill-partijiet] jew risposta għad-domandi addizzjonali msemmija [mill-partijiet] fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet tagħhom ikun inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-Artikolu [267 TFUE] kif ukoll mal‑obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id‑deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati [...]” (7).

28.      Issa, jekk wieħed isegwi l-argument ta’ Ehrmann il-Qorti tal-Ġustizzja tkun obbligata tinterpreta l-indikazzjoni dwar is-saħħa, jiġifieri l-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, filwaqt li din il-kwistjoni ma tqajmitx mill-Bundesgerichtshof, fejn din ma esprimiet l-ebda dubju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha dwar il-fatt li r-riferiment għal “Importanti daqs it-tazza ħalib ta’ kuljum!” kienet indikazzjoni dwar is-saħħa. Għaldaqstant, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha okkażjoni li tiddeċiedi diġà f’ċirkustanzi simili, jiena nikkunsidra li ma għandhiex x’tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

29.      Din is-sitwazzjoni hija, fil-fatt, identika għal dik fil-kawża Felicitas Rickmers-Linie (8), fejn ir-rikorrenti kkunsidrat li, qabel kollox, kien hemm lok li tingħata risposta għal qofol tad-domanda li għamlet il-Finanzgericht Hamburg u li kienet jekk operazzjoni bħal dik f’dan il-każ setgħetx tiġi kkunsidrata bħala operazzjoni taxxabbli fis-sens tad-direttiva, filwaqt li kienet sempliċi finzjoni mil-lat tad-dazju fuq il-kapital u li la kienet tippreġudika l-eżistenza u lanqas ma timmodifika l-istruttura legali u ekonomika ġenerali tal-kumpannija.

30.      Fil-konfront ta’ din id-domanda il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “din id-domanda li tinvolvi l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(2) u (4) tad-direttiva, madankollu, ma saritx mill-Finanzgericht Hamburg, li ma kellhiex dubji fid-digriet tar-rinviju tagħha dwar il-fatt li operazzjoni bħal dik inkwistjoni hija suġġetta għad-dazju fuq il-kapital. Għalhekk ma huwiex il-każ li tiġi deċiża din il-kwistjoni fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti” (9) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

31.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jekk “mhijiex kompetenti, fil-kuntest ta’ l-Artikolu [267 TFUE], sabiex tapplika r-regoli tad-dritt Komunitarju lil kawża speċifika [...]” (10) hija tista’, skont il-każ, “[...] tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli fl-evalwazzjoni ta’ l-effetti tad-dispożizzjonijiet tagħha” (11).

32.      Fil-konklużjonijiet li ppreżenta fil-kawża Winner Wetten, l-avukat ġenerali Bot, kiteb ukoll li, meta l-fondatezza ta’ evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju setgħet titpoġġa fid-dubju, huwa kien tal-fehma li, “[...] skont l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jirregola l-proċedura preliminari u bil-għan li l-qorti tar-rinviju tiġi pprovduta bl-elementi kollha li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli biex hija tiddeċiedi l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil din il-qorti l-indikazzjonijiet li jippermettulha teżamina mill-ġdid il-fondatezza tal-premessa tagħha” (12).

33.      Madankollu, jidhirli li din il-possibbiltà ma għandhiex tiġi applikata f’dan il-każ għaliex, kuntrarjament għal Ehrmann, jiena naħseb li, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bundesgerichtshof applikat korrettament il-kunċett ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006.

34.      Għaldaqstant, ma jidhirlix li huwa neċessarju li jingħataw spjegazzjonijiet lill-Bundesgerichtshof fuq il-kunċett ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa.

35.      Iżda, għalkemm il-kwistjoni ġiet diskussa biss fil-qosor ħafna mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-għażla tad-dispożizzjoni applikabbli tista’ hija nnifisha titpoġġa fid-dubju.

36.      Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, is-slogan ikkontestat jista’ jirreferi għal benefiċċji ġenerali, mhux speċifiċi, ta’ prodott tal-ikel (il-ħalib) fuq l-istat ta’ saħħa ġenerali. Slogan ta’ dan it-tip huwa pprojbit mill-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, sakemm ma jkunx akkumpanjat minn indikazzjoni dwar is-saħħa speċifika li tidher fil-listi previsti fl-Artikolu 13 jew 14 ta’ dak ir-regolament, li ma jidhirx li huwa l-każ hawnhekk. Għalhekk tinqala’ l-problema tal-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 10(3) tar-regolament.

37.      Iżda kif dik il-kwistjoni, bħal dik fuq l-istess suġġett imqajma mill-qorti tar-rinviju għall-Artikolu 10(2) tar-regolament, ma tqumx ħlief jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Bundesgerichtshof applikat b’mod korrett il-kunċett ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa, ser neżamina fl-ewwel lok, b’mod sussidjarju u preliminari (għaliex nemmen, prinċipalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina mill-ġdid din il-kwistjoni), il-problema tad-definizzjoni tal-indikazzjoni dwar is-saħħa. Fit-tieni lok, konvint, skont l-analiżi tiegħi, li s-slogan ikkontestat huwa indikazzjoni dwar is-saħħa skont ir-Regolament Nru 1924/2006, ser neżamina l-kwistjoni tal-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 10 tar-Regolament.

B –    B’mod sussidjarju u preliminari: fuq il-kunċett ta’ “indikazzjoni dwar is-saħħa”

1.      Interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “indikazzjoni dwar is-saħħa”

38.      Skont l-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, l-“indikazzjoni dwar is-saħħa” hija ddefinita bħala “kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa”.

39.      Dan il-kunċett kien ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba, fis-sentenza Deutsches Weintor, iċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk, “[...] mill-kliem tal-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżulta li l-‘istqarrija dwar vantaġġ għas-saħħa [indikazzjoni dwar is-saħħa]’, fis-sens tal-imsemmi regolament, hija ddefinita abbażi tar-relazzjoni li għandha teżisti bejn prodott tal-ikel jew wieħed mill-komponenti tiegħu, minn naħa, u s-saħħa, min-naħa l-oħra” (13).

40.      Fin-nuqqas ta’ elementi ta’ evalwazzjoni iktar preċiżi fir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li “din id-definizzjoni ma tipprovdi l-ebda preċiżazzjoni la dwar in-natura diretta jew indiretta li għandha jkollha din ir‑relazzjoni u lanqas dwar l-intensità tagħha jew it-tul tagħha [u li,] [f]’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ‘relazzjoni’ għandu jinftiehem b’mod wiesgħa” (14).

41.      Qabel ma nikkunsidra l-applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni għas-slogan ikkontestat, ser nagħmel żewġ osservazzjonijiet.

42.      Minn naħa, jidher li d-duttrina ma poġġietx fid-dubju din l-interpretazzjoni, li jekk ma hijiex daqstant estensiva hija tal-inqas wiesgħa, tal-kunċett ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa (15).

43.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat reċentement l-approċċ tagħha fuq il-kunċett ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa fis-sentenza tagħha Green – Swan Pharmaceuticals CR (16).

44.      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tinterpreta l-kunċett ta’ “indikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard” li huwa ddefinit fl-Artikolu 2(2)(6) tar-Regolament Nru 1924/2006 bħala “indikazzjoni dwar vantaġġ għas-saħħa li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li l-konsum ta’ kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu jnaqqsu b’mod sinifikanti fattur ta’ riskju fl-iżvilupp ta’ xi marda tal-bniedem”.

45.      Minkejja l-preżenża tal-frażi “b’mod sinifikanti” fid-definizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, mill-“użu tal-kliem ‘tissuġġerixxi jew timplika’ jirriżulta li l-kwalifika bħala ‘indikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard’, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tirrikjedix li tali indikazzjoni turi espliċitament li l-konsum ta’ prodott tal-ikel inaqqas b’mod sinjifikattiv fattur ta’ riskju ta’ żvilupp ta’ marda tal-bniedem. Jeħtieġ sempliċement li din l-indikazzjoni tista’ tipproduċi fi ħdan il-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat l-impressjoni li t-tnaqqis ta’ fattur ta’ riskju huwa sinjifikattiv” (17).

2.      Applikazzjoni tad-definizzjoni fis-slogan ikkontestat

46.      Jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li Ehrmann ikkummerċjalizzat ġobon abjad bil-frott taħt id-denominazzjoni “Monsterbacke” . Il-prodott jinbiegħ f’unitajiet ta’ sitt vażetti tal-plastik ta’ 50 gramma. Is-slogan pubbliċitarju “Importanti daqs it-tazza ħalib ta’ kuljum!” titpoġġa fuq il-parti ta’ fuq ta’ kull unità.

47.      Għalhekk dan is-slogan jesprimi l-idea li l-prodott inkwistjoni għandu l-istess importanza bħal tazza ħalib għad-dieta ta’ kuljum.

48.      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward nikkondividi l-idea tal-qorti tar-rinviju li teżisti preżunzjoni fost il-konsumaturi medji — ikkonfermata mill-komunità xjentifika (18) — fuq il-benefiċċju tal-ħalib għas-saħħa, partikolarment fost it-tfal. L-Unjoni Ewropea stess implementat programm “Ħalib għall-iskejjel” li mill-1977 joffri sussidji għall-għoti bi prezzijiet imnaqqsin prodotti tal-ħalib fl-iskejjel (19). Dan il-programm, bħall-programm “Frott għall-iskejjel” għandu għan doppju li jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tas-suq u jikkontribwixxi għall-dieta bbilanċjata. Fir-rapport speċjali tagħha Nru 10/2011 iddedikat għall-evalwazzjoni ta’ dawn il-programmi, il-Qorti tal-Awdituri enfasizzat li, “[b]’mod partikolari għall-Iskema tal-Ħalib, li oriġinarjament kienet maħsuba bħala mod biex jiddisponu minn stokkijiet, l-objettiv ta’ nutrizzjoni b’mod gradwali sar jitqies bħala dak ewlieni għall-Kummissjoni” (20).

49.      Jekk preżunzjoni bħal dik ma kinitx teżisti, wieħed jista’ jistaqsi wkoll dwar l-utilità, għall-produttur, li jpoġġi slogan bħal dak fuq kull vażett tal-plastik ta’ ġobon abjad li jipproponi li jbigħ.

50.      Imbagħad, l-użu tal-kliem “importanti daqs” jimplika neċessarjament li hemm relazzjoni bejn il-prodott li fuqu qiegħed is-slogan u l-messaġġ miktub fuq il-prodott inkwistjoni, jiġifieri l-konsum ta’ kuljum ta’ tazza ħalib.

51.      Is-slogan ikkontestat għalhekk għandu bħala effett, biex nerġa’ nirreferi għall-kliem tas-sentenza Green – Swan Pharmaceuticals CR, iċċitata iktar ’il fuq, “[li j]ipproduċi fi ħdan il-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat l-impressjoni li t-tnaqqis ta’ fattur ta’ riskju huwa sinjifikattiv” (21) u li l-konsum ta’ dan il-ġobon bil-frott għandu, bħal ħalib, vantaġġ għas-saħħa. Fi kliem ieħor, jissuġġerixxi l-eżistenza ta’ relazzjoni bejn il-prodott tal-ikel promoss u s-saħħa tal-konsumaturi, partikolarment tat-tfal.

52.      Billi skont id-definizzjoni tal-indikazzjoni dwar is-saħħa tal-Artikolu 2(2)(5) tar-regolament, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Deutsches Weintor, iċċitata iktar ’il fuq, kull riferiment — kemm jekk huwa dirett jew indirett, dgħajjef jew qawwi, qasir jew twil — li jimplika titjib fl-istat tas-saħħa grazzi għall-konsum ta’ prodott tal-ikel, jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament (22), jiena nikkunsidra li s-slogan ikkontestat jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament  materjali tiegħu, bħala indikazzjoni dwar is-saħħa.

53.      Dan ma kienx ikun il-każ bi slogan tat-tip “pjaċir li jagħmillek tajjeb” imqiegħed fuq kaxxa ta’ pakketti ta’ te aħdar jew “l-aħjar tal-ħalib u taċ-ċereali” fuq biċċa ċikkulata. Fil-fatt, slogans bħal dawn — minbarra l-fatt li l-ewwel wieħed huwa pleonażmu, għaliex l-effett ta’ pjaċir huwa li tħossok tajjeb — ma fihom l-ebda riferiment għas-saħħa. L-ewwel wieħed jagħti l-impressjoni ta’ benesseri ġenerali, filwaqt li t-tieni jimplika li l-prodott inkwistjoni rrikorra, għall-produzzjoni tiegħu, għall-aħjar żewġ ingredjenti li jikkomponuh (il-ħalib u ċ-ċereali).

54.      Din il-pożizzjoni hija kkonfortata wkoll bl-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-kliem “tissuġġerixxi” u “timplika” li hemm fid-definizzjoni tal-indikazzjonijiet dwar it-tnaqqis ta’ riskju ta’ marda.

55.      Fil-fatt, kif indikajt diġà preċedentement, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-“użu tal-kliem ‘tissuġġerixxi jew timplika’ jirriżulta li l-kwalifika bħala ‘indikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard’, fis-sens ta[l-Artikolu 2(2)(6) tar-Regolament Nru 1924/2006], ma tirrikjedix li tali indikazzjoni turi espliċitament li l-konsum ta’ prodott tal-ikel inaqqas b’mod sinjifikattiv fattur ta’ riskju ta’ żvilupp ta’ marda tal-bniedem. Jeħtieġ sempliċement li din l-indikazzjoni tista’ tipproduċi fi ħdan il-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat l-impressjoni li t-tnaqqis ta’ fattur ta’ riskju huwa sinjifikattiv” (23).

56.      Issa, ir-regolament juża wkoll il-verbi “tissuġġerixxi” u “timplika” biex jiddefinixxi l-indikazzjoni dwar is-saħħa. Għaldaqstant, jekk wieħed jittrasponi l-interpretazzjoni li tat il-Qorti tal-Ġustizzja lil dawn iż-żewġ termini fis-sentenza Green – Swan Pharmaceuticals CR, iċċitata iktar ’il fuq, dan ifisser li huwa biżżejjed li indikazzjoni tqanqal fil-konsumatur medju l-impressjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni bejn minn naħa, kategorija ta’ prodotti tal-ikel, prodott tal-ikel jew wieħed mill-komponenti tiegħu, u min-naħa l-oħra, is-saħħa, biex tkun indikazzjoni dwar is-saħħa fis-sens tar-regolament.

57.      Sa fejn jidher li, kif spjegat iktar ’il fuq, is-slogan ikkontestat huwa ta’ natura li jipproduċi, fost il-konsumaturi medji, l-impressjoni li l-konsum ta’ ġobon abjad li fuqu hemm imwaħħal dak is-slogan huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa billi huwa importanti daqs it-tazza ħalib ta’ kuljum, huwa jissodisfa d-definizzjoni tal-indikazzjoni dwar is-saħħa tal-Artikolu 2(2)(5) tar-regolament.

58.      Fl-aħħar nett, il-possibbiltà li definizzjoni bħal dik tal-indikazzjoni dwar is-saħħa tista’ tfisser tfarrik tas-suq għad-detriment tal-ekonomija Ewropea kienet tqajmet matul is-seduta tal-10 ta’ Ottubru 2013. Ma naħsibx li dan huwa l-każ.

59.      L-ewwel nett, il-fatt li slogan jiġi deskritt bħala indikazzjoni dwar is-saħħa skont ir-Regolament Nru 1924/2006 ma jfissirx li huwa pprojbit. Slogan bħal dak jista’ jkompli jintuża, u dan fit-territorju kollu tal-Unjoni, jekk l-ittikkettjar tal-prodott josserva l-kundizzjonijiet stabbiliti bir-regolament, partikolarment fl-Artikolu 10.

60.      It-tieni nett, jekk differenzi fl-evalwazzjoni jistgħu jidhru skont il-post tal-konsum tal-prodott, dawn huma inerenti fid-deċiżjoni tal-leġiżlatur li jagħżel bħala kriterju ta’ evalwazzjoni “[s]kond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tkun tista’ sseħħ l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjoni kontenuta fih, [...] il-konsumatur medju, li hu infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment osservanti u attent, u meħud kont tal-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi [...]” (24). Fid-dawl ta’ din l-għażla, jista’ ma jkunx neċessarjament jikkonċerna konsumatur medju uniku għall-Unjoni kollha. Dan għaliex billi “[l‑]eżami tal-konsumatur medju mhuwiex eżami statistiku” (25), “[il‑]qrati u l-awtoritajiet nazzjonali ser ikollhom jeżerċitaw il-fakoltà tagħhom ta’ ġudizzju, wara li jikkunsidraw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, biex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ partikolari” (26).

61.      It-tielet nett, huwa possibbli li prodott, jew wieħed mill-komponenti tiegħu, ma jkunx fih, għas-saħħa, konnotazzjoni pożittiva universali. F’dan il-każ, jekk il-produttur tiegħu jkun jixtieq jikkummerċjalizzah fit-territorju kollu tal-Unjoni, huwa stess jagħmel l-għażla li jiffavorixxi ppakkjar differenti skont il-pajjiżi jew li jabbanduna s-slogan inkwistjoni, mingħajr ma dan ikun il-kawża tar-Regolament Nru 1924/2006 jew tad-definizzjoni tal-indikazzjoni dwar is-saħħa li jkun fih.

62.      Fil-fehma tiegħi, is-slogan ikkontestat jikkostitwixxi indikazzjoni dwar is-saħħa fis-sens tar-Regolament Nru 1924/2006. Għaldaqstant, l-analiżi tiegħi twassalni biex neżamina d-domanda preliminari li għamlet il-qorti tar-rinviju. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix l-opinjoni tiegħi u tikkunsidra li s-slogan ikkontestat ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006, it-talba għal deċiżjoni preliminari ssir ipotetika u ma jkollhiex bżonn tirrispondiha.

C –    L-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1924/2006

1.      Applikabbiltà tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006?

63.      L-ewwel kwistjoni hija jekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, id-dispożizzjoni applikabbli fil-każ fejn is-slogan ikkontestat tassew jikkostitwixxi indikazzjoni dwar is-saħħa, ma huwiex il-paragrafu 3 tal-Artikolu 10 tar-regolament iżda pjuttost il-paragrafu (2).

64.      Naturalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk is-slogan ikkontestat jirriferixxix, fil-kliem tal-Artikolu 10(3) tar-regolament, “għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tan-nutrijent jew ikel għal saħħa tajba globali jew benesseri relatat mas-saħħa” (27).

65.      Jekk ir-risposta tkun pożittiva, is-slogan imur kontra r-Regolament Nru 1924/2006 sa fejn l-Artikolu 10(3) ta’ dak ir-regolament ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2007 u jeżiġi li l-listi previsti fl-Artikoli 13 u 14 ikunu ġew ippubblikati, li ma kienx il-każ fil-mument tal-fatti kkontestati.

66.      F’każ kuntrarju, ir-risposta għad-domanda preliminari tkun utli għall-qorti tar-rinviju.

2.      Kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 u argumenti mressqa

67.      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1924/2006 jistipula li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa huma pprojbiti. Biex ikunu legali, dawn għandhom jissodisfaw tliet kundizzjonijiet:

–        ikunu jikkonformaw mar-regoli ġenerali tal-Kapitolu II (Artikoli 3 sa 7) tar-Regolament Nru 1924/2006,

–        jirrispettaw ir-rekwżiti speċifiċi tal-Kapitolu IV (Artikoli 10 sa 19) tar-Regolament Nru 1924/2006,

–        ikunu awtorizzati skont ir-Regolament Nru 1924/2006 u jidhru fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14 tiegħu.

68.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet fuq il-legalità tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa hija sodisfatta. Iżda hija tikkunsidra li t-tielet kundizzjoni ma setgħetx tkun hekk billi l-listi previsiti fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1924/2006 ma kinux għadhom ġew adottati fil-mument tal-fatti. Fl-aħħar nett, fuq it-tieni kundizzjoni, hija qabel tistaqsi jekk id-dispożizzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 kinitx applikabbli diġà fl-2010, data rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża.

69.      Skont il-qorti tar-rinviju, fuq dan is-suġġett hemm tliet argumenti opposti:

–        skont l-ewwel argument, sostnut mill-Kummissjoni, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 japplika, bħal bqija tar-regolament, mill-1 ta’ Lulju 2007, data fissata mill-Artikolu 29(2) ta’ dak ir-regolament,

–        skont it-tieni argument, sostnut minn Ehrmann, l-obbligi ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 japplikaw biss mill-mument meta l-lista tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati hija, hija stess, adottata skont l-Artikolu 13(3) tar-regolament, billi dawk il-listi huma msemmijin fl-Artikolu 10(1),

–        skont it-tielet argument, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2)(a), (ċ) u (d) tar-Regolament Nru 1924/2006 ilhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2007, filwaqt li dawk tal-Artikolu 10(2)(b) ma japplikawx ħlief mill-mument meta teżisti lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati.

3.      Kunsiderazzjoni

70.      Jiena naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni favur l-ewwel argument.

71.      L-ewwel nett, jekk jiena noqgħod biss fuq it-test tar-regolament, nirrileva li, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, dan daħal fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ilu japplika, skont it-tieni paragrafu ta’ dak l-Artikolu, mill-1 ta’ Lulju 2007.

72.      Kif tenfasizza l-Kummissjoni, din id-data ta’ applikabbiltà tgħodd għar-regolament kollu kemm hu; ma hemm stabbilita l-ebda deroga.

73.      Imbagħad nikkonstata li l-ebda dispożizzjoni tranżitorja prevista fl-Artikolu 28 tar-regolament ma tistabbilixxi xi deroga għall-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament.

74.      Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 28 jirrigwardaw, minn naħa, il-prodotti tal-ikel li tpoġġew fis-suq jew ingħataw tikketta qabel l-1 ta’ Lulju 2007 u, min-naħa l-oħra, il-prodotti li għandhom trade mark jew isem kummerċjali eżistenti qabel l‑1 ta’ Jannar 2005. Ebda waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet ma teżisti f’dan il-każ.

75.      Il-paragrafi 3 u 4 lanqas ma japplikaw sa fejn dawn jipprevedu esklużivament l-indikazzjonijiet nutrizzjonali.

76.      Il-paragrafi 5 u 6 huma relatati mal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa imma l-paragrafu 5 biss japplika għas-slogan ikkontestat sa fejn jipprevedi l-indikazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 13(1)(a), jiġifieri l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, li jiddeskrivu jew isemmu r-rwol ta’ nutrijent wieħed jew ta’ sustanza oħra fit-tkabbir, fl-iżvilupp u fil-funzjonijiet tal-organiżmu (28).

77.      Skont din id-dispożizzjoni, dawn l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jsiru mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament u sal-adozzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 13(3) taħt ir-responsabbiltà tal-operaturi tas-settur tal-ikel, bil-kundizzjoni li jkunu jikkonformaw mar-regolament.

78.      Jiena ma naqbilx mal-analiżi ta’ Ehrmann li l-Artikolu 28(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu l-effett li jissospendi temporanjament il-kundizzjoni tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 10(1), u, bħala konsegwenza, l-obbligi kollha li jistabbilixxi, inkluża l-informazzjoni speċifika ddettaljata fil-paragrafu 2.

79.      Għall-kuntrarju, sa fejn l-Artikolu 28(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 minn naħa, jistabbilixxi preċiżament il-perijodu li jiġi qabel l-adozzjoni tal-lista tal-indikazzjonijiet awtorizzati u, min-naħa l-oħra, ifakkar espressament li l-indikazzjoni dwar is-saħħa użata matul dan il-perijodu tranżitorju għandha tosserva r-regolament kollu kemm hu, jiena ma narax ir-raġunijiet li jistgħu jeskludu l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tar-regolament, u lanqas, a fortiori, wieħed minnhom [bħall-Artikolu 10(2)(b) tar-regolament fit-tielet argument imressaq mill-qorti tar-rinviju].

80.      L-argument marbut mal-obbligu li jinbidel, wara l-adozzjoni ta’ waħda mil-listi previsti fl-Artikolu10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, l-ittikkettjar li rrispetta l-Artikolu 10(2) matul il-perijodu tranżitorju, lanqas ma jidhirli li huwa konvinċenti.

81.      Fil-fatt, kieku l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-regolament kellha tiġi sospiża, bidla tat-tikketta tkun fi kwalunkwe każ meħtieġa wara l-perijodu tranżitorju għaliex, jew l-indikazzjoni tidher minn dak il-mument stess fuq il-lista tal-indikazzjonijiet awtorizzati u l-produttur ikollu allura jżid ir-riferimenti tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, jew l-indikazzjoni ma tkunx awtorizzata u l-produttur ikollu jirtiraha mit-tikketta użata matul il-perijodu tranżitorju. Fiż-żewġ ipoteżi, ikun hemm neċessarjament bidla. Għaldaqstant, l‑applikabbiltà tal-Artikolu 10(2) tar-regolament, mill-1 ta’ Lulju 2007, jantiċipa biss fiż-żmien elenkar inevitabbli, f’każ ta’ awtorizzazzjoni, tar-riferimenti li fih.

82.      It-tieni nett, skont il-permessa 1 tar-regolament, l-għanijiet tiegħu huma li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u li jiġu ffaċilitati l-għażliet tiegħu fil-prodotti tal-ikel.

83.      Il-preżenza ta’ informazzjoni obbligatorja fuq it-tikketta tgħin fit-twettiq ta’ dawn l-għanijiet. Kif tgħid ġustament il-Kummissjoni, din l-informazzjoni ma hijiex biss ta’ interess ewlieni għall-konsumatur meta l-prodott tal-ikel ikun is-suġġett ta’ reklamar li juża indikazzjoni dwar is-saħħa li diġà qiegħda fil-listi tal-indikazzjonijiet awtorizzati skont l-Artikoli 13 u 14 tar-regolament, iżda wkoll, anzi iktar, meta indikazzjoni dwar is-saħħa tintuża fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 28(5) u (6) tar-regolament, qabel l-awtorizzazzjoni eventwali futura tagħha għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea.

84.      Minbarra l-fatt li tosserva l-kliem tar-regolament, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-regolament li l-obbligi ta’ informazzjoni li fih kienu applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2007 għalhekk tikkonforma wkoll mal-għanijiet tal-leġiżlatur.

85.      It-tielet nett, l-interpretazzjoni sistematika tat-test iseddaq ukoll l-argument favur applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament fl-2010.

86.      Skont l-Artikolu 10(1) tar-regolament, il-prinċipju huwa l-projbizzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa. Biex ikun hemm deroga għal din ir-regola, dawn għandhom ikunu l-ewwel nett konformi mar-regoli ġenerali tal-Kapitolu II tar-regolament, imbagħad jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi tal-Kapitolu IV u, fl-aħħar nett, jiġu awtorizzati skont ir-regolament u jidhru fuq il-listi tal-indikazzjonijiet awtorizzati msemmijin fl-Artikoli 13 u 14.

87.      L-Artikolu 10(1) tar-regolament għalhekk isemmi sensiela ta’ kundizzjonijiet li, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni f’sens kuntrarju, jidhru bħala kumulattivi u ta’ importanza ugwali.

88.      Il-Linji Gwida annessi mad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni 2013/63/UE, tal-24 ta’ Jannar 2013, li tadotta linji gwida għall-implementazzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għal indikazzjonijiet tas-saħħa stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, jikkonfermaw dan filwaqt li jippreċiżaw fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-regolament li, “anke indikazzjonijiet tas-saħħa awtorizzati ma jistgħux jintużaw sakemm l-użu tagħhom mhuwiex kompletament konformi mar-rekwiżiti kollha tar-Regolament. Għaldaqstant, anke fejn l-indikazzjoni tiġi awtorizzata u inkluża fil-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu azzjoni jekk l-użu tagħha ma jikkonformax mar-rekwiżiti kollha tar-Regolament” (29).

89.      Wieħed ma jistax jiddeduċi mit-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 10(1), jiġifieri li l-indikazzjonijiet huma awtorizzati u huma “inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14”, li l-Artikolu 10(2) ma japplikax ħlief jekk dawn il-listi jeżistu.

90.      L-Artikolu 10(2) tar-regolament fil-fatt jippreċiża r-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti fl-użu konkret ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa. Ċerti indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jintużaw fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 28(5) u (6) tar-regolament, qabel kull awtorizzazzjoni fl-Unjoni kollha, u għalhekk mhux biss wara l-awtorizzazzjoni tagħhom u l-elenkar tagħhom fil-lista tal-indikazzjonijiet awtorizzati.

91.      Għalhekk naqbel mal-Kummissjoni meta din tgħid, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li b’dawn id-dispożizzjonijiet ir-regolament jikkunsidra l-fatt li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa kienu ntużaw diġà fl-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel fl-Istati Membri fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-regolament u li jistabbilixxi miżuri tranżitorji adegwati “biex l-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel jadattaw għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament” (30), filwaqt li jiġi osservat l-interess tal-konsumatur.

92.      Dawn huma b’mod partikolari l-indikazzjonijiet skont l-Artikolu 13(1)(a) tar-regolament li jistgħu, bis-saħħa tal-Artikolu 28(5) jintużaw mid-dħul fis-seħħ tar-regolament sal-adozzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 13(3) meta jkunu konformi mar-rekwiżiti tar-regolament li minnu jagħmel parti l-Artikolu 10(2).

93.      Fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, billi r-regola hija l-projbizzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa u l-eċċezzjoni hija l-awtorizzazzjoni tagħhom, dispożizzjoni tranżitorja li tippermetti l-użu tagħhom meta l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti bl-Artikolu10(1) tar-regolament ma jkunux sodisfatti, tista’ tiġi interpretata restrittivament biss. Għaldaqstant, billi l-Artikolu 28(5) tal-istess regolament jipprevedi biss l-eżistenza tal-lista msemmija fl-Artikolu 13, ma jistax jiġi estiż għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 10(2) anki jekk parzjalment (bħal fit-tielet argument imressaq mill-qorti tar-rinviju). Il-fatt li l-produttur ma jafx il-kundizzjonijiet ta’ użu li huma stabbiliti fil-lista prevista fl-Artikolu 13 tar-regolament ma jidhirlix li jipprekludi d-determinazzjoni tal-“kwantità ta’ l-ikel u [ta]l-mod tal-konsum meħtieġa biex jinkiseb l-effett ta’ benefiċċju indikat”, li huwa l-uniku rekwiżit tal-Artikolu 10(2)(b) (li t-tielet argument imressaq mill-qorti tar-rinviju ma jagħmlux applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2007).

94.      Fil-qafas ta’ interpretazzjoni sistematika tar-regolament, wieħed ma jistax, għalhekk, janalizza b’mod iżolat ir-relazzjoni bejn il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 10. Għall-kuntrarju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa — li l-Artikolu 10(2) jissuġġetta għal obbligi ta’ informazzjoni speċifika — huwa permess bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tar-regolament.

95.      Barra minn hekk, l-Artikolu 19 tar-regolament jistabbilixxi li l-applikant jew l-utent ta’ indikazzjoni li tidher f’waħda mil-listi previsti fl-Artikoli 13 u 14 jistgħu jitolbu bidla fil-lista kkonċernata.

96.      Jirriżulta minn dan l-artikolu li l-listi previsti fl-Artikolu 10(1) tar-regolament ma humiex iffriżati b’mod definittiv ladarba huma adottati imma, għall-kuntrarju, jistgħu jevolvu.

97.      Mil-lat ta’ perspettiva sħiħa tar-regolament, din il-possibbiltà ta’ evoluzzjoni tal-listi tal-indikazzjonijiet awtorizzati teħtieġ ukoll applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 10(2) indipendenti mill-adozzjoni tal-listi previsti fl-Artikolu 10(1). Fil-fatt ikun inkoerenti u kuntrarju għall-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur li jsegwi r-Regolament Nru 1924/2006 li jiġu sospiżi l-obbligi ta’ informazzjoni speċifika previsti fl-Artikolu 10(2) tar-regolament fl-istennija tal-adozzjoni tal-listi tal-indikazzjonijiet awtorizzati, meta dawn il-listi ikunu huma stess mistennija li jevolvu.

4.      Sintesi

98.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u skont l-interpretazzjoni testwali, teleoloġika u sistematika tal-Artikolu 10(1) u (2) u tal-Artikolu 28(5) u tal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1924/2006, jiena nikkunsidra li l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 28(5), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligi ta’ informazzjoni li hemm fl-Artikolu 10(2) kellhom jiġu osservati mill-1 ta’ Lulju 2007.

V –    Konklużjoni

99.      Għaldaqstant, qiegħed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod li ġej id-domanda preliminari li l-Bundesgerichtshof għamlitilha:

“L-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 28(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010, tad-9 ta’ Frar 2010, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligi ta’ informazzjoni li hemm fl-Artikolu 10(2) kellhom jiġu osservati mill-1 ta’ Lulju 2007.ˮ


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 404, p. 9, u l-emenda ĠU 2007, L 12, p. 3.


3 – ĠU L 37, p. 16.


4 – Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012 (C‑544/10, punt 34).


5 – Punt 9 tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-enfasi hija tiegħi.


6 – Ibidem (punt 9).


7 –      Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden (C‑138/08, Ġabra p. I‑9889, punti 20 sa 22). Ara, ukoll, is-sentenza tal-14 ta’ April 2011, Vlaamse Dierenartsenvereniging u Janssens (C‑42/10, C‑45/10 u C‑57/10, Ġabra p. I‑2975, punti 42 sa 44).


8 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1982 (270/81, Ġabra p. 2771.


9 – Ibidem (punt 9).


10 – Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia (C‑220/06, Ġabra p. I‑12175, punt 36).


11 – Ibidem (punt 36).


12 – Punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fis-26 ta’ Jannar 2010 fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, Ġabra p. I‑8015).


13 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punt 34).


14 – Ibidem (punt 34), l-enfasi hija tiegħi.


15 – Fir-rigward ta’ dan il-kunċett ta’ “indikazzjoni dwar is-saħħa”, Sébastien Roset jinvoka b’hekk “eżempju tajjeb ta’ dawn il-kunċetti miftuħin jew ‘catch all’ li għandhom kontenut ġuridiku iktar milli impreċiż u maħsub biex jinkludi l-massimu ta’ sitwazzjonijiet fattwali li jistgħu jagħmlu ħsara lill-protezzjoni tal-konsumaturi”. Skont dan l-awtur, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ippreferiet “idea wiesgħa tal-kunċett, kif jistedinha tagħmel il-kliem tal-artikolu 2 [tar-regolament]” [traduzzjoni libera] (l-enfasi hija tiegħi, S. Roset, “Santé publique: publicité et étiquetage des alcools et protection des consommateurs”, Europe, 2012, Novembru, paragrafu 430). Ara, ukoll, J. Prouteau, “Santé publique et libertés économiques: une nouvelle illustration d’une conciliation favorable à la santé publique”, Revue Lamy Droit des affaires, 2012, Nru 77, p. 66 sa 68; B. Van der Meulen, u E. van der Zee, “‘Through the Wine Gate’ First Steps towards Human Rights Awareness in EU Food (Labelling) Law”, European food and feed law review, 2013, Nru 1, p. 41 sa 52, speċjalment p. 44.


16 – Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013 (C‑299/12, punt 22)


17 – Ibidem (punt 24), l-enfasi hija tiegħi.


18 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, l-istqarrija għall-istampa tal-Académie nationale de médecine (Franza) dwar il-prodotti tal-ħalib, adottata fl-1 ta’ Avril 2008 (Bull. Acad. Méd. 2008, Vol. 192, Nru 4, p. 723 sa 730) u l-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-ikel tat-tfal ta’ bejn 6 xhur u 24 xahar li ma jitreddgħux.


19 – Ara r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 657/2008, tal-10 ta’ Lulju 2008, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 rigward l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal tal-iskola f’ċerti stabbilimenti tal-edukazzjoni (ĠU L 183, p. 17).


20 – Rapport Speċjali Nru 10/2011 tal-Qorti tal-Awdituri, “Huma effettivi l-Iskemi tal-Ħalib għall-Iskejjel u tal-Frott għall-Iskejjel?, p. 5.


21 – Punt 24 tas-sentenza.


22 –      Punt 34 tas-sentenza.


23 – Sentenza Green – Swan Pharmaceuticals CR, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24); l-enfasi hija tiegħi.


24 – Premessa 16 tar-Regolament Nru 1924/2006.


25 – Ibidem.


26 – Ibidem.


27 – “Fil-fatt, jekk, fid-dawl tal-proċess, il-premessa msemmija hija s-suġġett ta’ diskussjoni, hija tista’ wkoll tiġi kkonfermata mill-qorti nazzjonali” (konklużjonijiet ppreżentati mill-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża li wasslet għas-sentenza Winner Wetten, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).


28 – L-Artikolu 28(6) tar-regolament, min-naħa tiegħu, jirrigwarda l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ma humiex dawk previsti fl-Artikolu 13(1)(a) u fl-Artikolu 14.


29 –      ĠU L 22, p. 25. Ara, b’mod speċjali, l-aħħar sentenza tat-tieni paragrafu tal-introduzzjoni għal linji gwida.


30 – Premessa 35 tar-Regolament Nru 1924/2006.