Language of document : ECLI:EU:C:2015:288

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ April 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Saħħa pubblika — Direttiva 2004/33/KE — Ħtiġiet tekniċi tad-demm u tal-komponenti tad-demm — Donazzjoni tad-demm — Kriterji ta’ ammissibbiltà tad-donaturi — Kriterji ta’ esklużjoni permanenti jew temporanja — Individwi li l-imġiba sesswali tagħhom tesponihom għal riskju għoli ta’ kisba ta’ mard infettiv gravi li jista’ jiġi trażmess bid-demm — Raġel li kellu relazzjoni sesswali ma’ raġel — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 21(1) u 52(1) — Orjentazzjoni sesswali — Diskriminazzjoni — Ġustifikazzjoni — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑528/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal administratif de Strasbourg (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

Geoffrey Léger

vs

Ministre des Affaires sociales, de la Santé et des Droits des femmes,

Établissement français du sang,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President ta’ Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F. Gloaguen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Gheorghiu u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2.1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/33/KE, tat-22 ta’ Marzu 2004, li timplimenta d-Direttiva 2002/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ċerti ħtiġiet tekniċi tad-demm u tal-komponenti tad-demm (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 272).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn G. Léger u l-ministre des Affaires sociales, de la Santé et des Droits des femmes [il-Ministru tal-Affarijiet Soċjali, tas-Saħħa u tad-Drittijiet tan-Nisa] flimkien mal-Établissement français du sang [Ċentru Franċiż tad-demm] fir-rigward ta’ rifjut milli tiġi aċċettata donazzjoni tad-demm ta’ G. Léger minħabba li huwa kellu relazzjoni sesswali ma’ raġel.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2002/98/KE

3        Id-Direttiva 2002/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi livelli stabbiliti ta’ kwalità u sigurtà għall-ġbir, l-ittestjar, l-ipproċessar, il-ħażna u t-tqassim ta’ demm tal-bniedem u komponenti tad-demm u li temenda d-Direttiva 2001/83/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 7, p. 346), hija bbażata fuq l-Artikolu 152(4)(a) KE.

4        Skont il-premessi 1, 2, 24 u 29 tad-Direttiva 2002/98:

“(1)      Il-punt safejn huwa użat id-demm tal-bniedem jitlob terapewtikament li l-kwalità u s-sigurtà ta’ demm sħiħ u komponenti tad-demm jiġi żgurat sabiex tiġi pprevenuta partikolarment it-trasmissjoni ta’ mard.

(2)      Id-disponibbiltà ta’ demm u komponenti tad-demm użati għal għanijiet terapewtiċi hija dipendenti fil-biċċa ’l kbira fuq ċittadini tal-Komunità li huma ppreparati li jiddonaw. Sabiex tiġi salvagwardjata s-saħħa pubblika u biex tiġi pprevenuta t-trasmissjoni ta’ mard li jittieħed, il-miżuri kollha prekawzjonali matul il-ġbir, il-proċessar, it-tqassim u l-użu tagħhom jeħtieġu li jittieħdu biex isir jużu xieraq tal-progress xjentifiku fil-kxif u l-inattivazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ aġenti patoġeniċi trasmessi permezz tat-trasfużjoni.

[...]

(24)      Demm u komponenti tad-demm użati għal għanijiet terapewtiċi jew għall-użu f’mezzi mediċi għandhom jinkisbu minn individwi li l-istat ta’ saħħa tagħhom huwa tali li l-ebda effett ta’ detriment ma jirriżulta bħala riżultat tad-donazzjoni u li kull riskju ta’ trasmissjoni ta’ mard li jittieħed jiġi mminimizzat; kull waħda minn u kull donazzjoni tad-demm għandha tiġi ttestjata bi qbil mar-regoli li jipprovdu assigurazzjonijiet li jkunu ttieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex tiġi salvagwardjata s-saħħa ta’ l-individwi li huma r-reċipjenti tad-demm u l-komponenti tad-demm.

[...]

(29)      Testijiet għandhom jitwettqu f’konformita mal-proċeduri xjentifiċi u tekniċi l-aktar riċenti li jirriflettu l-aħjar prattika korrenti kif definit minn, u rivedut regolarment u aġġornat permezz, ta’ proċess xieraq ta’ konsultazzjoni esperta. Dan il-proċess ta’ reviżjoni għandhu jqis kif mistħoqq avvanzi xjentifiċi fil-kisba, inattivazzjoni u eliminazzjoni ta’ patoġeni li jistgħu jiġu trasmessi permezz tat-trasfużjoni.”

5        L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jiddikjara:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards ta’ kwalità u sigurtà ta’ demm tal-bniedem u ta’ komponenti tad-demm, sabiex tiġi żgurata livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.”

6        L-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ġbir u l-ittestjar ta’ demm tal-bniedem u komponenti tad-demm, ikun xi jkun l-għan maħsub tagħhom, u għall-proċessar, il-ħażna, u t-tqassim tagħhom meta jkunu maħsuba għat-trasfużjoni.”

7        L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/98, intitolat “Eliġibilità ta’ donaturi”, huwa fformulat b’dan il-mod:

“1.      Ċentri tad-demm għandhom jiżguraw li jkun hemm proċeduri ta’ evalwazzjoni fis-seħħ għal donaturi kollha tad-demm u komponenti tad-demm u li jintlaħqu l-kriterji għad-donazzjoni riferita fl-Artikolu 29(d).

2.      Ir-riżultati ta’ l-evalwazzjoni tad-donatur u l-proċeduri tat-testjar għandhom jiġu ddokumentati u kull sejba rilevanti mhux normali għandha tiġi rrapportata lid-donatur.”

8        L-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżami tad-donaturi”, jipprevedi:

“Eżami tad-donatur, inkluż intervista, għandha titwettaq qabel xi donazzjoni tad-demm jew ta’ komponenti tad-demm. Professjonista tas-saħħa kkwalifikat għandu jkun responsabbli, partikolarment, biex jagħti u jiġbor minn donaturi t-tagħrif li huwa meħtieġ biex tiġi stmata l-eliġibilità tagħhom biex jiddonaw u għandhom, fuq il-bażi ta’ dan, jistmaw l-eliġibilità tad-donaturi.”

9        L-Artikolu 20 tal-istess direttiva, intitolat “Donazzjoni tad-demm volontarja u mhux imħallsa”, jipprovdi fis-subparagrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu donazzjonijiet volontarji u mhux imħallsa bil-ħsieb li jiġi żgurat li demm u komponenti tad-demm huma safejn u sakemm ikun possibbli pprovduti minn donazzjonijiet bħal dawn.”

10      L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2002/98, intitolat “Testjar ta’ donazzjonijiet”, jipprovdi:

“Ċentri tad-demm għandhom jiżguraw li kull donazzjoni tad-demm u komponenti tad-demm hija ttestjata f’konformità mal-ħtiġijiet mniżżla f’lista fl-Anness IV.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li demm u komponenti tad-demm importati fil-Komunità huma ttestjati f’konformità mal-ħtiġijiet imniżżla f’lista fl-Anness IV.”

11      It-tieni paragrafu (d) tal-Artikolu 29 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Il-ħtiġijiet tekniċi li ġejjin u l-addattament tagħhom għall-progress tekniku u xjentifiku għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 28(2):

[...]

d)      ħtiġijiet li jirrigwardjaw kemm ikunu xierqa d-donaturi tad-demm u tal-plasma u l-għarbiel ta’ demm donat inkluż:

–        kriterji permanenti ta’ deferiment (deferral) u eżenzjoni possibbli għal dan,

–        kriterji temporanji ta’ diferiment (deferral).”

12      Skont l-Anness IV tal-istess direttiva, intitolat “Ħtiġijiet ta’ testjar bażiċi għal demm sħiħ u donazzjonijiet tal-plasma”:

“It-testijiet li ġejjin iridu jitwettqu fuq donazzjonijiet ta’ demm sħiħ u apheresis, inklużi donazzjonijiet autologous predeposit:

[...]

–        testjar għall-infezzjonijiet li ġejjin fid-donaturi:

–        Hepatitis B (HBs-Ag),

–        Hepatitis C (Anti‑HCV),

–        HIV 1/2 (Anti‑HIV 1/2).

Testijiet addizzjonali jistgħu jinħtieġu għal komponenti jew donaturi speċifiċi jew sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi.”

 Id-Direttiva 2004/33

13      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/33, intitolat “Tagħrif meħtieġ mingħand donaturi”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi mal-ftehim tar-rieda tagħhom li jibdew id-donazzjoni tad-demm jew tal-komponenti tad-demm, id-donaturi jipprovdu t-tagħrif iddikjarat fil-Parti B ta’ l-Anness II lill-istabbiliment tad-demm.”

14      L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eliġibbiltà tad-donaturi”, jipprovdi:

“L-istabbilimenti tad-demm ghandhom jiżguraw illi d-donaturi tad-demm sħiħ u l-komponenti tad-demm jikkonformaw mal-kriterji ta’ l-eliġibbiltà dikjarati fl-Anness III.”

15      Il-punti 2 u 4 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva jinkludu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“2      ‘Donazzjoni allogenejka’ tfisser id-demm u l-komponenti tad-demm miġbura mingħand individwu u maħsuba għal trasfużjoni lil individwu ieħor, għall-użu fil-mezzi mediċi jew bħala materjal li jibda/materjal mhux maħdum sabiex jiġi fabbrikat fi prodotti mediċinali.

[...]

4.      ‘Demm sħiħ’ ifisser donazzjoni waħdanija tad-demm.”

16      Taħt it-titolu “Tagħrif li jrid jiġi miksub mingħand id-donaturi mill-istabbilimenti tad-demm ma’ kull donazzjoni”, il-Parti B tal-Anness II tal-istess direttiva, tipprovdi, fil-punt 2 tagħha, li d-donaturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

“Is-saħħa u l-istorja medika, provduti fuq kwestjonarju u permezz ta’ intervista personali mwettqa minn professjonista kwalifikat fil-kura medika, li tinkludi fatturi rilevanti li jistgħu jgħinu fl-identifikazzjoni u l-eżaminazzjoni tal-persuni li d-donazzjoni tagħhom tista’ tippreżenta riskju għas-saħħa ta’ l-oħrajn, bħalma hija l-possibbiltà li jigi trasmess mard, jew riskju għas-saħħa tagħhom infushom.”

17      L-Anness III tad-Direttiva 2004/33, intitolat “Kriterji ta’ l-eliġibbiltà għad-donaturi tad-demm sħiħ jew tal-komponenti tad-demm”, jindika, fil-punt 2 tiegħu, il-kriterji ta’ esklużjoni tad-donaturi ta’ demm sħiħ u ta’ komponenti tad-demm.

18      Il-punt 2.1 ta’ dan l-anness huwa intitolat “Kriterji tad-differment permanenti għad-donaturi ta’ donazzjonijiet alloġenejċi”. Dawn il-kriterji jirrigwardaw, essenzjalment, l-erba’ kategoriji ta’ persuni li ġejjin: il-persuni li jġorru magħhom ċertu mard, fostu l-“HIV-½”, jew li jippreżentaw ċerti sintomi patoloġiċi; dawk li kkonsmaw droga b’mod intravenali jew intramuskolari; il-persuni li rċevew xerotrapjant kif ukoll il-“[p]ersuni li l-imġieba sesswali tagħhom tpoggihom f’riskju għoli li jakkwistaw mard serju li jittieħed li jista’ jiġi trasmess mid-demm”.

19      Il-punt 2.2 tal-imsemmi anness, intitolat “Kriterji tad-differment temporanju għad-donaturi ta’ donazzjonijiet alloġenejċi”, jinkludi punt 2.2.2, dwar l-espożizzjoni għal riskju ta’ infezzjoni li tista’ tiġi trażmessa permezz ta’ trasfużjoni.

20      F’dan il-punt 2.2.2, mal-entrata tat-tabella li tirrigwarda l-“[p]ersuni li l-imġieba jew il-postijiet ta’ l-attività tagħhom iqegħduhom fir-riskju li jakkwistaw mard li jittieħed li jista’ jiġi tramess mid-demm” jikkorrispondi r-riferiment li ġej: “[i]ddifferixxi [esklużjoni] wara l-waqfien ta’ l-imġieba ta’ riskju għal perjodu taż-żmien li jrid jiġi stabbilit mill-marda fil-kwistjoni, u mid-disponibbiltà tat-testijiet xierqa”.

 Id-dritt Franċiż

21      Il-Ministru tas-Saħħa u tal-Isport adotta, fit-12 ta’ Jannar 2009, digriet li jistabbilixxi l-kriterji ta’ għażla tad-donaturi tad-demm (JORF tat-18 ta’ Jannar 2009, p. 1067, iktar ’il quddiem id-“digriet tat-12 ta’ Jannar 2009”), li jsemmi d-Direttiva 2004/33 fil-premessi tiegħu.

22      Il-punt 1 tat-Titolu V tal-Artikolu 1, ta’ dan id-digriet dwar il-karatteristiċi kliniċi tad-donatur jipprovdi:

“Waqt l-intervista li tippreċedi d-donazzjoni, hija l-persuna maħtura sabiex tipproċedi għas-selezzjoni tad-donaturi li għandha tevalwa l-possibbiltà ta’ donazzjoni fir-rigward tal-kontraindikazzjonijiet u tat-tul tagħhom, tan-natura anterjuri tagħhom u tal-iżvilupp tagħhom permezz ta’ mistoqsijiet supplimentari għall-kwestjonarju li jippreċedi d-donazzjoni.

[...]

Id-donatur prospettiv huwa eskluż milli jagħti d-donazzjoni jekk jippreżenta kontraindikazzjoni msemmija f’waħda mit-tabelli ta’ dan id-digriet. [...]

[...]”

23      L-Anness II tal-imsemmi digriet jinkludi t-tabelli relatati mal-kontraindikazzjonijiet, fejn it-tabella B tirrigwarda r-riskji għal min jirċievi d-demm. Il-parti ta’ din it-tabella relatata mar-riskju marbut mat-trażmissjoni ta’ infezzjoni virali tipprovdi li, fir-rigward tar-riskju ta’ espożizzjoni tal-kandidat għad-donazzjoni għal aġent infettiv li jista’ jiġi trażmess sesswalment, teżisti kontraindikazzjoni permanenti għad-donazzjoni tad-demm fis-sitwazzjoni ta’ “Raġel li kellu relazzjonijiet sesswali ma’ raġel ieħor”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

24      G. Léger mar fiċ-ċentru għat-teħid tad-demm tal-Établissement français du sang li jinsab f’Metz (Franza) sabiex iwettaq donazzjoni tad-demm.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2009, it-tabib responsabbli mill-ġbir irrifjuta din id-donazzjoni ta’ demm minħabba li G. Léger kellu relazzjoni sesswali ma’ raġel.

26      Dan it-tabib ibbaża ruħu fuq id-digriet tat-12 ta’ Jannar 2009, li jipprovdi fit-tabella B tal-Anness II tiegħu, fir-rigward tar-riskju ta’ espożizzjoni tad-donatur potenzjali għal aġent infettiv li jista’ jiġi trażmess sesswalment, kontraindikazzjoni permanenti għad-donazzjoni ta’ demm minn raġel li kellu relazzjonijiet sesswali ma’ raġel.

27      G. Léger ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-tribunal administratif de Strasbourg, fejn b’mod partikolari sostna li l-Anness II tad-digriet tat-12 ta’ Jannar 2009 kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/33.

28      Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-kwistjoni dwar jekk l-eżistenza ta’ kontraindikazzjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm għal raġel li kellu relazzjonijiet sesswali ma’ raġel hijiex konformi mal-Anness III tal-imsemmija direttiva tippreżenta diffikultà serja u li hija determinazzjoni għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal administratif de Strasbourg iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fid-dawl tal-Anness III tad-Direttiva [2004/33], il-fatt li raġel ikollu relazzjoni sesswali ma’ raġel ieħor jikkostitwixxi, fih innifsu, imġiba sesswali li tesponi lil persuna għal riskju għoli li takkwista mard serju li jittieħed li jista’ jiġi trasmess mid-demm u li tiġġustifika l-esklużjoni permanenti tal-persuni li pparteċipaw f’din l-imġiba sesswali mid-donazzjoni tad-demm, jew inkella jikkostitwixxi biss imġiba sesswali li tesponi lil persuna għal riskju għoli li takkwista mard serju li jittieħed li jista’ jiġi trasmess mid-demm u li tiġġustifika esklużjoni temporanja mid-donazzjoni tad-demm għal perijodu speċifiku wara li tkun intemmet l-imġiba li tesponi għar-riskju?”

 Fuq id-domanda preliminari

30      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2004/33 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kriterju ta’ esklużjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm imsemmi f’din id-dispożizzjoni u li jirrigwarda l-imġiba sesswali li tesponi għar-riskju ta’ kisba ta’ mard infettiv gravi li jista’ jiġi trażmess bid-demm jipprekludi lil Stat Membru milli jipprovdi kontraindikazzjoni permanenti għad-donazzjoni tad-demm għall-irġiel li kellhom relazzjonijiet sesswali ma’ rġiel.

31      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, hekk kif sostnew il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea, jeżistu diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-punti 2.1 u 2.2.2 tal-Anness III tal-imsemmija direttiva fir-rigward tal-livell ta’ riskju msemmi minn dawn id-dispożizzjonijiet.

32      Fil-fatt, fil-verżjoni lingwistika Franċiża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-esklużjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm previst fl-imsemmi punt 2.1 u l-esklużjoni temporanja prevista fl-imsemmi punt 2.2.2 japplikaw it-tnejn li huma għall-individwi li l-imġiba sesswali tagħhom tesponihom għal “riskju” ta’ kisba ta’ mard infettiv gravi li jista’ jiġi trażmess bid-demm. F’din il-verżjoni lingwistika, il-livell ta’ riskju li jiġġustifika l-esklużjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm għaldaqstant huwa eżattament l-istess bħal dak applikabbli għall-esklużjoni temporanja.

33      Min-naħa l-oħra, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għalkemm l-esklużjoni temporanja tassumi li hemm preżenza ta’ “riskju”, fejn jirrigwarda l-esklużjoni permanenti, din tirrigwarda “riskju għoli”. Dan huwa b’mod partikolari l-każ fil-verżjonijiet tal-punt 2.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2004/33 bil-lingwa Daniża (“stor risiko”), Estonjana (“kõrgendatud ohtu”), Ingliża (“high risk”), Taljana (“alto rischio”), Olandiża (“groot risico”), Pollakka (“wysokie ryzyko”) jew Portugiża (“grande risco”).

34      Ulterjorment, f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, il-punti 2.1 u 2.2.2 tal-imsemmi anness it-tnejn li huma jsemmu “riskju għoli”, bħal fil-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“alto riesgo”) u Ġermaniża (“hohes risiko”).

35      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom fil-fatt jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi Cricket St Thomas, C‑372/88, EU:C:1990:140, punti 18 u 19; Kurcums Metal, C‑558/11, EU:C:2012:721, punt 48, kif ukoll Ivansson et, C‑307/13, EU:C:2014:2058, punt 40).

36      Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tal-punti 2.1 u 2.2.2 tal-Anness III tad-Direttiva 2004/33, għandu jiġi osservat li l-imsemmi anness jagħmel id-distinzjoni bejn l-esklużjoni permanenti u esklużjoni temporanja mid-donazzjoni tad-demm, fejn il-kriterji applikabbli fir-rigward tagħhom għandhom ukoll ikunu loġikament differenti. Għalhekk, l-esklużjoni permanenti iktar stretta, tippreżumi l-eżistenza ta’ riskju ogħla minn dak relatat mal-projbizzjoni temporanja.

37      Barra minn hekk, kif tiddikjara l-premessa 24 tad-Direttiva 2002/98, id-demm u l-komponenti tad-demm użati għal finijiet terapewtiċi jew f’dispożittivi mediċi għandhom jiġu minn persuni li l-istat ta’ saħħa tagħhom huwa tali li ebda effett ta’ ħsara ma jirriżulta mid-donazzjoni u li kull riskju ta’ trażmissjoni ta’ mard infettiv gravi li jista’ jiġi trażmess bid-demm jiġi ridott għall-minimu. Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2004/33, l-esklużjoni permanenti għandha tapplika meta r-riskju ta’ tali trażmissjoni jkun ogħla.

38      Konsegwentement, l-istruttura ġenerali u l-għan ta’ din l-aħħar direttiva jwasslu sabiex tintlaqa’ l-interpretazzjoni li l-esklużjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm prevista fil-punt 2.1 tal-Anness III tal-imsemmija direttiva tikkonċerna l-individwi li l-imġiba sesswali tagħhom tesponihom għal “riskju għoli” li jiksbu mard infettiv gravi li jista’ jiġi trażmess bid-demm, filwaqt li l-esklużjoni temporanja mid-donazzjoni tad-demm hija marbuta ma riskju inqas għoli.

39      Fir-rigward ta’ din l-esklużjoni permanenti, għandu jiġi osservat li l-espressjoni “[p]ersuni li l-imġieba sesswali tagħhom tpoggihom f’riskju” li jiksbu mard infettiv imsemmi fil-punt 2.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2004/33 ma tiddeterminax b’mod preċiż il-persuni jew il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati mill-imsemmija esklużjoni, liema fatt iħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

40      Għalhekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat sa fejn il-kontraindikazzjoni permanenti prevista mid-dritt Franċiż fis-sitwazzjoni ta’ “raġel li kellu relazzjonijiet sesswali ma’ raġel” jissodisfa r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ “riskju għoli” msemmi fil-punt 2.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2004/33 filwaqt li jirrispetta d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

41      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tal-imsemmija drittijiet fundamentali jivvinkolaw lill-Istati Membri meta jimplementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’tali mod li dawn ikollhom l-obbligu li japplikaw din il-leġiżlazzjoni f’ċirkustanzi li ma jmorrux kontra dawn ir-rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, iħarsu sabiex ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ test tad-dritt derivat li jidħol f’kunflitt ma’ dawn id-drittijiet fundamentali (ara s-sentenzi Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 28, kif ukoll O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 78).

42      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju għoli li jinkiseb mard infettiv gravi li jista’ jiġi trażmess bid-demm, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni epidemjoloġika fi Franza, li skont il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni għandha karattru speċifiku, li jirreferu għad-data pprovduta mill-Institut de veille sanitaire français (Istitut ta’ ħarsien sanitarju Franċiż). Minn din id-data jirriżulta li kważi l-kontaminazzjonijiet kollha bl-HIV, għall-perijodu mis-sena 2003 sas-sena 2008, huma dovuti għal relazzjoni sesswali u li l-irġiel li kellhom relazzjonijiet sesswali ma’ rġiel jirrappreżentaw l-iktar popolazzjoni milquta li tikkorrispondi għal 48 % tal-kontaminazzjonijiet il-ġodda. Fuq l-istess perijodu, għalkemm l-effett globali tal-infezzjoni mill-HIV naqas, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjonijiet eterosesswali, huwa ma naqasx fir-rigward tal-irġiel li kellhom relazzjonijiet sesswali ma’ rġiel. Barra minn hekk, dejjem għall-istess perijodu, dawn kienu jirrappreżentaw l-iżked popolazzjoni milquta bil-kontaminazzjoni tal-HIV, b’rata ta’ inċidenza ta’ 1 % fis-sena, li hija 200 darba ogħla minn dik tal-popolazzjoni eterosesswali Franċiża.

43      Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal rapport stabbilit miċ-Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, li ġie stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 8, p. 346). Skont dan ir-rapport intitolat Men who have sex with men (MSM), Monitoring implementation of the Dublin Declaration on Partnership to Fight HIV/AIDS in Europe and Central Asia: 2012 progress”, ippubblikat fix-xahar ta’ Ottubru 2013, huwa fi Franza li l-prevalenza tal-HIV fi ħdan il-gruppi tal-irġiel li kellhom relazzjonijiet sesswali ma’ rġiel, huwa l-ogħla fost l-Istati kollha studjati.

44      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-għarfien mediku, xjentifiku u epidemjoloġiku attwali, id-data msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza hijiex affidabbli u, jekk dan huwa l-każ, jekk għadhiex rilevanti.

45      Fit-tieni lok, fl-ipoteżi fejn l-imsemmija qorti tar-rinviju tikkonkludi, b’mod partikolari billi tikkunsidra l-imsemmija data, li l-awtoritajiet nazzjonali raġonevolment setgħu jikkunsidraw li fi Franza jeżisti riskju għoli ta’ ksib tal-mard infettiv gravi li jista’ jiġi trażmess bid-demm, fis-sens tal-punt 2.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2004/33, f’sitwazzjoni ta’ raġel li kellu relazzjonijiet sesswali ma’ raġel, għandu jiġi eżaminat jekk, u taħt liema ċirkustanzi, kontraindikazzjoni permanenti għad-donazzjoni tad-demm bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tkun konformi mad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

46      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri “biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”.

47      F’dan il-każ, id-digriet tat-12 ta’ Jannar 2009, li jirreferi espressament għad-Direttiva 2004/33 fil-premessi tiegħu, jimplementa d-dritt tal-Unjoni.

48      Konsegwentement, l-imsemmi digriet għandu, minn fost id-dispożizzjonijiet tal-Karta, josserva b’mod partikolari l-Artikolu 21(1) tagħha, li jipprovdi li hija pprojbita kull diskriminazzjoni bbażata b’mod partikolari fuq l-orjentazzjoni sesswali. L-Artikolu 21(1) huwa espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Römer, C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 59, u Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 43).

49      Issa, f’dan ir-rigward, jekk jittieħed bħala kriterju ta’ kontraindikazzjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm il-fatt li individwu jkun “raġel li kellu relazzjoni sesswali ma’ raġel”, it-tabella B tal-Anness II tad-digriet tat-12 ta’ Jannar 2009 tiddetermina l-esklużjoni mid-donazzjoni tad-demm skont l-orjentazzjoni omosesswali tad-donaturi ta’ sess maskili li, minħabba l-fatt li kellhom relazzjoni sesswali li tikkorrispondi għal din l-orjentazzjoni, iġarrbu trattament inqas favorevoli mill-persuni eterosesswali ta’ sess maskili.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jkun li d-digriet tat-12 ta’ Jannar 2009 joħloq, fir-rigward tal-persuni omosesswali, diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, fis-sens tal-Artikolu 21(1) tal-Karta.

51      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-kontraindikazzjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm prevista mid-digriet tat-12 ta’ Jannar 2009 għal raġel li kellu relazzjonijiet sesswali ma’ raġel tissodisfax, madankollu, il-kundizzjonijiet magħmula mill-Artikolu 52(1) tal-Karta sabiex tkun ġustifikata.

52      Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet. Barra minn hekk, skont din l-istess dispożizzjoni, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss jekk ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

53      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kontraindikazzjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm għal raġel li kellu relazzjonijiet sesswali ma’ raġel, li tikkostitwixxi limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta, għandha titqies li hija prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-imsemmija Karta, ġaladarba hija tirriżulta mid-digriet tat-12 ta’ Jannar 2009.

54      Barra minn hekk, din il-limitazzjoni tosserva l-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-fatt, l-imsemmija limitazzjoni ma tqiegħedx inkwistjoni dan il-prinċipju fih innifsu inkwantu hija tirrigwarda biss il-kwistjoni, ta’ portata limitata, tal-esklużjonijiet mid-donazzjoni tad-demm bil-għan li tiġi protetta s-saħħa tal-persuni li jirċievu d-demm.

55      Madankollu, hemm ulterjorment lok li jiġi vverifikat jekk l-istess limitazzjoni tissodisfax għan ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, u, fil-każ li dan huwa minnu, jekk hija tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2004/33 timplementa d-Direttiva 2002/98. Din l-aħħar direttiva, konformement mal-bażi legali tagħha, jiġifieri l-Artikolu 152(4)(a) KE, għandha bħala għan il-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

57      F’dan il-każ, l-esklużjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm hija intiża sabiex tnaqqas għall-minimu r-riskju ta’ trażmissjoni ta’ marda infettiva fuq il-persuni li jirċievu d-donazzjoni. Din l-esklużjoni konsegwentement tikkontribwixxi għall-għan ġenerali li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, li jikkostitwixxi għan rikonoxxut mill-Unjoni fl-Artikolu 152 KE u b’mod partikolari fis-subparagrafi 4(a) u 5 ta’ dan l-artikolu, kif ukoll fit-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta, li jirrikjedu li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jiġi żgurat fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u tal-azzjonijiet kollha tal-Unjoni.

58      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhomx imorru lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, ġaladarba, meta teżisti għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, jeħtieġ li wieħed jirrikorri għal dik l-inqas restrittiva minnhom u ma għandux ikun hemm żbilanċ bejn l-inkonvenjent ikkawżat u l-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86; Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 24, kif ukoll Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 52).

59      F’kawża bħal dik prinċipali, dan il-prinċipju huwa osservat biss jekk livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni li jirċievu d-donazzjoni ma jkunx jista’ jiġi żgurat permezz ta’ teknika effikaċi ta’ detezzjoni tal-HIV u inqas restrittiva mill-projbizzjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm għall-grupp kollu kkostitwit mill-irġiel li kellhom relazzjonijiet sesswali ma’ rġiel.

60      Fil-fatt, minn naħa, ma jistax jiġi eskluż li, anki fil-preżenza ta’ mġiba sesswali li tesponi għal riskju għoli ta’ kisba ta’ mart infettiv gravi li jista’ jiġi trażmess bid-demm, fis-sens tal-punt 2.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2004/33, li jirrigwarda r-riskju ta’ trażmissjoni ta’ tali mard bejn l-imsieħba wara relazzjoni sesswali, teżisti teknika effikaċi biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni li jirċievu d-donazzjoni.

61      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 21 tad-Direttiva 2002/98, sabiex tiġi żgurata l-kwalità u s-sigurtà tad-demm u tal-komponenti tad-demm, kull donazzjoni tad-demm għandha tiġi vverifikata konformement mar-rekwiżiti ddikjarati fl-Anness IV ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-fatt li dawn ir-rekwiżiti huma mistennija li jevolvu mal-progress xjentifiku u tekniku (sentenza Humanplasma, C‑421/09, EU:C:2010:760, punt 42). Skont dan l-Anness IV, testijiet ta’ latenza tal-HIV I/II għandhom, b’mod partikolari, isiru fuq id-donaturi.

62      Il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni josservaw madankollu li, fl-istat attwali tax-xjenza, jeżisti “perijodu silenzjuż”, perijodu li warajh tiġi infezzjoni virali u li matulu l-indikaturi bijoloġiċi użati fil-kuntest tal-latenza fid-donazzjoni tad-demm jibqgħu negattivi minkejja l-infezzjoni tad-donatur. Għaldaqstant huma l-infezzjonijiet reċenti li jippreżentaw riskju ta’ nuqqas ta’ detezzjoni meta jsiru t-testijiet ta’ latenza u, konsegwentement, ta’ trażmissjoni tal-HIV lill-persuna li tirċievi d-donazzjoni.

63      Il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li tivverifika jekk, f’sitwazzjoni bħal din u fil-kuntest tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, teżistix teknika effikaċi ta’ detezzjoni tal-HIV sabiex tiġi evitata t-trażmissjoni ta’ dan il-virus lill-persuni li jirċievu d-donazzjoni, liema testijiet għandhom isiru skont l-iktar proċeduri xjentifiċi u tekniċi reċenti, konformement mal-premessa 29 tad-Direttiva 2002/98.

64      B’mod partikolari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-progressi tax-xjenza jew tat-teknika sanitarja, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-ispiża ta’ kwarantena sistematika tad-donazzjonijiet minn irġiel li kellhom relazzjonijiet sesswali ma’ rġiel jew dik ta’ detezzjoni sistematika tal-HIV għad-donazzjonijiet kollha tad-demm, li tippermetti li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni li jirċievu d-donazzjoni, mingħajr ma l-oneru li jirriżulta minn dan ikun eċċessiv meta mqabbel mal-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa msemmija.

65      Min-naħa l-oħra, li kieku kellu jitqies li, fl-istat attwali tax-xjenza, ma teżistix teknika li tissodisfa l-kundizzjonijiet magħmula fil-punti 63 u 64 ta’ din is-sentenza, kontraindikazzjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm għall-grupp kollu kkostitwit mill-irġiel li kellhom relazzjonijiet sesswali ma’ rġiel hija proporzjonata biss jekk ma jeżistux metodi inqas restrittivi sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni li jirċievu d-donazzjoni.

66      F’dan ir-rigward, hija b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-kwestjonarju u l-intervista individwali ma’ professjonist tas-settur mediku previsti fil-punt 2, tal-parti B, tal-Anness II tad-Direttiva 2004/33 jistgħux jippermettu li tiġi identifikata b’mod iktar preċiż l-imġiba li tippreżenta riskju għas-saħħa tal-persuni li jirċievu d-donazzjoni, sabiex tiġi stabbilita kontraindikazzjoni inqas restrittiva minn kontraindikazzjoni permanenti għall-grupp kollu kkostitwit mill-irġiel li kellhom relazzjonijiet sesswali ma’ rġiel.

67      F’dan is-sens, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk kwistjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw it-terminu li ddekorra mill-aħħar relazzjoni sesswali meta mqabbel mat-tul tal-“perijodu silenzjuż”, in-natura stabbli tar-relazzjoni tal-persuna kkonċernata jew in-natura protetta tar-relazzjonijiet sesswali li jippermettu li jiġi evalwat il-livell ta’ riskju li jippreżenta individwalment kull donatur minħabba l-imġiba sesswali tiegħu nnifsu.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, fl-ipoteżi fejn teknika effikaċi ta’ detezzjoni tal-mard gravi li jista’ jiġi trażmess bid-demm jew, fin-nuqqas ta’ tali teknika, fejn metodi inqas restrittivi mill-projbizzjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm għall-grupp kollu kkostitwit mill-irġiel li kellhom relazzjonijiet sesswali ma’ rġiel jippermettu li jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli tas-saħħa tal-persuni li jirċievu d-demm, tali kontraindikazzjoni permanenti ma tkunx tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 2.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2004/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kriterju ta’ esklużjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm imsemmi f’din id-dispożizzjoni u relatat mal-imġiba sesswali jkopri l-ipoteżi li fiha Stat Membru, fid-dawl tas-sitwazzjoni prevalenti fi ħdanu, jipprevedi kontraindikazzjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm għall-irġiel li kellhom relazzjonijiet sesswali ma’ rġiel meta jkun ġie stabbilit, abbażi tal-għarfien u tad-data medika, xjentifika u epidemjoloġika attwali, li din l-imġiba sesswali tesponi lil dawn il-persuni għal riskju għoli li jiksbu mard infettiv gravi li jista’ jiġi trażmess bid-demm u li, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma teżistix teknika effikaċi ta’ detezzjoni ta’ dan il-mard infettiv jew, fin-nuqqas ta’ din it-teknika, ma jeżistux metodi inqas restrittivi minn tali kontraindikazzjoni sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni li jirċievu d-donazzjoni tad-demm. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fl-Istat Membru kkonċernat, dawn il-kundizzjonijiet ġewx issodisfatti.

 Fuq l-ispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 2.1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/33/KE, tat-22 ta’ Marzu 2004, li timplimenta d-Direttiva 2002/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ċerti ħtiġiet tekniċi tad-demm u tal-komponenti tad-demm, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kriterju ta’ esklużjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm imsemmi f’din id-dispożizzjoni u relatat mal-imġiba sesswali jkopri l-ipoteżi li fiha Stat Membru, fid-dawl tas-sitwazzjoni prevalenti fi ħdanu, jipprovdi kontraindikazzjoni permanenti mid-donazzjoni tad-demm għall-irġiel li kellhom relazzjonijiet sesswali ma’ rġiel meta jkun ġie stabbilit, abbażi tal-għarfien u tad-data medika, xjentifika u epidemjoloġika attwali, li din l-imġiba sesswali tesponi lil dawn il-persuni għal riskju għoli li jiksbu mard infettiv gravi li jista’ jiġi trażmess bid-demm u li, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma teżistix teknika effikaċi ta’ detezzjoni ta’ dan il-mard infettiv jew, fin-nuqqas ta’ din it-teknika, ma jeżistux metodi inqas restrittivi minn tali kontraindikazzjoni sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni li jirċievu d-donazzjoni tad-demm. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fl-Istat Membru kkonċernat, dawn il-kundizzjonijiet ġewx issodisfatti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.