Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Bratislave (is-Slovakkja) fl-24 ta’ Mejju 2017 – PPC Power a.s. vs Finančné riaditeľstvo Slovenskej republiky, Daňový úrad pre vybrané daňové subjekty

(Kawża C-302/17)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Krajský súd v Bratislave

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: PPC Power a.s.

Konvenuti: Finančné riaditeľstvo Slovenskej republiky, Daňový úrad pre vybrané daňové subjekty

Domanda preliminari

L-għanijiet u l-prinċipji tad-Direttiva 2003/87/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE 2 (iktar ʼil quddiem “id-Direttiva”), b’mod partikolari i) l-għan ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet permezz ta’ titjib fit-teknoloġiji (Artikolu 1 u premessi 2 u 20), ii) l-għan ta’ preservazzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u ta’ preservazzjoni tal-integrità tas-suq intern u l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni (premessi 5 u 7), iii) l-għan li jiġi żgurat it-tnaqqis tal-emissjonijiet f’kundizzjonijiet finanzjarjament u ekonomikament vantaġġużi (Artikolu 1), il-prinċipju ta’ ċertezza [legali] tal-operaturi kif iddefiniti fl-Artikolu 3(f) li jikkonsisti fil-fatt li l-operaturi għandhom id-dritt, skont l-Artikolu 9, li jibbażaw ruħhom fuq in-natura mhux emendabbli tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti għall-inqas 18-il xahar qabel il-bidu tal-perijodu inkwistjoni (jiġifieri, għall-perijodu 2008-2012, mill-inqas wara t-30 ta’ Ġunju 2006), iv) ir-rekwiżit li l-kwoti ta’ emissjonijiet għandhom jiġu allokati bla ħlas (Artikolu 10), v) id-dritt tal-persuni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3) li jingħataw il-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ sostituzzjoni li huma kienu detenturi tagħhom u li l-Istati Membri ma jannullawx skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(3),

għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li timponi fuq l-operaturi ddefiniti fl-Artikolu 3(f) tad-Direttiva u suġġetti għat-taxxa fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-obbligu li jħallsu taxxa speċjali 1) li l-bażi legali tagħha hija l-fatt li hija suġġetta għat-taxxa l-ġestjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (fil-każijiet ta’ assenza ta’ konsum, u ta’ bejgħ) irrispettivament minn jekk, b’din il-ġestjoni, l-operatur jagħmilx profitt, ii) dawn il-kwoti ta’ emissjonijiet ġew allokati lil dawn l-operaturi abbażi tal-Pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti li l-Istat Membru ppreżenta lill-Kummissjoni Ewropea għall-perijodu 2008 - 2012 skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva [jiġifieri li jkun ġie nnotifikat mill-Istat Membru lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva u li ma ġiex miċħud minn din tal-aħħar skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva], u li tipprevedi, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva, li għall-perijodu ta’ ħames snin li jibda fl-1 ta’ Jannar 2008, 100 % tal-kwoti huma allokati bla ħlas, iv) ir-rata ta’ din it-taxxa tammonta għal 80% tal-bażi taxxabbli fuq il-kwoti tal-emissjonijiet, miksuba billi tiżdied il-multiplikazzjoni ta’ kwoti tal-emissjonijiet ittrasferiti (mibjugħa) matul kull xahar kalendarju u l-prezz medju tas-suq tal-kwoti ta’ emissjonijiet għax-xahar kalendarju ta’ qabel ix-xahar li fih sar it-trasferiment, mal-multiplikazzjoni tal-prodott tal-kwoti ta’ emissjonijiet mhux ikkonsmati u l-prezz medju tal-kwoti ta’ emissjonijiet għas-sena kalendarja kkonċernata, v) fejn il-prezzijiet medji tas-suq huma kkalkolati bħala sempliċi medja aritmetika tal-aħħar kambju ta’ prezzijiet li sar matul jum fil-borża (jiġifieri li t-taxxa ma tiddependix mill-prezz li bih kienu attwalment inbiegħu l-kwoti ta’ emissjoni)?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80.