Language of document : ECLI:EU:C:2013:500

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2013 (1)

Kawża C‑285/12

Aboubacar Diakité

vs

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju)]

“Dritt għall-ażil — Direttiva 2004/83/KE — Livelli stabbiliti minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja — Periklu serju — Artikolu 15(ċ) — Kunċett ta’ ‘konflitt armat […] intern’ — Interpretazzjoni b’referenza għad-dritt internazzjonali umanitarju — Kriterji ta’ evalwazzjoni”





1        Din il-kawża għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva 2004/83/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kwalifiki”) (2). Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura bejn A. Diakité, li għandu nazzjonalità Gineana, u l-Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (il-Kummissarju ġenerali għar-refuġjati u għall-persuni mingħajr stat; iktar ’il quddiem il-“Commissaire général”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li ma jagħtihx protezzjoni sussidjarja.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

2        L-Artikolu 3 komuni għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949 (3) (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève”), jistabbilixxi:

“F’każ ta’ kunflitt armat li ma jkollux natura internazzjonali u li jinqala’ fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti Għolja, kull waħda mill-Partijiet għall-kunflitt hija obbligata tapplika mill-inqas id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

1)      Il-persuni li ma jipparteċipawx direttament fl-ostilitajiet, inklużi l-membri tal-forzi armati li jkunu ċedew l-armi u l-persuni li jkunu waqfu mill-ġlied minħabba mard, feriti, priġunerija jew minħabba kwalunkwe kawża oħra, fi kwalunkwe ċirkustanza, għandhom jiġu ttrattati b’umanità […]

F’dan ir-rigward, huma u jibqgħu pprojbiti […], fir-rigward tal-persuni msemmija iktar ’il fuq:

a)      Il-perikli għall-ħajja u għall-integrità fiżika […]

[…]

c)      il-ksur tad-dinjità tal-persuni, b’mod partikolari t-trattamenti umiljanti u degradanti;

d)      il-kundanni mogħtija u l-eżekuzzjonijiet imwettqa mingħajr sentenza preċedenti, mogħtija minn qorti kkostitwita b’mod regolari […]

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

3        L-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ kunflitti armati mhux internazzjonali, tat-8 ta’ Ġunju 1977 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll II”) jistabbilixxi:

“1.      Dan il-protokoll, li jiżviluppa u jikkompleta l-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awissu 1949 mingħajr ma jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni attwali tiegħu, japplika għall-kunflitti armati kollha li ma humiex koperti mill-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949 dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ kunflitti armati internazzjonali (Protokoll I), u li jsiru fit-territorju ta’ Parti Kontraenti Għolja bejn il-forzi armati tagħha u forzi armati dissidenti jew gruppi armati organizzati li, taħt it-tmexxija ta’ kmand responsabbli, jeżerċitaw fuq parti mit-territorju tagħha kontroll tali li permezz tiegħu jistgħu kemm iwettqu operazzjonijiet militari kontinwi u miftiehma kif ukoll japplikaw dan il-protokoll.

2.      Dan il-protokoll ma huwiex applikabbli għal sitwazzjonijiet ta’ tensjonijiet interni, ta’ inkwiet intern, bħar-rewwixti, l-atti iżolati u sporadiċi ta’ vjolenza u atti oħrajn simili, li ma jitqiesux bħala kunflitti armati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Id-dritt tal-Unjoni

4        Skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki:

“‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz […] li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha [(4)] […], jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għalihom l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikawx, u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”.

5        Fil-Kapitolu V intitolat “Kwalifika għal protezzjoni sussidjarja”, l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-kwalifiki, intitolat “Periklu serju” jipprovdi:

“Periklu serju jikkonsisti minn:

(a)      piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

(b)      tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ l-oriġini; jew

(ċ)      theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna [għall-ħajja jew għall-persuna ta’ pajżan] minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern” (5).

6        Id-Direttiva dwar il-kwalifiki ġiet suġġetta għal riformulazzjoni bid-Direttiva 2011/95/UE (6) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kwalifiki l-ġdida”). Din id-direttiva tal-aħħar ma wettqet l-ebda emenda sostanzjali, la fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki [li sar l-Artikolu 2(f)] u lanqas fl-Artikolu 15 tagħha.

C –    Id-dritt Belġjan

7        L-Artikolu 48/4 tal-Liġi, tal-15 ta’ Diċembru 1980, dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin (7) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”), li jittrasponi l-Artikoli 2(e) u 15 tad-Direttiva dwar il-kwalifiki, jipprovdi:

“1.      L-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandu jingħata lil barrani li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala refuġjat u li ma jistax jibbenefika mill-Artikolu 9b, u li dwaru ikun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li jekk jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew, fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, fil-pajjiż fejn kellu r-residenza abitwali tiegħu, huwa jiffaċċja riskju veru li jġarrab il-periklu serju previst fil-paragrafu 2, u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż […].

2.      Għandhom jiġu kkunsidrati bħala periklu serju:

[…]

(ċ)      theddida serja għall-ħajja jew għall-persuna ta’ pajżan minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali”.

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Fil-21 ta’ Frar 2008, A. Diakité ressaq l-ewwel talba għal ażil fil-Belġju fejn invoka r-ripressjoni u l-fatti ta’ vjolenza li allegatament ġarrab fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’manifestazzjonijiet nazzjonali u f’movimenti ta’ protesta kontra l-awtoritajiet fis-setgħa. Fil-25 ta’ April 2008, il-Commissaire général ħa l-ewwel deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refjuġjat u tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. Fis-17 ta’ Novembru 2009, dik id-deċiżjoni ġiet irtirata u, fl-10 ta’ Marzu 2010, il-Commissaire général ħa deċiżjoni oħra ta’ rifjut tal-istatus ta’ refuġjat u tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Conseil du Contentieux des Étrangers fis-sentenza tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2010 (8) fejn ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ kredibbiltà tal-fatti msemmija u, għaldaqstant, tal-fondatezza tal-biża’ u tar-riskju veru tal-periklu serju allegat.

9        Mingħajr ma fil-frattemp kien reġa’ lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fil-15 ta’ Lulju 2010, A. Diakité ressaq, quddiem l-awtoritajiet Belġjani, talba oħra għal ażil.

10      Fit-22 ta’ Ottubru 2010, il-Commissaire général ħa deċiżjoni oħra ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refjuġjat u tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. Ir-rifjut li tingħata l-protezzjoni sussidjarja, li huwa l-uniku li ġie kkontestat fil-kawża prinċipali, kien immotivat bil-konstatazzjoni li f’dak iż-żmien fil-Ginea ma kienx hemm sitwazzjoni ta’ vjolenza indiskriminatorja jew ta’ kunflitt armat fis-sens tal-Artikolu 48/4(2) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980. Dik id-deċiżjoni kienet suġġetta għal appell ippreżentat quddiem il-Conseil du Contentieux des Étrangers, li kkonferma, b’sentenza tas-6 ta’ Mejju 2011 (9), ir-rifjut doppju tal-Commissaire général.

11      Fl-appell ta’ kassazzjoni amministrattiva quddiem il-Conseil d’État mill-imsemmija sentenza tas-6 ta’ Mejju 2011, A. Diakité invoka bħala l-uniku motiv il-ksur tal-Artikolu 48/4 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, b’mod partikolari tal-Artikolu 48/4(2)(c) tagħha u tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) tal-istess direttiva.

12      Quddiem il-qorti tar-rinviju, A. Diakité kkontesta s-sentenza tal-Conseil du Contentieux des Étrangers għaliex dan, wara li osserva li la d-Direttiva dwar il-kwalifiki u lanqas il-liġi Belġjana li ttrasponietha ma kienu jinkludu definizzjoni ta’ “konflitt armat”, iddeċieda li kien aħjar li tiġi adottata “id-definizzjoni […] stabbilita mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja [(TKIJ)] fil-kawża Tadic” (10). Huwa sostna li dik id-definizzjoni hija wisq restrittiva u qed jitlob li l-kunċett ta’ “konflitt armat […] intern” jiġi interpretat b’mod awtonomu u iktar wiesa’.

13      Il-Conseil d’État ifakkar li, fis-sentenza tiegħu tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (11), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fir-rigward tal-kunċett ta’ “vjolenza indiskriminatorja”, in-natura awtonoma tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki b’rabta mal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (12). Skont il-Conseil d’État, minħabba dik is-sentenza, u minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx deċiżjoni dwar il-kunċett speċifiku ta’ kunflitt armat “ma jistax jiġi eskluż, kif isostni [A. Diakité], li dan il-kunċett, fis-sens tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva [dwar il-kwalifiki], jista’ jiġi interpretat ukoll b’mod awtonomu, u jista’ jkollu sinjifikat speċifiku b’rabta mal-kunċett li jirriżulta mill-ġurisprudenza tat-[TPIJ], b’mod partikolari fil-kawża Tadic” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“(1) L-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva [dwar il-kwalifiki], għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprovdi biss protezzjoni f’sitwazzjoni ta’ ‘kunflitt armat intern’ kif interpretat mil-liġi umanitarja internazzjonali [iktar ’il quddiem id-‘DIU’], partikolarment b’referenza għall-Artikolu 3 komuni għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra […]?

(2) Jekk il-kunċett ta’ ‘kunflitt armat intern’ imsemmi fl-Artikolu 15(ċ) tad-direttiva [dwar il-kwalifiki] għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu mill-Artikolu 3 komuni għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra […], liema huma f’dan il-każ, il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali ‘kunflitt armat intern’?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15      A. Diakité, il-Gvern Belġjan, dak Ġermaniż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ir-rappreżentanti tagħhom kif ukoll dak tal-Gvern Franċiż instemgħu mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta tad-29 ta’ Mejju 2013.

IV – Analiżi

16      Id-domanda preliminari hija maqsuma f’żewġ partijiet li se jiġu eżaminati iktar ’il quddiem b’mod separat.

A –    Fuq l-ewwel parti tad-domanda preliminari

17      Bl-ewwel parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk il-kunċett ta’ “konflitt armat […] intern”, inkluż fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni jew jekk għandhiex tinterpretah b’mod konformi mad-DIU.

18      Ħlief għal A. Diakité u għall-Gvern tar-Renju Unit, li qed jitolbu, mingħajr riżerva, li tingħata interpretazzjoni awtonoma u wiesgħa ta’ dan il-kunċett (13), il-pożizzjonijiet espressi mill-partijiet ikkonċernati l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jibqgħu fluwidi. Il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, filwaqt li jsostnu n-natura awtonoma tal-imsemmi kunċett, jikkunsidraw li l-profil tiegħu għandu jitfassal abbażi tad-definizzjoni mogħtija mid-DIU, fost l-oħrajn sabiex tiġi żgurata koerenza bejn is-sistemi ta’ protezzjoni differenti fuq il-livell internazzjonali u tal-Unjoni. Il-Gvern Belġjan u dak Ġermaniż jikkunsidraw, min-naħa tagħhom, li dak il-kunċett għandu jkollu bħala sors ta’ interpretazzjoni prinċipali d-DIU, għalkemm ippreċiżaw li l-għan ta’ protezzjoni tad-Direttiva dwar il-kwalifiki jista’, b’mod eċċezzjonali, joħloq il-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ “konflitt armat […] intern” fis-sens tal-Artikolu 15(ċ) tagħha, anki meta r-rekwiżiti kollha tad-DIU ma jkunux ġew sodisfatti. B’hekk, minkejja li qed jitilqu minn premessi differenti, dawn il-partijiet ikkonċernati fil-prattika qed jaslu għal interpretazzjonijiet ferm konverġenti.

19      Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċetti ta’ “konflitt armat […] intern”, ta’ “kunflitt armat li ma għandux natura internazzjonali” u ta’ “kunflitt armat mhux internazzjonali” inklużi, rispettivament, fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki, fl-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève u fil-Protokoll II huma kważi identiċi mil-lat semantiku. Madankollu, din il-konstatazzjoni sempliċi waħidha ma tagħtix lok li jiġi konkluż li dawn il-kunċetti għandhom jingħataw l-istess interpretazzjoni.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifiki, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li twissi kontra kull mekkaniżmu li jwassal biex fil-kuntest tad-direttiva inkwistjoni jiġu inklużi kunċetti jew definizzjonijiet adottati f’kuntesti differenti, minkejja li dawn jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni (14). F’dan il-każ, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, ikollu jintuża kunċett li mhux biss jaqa’ f’qasam, kif se jingħad iktar ’il quddiem, ferm differenti, iżda li barra minn hekk jappartjeni lil ordinament ġuridiku differenti.

21      Fl-osservazzjonijiet li l-Gvern Franċiż ippreżenta waqt is-seduta, huwa fakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tinvolvi l-ebda riferiment espress għal-liġi tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment ikollhom interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha, fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (15). Dejjem skont il-Gvern Franċiż, f’dan il-każ għandu japplika l-istess kriterju.

22      Dan l-argument ma naħsibx li jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, kif enfasizza ġustament il-Gvern Ġermaniż, interpretazzjoni konformi ma’ dik adottata fil-kuntest ta’ konvenzjoni internazzjonali li torbot lill-Istati Membri kollha tissodisfa t-tħassib prinċipali ta’ dik il-ġurisprudenza, jiġifieri li tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li minn dik il-ġurisprudenza jista’ jinsilet prinċipju ġenerali li jkun validu lil hinn mir-relazzjonijiet bejn id-dritt tal-Unjoni u d-drittijiet tal-Istati Membri, fi kwalunkwe każ tali prinċipju ma jkunx idoneu sabiex jirregola r-relazzjonijiet bejn l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-ordinament ġuridiku internazzjonali.

23      Skont l-Artikolu 3(5) TUE, l-Unjoni “tikkontribwixxi […] għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali”. Kif sostniet kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompetenzi tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati fl-osservanza tad-dritt internazzjonali (16). Att adottat abbażi ta’ dawn il-kompetenzi għaldaqstant għandu jiġi interpretat, u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu limitat, fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali (17), fosthom, minbarra dawk li jirriżultaw minn ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni (18), ir-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, li jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tagħha (19). Is-supremazija ta’ dawn ir-regoli fuq it-testi tad-dritt derivat tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar, sa fejn ikun possibbli, jiġu interpretati f’konformità ma’ dawn ir-regoli (20).

24      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tosserva l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi meta tanalizza r-relazzjonijiet bejn id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-Unjoni (21).

25      Minkejja li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma għandhiex tiddependi mill-kwistjoni jekk l-att tal-istituzzjonijiet li għandu jiġi interpretat jinvolvix riferiment espliċitu għar-regoli tad-dritt internazzjonali, madankollu għandhom isiru żewġ preċiżazzjonijiet.

26      Minn naħa, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jiġi impost, fil-prinċipju, biss b’rabta mal-impenji internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni (22). F’dan il-każ, minkejja li huwa stabbilit li l-Unjoni ma hijiex parti għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949 u għall-protokolli addizzjonali tagħhom, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) sostniet li dawn l-atti jesprimu “prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li ma jistgħux jiġu miksura” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (23). Bħala tali, huma jorbtu lill-istituzzjonijiet, inkluż lill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiżgura interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun konformi ma’ dawn il-prinċipji.

27      Min-naħa l-oħra, il-konformità tad-dritt tal-Unjoni mad-dritt internazzjonali mil-lat interpretattiv għandha tiġi imposta biss meta tkun iġġustifikata koerenza ermenewtika bejn l-atti differenti inkwistjoni.

28      Dan ma huwiex, fil-fehma tiegħi, il-każ hawnhekk, b’mod partikolari meta jitqiesu d-differenzi fis-suġġett, fl-għanijiet u fil-mezzi li jeżistu bejn id-DIU, minn naħa, u l-mekkaniżmu tal-protezzjoni sussidjarja stabbilit mid-Direttiva dwar il-kwalifiki, min-naħa l-oħra, kif se jintwera iktar ’il quddiem.

1.      Suġġett, għanijiet u mezzi tad-DIU

29      Fl-opinjoni tagħha intitolata “Legalità tat-theddida jew tal-użu ta’ armi nukleari” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-QIĠ tiddefinixxi d-DIU bħala “sistema kumplessa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u unitarja fejn jikkonverġu ż-żewġ fergħat tad-dritt applikabbli fil-kunflitti armati, jiġifieri id-“dritt ta’ Den Haag” (24), li jikkodifika “il-liġijiet u l-użanzi tal-gwerra fuq l-art, jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-belliġerenti fit-twettiq tal-operazzjonijiet u jillimita l-għażla tal-mezzi sabiex issir ħsara lill-għadu fil-kunflitti armati internazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u d-“dritt ta’ Genève”, b’mod partikolari l-erba’ konvenzjonijiet tat-12 ta’ Awwissu 1949 u l-protokolli addizzjonali tal-1977 (25), “li jipproteġi lill-vittmi tal-gwerra u għandu l-għan li jissalvagwardja lill-membri tal-forzi armati li jkunu waqfu mill-ġlied u lill-persuni li ma jkunux qed jipparteċipaw fl-ostilitajiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (26).

30      Għalhekk, skont l-espressjoni li tintuża ta’ sikwit biex tiddeskrivih, id-DIU huwa “liġi tal-gwerra” (jus in bello), li għandu l-għan, minħabba raġunijiet umanitarji, li jillimita l-effetti tal-kunflitti armati, kemm billi jipprevedi restrizzjonijiet għall-mezzi u għall-metodi tal-gwerra kif ukoll billi jipproteġi lil ċerti kategoriji ta’ persuni u ta’ beni.

31      B’hekk, l-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949, ir-riżultat ta’ reviżjoni ta’ tliet konvenzjonijiet iffirmati fl-1929, jipprevedu li l-persuni li ma jkunux qed jipparteċipaw fil-ġlied, bħall-pajżana, il-persunal mediku jew reliġjuż u dawk li jkunu waqfu jipparteċipaw fil-ġlied, bħall-ġellieda feruti jew morda, in-nawfragi u l-priġunieri tal-gwerra, għandhom id-dritt li l-ħajja u l-integrità fiżika u morali tagħhom jiġu rispettati, għandhom id-dritt li jibbenefikaw minn garanziji ġudizzjarji u għandhom, f’kull ċirkustanza, jiġu protetti u ttrattati b’umanità, mingħajr ebda distinzjoni sfavorevoli. Kull waħda minn dawn il-konvenzjonijiet tinkludi dispożizzjoni dwar il-“ksur serju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fejn jiġi ppreċiżat il-ksur tal-konvenzjonijiet li għalih teżisti ġurisdizzjoni ripressiva obbligatorja universali fost l-Istati kontraenti (27).

32      Il-prinċipji stabbiliti mill-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève tal-1949, maħsuba inizjalment sabiex jiġu applikati fil-każijiet ta’ kunflitti internazzjonali biss, sussegwentement ġew estiżi għal sitwazzjonijiet ta’ gwerra ċivili.

a)      L-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève u l-estensjoni tal-prinċipji tagħhom għal kunflitti armati mhux internazzjonali

33      Fl-1949, fuq inizjattiva tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), it-tliet Konvenzjonijiet ta’ Genève tal-1929 li kienu fis-seħħ dak iż-żmien ġew riveduti u ġiet iffirmata konvenzjoni oħra dwar il-protezzjoni tal-pajżana. Waħda mill-emendi l-iktar importanti li ġiet introdotta f’dik l-okkażjoni kienet l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-erba’ Konvenzjonijiet għas-sitwazzjonijiet ta’ kunflitti armati “li ma jkollhomx natura internazzjonali”(28).

34      Għad-diskussjoni dwar it-test tal-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, li jikkodifika din l-estensjoni, ġew iddedikati 25 sessjoni tal-Konferenza Diplomatika, fejn finalment intlaħaq ftehim fuq test ta’ kompromess. B’differenza mill-abbozz ippreżentat waqt is-Sbatax-il Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar ta’ Stokkolma, li kien il-punt ta’ tluq tad-diskussjonijiet, it-test li ġie approvat finalment kien jipprevedi biss, f’każ ta’ kunflitt armat intern, l-applikazzjoni tal-prinċipji espressament elenkati fid-diċitura tal-artikolu biss. Minħabba li hija applikabbli biss għall-kunflitti armati interni u li tistabbilixxi l-prinċipji kollha applikabbli għal dawn il-kunflitti, din id-dispożizzjoni ġiet iddefinita bħala “konvenzjoni minjatura” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (29).

35      Waqt id-dibattiti dwar l-imsemmi Artikolu 3, il-biża’ prinċipali tal-Istati parteċipanti fil-Konferenza Diplomatika kienet li l-Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949 jiġu applikati “għal kull xorta ta’ rewwixta, ta’ ribelljoni, ta’ anarkija, ta’ diżintegrazzjoni tal-Istat jew ta’ sempliċi banditiżmu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li kien iwassal biex il-persuni responsabbli minn dawn l-atti jkunu jistgħu jinvokaw il-kwalità tagħhom ta’ belliġerenti sabiex jippretendu rikonoxximent legali u jeludu l-konsegwenzi tal-atti tagħhom. Din il-biża’ kienet riflessa fil-proposti li tressqu matul il-konferenza, li kellhom l-għan li jissuġġettaw l-applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet dwar il-kunflitti interni għal ċertu numru ta’ kundizzjonijiet, bħar-rikonoxximent, min-naħa tal-gvern tal-Istat kontraenti, tal-kwalità ta’ belliġerenti tal-parti avversarja, il-fatt li din ikollha forza militari organizzata u awtorità responsabbli mill-atti tagħha, li hija jkollha awtorità ċivili li teżerċita l-poter de facto fuq il-popolazzjoni ta’ frazzjoni partikolari mit-territorju nazzjonali jew li jkollha reġim li jkollu l-karatteristiċi ta’ Stat, u fl-aħħar nett, il-fatt li l-gvern tal-Istat kontraenti jkun imġiegħel isejjaħ lill-armata regolari sabiex jiġġieled lir-ribelli (30).

36      Fit-test finali, l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma ġiet adottata, bid-diċitura tal-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève tiġi limitata għall-preċiżazzjoni li l-artikolu japplika “[f]’każ ta’ kunflitt armat li ma jkollux natura internazzjonali u li jinqala’ fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti Għolja”. L-għan li tiġi limitata l-portata ta’ din id-dispożizzjoni ntlaħaq billi l-applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjonijiet ġiet ristretta biss għall-prinċipji espressament elenkati fiha, pjuttost milli ġew iddefiniti s-sitwazzjonijiet li fihom hija tapplika.

37      In-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ kunflitt armat li ma għandux natura internazzjonali fl-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève jagħmlu potenzjalment applikabbli għal kull tip ta’ kunflitt armat intern. Għal din ir-raġuni, fil-prattika, l-implementazzjoni ta’ dak l-artikolu sabet problemi li sikwit wasslu sabiex l-applikazzjoni tiegħu tiġi miċħuda.

i)      Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ kunflitt armat intern fid-DIU

38      Definizzjoni tal-kunċett ta’ “kunflitt armat mhux internazzjonali” ġiet introdotta fis-sistema tal-Konvenzjonijiet ta’ Genève biss fl-1977, bil-Protokoll II, li ġie konkluż sabiex l-Artikolu 3 komuni għal dawn il-konvenzjonijiet jiġi żviluppat u kkompletat “mingħajr ma jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni attwali tiegħu”.

39      Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 (31) tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Protokoll II huwa iktar ristrett meta pparagunat ma’ dak tal-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève. Madankollu, peress li l-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni nżamm b’mod espliċitu, din tkompli tapplika għall-kunflitti li ma għandhomx il-karatteristiċi deskritti fl-Artikolu 1 tal-Protokoll II u li ma humiex, għalhekk, koperti minnu. Hekk jiġri, pereżempju, fil-każ ta’ kunflitti bejn diversi fazzjonijiet rivali mingħajr l-intervent tal-forzi armati governattivi li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tal-Protokoll II, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu, billi dan tal-aħħar huwa applikabbli biss għall-konfrontazzjonijiet bejn il-forzi armati governattivi u l-forzi armati dissidenti jew gruppi armati organizzati.

40      Fil-Protokoll II, il-kunċett ta’ “kunflitt armat mhux internazzjonali” ġie, qabel kollox, iddefinit b’mod negattiv. B’hekk, skont l-Artikolu 1 tiegħu, minn naħa, il-kunflitti koperti mill-Artikolu 1 tal-Protokoll I, li jiddefinixxi l-kunflitti armati internazzjonali u, min-naħa l-oħra, is-“sitwazzjonijiet ta’ tensjonijiet interni [u] ta’ inkwiet intern, bħar-rewwixti, l-atti iżolati u sporadiċi ta’ vjolenza u atti oħrajn simili” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma humiex kunflitti ta’ dan it-tip (ara, rispettivament, l-Artikolu 1(1) u (2)).

41      L-Artikolu 1(1) tal-Protokoll II jelenka mbagħad ċertu numru ta’ kriterji oġġettivi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat mhux internazzjonali. Dawn il-kriterji, li huma tlieta, jeżiġu li r-ribelli jkollhom, l-ewwel nett, kmand responsabbli, it-tieni nett, kontroll ta’ parti mit-territorju biex b’hekk ikunu jistgħu jwettqu operazzjonijiet militari kontinwi u miftiehma u, it-tielet nett, il-kapaċità li japplikaw il-Protokoll.

42      Kemm skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll II kif ukoll skont l-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, jista’ jkun hemm kunflitt armat mhux internazzjonali biss jekk jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri ċertu grad ta’ intensità tal-kunflitt u ċertu grad ta’ organizzazzjoni tal-parteċipanti fil-ġlied (32). Sabiex jiġi stabbilit jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ikunux ġew sodisfatti, normalment jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ indikaturi fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali li għandha ssir każ b’każ.

43      B’hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-intensità, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura kollettiva tal-kunflitt kif ukoll il-mezzi użati mill-gvern sabiex jerġa’ jistabbilixxi l-ordni u, b’mod partikolari, il-fatt li huwa jkun obbligat li kontra r-ribelli jsejjaħ lill-forzi militari pjuttost milli juża s-sempliċi forzi tal-pulizija (33). It-tul tal-kunflitt, il-frekwenza u l-intensità tal-vjolenza, il-firxa taż-żona ġeografika kkonċernata, in-natura tal-armi użati, id-daqs tal-forzi użati u t-tip ta’ strateġija użata, l-ispostamenti volontarji jew sfurzati tal-popolazzjonijiet ċivili, il-kontroll tat-territorju min-naħa tal-gruppi armati involuti, is-sitwazzjoni ta’ inċertezza, in-numru ta’ vittmi u d-daqs tad-danni huma wkoll kriterji li ntużaw sabiex jiġi evalwat il-grad ta’ intensità tal-kunflitt (34). Il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull sitwazzjoni timplika li dawn il-kriterji la jistgħu jiġu elenkati b’mod eżawrjenti u lanqas jistgħu jiġu applikati b’mod kumulattiv (35).

44      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, li tirrigwarda l-grad ta’ organizzazzjoni tal-partijiet fil-kunflitt, din normalment titqies bħala li tkun ġiet sodisfatta f’dak li jirrigwarda lill-forzi armati governattivi. Min-naħa l-oħra, żewġ standards differenti jikkundizzjonaw l-applikazzjoni tal-Protokoll II u tal-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève fir-rigward tal-grad ta’ organizzazzjoni tar-ribelli. L-ewwel minn dawn l-istrumenti jeżiġi livell ta’ organizzazzjoni partikolarment għoli u jintroduċi l-kundizzjoni ta’ kontroll tat-territorju (36), filwaqt li sabiex jiġi applikat it-tieni wieħed, huwa suffiċjenti li l-partijiet għall-kunflitt ikollhom “ċertu struttura ta’ kmand” (37) [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li jkollhom il-kapaċità li jwettqu operazzjonijiet militari fit-tul (38).

45      Barra miż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, hemm it-tielet kundizzjoni, ta’ natura temporali, fid-definizzjoni ta’ “kunflitt armat mhux internazzjonali” mogħtija mit-TKIJ. Fis-sentenza Tadic, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Conseil du Contentieux des Étrangers ibbaża ruħu fuqha fil-proċedura tal-kawża prinċipali, it-TKIJ ikkunsidra li “ikun hemm kunflitt armat kull darba li tintuża l-forza armata bejn l-Istati jew kunflitt armat fit-tul bejn l-awtoritajiet governattivi u gruppi armati organizzati jew bejn gruppi bħal dawn fi ħdan Stat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (39). Din l-istess kundizzjoni tinsab fl-Artikolu 8(2)(f) tal-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) (40). Din id-dispożizzjoni, li hija ispirata mill-ġurisprudenza tat-TKIJ, tippreċiża li għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(2)(e) (41) tal-istess statut, “kunflitti armati li ma jkollhomx natura internazzjonali” għandha tfisser “il-kunflitti armati li jseħħu fit-tul fit-territorju ta’ Stat bejn l-awtoritajiet tal-gvern ta’ dak l-Istat u gruppi armati organizzati jew bejn gruppi armati organizzati” (42) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

46      Għandu jiġi enfasizzat li l-użu ta’ dan il-kriterju tat-tul ġie previst f’kuntest pjuttost preċiż, jiġifieri sabiex jiġi ddefinit il-ksur tad-DIU li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-QKI u ta’ qrati jew tribunali kriminali internazzjonali oħrajn u li, anki f’dan il-kuntest, dan il-kriterju jidher rilevanti biss, għall-inqas fil-kuntest tal-Istatut tal-QKI, sabiex jiġi kkriminalizzat ksur ieħor għajr dak tal-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève (43).

47      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, referenza għat-tul tal-kunflitt ġiet inkluża wkoll fil-pożizzjoni li l-ICRC adotta fl-2008 sabiex jispjega l-“opinjoni legali prevalenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ kunflitt armat mhux internazzjonali fid-dritt umanitarju (44). F’dan id-dritt, tali kunflitt ġie ddefinit bħala “konfrontazzjoni fit-tul bejn il-forzi armati governattivi u l-forzi ta’ grupp armat wieħed jew iktar, jew bejn gruppi armati bħal dawn, u li sseħħ fit-territorju ta’ Stat […] Din il-konfrontazzjoni armata għandha tilħaq livell minimu ta’ intensità u l-partijiet involuti fil-kunflitt għandhom juru livell minimu ta’ organizzazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

48      Kif intqal iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet biex ikun hemm kunflitt armat mhux internazzjonali ma jiġux sodisfatti f’sitwazzjonijiet ta’ “inkwiet intern” u ta’ “tensjonijiet interni”. Dawn iż-żewġ kunċetti ġew inklużi fl-Artikolu 1(2) tal-Protokoll II mingħajr ma ġew iddefiniti fih. Il-kontenut tagħhom ġie deskritt fid-dokumenti redatti mill-ICRC bi tħejjija għall-Konferenza Diplomatika tal-1971 (45). F’dawn id-dokumenti, l-“inkwiet intern” ġie ddefinit bħala “sitwazzjonijiet fejn, mingħajr ma jkun hemm stricto sensu kunflitt armat mhux internazzjonali, madankollu jkun hemm, fuq il-livell intern, konfrontazzjoni li tkun ta’ ċerta serjetà jew li jkollha ċerta tul u tinvolvi atti ta’ vjolenza. Dawn tal-aħħar jista’ jkollhom forom differenti, li jmorru mill-ġenerazzjoni spontanja ta’ atti ta’ ribelljoni għal ġlied bejn gruppi ftit jew wisq organizzati u l-awtoritajiet fis-setgħa. F’dawn il-kundizzjonijiet, li mhux bilfors jiddeġeneraw fi ġlied fil-miftuħ, l-awtoritajiet fis-setgħa jsejħu lil forzi kbar ta’ pulizija, jew lill-forzi armati, sabiex jerġgħu jistabbilixxu l-ordni intern. In-numru kbir ta’ vittmi jkun wassal għall-ħtieġa li jiġi applikat livell minimu ta’ regoli umanitarji” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-rigward tat-“tensjonijiet interni”, huma jirreferu għal “sitwazzjonijiet ta’ tensjoni kbira (politika, reliġjuża, razzjali, soċjali, ekonomika, eċċ.) jew konsegwenzi ta’ kunflitt armat jew ta’ inkwiet intern. Dawn is-sitwazzjonijiet ikollhom jew karatteristika waħda minn dawn li ġejjin jew il-karatteristiċi kollha f’daqqa: għadd kbir ta’ arresti; numru kbir ta’ priġunieri ‘politiċi’; il-probabbiltà ta’ trattamenti ħżiena jew ta’ kundizzjonijiet inumani ta’ priġunerija; is-sospensjoni ta’ garanziji ġudizzjarji fundamentali, minħabba li jitħabbar stat ta’ emerġenza, jiġifieri ta’ sitwazzjoni ta’ fatt; allegazzjonijiet ta’ għibien ta’ persuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

49      Il-kunċetti ta’ “inkwiet intern” u ta’ “tensjonijiet interni” jiddefinixxu l-livell inferjuri tal-kunċett ta’ kunflitt armat mhux internazzjonali għall-finijiet tal-applikazzjoni kemm tal-Protokoll II kif ukoll tal-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève (46). Sa issa, dawn is-sitwazzjonijiet ma ġewx inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-DIU.

ii)    Il-funzjoni tal-kunċett ta’ kunflitt armat mhux internazzjonali fid-DIU

50      Mill-espożizzjoni li saret iktar ’il fuq jirriżulta li l-kunċett ta’ kunflitt armat mhux internazzjonali għandu diversi funzjonijiet fid-DIU u li d-definizzjoni tiegħu li ngħatat f’dan il-kuntest tirrispondi għall-għanijiet speċifiċi ta’ din il-fergħa tad-dritt internazzjonali kif ukoll tad-dritt kriminali internazzjonali.

51      Qabel kollox, dan għandu l-funzjoni li jidentifika kategorija ta’ kunflitti li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi applikat id-DIU. F’dik il-funzjoni ta’ delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-DIU, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ kunflitt armat mhux internazzjonali tilħaq l-għan fundamentali li tiżgura li l-protezzjoni tal-vittmi ta’ dawn il-kunflitti ma tkunx tiddependi minn deċiżjoni arbitrarja tal-awtoritajiet ikkonċernati. Għaldaqstant, hija tinvolvi l-istabbiliment ta’ ċertu numru ta’ kriterji materjali oġġettivi li l-funzjoni tagħhom hija, prinċipalment, dik li jiġi eliminat sa fejn ikun possibbli kull marġni ta’ diskrezzjoni suġġettiv u li tissaħħaħ il-prevedibbiltà tad-DIU. Barra minn hekk, il-kriterji organizzattivi għandhom l-għan li jidentifikaw is-sitwazzjonijiet fejn huwa tabilħaqq possibbli li jiġu applikati r-regoli tad-DIU, billi l-partijiet fil-kunflitt ikollhom infrastruttura minima li permezz tagħha jkunu jistgħu jkunu żguri li dawn jiġu osservati.

52      Minbarra li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-DIU, il-kunċett inkwistjoni jservi wkoll biex tiġi ddeterminata s-sistema legali applikabbli għall-kunflitt. Kif diġà ntqal iktar ’il fuq, din is-sistema tvarja mhux biss skont jekk il-kunflitt ikollux dimensjoni internazzjonali jew interna (47), iżda anki skont jekk jissodisfax id-definizzjoni iktar restrittiva imposta mill-Protokoll II jew dik iktar wiesgħa prevista mill-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève. Minbarra nukleu komuni, li jirrigwarda l-kundizzjonijiet minimi ta’ intensità u ta’ organizzazzjoni tal-partijiet għall-kunflitti, ma naħsibx li jeżisti kunċett unitarju ta’ “kunflitt armat mhux internazzjonali” fid-DIU, billi l-kriterji li jippreċiżaw il-kontenut tiegħu jvarjaw skont l-istrument li għandu jiġi applikat.

53      Fl-aħħar nett, kif diġà ntqal iktar ’il fuq, f’ċerti kundizzjonijiet, l-atti mwettqa bi ksur tad-DIU matul kunflitt armat intern jikkostitwixxu “reati tal-gwerra”, li jistgħu jkunu suġġetti għal proċeduri legali abbażi tad-dritt kriminali internazzjonali (48). Ir-responsabbiltà kriminali li tista’ tirriżulta mit-twettiq ta’ tali atti teżiġi li l-kontenut tal-kunċetti li jsawru d-definizzjoni tal-inkriminazzjoni jiġi ppreċiżat b’mod suffiċjentement dettaljat. Il-kriterji organizzattivi użati fid-DIU sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ kunflitt armat mhux internazzjonali għandhom importanza partikolari f’dan il-kuntest, fejn ikollha tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali tal-persuni li jokkupaw pożizzjonijiet f’livelli differenti tal-ġerarkija tal-grupp ikkonċernat.

54      Barra minn hekk, għandu jitfakkar, b’mod iktar ġenerali, li l-proċess ta’ tfassil tal-kunċett ta’ kunflitt armat mhux internazzjonali fid-DIU isir b’mod gradwali, proċedura li tirrifletti l-istat attwali ta’ applikazzjoni u ta’ żvilupp ta’ din il-fergħa tad-dritt internazzjonali. F’dan il-kuntest, f’kull fażi, ir-rekwiżit primarju huwa li jintlaħaq ftehim sabiex tiġi ppreżervata l-effettività tas-sistema, li inevitabbilment jirriżulta, kif jixhdu x-xogħlijiet tal-konferenzi diplomatiċi li wasslu għall-adozzjoni tal-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève u tal-Protokoll II, f’soluzzjonijiet ta’ kompromess.

55      Fi ftit kliem, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ kunflitt armat mhux internazzjonali fid-DIU jissodisfa għanijiet speċifiċi li huma adatti għal dik il-fergħa tad-dritt internazzjonali u li huma, kif ser jiġi spjegat iktar ’il quddiem, estranji għas-sistema tal-protezzjoni sussidjarja fid-dritt tal-Unjoni.

2.      Suġġett, għanijiet u mezzi tal-mekkaniżmu tal-protezzjoni sussidjarja

56      Id-Direttiva dwar il-kwalifiki hija l-ewwel fażi tal-proċess ta’ armonizzazzjoni tal-politika tal-ażil tal-Unjoni. Dan il-proċess għandu jwassal għall-ħolqien ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil bħala “parti kostitwenti ta’ l-għan ta’ l-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi erja [spazju] ta’ liberta, sigurta u ġustizzja miftuħa għal dawk li, sfurzati miċ-ċirkostanzi, leġittimament ifittxu protezzjoni [fl-Unjoni]” (premessa 1 tad-Direttiva dwar il-kwalifiki) (49).

57      L-għan ewlieni ta’ din l-ewwel fażi kien, b’mod partikolari, “li jiżgura li Stati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali” (50), biex jitnaqqsu d-diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki tal-Istati Membri f’dan il-qasam (51).

58      Il-punt 14 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999, li d-Direttiva dwar il-kwalifiki għandha l-għan li timplementa, jirrakkomanda fost l-oħrajn l-adozzjoni ta’ “miżuri dwar forom sussidjarji ta’ protezzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li huma intiżi sabiex jikkompletaw ir-regoli dwar l-istatus ta’ refuġjat u joffru “stat xieraq” [traduzzjoni mhux uffiċjali] lil kull persuna li, għalkemm ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tiġi kkunsidrata bħala refuġjata, però tkun teħtieġ protezzjoni internazzjonali.

59      Skont dawn il-konklużjonijiet, id-Direttiva dwar il-kwalifiki tenfasizza li l-miżuri ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu kkunsidrati bħala kumplimentari għas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita bil-Konvenzjoni ta’ Genève, tat-28 ta’ Lulju 1951, dwar l-istatus tar-refuġjati (52), kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967 (53).

60      B’mod iktar preċiż, fis-sistema tad-Direttiva dwar il-kwalifiki, l-istatus ta’ refuġjat u l-protezzjoni sussidjarja jiġu kkunsidrati bħala żewġ komponenti distinti iżda marbuta mill-qrib tal-kunċett ta’ protezzjoni internazzjonali (54). Tali approċċ integrat jippermetti l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, ikkompletati bis-sistema stabbilita bid-Direttiva 2001/55/KE (55), li tipprevedi protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-protezzjoni temporanja”) bħala sistema leġiżlattiva pjuttost kompleta, li tista’ tkopri kull sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li ma jistax jikseb protezzjoni mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jitlob il-protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Unjoni.

61      Id-diċitura tal-Artikolu 78(1) TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 63(1) KE u li huwa l-bażi legali tad-Direttiva dwar il-kwalifiki l-ġdida, inċidentalment issostni proprju dan. Skont l-Artikolu 78(1) TFUE, “[l]-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement”.

62      Fil-kuntest ta’ din is-sistema leġiżlattiva, il-mekkaniżmu tal-protezzjoni sussidjarja, skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki, għandu l-għan li jagħti protezzjoni internazzjonali lil kull persuna li ma tistax tinvoka l-istatus ta’ refuġjat iżda li jekk tintbagħat lura f’pajjiżha tiffaċċja riskju reali li ġġarrab ksur tad-drittijiet l-iktar fundamentali tagħha (56).

63      Mix-xogħlijiet ta’ tħejjija għad-Direttiva dwar il-kwalifiki jirriżulta li l-kunċett ta’ protezzjoni sussidjarja huwa bbażat prinċipalment fuq l-istrumenti internazzjonali marbuta mad-drittijiet tal-bniedem l-iktar rilevanti fil-qasam, b’mod partikolari l-KEDB, fl-Artikolu 3 tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta’ Diċembru 1984, fl-Artikolu 3 tagħha, kif ukoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat fis-16 ta’ Diċembru 1966 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-Artikolu 7 tiegħu (57). L-għażla tal-kategoriji tal-benefiċjarji ta’ din il-protezzjoni hija ispirata, min-naħa tagħha, apparti milli mill-KEDB u mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “bħala kuntest ġuridiku vinkolanti”, anki mis-sistemi ta’ protezzjoni “sussidjarja” jew “addizzjonali” stabbiliti mill-Istati Membri (58).

64      Mix-xogħlijiet ta’ tħejjija għad-Direttiva dwar il-kwalifiki jirriżulta wkoll li minn dejjem kien hemm il-ħsieb li fost il-kategoriji tal-benefiċjarji tas-sistema tal-protezzjoni sussidjarja jiġu inklużi l-persuni li ma jistgħux jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom minħabba s-sitwazzjoni ta’ vjolenza ġeneralizzata u ta’ inċertezza li hemm.

65      Din l-inklużjoni, minn naħa, kellha l-għan li tikkompleta s-sistema stabbilita bid-Direttiva dwar il-protezzjoni temporanja, li tiġi żgurata l-akkoljenza ta’ dawn il-persuni anki jekk ma jkunux parti minn influss bil-massa (59), u, min-naħa l-oħra, li tkun konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tipprovdi li tkeċċija lejn pajjiż fejn hemm livell għoli ta’ periklu u ta’ inċertezza u/jew ta’ vjolenza tista’ tiġi kkunsidrata bħala trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-KEDB (60).

3.      Konklużjonijiet intermedji

66      Permezz tal-eżami li sar iktar ’il fuq jista’ jiġi konkluż li d-DIU u l-mekkaniżmu tal-protezzjoni sussidjarja previst mid-Direttiva dwar il-kwalifiki, filwaqt li t-tnejn huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet umanitarji, madankollu għandhom għanijiet u skopijiet differenti.

67      Filwaqt li d-DIU għandu prinċipalment l-għan li jnaqqas l-impatt tal-kunflitti armati fuq il-popolazzjonijiet ikkonċernati, il-protezzjoni sussidjarja hija maħsuba għall-persuni li jkunu telqu mill-postijiet fejn ikun għaddej il-kunflitt – irrispettivament minn jekk dan ikunx minħabba l-kunflitt jew minħabba raġunijiet oħrajn (61) − u ma jistgħux jerġgħu lura hemmhekk minħabba s-sitwazzjoni ta’ vjolenza ġeneralizzata li jkun hemm.

68      Id-DIU huwa essenzjalment indirizzat għall-Istat jew għall-Istati direttament involuti fil-kunflitt, filwaqt li l-protezzjoni sussidjarja hija forma ta’ “protezzjoni ta’ sostituzzjoni”, mogħtija minn Stat terz għall-kunflitt meta ma teżisti l-ebda possibbiltà realistika sabiex l-applikant jikseb protezzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

69      Id-DIU jopera fuq żewġ livelli, jiġifieri billi jirregola t-tmexxija tal-ostilitajiet u billi jimponi fuq il-partijiet belliġerenti l-osservanza ta’ ċertu kodiċi ta’ kondotta fil-konfront tal-vittmi ta’ kunflitt. Dan huwa liġi tal-gwerra li, bħala tali, jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ kunflitt, anki r-rekwiżiti ta’ tip militari tal-partijiet avversarji. Il-protezzjoni sussidjarja, min-naħa tagħha, hija qabel kollox, protezzjoni msejsa fuq il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ tkeċċija, li l-ixprun determinanti tagħha huwa l-ħtieġa reali għal protezzjoni internazzjonali tal-applikant.

70      Fl-aħħar nett, il-ksur tad-DIU huwa suġġett għal kriminalizzazzjoni fuq il-livell internazzjonali u jagħti lok għal responsabbiltà kriminali individwali. Minħabba f’hekk, id-DIU għandu rabtiet ferm mill-qrib mad-dritt kriminali internazzjonali, fejn dawn iż-żewġ fergħat tad-dritt internazzjonali jinfluwenzaw lil xulxin. Min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmu tal-protezzjoni sussidjarja ma għandu l-ebda relazzjoni bħal din.

71      Minħabba dawn id-differenzi, koerenza ermenewtika bejn il-kunċetti ta’ “konflitt armat […] intern” skont l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki u ta’ “kunflitt armat mhux internazzjonali” fis-sens tad-DIU ma tistax tiġi ġġustifikata. Għaldaqstant, mir-relazzjoni bejn l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-ordinament ġuridiku internazzjonali ma jista’ jinsilet l-ebda obbligu li l-ewwel kunċett għandu jiġi interpretat b’mod li tiġi żgurata l-konformità tiegħu mat-tieni wieħed.

72      Dan l-obbligu lanqas ma jirriżulta minn riferiment għad-DIU li allegatament hija inkluża fid-Direttiva dwar il-kwalifiki.

4.      In-nuqqas ta’ riferiment għad-DIU fid-Direttiva dwar il-kwalifiki

73      Skont l-għanijiet tagħha, id-Direttiva dwar il-kwalifiki tinkludi diversi riferimenti għal strumenti tad-dritt internazzjonali li l-Istati Membri huma partijiet għalihom u li jiddefinixxu l-obbligi tagħhom fil-konfront tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Kif enfasizzat kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja, dawn ir-riferimenti jipprovdu indikazzjonijiet dwar il-mod li bih id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati (62).

74      Minbarra l-Konvenzjoni ta’ Genève tal-1951 u l-Protokoll tal-1967, iddefiniti fil-premessa 3 tagħha, bħala “l-cornerstone tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati”, id-Direttiva dwar il-kwalifiki ssemmi b’mod ġenerali l-obbligi tal-Istati Membri skont “strumenti ta’ liġi internazzjonali […] li jipprojbixxu diskriminazzjoni” (premessa 11) u “strumenti u prattiċi tad-drittijiet tal-bniedem” (premessa 25) kif ukoll l-obbligi tagħhom fil-qasam tan-nuqqas ta’ tkeċċija [premessa 36 u Artikolu 21(1)]. Il-premessa 22 tinkludi wkoll riferiment għall-preambolu u għall-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll għar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkonċernaw il-miżuri intiżi biex jiġġieldu t-terroriżmu internazzjonali.

75      Min-naħa l-oħra, din id-direttiva ma fiha l-ebda riferiment espliċitu għad-DIU. La l-premessi u lanqas l-artikoli tagħha ma jsemmu strumenti li jaqgħu taħt din il-fergħa tad-dritt internazzjonali (63).

76      Għalkemm huwa minnu li fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tagħha, il-Kummissjoni kienet semmiet l-obbligi tal-Istati Membri abbażi tad-DIU bħala li taw lok għas-sistemi ta’ protezzjoni “sussidjarja” jew “addizzjonali” adottati fuq il-livell nazzjonali, dak ir-riferiment – barra minn hekk indirett u ferm ġenerali fl-aħħar mill-aħħar ma nżammx (64). Proposta tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea intiża sabiex, fl-Artikolu 15(ċ) jiġi inkluż riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, dwar il-protezzjoni ta’ pajżana fi żmien ta’ gwerra kif ukoll, skont l-opinjoni tas-servizz legali tal-Kunsill, għall-annessi u għall-protokolli tagħha, lanqas ma ġiet adottata.

77      Minn dan isegwi li mid-Direttiva dwar il-kwalifiki ma tista’ tinsilet l-ebda indikazzjoni favur allinjament tal-kunċett ta’ “konflitt armat […] intern” fis-sens tal-Artikolu 15(ċ) tagħha ma’ dak ta’ “kunflitt armat mhux internazzjonali” fid-DIU. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ kull riferiment espliċitu għad-DIU fit-test ta’ dik id-direttiva kif ukoll il-proċess ta’ adozzjoni tagħha jipprovdu elementi li jixhdu kontra interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni b’konformità stretta mad-DIU.

5.      Konklużjoni dwar l-ewwel parti tad-domanda preliminari

78      Il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jwassluni biex nikkonkludi li l-kunċett ta’ “konflitt armat […] intern” fis-sens tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu mill-kunċett korrispondenti tad-DIU.

79      Fis-sentenza Elgafaji, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni biex issostni l-awtonomija tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki mill-Artikolu 3 tal-KEDB. Biex tagħmel dan, hija bbażat ruħha fuq id-differenza fil-kontenut bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kif ukoll fuq argumenti ta’ tip sistematiku.

80      F’din il-kawża, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma din l-awtonomija anki mid-DIU, b’mod partikolari mill-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, billi tibbaża ruħha fuq id-diversità tal-oqsma li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifiki u dawk tad-DIU jaqgħu taħthom.

B –    Fuq it-tieni parti tad-domanda preliminari

81      Bit-tieni parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ li hija tirrispondi għall-ewwel parti ta’ din id-domanda fis-sens li l-kunċett ta’ “konflitt armat […] intern” previst fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu mid-DIU, liema huma l-kriterji li permezz tagħhom tkun tista’ tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali kunflitt armat intern.

82      Permezz tar-riflessjonijiet li saru sa issa jistgħu jiġu stabbiliti ċertu numru ta’ elementi utli sabiex tingħata risposta lil din il-parti tad-domanda.

83      L-ewwel nett, ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifiki li jirrigwardaw il-protezzjoni sussidjarja, jagħmlu parti mis-sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni. Huma msejsa fuq l-istrumenti internazzjonali prinċipali tad-drittijiet tal-bniedem imfassla fuq livell kemm Ewropew kif ukoll dinji u għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-valuri li huma ispirati minnhom.

84      It-tieni nett, dawn ir-regoli jifformaw sistema pjuttost kompleta, li l-għan tagħha huwa li toħloq “spazju komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà” (65) għal dawk kollha li jkunu qed ifittxu b’mod leġittimu protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Unjoni. Huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’tali mod li tiġi żgurata l-flessibbiltà ta’ din is-sistema.

85      It-tielet nett, l-iskop tal-mekkaniżmu tal-protezzjoni sussidjarja huwa li joffri status xieraq lil kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li, mingħajr ma jikseb l-ażil Ewropew, ikun jeħtieġ protezzjoni internazzjonali. Il-ħtieġa għal protezzjoni tal-applikant hija, għalhekk, il-kriterju prinċipali li għandu jidderiġi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li quddiemhom titressaq talba għall-għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja jew lill-qrati ta’ Stat Membru li quddiemhom tiġi rrinvijata deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali talba.

86      Sabiex jiġi stabbilit jekk ikunx hemm ħtieġa għal protezzjoni marbuta mar-riskju li jiġi mġarrab il-periklu ddefinit fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki, li tiffaċċja l-persuna li tkun qed titlob li tingħata l-protezzjoni sussidjarja jekk hija tintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4(3) ta’ dik id-direttiva, iċ-ċirkustanzi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw kemm is-sitwazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant fil-mument li tkun ser tittieħed deċiżjoni dwar it-talba kif ukoll is-sitwazzjoni personali tiegħu.

87      Approċċ kawżalistiku bħal dan, li permezz tiegħu biss ikun jista’ jiġi evalwat jekk ikunx hemm ħtieġa reali għal protezzjoni, jipprekludi l-istabbiliment ta’ kriterji li s-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għandha neċessarjament tissodisfa sabiex tkun tista’ tiġi ddefinita bħala “konflitt armat […] intern” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 15(ċ).

88      Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli lit-tieni parti tad-domanda preliminari, ser nagħti biss xi indikazzjonijiet ġenerali ta’ tip metodoloġiku.

89      Fil-kuntest tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki, il-kunċetti ta’ “vjolenza indiskriminatorja” u ta’ “konflitt armat” huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin, bit-tieni wieħed essenzjalment iservi biex jiddefinixxi l-kuntest tal-ewwel.

90      Barra minn hekk, b’kuntrast mad-DIU, fejn l-eżistenza ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali tiddetermina waħedha l-applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni, l-element deċiżiv sabiex jingħata bidu għall-mekkaniżmu tal-protezzjoni sussidjarja abbażi tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) tagħha, huwa r-riskju li jiffaċċja l-applikant minħabba s-sitwazzjoni ta’ vjolenza ġeneralizzata li jkun hemm fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

91      Minn dan kollu jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-eżami tal-intensità tal-vjolenza u tar-riskju li jirriżulta minnha għall-applikant għandu rwol ċentrali, filwaqt li l-identifikazzjoni u l-kwalifika tal-fatti li jkunu wasslu għal dik il-vjolenza għandhom inqas importanza.

92      Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) tagħha, ma tistax tiġi injorata mill-ewwel sempliċement għaliex is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant ma tissodisfax il-kriterji kollha użati fid-DIU jew fl-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ kunflitt armat intern. Għaldaqstant, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala awtomatikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet is-sitwazzjonijiet fejn, pereżempju, il-vjolenza armata ssir unilateralment, il-partijiet belliġerenti ma jkollhomx il-grad ta’ organizzazzjoni meħtieġ mid-DIU jew ma jkollhomx kontroll fuq it-territorju, il-forzi governattivi ma jintervjenux fil-kunflitt, ma jkunx hemm “konfrontazzjoni fit-tul” fis-sens tad-DIU, il-kunflitt ikun wasal fil-fażi finali tiegħu jew is-sitwazzjoni taqa’, fid-DIU, taħt il-kunċetti ta’ “inkwiet intern” jew ta’ “tensjonijiet interni” (66).

93      Dawn is-sitwazzjonijiet kollha jistgħu jiġu koperti bl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki meta l-grad ta’ vjolenza indiskriminatorja fil-pajjiż terz ikkonċernat fil-mument li tkun se tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal protezzjoni sussidjarja jilħaq livell tali li jkun hemm riskju veru għall-ħajja jew għall-persuna tal-applikant f’każ li dan jintbagħat lura. Din l-evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl tal-preċiżazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 39 tas-sentenza Elgafaji, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri li “iktar ma l-applikant ikun kapaċi juri li huwa speċifikament effettwat minħabba elementi partikolari għas-sitwazzjoni personali tiegħu, inqas ser ikun għoli l-grad ta’ vjolenza indiskriminata meħtieġa sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja”.

94      L-interpretazzjoni proposta tirrifletti l-approċċ li donnu jista’ jiġi stabbilit abbażi tas-sentenza Elgafaji, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba tiċċara l-kunċett ta’ “theddida […] individwali” fis-sens tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki, stabbilixxiet rabta espliċita u diretta bejn ir-riskju li jiffaċċja l-applikant għal protezzjoni sussidjarja li jġarrab il-periklu ddefinit f’dak l-artikolu, minn naħa, u l-grad ta’ vjolenza indiskriminatorja li jikkaratterizza l-kunflitt armat li jkun għaddej, min-naħa l-oħra (67). L-istess linja interpretattiva ġiet segwita mill-awtoritajiet u mill-qrati kompetenti ta’ ċerti Stati Membri – b’mod partikolari l-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit, li mmodifikaw il-prattika preċedenti tagħhom wara s-sentenza Elgafaji (68) − u jidher li ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tagħha għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-kwalifiki (69).

95      Nikkonkludi bl-osservazzjoni li ċ-ċirkustanza, enfasizzata waqt is-seduta, li d-Direttiva dwar il-kwalifiki għandha għan ta’ armonizzazzjoni minima, ma għandhiex twassal biex il-Qorti tal-Ġustizzja tippreferi interpretazzjoni restrittiva tad-dispożizzjonijiet tagħha, b’mod partikolari meta jkollha tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċetti użati sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-protezzjoni sussidjarja.

96      Min-naħa l-oħra, dawn il-kunċetti għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet umanitarji li taw lok għal din is-sistema, espressjoni tal-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem li fuqhom, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata l-Unjoni.

V –    Konklużjoni

97      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Conseil d’État kif ġej:

“L-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        l-eżistenza ta’ theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna tal-applikant għal protezzjoni sussidjarja ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li s-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, fil-pajjiż fejn kellha r-residenza abitwali tagħha, tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala kunflitt armat intern fis-sens tad-dritt internazzjonali umanitarju u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3 komuni għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, jiġifieri l-Konvenzjoni (I) għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Feruti u tal-Morda fil-Forzi Armati fuq il-Kamp; il-Konvenzjoni (II) għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Feruti, tal-Morda u tal-Membri Nawfragi tal-Forzi Armati fuq il-Baħar; il-Konvenzjoni (III) dwar it-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra, kif ukoll il-Konvenzjoni (IV) dwar il-Protezzjoni tal-Pajżana fi Żmien ta’ Gwerra;

–        l-eżistenza ta’ din it-theddida għandha tiġi evalwata abbażi tal-grad ta’ vjolenza indiskriminatorja li tikkaratterizza s-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant jew, fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, fil-pajjiż fejn kellha r-residenza abitwali tagħha, fil-mument li tkun se tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal protezzjoni sussidjarja.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, u r-rettifika ĠU 2005, L 204, p. 24).


3 – Rispettivament, il-Konvenzjoni (I) għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Feruti u tal-Morda fil-Forzi Armati fuq il-Kamp; il-Konvenzjoni (II) għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Feruti, tal-Morda u tal-Membri Nawfragi tal-Forzi Armati fuq il-Baħar; il-Konvenzjoni (III) dwar it-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra, u l-Konvenzjoni (IV) dwar il-Protezzjoni tal-Pajżana fi Żmien ta’ Gwerra.


4 –      Skont l-Artikolu 2(k) tad-Direttiva, “pajjiż ta’ oriġini” tfisser il-pajjiż jew il-pajjiżi ta’ nazzjonalita [li l-applikant ikollu n-nazzjonalità tiegħu jew tagħhom] jew, għal persuni mingħajr stat, tar-residenza abitwali ta’ qabel. Għal dawn il-konklużjonijiet, ġiet adottata l-istess definizzjoni.


5 –      Ara r-rettifika għall-verżjoni bil-Franċiż tad-Direttiva dwar il-kwalifiki (ĠU 2005 L 204, p. 24).


6 – Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9).


7Moniteur belge, tal-31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584. L-imsemmi Artikolu 48/4 ġie introdott b’liġi emendatorja tal-15 ta’ Settembru 2006 (Moniteur belge tas-6 ta’ Ottubru 2006, p. 53533).


8 – Sentenza Nru 45.299.


9 – Sentenza Nru 61.019.


10 – Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1995, Tadic, li kienet tirrigwarda l-appell tad-difiża dwar l-eċċezzjoni preliminari ta’ nuqqas ta’ kompetenza. Stabbilit mill-Kunsill tas-Sigurtà abbażi tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, it-TKIJ għandu l-poter, abbażi tal-Artikolu 1 tal-Istatut tiegħu, li jiġġudika l-persuni preżunti responsabbli minn ksur serju tad-dritt internazzjonali umanitarju mwettaq fit-territorju tal-ex Jugoslavja sa mill-1991.


11 – C‑465/07, Ġabra p. I‑921.


12 – Skont dak l-artikolu, intitolat “Projbizzjoni tat-tortura”, “ħadd ma jista’ jkun suġġett għat-tortura u għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


13 – Il-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) esprima ruħu bl-istess mod fid-dokument Safe at last? Law and practice in selected EU members States with respect to asylum-seekers fleeing indiscriminate violence, Lulju 2001, p. 103 u 104, disponibbli fuq il-websajt tal-UNHCR minn www.unhcr.org/refworld/docid/4e2ee0022.html, kif ukoll fin-nota redatta fil-kuntest ta’ din il-kawża, annessa mal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn A. Diakité.


14 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, Ġabra p. I‑10979, punti 89 sa 94).


15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro (327/82, Ġabra p. 107, punt 11); tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43); tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C‑467/08, Ġabra p. I‑10055 punt 32), u tal-1 ta’ Marzu 2012, González Alonso (C‑166/11, punt 25). Ara wkoll is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 1977, Verbond van Nederlandse Ondernemingen (51/76, Ġabra p. 113, punti 10 u 11); tal-14 ta’ Jannar 1982, Corman (64/81, Ġabra p. 13, punt 8); tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et (C‑296/95, Ġabra p. I‑1605, punt 30); tat-22 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑103/01, Ġabra p. I‑5369, punt 33), kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée et Rhône (C‑314/06, Ġabra p. I‑12273, punt 21).


16 – Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, Ġabra p. I‑6019, punt 9); tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, Ġabra p. I‑3655, punt 45); tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 291), kif ukoll, fl-istess sens, tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, Ġabra p. I‑13755, punt 101).


17 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Poulsen u Diva Navigation (punt 9); Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (punt 291), kif ukoll Air Transport Association of America et (punt 123).


18 – L-Artikolu 216(2) TFUE jipprevedi li l-ftehim konklużi mill-Unjoni jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri.


19 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Poulsen u Diva Navigation (punt 10), dwar ir-regoli tad-dritt internazzjonali marittimu konswetudinarju, kif ukoll Racke (punt 46), fejn kienu involuti regoli, ikkodifikati fl-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar id-dritt tat-trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, dwar il-waqfien ta’ relazzjonijiet konvenzjonali minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi. Wieħed isib l-istess affermazzjoni, b’portata iktar ġenerali, fis-sentenza Air Transport Association of America et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 101).


20 – Ara, fir-rigward tal-ftehim konklużi mill-Unjoni, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 52); tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica (C‑76/00 P, Ġabra p. I‑79, punt 57); tal-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli (C‑286/02, Ġabra p. I‑3465, punt 33); tat-12 ta’ Jannar 2006, Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht (C‑311/04, Ġabra p. I‑609, punt 25); tat-8 ta’ Marzu 2007, Thomson u Vestel France (C‑447/05 u C‑448/05, Ġabra p. I‑2049, punt 30); tas-7 ta’ Ġunju 2007, Řízení Letového Provozu (C‑335/05, Ġabra p. I‑4307, punt 16), kif ukoll tas-6 ta’ Lulju 2010, Monsanto Technology (C‑428/08, Ġabra p. I‑6765, punt 72).


21 – Ara, f’dan is-sens, fl-aħħar nett, Simon, D., La panacée de l’interprétation conforme: injection homéopathique ou thérapie palliative?, De Rome à Lisbonne: les juridictions de l’Union européenne à la croisée des chemins, Mélanges en l’honneur de, P. Mengozzi, Bruylant, 2013, p. 279 et seq, p. 285.


22 – Madankollu, fis-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, Ġabra p. I‑4057), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet il-prinċipju li, fid-dawl tal-prinċipju konswetudinarju tal-bona fide, li jifforma parti mid-dritt internazzjonali ġenerali, u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva “billi tieħu inkunsiderazzjoni” konvenzjoni li ma torbotx lill-Unjoni u li tagħha jkunu partijiet l-Istati Membri kollha.


23 – QIĠ, parir konsultattiv tat-8 ta’ Lulju 1996, “Legalità tat-theddida jew tal-użu ta’ armi nukleari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Ġabra p. 226, punt 79; ara wkoll il-punt 80).


24 – B’mod partikolari, il-Konvenzjonijiet tad-29 ta’ Lulju 1899 u tat-18 ta’ Ottubru 1907.


25 – Il-bidu ta’ din il-fergħa tad-DIU jmur lura għall-istedina ta’ Henry Dunant fil-ktieb tiegħu Un souvenir de Solferino, xhieda tal-attroċitajiet li kien ra matul il-gwerra ta’ Solferino. Il-pubblikazzjoni tal-ktieb fl-1862 ġiet segwita mill-ħolqien tal-Comité international de secours aux blessés (il-Kumitat Internazzjonali tas-Salvataġġ tal-Feruti), li mbagħad sar il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), u mill-iffirmar fl-1864, tal-ewwel Konvenzjoni ta’ Genève.


26 – Ara l-QIĠ, opinjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 (punt 75). In-nukleu tad-DIU identifikat mill-QIĠ huwa kkompletat bi trattati internazzjonali oħrajn li jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti armi u ta’ ċerti tattiċi militari jew li jipproteġu lil ċerti kategoriji ta’ persuni jew ta’ beni, bħall-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-14 ta’ Mejju 1954, għall-protezzjoni tal-proprjetà kulturali fil-każ ta’ kunflitt armat u ż-żewġ protokolli tagħha; il-Konvenzjoni, tal-10 ta’ April 1972, dwar il-projbizzjoni tal-armi bijoloġiċi; il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1980 dwar ċerti armi konvenzjonali u l-ħames protokolli tagħha; il-Konvenzjoni, tat-13 ta’ Jannar 1993, dwar l-armi kimiċi, kif ukoll il-Konvenzjoni ta’ Ottawa tal-1997 dwar il-mini kontra l-persunal kif ukoll il-Protokoll fakultattiv tal-2000 marbut mal-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, li jirrigwarda l-involviment tat-tfal f’kunflitti armati.


27 – Artikolu 50 tal-Konvenzjoni (I); Artikolu 51 tal-Konvenzjoni (II); Artikolu 130 tal-Konvenzjoni (III); Artikolu 147 tal-Konvenzjoni (IV); ara wkoll l-Artikoli 11(4), 85 u 86 tal-Protokoll I.


28 – Għal rikostruzzjoni tal-fażijiet differenti li wasslu għal din l-estensjoni u għad-dibattiti li saru minħabba dan waqt il-Konferenza Diplomatika tal-1949, ara l-kummenti dwar l-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève aċċessibbli mill-websajt tal-ICRC mill-indirizz elettroniku http://www.icrc.org/applic/ihl/dih.nsf/vwTreaties1949.xsp.


29Ibidem.


30Idem.


31 – Ara l-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dak l-artikolu huwa “ir-riżultat ta’ kompromess delikat, milħuq wara negozjati twal, li miegħu ġie marbut id-destin tal-Protokoll kollu sal-mument tal-adozzjoni definittiva tiegħu, waqt seduta plenarja tal-Konferenza” [traduzzjoni libera], ara Sandoz, Y., et, Commentaire des protocoles additionnels du 8 juin 1977 aux conventions de Genève, ICRC, Genève, 1986, aċċessibbli mill-websajt tal-ICRC fl-indirizz: http://www.icrc.org/applic/ihl/dih.nsf/vwtreaties1949.xsp.


32 –     Ir-rilevanza tal-għanijiet tal-partijiet belliġerenti ġiet espressament eskluża fis-sentenza tat-TKIJ tat-30 ta’ Novembru 2005, Il‑Prosekutur vs Fatmir Limaij (IT‑03‑66‑T, punt 170).


33 – Ara l-ICRC, Comment le terme “conflit armé” est-il défini en droit international humanitaire?, teħid ta’ pożizzjoni, Marzu 2008, aċċessibbli mill-websajt tal-ICRC mill-indirizz: http://www.icrc.org/fre/resources/documents/article/other/armed-conflict-article-170308.htm.


34 – Sentenza tat-TKIJ, Il‑Prosekutur vs Fatmir Limaij, iċċitata iktar ’il fuq (b’mod partikolari l-punti 136 sa 168).


35 – Ara Vité, S., “Typology of armed conflicts in international humanitarian law: legal concepts and actual situation”, International Review of the Red Cross, Vol. 91, Nru 873, Marzu 2009, p. 69 sa 94.


36 – Skont Sandoz, Y., et, op. cit , punt 4467, dik il-kundizzjoni teħtieġ “ċerta stabbilita fil-kontroll ta’ parti, anki żgħira, tat-territorju” [traduzzjoni libera].


37 – Fis-sentenza tiegħu Il‑Prosekutur vs Fatmir Limaij, iċċitata iktar ’il fuq, it-TKIJ jenfasizza, minbarra l-istruttura ġerarkika tal-Armata ta’ Liberazzjoni tal-Kosovo, anki l-eżistenza fi ħdanha ta’ korpi u ta’ metodi intiżi għall-komunikazzjoni mal-pubbliku, iċ-ċirkustanza li kellha regolamenti li jistabbilixxu katina ġerarkika militari bejn il-livelli differenti ta’ kmand u li kienet ġiet stabbilita pulizija militari responsabbli, fost l-oħrajn, għad-dixxiplina tas-suldati, il-kapaċità tagħha li tirrekluta suldati ġodda u li tħarriġhom, l-ilbies ta’ uniformi kif ukoll ir-rwol tagħha fin-negozjati mar-rappreżentanti tal-Komunitajiet Ewropej u ta’ missjonijiet barranija bbażati f’Belgrad (ara l-punti 94 sa 134).


38 – Ara l-ICRC, Comment le terme “conflit armé” est-il défini en droit international humanitaire,op. cit. [punt II(1)(a)].


39 – Punt 70, enfasi tiegħi. Din id-definizzjoni tiġi ripetuta b’mod kostanti fil-ġurisprudenza tat-TKIJ, ara, pereżempju, is-sentenza Il‑Prosekutur vs Fatmir Limaij, iċċitata iktar ’il fuq (b’mod partikolari l-punt 84).


40 – Iffirmat f’Ruma fis-17 ta’ Lulju 1998 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2002, Nazzjonijiet Uniti, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 2187, Nru 38544.


41 – Din id-dispożizzjoni telenka l-ksur serju tal-liġijiet u tal-użanzi applikabbli għall-kunflitti armati li ma għandhomx natura internazzjonali għajr għall-ksur serju tal-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, previst mill-Artikolu 8(2)(c).


42 – Enfasi tiegħi.


43 – F’dan is-sens, ara Vité, S., op. cit., p. 81 sa 83.


44 – L-ICRC aġixxa abbażi tal-mandat li ngħatalu mill-Istati partijiet għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, permezz tal-Istatuti tal-Moviment Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar.


45 – Dawn huma dokumenti prodotti mill-ICRC waqt l-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-esperti governattivi fl-1971 (ara Sandoz, Y., et, op. cit.).


46 – Ara wkoll l-Artikolu 8(2)(d) u (f) tal-Istatut tal-QKI.


47 – Fl-ewwel każ, huma d-dispożizzjonijiet kollha tal-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, kif ukoll il-Protokoll I li huma applikabbli, filwaqt li fit-tieni każ, huma biss l-Artikolu 3 komuni għal dawn il-konvenzjonijiet u l-Protokoll II li huma applikabbli. Madankollu, il-linja ta’ demarkazzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ kunflitt tiċċajpjar sakemm tgħib fil-ġurisprudenza reċenti tat-TKIJ, ara, f’dan ir-rigward, Sassoli, M. u Olson, L. M., The judgement of the ICTY appeals chamber on the merits in the Tadic case, International Review of the Red Cross, 2000, Nru 839, disponibbli mill-websajt tal-ICRC mill-indirizz http://www.icrc.org/eng/resources/documents/misc/57jqqc.htmp.


48 – La l-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève u lanqas il-Protokoll II ma jipprevedu dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jikkriminlizzaw il-ksur ta’ dawn l-istrumenti. Barra minn hekk, is-sistema ta’ ripressjoni tal-ksur serju prevista mill-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève, imfakkra fil-punt 31 iktar ’il fuq, hija applikabbli biss għall-kunflitti armati internazzjonali. Il-prinċipju ta’ responsabbiltà kriminali għall-ksur tad-dritt applikabbli għall-kunflitti armati mhux internazzjonali madankollu ġie sostnut mit-TKIJ fis-sentenza tiegħu Tadic, li kienet tirrigwarda l-appell tad-difiża dwar l-eċċezzjoni preliminari ta’ nuqqas ta’ kompetenza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet (b’mod partikolari l-punti 134). Kuntrarjament għall-Istatut tat-TKIJ, l-Istatut tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda, li ġie stabbilit bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 955 (1994), tat-8 ta’ Novembru 1994, jistabbilixxi b’mod espliċitu l-kompetenza ta’ dan it-tribunal fir-rigward tal-ksur serju tal-Artikolu 3 komuni għall-konvenzjonijiet ta’ Genève u tal-Protokoll II (Artikolu 4). L-istess jista’ jingħad, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, għall-Istatut tal-QKI (ara l-punt 45 iktar ’il fuq).


49 – Fost il-fażijiet fundamentali ta’ dan il-proċess ta’ armonizzazzjoni tal-politiki tal-ażil tal-Istati Membri tal-Unjoni hemm il-programmi adottati waqt il-Kunsilli Ewropej ta’ Tampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999, ta’ Den Haag tal-4 u tal-5 ta’ Novembru 2004, kif ukoll ta’ Stokkolma tal-10 u tal-11 ta’ Diċembru 2009, b’dan tal-aħħar ippreċedut mill-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil tal-24 ta’ Settembru 2008.


50 – Ara l-premessa 6 tad-Direttiva dwar il-kwalifiki (enfasi tiegħi).


51 – Ara l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li inkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija [COM(2001) 510 finali, ĠU C 51E, p. 325, Taqsima 2].


52Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954).


53 – Ara, b’mod partikolari, il-premessa 24 tad-Direttiva dwar il-kwalifiki.


54 – Ara, f’dan is-sens, il-premessi 1, 5, 6 u 24 tad-Direttiva dwar il-kwalifiki kif ukoll l-Artikoli 1 u 2(a) u (e) tagħha.


55 – Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, tal-20 ta’ Lulju 2001, dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162).


56 – Ara, f’dan is-sens, il-punt 33 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fid-9 ta’ Settembru 2008 fil-kawża li wasslet għas-sentenza Elgafaji, iċċitata iktar ’il fuq.


57 – Ara l-proposta għal direttiva COM(2001) 510 finali, iċċitata iktar ’il fuq (Taqsima 3).


58Ibidem. Ara wkoll, il-premessa 25 tad-Direttiva dwar il-kwalifiki.


59 – It-test tal-Artikolu 15(ċ) propost inizjalment mill-Kummissjoni kien orjentat lejn allinjament tad-definizzjoni ta’ din il-kategoriji ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja ma’ dik inkluża fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva dwar il-protezzjoni temporanja u li kienet tkopri lil kull persuna li tkun qed tibża’ minn “theddida kontra l-ħajja, is-sigurtà jew il-libertà tagħha minħabba vjolenza mhux immirata marbuta ma’ kunflitt armat jew ma’ ksur sistematiku jew ġeneralizzat tad-drittijiet tal-bniedem” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan it-test ġie diskuss fit-tul matul il-proċess ta’ adozzjoni tad-Direttiva u kien suġġett għal għadd ta’ emendi li fl-aħħar wasslu sabiex tinżamm biss ir-referenza għal sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn “vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern”.


60 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-30 ta’ Ottubru 1991, Vilvarajah vs Ir‑Renju Unit. Ara wkoll in-nota Nru 12148/02 tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea lill-Kumitat Strateġiku dwar l-Immigrazzjoni, il-Fruntieri u l-Ażil, tal-25 ta’ Settembru 2002, annessa mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.


61 – Ara l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-kwalifiki dwar il-ħtiġijiet ta’ protezzjoni li jinħolqu fuq il-post.


62 – Sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, Ġabra p. I‑1493, punti 52, 53 u 54); tas-17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol (C‑31/09, Ġabra p. I‑5539, punti 37 u 38), kif ukoll B u D, iċċitata iktar ’il fuq (punt 78).


63 – L-Artikoli 12(2)(a) u 17(1)(a) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki li jikkonċernaw il-kawżi ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat u mill-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, isemmu, għall-identifikazzjoni ta’ atti kkunsidrati bħala reati kontra l-paċi, reati tal-gwerra jew reati kontra l-umanità, l-“istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti”.


64 – Ara l-proposta għal direttiva COM(2001) 510 finali, iċċitata iktar ’il fuq (Taqsima 3).


65 – Ara l-punt 6.2 tal-Programm ta’ Stokkolma, iċċitat iktar ’il fuq.


66 – F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Direttiva dwar il-kwalifiki tidentifika hija stess livell minimu ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(e), fil-premessa 26 tagħha, li tipprevedi li “[r]iskji li għalihom popolazzjoni ta’ pajjiż jew taqsima tal-popolazzjoni hija ġeneralment esposta normalment ma joħolqux fihom nfushom theddida individwali li tikkwalifika bħala periklu serju”.


67 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 33 sa 38 u d-dispożittiv tas-sentenza.


68 – Ara l-UNHCR, Safe at last? Law and practice in selected EU members States with respect to asylum-seekers fleeing indiscriminate violence,op. cit., p. 65 sa 71.


69 – Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni), COM(2009)551 finali. Fit-Taqsima 2 ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni tirreferi għall-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Elgafaji, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ proposti intiżi biex jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva dwar il-kwalifiki minkejja l-għadd ta’ solleċitazzjonijiet riċevuti f’dan is-sens.