Language of document : ECLI:EU:C:2012:770

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Diċembru 2012 (*)


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 65/65/KEE

Ir-Regolament (KEE) Nru 1768/92

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-appell prinċipali

Fuq id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti inkwisjtoni

Is-sentenza appellata

Fuq l-ewwel aggravju tal-appell

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni aggravju tal-appell

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ewwel abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li tirrigwarda ċ-ĊPS

Is-sentenza appellata

Fuq it-tielet aggravju tal-appell

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq ir-raba’ aggravju tal-appell

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni abbuż ta’ pożizzjoni dominanti

Is-sentenza appellata

Fuq il-ħames aggravju tal-appell

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq is-sitt motiv tal-appell

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-multa

Is-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-appell inċidentali ppreżentat mill-EFPIA

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-appell inċidentali mressaq mill-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ispejjeż

“Appelli — Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Suq tal-prodotti mediċinali antiulċerali — Użu abbużiv mill-proċeduri li jirrigwardaw iċ-ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali u mill-proċeduri għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fuq is-suq ta’ prodotti mediċinali — Dikjarazzjonijiet qarrieqa — Irtirar tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fuq is-suq — Ostakoli għat-tqegħid fuq is-suq ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi u għall-importazzjonijiet paralleli”

Fil-Kawża C‑457/10 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2010,

AstraZeneca AB, stabbilita fi Södertälje (l-Isvezja),

AstraZeneca plc, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn M. Brealey, QC, M. Hoskins, QC, D. Jowell, barrister u F. Murphy, solicitor,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:


Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, É. Gippini Fournier u J. Bourke, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA), irrappreżentata minn M. Van Kerckhove, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,


IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Ilešič (Relatur), E. Levits u J.-J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, AstraZeneca AB u AstraZeneca plc jitlobu l-annullament tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Lulju 2010 (T‑321/10, Ġabra p. II-2805), iktar’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha l-Qorti Ġenerali, sa ċertu punt, ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 1757, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/A.37.507/F3 – AstraZeneca, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 60 miljun fuq dawn il-kumpanniji talli abbużaw is-sistema tal-privattivi u l-proċeduri għat-tqegħid fuq is-suq ta’ prodotti farmaċewtiċi sabiex iwaqqfu jew jittardjaw id-dħul fuq is-suq ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi kompetituri u biex iwaqqfu l-kummerċ parallel.

2        It-talba għall-annullament tas-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata hija sostnuta mill-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA), li ppreżentat appell inċidentali għal dan il-għan.

3        Il-Kummissjoni ppreżentat appell inċidentali wkoll sabiex tiġi appellata s-sentenza appellata sa fejn hija annullat parzjalment u rriformat id-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 65/65/KEE

4        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 65/65/KEE, tas-26 ta’ Jannar 1965, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, dwar il-prodotti mediċinali speċjali (ĠU 1965, 22, p. 369), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti, jipprovdi li “[e]bda prodott mediċinali ma jista’ jitqiegħed fis-suq fi Stat Membru mingħajr awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (iktar ’il quddiem l-“ATS”) maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        It-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jispeċifika l-informazzjoni u d-dokumenti li l-persuna responsabbli mit-tqegħid fis-suq għandha tipproduċi sabiex tingħata ATS. Il-punt 8 tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 65/65 huwa redatt kif ġej:

“Riżultati ta’ testijiet:

–      fiżikokimiċi, bijoloġiċi jew mikrobijoloġiċi,

–      farmakoloġiċi u tossikoloġiċi,

–      kliniċi.

Madankollu, u mingħajr ħsara għad-dritt li jirrigwarda l-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali:

a)      L-applikant ma jkunx marbut li jipprovdi r-riżultati tat-testijiet farmakoloġiċi u tossikoloġiċi jew ir-riżultati tat-testijiet kliniċi kemm-il darba jkun jista’ juri:

[...]

ii)      jew, b’riferiment fid-dettall għal-letteratura xjentifika ppubblikata, ippreżentata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/318/KEE, li l-komponent jew il-komponenti tal-prodotti mediċinali għandhom użu mediku stabbilit sewwa u għandhom effikaċja rikonoxxuta kif ukoll livell aċċetabbli ta’ sigurtà;

iii)      jew li l-prodott mediċinali hwja essenzjalment simili għal prodott li ilu awtorizzat, skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ, għal mhux inqas minn sitt snin fil-Komunità u huwa kkummerċjalizzat fl-Istat Membru kkonċernat mill-applikazzjoni; dan il-perijodu għandu jiġi estiż għal għaxar snin fil-każ ta’ prodott mediċinali ta’ teknoloġija għolja [...]; barra minn hekk, Stat Membru jista’ wkoll jestendi dan il-perijodu għal għaxar snin, b’deċiżjoni unika li tkopri l-prodotti kollha mqiegħda fis-suq fit-territorju tiegħu, kemm-il darba jqis li l-ħtiġijiet tas-saħħa pubblika hekk jeżiġu. L-Istati Membri jistgħu ma japplikawx il-perijodu ta’ sitt snin hawn fuq imsemmi wara d-data ta’ skadenza ta’ privattiva li tipproteġi l-prodott oriġinali.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 65/65 jipprovdi b’mod partikolari li l-awtorizzazzjoni hija valida għal ħames snin u tista’ tiġġedded għal perijodi ta’ ħames snin fuq applikazzjoni ppreżentata mill-proprjetarju mill-inqas tliet xhur qabel id-data ta’ iskadenza.

7        Id-Direttiva 65/65 ġiet issostitwita bid-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69).

 Ir-Regolament (KEE) Nru 1768/92

8        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1768/92, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 22, p. 200), applikabbli għall-fatti, introduċa ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari (iktar ’il quddiem iċ-“ĊPS”) għal prodotti mediċinali suġġetti għal proċedura ATS. Dan iċ-ċertifikat, li jista’ jinkiseb mill-proprjetarju ta’ privattiva nazzjonali jew Ewropea, jestendi l-protezzjoni mogħtija minn din il-privattiva għal perijodu addizzjonali massimu ta’ ħames snin sabiex dan il-proprjetarju jkollu l-benefiċċju ta’ perijodu massimu ta’15-il sena ta’ esklużività mill-ewwel ATS, fl-Unjoni Ewropea, tal-prodott mediċinali inkwisjtoni. L-introduzzjoni tal-imsemmi ċertifikat hija b’mod partikolari mmotivata mill-kunsiderazzjoni li l-perijodu li jiddekorri mill-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal privattiva għal prodott mediċinali ġdid u l-kisba tal-ATS tiegħu jnaqqs il-protezzjoni effettiva mogħtija mill-privattiva għal tul insuffiċjenti sabiex jiġu koperti l-investimenti fir-riċerka.

9        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Kundizjonijiet għall-kisba ta’ ċertifikat” kien jipprovdi:

“Ċertifikat għandu jingħata jekk, fl-Istat Membru fejn tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 u fid-data ta’ dik l-applikazzjoni:

a)      il-prodott ikun protett minn privattiva bażika fis-seħħ;

b)      [ATS għal prodott] bħala prodott mediċinali tkun ingħatat skond id-[Direttiva 65/65/], kif xieraq;

[...]”

10      Skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, l-applikazzjoni għal ċertifikat għandha tiġi ppreżentata fi żmien sitt xhur mid-data ta’ meta l-[ATS] msemmija fl-Artikolu 3(b) sabiex il-prodott jitqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali tkun ingħatat tal-istess regolament.

11      Skont l-Artikolu 8(1)(a)(iv) tar-Regolament Nru 1768/92, l-applikazzjoni għal ċertifikat għandha tinkludi talba għall-għoti ta’ ċertifikat, fejn għandu jissemma b’mod partikolari n-numru u d-data tal-ewwel ATS tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 3(b) tal-imsemmi regolament, u jekk din l-awtorizzazzjoni ma tkunx l-ewwel ATS fil-Komunità, in-numru u d-data tal-imsemmija awtorizzazzjoni.

12      Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1768/92, iċ-ċertifikat ipproduċa l-effetti tiegħu fit-tmien tal-perijodu legali tal-privattiva bażika għal tul li jkun twil daqs il-perijodu li jkun għadda mid-data ta’ meta l-applikazzjoni għal privattiva bażika tkun ġiet ippreżentata sad-data tal-ewwel ATS fil-Komunità, imnaqqas b’perijodu ta’ ħames snin.

13      L-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament kien jifforma parti mid-dispożizzjonijiet tranżitojri u kien jipprovdi:

“Kull prodott li, fid-data meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, huwa protett minn privattiva bażika valida u fir-rigward tiegħu l-ewwel [ATS] bħala prodott mediċinali fil-Komunità tkun inkisbet wara l-1 ta’ Jannar 1985 jista’ jingħata ċertifikat.

Fil-każ ta’ ċertifikati li jridu jingħataw fid-Danimarka u fil-Ġermanja, id-data ta’ l-1 ta’ Jannar 1985 għandha tinbidel b’dik ta’ l-1 ta’ Jannar 1988.

[...]”

14      Ir-Regolament Nru 1768/92 ġie ssostitwit minn verżjoni kkodifikata, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (ĠU L 151, p. 1).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

15      AstraZeneca AB u AstraZeneca plc jappartjenu għal grupp farmaċewtiku (iktar ’il quddiem l-“AZ”) li huwa attiv, fuq livell mondjali, fis-settur tal-invenzjoni, tal-iżvilupp u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi. L-attivitajiet tiegħu jiffokaw, f’dan il-qasam, b’mod partikolari, fuq il-kundizzjonijiet gastrointestinali. F’dan ir-rigward, wieħed mill-prodotti ewlenin ikkummerċjalizzati minn AZ huwa magħruf bl-isem ta’ “Losec”, trade mark kummerċjali użata fil-parti l-kbira tas-swieq Ewropej. Dan il-prodott mediċinali li huwa bbażat fuq l-omeprazole, użat għat-trattament ta’ kundizzjonijiet gastrointestinali marbutin mal-iperaċidità u, b’mod partikolari, biex iżomm b’mod proattiv it-tnixxija ta’ aċidu fl-istonku, kien l-ewwel wieħed fuq is-suq li jaġixxi direttament fuq il-pompa proton, jiġifieri, l-enzim speċifiku fil-parti interjuri taċ-ċelloli parjetali, tul is-superfiċje interna tal-istonku, li jippompja l-aċidu fl-istonku.

16      Fit-12 ta’ Mejju 1999, Generics (UK) Ltd u Scandinavian Pharmaceuticals Generics AB ressqu lment quddiem il-Kummissjoni, dwar l-aġir ta’ AZ intiż li jimpedihom milli jintroduċu verżjonijiet ġeneriċi tal-omeprazole f’ċertu numru ta’ swieq fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

17      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li AstraZeneca AB u AstraZeneca plc kienu wettqu żewġ abbużi ta’ pożizzjoni dominanti, bi ksur tal-Artikolu 82 KE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

18      Skont l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel abbuż ikkonsista fil-preżentazzjoni ta’ għadd ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa quddiem l-uffiċċji tal-privattivi fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fir-Renju Unit fin-Norveġja, kif ukoll quddiem il-qrati nazzjonali fil-Ġermanja u fin-Norveġja. Il-Kummissjoni kkunsidrat f’dan ir-rigward li dawn id-dikjarazzjonijiet kienu jagħmlu parti minn strateġija globali intiża li żżomm lill-produtturi ta’ prodotti ġeneriċi ’l bogħod mis-suq billi jiksbu jew billi jżommu ċ-ĊPS għall-omeprazole li AZ ma kienx intitolat għalihom jew kien intitolat għalihom għal żmien iqsar. Il-Kummissjoni identifikat żewġ fażijiet fl-iżvolġiment ta’ dan l-ewwel abbuż, li l-ewwel fażi tiegħu tikkonċerna d-dikjarazzjonijiet imwettqa ntbagħtu, fis-7 ta’ Ġunju 1993, istruzzjonijiet lill-aġenti tal-privattivi, li permezz tagħhom ġew ippreżentati applikazzjonijiet għal ĊPS f’seba’ Stati Membri,u t-tieni kien jirreferi għal dikjarazzjonijiet magħmula sussegwentement quddiem diversi uffiċċji tal-privattivi u qrati nazzjonali.

19      Skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni, it-tieni abbuż ikkonsista fit-tressiq ta’ talbiet għall-irtirar tal-ATS ta’ kapsuli Losec fid-Danimarka, fl-Isvezja u fin-Norveġja, flimkien mal-irtirar mis-suq tal-kapsuli Losec u t-tqegħid għall-bejgħ tat-tablets tal-Losec MUPS (“Multiple Unit Pellet System”; Sistema ta’ kapsuli żgħar ħafna multipliċi”) f’dawn it-tliet pajjiżi. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dawn il-passi ttieħdu sabiex ir-reġistrazzjoni permezz tal-proċedura mqassra pprovduta fit-tielet paragrafu tal-punt 8(a)(iii) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 65/65 ma tkunx disponibbli għall-produtturi tal-omeprazole ġeneriku u kellhom, barra minn hekk, l-effett li l-importaturi paralleli x’aktarx li kienu ser jitilfu l-liċenzji għall-importazzjoni parallela tagħhom. Hija kkritikat b’mod partikolari, l-implementazzjoni strateġika tal-qafas regolatorju, min-naħa tal-appellanti, sabiex dawn jipproteġu mill-kompetizzjoni b’mod artifiċjali, prodotti li ma kinux għadhom protetti bi privattiva u li l-perijodu għall-esklużività tad-data kien skada.

20      Għal dawn iż-żewġ abbużi, il-Kummissjoni imponiet fuq l-appellanti, in solidum, multa ta’ EUR 46 miljun kif ukoll multa separata għal ammont ta’ EUR 14 miljun fuq AstraZeneca AB.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

21      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-25 ta’ Awwissu 2005, l‑appellanti ppreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dan ir-rikors jikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni dominanti, l-ewwel u t-tieni abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u l-ammont tal-multi. Matul il-proċedura, l-EFPIA interveniet insostenn tal-appellanti.

22      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors u annullat l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwarda t-tieni abbuż, sa fejn ikkonstatat li l-appellanti kienu kisru l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE meta talbu li jiġu rtirati l-ATS tal-kapsuli Losec fid-Danimarka, fin-Norveġja, flimkien mal-irtirar mis-suq tal-kapsuli Losec u mal-introduzzjoni tal-pilloli Losec MUPS f’dawn iż-żewġ pajjiżi, u dan inkwantu nstab li dawn l-azzjonijiet setgħu jirrestrinġu l-importazzjonijiet paralleli tal-kapsuli Losec fl-imsemmija l-pajjiżi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti in solidum għal EUR 40 250 000 u l-multa imposta fuq AstraZeneca AB għal EUR 12 250 000 u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23      L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjment, tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

24      L-EFPIA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi, inklużi dawk marbuta mal-intervent tal-EFPIA.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tilqa’ l-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell prinċipali

26      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jressqu erba’ gruppi ta’ aggravji dwar żbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali li jirrigwardaw rispettivament id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti inkwisjtoni, l-ewwel u t-tieni abbużi kif ukoll multi.

 Fuq id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti inkwisjtoni

 Is-sentenza appellata

27      Fil-punti 28 sa 222 sas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ttrattat, u sussegwentement ċaħdet, iż-żewġ motivi mressqa mill-appellanti kontra d-definizzjoni tas-suq tal-prodotti inkwisjtoni milqugħa fid-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li dan is-suq kien magħmul minn kategorija waħda ta’ prodotti, imsemmija “inibituri tal-pompa proton (iktar ’il quddiem l-“IPP”), bħall-prodott ta’ AZ bl-isem “Losec”, u ma kienx jinkludi kategoriji oħrajn ta’ prodotti użati għat-trattament ta’ kundizzjonijiet marbutin mal-iperaċidità, bħall-antagonisti tar-riċetturi tal-istamini (iktar ’il quddiem l-“anti-H2”) li jibblokjaw biss wieħed mill-istimulanti tal-pompa proton u għaldaqstant, bil-kontra tal-IPP, jaġixxu biss indirettament fuqhom.

28      Il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali tal-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha – jiġifieri l-ikbar effikaċja tal-IPP, l-użu terapewtiku differenzjat tal-IPP u tal-anti-H2, il-moviment ta’ sostituzzjoni assimetrika li kkaratterizza ż-żieda fil-bejgħ tal-IPP u t-tnaqqis jew l-istaġnazzjoni korrispondenti tal-bejgħ tal-anti-H2, l-indikaturi tal-prezz, kif kienu jirriżultaw mill-kuntest Regolatorju fis-seħħ, kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari osservati fil-Ġermanja u fir-Renju Unit – li dawn l-elementi kienu jikkostitwixxu, f’dan il-każ, ġabra ta’ data rilevanti u suffiċjenti sabiex tiġi ssostanzjata l-konklużjoni li l-anti-H2 ma kinux, matul il-perijodu ta’ referenza bejn is-sena 1993 u s-sena 2000, eżerċitaw restrizzjoni kompettitiva sinjifikattiva fuq l-IPP.

29      Fuq il-bażi ta’ eżami mwettaq skont il-punti 61 sa 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, għaldaqstant, l-ewwel motiv invokat fir-rigward tad-delimitazzjoni tas-suq, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni rigward ir-rilevanza tan-natura gradwali taż-żieda tal-użu tal-IPP bi ħsara għall-anti-H2. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod partikolari li l-bejgħ ta’ IPP kien żdied b’mod gradwali minħabba l-prudenza tat-tobba fir-rigward ta’ prodotti li huma ma kinux għadhom jafu l-proprjetajiet kollha u l-effetti sekondarji kollha tiegħu, fatt li ma ppermettix li tiġi bbażata preżunzjoni ta’ rabta ta’ kawżalità bejn in-natura gradwali taż-żieda tal-bejgħ tal-IPP u restrizzjoni kompettitiva eżerċitata mill-anti-H2 fuq l-IPP. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li ebda element speċifiku għall-kawża li tressqet quddiemha ma kien jippermetti li jitqies li tali rabta kawżali kienet teżisti f’dan il-każ.

30      It-tieni motiv invokat fir-rigward tal-imsemmija delimitazzjoni, li kien ibbażat fuq diversi inkoerenzi u żbalji ta’ evalwazzjoni allegatament ippreżentati fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri, b’mod partikolari, teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-użu terapewtiku, attenzjoni eċċessiva mogħtija lill-indikaturi tal-prezz u tal-importanza eċċessiva mogħtija liċ-ċirkustanzi partikolari osservati fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, kien eżaminat fil-punti 147 sa 222 tas-sentenza appellata. Rigward b’mod partikolari tal-ilmenti dwar l-evalwazzjonit al-indikaturi ta’ prezz imwettqa mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 157 sa 199 tas-sentenza appellata, ċerti żbalji u lakuni fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li ddeċidiet li dawn ma kinux jaffettwaw il-validità tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

 Fuq l-ewwel aggravju tal-appell

–       L-argumenti tal-partijiet

31      Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma eżaminatx korrettament ir-rilevanza tan-natura gradwali taż-żieda tal-użu tal-IPP għad-detriment ta’ dik tal-anti-H2. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

32      L-ewwel parti tal-aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp ratione temporis tal-fatti li kienu tressqu quddiemha. Għaldaqstant, is-sentenza appellata, u b’mod partikolari l-punti 66 sa 82 tagħha, ma tirrikonoxxix il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-mod kif żviluppat ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-IPP u l-anti H2 matul il-perijodi ta’ ksur rilevanti u ma tiħux inkunsiderazzjoni bdil li seħħ fis-swieq ġeografiċi rilevanti. Legalment, huwa żbaljat li tittieħed deċiżjoni dwar is-suq tal-prodott rilevanti f’pajjiż partikolari fl-1993 abbażi tal-istat tal-kompetizzjoni fis-sena 2000. Barra minn hekk, il-fatt li r-relazzjoni bejn l-IPP u l-anti-H2 inbidlet matul iż-żmien jirriżulta ċar mid-dikjarazzjonijiet tal-esperti mediċi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali.

33      Fil-kuntest tat-tieni parti, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tirrikonoxxi r-rilevanza tal-inerzja li kkaratterizzat il-prattika fil-qasam tal-preskrizzjoni, li kienet ir-raġuni għaliex l-anti-H2 kienu qegħdin jiġu ssostitwiti gradwalment bl-IPP. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punti 83 sa 107 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument tal-appellanti li l-anti-H2 kienu neċessarjament eżerċitaw restrizzjoni kompetittiva sostanzjali fuq l-IPP, peress li l-bejgħ tal-IPP żdied biss gradwalment bi ħsara għall-anti-H2 u għaldaqstant, b’mod inqas mgħaġġel minn dak mistenni u dan fid-dawl tas-superjorità terapewtika tal-IPP. L-appellanti jsostnu, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali ikkompartimentalizzat b’mod artifiċjali d-diversi vantaġġi u żvantaġġi rispettivi tal-anti-H2 u l-IPP, li kienu neċessarjament marbutin ma’ xulxin. Fil-fatt, jekk tabib jiddeċiedi li jippreskrivi anti-H2 minħabba li jkun imħasseb minħabba l-effetti sekondarji tal-IPP, din id-deċiżjoni ma hijiex biss ir-riżultat ta’ tħassib dwar l-IPP, imma tikkonċerna neċessarjament evalwazzjoni tal-kwalità u tal-profil kwalitattiv u terapewtiku tal-anti-H2, inkluż il-fatt li dawn jippreżentaw iġorru inqas riskji għas-saħħa pubblika.

34      Il-EFPIA, li targumenta insostenn ta’ dan l-ewwel aggravju, issostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, kkonfutat l-oneru tal-prova meta eżiġiet li l-appellanti juru li s-sostituzzjoni gradwali tal-anti-H2 bl-IPP hija rilevanti għad-definizzjoni tas-suq.

35      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-ewwel aggravju huwa ineffettiv, minħabba li jikkontesta wieħed biss mill-elementi tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, in-natura progressiva tal-movimenti ta’ sostituzzjoni hija biss wieħed mill-aspetti tal-evalwazzjoni globali tas-suq rilevanti u kwalunkwe żball ta’ liġi fir-rigward ta’ dan l-aspett ma jikkuntestax din l-evalwazzjoni. Il-Kummissjoni ssostni barra minn hekk, li parti kbira minn dan l-aggravju huwa inammissibbli sa fejn hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ tevalwa l-konstatazzjonijiet fattwali. Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju huwa infondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Preminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-ewwel aggravju ma huwiex ineffettiv. Għalkemm, huwa veru, li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni globali tal-elementi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kienet ibbażat l-evalwazzjoni tagħha, jibqa’ l-fatt li, fl-ipoteżi li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra r-rilevanza tan-natura gradwali taż-żieda tal-użu tal-IPP għad-detriment ta’ dak tal-anti-H2 u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kompetittivi bejn dawn iż-żewġ prodotti matul il-perijodu inkwisjtoni, jiġifieri dak ta’ bejn is-sena 1993 u s-sena 2000, dan l-iżball ikun ta’ natura tali li jqiegħed inkwistjoni l-imsemmija evalwazzjoni kollha kemm hi u l-konklużjonijiet li l-Qorti Ġenerali siltet minnha.

37      Fil-fatt, sa fejn huwa paċifiku, kif ġie rrilevat b’mod partikolari fil-punti 63 u 84 tas-sentenza appellata, li l-bejgħ rispettiv tal-IPP u tal-anti-H2 għamel żvilupp sinjifikattiv bejn is-sena 1993 u s-sena 2000, ikkaratterizzat b’sostituzzjoni gradwali tal-anti-H2 bil-IPP, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx validament tikkonferma d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għal dan il-perijodu kollu billi tibbaża ruħha biss fuq l-istat tal-kompetizzjoni kif kien fl-2000, jiġifieri fl-aħħar tal-imsemmi perijodu. Barra minn hekk, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, peress li l-ewwel abbuż li l-appellanti ġew allegati bih beda, fil-parti l-kbira tal-Istati Membri kkonċernati, fl-1993 u spiċċa f’uħud minn dawn l-Istati, mis-sena 1994 ’il quddiem, huwa iktar importanti, fid-dawl tal-imsemmi żvilupp, li s-suq ta’ prodott rilevanti jkun korrettament iddefinit għall-perijodu kkonċernat kollu u b’mod partikolari l-bidu ta’ dan il-perijodu.

38      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-interazzjoni kompetittiva bejn l-IPP u l-anti-H2 matul il-perijodu inkwistjoni kollu billi ħadet inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-bejgħ ta’ dawn iż-żewġ prodotti u tan-natura gradwali taż-żieda tal-użu tal-IPP bi ħsara għall-anti-H2 matul dawn il-perijodu. Min-naħa l-oħra, l-argumenti mressqa mill-appellanti ma jiżvelaw ebda żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ dan l-eżami.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet l-argument li n-natura gradwali taż-żieda fil-bejgħ tal-IPP bi ħsara għall-dik tal-anti-H2 kienet tfisser li l-anti‑H2 kienu jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq l-IPP u, għalhekk, li l-anti-H2 kellhom, għal din ir-raġuni, jiġu inklużi fis-suq ta’ prodotti rilevanti, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, fil-punti 66 sa 82 tas-sentenza appellata, l-użu terapewtiku differenzjat tal-IPP u tal-anti-H2 u, it-tieni lok, fil-punti 83 sa 106 ta’ din is-sentenza, ir-rilevanza tal-imsemmija natura gradwali kemm fuq livell teoretiku kif ukoll fis-sitwazzjoni speċifika ta’ dan il-każ.

40      Mill-punti 66 sa 106 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali analizzat provi li jirrigwardaw mhux biss għat-tmien tal-perijodu ta’ referenza, jiġifieri s-sena 2000, iżda perijodu bejn is-snin 1991 sa 2000, billi inkludiet ukoll perijodu ta’ żmien li seħħ qabel ma kienu bdew l-allegati abbużi.

41      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali osservat, b’mod partikolari fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li mid-dikjarazzjonijiet tal-esperti mediċi prodotti, matul il-proċedura amministrattiva, mill-appellanti kien jirriżulta li, minkejja li l-IPP u l-anti-H2 kienu, bejn is-sena 1991 u s-sena 2000, jingħataw għat-trattament ta’ forom severi ta’ infezzjonijiet gastrointestinali marbutin mal-iperaċidità filwaqt li l-anti-H2 kienu ġeneralment preskritti iktar għat-trattament ta’ forom inqas severi jew inqas gravi minn dawn. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodu kollu bejn is-sena 1991 u s-sena 2000 li l-Qorti Ġenerali biex tikkonkludi, b’mod partikolari fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, li matul dan il-perijodu l-IPP u l-anti-H2 kienu s-suġġett ta’ użu differenti.

42      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, xejn ma jirriżulta mill-punt 76 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali llimitat l-evalwazzjoni tagħha għad-data li tirrigwarda s-sena 2000. Effettivament, il-fatt li l-Qorti Ġenerali tirreferi f’dan il-punt għal data li tirrigwarda għall-imsemmija sena jitfisser mis-sempliċi fatt li hija tirrispondi, f’dan il-punt, għall-argument tal-appellanti, fil-qosor fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li jipprovdi, li fit-tmien tal-perijodu ta’ referenza, l-anti-H2 kienu għadhom jiġu preskritti fi proporzjoni sinjifikattiv għat-trattament tal-infezzjonijiet gastrointestinali serji, u dan anki għall-forom severi tagħha.

43      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet analiżi dettaljata tal-iżvilupp tal-proċess ta’ sostituzzjoni osservat bejn is-sena 1991 u s-sena 2000 billi kkonstatat, b’mod partikolari fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li mid-diversi tabelli annessi fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li n-numru ta’ trattamenti permezz tal-IPP preskritti żdied gradwalment bejn is-sena 1999 u s-sena 2000 u qabeż lil dak tat-trattamenti permezz tal-anti-H2 preskritti fl-Isvezja fl-1994, Belġju fl-1996 u fin-Norveġja fl-1996, fid-Danimarka u fil-Ġermanja fl-1997 kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit fl-1998. Fl-istess punt ta’ din is-sentenza, hija rrilevat minn tabelli oħrajn tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw li l-bejgħ tal-IPP, f’termini ta’ valur, żdied ukoll b’mod gradwali u qabeż lil dak tal-anti-H2 fl-Isvezja fl-1992, fil-Belġju fl-1994, fid-Danimarka, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fir-Renju Unit kif ukoll fin-Norveġja fl-1995 u fil-Ġermanja fl-1996. Fil-punt 101 tal-imsemmija sentenza, ġie kkonstatat li, bil-kontra, minn uħud minn dawn it-tabelli jirriżulta li n-numru ta’ trattamenti bl-IPP fl-2000 kienu iktar superjuri minn numru ta’ trattamenti bl-anti-H2 fl-1991 fil-parti l-kbira tal-pajjiżi kkunsidrati.

44      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet speċifikament, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, fuq il-bidu tal-perijodu ta’ ksur, jiġifieri s-sena 1993, billi kkonfermat il-fatt, invokat mill-appellanti, li jipprovdi li l-bejgħ ta’ IPP kien ferm inqas minn dak ta’ anti-H2 matul din is-sena.

45      Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-appellanti, imressqa insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx analiżi fiż-żmien tas-suq tal-prodotti inkwistjoni, hija fattwalment inkorretta.

46      Fir-rigward tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, għandu jiġi rrilevat li mill-punti 83 sa 106 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, filwaqt li tiġi aċċettata n-natura gradwali jew “inerzja” taż-żieda tal-bejgħ u ta’ prodott eżistenti li għandha importanza għad-definizzjoni tas-suq peress li tista’, skont il-każ, tindika li l-prodott eżisteni jeżerċita restrizzjoni kompettitiva sinjifikattiv fuq il-prodott il-ġdid, iddeċidiet li dan ma kienx il-każ f’din il-kawża.

47      F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 98 sa 102 tas-sentenza appellata, li mill-elementi tal-fajl jirriżulta li l-“inerzja” fil-prattiki ta’ preskrizzjonijiet mediċinali kienu jiddependu iktar fuq l-akkumulazzjoni u d-diffużjoni tal-informazzjoni fuq il-proprjetajiet kif ukoll fuq l-eventwali effetti sekondarji tal-IPP milli fuq il-kwalità tal-anti-H2. Hija rrilevat f’dan il-kuntest li din il-konstatazzjoni kienet ikkorroborata mill-fatt li l-IPP kienu jitqiesu bħala l-uniku trattament effikaċi għall-forom severi ta’ infezzjonijiet gastrointestinali, l-IPP u l-anti-H2 kienu konsegwentement is-suġġett ta’ użi terapewtiċi differenzjati u li, għal parti kunsiderevoli ħafna, iż-żieda tal-bejgħ tal-IPP ma ssirx bi ħsara tal-anti-H2.

48      Kuntrarjament għal dak li jidher li qed iqisu l-appellanti, in-natura gradwali taż-żieda fil-bejgħ ta’ prodott ġdid li jissostitwixxi prodott eżistenti ma tistax, fiha nfisha, tkun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dan tal-aħħar jeżerċita fuq l-ewwel wieħed restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva. Fil-fatt huwa possibbli li, anki fin-nuqqas ta’ prodott preċedenti bħall-anti-H2, il-bejgħ ta’ IPP bħala prodott kien ikollu globalment l-istess żvilupp gradwali minħabba beżgħat tat-tobba li jippreskrivu rigward il-possibbli effetti karċinoġeni ta’ dawn tal-aħħar. Għaldaqtant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punti 91 sa 93 tas-sentenza appellata, li ma jistax jiġi preżunt li teżisti, fil-prinċipju, rabta kawżali bejn in-natura gradwali taż-żiedu tal-bejgħ ta’ IPP u restrizzjoin kompettitiva eżerċitata mill-anti-H2 fuq l-IPP.

49      Rigward l-argument tal-EFPIA, li l-Qorti Ġenerali kkonfutat, fl-imsemmi punt 93, l-oneru tal-prova, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jibbaża fuq qari żbaljat ta’ dan il-punt. Fil-fatt, filwaqt li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fih li l-appellanti ma ressqu ebda prova li tippermetti li jiġi kkunsidrat li ż-żieda gradwali fil-bejgħ tal-IPP ġiet ikkawżata minn restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva eżerċitata mill-anti-H2, din id-dikjarazzjoni saret sabiex timmotiva l-konklużjoni tagħha li l-appellanti kienu qed ifittxu li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ tali preżunzjoni ta’ rabta kawżali. Barra minn hekk, mill-punti 66 sa 106 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-premessa korretta, jiġifieri li hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru tal-prova, billi teżamina jekk din tal-aħħar tistax, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkonkludi abbażi tal-informazzjoni fil-fajl jekk l-anti-H2 ma eżerċitawx restrizzjoni kompettitiva fuq l-IPP.

50      Barra minn hekk, il-mod li bih il-Qorti Ġenerali evalwat l-“inerzja” min-naħa tat-tobba li jippreskrivu fil-kuntest, minn naħa, tad-definizzjoni tas-suq u, min-naħa l-oħra, tal-pożizzjoni dominanti ma huwiex inkoerenti, kif jallegaw l-appellanti. Fil-fatt, għalkemm dawn l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ċertament wasslu għal riżultati differenti, dawn id-differenzi huma, kif irrilleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, kompletament iġġustifikati fid-dawl tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt speċifiċi mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna d-definizzjoni tas-suq, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, kif tfakkar fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li l-anti-H2 ma kinux eżerċitaw restrizzjoni kompettitiva sinjifikattiva fuq l-IPP u għaldaqstant ma kinux parti mill-istess suq ta’ dawn tal-aħħar minħabba l-fatt li l-inerzja li kienet tikkaratterizza l-preskrizzjoni tal-IPP kienet tirriżulta mhux mill-kwalitajiet terapewtiċi tal-anti-H2, li kienu wisq inferjuri għal dawk tal-IPP, iżda fl-inċertitudni li tikkonċerna l-effetti sekondarji ta’ dawn tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-pożizzjoni dominanti tal-appellanti fis-suq tal-IPP u għaldaqstant in relazzjoni mal-prodotti li kienu terapewtikament simili, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 278 tas-sentenza appellata, li l-pożizzjoni ta’ AZ bħala produttur tal-ewwel IPP fis-suq, li jgawdi minn imaġni ta’ trade mark u minn reputazzjoni solida, kienet sussegwentment sostnuta mill-fatt li t-tobba għandhom, b’mod ġenerali, bżonn il-ħin sabiex jitgħallmu dwar prodott mediċinali ġdid u għaldaqstant huma jeżitaw milli jippreskrivu IPP ta’ prodotturi oħrajn li jidħlu f’dan is-suq.

51      Fl-aħħar nett, sa fejn l-appellanti jqiegħdu inkwisjtoni l-konstatazzonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ informazzjoni fil-fajl, jiġifieri b’mod partikolari li l-IPP u l-anti-H2 kienu, matul il-perijodu ta’ referenza, is-suġġett ta’ użi terapewtiċi differenzjati u li n-natura gradwali taż-żieda tal-bejgħ tal-IPP ma kinitx ikkawżata minn restrizzjoni kompettitiva sinjifikattiva tal-anti-H2, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar la għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C-535/06 P, Ġabra p. I‑7051, punt 32, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u L-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C-191/09 P et C‑200/09 P, punt 65).

52      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq it-tieni aggravju tal-appell

–       L-argumenti tal-partijiet

53      Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti, sostnuti mill-EFPIA, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li naqset milli teżamina l-ispiża ġenerali tat-trattament bl-IPP kif imqabbla mal-ispiża tat-trattament bl-anti-H2 meta evalwat il-fatturi ta’ prezz li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni. Huma jsostnu f’dan ir-rigward, li għalkemm l-ispiża ta’ doża ta’ IPP kuljum hija ogħla mill-ispiża ta’ doża ta’ anti-H2 kuljum, l-ispiża ġenerali tat-trattament hija virtwalment identika minħabba li l-IPP jikkuraw lill-pazjenti b’mod iktar mgħaġġel. Minkejja li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet dan il-fatt fil-punti 188 u 193 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet, fil-punti 189 u 190 ta’ din is-sentenza, li, peress li kwantifikazzjoni tar-relazzjoni spiża/effikaċja setgħet tirrileva partikolarment kumplessa u inċerta, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni l-prezz tal-prodotti mediċinali għal perijodu ta’ trattament identiku. Danl-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa legalment inkorrett, peress li jikkonfuta l-oneru tal-prova. Għalhekk, meta l-Kummissjoni tipprova tibbaża ruħha fuq elementi kumplessi u inċerti, bħall-indikaturi ta’ prezz, hija għandha jew tanalizza dawn l-elementi b’mod sodisfaċenti, jew tastjeni ruħha milli tinvokahom jekk ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovahom minħabba l-kumplessità tagħhom.

54      Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa ineffettiv peress li ma jqiegħedx inkwisjtoni l-fondatezza tal-konstazzjonijiet li jinsabu fil-punt 191 tas-sentenza appellata. Huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. Il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq trattament ta’ 28 jum ma jistax jiġi kkunsidrat bħala żball manifest ta’ evalwazzjoni, fid-dawl tal-impossibbiltà li jiġi ddeterminat it-tul preċiż ta’ kull trattament. Il-Kummissjoni ssostni f’dan il-kuntest li l-viżjoni tal-appellanti tal-evalwazzjoni tar-relazzjoni spiża/effikaċja hija sempliċistika ħafna u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-multitudni ta’ kundizzjonijiet u ta’ trattamenti individwali possibbli.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55      Kif josseraw il-Kummissjoni u l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħhom, dan it-tieni aggravju, li huwa dirett b’mod iżolat kontra l-konstazzjonijiet magħmula fil-punti 189 u 189 tas-sentenza appellata, huwa ineffettiv.

56      Wara li rrilevat, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, li l-appellanti kienu ġġustifikati li jsostnu li l-ammont li bih l-ispiża totali ta’ trattament bl-IPP jeċċedi l-ispiża totali ta’ trattament bl-anti-H2 jista’ jkun inqas minn dak jidher mal-ewwel daqqa t’għajn biss bid-differenza bejn l-ispejjeż għat-trattament ta’ 28 jum, li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ċertament iddeċidiet, fil-punti 189 u 190 ta’ din is-sentenza, li, sa fejn kwantifikazzjoni tar-relazzjoni spiża/effikaċja setgħet tkun partikolarment kumplessa u inċerta peress li t-tul ta’ trattament jiddependi kunsiderevolment fuq it-tip ta’ kundizzjoni u tista’ tvarja minn pazjent għal ieħor, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni l-prezz tal-prodotti mediċinali għal perijodu ta’ trattament identiku.

57      Madankollu, il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll, fil-punt 191 tas-sentenza appellata, li mill-konstatazzjonijiet fil-punti 171 sa 175, 177 u 178 ta’ din is-sentenza jirriżulta, fi kwalunkwe każ, li l-anti‑H2 ma setgħux jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq l-IPP permezz ta’ prezzijiet irħas, minħabba, minn naħa, is-sensittività limitata tat-tobba u tal-pazjenti għad-differenzi fil-prezzijiet minħabba l-importanza tar-rwol tal-effikaċja terapewtika fl-għażliet ta’ preskrizzjoni, u, min-naħa l-oħra, is-sistemi regolatorji fis-seħħ fl-Istati rilevanti, li ma kinux maħsuba b’tali mod li jippermettu lill-prezzijiet tal-anti‑H2 jeżerċitaw pressjoni għat-tnaqqis fil-bejgħ jew fil-prezz tal-IPP.

58      Anki jekk, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni l-prezz tal-prodotti mediċinalli għal prodott ta’ trattament identiku u li, barra minn hekk, l-ispiża ġenerali ta’ trattament bl-IPP ma teċċedix, kif jallegaw l-appellanti, fir-realtà dik ta’ trattament bl-anti-H2, jibqa’ l-fatt li l-anti-H2 ma setgħux jeżerċitaw restrizzjoni kompetttiva sinjifikattiva fuq l-IPP, fid-dawl b’mod partikolari tal-importanza mogħtija mit-tobba u l-pazjenti għas-superjorità terapewtika tagħhom.

59      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li huwa wara evalwazzjoni globali tal-elementi kollha li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha, fosthom inklużi indikaturi ta’ prezz oħrajn, bħall-fatt li l-impatt l-iktar sinjifikattiv fuq it-talba ta’ omeprazole prodott mill-AZ kien ikkawżat mill-prezz ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-omeprazole u, sa ċertu punt, dak ta’ IPP oħrajn, kif ukoll fatturi li ma jirrigwardawx il-prezz, bħall-effikaċja ikbar tal-IPP, l-użu terapewtiku differenzjat tal-IPP u tal-anti-H2, il-moviment ta’ sostituzzjoni assimetriku li kien jikkaratterizza ż-żieda fil-bejgħ tal-PP u t-tnaqqis korrispondenti u l-istaġnazzjoni tal-bejgħ tal-anti-H” u ċ-ċirkustanzi partikolari osservati fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 220 tas-sentenza appellata, li dawn l-elementi kienu jikkostitwixxu korp ta’ data rilevanti u suffiċjenti sabiex tiġi stabblita d-definizzjoni ta’ suq adottat mill-Kummissjoni. L-allegat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punti 189 u 190 ta’ din is-sentenza, li jirrigwarda speċifikament għall-evalwazzjoni ta’ wieħed biss minn dawn l-elementi, ma huwiex, fi kwalunke ipoteżi, ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni r-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni globali.

60      Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li tirrigwarda ċ-ĊPS

 Is-sentenza appellata

61      Fil-punti 295 sa 613 tas-sentenza appellata, l-Qorti Ġenerali ttrattat iż-żewġ motivi ta’ rikors li l-appellanti kienu invokaw kontra l-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tal-ewwel abbuż.

62      L-ewwel minn dawn il-motivi, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni, ġie eżaminat fil-punti 352 sa 382 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, fil-punti 355 u 361 tal-imsemmija sentenza, l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-Artikolu 82(KE), li tipprovdi li l-preżentazzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi ta’ informazzjoni qarrieqa, ta’ natura li tista’ twassalhom għal żball u li tippermetti, konsegwentement, li jingħata dritt esklużiv bħaċ-ĊPS li għalih l-impriża, fir-realtà, ma għandhiex dritt jew li għandha dritt biss għal perijodu iktar limitat, tikkostitwixxi prattika li taqa’ barra mill-iskop tal-kompetizzjoni fuq il-merti u għaldaqstant abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.

63      Il-Qorti Ġenerali speċifikat, fil-punti 356 u 359 tas-sentenza appellata, li min-natura oġġettiva tal-kunċett ta’ abbuż kien jirriżulta li n-natura qarrieqa tad-dikjarazzjonijiet ikkomunikati lill-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu evalwati abbażi ta’ elementi oġġettivi u li d-dimostrazzjoni tan-natura deliberata tal-aġir u tal-mala fede tal-impriża f’pożizzjoni dominanti ma kinitx meħtieġa, pero madankollu setgħet tikkostitwixxi element rilevanti.

64      Madankollu, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment dan il-motiv, sa fejn kien ibbażat fuq żball ta’ liġi min-naħa tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tad-data li fiha l-allegat l-ewwel abbuż ta’ pożizzjoni dominanti beda f’ċerti pajjiżi, billi qieset, fil-punti 370, 372 u 381 tal-imsemmija sentenza, li dan l-abbuż beda mhux permezz tal-komunikazzjoni minn AZ tal-istruzzjonijiet tiegħu lill-aġenti tal-privattivi, iżda permezz tal-komunikazzjoni tal-applikazzjoni ta’ ĊPS lill-uffiċċji nazzjonali ta’ privattivi.

65      Sabiex jiġi evalwat it-tieni motiv invokat fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ewwel abbuż, ibbażat fuq nuqqas ta’ prova, l-ewwel nett il-Qorti Ġenerali, fil-punti 474 sa 613 tas-sentenza appellata, l-ewwel nett fakkret li hija l-Kummissjoni li kellha r-responsabbiltà tal-oneru tal-prova u, sussegwentement, wettqet analiżi dettaljata tal-ewwel u tat-tieni fażijiet tal-abbuż imsemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza. Hija kkonkludiet, fil-punt 598 tas-sentenza appellata, li l-appellanti adottaw approċċ konsisteni u lineari, ikkarattarizzat mill-komunikazzjoni lill-uffiċċji ta’ privattivi ta’ dikjrazzjonijiet qarrieqa għall-finijiet li jinkiseb il-ħruġ ta’ ĊPS li huma ma kinux intitolati għalihom, jew li huma kienu intitolati għalihom imma għal perijodu iktar limitat.

66      B’mod partikolari l-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 599 tas-sentenza appellata, li d-diversi provi dokumentarji li jinsabu fil-proċess, l-estent tal-imġiba inkwistjoni, mix-xahar ta’ Ġunju 1993 sax-xahar ta’ Ġunju 1999, u l-implementazzjoni b’mod xi ftit jew wisq konsegwenzjali bi gradi ta’ suċċess differenti f’disa’ Stati Membri tal-Komunità u taż-ŻEE, jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet korretta meta qieset li AZ ipprova b’mod intenzjonat jiżgwida l-uffiċċji tal-privattivi.

67      Fil-punt 600 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tal-provi dokumentarji li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex affettwati mid-dikjarazzjonijiet prodotti mill-appellanti sabiex, b’mod partikolari, jiddefendu l-bona fide ta’ AZ. Skont il-Qorti Ġenerali, minbarra l-fatt li dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom tendenza li, f’ċerti aspetti, jikkorroboraw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, dawn ma jippermettux, fi kwalunkwe każ, li tiġi mwarrba l-kwantità kbira ta’ provi dokumentarji, kif ukoll il-fatti kollha kkonstatati, li, evalwati fit-totalità tagħhom, jikkorroboraw b’mod konklużiv il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

68      Wara li ċaħdet fil-punti 601 sa 607 tas-sentenza appellata l-argument tal-appellanti li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ effett tad-dikjarazzjonijiet qarrieqa f’ċerti pajjiżi, jiġifieri fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fir-Renju Unit u fin-Norveġja, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 608 ta’ din is-sentenza, li d-dikjarazzjonijiet qarrieqa magħmula minn AZ kienu jikkostitwixxu prattika li kienet ibbażata biss fuq mezzi li ma kinux jaqgħu fl-ambitu tal-kompetizzjoni fuq il-merti u li tali mġiba hija biss ta’ natura li żżomm indebitament lill-produtturi ta’ prodotti ġeneriċi barra mis-suq, permezz tal-ksib ta’ ĊPS bi ksur tal-qafas regolatorju li jistabbilixxihom. Konsegwentement, hija ddeċidiet, fil-punti 609 u 610, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball billi qieset li l-appellanti kienu abbużu mill-pożizzjoni dominanti u, konsegwentement, ċaħdet it-tieni motiv.

 Fuq it-tielet aggravju tal-appell

–       L-argumenti tal-partijiet

69      Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli adottat approċċ legalment żbaljat għall-kompetizzjoni fuq il-merti. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali żbaljat, meta evalwat jekk id-dikjarazzjonijiet li l-appellanti kienu għamlu lill-uffiċċji tal-privattivi kinux oġġettivament qarrieqa, li ekludiet bħala irrilevanti n-natura raġonevoli tal-interpretazzjoni tagħhom tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1768/92 u l-bona fide tagħhom f’dan ir-rigward.

70      L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin il-kunċett tal-“kompetizzjoni fuq il-merti” meta ddeċidiet li l-fatt li l-appellanti ma żvelawx l-interpretazzjoni tagħhom tal-imsemmi artikolu lill-uffiċċji nazzjonali tal-privattivi u għaldaqstant, b’mod partikolari, il-fatt li r-riferiment għall-ewwel awtorizzazzjoni li huma jinvokaw insostenn tal-applikazzjonijiet tagħhom għaċ-ĊPS ma kinitx dik taħt id-Direttiva 65/65, iżda r-riferiment għall-awtorizzazzjoni sussegwenti marbuta mal-pubblikazzjoni tal-prezzijiet ma kienx jaqa’ taħt l-ambitu ta’ tali kompetizzjoni. In-“nuqqas ta’ trasparenza” ma huwiex biżżejjed biex jiġi kkonstatat abbuż. Billi ċaħdet bħala irrilevanti l-fatt li, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, kien raġonevoli, fid-dawl tal-ambigwità tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1768/92, li jitqies li l-appellanti kienu intitolati għaċ-ĊPS, il-Qorti Ġenerali, żbaljat, meta tellgħat fil-livell ta’ abbuż is-sempliċi fatt li impriża f’pożizzjoni dominanti tfittex dritt li minnu hija jidhrilha li tista’ tibbenefika mingħajr ma tiżvela l-elementi li fuqhom hija tibbaża l-opinjoni tagħha. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq il-premessa li tgħid li l-appellanti ma humiex intitolat għaċ-ĊPS u, għaldaqstant, fuq perspettiva ex post li tieħu inkunsiderazzjoni kjarifiki magħmula bis-sentenza Hässle (C‑127/00, Ġabra p. I‑14781).

71      L-appellanti jsostnu li hemm raġunijiet politiċi u legali imperattivi għaliex il-frodi intenzjonat jew il-qerq għandu jkun rekwiżit biex jiġi kkonstatat l-abbuż f’ċirkustanzi bħalma huma dawk ta’ dan il-każ. Għaldaqstant, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ abbuż daqstant strett bħal dak applikat mill-Qorti Ġenerali x’aktarx li jipprekludi u jittardja l-applikazzjonijiet għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fl-Ewropa, b’mod partikolari jekk jiġi abbinat mal-approċċ strett tal-Kummissjoni fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq. Insostenn tal-opinjoni tagħhom, l-appellanti jsostnu, b’mod ta’ paragun, li, fid-dritt tal-Istati Uniti, jistgħu jiġu kkontestati taħt id-dritt tal-kompetizzjoni dawk il-privattivi biss li jinkisbu b’qerq u dan sabiex ma jitwaqqfux l-applikazzjonijiet għall-privattivi.

72      Il-EFPIA ssostni wkoll li, skont l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “kompetizzjoni fuq il-merti”, dikjarazzjoni “oġġettivament qarrieqa” tfisser, fir-realtà, dikjarazzjoni “oġġettivament ħażina”. Skont dan il-kriterju, l-impriżi dominanti jkollhom ikunu infallibbli fit-tranżazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet regolatorji. Għaldaqstant, anki żball imwettaq intenzjonalment u li jiġi kkoreġut immedjatament jista’ jwassal għar-responsabbiltà taħt l-Artikolu 82 KE. Il-EFPIA ssostni b’mod partikolari li jkun inammissibbli legalment li dan il-kunċett jiġi applikat għall-applikazzjonijiet tal-privattivi, peress li f’dan il-każ numru minn dawk l-applikazzjonijiet jridu jiġu miċħuda kull sena minħabba li dawn l-applikazzjonijiet ma kinux oġġettivament korretti, minħabba li l-għan tagħhom ma jissodisfax il-kriterji għar-reġistrazzjoni tal-privattiva.

73      Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli sa fejn ifittix li jikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti fl-oriġini tal-ewwel abbuż u, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi ddikjarat infondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74      Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ “użu abbużiv” huwa kunċett oġġettiv li jirrigwarda l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li jkun tali li jinfluwenza l-istruttura ta’ suq fejn, preċiżament insegwitu għall-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef u li jkollu l-effett li jostakola, permezz ta’ mezzi differenti minn dawk li normalment jeżistu meta jkun hemm kompetizzjoni normali fuq prodotti jew fuq servizzi abbażi tas-servizzi tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni li jkun għad fadal fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 91; tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra p. I-3359, punt 69; tal-11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4, C-52/07, Ġabra p. I-9275, punt 25, kif ukoll tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C-52/09, Ġabra p. I-527, point 27).

75      Minn dan isegwi li l-Artikolu 82 KE jipprojbixxi impriża f’pożizzjoni dominanti li telimina kompetitur u li tirrinforza b’hekk il-pożizzjoni tagħha billi tirrikorri għal mezzi differenti minn dawk li jirriżultaw minn kompetizzjoni fuq il-mertu (sentenzi AKZO vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 70, u tat-2 ta’ April 200, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C-202/07 P, Ġabra I-2369, punt 106).

76      Fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-appellanti insostenn tat-tielet aggravju tagħhom, għandu jiġi vverfikat jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “kompetizzjoni fuq il-merti” meta ddeċidiet li l-aġir inkriminanti fil-kuntest tal-ewwel abbuż ma kienx jaqa’ taħt tali kompetizzjoni.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 306, 478 sa 500 u 591 tas-sentenza appellata, li l-ewwel abbuż kien jinkludi żewġ stadji li l-ewwel wieħed minnhom kien jikkkonsisti li tiġi nnotifikata, lill-uffiċċji tal-privattivi fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fl-Irlanda, fil-Lussemburgu, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit, d-data ta’ “Marzu 1988” bħal dik tal-ewwel ATS fil-Komunità, mingħajr ma tinformahom la fuq il-bażi legali li hija l-bażi għall-għażla ta’ din id-data, jiġifieri l-interpretazzjoni alternattiva li AZ kien jixtieq jadotta tal-kunċett ta’ “ATX” għall-finijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1768/92, u lanqas tal-eżistenza tal-ATS maħruġa fi Franza fil-15 ta’ April 1987, li kienet tikkostitwixxi l-ewwel ATS maħruġa skont id-Direttiva 65/6 (iktar ’il quddiem l-“awtorizzazzjoni teknika”) fil-Komunità.

78      Huwa paċifiku li jekk AZ kien ikkomunika lill-imsemmija uffiċċju ta’ privattivi d-data ta’ din l-awtorizzazzjoni teknika maħruġa fi Franza, kien ikun impossibbli għaliha, minħabba r-regola tranżitorja msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1768/92, li jinkiseb ĊPS għall-omeprazole b’mod partikolari fid-Danimarka u fil-Ġermanja, peress li l-ewwel ATS fil-Komunità nkisbet qabel l-1 ta’ Jannar 1988.

79      Kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punti 479 sa 484, 492 u 509 tas-sentenza appellata, minn diversi memorandum interni tagħha, u b’mod partikolari mid-dipartiment ta’ privattiva tagħha, jirriżulta li AZ kien konxju minn dan il-fatt u kien effettivament identifika l-awtorizzazzjoni teknika maħruġa fi Franza bħala l-ewwel ATS, fis-sens tar-Regolament Nru 1768/92. Madankollu, dan id-dipartiment indika li, u dan qabel ma adotta l-interpretazzjoni alternattiva tagħha tal-kunċett ta’ ATS li, għall-finijiet tal-applikazzjonijiet ta’ ĊPS fid-Danimarka u fil-Ġermanja, li ser isostni quddiem l-uffiċċji tal-privattivi li l-ewwel ATS fil-Komunità ma nħarġitx qabel l-1 ta’ Jannar 1988.

80      Skont l-imsemmija interpretazzjoni alternattiva, il-kunċett ta’ “ATS” għall-finijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1768/92 ma kienx jirreferi għall-awtorizzazzjoni teknika iżda għall-pubblikazzjoni tal-prezzijiet, peress li din kienet, skont l-appellanti, f’ċerti Stati Membri bħal fi Franza u fil-Lussemburgu, neċessarja sabiex il-prodott mediċinali jkun jista’ realment jitqiegħed fis-suq. Il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 488 tas-sentenza appellata, li d-data ta’ pubblikazzjoni tal-prezz bħala data effettiva tal-allegat tqiegħed fis-suq kienet użata biss għall-omeprazole u għall-omeprazole sodju, filwaqt li għas-sitt prodotti l-oħrajn, AZ kien ikkomunika d-data tal-awtorizzazzjoni teknika jew dik tal-ewwel pubblikazzjoni ta’ din l-awtorizzazzjoni, kull waħda minn dawn id-dati kienet wara l-1 ta’ Jannar 1988.

81      Kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 492 u 493 tas-sentenza appellata, huwa paċifiku li kemm l-uffiċċji tal-privattivi kif ukoll l-aġenti tal-privattivi fehmu l-imsemmi kunċett li jirreferi għall-awtorizzazzjoni teknika u li, fid-dawl tal-kuntest li fih saru d-dikjarazzjonijiet lill-aġenti tal-privattivi u lill-uffiċċji tal-privattivi, AZ ma setax raġonevolment jinjora li, billi naqsu milli jippreċiżaw l-interpretazzjoni li huma kienu beħsiebhom jadottaw tar-Regolament Nru 1768/92 u li kienet il-bażi tal-għażla tad-dati kkomunikati għal dak li jikkonċerna r-Repubblika Franċiża u l-Gran Dukat ta’ Lussemburgu, l-uffiċċji tal-privattivi għandhom jitħeġġu sabiex jifhmu dawn id-dikjarazzjonijiet bħala li jindikaw li l-ewwel awtorizzazzjoni teknika fil-Komunità kienet inħarġet fil-Lussemburgu fix-xahar ta’ “Marzu 1988”.

82      Mill-punti 490 sa 492 tas-sentenza appellata jirriżulta li AZ għażel madankollu li ma jinnotifikax lill-aġenti tal-privattivi u lill-uffiċċji tal-privattivi nazzjonali bil-fatt li, fl-istruzzjonijiet tas-7 ta’ Ġunju 1993 mogħtija lill-aġenti tal-privattivi għall-applikazzjonijiet ta’ ĊPS li jikkonċernaw l-omeprazole, id-dati indikati fir-rigward tar-Repubblika Franċiża u l-Gran Dukat ta’ Lussemburgu ma kinux jikkorrispondu għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni teknika, iżda għall-allegata data ta’ pubblikazzjoni tal-prezz tal-prodott mediċinali.

83      Barra minn hekk, ebda element fil-preżentazzjoni tal-informazzjoni kkomunikata fil-kuntest tal-imsemmija istruzzjonijiet ma kien tali li jimplika li d-dati indikati fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri ma kinux jirrigwardaw l-awtorizzazzjonijiet tekniċi. Għall-kuntrarju, il-fatt, l-ewwel nett, li d-dati indikati fir-rigward ta’ seba’ pajjiżi oħrajn kienu jirrigwardaw il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni teknika, sussegwentement li n-numri li jikkorrispondu għall-awtorizzazzjonijiet tekniċi Franċiżi u Lussemburgiżi nżammu u, fl-aħħar nett, li għall-finijiet li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1768/92, AZ semmiet il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża li ma kinitx tirrigwarda l-pubblikazzjoni tal-prezz, iżda l-awtorizzazzjoni teknika, jissuġġerixxi li d-dati indikati għar-Repubblika Franċiża u l-Gran Dukat ta’ Lussemburgu kienu jikkorrispondu għall-imsemmija awtorizzazzjonijiet.

84      Il-Qorti Ġenerali osservat barra minn hekk, fil-punt 495 tas-sentenza appellata, li l-allegazzjoni tal-appellanti, li tipprovdi li AZ kellu l-intenzjoni li jiddiskuti mal-uffiċċji tal-privattivi d-data rilevanti għall-finijiet tar-Regolament Nru 1768/92, hija invalidata mill-fatti u li l-aġir adottat matul iż-żmien minn AZ jissuġġerixxi għall-kuntrarju pjuttost li huwa kien immotivat mill-intenzjoni li jqarraq bl-uffiċċji tal-privattivi, kif dan jirriżulta mit-tieni fażi tal-ewwel abbuż.

85      Fir-rigward ta’ din it-tieni fażi, mill-punti 307, 478 u 501 tas-senetnza appellata jirriżulta li dikjarazzjonijiet qarrieqa ppreżentati fl-1993 u fl-1994 quddiem l-uffiċċji tal-privattivi, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet tagħhom dwar l-applikazzjonijiet għal ĊPS sottomessi minn AZ, fit-tieni lok, dikjarazzjonijiet qarrieqa magħmula fix-xahar ta’ Diċembru 1994, meta saret it-tieni serje ta’ applikazzjonijiet għal ĊPS, fi tliet Stati Membri taż-ŻEE, jiġifieri fl-Awstrija, fil-Finlandja u fin-Norveġja, u, fl-aħħar nett, dikjarazzjonijiet qarrieqa ppreżentati sussegwentement quddiem uffiċċji oħra tal-privattivi, kif ukoll quddiem qrati nazzjonali, fil-kuntest ta’ proċeduri kontenzjużi mressqa minn produtturi ta’ prodotti ġeneriċi f’kompetizzjoni bil-għan li jħassru ĊPS f’dawn l-Istati.

86      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari, fil-punti 495, 505, 506, 514, 515, 523, 574, 592 u 593 tas-sentenza appellata, li, wara kjarifiki mitluba mill-uffiċċji tal-privattivi rigward ir-riferiment vag ta’ “Marzu 1988” bħala data ta’ ATS fil-Lussemburgu, u minbarra fil-komunikazzjonijiet tagħha mal-uffiċċji tal-privattivi Irlandiżi u tar-Renju Unit, AZ baqa’ sieket, minn naħa, rigward l-eżistenza tal-awtorizzazzjoni teknika Franċiża tal-15 ta’ April 1987 u, min-naħa l-oħra, rigward l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1768/92 li huwa l-bażi tad-dati indikati għar-Repubblika Franċiża u l-Gran Dukat ta’ Lussemburgu.

87      In-nuqqas ta’ żvelar tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq Franċiża wassal lill-uffiċċji tal-privattivi Belġjani, Lussemburgiżi u Olandiżi sabiex jikkunsidraw li d-data tas-16 ta’ Novembru 1987, li tikkorrispondi għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni teknika ta’ tqegħid fis-suq fil-Lussemburgu u li kienet ikkomunikata minn AZ fuq talba espressa ta’ dawn l-uffiċċji, jew imdaħħla, fil-każ tal-uffiċċji tal-privattivi Lussemburgiż, minn dan l-uffiċċju stess, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala data tal-ewwel ATS fil-Komunità. Konsegwentement, l-imsemmija uffiċċji ħarġu ĊPS fuq il-bażi ta’ din l-aħħar data, filwaqt li, fil-Ġermanja, ĊPS inħareġ fuq il-bażi tad-data tal-21 ta’ Marzu 1988 wara kjarifika f’dan is-sens ipprovduta minn AZ.

88      Kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 508, 527, 530 u 594 tas-sentenza appellata, AZ ma għamel ebda intervent mal-uffiċċji tal-privattivi sabiex jirrettifika ċ-ĊPS maħruġa lilu, minkejja li, minn naħa, id-dokumenti interni tiegħu jindikaw li huwa kien jaf bil-fondatezza ineżatta tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-aġent tal-privattivi Olandiż issuġġerilu espressament li jagħmel tali intervent.

89      Il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 539 ta’ din is-sentenza, li minn tali dokument intern, redatt fl-194 mid-direttur tad-dipartiment tal-privattivi ta’ AZ jirriżulta li, sabiex jiżgura l-iktar perijodu twil possibbli ta’ ĊPS għal-Losec fid-diversi pajjiżi Ewropej, id-dipartiment tiegħu argumentaw li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ ATS ma kinitx ċara u kienu qed jipprovaw irendu aċċettabbli r-rilevanza tad-data tal-21 ta’ Marzu 1988, peress li din tippermetti li jkun hemm l-itwal perijodu ta’ ĊPS u l-possibbiltà li jinżamm jew li jinkiseb ĊPS fid-Danimarka u fil-Ġermanja.

90      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 508 u 530 tal-imsemmija sentenza, li minn dokumenti interni oħrajn kien jirriżulta li AZ kien, mis-sena 1993, evalwa r-riskju marbut man-nuqqas ta’ żvelar tal-awtorizzazzjoni teknika Franċiża tal-15 ta’ April 1987 u kien qies li, għall-pajjiżi l-oħrajn minbarra r-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dan kien jikkonsisti, fl-agħar każ, fit-telf ta’ sitt xhur ta’ protezzjoni supplimentari li kienu ngħatawlu abbażi tal-awtorizzazzjoni teknika maħruġa fil-Lussemburgu fis-16 ta’ Novembru 1987. Għaldaqstant, fil-pajjiżi li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament Nru 1768/92 ma qajmux diffikultà, iżda li fir-rigward tagħhom AZ kien użu l-awtorizzazzjoni Lussemburgiża “bl-għan ta’ koerenza”, kien ikun possibbli għalih, f’każ ta’ tilwim li jirrigwrada ċ-ĊPS, li jkun lura għad-data tal-awtorizzazzjoni teknika Franċiża.

91      Kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 595 u 596 tas-sentenza appellata, anki wara li żvela, wara mistoqsijiet magħmula mill-uffiċċji tal-privattivi Irlandiżi u tar-Renju Unit, l-eżistenza tal-awtorizzazzjoni teknika Franċiża, AZ kompla bl-aġir tiegħu ta’ komunikazzjoni ta’ qarrieqa sabiex jikseb ĊPS fuq il-bażi tad-data tal-21 ta’ Marzu 1988 quddiem l-uffiċċji tal-privattivi tal-pajjiżi taż-ŻEE, jiġifieri l-Awstrija, il-Finlandja u n-Norveġja, li dawn id-dikjarazzjonijiet wasslu effettivament lil dawn l-uffiċċji tal-privattivi sabiex joħorġu ĊPS fuq il-bażi ta’ din id-data.

92      Fl-aħħar nett, mill-punti 576 sa 590 u 597 tas-sentenza appellata jirriżulta li, quddiem il-qrati Ġermaniżi, Finlandiżi u Norveġiżi, AZ ipprova jiddefendi l-validità ta’ ĊPS mogħtija f’dawn il-pajjiżi billi għamel dikjarazzjonijiet ineżatti dwar ir-rilevanza tad-data tal-21 ta’ Marzu 1988 u dan minkejja l-fatt li huwa kellu informazzjoni konsistenti li tindika li, anki fuq il-bażi tal-interpretazzjoni tiegħu stess tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1768/92 u tat-“teorija [tiegħu] tat-tqegħeid fis-suq”, din id-data ma kinitx dik rilevanti, peress li, fir-realtà, ma kinitx tikkorrispondi għad-data tal-pubblikazzjoni tal-prezz fil-Lussemburgu u li l-kummerċjalizzazzjoni effettiva tal-Losec f’dan il-pajjiż kienet seħħet qabel din id-data.

93      Għandu jiġi kkonstatat li, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 493, 495, 507, 598, 599, 608 u 609 tas-sentenza appellata, l-aġir kostanti u lineari ta’ AZ, kif miġbur fil-qosor hawn fuq, li kien ikkaratterizzat mill-komunikazzjoni lill-uffiċċji tal-privattivi ta’ dikjarazzjonijiet ferm qarrieqa kif ukoll minn nuqqas manifest ta’ trasparenza b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza tal-awtorizzazzjoni teknika Franċiża u li biha AZ ipprova b’mod deliberat iwassal l-uffiċċji tal-privattivi kif ukoll lill-awtoritajiet ġudizzjarji fi żball sabiex iżomm għall-iktar żmien possibbli l-monopolju tiegħu fis-suq tal-IPP, ma kienx jaqa’ taħt il-kompetizzjoni fuq il-merti.

94      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-appellanti fir-rigward tan-natura allegatament raġonevoli tal-interpretazzjoni alternattiva tagħhom tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1768/92 u tal-bona fide f’dan ir-rigward.

95      Fil-fatt, anki jekk, minkejja l-fatt li AZ stess kien qies, għalkemm inizjalment, li l-awtorizzazzjoni teknika maħruġa fi Franza fil-15 ta’ April 1987 kienet tikkostitwixxi dik imsemmija mir-Regolament Nru 1768/92, huwa kien fl-aħħar nett qies li l-interpretazzjoni alternattiva tiegħu kienet raġonevoli u kellha possibbiltajiet serji li tiġi segwita kemm mill-qrati nazzjonali kif ukoll mill-Qorit tal-Ġustizzja fil-każ li jiġu kkontestati, mill-kompetituri, ĊPS maħruġa fuq il-bażi tad-data tal-21 ta’ Marzu 1988 jew tas-16 ta’ Novembru 1987, kien AZ li kellu r-responsabbiltà li jiżvela lill-uffiċċji tal-privattivi l-informazzjoni kollha rilevanti u b’mod partikolari l-eżistenza ta’ din l-awtorizzazzjoni teknika Franċiża sabiex tippermettilhom li jiddeċiedu, bl-għarfiern kollu tal-fatti, liema minn dawn l-awtorizzazzjonijiet huma jixtiequ jaċċettaw għall-ħruġ ta’ ĊPS.

96      Għaldaqstant, billi għamel dikjarazzjonijiet qarrieqa lil dawn l-uffiċċji tal-privattivi, billi ħeba l-eżistenza tal-imsemmija awtorizzazzjoni teknika u billi deliberament żgwidahom sabiex jemmnu li d-data tal-21 ta’Marzu 1988 kienet tikkorrispondi għall-awtorizzazzjoni teknika Lussemburgiża u li din tal-aħħar kienet tikkosistitwixxi l-ewwel ATS fil-Komunità, AZ xjentement aċċetta li dawn tal-aħħar jagħtuh ĊPS li huma kinux joħorġu kieku kienu jaf bl-eżistenza tal-awtorizzazzjoni teknika Franċiża u li kienet tiżvela illegali fil-każ li l-interpretazzjoni alternattiva proposta minn AZ ma kinitx segwita mill-qrati nazzjonali jew mill-Qorti tal-Ġustizzja.

97      Għalhekk huwa paċifiku li, kif ġie osservat fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, anki fuq il-bażi tal-interpretazzjoni alternattiva tiegħu, id-data tal-21 ta’ Marzu 1988 ikkomunikata lill-uffiċċji tal-privattivi ma kinitx rilevanti għall-finijiet tal-ħruġ ta’ ĊPS. Din id-data kienet tirrigwarda fil-fatt għal lista tal-Gran Dukat ta’ Lussemburgu bit-titolu “Ministère de la Santé– Spécialités pharmaceutiques – Liste des spécialités pharmaceutiques admises à la vente dans le Grand-Duché de Luxembourg”, u ma kinitx tikkorrispondi, fir-realtà, għad-data tal-pubblikazzjoni tal-prezz fil-Lussemburgu. Il-Qorti Ġenerali rrilevat f’dan ir-rigward, fil-punti 497, 498, 580 sa 582 tas-sentenza appellata, li, mill-apparenza tagħha, din il-lista ma kinitx tagħti lok li titqies bħala l-pubblikazzjoni tal-prezz u li, barra minn hekk, l-aġir ta’ AZ waqt it-tieni fażi tal-abuż għandu t-tendenza li jiskredita l-allegazzjonijiet dwar il-bona fide rigward ir-rilevanza tal-imsemmija data.

98      Ikkunsidrat fid-dawl tal-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali u li l-appellanti espressament iddikjaraw li ma jikkontestawx, it-tielet aggravju li huma jqajmu huwa importanti sabiex isostni t-teżi li tgħid li hekk kif impriża f’pożizzjoni dominanti tqis li hija tista’, skont interpretazzjoni legalment difendibbli, tallega dritt, hija tista’ tuża l-mezzi kollha sabiex tiksbu u anki tirrikorri għal dikjarazzjonijiet ferm qarrieqa intiżi sabiex twassal lill-awtoritajiet pubbliċi fi żball. Tali idea tmur manifestament kontra l-kunċett ta’ kompetizzjoni fuq il-merti u tar-responsabbiltà speċifika li għandha tali impriża li ma tikkawżax preġudizzju, bl-aġir tagħha, lil kompetizzjoni effettiva u ma tikkawżax distorsjoni fi ħdan l-Unjoni.

99      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-EFPIA, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li l-impriżi f’pożizzjoni dominanti kellhom ikunu infallibbli fit-tranżazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet regolatorji u li kull dikjarazzjoni oġġettivament ineżatta magħmula minn tali impriża kienet tikkostitwixxi abbuż tal-imsemmija pożizzjoni u dan anki meta l-iżball sar involontarjament u ġie rrettifikat immedjatament. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minn naħa, dan l-eżempju huwa differenti b’mod radikali mill-aġir ta’ AZ f’dan il-każ u li, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punti 357 u 361 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tan-natura qarrieqa ta’ dikjarazzonijiet ipprovduti lill-awtoritajiet pubbliċi għall-finijiet tal-kisba indebita ta’ drittijiet esklużivi li għandha ssir in concreto u tista’ tvarja skont il-fatti speċifiċi ta’ kull każ. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott minn din is-sentenza li kull applikazzjoni għal privattivi magħmula minn tali impriża li hija miċħuda minħabba li ma tissodisfax il-kriterji ta’ reġistrazzjoni ta’ privattivi, tagħti lok b’mod awtomatiku għal responsabbiltà fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

100    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ aggravju tal-appell

–       L-argumenti tal-partijiet

101    Permezz tar-raba’ motiv tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li s-sempliċi fatt li ssir applikazzjoni għal ĊPS kien suffiċjenti sabiex jikkostitwixxi abbuż. Billi għamlet dan, hija ħolqot “abbuż fih innifsu”, mingħajr ma eżaminat jekk il-kompetizzjoni kinitx affettwata jew jekk l-aġir inkriminanti kellux it-tendenza li jirristrinġi l-kompetizzjoni. Huma jqisu li l-kompetizzjoni tista’ tiġi affettwata biss mill-mument meta d-dritt esklużiv mitlub jingħata, li l-kompetituri ta’ AZ saru jafu bl-eżistenza tad-dritt u li dan id-dritt jista’ jaffettwa l-aġir ta’ dawn tal-aħħar. Dan l-approċċ għandu l-mertu li jkun koerenti ma’ dak segwit fid-dritt Amerikan.

102    F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-applikazzjonijiet għaċ-ĊPS saru bejn ħames u sitt snin qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom u li, sa dan il-mument, id-drittijiet ta’ AZ kienu protetti minn privattivi fuq sustanzi u, f’ċerti każijiet, ukoll minn privattivi fuq formulazzjonijiet . Barra minn hekk, fid-Danimarka, l-applikazzjoni għal ĊPS ġiet irtirata filwaqt li fir-Renju Unit, iċ-ĊPS ingħatat fuq il-bażi tad-data “korretta”. Fil-Ġermanja, iċ-ĊPS ġiet revokata qabel l-iskadenza tal-privattiva li kienet tibbaża fuqha u fin-Norveġja ġiet revokata ftit xhur qabel din l-iskadenza. Fl-aħħar nett, għalkemm iċ-ĊPS maħruġa fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu effettivament jikkonferixxu lil AZ protezzjoni indebita matul ħames u sitt xhur rispettivament, ma hemm l-ebda prova li din il-protezzjoni kellha l-effett li tirristrinġi l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, AZ ma kienx għadu f’pożizzjoni dominanti f’dan il-mument. Sabiex jikkostitwixxi abbuż, jeħtieġ li l-effett tal-aġir ikun jista’ jinħass fil-mument meta l-impriża tokkupa tali pożizzjoni.

103    Il-EFPIA tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li dikjarazzjoni qarrieqa tista’ tikkostitwixxi abbuż anki jekk ma kellha ebda effett estern, minħabba li l-iżball ġie kkoreġut minn uffiċċju tal-privattivi jew minn terzi billi użaw mekkaniżmi ta’ korrezzjoni bħalma huma l-proċeduri ta’ oppożizzjoni jew il-kawżi biex tingħata dikjarazzjoni ta’ invalidità.

104    Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv huwa infondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

105    Kif jirriżulta mill-punt 357 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, f’din il-kawża, jekk, fid-dawl tal-kuntest li fih il-prattika inkwistjoni ġiet implementata, din tal-aħħar kinitx ta’ natura li twassal lill-awtoritajiet pubbliċi li joħolqu b’mod indebitu ostakli regolatorji għall-kompetizzjoni, pereżempju bl-għoti irregolari ta’ drittijiet esklużivi favur l-impriża dominanti. F’dan ir-rigward hija qieset li l-marġni ta’ diskrezzjoni limitat tal-awtoritajiet pubbliċi jew in-nuqqas ta’ obbligu li jivverifikaw l-eżattezza jew il-veraċità tal-informazzjoni mgħoddija, jistgħu jikkostitwixxu elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prattika inkwistjoni hijiex ta’ natura li tqajjem ostakli regolatorji għall-kompetizzjoni.

106    Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, dan l-eżami tal-Qorti Ġenerali ma jibbaża bl-ebda mod fuq il-kunċett li jipprovdi l-prattika inkwistjoni tikkostitwixxi “abbuż fih innifsu”, irrispettivament mill-effett antikompettiv. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali enfasizzat b’mod espress, fil-punt 377 tas-sentenza appellata, li dikjarazzjonijiet intiżi sabiex jinkisbu b’mod irregolari drittijiet esklużivi jikkostitwixxu abbuż biss meta jintwera li, fid-dawl tal-kuntest oġġettiv li fih isiru, dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu verament ta’ natura li jwasslu lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jagħtu d-dritt esklużiv mitlub.

107    Kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod partikolari fil-punti 591 sa 598 tas-sentenza appellata, dan kien il-każ f’din il-kawża, li huwa fil-fatt ikkonfermat mill-fatt li d-dikjrazzjonijiet qarrieqa ta’ AZ ippermettewlu sabiex effettivment jikseb ċ-ĊPS kemm dawk li huwa ma kellux dritt għalihom, kif kien il-każ fil-Ġermanja, fil-Finlanda u fin-Norveġja, kemm dawk li kellu dritt għalihom biss għal perijodu iktar limitat, kif kien il-każ fil-Belġju, fil-Lussemburgu, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija.

108    Fir-rigward, b’mod partikolari, dawn il-pajjiżi fejn id-dikjarazzjonijiet qarrieqa tiegħu ppermettew lil AZ sabiex jikseb ĊPS illegali, l-appellanti ma jiċħdux l-effett antikompettiv tal-imsemmija dikjarazzjonijiet minħabba li l-applikazzjonijiet għaċ-ĊPS saru bejn ħames u sitt xhur qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom u li, sa dan il-mument, id-drittijiet ta’ AZ kienu protetti minn privattivi legali. Fil-fatt, mhux biss tali ĊPS illegali jwasslu, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punti 362, 375 u 380 tas-sentenza appellata, għal effett ta’ esklużjoni sinjifikattiv wara l-iskadenza tal-privattivi bażiċi, iżda huma jistgħu wkoll ibiddlu l-istruttura tas-suq billi jikkawżaw preġudizzju lill-kompetizzjoni potenzjali anki qabel din l-iskadenza.

109    Fid-dawl ta’ dawn l-effetti antikompettitivi, il-Qorti Ġenerali wkoll ġustament iddeċidiet, fil-punt 605 tas-sentenza appellata, bħala irrilevanti l-fatt li, fil-Ġermanja, wara proċeduri legali ppreżentati minn produttur ta’ prodotti ġeneriċi, ċ-ĊPS ġie annullat qabel l-iskadenza tal-privattiva bażika.

110    Kuntrarjament għal dak li jqisu l-appellanti, ma kienx neċessarju għal AZ li jkun għadu f’pożizzjoni dominanti wara li l-privattivi bażiċi skadew, peress li n-natura antikompetittiva tal-atti tiegħu kellha tiġi evalwata fil-mument meta dawn twettqu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet, fil-punti 379 u 606 tas-sentenza appellata, l-argument li jirriżulta mill-fatt li l-perijodu addizzjonali ta’ protezzjoni supplimentari miksub fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa kien jestendi għal perijodu li matulu AZ ma kienx għadu jokkupa pożizzjoni dominanti f’dawn l-Istati Membri.

111    Għal dak li jikkonċerna l-fatt li d-dikjarazzjonijiet qarrieqa tiegħu ma ppermettewx lil AZ sabiex jikseb ĊPS fid-Danimarka u li fl-Irlanda kif ukoll fir-Renju Unit iċ-ĊPS inħarġu, fl-aħħar nett, fuq il-bażi tad-data korretta, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqetx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 602 sa 604 tas-sentenza appellata, li dan il-fatt ma jfissirx li l-aġir ta’ AZ f’dawn il-pajjiżi ma kienx abbużiv, peress li huwa paċifiku li dawn id-dikjarazzjonijiet setgħu ferm probabbli jwasslu għall-ħruġ ta’ ĊPS illegali. Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, sa fejn l-aġir inkriminanti jifforma parti minn strateġija ġenerali li tipprova b’mod illegali teskludi produtturi ta’ prodotti ġeneriċi mis-suq billi tikseb ĊPS bi ksur tal-qafas regolatorju li stabbilixxihom, l-eżistenza ta’ abbuż ma jistax jiġi affettwat mill-fatt li din l-istrateġija ma rnexxietx f’ċerti pajjiżi.

112    Fl-aħħar nett, rigward il-kundizzjonijiet li, skont l-appellanti, għandhom jiġu sodisfatti sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet qarrieqa kienu ta’ natura li tirristrinġi l-kompetizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li fir-realtà dawn jirrikjedu fir-realtà d-dimostrazzjoni tal-okkurrenza attwali u ċerti effetti antikompettitivi. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, jekk il-prattika ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti ma tistax tiġi kklassifikata bħala abbużiva fin-nuqqas ta’ kwalunkwe effett antikompetittiv fis-suq, min-naħa l-oħra tali effett ma huwiex neċessarjament meħtieġ li jkun konkret, u huwa suffiċjenti li jintwera effett antikompetittiv potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera Sverige, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

113    Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni abbuż ta’ pożizzjoni dominanti

 Is-sentenza appellata

114    Iż-żewġ motivi invokati fir-rigward tal-konstatazzjoni tat-tieni abbuż ġew trattati fil-punti 614 sa 864 tas-sentenza appellata.

115    Fl-evalwazzjoni tagħha tal-ewwel minn dawn il-motivi, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett irrilevat fil-punti 666 sa 669 ta’ din is-sentenza li, wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ esklużività ta’ sitt snin jew ta’ għaxar snin li jibdew jiddekorru mill-ħruġ tal-ewwel ATS, id-Direttiva 65/65 ma tirrikonoxxix iktar fir-rigward tal-proprjetarju ta’ prodott mediċinali oriġinali d-dritt esklużiv li juża r-riżultati ta’ testijiet farmakoloġiċi, tossikoloġiċi u kliniċi mqiegħda fil-fajl. Għall-kuntrarju, hija tippermetti li din l-informazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali għall-finijiet tal-għoti ta’ ATS għal prodotti essenzjalment simili fil-kuntest tal-proċedura mqassra prevista fil-punt 8(a)(iii) tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Din l-għażla tal-leġiżlatur tirriżulta mill-ibbilanċjar, minn naħa, ta’ interessi ta’ impriżi innovativi u, min-naħa l-oħra, ta’ dawk il-produtturi ta’ prodotti essenzjalment simili, kif ukoll tal-interess li tiġi evitata r-repetizzjoni ta’ testijiet fuq il-bniedem jew fuq l-annimali mingħajr bżonn.

116    Il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2003, AstraZeneca (C-223/01, Ġabra p. I-11809, punti 49 sa 54), qieset madankollu li l-interess marbut mal-ħarsien tas-saħħa pubblika jeżiġi, sabiex applikazzjoni għal ATS ta’ prodott mediċinali ġeneriku tkun tista’ tiġi ttrattata fil-kuntest tal-proċedura mqassra prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, l-punt 8(a)(iii) tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 65/65, li l-ATS ta’ riferiment tkun għadha fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat fid-data tal-introduzzjoni ta’ din l-applikazzjoni u jipprekludi, għalhekk, li din il-proċedura mqassra tibqa’ disponibbli wara l-irtirar tal-ATS tal-prodott mediċinali ta’ riferiment.

117    Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 670 tas-sentenza appellata, li l-irtirar tal-ATS tal-prodott mediċinali oriġinali kellha l-effett li tostakola l-applikant ta’ ATS ta’ prodott mediċinali essenzjalment simili li jiġi eżentat, taħt il-punt 8(a)(iii) tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 65/65, milli jipproċedi b’testijiet farmakoloġiċi, tossikoloġiċi u kliniċi sabiex juri l-innokwità u l-effikaċja. Għalhekk, fil-każ ineżami, minkejja li l-leġiżlazzjoni ma tirrikonoxxix iktar fir-rigward ta’ AZ id-dritt esklużiv li juża r-riżultati ta’ dawn it-testijiet, ir-rekwiżiti stretti marbuta mal-ħarsien tas-saħħa pubblika, li ggwidaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 65/65 mill-Qorti tal-Ġustizzja, ippermettewlu li jipprekludi jew li jrendi iktar diffiċli, bl-irtirar tal-ATS tiegħu, il-ksib, taħt il-proċedura mqassra, ta’ ATS għal prodotti mediċinali essenzjalment simili, li għalihom, madankollu, il-produtturi ta’ prodotti ġeneriċi kellhom dritt.

118    Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 675 u 676 tas-sentenza appellata, li tali aġir intiż sabiex jipprekludi lill-produtturi ta’ prodotti ġeneriċi milli jużaw id-dritt tagħhom li jibbenefikaw mir-riżultati tal-imsemmija testijiet ma jsib ebda sostenn fil-protezzjoni leġittima ta’ investiment li jaqa’ fl-ambitu tal-kompetizzjoni fuq il-merti. B’mod partikolari hija rrilvat li l-irtirar minn AZ tal-ATS kien biss ta’ natura li jostakola lill-applikanti għal ATS milli jkunu jistgħu jużaw il-proċedura mqassra u, għalhekk, li jostakola jew idewwem id-dħul fis-suq ta’ prodotti ġeneriċi. Huwa ppreċiża li tali rtirar seta’ wkoll ikun ta’ natura li jfixkel l-importazzjonijiet paralleli. Fil-punt 677 ta’ din is-sentenza, hija żiedet li l-fatt li AZ kellu d-dritt li jitlob l-irtirar ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet huwa bl-ebda mod ta’ natura li jeżenta lil dan l-aġir mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 82 KE.

119    Fil-punti 678 sa 684 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sussegwentement ċaħdet l-argument li l-kompatibbiltà tal-aġir inkriminanti mal-Artikolu 82 KE għandha tiġi evalwata skont il-kriterji żviluppati fil-ġurisprudenza dwar l-“installazzjonijiet essenzjali”. Fl-aħħar nett, fil-punti 685 sa 694 ta’ din is-sentenza, hija ċaħdet l-argument tal-appellanti, imressaq għall-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li, f’din il-kawża, l-obbligi ta’ farmakoviġilanza li għalihom kien suġġett AZ fid-Danimarka, fl-Isvezja u fin-Norveġja kienu jikkostitwixxu kawża ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva tal-applikazzjonijiet ta’ irtirar tal-ATS f’dawn il-pajjiżi.

120    It-tieni motiv, li jirrigwarda t-tieni abbuż, li permezz tiegħu l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-fatti li jirrigwadaw l-aġir inkriminanti u l-konklużjonijiet li hija siltet minnhom, ġie eżaminat fil-punti 757 sa 865 tas-sentenza appellata.

121    Fil-punti 806 sa 812 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-irtirar tal-ATS ta’ kapsuli tal-Losec ma kienx jikkostitwixxi aġir li jaqa’ taħt kompetizzjoni fuq il-merti. Hija qieset li, min-naħa l-oħra, AZ ma setax jiġi kkritikat li kkummerċjalizza l-Losec MUPS u lanqas li rtira mis-suq il-pilloli ta’ Losec, peress li dawn l-atti ma setgħux, kuntrarjament għall-irtirar tal-ATS, idewmu jew jipprevjenu l-introduzzjoni ta’ prodotti ġeneriċi u l-importazzjonijiet paralleli.

122    Fil-punti 824 sa 863 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx uriet b’mod suffiċjentement legali li, fid-dawl tal-kuntest oġġettiv li fih l-aġir inkriminanti kien implementat, dan tal-aġir kienx ta’ natura li jirristrinġi l-kompetizzjoni billi jfixkel jew idewwem l-introduzzjoni ta’ prodotti ġeneriċi u l-importazzjonijiet paralleli.

123    Fir-rigward, fl-ewwel lok, l-introduzzjoni ta’ prodotti ġeneriċi, huwa kkonstatat, fil-punt 828 ta’ din is-sentenza, li l-irtirar tal-ATS għamel il-proċedura mqassra indisponibbli u kien, konsegwentement, ta’ natura li jdewwem l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ġeneriċi fid-Danimarka, fl-Isvezja u fin-Norveġja. F’dan ir-rigward, hija qieset, fil-punti 829 sa 835 tal-imsemmija sentenza, li l-fatt invokat mill-appellanti, li l-kompetituri ta’ AZ setgħu jiksbu ATS permezz tal-proċedura alternattivi, itwal u iktar onerużi, ma huwiex suffiċjenti sabiex irendi l-irtirar tal-imsemmija awtorizzazzjonijiet in-natura abbużiva tagħhom peress li dan l-irtirar huwa biss ta’ natura li jeskludi mis-suq, tal-inqas b’mod temporanju, lill-produtturi kompetituri ta’ prodotti ġeneriċi.

124    Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-importazzjonijiet paralleli, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 838 sa 863 tas-sentenza appellata, li għalkemm il-Kummissjoni kienet uriet li, fl-Isvezja, l-irtirar tal-ATS tal-kapsuli tal-Losec kien jista’ jeskludi l-importazzjonijiet paralleli ta’ dawn il-prodotti, madankollu ma kinitx uriet dan għal dak li jikkonċerna r-Renju tad-Danimarka u r-Renju tan-Norveġja. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment dan il-motiv sa fejn dan kien jikkonċerna restrizzjoni għal importazzjonijiet paralleli f’dawn iż-żewġ pajjiżi, u l-kumplament ċaħditu.

 Fuq il-ħames aggravju tal-appell

–       L-argumenti tal-partijiet

125    Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “kompetizzjoni fuq il-merti” meta kkunsidrat li s-sempliċi eżerċizzju ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni kien inkompatibbli ma’ tali kompetizzjoni. Id-dritt li tiġi rtirata ATS ma jistax loġikament jingħata mill-Unjoni Ewropea u fl-istess ħin jiġi pprojbit mill-Unjoni Ewropea. Huma jsostnu f’dan il-kuntest li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar materji farmaċewtiċi tagħti lit-titolari ta’ ATS id-dritt li jitlob l-irtirar ta’ din l-awtorizzazzjoni, l-istess bħad-dritt li ma jġeddidx malli din tiskadi. Il-Kummissjoni stess kif ukoll l-Avukati Ġenerali La Pergola u Geelhoed, fil-kuntest tal-konklużjonijiet tagħhom rispettivi li jippreċedu s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1999, Rhône-Poulenc Rorer u May & Baker (C-94/98, Ġabra p. I‑8789), kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 20002, Ferring (C-172/00, Ġabra p. I-6891), irrikonoxxew espressament, li l-proprjetarju jista’ jeżerċita dan id-dritt fi kwalunkwe żmien mingħajr ma jipprovdi raġunijiet u mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-produtturi ta’ prodotti ġeneriċi u tal-importaturi paralleli. Dawn il-prinċipji jirriżultaw ukoll mis-sentenza Ferring, iċċitata iktar ’il fuq.

126    L-appellanti jenfasizzaw li l-eżistenza ta’ ATS timponi fuq il-proprjetarju obbligi ta’ farmakoviġilanza stretti, li jinvolvu spejjeż permanenti, li huwa permess jevita legalment jekk il-prodott awtorizzat ma jibqax jiġi kkummerċjalizzat. Li kumpannija f’pożizzjoni dominanti tiċċaħħad mid-dritt tagħha tal-irtirar u tkun meħtieġa li żżomm fis-seħħ l-awtorizzazzjoni li hija ma għadx għandha bżonn u għaldaqstant għandha tiġi sfurzata tagħmel sforz kif ukoll spejjeż u tassumi r-responsabbiltà għas-saħħa pubblika fir-rigward tal-preċiżjoni tal-informazzjoni li hija tipprovdi, mingħajr kumpens min-naħa tal-kompetituri tagħhom, ikun qed iġebbed wisq ir-responsabbiltà speċjali ta’ dawn il-kumpanniji.

127    L-appellanti jikkritikaw ukoll lill-Qorti Ġenerali li ma mmotivatx b’mod suffiċjenti, fil-punt 677 tas-sentenza appellata, il-konklużjoni tagħha li tipprovdi li l-illegalità ta’ aġir abbużiv fir-rigward tal-Artikolu 82 KE ma hijiex marbuta mal-konformità tagħha ma’ dispożizzjonijiet legali oħra. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali jmissha spjegat kif l-eżerċizzju min-naħa ta’ AZ ta’ dritt leġittimu kkostitwixxa abbuż f’din il-kawża. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni li jirregolaw il-materji farmaċewtiċi nnifishom huma intiżi li jirrikonċiljaw l-inkoraġġiment għall-innovazzjoni u għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni. L-appellanti jsostnu, wkoll, li l-Qorti Ġenerali identifikat bħala li jikkostitwixxu abbuż sett ta’ aġir differenti minn dak li ġie identifikat mill-Kummissjoni u b’dan il-mod eċċediet il-ġurisdizzjoni tagħha.

128    Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv huwa infondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

129    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, kif il-Qorti Ġenerali osservat fil-punt 804 tas-sentenza appellata, il-preparazzjoni minn impriża, anki f’pożizzjoni dominanti, ta’ strateġija li għandha l-għan li timminimizza t-tnaqqis tal-bejgħ tagħha u li tkun f’pożizzjoni li tiffaċċja l-kompetizzjoni minn prodotti ġeneriċi hija leġittima u taqa’ fl-ambitu normali tal-kompetizzjoni, sakemm l-aġir previst ma jmurx lil hinn mill-prattiki li jaqgħu fl-ambitu ta’ kompetizzjoni fuq il-merti, b’mod li jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi.

130    Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, aġir bħal dak inkriminanti fil-kuntest tat-tieni abbuż, li jikkonsisti fl-irtirar, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva u wara l-iskadenza tad-dritt esklużiv li jintużaw ir-riżultati tat-testijiet farmakoloġiċi, tossoloġiċi u kliniċi rikonoxxuti mid-Direttiva 65/65, ta’ ATS għall-kapsuli tal-Losec fid-Danimarka, fl-Isvezja u fin-Norveġja, li bih AZ kellu l-intenzjoni, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 814 tas-sentenza appellata, ifixkel l-introduzzjoni ta’ prodotti ġeneriċi u l-importazzjonijieet paralleli, ma jaqax taħt tali kompetizzjoni.

131    F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi kkonstatat li, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 675 ta’ din is-sentenza, wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ esklużività msemmi iktar ’il fuq, l-aġir intiż, fost oħrajn, sabiex jipprekludi lill-produtturi ta’ prodotti ġeneriċi milli jużaw id-dritt tagħhom li jibbenefikaw mill-imsemmija riżultati ma ssib ebda sostenn fil-protezzjoni leġittima ta’ investiment li jaqa’ fl-ambitu tal-kompetizzjoni fuq il-merti, u dan proprju minħabba l-fatt li AZ ma kellux iktar, taħt id-Direttiva 65/65, dritt esklużiv li juża dawn ir-riżultati.

132    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 677 tal-imsemmija sentenza, li l-fatt, invokat mill-appellanti, li AZ kellu d-dritt, skont id-Direttiva 65/65, li jitlob l-irtirar tal-ATS tiegħu għall-kapsuli tal-Losec ma huwa bl-ebda mod ta’ natura li jeżenta lil dan l-aġir mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 82 KE. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali enfasizzat, l-illegalità ta’ aġir abbuż fid-dawl tal-Artikolu 82 KE ma għandhiex rabta mal-konformità jew in-nuqqas ta’ konformità tagħha ma’ regoli legali oħra u li l-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti jikkonsistu, fil-parti l-kbira tal-każi, f’aġir li altrimenti jkun legali fir-rigward ta’ oqsma oħra tad-dritt apparti d-dritt tal-kompetizzjoni.

133    Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali josserva fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan primarju tad-Direttiva 65/65 huwa li tissalvagwardja s-saħħa pubblika, filwaqt li telimina d-diskrepanzi bejn ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali li jfixklu l-kummerċ ta’ prodotti mediċinali fl-Unjoni, u ma għandhiex, għaldaqstant, kif jallegaw l-appellanti, l-istess għanijiet bħall-Artikolu 82 KE b’mod li l-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma jkunx iktar meħtieġ sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjoni fis-suq intern.

134    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti għandha responsabbiltà speċjali f’dan l-aħħar rigward (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105) u li hija ma tistax għaldaqstant, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 672 u 817 tas-sentenza appellata, tuża proċeduri regolatorji b’mod li timpedixxi jew trendi iktar diffiċli d-dħul ta’ kompetituri fis-suq, fin-nuqqas ta’ raġunijiet marbuta mad-difiża tal-interessi leġittimi ta’ impriża involuta f’kompetizzjoni fuq il-merti jew fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi.

135    Rigward l-argument tal-appellanti li jipprovdi li ż-żamma ta’ ATS timponi fuqhom obbligi ta’ farmakoviġilanza stretti, għandu jiġi kkonstatat li tali obbligi jistgħu effettivament jikkostitwixxu ġustifikazzjoni oġġettiva għall-irtirar ta’ ATS.

136    Madankollu, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punti 686 u 688 tas-sentenza appellata, dan l-argument tqajjem l-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża u l-kwistjoni ta’ oneru marbut mal-imsemmija obbligi qatt ma ssemma fid-dokumenti interni ta’ AZ li jirrigwardaw l-istrateġija kummerċjali tagħha, fatt li jista’ joħloq dubju mill-fatt li l-irtirar ta’ ATS kien dovut f’dan il-każ minħabba dawn l-obbligi.

137    Il-Qorti Ġenerali qieset, barra minn hekk, fil-punt 689 ta’ din is-sentenza, li, sa fejn AZ ma talabx l-irtirar tal-ATS fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija, l-appellanti ma wrewx li l-oneru supplimentari li kien jaqa’ fuq AZ li kieku dan tal-aħħar ma pproċediex bl-irtirar tal-ATS tiegħu fid-Danimarka, fl-Isvezja u fin-Norveġja kien ikun tant sinjifikattiv li kien jikkostitwixxi raġuni ta’ ġustifikazzjoni oġġettiv.

138    Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tibbaża fuq analiżi dettaljata, imwettqa fil-punti 680 sa 693 tal-imsemmija sentenza, tal-obbligi fil-qasam ta’ farmakoviġilanza li għandu AZ fir-rigward tal-ATS tiegħu f’dan il-pajjiżi tal-aħħar, li ma ġietx ikkontestata mill-appellanti, għandu jiġi konkluż li l-argument ibbażat fuq tali obbligi ma għandux bażi fattwali.

139    Sa fejn l-appellanti jipprovaw jisiltu argument mill-konklużjonijiet fil-kawżi li jagħtu lok għall-kawżi iċċitati iktar ’il fuq Rhône-Poulenc Rorer u May & Baker kif ukoll Ferring, jew ukoll minn din tal-aħħar sentenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn il-kawżi ma kinux jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk l-irtirar minn impriża f’pożizzjoni dominanti ta’ ATS, li hija ta’ natura li tfixkel jew idewwem l-introduzzjoni ta’ prodotti ġeneriċi u l-importazzjonijiet paralleli, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 82 KE u l-ebda informazzjoni ma tista’ tiġi dedotta minnhom f’dan ir-rigward.

140    Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali fl-ebda kaz ma eċċediet il-ġurisdizzjoni tagħha billi ddeċidiet, fil-punti 806 sa 811 tas-sentenza appellata, li, għalkemm il-Kummissjoni ddefiniet it-tieni abbuż bħala li jirriżulta minn abbinament ta’ irtirar ta’ ATS tal-kapsuli tal-Losec mal-konverżjoni ta’ bejgħ ta’ dawn il-kapsuli għal-Losec MUPS, l-element ċentrali ta’ dan l-abbuż jikkonsisti f’dawn l-iritar, kif il-Kummissjoni kienet barra minn hekk ikkonfermat fil-kuntest tal-proċedura, l-imsemmija konverżjoni tikkostitwixxi l-kuntest li fih dawn tal-aħħar twettqu, u li huwa biss dan l-irtitrar li jista’ jipproduċi l-effetti antikompetittivi kkontestati mill-Kummissjoni u għaldaqstant li għandhom jiġu kklassifikati bħala abbuż.

141    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv tal-appell

–       L-argumenti tal-partijiet

142    Permezz tas-sitt aggravju tagħha, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-aġir inkriminanti fil-kuntest tat-tieni abbuż kellu t-tendenza li jirristrinġi l-kompetizzjoni. Huma jsostnu li s-sempliċi eżerċizzju ta’ dritt rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni jista’ l-iktar l-iktar jiġi kklassifikat bħala “abbużiv” biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġifieri meta jkun hemm eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni effettiva, sempliċi propensjoni li tiġi distorta l-kompetizzjoni ma hijiex biżżejjed għal dan il-għan. F’dan ir-rigward għandha ssir analoġija mal-każijiet ta’ liċenzja obbligatorja bħala dik trattata fis-sentenza tad-29 ta’ April 2004, IMS Health (C-418/01, Ġabra p. I-5039). Din l-analoġija hija ġġustifikata bl-“esproprjazzjoni effettiva” tad-dritt li jintalab l-irtirar tal-ATS u mill-fatt li l-projbizzjoni fuq l-irtirar hija forma ta’ liċenzja obbligatorja. L-appellanti jsostnu, barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 830 tas-sentenza appellata, AZ kien għad kellu, wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ esklużività mogħti mid-Direttiva 65/65, drittijiet esklużivi fuq id-data klinika li baqgħet kunfidenzjali, li din id-direttiva ma tipprovdix obbligu għall-kumpannija li jipprovdu din l-informazzjoni kunfidenzjali li jaqsmuha mal-kompetituri l-oħrajn.

143    L-appellanti jqisu konsegwentement li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 824 sa 827 u 829 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kellha turi f’din il-kawża mhux biss li l-irtirar tal-ATS għamel il-kompetizzjoni “iktar diffiċli”, iżda li dan l-irtirar kellu effett sproporzjonat fuq il-kompetizzjoni. Meta jiġi applikat dan l-allegat kriterju korrett, l-irtirar tal-ATS ma jistax jiġi kkwalifikat bħala abbuż, peress li f’dan il-każ, il-kompetitizzjoni ma kinitx eliminata la għal dak li jikkonċerna l-prodotti ġeneriċi u lanqas fil-livell tal-importazzjonijiet paralleli.

144    Fir-rigward tal-prodotti ġeneriċi, l-appellanti jsostnu li, minn naħa, l-irtirar tal-Ats ma ċaħħadx lill-produtturi ta’ dawn il-prodotti li kienu diġà preżenti fis-suq milli jkomplu jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-produtturi li ma kienx għadhom attivi fis-suq kellhom għad-dispożizzjoni opzjonijiet oħrajn minn dik tal-proċedura mqassra prevista fil-punt 8(a)(iii) tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 65/65, anki jekk dawn l-opzjonijiet kienu “inqas vantaġġużi”.

145    Rigward l-importazzjonijiet paralleli, l-appellanti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kellha tiġi annullata wkoll sa fejn kienet tikkonċerna r-Renju tal-Isvezja, mhux biss għaliex il-kompetizzjoni kienet biss ristretta milli eleminata, iżda wkoll minħabba l-fatt li din ir-restrizzjoni kienet f’dan il-każ ikkawżata mill-applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni mill-awtorità Svediża, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 28 KE u 30 KE jipprekludu l-irtirar tal-ATS ta’ prodott farmaċewtiku jinkludi, fih innifsu, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-importazzjonijiet paralleli fin-nuqqas ta’ riskju għas-saħħa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, Paranova Läkemedel et, C-15/01, Ġabra p. I-4175, punti 25 sa 28 u 33, u Paranova, C-113/01, Ġabra p. I-4243, punti 26 sa 29 u 34).

146    Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli peress li, bl-argumenti tagħhom ibbażati fuq liċenzji obbligatorju, l-appellanti rrepetew sempliċement l-argumenti li huma semmew diġà fl-ewwel istanza, mingħajr ma taw raġunijiet għaliex l-eżami li għamlet il-Qorti Ġenerali ta’ dawn l-argumenti hija żbaljata. Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju huwa infondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

147    Kuntrarjament għal dak li ssosnti l-Kummissjoni, dan l-aggravju ma huwiex inammissibbli. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju min-naħa tal-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi evalwati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid waqt l-appell. Fil-fatt, li kieku rikorrent ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq l-argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (ara s-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, AEPI vs Il-Kummissjoni, C-425/07 P, Ġabra p. I‑3205, punt 24, u tad-29 ta’ Lulju 2010, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑54/09 P, Ġabra p. I‑7533, punt 43).

148    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li dan l-aggravju huwa infondat. Fil-fatt, is-sitwazzjoni li tikkaratterizza t-tieni abbuż bl-ebda mod ma hija komparabbli ma’ liċenzja obbligatorja jew mas-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza IMS Health, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-appellanti, li kienet tikkonċerna r-rifjut minn impriża f’pożizzjoni dominati, li kienet proprjetarja ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali fuq struttura tal-briks, li tagħti lill-kompetituri tagħha liċenzja għall-użu ta’ din l-istruttura.

149    Għaldaqstant, il-possibbiltà mogħtija mid-Direttiva 65/65 li tiġi rtirata l-ATS ma hijiex ekwivalenti għal dritt ta’ proprjetà. Għaldaqstant, il-fatt li, fid-dawl tar-responsabbiltà speċjali tagħha, impriża f’pożizzjoni dominanti ma tistax tirrikorri għal din il-possibbiltà b’mod li tfixkel jew li tirrendi iktar diffiċli d-dħul ta’ kompetituri fis-suq, sakemm hija tista’, bħala impriża involuta f’kompetizzjoni fuq il-merti, tibbaża ruħha fuq motivi li jirrigwarda d-difiża tal-interessi leġittimi tagħha jew ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi, ma jikkostitwixxix la “esproprjazzjoni effettiva” ta’ tali dritt u lanqas obbligu li tingħata liċenzja, iżda sempliċi limitazzjoni tal-opzjonijiet magħmula disponibbli mid-dritt tal-Unjoni.

150    Il-fatt li l-eżerċizzju ta’ tali opzjonijiet minn impriża dominanti huwa limitat jew suġġett għal kundizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni diġà dgħajfa minħabba l-preżenza ta’ tali impriża ma tiġix ulterjorament ippreġudikata ma huwa bl-ebda mod eċċezzjonali u ma jiġġustifikax, bil-kontra ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju liberu ta’ dritt esklużiv li jissanzjona t-twettiq ta’ investiment jew ta’ kreazjoni, deroga għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE.

151    Rigward l-argument tal-appellanti li AZ kien għad kellu drittijiet esklużivi fuq id-data klinika, inkluża fil-fajl, li baqgħet kunfidenzjali, li jonqos milli jikkunsidra l-fatt li, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 681 tas-sentenza appellata, din id-Direttiva 65/65 ħolqot, fi kwalunkwe każ, limitazzjoni għal dawn l-allegati drittijiet billi stabbiliet, fil-punt 8(a)(iii) tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 tagħha, proċedura mqassra li tippermetti, wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ esklużività ta’ sitt jew ta’ għaxar snin, lill-awtoritajiet nazzjonali li jibbażaw ruħhom fuq id-data u lill-produtturi ta’ prodotti mediċinali essenzjalment simili li jibbenefikaw mill-eżistenza tagħhom għal finijiet li jingħataw ATS. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat, fil-punti 670, 674, 680 u 830 tas-sentenza appellata, li d-Direttiva 65/65 ma għadhiex tirrikonoxxi lil AZ id-dritt esklużiv li juża r-riżultati tat-testijiet farmaloġiċi, tossoloġiċi u kliniċi inklużi fil-fajl.

152    Barra minn hekk, sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali ma jiżvelawx din id-data lill-applikanti fil-kuntest tal-proċedura mqassra, il-konstatazzjoni tat-tieni abbuż ma għandhiex, kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-konsegwenza li l-kompetituri jingħataw l-aċċess għad-data klinika u ma tippreġudikax il-kunfidenzjalità tagħha.

153    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet, fil-punti 678 sa 684 tas-sentenza appellata, l-argument tal-appellanti li l-kompatibbiltà tal-Artikolu 82 KE tal-aġir inkriminanti fil-kuntest tat-tieni abbuż kellu jiġi evalwat skont il-kriterji applikati, fost oħrajn, fis-sentenza IMS Health, iċċitata iktar ’il fuq, jew billi ddeċidiet, fil-punti 824 u 826 tas-sentenza appellata, li, għall-finijiet tal-kwalifikazzjoni ta’ dan l-aġir bħala abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, kien biżżejjed li jintwera li dan l-aġir huwa ta’ natura li jirristrinġi l-kompetizzjoni, u b’mod partikolari, li jikkostitwixxi ostaklu għad-dħul fis-suq tal-prodotti ġeneriċi u għall-importazzjonijiet paralleli.

154    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, billi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx effettivament ipproduċietx din il-prova għall-prodotti ġeneriċi, fil-punti 829 sa 835 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-kuntest regolatorju joffri mezzi alternattivi, iktar onerużi u itwal, sabiex jinkiseb ATS ma jipprevenix l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti min-natura abbużiva tiegħu, peress li dan l-aġir, ikkunsidrat oġġettivament, għandu l-uniku għan li jrendi indisponibbli l-proċedura mqassra prevista mil-leġiżlatur fil-punt 8(a)(iii) tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 65/65 u, għaldaqstant, li jeskludi l-prodotturi ta’ prodotti ġeneriċi mis-suq għall-itwal żmien possibbli u li jżid l-ispejjeż tagħhom sabiex jgħelbu l-barrieri għad-dħul fis-suq, billi b’dan il-mod idewwem il-pressjoni kompettiva sinjifikattiva eżerċitata minn dawn il-prodotti.

155    Barra minn hekk, fir-rigward tal-importazzjonijiet paralleli fl-Isvezja, huwa paċifiku li, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punti 862 u 863 tas-sentenza appellata, l-irtirar tal-ATZ tal-kapsuli tal-Losec fil-fatt kellu l-effett li jfixkel l-importazzjonijiet paralleli perss li l-aġenzija tal-prodotti farmaċewtiċi Svediża rtirat l-awtorizzazzjoni għall-importazzjonijiet paralleli b’effett mill-1 ta’ Jannar 1999 u mit-30 ta’ Ġunju 1999 rispettivament, billi qieset li dawn l-awtorizzazzjonijiet ma setgħux jingħataw ħlief meta jkun hemm ATS validi. Barra minn hekk, mill-punt 814 tas-sentenza appellata u mid-dokumenti msemmija fiha jirriżulta li din il-konsegwenza kienet prevista, kif ukoll ippjanata, minn AZ. Il-fatt biss li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha ċċitati iktar ’il fuq Paranova Läkemedel et kif ukoll Paranova, iddeċidiet, ħafna snin wara, li l-irtirar ta’ ATS għal raġunijiet oħra differenti mis-saħħa pubblika ma jiġġustifikax il-waqfien awtomatiku tal-awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni parallela meta l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tista’ tiġi żgurata minn mezzi alternattivi, bħal kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stati Membri oħra, ma jbiddilx il-fatt li l-irtirar tal-ATS kien, fil-moment meta l-applikazzjoni għal dan l-irtirar ġiet ippreżentata, ta’ natura li jfixkel l-importazzjoniijiet paralleli.

156    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-multa

 Is-sentenza appellata

157    Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 884 sa 914 tas-sentenza appellata, eżaminat u ċaħdet l-erba’ motivi invokati mill-appellanti li bihom huma kkritikaw il-legalità tal-multa li ġiet imposta fuqhom mill-Kummissjoni. Dawn l-ilmenti kienu jikkonċernaw, il-preskrizzjoni ta’ ċerti atti inkriminanti, il-gravità tal-ksur, it-tul tagħhom u l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti. Il-Qorti Ġenerali madankollu naqset l-ammont tal-multa fid-dawl tal-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tieni abbuż imfakkar fil-punt 124 ta’ din is-sentenza.

 L-argumenti tal-partijiet

158    Permezz tas-seba’ aggravju tagħhom, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-appellanti jsostnu li l-ammont tal-multa imposta fuqhom huwa eċċessiv.

159    Fil-kuntest tal-ewwel parti, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kellha tnaqqas dan l-ammont tal-multa abbażi tal-fatt li l-abbużi ma kinux tas-soltu. F’dan il-każ, ir-regoli tal-kompetizzjoni li jirrigwardaw dan l-abbużi kienu għadhom qatt ma ġew stabbiliti qabel, li, skont dak li kien deċiż fil-punt 163 tas-sentenza AKZO vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa simbolika. Għar-raġunijiet stabbiliti fil-kuntest tal-argument tagħhom li jikkonċerna t-tielet aggravju, l-appellanti jikkontestaw l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fejn jingħad li l-prattiki li jikkostitwixxu l-ewwel abbuż kienu manifestament kontra l-kompetizzjoni fuq il-merti b’tali mod li tnaqqis tal-multa biex tittieħed inkunsiderazzjoni n-novità tagħhom kienet eskluża. Il-ġurisprudenza li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat din l-analiżi ma tapplikax, peress li tirrigwarda ipoteżi kompletament differenti. Għal dak li jirrigwarda t-tieni abbuż, l-appellanti jsostnu li l-fatt li t-talba ta’ AZ biex jirtira l-ATS tiegħu kienet permessa skont id-drittt al-Unjoni għandu jitqies bħala ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika t-tnaqqis tal-multa.

160    Fil-kuntest tat-tieni parti tas-seba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li n-nuqqas ta’ effetti antikompetittivi huwa fattur li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta teżamina mill-ġdid l-ammont tal-multa. Huma jibbażaw ruħhom, f’dan ir-rigward, fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, Ġabra p. I‑4429), kif ukoll tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, ARBED vs Il-Kummissjoni (T‑137/94, Ġabra p. II‑303). Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-ewwel abbuż, ma kien hemm ebda effetti antikompetittivi fid-Danimarka u fir-Renju Unit peress li ma kinux ingħataw ĊPS. Fil-Ġermanja, filwaqt li ngħata ĊPS, dan kien ġie annullat tant qabel ma daħal fis-seħħ li ma setax, għaldaqstant, affettwa l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ma hemmx prova li, fil-fatt, ġiet restritta l-kompetizzjoni fil-Belġju, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fin-Norveġja. Għal dak li jirrigwarda t-tieni abbuż, l-appellanti jqisu li l-applikazzjoni inkorretta tad-dritt tal-Unjoni mill-awtoritajiet Svediżi kompetenti jikkostitwixxi fattur mitiganti għal tnaqqis tal-multa.

161    Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli sa fejn għandu bħala għan l-eżami ġenerali mill-ġdid tal-multa u, fi kwalunkwe każ, tqisu infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

162    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, minħabba raġunijiet ta’ ekwità, ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, fl-eżerċizju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 31, u tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 129).

163    Madankollu, kif ukoll josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-appellanti ma jridux, permezz ta’ dan l-aggravju, jiksbu sempliċement eżami ġenerali mill-ġdid tal-multi imposti, iżda jsostnu li, l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa b’mod legalment korrett in-novità tal-ksur inkwistjoni u tal-effetti ta’ dan il-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi. Konsegwentement dan l-aggravju huwa inammissibbli.

164    Fir-rigward tal-ewwel parti tal-imsemmi aggravju, ibbażat fuq in-natura ta’ novità taż-żewġ abbużi ta’ pożizzjoni dominanti, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-abbużi kellhom, kif il-Qorti Ġenerali enfasizzat fil-punt 900 tas-sentenza appellata, l-għan deliberat li jeskludu l-kompetituri mis-suq. Għaldaqstant huwa paċifiku li għalkemm il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni kien għad ma kellhomx l-opportunità li jiddeċiedu speċifikament fuq l-aġir bħal dak li kkaratterizza dawn l-abbużi, AZ kien konxju min-natura ferm antikompettiva tal-aġir tiegħu u kellu jistennieh li jkun inkompatibbli mar-regoli ta’ kompetizjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif diġà ġie espost fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tielet u tal-ħames aggravji, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li dan l-aġir kien manifestament kuntrarju għal kompetizzjoni fuq il-merti.

165    Għal dak li jikkonċerna t-tieni parti ta’ dan l-aggravju, li jikkonċerna b’mod partikolari n-nuqqas ta’ effetti antikompettivi konkreti tal-ewwel abbuż fid-Danimarka, fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jistgħux jieħdu vantaġġ, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa, mill-fatt li, bis-saħħa tal-intervent ta’ terzi, l-aġir ferm antikompettiv tagħhom, li seta’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni, mhux dejjem ipproduċa l-effetti mistennija. L-istess, l-appellanti ma jistgħux jibbenefikaw mill-fatt li l-aġir inkriminanti fil-kuntest tat-tieni abbuż fil-fatt twassal lill-awtoritajiet Svediżi, kif AZ kien ippreveda, sabiex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjon paralleli li jiksru l-Artikoli 28 KE u 30 KE u għaldaqstant iġġeneraw eżattament l-effetti antikompetittivi mfittxija minn AZ. Barra minn hekk il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 902 tas-sentenza appellata, li elementi li jirrigwardaw is-suġġett ta’ aġir jistgħu jkunu iktar sinjifikattivi għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa minn dawk li jirrigwardaw l-effetti tiegħu.

166    Konsegwentement il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 901 sa 903 u 914 tas-sentenza appellata, li n-natura ta’ novità tal-abbużi u l-fatt li dawn mhux dejjem ipproduċew l-effetti mistennija minn AZ ma jiġġustifikawx la bidla tad-deskrizzjoni ta’ dawn l-abbużi bħala ksur gravi jew il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti u għaldaqstant tnaqqis tal-multa għal dawn ir-raġunijiet.

167    Għaldaqstant, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

168    Peress li ebda aggravju ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-appell inċidentali ppreżentat mill-EFPIA

169    L-argumenti mressqa mill-EFPIA insostenn tal-appell inċidentali tagħha jirrigwardaw, sa fejn huma ma ġewx ippreżentati fil-kuntest tal-appell prinċipali, il-konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset, abbażi ta’ evalwazzjoni mwettqa fil-punti 239 sa 294 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest meta kkonkludiet li AZ żamm, matul ċerti perijodi determinati, tali pożizzjoni dominanti fuq diversi swieq nazzjonali matul il-perijodu ta’ referenza.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

170    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-EFPIA tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-irwol tal-Istat. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx b’mod partikolari jekk is-sehem kbir mis-suq ta’ AZ ippermettilux li jaġixxi b’mod indipendenti mill-kompetituri u klijenti tiegħu jew, min-naħa l-oħra, jekk ir-rwol tal-Istat, bħala xerrej monopsonist ta’ prodotti mediċinali li jeħtieġu preskrizzjoni u simultanjament bħala regolatur tal-prezz, ipprekludiex jew tal-inqas naqqasx l-allegata saħħa fuq is-suq ta’ AZ.

171    Il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha, fil-punt 257 tas-sentenza appellata, li tikkonferma l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, li madankollu ma humiex suffiċjenti sabiex jissostanzjaw il-konklużjoni li AZ seta’ jaġixxi b’mod indipendenti meta kien qed jiżviluppa f’s-suq li kien irregolat ħafna f’termini ta’ prezz u kien hemm kompetizzjoni qawwija f’termini ta’ innovazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx lanqas sa fejn is-setgħa ta’ negozjar tal-impriżi farmaċewtiċi tagħtihom saħħa fuq is-setgħa ta’ negozjar tal-Istat.

172    Barra minn hekk, mill-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 191 u 262 tas-sentenza appellata jirriżulta li, minn naħa, is-sensibbiltà tat-tobba u tal-pazjenti għad-differenzi fil-prezz kienet limitata minħabba l-importanza tar-rwol li għandha l-effettività terapewtika u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-prodotti mediċinali kienu kompletament jew il-parti kbira minnhom koperti mis-sistemi tas-sigurtà soċjali, li l-prezz kellu impatt limitat fuq in-numru ta’ preskrizzjonijiet għal-Losec u, għaldaqstant fuq is-sehem mis-suq ta’ AZ. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 261 tal-imsemmija sentenza, ebda konklużjoni sinjifikattiva dwar is-setgħa tas-suq ma tista’ tinsilet mill-fatt li AZ seta’ jżomm ishma ikbar minn dawk tal-kompetituri tiegħu filwaqt li jitlob prezzijiet ogħla.

173    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli, peress li l-EFPIA qiegħda sempliċement titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħmel evalwazzjoni ġdida fuq il-konstatazzjonijiet fattwali li għamlet il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju huwa infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

174    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa ammissibbli peress li l-EFPIA ma tikkontestax il-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali, iżda tikkritikaha, minn naħa, li naqset milli teżamina l-effett tar-rwol tal-Istat sabiex jiddetermina jekk AZ kienx iżomm, matul il-perijodu ta’ referenza, pożizzjoni dominanti u, min-naħa l-oħra, li kkonfermat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ konstatazzjonijiet insuffiċjenti.

175    Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan l-aggravju, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-pożizzjoni dominanti msemmija fl-Artikolu 82 KE tirrigwarda pożizzjoni ta’ saħħa ekonomika ta’ impriża, li tagħtiha l-poter li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi tagħtiha l-possibbiltà li taġixxi b’mod notevolment indipendenti mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-konsumaturi. B’mod ġenerali, l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tirriżulta mill-għaqda ta’ diversi fatturi, li, meħuda individwalment, ma humiex neċessarjament determinanti (sentenzi tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punti 65 u 66, kif ukoll Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 39).

176    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġusstizzja diġà kellha l-okkażjoni li tispeċifika li, għalkemm is-sinjifikat tal-ishma mis-suq jista’ jkun differenti minn suq għal ieħor, il-pussess, matul iż-żmien, ta’ sehem fis-suq kbir ħafna jikkostitwixxi, ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (senetenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41), u li ishma mis-suq ta’ iktar minn 50 % jikkostitwixxu ishma fis-suq kbar ħafna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

177    Kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punti 245 sa 253, 279, 288 u 290 tas-sentenza appellata, huwa paċifiku li AZ, matul il-perijodu ta’ referenza u fuq is-swieq ġeografiċi inkwisjtoni kollha, żamm ishma fis-suq kbar ħafna u ogħla minn dawk tal-kompetituri tiegħu, il-pożizzjoni tiegħu fuq dawn is-swieq kienet xi drabi wkoll qawwija. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punti 244, 245, 253 u 278 ta’ din is-sentenza, li, f’analiżi fil-fond tagħha tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni mwettqa mill-Kummissjoni li kienet tieħu inkunsiderazzjoni għadd ta’ elementi differenti, din tal-aħħar setgħet tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq l-ishma fis-suq ġeneralment kbar ħafna ta’ AZ bħala indikatur tas-setgħa tiegħu fis-suq, li kien mingħajr kull paragrun ma’ dawk ta’ atturi oħrajn fuq is-suq.

178    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-EFPIA, il-Qorti Ġenerali ma naqsetx milli teżamina jekk is-sehem fis-suq kbir ta’ AZ kienx jippermettilu li jaġixxi b’mod indipendenti mill-kompetituri tiegħu u mill-klijenti tiegħu u jekk is-setgħa tas-suq ta’ AZ kinitx prekluża jew imnaqqsa minħabba r-rwol tal-Istat bħala regolatur tal-prezzijiet u xerrej b’setgħa monopsonista għall-prodotti mediċinali maħruġa b’preskrizzjoni. Għal kuntrarju, hija wettqet, fil-punti 256 sa 268 tas-sentenza appellata, analiżi partikolarment iddettaljata f’dan ir-rigward.

179    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod partikolari, fil-punti 256 sa 260 ta’ din is-sentenza, li, għalkemm il-prezz jew il-livell ta’ rimbors jirriżultaw minn deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet pubbliċi, il-kapaċità ta’ impriża farmaċewtika li tikseb prezz jew livell ta’ rimbors ogħla tvarja skont il-valur miżjud u innovativ tal-prodott, li ppermetta lil AZ, bħala l-ewwel produttur li offra IPP li l-valur terapewtiku tiegħu kien ogħla iktar minn dak tal-anti-H2, li jikseb mill-awtoritajiet pubbliċi prezz ogħla fir-rigward tal-prodotti eżistenti u tal-prodotti “suċċessivi”.

180    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 262 u 264 tal-imsemmija sentenza, li s-sistemi ta’ saħħa li jikkaratterizzaw lis-swieq tal-prodotti farmaċewtiċi għandhom it-tendenza li jsostnu b’mod partikolari s-saħħa fis-suq tal-kumpanniji farmaċewtiċi billi jipproponu prodott ġdid li jkollu valur miżjud, inkwantu l-ispiża tal-mediċini hija kompletament jew fil-parti l-kbira tagħha koperta mis-sistemi tas-sigurtà soċjali, li jrendi d-domanda sostanzjalment inelastika. F’dan ir-rigward ġie espost li, fir-rigward ta’ impriżi li jibbenefikaw mill-pożizzjoni tal-ewwel persuna fis-suq, ir-rimborsi żgurati mis-sistemi tas-sigurtà soċjali, minn naħa, huma ffissati f’livelli relattivament għolja meta mqabbla mal-prodotti “suċċessivi” minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet pubbliċi li jnaqqsu l-ispejjeż tas-saħħa bil-għan li tiġi kkumpensata s-sensibbiltà limitata tat-tobba li jippreskrivu u tal-pazjenti għall-prezzijiet għoljin tal-prodotti mediċinali u, min-naħa l-oħra, jippermettu lill-impriża farmaċewtika li tibbenefika minnhom li tiffissa l-prezz tagħha f’livell għoli mingħajr il-biża’ li l-pazjenti u t-tobba jduru għal prodotti oħra li jkunu irħas.

181    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punti 261 u 266 tas-sentenza appellata, li l-fatt li AZ kien f’pożizzjoni li jżomm ishma fis-suq ferm ikbar minn dawk tal-kompetituri tiegħu filwaqt li applika prezzijiet ogħla minn dawk tal-IPP l-oħra, jikkostitwixxi element rilevanti li jindika li l-aġir ta’ AZ ma kinitx, b’mod sinjifikattiv, suġġett għal restrizzjonijiet eżerċitati mill-kompetituri tiegħu, mill-klijenti tiegħu u, finalment, mill-konsumaturi.

182    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

183    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-EFPIA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, l-istat tiegħu bħala l-ewwel wieħed li daħal fuq is-suq u s-saħħa finanzjarja tiegħu kienu jikkostitwixxu prova tal-pożizzjoni dominanti tiegħu. Tipikament dawn it-tliet karatteristiċi jappartjenu lil ħafna kumpanniji nnovattivi li jirnexxielhom jidħlu b’suċċess fil-kamp tar-riċerka għal prodotti ġodda u ma jħallu ssir ebda distinzjoni rilevanti bejn l-impriżi dominanti u dawk li ma humiex. Il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, applikat ħażin il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari s-sentenzi tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Magill” (C‑241/91 P u C‑242/91 P, Ġabra p. I‑743), kif ukoll IMS Health, iċċitata iktar ’il fuq, li kkonfermaw li s-sempliċi fatt li pussess ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma huwiex biżżejjed biex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti.

184    Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli sa fejn huwa bbażat fuq is-sempliċi dikjarazzjoni li s-sitwazzjoni finanzjarja u r-riżorsi umani ta’ AZ huma irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Għall-kumplament, l-imsemmi motiv huwa infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

185    Għandu jiġi kkonstatat li, l-ewwel nett, sa fejn dan l-aggravju huwa dirett kontra l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 283 u 286 tas-sentenza appellata, li jipprovdu li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest a’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni, fost fatturi oħrajn, il-pożizzjoni ta’ AZ bħala l-ewwel wieħed li daħal fis-suq tal-IPP u tas-saħħa finanzjarja tiegħu sabiex tiġi evalwata l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fuq is-suq, dan huwa inammissibbli peress li, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 130 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-EFPIA ma indikatx kif din il-konstatazzjoni hija vvizzjata minn żball ta’ liġi.

186    Fir-rigward, sussegwentement, tal-argumenti mressqa mill-EFPIA li jikkritikaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 275 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta inkludiet fl-imsemmija evalwazzjoni l-eżistenza u l-użu tad-drittijiet ta’ proprjetà ta’ AZ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 270 ta’ din is-sentenza, li, minkejja li l-pussess waħdu ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma jistax jitqies li jikkonferixxi din il-pożizzjoni, dan jista’ madankollu, taħt ċerti ċirkustanzi, joħloq pożizzjoni dominanti, b’mod partikolari billi jagħti lill-impriża l-possibbiltà li tostakola l-eżistenza ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Magill, punti 46 u 47).

187    Kif il-Qorti Ġenerali rrilevat f’dan ir-rigward fil-punt 271 tas-sentenza appellata, il-Losec, bħala l-ewwel IPP introdott fis-suq, kien igawdi minn protezzjoni permezz ta’ privattiva partikolarment b’saħħitha, li fuq il-bażi tagħha AZ ressaq diversi azzjonijiet legali li ppermettewlu li jeżerċita restrizzjonijiet sostanzjali fuq il-kompetituri tiegħu. Barra minn hekk, l-eżistenza u l-użu tad-drittijiet ta’ proprjetà kienu biss wieħed mill-varji fatturi li fuqhom il-Kummissjoni kienet ibbażat, f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tagħha li AZ żamm pożizzjoni dominanti f’diversi swieq nazzjonali matul il-perijodu ta’ referenza.

188    Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-EFPIA, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ proprjetà intellettwali għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ma għandux bħala konsegwenza li l-kumpanniji li jintroduċu prodotti innovattivi fuq is-suq għandhom joqgħodu lura milli jakkwistaw portafoll komprensiv ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew li jimplementaw dawn id-drittijiet. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li tali pożizzjoni ma hijiex ipprojbita, l-abbuż tagħha biss, u li l-konstazzjonijiet tagħha ma timplikax fiha nfisha ebda kritika fir-rigward tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C-395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra p. I-1365, punt 37, u TeliaSonera Sverige, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

189    Konsegwentement, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat.

190    Sa fejn l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ aggravji tal-appell inċidentali mressaq mill-EFPIA ma ntlaqa’, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-appell inċidentali mressaq mill-Kummissjoni

191    L-appell inċidentali tal-Kummissjoni huwa dirett kontra l-kunsiderazzjonijiet li għamlet il-Qorti Ġenerali, stabbiliti fil-punti 840 sa 861 tas-sentenza appellata, li abbażi tagħhom hija ddeċidiet li l-Kummissjoni wriet, fir-rigward tar-Renju tal-Isvezja, iżda mhux fir-rigward tar-Renju tad-Danimarka u r-Renju tan-Norveġja, li l-irtirar tal-ATS tal-kapsuli tal-Losec seta’ jipprekludi l-importazzjonijiet paralleli ta’ dawn il-prodotti.

 L-argumenti tal-partijiet

192    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat ħażin ir-regoli dwar l-oneru u l-livell tal-prova meta eżiġiet mill-Kummissjoni li hija turi li l-awtoritajiet nazzjonali kienu jistgħu jirtiraw, jew fil-fatt, normalment irtiraw, l-awtorizzazzjonijiet għal importazzjoni parallela wara l-irtirar tal-ATS. Fir-realtà, il-Qorti Ġenerali kkonċentrat fuq l-effetti konkreti tal-prattika, minflok applikat il-kriterju legali li hija kienet stabbilixxiet għaliha nfisha. Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kontradittorja u għandha konsegwenzi paradossali. Għaldaqstant, ir-Renju tad-Danimarka kien speċifikament l-uniku pajjiż fejn l-istrateġija tal-irtirar ta’ AZ irriżultat li hija kompletament effettiva. Madankollu l-Qorti Ġenerali kkonstatat li n-nuqqas ta’ abbuż f’dan il-pajjiż, li juri li l-kriterju ta’ kawżalità applikat kien limitat wisq. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li kien hemm fatturi oħra li setgħu kkontribwixxew għall-esklużjoni tal-kummerċ parallel kollu ma jiġġustifikax il-konklużjoni li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ma setax ukoll ikollu dan l-effett. Barra minn hekk, sa fejn il-kuntest legali li kien jikkaratterizza t-tliet pajjiżi kien eżattament l-istess, huwa kontradittorju li jkun hemm riżultati differenti. B’żieda ma’ dan, fil-punt 850 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa provi kruċjali u fil-punti 839 u 846 ta’ din is-sentenza għamlet applikazzjoni manifestament żbaljata tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

193    Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 848 u 849 tas-sentenza appellata, li d-dokumenti ta’ AZ invokati mill-Kummissjoni kienu jirriflettu biss opinjoni personali, jew l-aspettattivi, tal-impjegati ta’ AZ u l-iktar l-iktar setgħu juru li din tal-aħħar kellha l-intenzjoni li tipprekludi l-importazzjonijiet paralleli billi tirtira l-ATS għall-kapsuli tal-Losec, tikkostitwixxi żnaturament manifest tal-provi. Dawn id-dokumenti juru li AZ kien għamel ir-riċerka tiegħu stess dwar il-prattiki tal-awtoritajiet nazzjonali u kien ikkonkluda li l-istrateġija tiegħu x’aktarx li kellha tirnexxi fit-tliet pajjiżi kkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta eżiġiet li l-Kummissjoni tinvestiga, ex posta facto, snin wara l-avvenimenti, fuq l-aġir li awtorità seta’ kellha, meta r-riċerka ta’ AZ fuq l-aġir tal-awtoritajiet kienet partikolarment affidabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma għandha tiġi kkritikata li ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ prattika li għadha ineżistenti, dan minħabba l-fatt li l-operazzjoni tal-sostituzzjoni u ta’ irtirar kienet mingħajr preċedent. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ċaħdet, fil-punt 849, ir-rilevanza tal-prova tal-intenzjoni ta’ AZ li tirristrenġi l-kompetizzjoni b’mezzi li ma jaqgħux taħt il-kompetizzjoni fuq il-merti, bi ksur tal-kriterju li hija stess kienet iffissat u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

194    Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-argument tal-Kummissjoni, għandhom jiġu eżaminati l-motivi li fuqhom il-Qorti Ġenerali f’din il-kawża ddeċidiet li, fid-dawl tal-argument tal-appellanti li t-tnaqqis ta’ importazzjonijiet paralleli kien dovut minħabba s-suċċess tal-Losec MUPS, din l-istitutuzzjoni ma wrietx b’mod suffiċjent skont il-liġi li l-irtirar, fid-Danimarka u fin-Norveġja, tal-ATS tal-kapsuli tal-Losec kien jista’ jeskludi l-importazzjonijiet paralleli ta’dawn il-prodotti.

195    Għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, ir-Renju tad-Danimarka, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 840, 843 u 847 tas-sentenza appellata, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata ma kienet tinkludi ebda element li jindika li, qabel id-deċiżjoni tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Paranova Läkemedel et kif ukoll Paranova, li l-kontenut tagħhom tfakkar fil-punt 156 ta’ din is-sentenza, kienet il-prattika tal-awtoritajiet Daniżi li jirtiraw awtomatikament awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjonijiet paralleli wara l-irtirar tal-ATS tal-prodott inkwistjoni għal raġunijiet li ma jirrigwardawx is-saħħa pubblika u, min-naħa l-oħra, li din id-deċiżjoni lanqas kienet tistabbilixxi li dawn l-awtoritajiet kienu rrevokaw l-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjonijiet paralleli tal-kapsuli tal-Losec.

196    Il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 846 tas-sentenza appellata, li huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li ġġib il-provi tanġibbli li jindikaw li, fil-każ ineżami, fid-dawl tal-kuntest regolatorju inkwistjoni, l-awtoritajiet nazzjonali setgħu jirtiraw, jew normalment kienu jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjonijiet paralleli wara l-irtirar, fuq talba tal-proprjetarju tagħhom, tal-ATS tal-prodott inkwistjoni. Fil-fatt, għalkemm is-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq Paranova Läkemedel et kif ukoll Paranova ngħataw biss diversi snin wara l-irtirar minn AZ tal-ATS tal-kapuli tal-Losec fid-Danimarka, ma jistax jiġi preżunt, fin-nuqqas ta’ tali provi, li l-awtoritajiet Daniżi setgħu jaġixxu għal dan l-irtirar bil-mod mixtieq minn AZ, bi ksur tal-Artikoli 28 KE u 30 KE, u li l-imsemmi rtirar kien għaldaqstant ta’ natura li jirristrinġi l-kompetizzjoni.

197    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma interpretatx ħażin, fil-punti 847 u 848 tas-sentenza apppellata, il-memorandum tat-22 ta’ Ottubru 1997, li fih il-konsulenti legali interni ta’ dan il-grupp esprimew l-opinjoni li “diversi awtoritajiet Skandinavi ġeneralment jadottaw” il-pożizzjoni li l-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjonijiet paralleli ma jistgħux jinżammu fis-seħħ wara l-irtirar tal-ATS, billi qiesu li dan id-dokument jirrifletti biss l-opinjoni personali, jew l-aspettattivi, tal-membri tad-dipartimenti ta’ AZ fir-rigward tar-reazzjoni ta’ “diversi awtoritajiet Skandinavi”, mingħajr madankollu ma jistabbilixxi li l-awtoritajiet Daniżi kienu fil-fatt inklinati li jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjoni parallela fil-każ ineżami, u li l-imsemmi dokumenti, l-iktar l-iktar, wera l-intenzjoni ta’ AZ li jeskludi l-importazzjonijiet paralleli permezz tal-irtirar tal-ATS tal-kapsuli tal-Losec. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jidher li qed tiddikjara l-Kummissjoni, l-aspettattivi ta’ AZ ma humiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu li l-irtirar tal-ATS fid-Danimarka kien oġġettivament ta’ natura li jwassal għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjonjijiet paralleli f’dan il-pajjiż.

198    Rigward l-argument tal-Kummissjoni li, fil-punti 850 u 851 tas-sentenza appellata li fihom hija eżaminat dokument tal-Bord tad-Diretturi ta’ AZ fid-Danimarka msemmi fil-punt 311 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni provi oħrajn, b’mod partikolari d-dokument Norveġiż fuq l-istrateġija post-privattiva msemmi fil-punt 302 ta’ din id-deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li mhux biss il-punt 311 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferi għall-punt 302 tagħha, iżda d-dokument Norveġiż fuq l-istrateġija post-privattiva bl-ebda mod ma jeskludi l-waqfien ta’ importazzjonijiet paralleli ta’ kapsuli tal-Losec fid-Danimarka kien, kif isostnu l-appellanti, dovut minħabba l-emigrazzjoni tal-konsumaturi lejn il-Losec MUPS u mhux irtirar tal-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjonijiet paralleli. Għalhekk, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 788 ta’ din is-sentenza, dan id-dokument speċifika sempliċement li, wara l-irtirar tal-ATS tal-kapsuli tal-Losec fl-1 ta’ Novembru 1998, il-konversjoni “ser tirriproduċi s-sitwazzjoni li kienet diġà seħħet matul l-introduzzjoni tal-MUPS® minn Astra Danemark” u li “kummerċ parallel tal-kapsuli tal-Losec® ser jieqaf gradwalment u ser isir kważi ineżistenti mill-1 ta’ Frar 1990”.

199    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet, fil-punt 852 tas-sentenza appellata, li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl tal-fatt li lanqas ma huwa stabbilit li l-awtoritajiet Daniżi rrevokaw l-awtorizzazzjonijiet tal-importazzjonijiet paralleli tal-kapsuli tal-Losec, l-ammissjoni ta’ preżunzjoni ta’ rabta ta’ kawżalità bejn l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-kapsuli tal-Losec fid-Danimarka u t-twaqqif tal-importazzjonijiet paralleli ta’ dan il-prodott f’dan il-pajjiż hija inkompatibbli mal-prinċipju li d-dubju għandu jibbenefika lid-destinatarju tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur.

200    Għal dak li jikkonċerna sussegwentement ir-Renju tan-Norveġja, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 856 sa 858 tas-sentenza appellata, li l-awtorità Norveġiża kienet awtorizzat li l-importazzjonijiet paralleli tal-kapsuli tal-Losec jitkomplew b’riferiment għall-ATS ta’ AZ għal-Losec MUPS, li kienet hija stess ibbażata fuq l-ATS tal-kapsuli tal-Losec u li l-aġir ta’ din l-awtorità kien konsistenti mal-prattika regolatorja permessa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Rhône-Poulenc Rorer u May & Baker, iċċitata iktar ’il fuq.

201    Il-fatt li tnaqqis sinjifikattiv fl-importazzjonijiet paralleli ta’ Losec fin-Norveġja kien ġie rreġistrat mis-sena 1988 minkejja l-fatt l-awtorità Norveġiża żammet l-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjonijiet paralleli tal-kapsuli tal-Losec, għandu t-tendenza li jeskludi li t-tnaqqis tal-imsemmija importazzjonijiet jirriżulta mill-irtirar tal-ATS u jista’, għal kuntrarju, jindika li dan it-tnaqqis kien ikkawżat minn tnaqqis fit-talba għall-kapsuli tal-Losec wara l-introduzzjoni tal-Losec MUPS.

202    Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punt 196 ta’din is-sentenza u kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 859 u 860 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma setgħetx, fin-nuqqas ta’ elementi tanġibbli, tippreżumi li, minkejja l-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjonijiet paralleli kienu fil-każ ineżami miżmuma, l-irtirar tal-ATS tal-kapsuli tal-Losec fil-Norveġja kien tal-inqas jista’ jwassal lill-awtoritajiet Norveġiżi sabiex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjonijiet paralleli.

203    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

204    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 184(2)tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

205    Peress li l-appellanti u l-EFPIA tilfu l-kawża, hemm lok li dawn tal-ewwel jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tal-appell prinċipali u t-tieni għal dawk tal-appell inċidentali, l-EFPIA għandha tbati barra minn hekk l-ispejjeż tagħha li jirrigwardaw l-intervent tagħha insostenn tal-appell prinċipali, kif mitlub mill-Kummissjoni

206    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha li jirrigwardaw l-appell inċidentali tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell prinċipali u dawk inċidentali huma miċħuda.

2)      AstraZeneca AB u AstraZeneca plc huma kkundannati għall-ispejjeż li jirrigwardaw l-appell prinċipali.

3)      Il-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA) hija kkundannata għall-ispejjeż tal-appell inċidentali tagħha u għandha tbati l-ispejjeż tagħha li jirrigwardaw l-appell prinċipali.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha li jirrigwardaw l-appell inċidentali tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.