Language of document : ECLI:EU:C:2010:281

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Mejju 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitat naturali – Fawna u flora selvaġġa – Sistema ta’ ħarsien qabel ma habitat jitniżżel fil-lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità – Artikolu 12(4) – Proġett ta’ bini ta’ triq rurali”

Fil-Kawża C‑308/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Pardo Quintillán u D. Recchia, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. W. A. Timmermans, K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il‑konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitat”), hekk kif interpretata mis-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2005, Dragaggi et (C‑117/03, Ġabra p. I‑167), u tal-14 ta’ Settembru 2006, Bund Naturschutz in Bayern et (C‑244/05, Ġabra p. I‑8445), kif ukoll taħt l-Artikolu 12(4) ta’ din id‑direttiva f’dak li jikkonċerna l-proġett tal-bini tat-triq rurali li tgħaqqad Villamanrique de la Condesa (Sevilla) ma’ El Rocío (Huelva) (iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ bini tat-triq rurali”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Skont is-sitt premessa tad-Direttiva dwar il-habitat, “sabiex ikun żgurat li l-habitat naturali u l-ispeċi li huma ta’ interess Komunitarju jkunu restawrati jew miżmuma sew f’livell favorevoli ta’ konservazzjoni, jeħtieġ li jiġu nominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni sabiex jinħoloq network Ekoloġiku Ewropew koerenti skond skeda speċifikata”.

3        Skont it-termini tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-habitat, “[g]ħandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom”.

4        L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitat huwa fformulat kif ġej:

“1.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. […]

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. […]

2.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mill-ħames reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ)(iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità [“iktar ’il quddiem is-“SIK”] msawra mil-listi ta’ l‑Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità.

[…]

Il-lista tas-siti magħżula bħala [SIK], li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

[…]

5.      Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

5        Fost l-ispeċi ta’ interess għall-Komunità msemmija fl-Anness II tad-Direttiva dwar il-habitat tinsab, bħala speċi ta’ prijorità, il-Linċi pardina (iktar ’il quddiem il-“linċi Iberika”. L-Artikolu 1(h) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“[i]speċi ta’ priorità” bħala “dawk l-ispeċi msemmija f’(g) (i) li l-Komunità għandha responsabbiltà għall-konservazzjoni tagħhom minħabba d-daqs tal-firxa naturali tagħhom li tinsab fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.”

6        L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitat, li jistabbilixxi sistema ta’ ħarsien tas-SIK, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.”

7        L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva dwar il-habitat huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom iwaqqfu sistema biex jissorveljaw il-qbid u l-qtil aċċidentali ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV(a). In vista ta’ l‑informazzjoni miġbura, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ulterjuri ta’ riċerka jew ta’ konservazzjoni kif meħtieġa biex jiżguraw li l-qbid aċċidentali u l‑qtil ma jkollhomx effett negattiv sinifikanti fuq l-ispeċi konċernati.”

8        Il-linċi Iberika hija inkluża fost l-ispeċi mniżżla fl-Anness IV(a) tad-Direttiva dwar il-habitat.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura kontenzjuża

9        Fix-xahar ta’ Diċembru 1997, ir-Renju ta’ Spanja ppropona bħala SIK il-park naturali ta’ Doñana minħabba l-preżenza, b’mod partikolari, tal-linċi Iberika.

10      Fix-xahar ta’ Novembru 1999, jiġifieri bejn il-mument li fih dan is-sit kien propost bħala SIK u l-mument li fih effettivament ġie mniżżel bħala SIK mill-Kummissjoni, ġie adottat il-proġett tal-bini ta’ triq rurali. Din iddur ma’, u tgħaddi minn, parti mill-park naturali ta’ Doñana.

11      Peress li l-Kummissjoni qieset li l-bini ta’ din it-triq kien sar mingħajr ma kienu ttieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġi evitat li jinħolqu effetti negattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq il-linċi Iberika, fl-1 ta’ April 2004 hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja, fejn hija takkużah li naqas milli jwettaq, b’mod partikolari, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva dwar il‑habitat.

12      Sabiex tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza Dragaggi et, imsemmija iktar ’il fuq, fl-4 ta’ Lulju 2006 il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju ta’ Spanja ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali. Fiha, hija indikat li r-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva dwar il-habitat, hekk kif interpretata minn din is-sentenza, kif ukoll taħt l-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, hija fakkret l‑importanza tal-preżenza tal-linċi Iberika fiż-żona fejn il-proġett tal-bini ta’ triq rurali kien sar u indikat li t-trasformazzjoni ta’ din it-triq rurali kienet taqsam l‑habitat naturali ta’ din l-ispeċi u kienet tesponiha għal riskji ta’ qtil aċċidentali peress li l-miżuri ta’ ħarsien ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala xierqa.

13      Fid-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2006/613/KE li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, il-lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità għar-reġjun bijoġeografiku Meditteranju (ĠU L142M, p. 64), inkludiet f’din il-lista l-park naturali ta’ Doñana.

14      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Settembru 2006, ir-Renju ta’ Spanja rrisponda li, wara l-implementazzjoni tal-miżuri korrettivi, ma reġgħet seħħet ebda kolliżjoni u jidher li, mingħajr ma eskludewh, il-miżuri ta’ ħarsien kienu naqqsu enormament ir-riskju ta’ kolliżjoni.

15      Peress li l-Kummissjoni qieset li d-dritt tal-Unjoni kien għadu qed jinkiser, fit-18 ta’ Ottubru 2006 hija ħarġet opinjoni motivata, fejn irrepetiet l-oġġezzjonijiet tagħha u stiednet lir-Renju ta’ Spanja jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-ittra.

16      Bħala risposta, fit-18 ta’ Diċembru 2006 ir-Renju ta’ Spanja bagħat rapport tal-Junta de Andalucia li enfasizza għal darb’oħra l-fatt li, minn meta ġew implementati l-miżuri korrettivi, ma reġgħet seħħet ebda kolliżjoni mal-linċi Iberiċi.

17      Peress li s-sitwazzjoni baqgħet mhux sodisfaċenti, fl-10 ta’ Lulju 2008 il‑Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li ma jiġix awtorizzat intervent li jikkomprometti serjament il-karatteristiċi ekoloġiċi tas-sit ikkonċernat, impost fuq l-Istat Membru konvenut skont id-Direttiva dwar il‑habitat.

 L-argumenti tal-partijiet

18      Il-Kummissjoni ssostni li, bil-bini tat-triq rurali inkwistjoni mingħajr ma ttieħdu l‑miżuri ta’ ħarsien xierqa, ir-Renju ta’ Spanja għamel intervent li biddel b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-SIK kif kien propost, meta dan tal-aħħar kien ġie kkunsidrat bħala sit indispensabbli għal-linċi Iberika.

19      Fil-fatt, minkejja l-miżuri korrettivi li ġew adottati mill-awtoritajiet Spanjoli, dan l-intervent, f’żona partikolarment sensibbli għas-sussistenza tal-linċi Iberika, jifframmenta l-habitat ta’ din l-ispeċi, u jirrendi diffiċli l-firxa tal-linċi żgħar kif ukoll il-konnessjoni bejn id-diversi “unitajiet territorjali” u fuq kollox jesponi l‑annimali żgħar għal periklu ta’ mewt minħabba kolliżjoni. Għalhekk jeżisti riskju li tisparixxi din l-ispeċi ta’ prijorità, f’kontradizzjoni mal-obbligi tad-Direttiva dwar il-habitat kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

20      Ir-Renju ta’ Spanja jirrispondi li t-triq ta’ komunikazzjoni reġjonali bejn Villamanrique de la Condesa u El Rocío kienet u għadha tikkostitwixxi triq asfaltata li l-awtoritajiet ta’ Andalucia ntrabtu li jżommu b’mod xieraq. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li kien hemm intervent li kkomprometta b’mod serju l‑karatteristiċi ekoloġiċi tas-sit. Anki jekk jingħad li dan kien il-każ, ir-Renju ta’ Spanja, fi kwalunkwe każ, adotta l-miżuri intiżi sabiex jevitaw li ssir ħsara lill-ambjent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21      Għandu jiġi mfakkar li, skont id-Direttiva dwar il-habitat, l-Istati Membri għandhom, fir-rigward tas-siti li jinkludu tipi ta’ habitat naturali u/jew speċi ta’ prijorità u li ġew identifikati sabiex jiġu inklużi fil-lista Komunitarja, jieħdu miżuri ta’ ħarsien xierqa sabiex iżommu l-karatteristiċi tal-imsemmija siti. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jawtorizzaw interventi li għandhom mnejn jikkompromettu b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi ta’ dawn is-siti. Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta intervent jista’ jwassal għall-eliminazzjoni ta’ speċi ta’ prijorità preżenti fis-siti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, Bund Naturschutz in Bayern et, iċċitat iktar ’il fuq, punti 44 u 46).

22      B’mod speċifiku, il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju ta’ Spanja minħabba li awtorizza intervent li biddel b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-SIK u li għandu mnejn iwassal sabiex tisparixxi l-linċi Iberika, speċi ta’ prijorità li l‑preżenza tagħha fuq is-sit inkwistjoni tinsab fost ir-raġunijiet li ġġustifikaw il‑fatt li l-park naturali ta’ Doñana jiġi propost bħala SIK mill-Istat Membru konvenut.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l‑Kummissjoni li għandha l-obbligu li tistabbilixxi l-allegata eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hija fil-fatt din tal-aħħar li, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni, għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji sabiex din il-qorti tkun tista’ tivverfika l-eżistenza tal-imsemmi nuqqas (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑179/06, Ġabra p. I‑8131, punt 37, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑416/07, Ġabra p. I‑7883, punt 32).

24      Huwa paċifiku li l-ewwel asfaltar tat-triq rurali li tgħaqqad Villamanrique de la Condesa ma’ El Rocío tlesta fl-1989. Fir-rigward tal-proġett tal-bini inkwistjoni, l‑implementazzjoni tiegħu ġiet awtorizzata fi Frar 2000 u ġiet suġġetta għat-teħid ta’ miżuri bħall-bini ta’ passaġġi għall-fawna, it-tqegħid ta’ sinjali xierqa u t‑tqegħid ta’ għeluq ta’ esklużjoni tal-fawna minn mal-medda li tgħaddi miż-żona ta’ foresta, li hija ż-żona l-iktar favorevoli għall-konservazzjoni tal-linċi Iberika. Il-bini tat-triq rurali ġie kkompletat fix-xahar ta’ Lulju 2001. Madankollu, gradwalment ittieħdu serje ta’ miżuri korrettivi, li ġew iffinalizzati fix-xahar ta’ Novembru 2004. Mill-proċess jirriżulta li, minkejja li x-xogħol ta’ asfaltar la biddel ir-rotta tat-triq inkwistjoni u lanqas id-dimensjonijiet tagħha, dan ix-xogħol biddel l-użu tagħha billi biddel l-imsemmija triq rurali fi triq. Dan il-bini kellu l-effett li jżid it-traffiku, b’mod partikolari tal-vetturi individwali, u l-veloċità tal-vetturi li jgħaddu minnha.

25      B’mod ġenerali ma huwiex ikkontestat li l-infrastrutturi lineari ta’ trasport jistgħu jikkostitwixxu barriera vera u proprja għal ċerti speċi koperti mid-Direttiva dwar l-habitat u li, b’din il-frammentazzjoni tal-arja ta’ tqassim naturali tagħhom, jiffavorixxu l-endogamija u d-deriva ġenetika (“genetic drift”) fi ħdan dawn l‑ispeċi. Madankollu, ma jidhirx li l-bini inkwistjoni, fil-fatt, kellu effett reali fuq il-frammentazzjoni tal-habitat tal-linċi Iberika.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat dan li ġej.

27      Mill-istudju dwar iċ-ċensiment tal-popolazzjonijiet tal-linċi Iberiċi fi Spanja u l‑Portugall [El Lince ibérico (Lynx pardinas) en España y Portugal – Censo – diagnóstico de sus poblaciones, Guzmán J. N. et, Ministerio de Medio Ambiente, 2004] jirriżulta li bejn wieħed u ieħor nofs il-popolazzjoni tal-linċi Iberika li tgħix fil-park naturali ta’ Doñana hija kkonċentrata f’20 % tal-arja tiegħu, preċiżament fejn jinsabu l-iktar popolazzjonijiet abbondanti ta’ fniek, li huma l-ikel prinċipali tagħhom.

28      Barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta’ fniek f’75 % tal-arja fejn hija preżenti l‑linċi Iberika, in-numru ta’ territorji ta’ riproduzzjoni għadda minn madwar 12 għal massimu ta’ 8.

29      Barra minn hekk, mis-sunt tar-rapport finali ta’ attività stabbilit mill-awtoritajiet Spanjoli dwar il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2002 sat-30 ta’ Ġunju 2006 (Recuperación de poblaciones de Lince ibérico en Andalucía, Proyecto Life n° 02NAT/E/8609, Consejería de Medio Ambiente, Septiembre 2006) jirriżulta li kien importanti li tiġi ffavorizzata l-konnessjoni bejn id-diversi territorji fejn jinsabu l-popolazzjonijiet tal-linċi Iberiċi fir-reġjun ta’ Doñana, peress li din il‑popolazzjoni hija magħmula minn “unitajiet territorjali” li minnhom jgħaddu l‑annimali li jinfirxu.

30      B’mod partikolari, mill-proċess jirriżulta li l-unità oriġinali l-iktar importanti tal-linċi Iberiċi żgħar tinsab fiż-żoni forestali ta’ Coto del Rey, fil-park nazzjonali ta’ Doñana u ta’ Matasgordas, fil-park nazzjonali ta’ Doñana. Minn din l-unità, il‑linċi Iberiċi żgħar għandhom żewġ linji fundamentali ta’ firxa, waħda lejn it‑Tramuntana, li tgħaddi mit-triq rurali asfaltata li tgħaqqad Villamanrique de la Condesa ma’ El Rocío, u l-oħra lejn il-Punent.

31      F’Novembru 2006, inbnew tmien passaġġi għall-fawna kif ukoll żewġ pontijiet sabiex jiżguraw il-permeabbiltà tal-imsemmija triq u, għaldaqstant, sabiex jevitaw l-effett ta’ barriera li rriżulta mill-bini ta’ din fi triq reġjonali.

32      Huwa minnu li, skont rapport tal-WWF/Adena ta’ Settembru 2007 [Informe sobre el camino agricola asfaltado Villamanrique de la Condesa (Sevilla) – El Rocío (Huelva)], irriżulta li l-passaġġi ta’ fawna li nbnew ma setgħux jintużaw u kienu inutli minħabba żbalji fid-disinn u nuqqas ta’ manutenzjoni jew minħabba n‑nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ miżuri korrettivi addizzjonali.

33      Madankollu, ir-rapport tekniku mħejji mill-uffiċċju ta’ konsulenti Inerco, f’Novembru 2006, fuq talba tal-muniċipalità ta’ Villamanrique de la Condesa [Informe Técnico sobre las medidas correctoras adoptadas en las obras de adecuación del firme de la via Villamanrique – El Rocío (Sevilla – Huelva)], jindika li n-numru ta’ passaġġi tal-fawna li jaqsmu t-triq inkwistjoni kif ukoll id‑disinn tagħhom ġew ikkunsidrati bħala adattati għall-karatteristiċi tat-triq ta’ komunikazzjoni li huma għandhom l-intenzjoni li jagħmlu permeabbli. Il‑funzjonalità tagħhom hija limitata biss f’każijiet ta’ xita eċċezzjonali.

34      Jekk, kif osservat il-Kummissjoni meta ċċitat ir-rapport li jsegwi l-effikaċja tal­miżuri korrettivi implementati fuq it-triq rurali asfaltata li tgħaqqad Villamanrique de la Condesa ma’ El Rocío (Informe de seguimiento de la eficacia de las medidas correctoras establecidas en el camino agrícola asfaltado Villamanrique de la Condesa – El Rocío, Junta de Andalucía Consejería de Medio Ambiente, 16 marzo de 2008), l-użu tal-passaġġi mil-linċi Iberika bejn Marzu 2006 u Frar 2007 seta’ jiġi ddeterminat biss f’erba’ okkażjonijiet fuq perijodu ta’ sena, huwa minnu wkoll li, f’dan iż-żmien, il-popolazzjoni totali stmata tal-linċi Iberika fil-park ta’ Doñana lanqas biss kienet tilħaq il-50 annimal. Barra minn hekk, fir-rapport finali tal-attività msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, huwa kkonfermat dak li kien ġie vverifikat jiġifieri li jeżisti skambju ta’ linċi Iberiċi bejn id-diversi territorji fir-reġjun ta’ Doñana. F’dan ir-rigward, skont l-imsemmi rapport, il-passaġġi tal-fawna huma mgħottijin b’biżżejjed veġetazzjoni sabiex iħajru lill-annimali jużawhom u t-tlajja ta’ aċċess għall-passaġġi huma perfettament tajbin sabiex jintużaw mil-linċi.

35      Barra minn hekk, kif huwa indikat fl-imsemmi rapport finali ta’ attività, permezz tal-qbid ta’ 13-il annimal u tal-programm ta’ tkabbir fil-magħluq, żewġt ifrieħ twieldu minn ġenituri li joriġinaw rispettivament mill-popolazzjonijiet tar-reġjuni ta’ Andujar‑Cardeña u ta’ Doñana. Dan irrappreżenta pass ’il quddiem fiż-żamma tal-varjabbiltà ġenetika attwali.

36      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma jistax jiġi kkunsidrat li ġie pprovat suffiċjentement skont il-liġi li l-implementazzjoni tal-proġett tal-bini tat-triq rurali kellha, bħala tali, effett reali fuq il-frammentazzjoni tal-habitat tal-linċi Iberika fir-reġjun ta’ Doñana.

37      Fir-rigward tal-allegat livell għoli tar-riskju ta’ kolliżjoni li huma suġġetti għalih il-linċi Iberiċi fl-imsemmi reġjun wara l-implementazzjoni tal-proġett tal-bini ta’ triq rurali, għandu jiġi osservat dan li ġej.

38      Il-Kummissjoni ċċitat l-abbozz preliminari tad-dokument bit-titolu “Mobbiltà durabbli, sigurtà fit-triq u konservazzjoni tal-fawna selvaġġa fir-reġjun ta’ Doñana” (Borrador, Movilidad sostenible, seguridad vial y conservación de la faune silvestre en la comarca de Doñana), mibgħut mill-awtoritajiet Spanjoli, fit-18 ta’ Diċembru 2006, li jindika li l-kolliżjonijiet bejn linċi Iberiċi u vetturi saru, għal-linċi Iberiċi fir-reġjun ta’ Doñana, waħda mill-kawżi prinċipali ta’ mewt u, għaldaqstant, fattur determinanti għall-vijabbiltà futura tal-popolazzjoni. Skont dan l-abbozz preliminari, tali sitwazzjoni ġiet aggravata b’żewġ fatturi prinċipali, jiġifieri ż-żieda tan-numru ta’ toroq asfaltati, b’mod partikolari fl-aħħar għaxar snin tas-seklu XX, u ż-żieda taċ-ċirkulazzjoni fit-toroq fir-reġjun kollu, permezz taż-żieda tal-użu turistiku u kummerċjali tat-toroq prinċipali u ż-żieda tal-użu tat-toroq rurali asfaltati.

39      Skont l-istudju msemmi fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, matul il-perijodu 2000-2003, għaxar linċi Iberiċi mietu f’kolliżjoni fir-reġjun ta’ Doñana. Huwa paċifiku li matul dan il-perijodu, mietet biss linċi Iberika waħda f’kolliżjoni fit-triq rurali li tgħaqqad Villamanrique de la Condesa ma’ El Rocío.

40      Fl-2004, instabet mejta linċi Iberika oħra f’din it-triq.

41      Għaldaqstant, ma huwiex ikkontestat li minn meta tlestiet l-implementazzjoni tal-miżuri korrettivi addizzjonali, f’Novembru 2004, ebda linċi Iberika ma ttajret fl-imsemmija triq, tal-inqas mhux sat-tmiem tal-proċedura bil-miktub quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja, fit-23 ta’ Frar 2009.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-imsemmija miżuri korrettivi jikkonsistu fl-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jiddiswadu l-veloċità u fit-tqegħid ta’ sinjali, fit-twaħħil ta’ għeluq li jeskludi l-vertebri kif ukoll il-bini ta’ passaġġi għall-fawna, ta’ pontijiet u ta’ sistemi minn fejn jgħaddi l-ilma.

43      Għalhekk, f’dak li jikkonċerna l-miżuri intiżi sabiex jiddiswadu l-veloċità u t‑tqegħid ta’ sinjali, mir-rapport tal-Inerco, iċċitat fil-punt 33 ta’ din is‑sentenza, jirriżulta li l-miżuri intiżi sabiex ma jinqabiżx il-limitu ta’ veloċità li ttieħdu mill-awtoritajiet Spanjoli ppermettew li jiġi osservat, fit-triq rurali inkwistjoni, tnaqqis kunsiderevoli tal-veloċità tas-sewqan meta mqabbla ma’ dik li kienet ġiet irreġistrata xi snin qabel.

44      Madankollu, mill-istudju tal-park naturali ta’ Doñana mwettaq fl-2006 (Estudio de 2006 del Parque Natural de Doñana) jirriżulta li l-veloċitajiet medji rreġistrati fl-imsemmija triq jaqbżu l-limiti awtorizzati.

45      F’dan il-kuntest, ir-rapport iċċitat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza jikkonkludi li, minkejja li f’dan il-mument jidher li l-miżuri qegħdin jagħtu riżultati tajbin, kull miżura adottata tista’ tittejjeb permezz ta’ kontrolli tal-veloċità, manutenzjoni iktar intensiva tal-mezzi kollha kif ukoll bl-adozzjoni ta’ miżuri ġodda.

46      Fir-rigward tal-għeluq ta’ esklużjoni, ir-rapport tal-WWF/Adena, iċċitat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, jindika li dan ma tqegħidx mat-tul kollu tat-triq rurali li tgħaqqad Villamanrique de la Condesa ma’ El Rocío, u f’naħa minnhom dan huwa nieqes fuq medda ta’ bejn wieħed u ieħor 3 kilometri. Għalhekk, l-aċċess tal-linċi Iberika għat-triq ma huwiex prekluż fuq din il-medda. Skont ir-rapport tal-Inerco, iċċitat fil-punti 33 u 48 ta’ din is-sentenza, it-tqegħid tal-imsemmi għeluq sar kollu kemm hu u l-miżuri li ġew adottati f’dan ir-rigward għandhom ikunu kkunsidrati xierqa meta mqabbla mal-għanijiet intiżi, minkejja li hija neċessarja reviżjoni tal-għeluq sabiex jiġi ggarantit li jkun ikkompletat. Barra minn hekk, il-ftuħ aċċidentali ta’ ċerti għeluq ippermetta eċċezzjonalment li tgħaddi fawna.

47      Ir-rapport imsemmi fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza jindika li, fir-rigward tal-medda ta’ 11 000 metru tal-imsemmija triq rurali li taqsam il-park naturali ta’ Doñana, l-ewwel 9 300 metri li jikkorrispondu għaż-żona ta’ foresta li tikkostitwixxi habitat favorevoli għal-linċi Iberika, huma kompletament imdawra b’għeluq ta’ esklużjoni fuq iż-żewġ naħat tat-triq. Fir-rigward tal-1 700 metru li jifdal, dawn ma humiex magħluqin peress li t-triq tgħaddi minn żona fejn jogħla l‑livell tal-ilma u sservi ta’ lqugħ meta jogħla ħafna l-ilma. Barra minn hekk, ma hemm la veġetazzjoni arborexxenti u lanqas arbuxxelli, peress li l-art hija intiża sabiex jirgħu l-annimali fiha.

48      Barra minn hekk, mid-dokument stabbilit fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni nazzjonali għall-ħarsien tan-natura, tar-Renju ta’ Spanja, bit-titolu “Indikazzjonijiet tekniċi għall-ħolqien ta’ passaġġi għall-fawna u ta’ għeluq perimetrali” (“Prescripciones técnicas para el diseño de pasos de fauna y vallados perimetrales”), li tirreferi għalih il-Kummissjoni, jirriżulta li huwa rrakkomandat, għal-linċi Iberika li jintuża gożwajer jew wajer bl-elettriku, li għandu jkollu għoli ta’ żewġ metri mill-art. Huwa paċifiku li l-għeluq ta’ esklużjoni inkwistjoni f’dan il-każ jikkorrispondi għall-ispeċifikazzjonijiet irrakkomandati, li ma humiex, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, esklużi għat-toroq li għandhom il-karatteristiċi tat-triq inkwistjoni.

49      Barra minn hekk, fl-imsemmi rapport huwa indikat li, bħala miżura korrettiva relatata mal-għeluq ta’ esklużjoni u sabiex tiġi ffaċilitata l-ħarba fil-każ li xi linċi Iberika tgħaddi għat-triq inkwistjoni, tqiegħed numru suffiċjenti ta’ punti ta’ ħrib, matul l-għeluq kollu, ikkonċentrati fejn il-punti ta’ aċċess possibbli bħal fejn jiltaqgħu t-toroq jew il-bidu u t-tmiem tal-għeluq. L-effikaċja ta’ dawn il-punti ta’ ħrib għadha ma setgħetx tiġi vverfikata għaliex l-għeluq servew tajjeb il-funzjoni tagħhom u ebda linċi ma setgħet taqbiżhom.

50      F’dak li jikkonċerna l-passaġġi tal-fawna, il-pontijiet u s-sistemi biex jgħaddi l‑ilma, għandu jsir riferiment għall-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza.

51      Fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, evalwati flimkien, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma ressqitx il-prova li l-implementazzjoni tal-proġett tal-bini ta’ triq rurali wasslet għal riskju għoli ta’ kolliżjoni għal-linċi Iberika.

52      Għalhekk, minkejja li ċerti elementi tal-proċess jidhru li jindikaw li s-sitwazzjoni fis-sit kollu ta’ Doñana tista’ ma tkunx sodisfaċenti fid-dawl tal-ħtiġiet tal-konservazzjoni tal-linċi Iberika, b’mod partikolari minħabba n-numru relattivament għoli ta’ mewt minħabba kolliżjoni ta’ annimali ta’ din l-ispeċi ta’ prijorità, il-provi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettulhiex li tikkonstata li l-proġett tal-bini ta’ triq rurali, flimkien mal-miżuri korrettivi, jikkostitwixxi fih innifsu intervent li għandu mnejn iwassal sabiex tisparixxi l‑linċi Iberika mis-sit ikkonċernat u li, għaldaqstant, għandu mnejn jikkomprometti b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi ta’ dan is-sit.

53      Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li għandu l‑Istat Membru konvenut skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva dwar il-habitat

 L-argumenti tal-partijiet

54      Il-Kummissjoni ssostni li, minkejja li l-awtoritajiet Spanjoli rrikonoxxew il-mewt aċċidentali ta’ tliet linċi Iberiċi fit-triq rurali li tgħaqqad Villamanrique de la Condesa ma’ El Rocío, rispettivament fl-1996, fl-2002 u fl-2004, huma ma waqqfux sistema ta’ kontroll strett tal-qtil involontarju tal-linċi Iberiċi fit-triq asfaltata inkwistjoni u ma ħadux il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji sabiex jiżguraw li dan il-qtil aċċidentali ma jkollux effett negattiv serju fuq din l-ispeċi mħarsa.

55      Ir-Renju ta’ Spanja jirrispondi li huwa adotta miżuri li rriżultaw xierqa u li jnaqqsu drastikament ir-riskju li jseħħ qtil inċidentali. Barra minn hekk, l‑awtoritajiet Spanjoli jiżguraw li jsegwu b’mod xieraq il-miżuri adottati u jagħmlu studju ta’ miżuri ġodda li eventwalment ikunu iktar xierqa fir-rigward tal-konservazzjoni u tat-titjib tal-ispeċi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56      Skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva dwar il-habitat, moqri flimkien mal-Anness IV(a) tagħha, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ kontroll, b’mod partikolari, tal-qtil aċċidentali tal-linċi iberiċi. Abbażi tal-informazzjoni miġbura, l-Istati Membri jagħmlu riċerki ġodda jew jieħdu l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji sabiex jaċċertaw, b’mod partikolari, li l-qtil involontarju ma jkollux effett negattiv serju fuq l-ispeċi inkwistjoni.

57      F’dak li jikkonċerna t-twaqqif ta’ sistema ta’ kontroll tal-qtil aċċidentali tal-linċi Iberiċi, għandu jiġi osservat li, skont is-sunt tar-rapport finali tal-attività ċċitata fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, ġiet stabbilita, skont kriterji ġeografiċi, database fuq il-mortalità minħabba kawżi mhux naturali, fosthom il-kolliżjonijiet, tal-linċi Iberika. B’dan il-mod setgħu jiġi ddeterminati ż-żoni li l-iktar jirrappreżentaw riskji għal-linċi Iberiċi fl-arja ta’ distribuzzjoni tagħha.

58      Fir-rigward tal-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-qtil involontarju ma jkollux effett negattiv serju fuq il-linċi Iberika, l-iżviluppi relatati mal-ewwel ilment u li ġġustifikaw iċ-ċaħda tiegħu jistgħu, essenzjalment, japplikaw f’dan il-każ.

59      F’dan il-każ, kif sostna r-Renju ta’ Spanja, il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli qed ikomplu l-istudju ta’ miżuri ġodda li jistgħu jsaħħu iktar il-kundizzjonijiet ta’ konservazzjoni u ta’ titjib tal-ispeċi ma jistax, bħala tali, iwassal sabiex jiġi kkonstatat li l-miżuri adottati ma humiex xierqa għall-għan tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva dwar il-habitat indikat in concreto fil-punt preċedenti.

60      Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

61      Minn dak kollu li jippreċedi, u mingħajr ma hemm bżonn li jiġi deċiż dwar l‑inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja fil-kontroreplika tiegħu u bbażata fuq in-natura allegatament vaga u mhux preċiża tal-ewwel ilment, jirriżulta li r‑rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-Renju ta’ Spanja.

Għal dawn il-motivi, iIl-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.