Language of document : ECLI:EU:C:2012:11

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-12 ta’ Jannar 2012 (*)

Kawżi Magħquda C‑628/10 P u C‑14/11 P

Alliance One International Inc. et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea et

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikolu 81 KE — Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Suq Spanjol tat-tabakk mhux maħdum — Iffissar ta’ prezzijiet u tqassim tas-suq — Responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarja tagħha — Kriterji għall-imputabbiltà tal-ksur fi ħdan grupp ta’ kumpanniji — Limiti għas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li timponi multi — Prinċipju ta’ trattament ugwali — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni kontra membri ta’ akkordju min-naħa tal-Kummissjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Projbizzjoni kontra l-invokazzjoni a posteriori ta’ motivi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni li timponi multa matul il-proċedura kontenzjuża”






Werrej


I —   Introduzzjoni

II — Il-kuntest ġuridiku

III — Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura fl-ewwel istanza

A —   Il-kumpanniji partijiet f’din il-kawża

B —   Iż-żewġ akkordji fis-suq Spanjol tat-tabakk mhux maħdum u d-deċiżjoni kontenzjuża tal-Kummissjoni

C —   Il-proċedura fl-ewwel istanza

IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V —   Kwistjoni preliminari dwar il-locus standi ta’ AOI

VI — Evalwazzjoni tal-aggravji

A —   Fuq l-ilmenti invokati fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

1.     Ir-relazzjoni bejn il-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-prinċipju ta’ legalità fil-kuntest tal-proċeduri fil-qasam tal-akkordji (l-ewwel u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑14/11 P)

a)     L-aggravju prinċipali tal-Kummissjoni: l-applikazzjoni allegatament żbaljata tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

b)     Fuq l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata u fuq l-iżnaturament tal-fatti

i)     Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

ii)   Fuq l-iżnaturament tal-fatti allegati

c)     Konklużjoni intermedjarja

2.     Fuq l-allegata diskriminazzjoni kontra SCC u SCTC minħabba l-applikazzjoni tal-kunċett tal-bażi doppja (it-tielet aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

a)     Fuq in-natura allegatament diskriminatorja tal-kunċett tal-bażi doppja fil-konfront ta’ SCC u SCTC (l-ewwel elementi ċentrali tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

b)     Fuq il-paragun bejn is-sitwazzjoni ta’ AOI u SCTC ma’ dik ta’ Universal u Universal Leaf (it-tieni parti tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

c)     Konklużjoni intermedjarja

3.     Fuq l-irrilevanza tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-proċedura fl-ewwel istanza b’risposta għall-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni (it-tielet aggravju fil-Kawża C‑14/11 P)

4.     Fuq ix-xebh bejn is-sitwazzjoni ta’ TCLT u dik ta’ Intabex u ta’ Universal (ir-raba’ aggravju fil-Kawża C‑14/11 P)

5.     Konklużjoni intermedjarja

B —   Fuq ċerti lmenti oħra mressqa minn AOI u SCTC (l-ewwel u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

1.     Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑628/10 P

a)     Fuq l-allegat nuqqas ta’ influwenza deċiżiva eżerċitata minn SCC u SCTC fuq WWTE qabel il-5 ta’ Mejju 1998 (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

i)     Il-kriterju tal-imputazzjoni: eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva

ii)   Kontroll konġunt: ma huwiex raġuni imperattiva sabiex tiġi eskluża l-imputazzjoni tar-responsabbiltŕ għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni lil waħda mill-kumpanniji parent biss

b)     Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ AOI u ta’ SCTC (it-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

i)     Fuq l-ammissibbiltà

ii)   Fuq il-fondatezza

c)     Konklużjoni intermedjarja

2.     Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑628/10 P

a)     Mistoqsija preliminari: it-tieni aggravju huwa ineffettiv?

b)     Eżami fil-mertu tat-tieni aggravju

i)     Fuq l-allegat tibdil tal-argument tal-Kummissjoni matul il-proċedura fl-ewwel istanza (l-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

ii)   Fuq l-ilment ibbażat fuq it-tibdil a posteriori tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża (it-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

C —   Sunt tal-aggravji mqajma miż-żewġ partijiet

D —   Dwar it-talba separata ta’ AOI u ta’ SCTC għat-tnaqqis tal-multa

VII — Fuq l-ispejjeż

VIII — Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.        “Il-ġenituri huma responsabbli għat-tfal tagħhom”. Dan il-proverbju antik jidher li huwa validu wkoll fil-kawżi tal-kompetizzjoni (1). Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċeduri għall-impożizzjoni ta’ multi intiżi li jissanzjonaw il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jiġri spiss li mhux biss tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tal-impriżi involuti direttament fl-akkordju, imma wkoll dik tal-kumpanniji parent tagħhom. Dan jippermetti li tittieħed debitament inkunsiderazzjoni s-saħħa finanzjarja tal-grupp ta’ impriżi kollu involut fl-akkordju sabiex tiġi kkalkolata l-multa. Barra minn hekk, b’hekk tiżdied il-probabbiltà li debitur solventi jkun responsabbli għall-ħlas tal-multa, u dan indipendentement mill-eventwali ċaqliq tal-attiv fi ħdan il-grupp ikkonċernat.

2.        Madankollu, il-prinċipju tar-responsabbiltà personali (2), li dejjem għandu jkun osservat fil-proċeduri kriminali u kważi kriminali, jillimita l-imputazzjoni tal-akkordji illegali fi ħdan gruppi ta’ impriżi. Huwa b’mod partikolari minħabba din ir-raġuni li l-qrati tal-Unjoni dejjem ikollhom jiddeċiedu fuq il-kwistjoni dwar jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, il-kumpanniji parent jistgħu validament jinżammu responsabbli għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħhom (3).

3.        F’dan l-appell, il-kwistjoni tal-imputazzjoni fi ħdan gruppi ta’ impriżi tar-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tqum taħt perspettiva differenti. Għandu jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni Ewropea kkonstatatx ir-responsabbiltà tal-kumpanniji parent rispettivi ta’ diversi sussidjarji involuti fl-istess akkordju uniku skont kriterji differenti u jekk dan għamlitux b’mod legali.

4.        Din il-kawża tirrigwarda, b’mod partikolari, akkordju Spanjol bejn diversi impriżi tal-ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum. Il-Kummissjoni imponiet multi lil xi wħud minnhom, li għalihom żammet lill-kumpanniji parent rispettivi tagħhom bħala responsabbli in solidum, filwaqt li ma ssanzjonatx lill-kumpanniji parent ta’ sussidjarji oħra involuti fl-istess akkordju.

5.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tikkjarifika, essenzjalment, il-limiti li l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bbażat fuq it-trattament ugwali joħloq fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-multi skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (4). Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss ser tkun determinanti għall-prattika amministrattiva futura tal-Kummissjoni, imma għandha tkun rikka wkoll b’tagħlim għall-attività tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u tal-qrati nazzjonali fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea.

II – Il-kuntest ġuridiku

6.        Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa ddefinit, minn naħa, mill-Artikolu 81 KE u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003. Din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-paragrafu 2(a) tagħha:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża [...] meta, jew b’inten[z]joni jew b’negligenza:

a)      jiksru l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat […].”

7.        Fl-aħħar nett, il-premessa 37 tar-Regolament Nru 1/2003, li hija ddedikata għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, timmerita hija wkoll li tiġi ċċitata:

“Dan ir-Regolament jirrispetta id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji magħrufin b’mod partikolari mil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’hekk dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett għal dawk id-drittijiet u il-prinċipji.”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura fl-ewwel istanza

8.        Erba’ impriżi jaħdmu fl-ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum fis-suq Spanjol (iktar ’il quddiem il-“proċessuri”), jiġifieri World Wide Tobacco España SA (iktar ’il quddiem “WWTE”), Compañia española de tabaco en rama SA (iktar ’il quddiem “Cetarsa”), Agroexpansión SA (iktar ’il quddiem “Agroexpansión”), u Tabacos Españoles SL (iktar ’il quddiem “TAES”). Tlieta minn dawn jappartjenu lil kumpanniji multinazzjonali kkontrollati minn kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fl-Istati Uniti.

9.        Barra mill-proċessuri, għandu jsir riferiment għal Deltafina SpA (iktar ’il quddiem “Deltafina”), li hija kumpannija Taljana li għandha bħala attivitajiet prinċipali l-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja u l-kummerċjalizzazzjoni tat-tabakk ipproċessat.

10.      F’din il-kawża, tqum il-kwistjoni dwar jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, il-Kummissjoni setgħat jew kellha wkoll timputa r-responsabbiltà tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mill-impriżi msemmija lill-kumpanniji parent jew grandparent rispettivi tagħhom u żżomm lil dawn tal-aħħar responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multi imposti.

A –    Il-kumpanniji partijiet f’din il-kawża

11.      Il-kumpanniji partijiet f’din il-kawża, jiġifieri Alliance One International Inc. (iktar ’il quddiem “AOI”) — li kienet Standard Commercial Corp. (iktar ’il quddiem “SCC”) (5) —, Standard Commercial Tobacco Company Inc. (iktar ’il quddiem “SCTC”) u Trans-Continental Leaf Tobacco Corp. Ltd. (iktar ’il quddiem “TCLT”), huma l-kumpanniji parent u grandparent ta’ WWTE. Huma ġew inklużi kollha fil-grupp Standard.

12.      Bejn l-1995 u l-5 ta’ Mejju 1998, it-tqassim tal-kapital bejn dawn il-kumpanniji kollha kien is-segwenti: SCC kienet proprjetarja ta’ 100 % mill-azzjonijiet ta’ SCTC, li min-naħa tagħha kienet proprjetarja ta’ 100 % mill-azzjonijiet ta’ TCLT. TCLT kienet tikkontrolla hija stess iż-żewġ terzi mill-kapital ta’ WWTE. It-terz li jibqa’ mill-kapital ta’ WWTE kien miżmum mill-president ta’ din il-kumpannija u minn żewġ membri tal-familja tiegħu.

13.      Fil-5 ta’ Mejju 1998, TCLT żiedet is-sehem tagħha fil-kapital ta’ WWTE għal 86.94 %, bil-bqija tal-azzjonijiet miżmuma minn WWTE stess (9.73 %) u minn persuna fiżika (3.33 %). F’Ottubru 1998, WWTE akkwistat l-azzjonijiet ta’ din il-persuna tal-aħħar u SCC akkwistat sehem dirett ta’ 0.04 % mill-kapital ta’ WWTE. F’Mejju 1999, TCLT u SCC żiedu s-sehem tagħhom fil-kapital ta’ WWTE għal 89.64 % u 0.05 %, rispettivament, fejn il-bqija nżamm minn WWTE stess.

B –    Iż-żewġ akkordji fis-suq Spanjol tat-tabakk mhux maħdum u d-deċiżjoni kontenzjuża tal-Kummissjoni

14.      Bejn l-1996 u l-2001, fis-suq Spanjol ġew implementati żewġ akkordji konnessi tat-tabakk mhux maħdum, li l-Kummissjoni temmet fl-2001.

15.      WWTE, Cetarsa, Agroexpansión, TAES u Deltafina pparteċipaw fl-ewwel akkordju, imsejjaħ “akkordju tal-proċessuri”. Dan l-akkordju kien intiż li jiffissa, kull sena, il-prezz medju tal-provvista (massimu) ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum, il-kwalitajiet kollha mħallta, kif ukoll li jqassam il-kwantitajiet ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li kull wieħed mill-proċessuri seta’ jixtri mingħand il-produtturi. Mill-1999 sal-2001, ġew miftiehma wkoll livelli ta’ prezz skont il-grad ta’ kwalità ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum kif ukoll il-prezz minimu medju għal kull produttur u għal kull grupp ta’ produtturi.

16.      It-tieni akkordju, imsejjaħ “akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi”, kien jinvolvi tliet sindakati agrikoli Spanjoli. Dan l-akkordju kellu wkoll l-għan li jiffissa kull sena l-livelli ta’ prezz skont il-grad ta’ kwalità ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum.

17.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2004 (6) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li kull wieħed minn dawn l-akkordji kien jikkostitwixxi ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu 81(1) KE. Il-Kummissjoni kkonstatat li diversi impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kienu kisru, f’dan il-kuntest, l‑Artikolu 81(1) KE (7), u ordnatilhom iwaqqfu l-ksur (8), filwaqt li imponietilhom multi ta’ ammonti differenti (9).

18.      Id-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża kienu, minn naħa, il-kumpanniji kollha involuti direttament fl-akkordji u, min-naħa l-oħra, xi kumpanniji oħra li jappartjenu lill-gruppi ta’ impriżi kkonċernati. Dawn kienu, b’mod iktar preċiż, l-impriżi segwenti:

–        Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ WWTE, TCLT, SCC u SCTC inżammu responsabbli in solidum.

–        Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-parteċipazzjoni ta’ Agroexpansión, il-Kummissjoni kkonstatat biss, apparti r-responsabbiltà ta’ Agroexpansión, ir-responsabbiltà in solidum ta’ Dimon, li hija l-kap tal-grupp, u mhux dik tal-kumpannija intermedjarja bejn Dimon u Agroexpansión, jiġifieri Intabex Netherlands BV (iktar ’il quddiem “Intabex”), li hija 100 % sussidjarja ta’ Dimon.

–        Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ TAES u ta’ Deltafina, li t-tnejn li huma jifformaw parti mill-grupp ta’ impriżi Amerikan Universal, il-Kummissjoni finalment ma imputatx ir-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni lil kumpanniji oħra tal-istess grupp. Konsegwentement, la Universal Leaf Tobacco Co. Inc. (iktar ’il quddiem “Universal Leaf”), li hija l-proprjetarja tal-azzjonijiet kollha ta’ TAES u ta’ Deltafina, u lanqas Universal Corp. (iktar ’il quddiem “Universal”), li hija l-kumpannija ewlenija ta’ Universal Leaf, ma ġew ikkunsidrati responsabbli in solidum.

19.      Bħala motivazzjoni, il-Kummissjoni sostniet li, barra r-rabta soċjali bejn il-kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom, ma kienet teżisti ebda prova tal-parteċipazzjoni materjali ta’ Universal u ta’ Universal Leaf fil-fatti eżaminati. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala d-destinatarji ta’ deċiżjoni f’din il-kawża. L-istess konklużjoni tapplika a fortiori għal Intabex peress li s-sehem tagħha ta’ 100 % f’Agroexpansión kien purament finanzjarju (10).

C –    Il-proċedura fl-ewwel istanza

20.      Diversi destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża fittxew protezzjoni legali permezz ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati, fl-ewwel istanza, quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq ir-rikors ippreżentat b’mod konġunt minn AOI (li kienet SCC), SCTC u TCLT permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2010 (11) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

21.      Ir-rikors ippreżentat minn AOI, SCTC u TCLT intlaqa’ parzjalment fl-ewwel istanza. Fil-fatt, filwaqt li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inkwantu din kienet tikkonċerna lil TCLT, hija ċaħdet il-bqija tar-rikors, jiġifieri fir-rigward ta’ AOI u ta’ SCTC. Il-Qorti Ġenerali ġġustifikat l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-konfront ta’ TCLT, essenzjalment, minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (12).

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      Permezz ta’ att tat-28 ta’ Diċembru 2010, AOI u SCTC ippreżentaw b’mod konġunt appell mis-sentenza appellata. Permezz ta’ att tas-7 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni ppreżentat appell separat mill-istess sentenza.

23.      Fil-Kawża C‑628/10 P, AOI u SCTC jitolbu b’mod konġunt li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiċħad il-motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 , fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-konstatazzjoni li AOI, li kienet SCC, u SCTC kienu responsabbli in solidum;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn tirrigwarda lill-appellanti u, konsegwentement, tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24.      Fil-Kawża C‑628/10 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż, inklużi dawk li jirrigwardaw il-proċedura fl-ewwel istanza.

25.      Permezz tal-appell separat tagħha fil-Kawża C‑14/11 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lil TCLT għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u tikkundanna lit-tliet rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż kollha tal-proċedura fl-ewwel istanza.

26.      AOI, SCTC u TCLT jikkontestaw dan. Huma jitolbu b’mod konġunt li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad fl-intier tiegħu l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni fil-Kawża C‑14/11 P, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura fl-ewwel istanza.

27.      Wara l-għeluq tal-proċeduri bil-miktub rispettivi, il-Kawżi C‑628/10 P u C‑14/11 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2011. Is-seduta nżammet fis-16 ta Novembru 2011.

V –    Kwistjoni preliminari dwar il-locus standi ta’ AOI

28.      AOI ssostni li hija s-suċċessur legali ta’ SCTC u ta’ TCLT għall-finijiet tal-proċedura tal-appell, kemm fil-Kawża C‑628/10 P kif ukoll fil-Kawża C‑14/11 P (13).

29.      Il-Kummissjoni tiddubita kemm dan huwa possibbli. Madankollu, hija ma ressqet ebda eċċezzjoni formali għall-fatt li AOI tinvoka aggravji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss f’isimha stess, imma wkoll f’isem SCTC (Kawża C‑628/10 P) jew f’isem SCTC u TCLT (Kawża C‑14/11 P).

30.      Tali ġestjoni ta’ drittijiet li jappartjenu lil terzi tista’ tkun aċċettata meta tkun ibbażata fuq bażi legali jew kuntrattwali.

31.      Madankollu, f’dan il-każ, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat fid-dettall jekk dawn il-kundizzjonjiet humiex sodisfatti f’dak li jikkonċerna lil AOI. L-ekonomija tal-ġudizzju teżiġi dan. Fil-fatt, l-appell fil-Kawża C‑628/10 P ġie ppreżentat b’mod konġunt minn AOI u SCTC, l-istess bħalma r-risposta ppreżentata minn AOI, SCTC u TCLT fil-Kawża C‑14/11 P hija komuni. Għaldaqstant, sakemm tal-inqas waħda mill-partijiet — f’dan il-każ AOI — għandha bla ebda dubju l-locus standi meħtieġa, l-argumenti tal-partijiet għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu analizzati (14).

VI – Evalwazzjoni tal-aggravji

32.      Qabel ma neżamina d-diversi aggravji, għandhom jiġu spjegati fil-bidu żewġ kunċetti li jidhru partikolarment tekniċi u li l-partijiet jagħmlu riferiment għalihom il-ħin kollu, kemm fl-appell ta’ AOI u ta’ SCTC (Kawża C‑628/10 P) kif ukoll fl-appell tal-Kummissjoni (Kawża C‑14/11 P), jiġifieri l-“preżunzjoni tal-100 %” u l-kunċett ta’ “bażi doppja”.

33.      Il-preżunzjoni tal-100 % tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-responsabbiltà tal-kumpanniji parent għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mill-kumpanniji sussidjarji rispettivi tagħhom. Jekk kumpannija parent tkun proprjetarja ta’ 100 % mill-kapital (jew kważi l-kapital kollu) tas-sussidjarja tagħha, teżisti preżunzjoni konfutabbli li dik il-kumpannija teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja fis-suq. Dan ikun il-każ ukoll jekk il-kumpannija parent tikkontrolla s-sussidjarja tagħha b’mod indirett, permezz ta’ kumpannija intermedjarja, u dan fejn il-kumpannija parent ikollha 100 % (jew kważi 100 %) mill-kapital tal-kumpannija intermedjarja u fejn din tal-aħħar ikollha hija stess 100 % (jew kważi 100 %) mill-kapital tas-sussidjarja (15). Skont il-ġurisprudenza, il-fatt li kumpannija tkun proprjetarja tal-kapital kollu jew kważi kollu huwa biżżejjed, għaldaqstant, sabiex il-kumpannija jew il-kumpanniji parent jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarja(i) tagħhom (16).

34.      B’kuntrast mal-preżunzjoni tal-100 %, il-kunċett tal-bażi doppja għadu qatt ma ġie invokat bħala tali fil-ġurisprudenza. Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għal dan il-kunċett sabiex tispjega li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma kinitx sempliċement ibbażat ruħha fuq il-preżunzjoni tal-100 %, iżda kienet ikkunsidrat ukoll, sabiex tkun prudenti, elementi supplimentari li juru l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-kumpanniji parent fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji rispettivi tagħhom (17).

35.      Il-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża hija bbażata fuq il-kunċett tal-bażi doppja jirriżulta minn konstatazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, din il-konstatazzjoni ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (18), peress li l-Kummissjoni ma invokat ebda żnaturament tal-fatti. Għaldaqstant, ma huwiex rilevanti li l-Kummissjoni pprovat tiddefendi ruħha fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari waqt is-seduta, billi sostniet diversi drabi li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet użat biss il-preżunzjoni ta’ 100 % u mhux il-bażi doppja.

36.      Peress li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, f’dan il-każ jeħtieġ li jkompli jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju fil-verżjoni li kienet tirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam, b’mod partikolari l-Artikoli 81 KE u 253 KE, u mhux l-Artikoli 101 TFUE u 296 TFUE.

A –    Fuq l-ilmenti invokati fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

37.      Il-kwistjonijiet tad-dritt marbutin mal-prinċipju ta’ trattament ugwali huma l-pern ta’ din il-kawża. Il-punt dwar jekk, u sa fejn, dan il-prinċipju huwa importanti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE (li jikkorrispondi għall-Artikolu 101 TFUE attwali) u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 tqajjem kemm minn AOI u SCTC fl-appell tagħhom fil-Kawża C‑628/10 P kif ukoll mill-Kummissjoni fl-appell tagħha fil-Kawża C‑14/11 P. Din hija r-raġuni għaliex jiena ser neżamina dawn l-ilmenti flimkien qabel l-ilmenti l-oħra kollha.

38.      L-appellanti kollha jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali, iżda għal raġunijiet differenti.

39.      Fil-Kawża C‑14/11 P, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat, b’mod partikolari fil-punt 218 tas-sentenza appellata, li kien hemm diskriminazzjoni bejn TCLT, minn naħa, u Intabex, Universal u Universal Leaf, min-naħa l-oħra. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-responsabbiltà ta’ TCLT, bħala kumpannija intermedjarja fi ħdan il-grupp Standard li kellha kważi l-kapital kollu ta’ WWTE matul il-perijodu ta’ wara l-5 ta’ Mejju 1998, kellha tiġi kkonstatata flimkien ma’ dik ta’ AOI u ta’ SCTC. Hija takkuża lill-Qorti Ġenerali, abbażi tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li eżonerat inġustament lil TCLT mir-responsabbiltà konġunta tagħha fir-rigward tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq minn WWTE.

40.      Fil-Kawża C‑628/10 P, AOI U SCTC jippruvaw, min-naħa l-oħra, abbażi tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, jeżoneraw lilhom infushom mir-responsabbiltà konġunta fir-rigward tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq minn WWTE. Huma jsostnu li bħala kumpanniji parent ta’ WWTE, huma ġew ittrattati b’mod inqas favorevoli minn Universal u Universal Leaf fil-kwalità tagħhom ta’ kumpanniji parent tal-impriżi TAES u Deltafina, involuti fl-akkordju.

1.      Ir-relazzjoni bejn il-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-prinċipju ta’ legalità fil-kuntest tal-proċeduri fil-qasam tal-akkordji (l-ewwel u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑14/11 P)

41.      L-ewwel u t-tieni aggravji mressqa fil-Kawża C‑14/11 P huma marbutin flimkien mill-qrib. Jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien.

a)      L-aggravju prinċipali tal-Kummissjoni: l-applikazzjoni allegatament żbaljata tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

42.      Permezz tal-ewwel żewġ aggravji invokati fil-Kawża C‑14/11 P, il-Kummissjoni takkuża essenzjalment lill-Qorti Ġenerali li “applikat ħażin” il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Hija allegatament naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prinċipju ta’ legalità huwa deċiżiv f’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà tal-kumpanniji parent fir-rigward tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħhom. Skont il-Kummissjoni, meta r-responsabbiltà ta’ kumpannija parent tiġi kkonstatata skont il-kriterji żviluppati mill-ġurisprudenza (19), b’mod partikolari skont il-preżunzjoni tal-100 %, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma għandux jagħmel differenza.

43.      Dan l-argument ma huwiex korrett.

44.      Fil-fatt, kif il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet fil-proċedura tal-appell, il-kriterji tal-ġurisprudenza li hija tiċċita jindikaw sempliċement jekk kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlux parti mill-istess impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni u, għaldaqstant, jekk l-eventwali ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jistax jiġi imputat lil waħda minnhom biss jew lit-tnejn (20).

45.      Min-naħa l-oħra, din il-ġurisprudenza ma tinvolvi ebda regola eżawrjenti li tikkonċerna l-punt deċiżiv dwar jekk għandhiex tiġi imposta multa minħabba l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u, jekk ikun il-każ, liema persuni ġuridiċi għandhom ikunu d-destinatarji tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi l-multa.

46.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-kwistjoni tal-appartenenza tal-kumpannija parent u/jew tas-sussidjarja għal impriża waħda, kif ukoll dik tar-responsabbiltà tagħhom għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandha tiġi evalwata abbażi ta’ kriterji esklużivament legali, għalkemm hemm kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità, barra minn aspetti legali, li għandhom rwol importanti fl-applikazzjoni tal-multi minħabba l-istess ksur (21). Fil-kuntest tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni. Hija tista’ timponi multi.

47.      Fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtiha l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skont il-każ, jekk timponix multa minħabba l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq minn impriża, iżda wkoll lil liema persuna ġuridika (jew lil liema persuni ġuridiċi) li jkunu jinsabu wara l-impriża kkonċernata hija timponi, jekk ikun il-każ, tali multa (22).

48.      Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni bbażat fuq l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma hijiex kompletament libera, iżda għandha tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali ggarantiti fuq livell tal-Unjoni Ewropea (23). B’mod partikolari, hija għandha tosserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-prinċipju ta’ proporzjonalità (24).

49.      Din hija r-raġuni għaliex il-Qorti Ġenerali, ġustament, analizzat id-deċiżjoni kontenzjuża fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (25) u ma llimitatx ruħha b’mod partikolari għall-eżami relattivament superfiċjali sabiex tistabbilixxi jekk dik id-deċiżjoni kinitx ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (26).

50.      Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (27). Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (28).

51.      Minn dan joħorġu żewġ konsegwenzi li japplikaw għat-trattament li l-Kummissjoni tagħti lil ksur preċiż tad-dritt tal-kompetizzjoni:

–        Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma għandhiex tidderoga, mingħajr raġuni oġġettiva, mill-prattika tagħha fil-qasam tal-multi li hija ppubblikat fil-komunikazzjonijiet tagħha dwar il-politika tal-kompetizzjoni (29); hawnhekk japplika l-prinċipju tal-awtolimitazzjoni tal-amministrazzjoni (30).

–        Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma għandhiex tittratta xi waħda mill-impriżi involuti f’akkordju b’mod diskriminatorju meta mqabbla mal-membri l-oħra tal-akkordju.

52.      F’dan il-każ, huwa biss it-tieni aspett li jeħtieġ eżami ddettaljat.

53.      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jipprekludi lill-Kummissjoni milli tuża kriterji differenti sabiex timponi multi fuq il-partijiet fl-istess akkordju uniku. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha ġustament fuq dan il-prinċipju (31).

54.      Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, f’każ ta’ ksur imwettaq minn impriża li tipparteċipa f’akkordju, li tikkonstata kemm ir-responsabbiltà tas-sussidjarja involuta direttament fl-akkordju kif ukoll dik tal-kumpannija jew kumpanniji parent, hija għandha taġixxi bl-istess mod fil-konfront tal-partijiet l-oħra kollha fl-akkordju, u dan sakemm dawn tal-aħħar ikunu fl-istess sitwazzjoni paragunabbli.

55.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata timponi multi lill-kumpanniji parent kollha li lilhom, mill-aspett purament legali, ikun imputabbli l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarji rispettivi tagħhom. Għall-kuntrarju, hija tista’, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtiha l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, tagħżel bejn il-kumpanniji parent ikkonċernati abbażi ta’ kriterji oġġettivi.

56.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari, kif inhu l-każ hawnhekk, tistabbilixxi ċ-ċirku tad-destinatarji tad-deċiżjoni tagħha li timponi l-multi, u dan għal finijiet ta’ prudenza, fuq bażi doppja. Hija tista’ tillimita ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-kumpanniji parent li fil-konfront tagħhom jeżistu, barra s-sempliċi preżunzjoni tal-100 %, indizji konkreti li juru l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja/i rispettiva/i tagħha/hom b’100 %. Dawn l-indizji jistgħu jirriżultaw minn elementi differenti għal kollox skont il-kumpannija parent. Il-Kummissjoni għandha raġun meta tenfasizza li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jobbligahiex tipproduċi dejjem l-istess tip ta’ provi kontra l-kumpanniji parent kollha, bħalma huma dokumenti jew xhieda, u lanqas l-istess numru ta’ provi (32).

57.      Madankollu, il-Kummissjoni tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta tanalizza kwalitattivament l-istess ksur uniku tad-dritt tal-kompetizzjoni filwaqt li tapplika żewġ kejlijiet, jiġifieri meta tissuġġetta t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti kumpanniji parent għal grad ta’ prova iktar għoli milli għal kumpanniji parent oħra, billi tapplika pereżempju l-kunċett tal-bażi doppja kontra xi kumpanniji minnhom, filwaqt li tibbaża ruħha esklużivament fuq il-preżunzjoni tal-100 % f’dak li jikkonċerna kumpanniji parent oħra.

58.      Skont il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, dan huwa preċiżament dak li ġara f’dan il-każ. TCLT inżammet responsabbli in solidum għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarja tagħha WWTE (33), filwaqt li l-Kummissjoni ma imponiet ebda multa fuq Intabex, Universal u Universal Leaf peress li applikatilhom il-kunċett tal-bażi doppja, b’tali mod li hija ma qisitx is-sempliċi sehem li dawn il-kumpanniji kellhom fis-sussidjarji rispettivi tagħhom bħala li huwa suffiċjenti fin-nuqqas ta’ indizji konkreti li juru l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza deċiżiva (34).

59.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħat tikkunsidra legalment li TCLT kienet ġiet ittrattata b’mod diskriminatorju meta mqabbla ma’ Intabex, Universal u Universal Leaf (35).

60.      Il-prinċipju ta’ legalità invokat mill-Kummissjoni ma jbiddel xejn minn dan.

61.      Huwa minnu li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jrid jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju ta’ legalità, li jipprovdi li ebda persuna ma tista’ tinvoka favuriha illegalità mwettqa favur xi ħaddieħor (36). Fi kliem ieħor, id-dritt tal-Unjoni ma jagħtix id-dritt għall-“ugwaljanza fl-illegalità” (37). Il-Kummissjoni espremiet dan il-punt kif ġej fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha: “Two wrongs do not make a right” (żball ma jsewwix lill-ieħor).

62.      Madankollu, f’din il-kawża ma kien hemm ebda riskju ta’ kunflitt mal-prinċipju ta’ legalità tal-atti amministrattivi. Għall-kuntrarju, fil-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kellha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtiha l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, bejn żewġ għażliet, li t-tnejn li huma kienu legali. Il-Kummissjoni setgħat jew iżżomm lill-kumpanniji parent ikkonċernati kollha bħala responsabbli in solidum minħabba l-preżunzjoni tal-100 % (l-ewwel għażla), jew tillimita ċ-ċirku tad-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża abbażi tal-kunċett tal-bażi doppja (it-tieni għażla).

63.      Minn dan l-aspett, il-fatt li l-Kummissjoni għażlet it-tieni għażla fir-rigward ta’ Intabex, Universal u Universal Leaf, ma kienx legalment kontestabbli. Bil-fatt li użat il-kunċett tal-bażi doppja, il-Kummissjoni sempliċement astjeniet milli żżomm lill-kumpanniji kkonċernati responsabbli in solidum għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħhom abbażi biss tal-preżunzjoni tal-100 %.

64.      Peress li l-approċċ tal-Kummissjoni fil-konfront ta’ Intabex, Universal u Universal Leaf ma kienx jikkostitwixxi “illegalità”, il-fatt li fis-sentenza appellata ġie applikat l-istess trattament ma setax jikkostitwixxi “ugwaljanza fl-illegalità”.

65.      Is-sentenza Woodpulp ma tipprekludix din il-konklużjoni (38). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dik is-sentenza, irrilevat li impriża “ma tistax tevita kull sanzjoni minħabba li operatur ekonomiku ieħor ma ġiet imposta fuqu ebda multa, u dan minkejja li s-sitwazzjoni ta’ dak l-operatur ma hijiex is-suġġett ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja” (39), il-kwistjoni tal-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni sabiex timponi multi, li tinteressana hawnhekk, ma ġietx apparentement approfondita fis-sentenza Zellstoff.

66.      Barra minn hekk, ftit li xejn jien konvint bl-idea li mis-sentenza Woodpulp għandu jiġi dedott li l-Kummissjoni hija totalment libera, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, li timponi multi u li hija ma għandha x’tiġġustifika xejn quddiem il-qrati tal-Unjoni f’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Tali ġurisprudenza ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara wkoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) quddiem il-qrati tal-Unjoni.

67.      Meta, skont il-mandat ġudizzjarju tagħha, il-Qorti Ġenerali tiżgura li l-Kummissjoni teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtiha l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 fil-konfront tal-membri kollha tal-istess akkordju uniku skont l-istess kriterji legali, hija ma tagħtix “ugwaljanza fl-illegalità”, iżda protezzjoni kontra l-atti amministrattivi arbitrarji.

68.      Peress li l-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, ma wettqet ebda żball ta’ liġi fil-konfront ta’ TCLT meta applikat il-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-ilment prinċipali tal-Kummissjoni li jirriżulta mill-ewwel u t-tieni aggravji invokati fil-Kawża C‑14/11 P għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b)      Fuq l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata u fuq l-iżnaturament tal-fatti

69.      Barra l-ewwel aggravju invokat fil-Kawża C‑14/11 P, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma mmotivatx suffiċjentement is-sentenza tagħha u li żnaturat il-fatti.

i)      Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

70.      Qabelxejn, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali li injorat l-argumenti legali li hija ressqet fl-ewwel istanza dwar il-prinċipju ta’ legalità u dwar il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-“ugwaljanza fl-illegalità”. Dan jikkostitwixxi “nuqqas manifest ta’ motivazzjoni”.

71.      L-obbligu li s-sentenzi tal-ewwel istanza jiġu debitament immotivati jirriżulta mid-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 36 u tal-Artikolu 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

72.      Fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni qiegħda titlob wisq fir-rigward tal-portata ta’ dan l-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeħtieġx li l-Qorti Ġenerali tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (40).

73.      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali effettivament ħadet konjizzjoni tal-argumenti tal-Kummissjoni (41). Barra minn hekk, hija esponiet b’mod ċar u mingħajr ambigwità l-fehma tagħha dwar l-applikabbiltà u l-portata tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (42). Minn dan isegwi, tal-inqas impliċitament, li hija qieset l-ilment tal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-prinċipju ta’ legalità bħala irrilevanti. Għaldaqstant, dan ma jistax jitqies bħala nuqqas ta’ motivazzjoni.

ii)    Fuq l-iżnaturament tal-fatti allegati

74.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni kontenzjuża u l-argumenti tal-Kummissjoni magħmula hemmhekk ġew “manifestament żnaturati” mill-Qorti Ġenerali. L-allegat żnaturament qiegħed fl-interpretazzjoni żbaljata mogħtija mill-Qorti Ġenerali lill-premessa 384 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-Kummissjoni kienet taqbel magħha fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

75.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-iżnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher li hija manifestament żbaljata (43).

76.      Fil-premessa 384 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tindika, sa fejn huwa rilevanti għal dan il-każ, “li [...] iċ-ċirkustanzi preċiżi li jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra kumpannija parent responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha jistgħu jvarjaw minn każ għal ieħor”. Fl-istess premessa, il-Kummissjoni żżid li “[dan] ma jistax bħala tali jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sakemm il-prinċipji ta’ responsabbiltà jiġu applikati b’mod koerenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

77.      Minn dan jista’ faċilment jiġi dedott li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa rilevanti. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li wieħed jista’ jispjega għaliex il-Kummissjoni, fl-imsemmija premessa tad-deċiżjoni tagħha, tqajjem il-punt dwar jekk kienx hemm ksur ta’ dan il-prinċipju jew le, liema prinċipju l-Kummissjoni tidentifika bħala “prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”.

78.      Din hija preċiżament il-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet mis-silta inkwistjoni tas-sentenza appellata. Qabelxejn hija esponiet il-fehma tagħha, fejn tgħid li “il-Kummissjoni hija marbuta li tosserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali” (44), u mbagħad żiedet tgħid li l-Kummissjoni taqbel magħha, billi ċċittat, bħala prova, il-premessa 384 tad-deċiżjoni kontenzjuża (45).

79.      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali waslet għal interpretazzjoni ovvja tad-deċiżjoni kontenzjuża, li ma turi ebda żnaturament tal-argument tal-Kummissjoni. Anki l-kumment tal-Kummissjoni, fejn tgħid li “ċ-ċirkustanzi preċiżi [...] jistgħu jvarjaw minn każ għal ieħor” (46), [traduzzjoni mhux uffiċjali] ġie riprodott mill-Qorti Ġenerali meta tenfasizza li “sitwazzjonijiet komparabbli ma [għandhomx jiġu] trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma [għandhomx jiġu] trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat” (47).

80.      F’dan il-kuntest, fil-fehma tiegħi, ma hemm xejn x’jindika li l-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-kontenut tal-premessa 384 tad-deċiżjoni kontenzjuża. L-ilment bbażat fuq l-iżnaturament tal-provi huwa għaldaqstant infondat.

c)      Konklużjoni intermedjarja

81.      Fi ftit kliem, l-ewwel u t-tieni aggravji mressqa fil-Kawża C‑14/11 P għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

2.      Fuq l-allegata diskriminazzjoni kontra SCC u SCTC minħabba l-applikazzjoni tal-kunċett tal-bażi doppja (it-tielet aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

82.      It-tielet aggravju invokat fil-Kawża C‑628/10 P huwa maqsum f’diversi punti li fil-fatt jirrigwardaw fil-parti l-kbira tagħhom l-istess mertu. Essenzjalment, it-teżi ta’ AOI u ta’ SCTC hija bbażata fuq żewġ argumenti. Minn naħa, l-argument li l-applikazzjoni tal-kunċett tal-bażi doppja kienet diskriminatorja fil-konfront tagħhom [ara t-taqsima (a) iktar ’il quddiem] u, min-naħa l-oħra, l-argument li l-Qorti Ġenerali ma pparagunatx b’mod preċiż biżżejjed is-sitwazzjoni ta’ AOI, li kienet SCC, ma’ dik ta’ Universal u Universal Leaf [ara t-taqsima (b) iktar ’il quddiem].

a)      Fuq in-natura allegatament diskriminatorja tal-kunċett tal-bażi doppja fil-konfront ta’ SCC u SCTC (l-ewwel elementi ċentrali tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

83.      Fir-rigward tal-kunċett tal-bażi doppja, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li, li kieku ġiet applikata l-preżunzjoni tal-100 % b’mod esklużiv, Universal u Universal Leaf kienu wkoll jinżammu responsabbli għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis‑sussidjarji tagħhom TAES u Deltafina. L-applikazzjoni tal-kunċett restrittiv tal-bażi doppja, għall-kuntrarju, wassal finalment sabiex ikunu biss AOI (li kienet SCC) u SCTC li jinżammu responsabbli flimkien mas-sussidjarji rispettivi tagħhom, u mhux Universal u Universal Leaf.

84.      Il-Kummissjoni tiċħad dan l-ilment filwaqt li tirrileva, essenzjalment, li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jagħtix id-dritt għall-“ugwaljanza fl-illegalità” (48). Diġà indikajt li dan l-argument kien insuffiċjenti f’dan il-każ (49). F’din il-kawża, il-kwistjoni ma hijiex daqstant dik li jiġi deċiż jekk l-aġir tal-amministrazzjoni, li jkun minnu nnifsu kompletament illegali (illegalità) għandux jiġi estiż iktar iżda hija pjuttost dik li jiġi vverifikat jekk it-trattament li l-Kummissjoni, ġustament, tat lil waħda mill-parteċipanti f’akkordju għandhomx jibbenefikaw minnu l-oħrajn.

85.      Madankollu, il-kritika magħmula minn AOI u SCTC kontra s-sentenza appellata hija, għal raġunijiet oħra, infondata.

86.      Kif ġie indikat diġà (50), il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, hija ma għandhiex obbligu li timponi multi fuq il-kumpanniji parent kollha li, mill-aspett purament legali, l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarji tagħhom ikun imputabbli lilhom. Hija tista’, għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtiha l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, tagħżel bejn il-kumpanniji parent ikkonċernati abbażi ta’ kriterji oġġettivi.

87.      Il-fatt li l-kriterji ta’ din l-għażla jistgħu jivvantaġġjaw ċerti partijiet fil-proċedura u jiżvantaġġaw oħrajn huwa naturali. Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni għażlet minn fost dawn il-kriterji ma jippermettix li jiġi konkluż li kien hemm diskriminazzjoni. Fil-fatt, sakemm il-kriterji li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni jkunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi, b’ebda mod ma hemm lok li jiġi kkunsidrat li ċerti partijiet fil-proċedura kienu żvantaġġjati illegalment.

88.      Ma jkunx jista’ jingħad l-istess jekk il-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtiha l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, mhux fuq elementi oġġettivi, imma fuq kunsiderazzjonijiet irrilevanti, u jekk turi għaldaqstant li aġixxiet b’mod li jidher li huwa tal-inqas użu ħażin ta’ poter fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

89.      F’dan il-każ, madankollu, AOI u SCTC ma ppreżentaw ebda ħjiel konkret li juri li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kunċett tal-bażi doppja għal raġunijiet suġġettivi.

90.      Għall-kuntrarju, kienet proprju raġuni oġġettiva li wasslet għall-għażla li saret bejn il-kumpanniji parent ikkonċernati wara li ġie applikat il-kunċett tal-bażi doppja. Kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni fil-proċedura fl-ewwel istanza (51), fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, kien hemm inċertezza legali kbira fir-rigward tal-kriterji għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni bejn kumpanniji parent u sussidjarji (52). Is-sitwazzjoni ġiet iċċarata biss iktar tard, grazzi għas-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (53).

91.      Fil-kuntest tal-inċertezza legali li kienet teżisti qabel ma saret il-kjarifika min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, kien oġġettivament iġġustifikat għall-Kummissjoni li, għal finijiet ta’ prudenza, tqis bħala d-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża, lill-kumpanniji parent biss li fir-rigward tagħhom hija kellha mhux biss tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni tal-100 %, imma kellha wkoll indizji konkreti fuqhom li juru l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarji rispettivi.

92.      L-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni invokata minn AOI u SCTC fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kunċett tal-bażi doppja hija għaldaqstant infondata.

b)      Fuq il-paragun bejn is-sitwazzjoni ta’ AOI u SCTC ma’ dik ta’ Universal u Universal Leaf (it-tieni parti tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

93.      L-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li ma pparagunatx b’mod iddettaljat biżżejjed is-sitwazzjoni ta’ AOI, li kienet SCC, u ta’ SCTC ma’ dik ta’ Universal u Universal Leaf. Sabiex tkun tista’ tikkonkludi fuq l-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni invokata minn AOI u SCTC, il-Qorti Ġenerali kellha, skont l-appellanti, teżamina jekk Universal u Universal Leaf kinux jagħmlu, flimkien mas-sussidjarji tagħhom TAES u Deltafina, unità ekonomika waħda fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali. L-appellanti huma tal-fehma li s-sitwazzjoni ta’ SCC u ta’ SCTC kienet “simili ħafna” għal dik ta’ Universal u ta’ Universal Leaf.

94.      A priori, wieħed jista’ jaħseb li, b’dan l-ilment, AOI u SCTC qegħdin jikkontestaw biss l-analiżi tal-fatti u tal-provi li għamlet il-Qorti Ġenerali u qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’dik tagħha. Din it-talba tkun inammissibbli fil-kuntest ta’ appell (54).

95.      Issa, jekk wieħed iħares iktar mill-qrib, jirriżulta li l-argument ta’ AOI u ta’ SCTC iqajjem, tal-inqas parzjalment, kwistjoni verament ta’ liġi li ma hemmx dubju li tista’ tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ appell. Din tirrigwarda l-portata tar-rekwiżiti legali li jirrigwardaw l-eżami mill-Qorti Ġenerali ta’ allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni u, b’mod partikolari, tal-portata tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali tagħmel f’dan ir-rigward fil-konfront tal-Kummissjoni. Din il-kwistjoni, li tkompli toħloq diskussjoni, qiegħda fil-fatt taħt attenzjoni dejjem tikber b’mod partikolari fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

96.      L-Artikolu 47 ta’ din il-Karta, li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, għandha l-istess valur legali bħat-Trattati u, għaldaqstant, bħad-dritt primarju vinkolanti, jiggarantixxi d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li hija wkoll rikonoxxuta bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (55). Dan id-dritt fundamentali jinvolvi, inter alia, id-dritt li qorti indipendenti tistħarreġ id-deċiżjonijiet amministrattivi fil-kuntest ta’ smigħ xieraq.

97.      Ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan id-dritt għandhom jiġu stabbiliti (56), fid-dawl tal-prinċipju ta’ omoġenjità [it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (57). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, din l-aħħar dispożizzjoni teżiġi b’mod partikolari li l-proċedura ġudizzjarja tippermetti l-istħarriġ tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti għall-kwistjoni (58).

98.      Huwa paċifiku li l-Qorti Ġenerali, f’din il-kawża, kienet intitolata li tagħmel dak l-istħarriġ tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi b’riferiment għall-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali mill-Kummissjoni.

99.      Madankollu, l-intensità tal-istħarriġ imsemmi mill-Qorti Ġenerali tiddependi b’mod partikolari fuq il-motivi ta’ nullità invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u, b’mod partikolari, fuq il-grad ta’ dettall tal-argumenti tagħhom, jiġifieri l-fatti u l-argumenti li huma ressqu sabiex jikkorroboraw l-ilmenti rispettivi tagħhom. Fil-fatt, il-prinċipju tal-amministrazzjoni tal-prova mill-partijiet japplika fil-proċeduri ta’ rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni. L-inverżjoni ex officio tal-oneru tal-prova tkun meħtieġa biss f’każijiet eċċezzjonali. Issa, ebda waħda mill-partijiet ma invokat tali ħtieġa f’din il-proċedura.

100. F’din il-kawża, l-argument imressaq minn SCC (li mbagħad saret AOI), SCTC u TCLT fil-proċedura fl-ewwel istanza dwar il-prinċipju ta’ trattament ugwali kien limitat għal żewġ ilmenti, li bihom dawn tal-aħħar sostnew rispettivament li l-kumpanniji parent ta’ sussidjarji oħra involuti fl-akkordju kienu ġew ittrattati b’mod iktar favorevoli minnhom (59).

101. Wieħed biss minn dawn l-ilmenti tar-rikors fl-ewwel istanza huwa rilevanti fir-rigward ta’ dan l-aggravju (60). Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, SCC sostniet li s-sitwazzjoni tagħha bħala kumpannija parent kienet, minn kull lat, paragunabbli għal dik ta’ Universal, Universal Leaf u SEPI. Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dawn l-aħħar kumpanniji kienu validi wkoll għal SCC innifisha. Ma kienx hemm indizji konkreti ta’ parteċipazzjoni effettiva min-naħa ta’ SCC fil-ksur ikkonstatati ta’ WWTE u lanqas ta’ komunikazzjoni diretta bejn kumpannija parent u sussidjarja.

102. Fir-replika tagħha fl-ewwel istanza, SCC (li llum saret AOI) żiedet tgħid li l-Kummissjoni poġġiet lir-rikorrenti f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik ta’ Universal meta applikat kriterji differenti sabiex timputa r-responsabbiltà tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji rispettivi tagħha (61).

103. SCC llimitat ruħha għaldaqstant sabiex tirrepeti dak li hija kienet diġà indikat dwar il-kriterji għall-imputazzjoni tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja WWTE lill-kumpanniji parent tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li kienet hija stess li astjeniet, fis-sentenza appellata, milli tanalizza separatament u b’mod iddettaljat l-argument tagħha dwar id-diskriminazzjoni, u li eżaminat il-motivi kollha flimkien, inklużi l-allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni (62).

104. Fi ftit kliem, l-ilment ibbażat fuq l-eżami insuffiċjenti tax-xebh bejn is-sitwazzjoni ta’ AOI (li kienet SCC) u ta’ SCTC u s-sitwazzjoni ta’ Universal u Universal Leaf huwa, f’dan il-każ, infondat.

c)      Konklużjoni intermedjarja

105. Għaldaqstant, it-tielet aggravju mqajjem fil-Kawża C‑628/10 P għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq l-irrilevanza tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-proċedura fl-ewwel istanza b’risposta għall-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni (it-tielet aggravju fil-Kawża C‑14/11 P)

106. Permezz tat-tielet aggravju tagħha fil-Kawża C‑14/11 P, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma awtorizzathiex sabiex tkun tista’ tipproduċi, fl-ewwel istanza, provi li juru li TCLT ma kinitx tinsab fl-istess pożizzjoni bħal Universal jew Intabex.

107. Dan l-aggravju huwa dirett, b’mod partikolari, kontra l-ewwel sentenza tal-punt 196 tas-sentenza appellata. F’din is-silta, il-Qorti Ġenerali teżamina l-punt dwar jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ġie invokat mill-Kummissjoni, fejn jingħad li TCLT kienet il-“klijent[a] prinċipali” ta’ WWTE mill-1996 sal-1999. Il-Qorti Ġenerali twieġeb għal din il-mistoqsija fin-negattiv minħabba li, b’mod partikolari, il-Kummissjoni invokat dan l-argument għall-ewwel darba fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża u, b’mod iktar preċiż, fir-risposta tagħha.

108. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, b’dan il-mod, kisret id-dritt tagħha għal proċedura kontradittorja u ma osservatx ir-rekwiżiti dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Dawn iż-żewġ punti huma relatati mill-qrib.

109. Huwa minnu li, bħal kull parti oħra, il-Kummissjoni għandha dritt li tibbenefika, fil-kuntest ta’ proċedura, minn proċedura kontradittorja (63). Konsegwentement, hija għandha tkun tista’ tiddefendi ruħha utilment kontra l-ilmenti invokati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, u b’mod partikolari kontra allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni bħalma huma dawk li saru minn AOI, SCTC u TCLT fl-ewwel istanza.

110. Madankollu, għandu jinstab bilanċ xieraq bejn id-dritt tal-Kummissjoni għal proċedura kontradittorja u d-dritt tal-impriżi kkonċernati għal smigħ xieraq u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

111. Konsegwentement, għalkemm il-Kummissjoni hija libera, fil-proċedura kontenzjuża, li tesprimi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kontenzjuża fil-kuntest tal-argumenti tad-difiża tagħha (64), hija ma tistax, madankollu, tinvoka raġunijiet totalment ġodda f’dak l-istadju tal-proċedura. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat bil-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni (65). Din il-projbizzjoni kontra “l-produzzjoni ta’ motivi a posteriori” quddiem il-qorti hija partikolarment stretta fil-proċeduri kriminali u kważi kriminali, bħalma hija l-proċedura fil-qasam tal-akkordji (66).

112. Għaldaqstant, f’din il-kawża, il-Kummissjoni lanqas ma għandha tkun tista’ tinvoka, fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża, ċirkustanzi li fil-fatt suppost diġà kellhom jissemmew fid-deċiżjoni kontenzjuża iżda li ma jissemmewx fiha.

113. Jibqa’ li jiġi stabbilit jekk il-fatt li TCLT hija l-“klijenta prinċipali” ta’ WWTE jikkostitwixxix tali ċirkustanza, li suppost kellha tissemma fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

114. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għandha tkun tinkludi motivazzjoni suffiċjenti fil-konfront ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont dik id-deċiżjoni, għandhom iġorru l-piż tal-ksur. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, tali deċiżjoni għandha fil-prinċipju jkun fiha sunt iddettaljat tal-motivi tali li jiġġustifikaw l-imputabbiltà tal-ksur lil dik il-kumpannija (67).

115. Ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan għall-każ partikolari għandhom jiġu stabbiliti fid-dawl tas-sens u l-ispirtu tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni kkontemplat fl-Artikolu 253 KE (li jikkorrispondi għat‑tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE attwali). Il-motivazzjoni ta’ att ġuridiku għandha tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet wara l-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (68).

116. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, kif inhu dan il-każ hawnhekk, li żżomm responsabbli in solidum biss lil ċerti kumpanniji parent ta’ impriżi li pparteċipaw f’akkordju u mhux oħrajn, hija għandha tiġġustifika dan fid-deċiżjoni tagħha li timponi multa. Għall-kumpanniji parent li huma destinatarji ta’ dik id-deċiżjoni, il-motivazzjoni għandha tippermetti li jinftiehem għalfejn kienu proprju huma li ntlaqtu, meta ebda multa ma ġiet imposta fuq kumpanniji parent ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fl-akkordju. Il-partijiet ikkonċernati u l-qrati tal-Unjoni ma għandhomx mezz ieħor kif jindundaw bi żbalji eventwali fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, b’mod partikolari bi ksur eventwali tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (69).

117. Issa, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li fuq dan il-punt ma humiex ikkontestati, hija preċiżament din il-motivazzjoni li kienet nieqsa f’dan il-każ. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni spjegat ċertament fil-qosor ħafna għaliex ċerti impriżi oħra, bħal Intabex, ma kinux inżammu responsabbli (70), iżda qagħdet lura milli tgħid b’mod ċar għaliex hija kienet inkludiet lil TCLT, u mhux lil Intabex, fiċ-ċirku tad-destinatarji tad-deċiżjoni li timponi multa.

118. Huwa biss fil-proċedura kontenzjuża li l-Kummissjoni invokat il-bejgħ lil TCLT ta’ parti kbira mit-tabakk ipproċessat minn WWTE bħala element importanti li jindika li s-sitwazzjoni ta’ TCLT ma kinitx paragunabbli għal dik ta’ Intabex. Skont l-argument imressaq mill-Kummissjoni fil-proċedura kontenzjuża, din kienet ċirkustanza determinanti li turi speċifikament li l-għażla ta’ TCLT bħala d-destinatarja tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

119. Issa, jekk il-fatt li TCLT kienet il-“klijenta prinċipali” ta’ WWTE kellu dik l-importanza sabiex wassal għall-għażla li d-deċiżjoni kontenzjuża tiġi indirizzata lilha, hija kellha diġà ssemmi dan il-fatt fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, hija din il-motivazzjoni li tippermetti li jinftiehem għaliex id-deċiżjoni kontenzjuża ġiet indirizzata speċifikament lil TCLT. Il-Kummissjoni ma kellhiex tinvoka għall-ewwel darba fil-proċedura kontenzjuża raġuni li hija tqis daqshekk determinanti. B’mod partikolari, dik ir-raġuni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sempliċi spjegazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża peress li, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, dik id-deċiżjoni ma kien fiha assolutament ebda raġuni (oħra) dwar din il-kwistjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-argument ibbażat fuq il-kwalità ta’ TCLT bħala “klijenta prinċipali” ta’ WWTE, invokat għall-ewwel darba fil-proċedura kontenzjuża (71), kien inammissibbli (72).

120. Il-Kummissjoni topponi għal dan billi targumenta li hija ma kinitx obbligata tispjega għaliex hija ma niżżlitx ċerti kumpanniji — f’dan il-każ, Universal, Universal Leaf u Intabex — bħala d-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża (73).

121. Madankollu, tali argument huwa irrilevanti. Fil-fatt, din ma hijiex kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, Universal, Universal Leaf u Intabex kellhomx ikunu wkoll id-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża (74), iżda dwar jekk TCLT kinitx inkluża validament fiċ-ċirku tad-destinatarji, b’mod partikolari mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

122. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li hija ma kellha ebda raġuni, matul il-proċedura amministrattiva, sabiex tqabbel is-sitwazzjoni ta’ TCLT ma’ dik ta’ kumpanniji parent oħra, peress li TCLT invokat ksur tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża biss. Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li fid-deċiżjonijiet tagħha tesponi, bħala prekawzjoni, l-argumenti kollha li hija tkun tista’ tinvoka sussegwentement sabiex tikkontesta motivi ta’ illegalità li jitressqu kontra l-atti tagħha (75).

123. Madankollu, din l-oġġezzjoni hija infondata fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Matul il-proċedura amministrattiva, TCLT ma setgħatx tipprevedi li hija kien ser ikollha tiddefendi ruħha kontra diskriminazzjoni eventwali meta mqabbla ma’ Universal, Universal Leaf jew Intabex. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet indirizzata wkoll lil dawn il-kumpanniji. Fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, TCLT ma setgħatx tipprevedi li l-Kummissjoni ma kinitx ser tniżżel lil dawk il-kumpanniji bħala destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha tkun taf li l-għażla li hija kienet għamlet fost il-kumpanniji parent tal-membri tal-akkordju meta adottat id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ser tqajjem kwistjonijiet fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (76).

124. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni sostniet finalment li l-preżunzjoni tal-100 % tiġi mxejna mis-sens tagħha jekk jintalab li l-awtorità tal-kompetizzjoni ddaħħal, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha li timponi multa, kunsiderazzjonijiet dwar it-trattament ugwali bejn id-diversi membri tal-akkordju.

125. Iżda lanqas dan l-argument ma huwa konvinċenti. Huwa ċar li l-Kummissjoni tibqa’ libera li, fl-għażla tad-destinatarji ta’ deċiżjoni li timponi multa, tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni tal-100 % u li, fil-motivi tad-deċiżjoni, tesponi biss il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni (77). Madankollu, jekk, kif inhu l-każ hawnhekk, il-Kummissjoni tiddeċiedi, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, li tistabbilixxi hija stess kriterji iktar stretti sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċerti kumpanniji parent, hija għandha tadatta wkoll, għaldaqstant, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha skont il-kriterji msemmija. Min jgħolli l-iżbarra ma għandux jistagħġeb li din tkun iktar diffiċli li tinqabeż.

126. Fi ftit kliem, il-Qorti Ġenerali ma fehmitx ħażin ir-rekwiżiti li jirrigwardaw il-motivazzjoni li għandha tagħti l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas ma kisret id-dritt tal-Kummissjoni għal proċedura kontradittorja. It-tielet aggravju mressaq fil-Kawża C‑14/11 P għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq ix-xebh bejn is-sitwazzjoni ta’ TCLT u dik ta’ Intabex u ta’ Universal (ir-raba’ aggravju fil-Kawża C‑14/11 P)

127. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha fil-Kawża C‑14/11 P, li huwa dirett — kif kien ukoll it-tielet aggravju — kontra l-punt 196 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali “applikat b’mod żbaljat” il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li TCLT kienet tinsab f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik ta’ Intabex u ta’ Universal.

128. Essenzjalment, hawnhekk għandu jerġa’ jiġi stabbilit jekk il-parteċipazzjoni ta’ TCLT bħala kumpannija intermedjarja fi ħdan il-grupp Standard kinitx ta’ natura purament finanzjarja, b’mod li s-sitwazzjoni tagħha tkun għaldaqstant simili għal dik ta’ Intabex. Il-Kummissjoni ssostni, kif diġà għamlet fl-ewwel istanza (78), li r-rwol ta’ TCLT fi ħdan il-grupp Standard kien imur lil hinn minn sempliċi parteċipazzjoni finanzjarja. Sabiex tikkorrobora t-teżi tagħha, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-fatt, li ssemma diġà, li TCLT aġixxiet bħala l-klijenta prinċipali ta’ tabakk ipproċessat mis-sussidjarja tagħha WWTE. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni tagħha tiddistingwi ruħha minn dik ta’ Intabex.

129. F’dan il-każ, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ġustament li dan il-fatt, jiġifieri x-xiri min-naħa ta’ TCLT ta’ kwantitajiet kbar ta’ tabakk ipproċessat minn WWTE, ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni minħabba li x-xiri msemmi ġie attribwit lil TCLT biss għal raġunijiet purament finanzjarji u fiskali u li ebda kunsinna ta’ tabakk ta’ WWTE ma kienet fil-fatt saret materjalment lil TCLT (79).

130. Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni tirribatti billi ssostni li r-raġunijiet li għalihom TCLT kienet aġixxiet bħala klijenta tat-tabakk ipproċessat minn WWTE huma irrilevanti. Hija tikkunsidra li dan ix‑xiri jippermetti fi kwalunkwe każ li jiġi konkluż li TCLT kienet iktar minn holding intermedjarja ta’ natura purament finanzjarja.

131. Dan l-argument tal-Kummissjoni huwa inammissibbli. Fil-fatt, l-importanza li għandha tingħata lix-xiri ta’ TCLT mingħand WWTE taqa’ taħt l-evalwazzjoni sovrana tal-fatti li ssir mill-Qorti Ġenerali. Ħlief għal żnaturament eventwali, li l-Kummissjoni ma invokatx f’dan il-każ, din il-kwistjoni ma taqax taħt l-istħarriġ li tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (80).

132. F’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni li jiġi stabbilit legalment jekk il-Qorti Ġenerali kklassifikatx il-fatti tajjeb u jekk hija applikatx il-kriterji legali adattati sabiex tevalwa s-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni ssostni sempliċement li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex konvinċenti. Il-kontestazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni u s-sostituzzjoni tagħha b’evalwazzjoni oħra ma jikkorrispondux preċiżament mas-sens u lanqas mal-għan tal-proċedura ta’ appell (81).

133. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni terġa’ takkuża lill-Qorti Ġenerali, b’mod sussidjarju, li ma mmotivatx suffiċjentement is-sentenza tagħha. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx għaliex ikkunsidrat li s-sitwazzjoni ta’ TCLT u dik ta’ Universal kienu simili u lanqas ma eżaminat l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

134. Lanqas dan l-argument ma jidher li huwa konvinċenti. Dan l-argument huwa ineffettiv u għaldaqstant infondat (82). Fil-fatt, jekk il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament, kif għamlet hawnhekk, li TCLT kienet tinsab f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ Intabex, il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni ta’ TCLT hijiex ukoll simili għal dik ta’ Universal u ta’ Universal Leaf ma tibqax deċiżiva. Il-Qorti Ġenerali setgħat ukoll tibbaża l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża esklużivament fuq id-diskriminazzjoni kkonstatata bejn TCLT u Intabex.

135. Għalhekk, ir-raba’ aggravju mqajjem fil-Kawża C‑14/11 P għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

5.      Konklużjoni intermedjarja

136. Konsegwentement, l-ilmenti mressqa mill-appellanti li jikkonċernaw il-prinċipju ta’ trattament ugwali, kemm fil-Kawża C‑628/10 P kif ukoll fil-Kawża C‑14/11 P, għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

B –    Fuq ċerti lmenti oħra mressqa minn AOI u SCTC (l-ewwel u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

137. Sabiex nikkonkludi, ser neżamina ċerti lmenti oħra li AOI u SCTC ressqu permezz tal-ewwel u t-tieni aggravji tagħhom fil-Kawża C‑628/10 P kontra s-sentenza appellata.

1.      Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑628/10 P

138. Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom fil-Kawża C‑628/10 P, l-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 81(1) KE, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 253 KE (83). Fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat ir-responsabbiltà ta’ AOI (li kienet SCC) u ta’ SCTC bħala li ġiet ippruvata fir-rigward tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq minn WWTE, kemm qabel il-5 ta’ Mejju 1998 u kif ukoll wara dik id-data.

139. Jiena ser neżamina dawn l-ilmenti taħt it-taqsimiet (a) u (b) hawn taħt. F’dan ir-rigward, m’inix ser nagħmel analiżi ddettaljata tal-Artikolu 253 KE, peress li l-appellanti ma jispjegaw bl-ebda mod kif il-Qorti Ġenerali fehmet ħażin ir-rekwiżiti marbutin mal-motivazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni. L-ilment tagħhom li huwa bbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni għandu, għaldaqstant, jitqies bħala inammissibbli.

a)      Fuq l-allegat nuqqas ta’ influwenza deċiżiva eżerċitata minn SCC u SCTC fuq WWTE qabel il-5 ta’ Mejju 1998 (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

140. L-ewwel parti tal-ewwel aggravju mqajjem fil-Kawża C‑628/10 P jikkonċerna biss il-perijodu ta’ qabel il-5 ta’ Mejju 1998. AOI (li kienet SCC) u SCTC isostnu li huma ma kinux f’pożizzjoni, dak iż-żmien, li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq WWTE. L-iktar l-iktar, huma kellhom, jekk ikun il-każ, jinżammu responsabbli flimkien mal‑azzjonisti l-oħra li kellhom sehem mill-kapital ta’ WWTE, u mhux individwalment.

141. Prima facie, wieħed jista’ jaħseb li, permezz ta’ dan l-ilment, AOI u SCTC qegħdin jikkritikaw biss l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi li għamlet il-Qorti Ġenerali u qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tissostitwixxi dik l-evalwazzjoni bl-evalwazzjoni tagħha. Din it-talba tkun inammissibbli fil-kuntest ta’ appell (84).

142. Fir-realtà, madankollu, il-kwistjoni li tqum hawnhekk hija dwar jekk l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali twettqitx skont il-kriterji u l-prinċipji meħtieġa. Dan huwa punt ta’ liġi li huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (85). F’dan ir-rigward, l-ilment imressaq minn AOI u SCTC — fi kliem ftit li xejn ċari — juri essenzjalment żewġ punti ta’ kritika legali fil-konfront tas-sentenza appellata. Din il-kritika tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tiċċara ċerti aspetti tas-sitwazzjoni legali, li ser ikunu importanti wkoll f’kawżi fil-futur.

i)      Il-kriterju tal-imputazzjoni: eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva

143. L-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li injorat il-fatt li l-imputazzjoni tar-responsabbiltà fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni bejn sussidjarja u kumpannija parent hija permessa biss, skont il-ġurisprudenza AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, meta jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: il-kumpannija parent għandha tkun f’pożizzjoni li teżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarja tagħha, u hija għandha effettivament tagħmel użu minn dik is-setgħa (86).

144. Din il-kontestazzjoni hija infondata. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà li kumpannija parent tinżamm responsabbli għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarja tagħha tiddependi, fir-realtà, fuq kundizzjoni waħda: il-kumpannija parent għandha tkun eżerċitat influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja sal-punt li din is-sussidjarja ma tkunx tista’ tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq (87).

145. Normalment, ma hemmx bżonn, għal dan il-għan, li jiġi eżaminat b’mod separat il-punt dwar jekk il-kumpannija parent ikkonċernata kinitx, minnha nnifisha, f’pożizzjoni li teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Dwar l-imputazzjoni tar-responsabbiltà fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li tali influwenza ġiet effettivament eżerċitata. Fil-fatt, kif ġustament enfasizzat il-Qorti Ġenerali, il-konstatazzjoni li kumpannija parent eżerċitat effettivament influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha jimplika neċessarjament ukoll li hija kienet f’pożizzjoni li tagħmel dan (88).

146. Il-każ ikun differenti biss jekk, b’mod eċċezzjonali, l-eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva ma jkunx ġie kkonstatat b’mod pożittiv, iżda jkun biss is-suġġett ta’ preżunzjoni konfutabbli. Fil-fatt, tali preżunzjoni tista’ tapplika biss meta jkun ġie kkonstatat li l-kumpannija parent kienet, minnha nnifisha, f’pożizzjoni li teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha u li kien probabbli, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu liż-żewġ kumpanniji, li hija eżerċitat effettivament dik l-influwenza. Skont il-ġurisprudenza, dan ikun il-każ b’mod partikolari jekk il-kumpannija parent kellha, fil-mument li fih twettaq il-ksur, il-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha (preżunzjoni tal-100 %) (89).

147. Madankollu, peress li l-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ma qamitx matul il-perijodu inkwistjoni (qabel il-5 ta’ Mejju 1998), il-Qorti Ġenerali ma kellhiex għalfejn tistabbilixxi b’mod separat li l-kumpanniji parent ta’ WWTE kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-aġir tagħha fis-suq.

ii)    Kontroll konġunt: ma huwiex raġuni imperattiva sabiex tiġi eskluża l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni lil waħda mill-kumpanniji parent biss

148. L-appellanti jsostnu li, f’każ ta’ kontroll konġunt (90) ta’ sussidjarja minn diversi persuni jew kumpanniji, ir-responsabbiltà għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq minn dik is-sussidjarja ma tistax tiġi imputata lil waħda biss minn dawk il-persuni jew kumpanniji.

149. Dan l-argument joħroġ mill-fatt li WWTE, li kienet ipparteċipat fl-akkordju Spanjol tal-proċessuri matul il-perijodu inkwistjoni (jiġifieri qabel il-5 ta’ Mejju 1998), ma kinitx għadha tinsab, legalment, taħt il-kontroll esklużiv tal-grupp Standard, li fih SCC (li llum saret AOI) kienet kap f’dak iż-żmien (91). Din hija r-raġuni għaliex AOI u SCTC isostnu li l-Kummissjoni kellha żżommhom responsabbli għall-ksur ta’ WWTE mhux individwalment, iżda biss b’mod konġunt mal-azzjonisti l-oħra, li magħhom huma kellhom, dak iż-żmien, il-kontroll konġunt ta’ WWTE.

150. B’kuntrast ma’ dak li taħseb il-Kummissjoni, dan l-argument ma jikkostitwixxix estensjoni tas-suġġett tal-kawża meta mqabbel mal-proċedura fl-ewwel istanza. Dan jelabora pjuttost l-argument żviluppat fl-ewwel istanza mill-appellanti (92), ħaġa li hija permessa fl-istadju tal-appell (93).

151. Madankollu, fil-mertu, l-argument imressaq minn AOI u SCTC ma jikkonvinċinix.

152. Ċertament, spiss jiġri, f’każ ta’ kontroll konġunt ta’ sussidjarja, li azzjonist waħdu ma jkunx f’pożizzjoni li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir ta’ dik il-kumpannija. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq dan il-prinċipju wkoll fis-sentenza appellata (94).

153. Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rabtiet ta’ dipendenza mhux biss ġuridiċi imma wkoll materjali li jeżistu bejn il-kumpanniji ta’ grupp. Fil-fatt, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-istruttura ġuridika ta’ grupp ta’ kumpanniji li għandu iktar minn persuna ġuridika waħda bħala l-kap tal-grupp ma hijiex determinanti meta din l-istruttura ma tirriflettix il-funzjonament effettiv u l-organizzazzjoni reali tal-imsemmi grupp (95).

154. Konsegwentement, sussidjarja, li tkun tinsab de iure taħt il-kontroll konġunt ta’ diversi azzjonisti minn tagħha, tista’, de facto, tkun esposta għall-influwenza deċiżiva ta’ kumpannija parent waħda li tikkonċerna l-politika kummerċjali tagħha u l-aġir fis-suq tagħha. L-unità ekonomika vera tkun teżisti biss bejn l-imsemmija kumpannija parent u dik is-sussidjarja, ħaġa li tagħtihom id-dehra ta’ impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni u trendihom it-tnejn li huma responsabbli b’mod konġunt għall-ksur eventwali tad-dritt tal-kompetizzjoni.

155. Għaldaqstant, sakemm il-Kummissjoni ġġib il-prova li wieħed biss mid-diversi azzjonisti eżerċita, de facto, influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja msemmija fis-suq fil-każ partikolari, hija tista’ żżomm dak l-azzjonist bħala responsabbli in solidum għall-ksur eventwali tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mill-istess sussidjarja.

156. Din hija preċiżament il-linja li adottat ukoll il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Hija aċċettat qabelxejn li jista’ jkun hemm każijiet fejn, minkejja li jkun hemm “impriżi jew persuni differenti” li jeżerċitaw kontroll konġunt, fir-realtà, waħda biss mill-impriżi jew persuni “jeżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħhom” (96). Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat individwalment l-indizji ta’ influwenza deċiżiva ta’ SCC u ta’ SCTC fuq WWTE pprovduti mill-Kummissjoni u ddikjarat li huma konvinċenti (97). Fost l-indizji eżaminati kien hemm istruzzjonijiet mogħtija minn WWTE, l-obbligu li WWTE tikkonsulta lil SCTC, kif ukoll il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni bejn WWTE u SCTC dwar l-attivitajiet tal-akkordju tal-proċessuri.

157. Dan l-approċċ tal-Qorti Ġenerali ma huwiex kritikabbli mill-aspett ġuridiku.

158. B’kuntrast ma’ dak li jidher li jaħsbu l-appellanti, ma kienx neċessarju, b’mod partikolari, li l-kumpanniji parent SCC U SCTC jagħtu lil WWTE istruzzjonijiet preċiżi li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju Spanjol tal-proċessuri. Dak li hu determinanti għall-finijiet tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma hijiex ir-relazzjoni bejn il-kumpannija/i parent u s-sussidjarja/i tagħha/hom li tinstiga l-ksur u lanqas, a fortiori, l-involviment tal-kumpannija/i parent fil-ksur imsemmi. Huwa biżżejjed, għall-kuntrarju, li jiġi ppruvat li s-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (98).

159. Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali setgħat għaldaqstant tikkonkludi legalment, abbażi tal-verifiki tagħha, li matul il-perijodu bejn it-13 ta’ Marzu 1996 sal-4 ta’ Mejju 1998 inkluż, SCC u SCTC “eżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ WWTE” (99), anki jekk huma kien għad ma kellhom, mill-aspett purament legali, ebda kontroll esklużiv fuq WWTE matul dak il-perijodu.

160. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju mqajjem fil-Kawża C‑628/10 P hija infondata.

b)      Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ AOI u ta’ SCTC (it-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

161. Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom fil-Kawża C‑628/10 P, AOI u SCTC jinvokaw ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom previsti fl-Artikoli 48 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza u l-prinċipju ta’ nulla poena sine lege meta aċċettat li l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza deċiżiva minn kumpannija parent fuq is-sussidjarja li tkun proprjetà tagħha 100 % għandu jkun preżunt (preżunzjoni tal-100 %) sabiex iżżommha responsabbli. Mill-kuntest ġenerali jista’ jiġi dedott li f’dan il-każ mhux qegħdin nittrattaw il-perijodu ta’ wara l-5 ta’ Mejju 1998, li matulu l-kumpanniji tal-grupp Standard ħadu, direttament jew indirettament, il-kontroll esklużiv ta’ WWTE.

i)      Fuq l-ammissibbiltà

162. Kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, jeżistu dubji serji dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment.

163. Ċertament, wieħed jifhem b’mod suffiċjentement preċiż dak li dawn l-appellanti qegħdin jakkużaw bih lill-Qorti Ġenerali u l-aspett tas-sentenza appellata li huma jikkontestaw. Huma jinvokaw il-ksur taż-żewġ drittijiet fundamentali msemmija iktar ’il fuq, li jirriżulta mill-applikazzjoni għal AOI (li kienet SCC) u lil SCTC tal-preżunzjoni tal-100 % għall-perijodu li jiġi wara l-5 ta’ Mejju 1998.

164. Madankollu, bil-fatt li jressqu dan l-ilment, AOI u SCTC imorru lil hinn mill-motivi ta’ annullament li huma kienu ressqu fl-ewwel istanza. Fil-fatt, ir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza ma semmiex ksur tad-drittijiet fundamentali. Jekk dan l-ilment jiġi aċċettat fl-istadju attwali jwassal sabiex jiġi estiż is-suġġett tal-kawża, ħaġa li hija inammissibbli fil-kuntest ta’ appell (100).

165. Il-fatt li AOI u SCTC qegħdin issa jressqu għall-ewwel darba l-ilment tagħhom ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali ma jikkostitwixxix estensjoni permissibbli tal-argument tagħhom fl-ewwel istanza, iżda jirrappreżenta aspett għalkollox ġdid li għadu ma kienx is‑suġġett tal-proċedura, u għaldaqstant lanqas ma jista’ jiġi eżaminat fil-kuntest tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (101).

166. Bl-istess mod, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali fl-istadju tal-appell ma jistax ikun iġġustifikat bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li seħħ fil-frattemp fl-1 ta’ Diċembru 2009. Għalkemm huwa minnu li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minn dakinhar, akkwistat valur ta’ dritt primarju u l-istess valur legali bħat-Trattati [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE], id-drittijiet fundamentali invokati minn AOI u SCTC diġà kellhom valur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni qabel (102) u, anki fil-verżjoni tagħhom kif mogħtija bil-Karta msemmija, huma kellhom ikunu osservati mhux iktar tard mill-1 ta’ Mejju 2004, fil-proċeduri tal-Kummissjoni dwar l-akkordji (103). Għaldaqstant, AOI u SCTC diġà setgħu jressqu lment fuq l-eventwali ksur ta’ dawn id-drittijiet fundamentali fil-proċedura fl-ewwel istanza.

167. Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju mqajjem fil-Kawża C‑628/10 P hija inammissibbli. Huwa biss sabiex inkun eżawrjenti li jien ser neżamina fil-qosor il-fondatezza ta’ din il-parti fil-punti segwenti.

ii)    Fuq il-fondatezza

168. Fil-mertu, AOI u SCTC iressqu essenzjalment żewġ argumenti sabiex jikkorroboraw l-ilment tagħhom dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali. Minn naħa, il-preżunzjoni tal-100 % taħdem bħala “preżunzjoni ta’ ħtija” (104), li tmur kontra l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza fid-dritt kriminali, li huwa stabbilit fid-dritt primarju [Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] u, min-naħa l-oħra, il-preżunzjoni tal-100 % tmur kontra l-prinċipju tar-responsabbiltà personali u tinvolvi sanzjoni sproporzjonata tal-kumpanniji parent, ħaġa li tikser il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege (Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

169. Dawn iż-żewġ argumenti ma jikkonvinċunix.

170. Għal dak li jirrigwarda l-ewwel nett il-preżunzjoni ta’ innoċenza, l-użu ta’ preżunzjoni bħalma hija dik inkwistjoni hawnhekk ma jwassalx għal inverżjoni tal-piż oġġettiv tal-prova. Hija tikkonsisti sempliċement f’regola li tapplika għall-evalwazzjoni tal-provi fil-kuntest tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni bejn kumpannija parent u sussidjarja. Bħalma l-fatt li l-kumpannija parent ikollha l-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha jippermetti li jiġi konkluż prima facie li qiegħda tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva, hija l-kumpannija parent li għandha tirribatti din il-konklużjoni billi tressaq provi persważivi li jgħidu l-kontra; jekk dan ma jseħħx, din il-konklużjoni għandha titqies li tissodisfa r-rekwiżiti fil-qasam tal-provi li japplikaw fi Stat ta’ dritt. Fi kliem ieħor, minħabba l-kwistjoni tat-tqassim tal-oneru tal-prova, il-partijiet għandhom kull wieħed minnhom jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jikkorroboraw l-argumenti tagħhom (105).

171. L-interessi leġittimi tal-kumpannija parent ma jiġux imtellfin minn preżunzjoni bħal dik eżaminata hawnhekk. Il-kumpannija parent tibqa’ tista’ tirribatti, fil-każ partikolari, il-preżunzjoni li kien hemm influwenza deċiżiva, skont il-konklużjonijiet li jiġu mill-esperjenza, billi turi li qagħdet lura milli tinfluwenza l-aġir fis-suq tas-sussidjarja tagħha. Il-fatti u l-informazzjoni li huma meħtieġa għal dak l-iskop jiġu mingħajr dubju mill-isfera interna tal-impriża, magħmula mill‑kumpannija parent u s-sussidjarja. Għalhekk huwa perfettament iġġustifikat li l-oneru tal-prova jitpoġġa fuqhom f’dan ir-rigward (106).

172. Il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u l-prinċipju ta’ nulla poena sine lege lanqas ma huma affettwati mill-preżunzjoni tal-100 %.

173. Il-fatt li l-kumpannija parent ta’ grupp li teżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarji tagħha tista’ tkun iddikjarata responsabbli in solidum għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq minn dawn tal-aħħar ma jikkostitwixxix eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, imma huwa, fil-fatt, l-espressjoni stess ta’ dak il-prinċipju. Fil-fatt, il-kumpannija parent u s-sussidjarji tagħha taħt l-influwenza deċiżiva tagħha huma kollettivament impriża waħda għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni u huma responsabbli għal dik l-impriża. Jekk din l-impriża tikkommetti, intenzjonalment jew b’negliġenza, ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE) u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), dan jimplika r-responsabbiltà personali u in solidum tal-persuni ġuridiċi kollha fl-istruttura tal-grupp, irrispettivament jekk humiex il-kumpannija parent jew xi waħda mis-sussidjarji tagħha (107).

174. Din il-forma ta’ responsabbiltà tal-kumpannija parent taħt id-dritt tal-kompetizzjoni ma għandu x’jaqsam xejn mar-responsabbiltà oġġettiva (“strict liability”), peress li l-kumpannija parent hija waħda mill-entitajiet ġuridiċi li tifforma l-impriża li b’mod negliġenti jew intenzjonalment kisret id-dritt tal-kompetizzjoni. Fi kliem sempliċi, jista’ jingħad li (flimkien mas-sussidjarji taħt l-influwenza deċiżiva tagħha) hija l-personifikazzjoni legali tal-impriża li intenzjonalment jew b’negliġenza kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni (108).

175. Fl-aħħar nett, dwar il-proporzjonalità tas-sanzjoni [Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], l-ammont tal-multa imposta minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandu jkun evidentement proporzjonat man-natura, gravità u dewmien tal-ksur. Madankollu, il-punt dwar jekk għandhiex titqies biss ir-responsabbiltà tal-kumpannija implikata direttament fl-akkordju, jew jekk il-kumpannija parent għandhiex, hija wkoll, tirrispondi in solidum għall-multa, huwa irrilevanti fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjoni. F’din il-kawża, b’mod partikolari, ma jeżisti ebda ħjiel li juri li r-responsabbiltà in solidum ta’ AOI u ta’ SCTC għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq minn WWTE kienet sproporzjonata. AOI u SCTC ma qalu xejn fuq dan is-suġġett.

176. Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju mressaq fil-Kawża C‑628/10 P hija mhux biss inammissibbli, imma wkoll infondata.

c)      Konklużjoni intermedjarja

177. L-ewwel aggravju mqajjem fil-Kawża C‑628/10 P għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

2.      Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑628/10 P

178. Permezz tat-tieni aggravju tagħhom fil-Kawża C‑628/10 P, AOI u SCTC jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li żbaljat meta awtorizzat lill-Kummissjoni sabiex tadatta l-argument tagħha matul il-proċedura kontenzjuża, minn naħa, u sabiex tbiddel a posteriori l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, min-naħa l-oħra. B’dan il-mod, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, l-Artikolu 296 TFUE u d-drittijiet tad-difiża.

179. Fil-kuntest tat-tieni aggravju, il-punt kontenzjuż jikkonċerna, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ meta l-kunċett tal-bażi doppja ġie introdott fil-proċedura sabiex il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji, proprjetà tal-kumpanniji parent bil-100 %, jiġi imputat lill-kumpanniji parent rispettivi tagħhom. Il-Qorti Ġenerali titlaq mill-prinċipju li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq din il-bażi doppja anki fil-proċedura amministrattiva (109). Għall-kuntrarju, AOI u SCTC huma kompletament tal-fehma li l-bażi doppja ssemmiet għall-ewwel darba fil-proċedura fl-ewwel istanza, wara mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, u għaldaqstant ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

a)      Mistoqsija preliminari: it-tieni aggravju huwa ineffettiv?

180. Il-Kummissjoni ssostni li dan it-tieni aggravju huwa “ineffettiv”. Hija tiġġustifika l-fehma tagħha billi tirrileva, l-ewwel nett, li s-sentenza appellata assolutament ma hijiex ibbażata fuq il-kunċett tal-bażi doppja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti “ma jistgħu jieħdu ebda vantaġġ mill-aggravju tagħhom”. Fil-fatt, ir-responsabbiltà tagħhom minħabba l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarja tagħhom WWTE jiġi ppruvat anki kieku ġie applikat il-kriterju — relattivament strett — tal-bażi doppja sabiex tiġi imputata r-responsabbiltà lill-kumpanniji parent.

181. Dawn iż-żewġ argumenti ma jikkonvinċunix.

182. Dwar l-ewwel argument tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad aggravju bħala ineffettiv jew mhux probatorju meta dak l-aggravju ma jkunx tali, anki f’każ ta’ argument legali preċiż, li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata (110). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-appellant jindirizza l-kritika tiegħu kontra obiter dicta li jirriżultaw mis-sentenza tal-ewwel istanza (111).

183. Madankollu, f’dan il-każ, ma hemmx dan it-tip ta’ motivi.

184. B’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kummenti inkwistjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi doppja għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma humiex obiter dicta. Ir-riferiment għal din il-bażi doppja fis‑sentenza appellata jikkostitwixxi pjuttost motiv deċiżiv li fuqu huwa bbażat l-eżami tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (112).

185. Huwa biss minħabba li l-Qorti Ġenerali kienet awtorizzat l-applikazzjoni tal-bażi doppja bħala li “għolliet [...] il-livell ta’ prova” meħtieġ mill-Kummissjoni (113), li hija setgħat tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet, ġustament, imputat lil ċerti kumpanniji parent, jiġifieri lil AOI u SCTC, ir-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħhom u mhux lil oħrajn, bħal Universal u Universal Leaf (114). Kieku l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-bażi doppja kienet illegali u li kienet rilevanti biss il-preżunzjoni tal-100 %, hija kien ikollha tikkonstata ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (115).

186. It-tieni argument imressaq mill-Kummissjoni huwa wkoll infondat. Fil-fatt, l-oġġezzjoni li AOI u SCTC ma jistgħu jieħu “ebda vantaġġ” mill-aggravju tagħhom tikkonċerna fir-realtà l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju tagħhom, u b’mod iktar preċiż, l-interess ġuridiku (116). Min-naħa l-oħra, dan l-element ma huwiex importanti fid-dawl tal-kwistjoni dwar jekk aggravju huwiex ineffettiv. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-ilment ibbażat fuq l-ineffettività ta’ aggravju jikkonċerna l-kwistjoni tal-fondatezza tal-aggravju u mhux dik tal-ammissibbiltà tiegħu (117).

187. Fi kwalunkwe każ, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li l-ilmenti mressqa fil-kuntest ta’ dan it-tieni aggravju jistgħu ċertament jagħtu vantaġġ lil AOI u SCTC, jekk ikunu fondati. Jekk jirriżulta li meta l-Qorti Ġenerali invokat il-kunċett tal-bażi doppja, hija bbażat ruħha fuq element li tressaq tard fil-proċedura u li fuqu l-appellanti ma setgħux jesprimu ruħhom utilment, is-sentenza appellata għandha xorta waħda tiġi annullata minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proċedura kontradittorja (118). Tali annullament jikkostitwixxi bla ebda dubju vantaġġ proċedurali għal AOI u SCTC.

188. Il-Kummissjoni tipprova tistabbilixxi rabta bejn it-tieni u t-tielet aggravji mqajma fil-Kawża C‑628/10 P. Hija ssostni, essenzjalment, li t-tieni aggravju analizzat f’dan il-każ, li jikkonċerna l-iżbalji proċedurali li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet, jista’ jirnexxi biss jekk jintlaqa’ t-tielet aggravju, li huwa ddedikat għall-prinċipju ta’ trattament ugwali. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax in-natura awtonoma ta’ dawn iż-żewġ aggravji. Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata l-iżbalji proċedurali identifikati minn AOI u SCTC, hija jkollha tilqa’ wkoll it-tieni aggravju, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni invokata mill-appellanti fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħhom tirriżultax fondata.

189. Fi ftit kliem, it-tieni aggravju mqajjem fil-Kawża C‑628/10 P ma jistax, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala ineffettiv.

b)      Eżami fil-mertu tat-tieni aggravju

190. Jibqa’ li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ partijiet ta’ dan it-tieni aggravju humiex ġustifikati.

i)      Fuq l-allegat tibdil tal-argument tal-Kummissjoni matul il-proċedura fl-ewwel istanza (l-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

191. L-ewwel parti tat-tieni aggravju mqajjem fil-Kawża C‑628/10 P tirrigwarda l-allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li fih klawżola li ma tippermettix il-motivi tardivi. Peress li l-Kummissjoni invokat il-kunċett tal-bażi doppja biss fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, dawn l-osservazzjonijiet jikkostitwixxu, skont AOI u SCTC, motiv tardiv, li l-Qorti Ġenerali kellha tiċħad bħala inammissibbli.

192. Il-Kummissjoni tiddubita dwar l-applikabbiltà stess tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Hija tidher li ssostni li l-preskrizzjoni li tolqot it-tressiq ta’ motivi tardivi prevista f’dik id-dispożizzjoni tapplika, fil-prinċipju, għar-rikorrent biss u mhux għall-konvenut fl-ewwel istanza.

193. Ebda element f’dik id-dispożizzjoni ma jiġġustifika interpretazzjoni daqshekk restrittiva. Dan jirriżulta b’mod partikolari, mill-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fejn kemm il-motivi ppreżentati fit-talba kif ukoll dawk tar-risposta jistgħu jkunu preklużi. It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni juża, barra minn hekk, il-kliem “xi parti” b’mod ġenerali ħafna, li jistgħu jirreferu kemm għar-rikorrent kif ukoll għall-konvenut. Anki l-istruttura tal-Artikolu 48(1) tar-Regoli msemmija tikkonferma li, f’dan il-każ, ma jsirx riferiment biss għall-motiv tal-konvenut peress li jsemmi lill-“partijiet”, mill-ġdid b’mod ġenerali ħafna, u jagħmel riferiment espress għar-replika (tar-rikorrent) jew għall-kontroreplika (tal-konvenut). B’mod globali, l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali għandu l-għan li jiżgura l-andament effikaċi tal-proċedura, li għandu jkun protett kontra l-manuvri dilatorji kemm ta’ parti kif tal-oħra.

194. Ma tantx huwa rilevanti l-argument invokat mill-Kummissjoni fuq dan is-suġġett, fejn tgħid li l-Qorti Ġenerali hija obbligata teżamina l-fondatezza tal-motivi invokati f’rikors, indipendentement mill-preżentata ta’ risposta.

195. Ċertament, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-motivi mressqa mill-partijiet hija riżervata, fil-prinċipju, għall-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, il-qorti ma hijiex “ħalq il-partijiet” (119) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Konsegwentement, hija ma tistax tkun marbuta biss bl-argumenti invokati mill-partijiet insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, għax inkella hija taf tkun qiegħda tibbaża d-deċiżjoni tagħha, jekk ikun il-każ, fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (120). Il-motivi tardivi huma madankollu inammissibbli. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dawk il-motivi, kemm jekk tressqu mir-rikorrenti jew mill-konvenut.

196. B’mod ġenerali, l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jista’, għaldaqstant, japplika għall-motivi ta’ difiża invokati mill-Kummissjoni.

197. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma nkisritx f’dan il-każ.

198. Fil-fatt, il-kunċett tal-bażi doppja ma kienx ġdid fir-realtà, u kien diġà ssemma fid-deċiżjoni kontenzjuża. Anki jekk il-kunċett tal-bażi doppja ma ntużax bħala tali f’dik id-deċiżjoni, mill-kuntest ġenerali tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq preżunzjoni — il-preżunzjoni tal-100 % —, sabiex iżżomm lill-kumpanniji parent responsabbli għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji li huma proprjetà 100 % tagħhom, iżda ħadet inkunsiderazzjoni wkoll elementi li jippermettu li jiġi konkluż li ġiet eżerċitata b’mod effettiv influwenza deċiżiva mill-kumpannija parent inkwistjoni (121).

199. Mill-bqija, AOI u SCTC kellhom l-okkażjoni, matul is-seduta fl-ewwel istanza, li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fuq il-kunċett tal-bażi doppja. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jitkellem dwar ksur tal-prinċipji ta’ proċedura kontradittorja jew, skont il-kliem użati mill-appellanti, dwar ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom (122).

200. Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju mqajjem fil-Kawża C‑628/10 P hija infondata.

ii)    Fuq l-ilment ibbażat fuq it-tibdil a posteriori tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża (it-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑628/10 P)

201. It-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem fil-Kawża C‑628/10 P tikkonċerna wkoll il-problema tal-bażi doppja għall-finijiet tar-responsabbiltà tal-kumpanniji parent minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħhom li huma proprjetà 100 % tagħhom. AOI u SCTC huma tal-fehma li l-Qorti Ġenerali awtorizzat lill-Kummissjoni sabiex illegalment tbiddel a posteriori, grazzi għall-kunċett tal-bażi doppja, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, sabiex tagħlaq lakuni fl-argumenti tagħha. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tiġi li marret kontra r-rekwiżiti tal-motivazzjoni tal-atti legali.

202. Skont l-Artikolu 253 KE (attwalment it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE), l-atti legali tal-Kummissjoni, inklużi d-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ impożizzjoni ta’ multi fil-qasam tal-akkordji, għandhom ikunu motivati.

203. Kif diġà ġie indikat (123), deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, għandhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, tali deċiżjoni għandha fil-prinċipju jkun fiha sunt iddettaljat tal-motivi tali li jiġġustifikaw l-imputabbiltà tal-ksur lil dik il-kumpannija (124). Dawk il-motivi ma jistgħux jiġu “invokati a posteriori” matul il-proċedura kontenzjuża (125).

204. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn il-preżentazzjoni tal-motivi a posteriori, li hija pprojbita, u s-sempliċi spjegazzjoni ta’ motivazzjoni li minnha nnifisha hija diġà suffiċjenti. Din tal-aħħar hija dejjem ammissibbli fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża u tista’ tkun utli għall-istħarriġ tad-deċiżjoni kkonċernata mill-qrati tal-Unjoni (126).

205. F’dan il-każ, l-osservazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fir-rigward tal-bażi doppja matul il-proċedura fl-ewwel istanza, bi tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, servew biss sabiex tiġi ċċarata l-motivazzjoni eżistenti tad-deċiżjoni kontenzjuża (127). Anki mingħajr dik l-ispjegazzjoni, jirriżulta suffiċjentement ċar mid-deċiżjoni kontenzjuża li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq il-preżunzjoni tal-100 % f’din il-kawża, iżda bbażat ruħha fuq elementi supplimentari, li jikkostitwixxu l-bażi doppja, li kienu jippermettu li jiġi konkluż li ġiet eżerċitata b’mod effettiv influwenza deċiżiva mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja kkonċernata (128).

206. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza fir-rigward tal-bażi doppja ma humiex każ ta’ preżentazzjoni ta’ motivi a posteriori, li hija pprojbita.

207. Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem fil-Kawża C‑628/10 P hija infondata wkoll. Dan l-aggravju għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

C –    Sunt tal-aggravji mqajma miż-żewġ partijiet

208. Peress li la l-ilmenti invokati minn AOI u SCTC fil-Kawża C‑628/10 P u lanqas dawk li l-Kummissjoni invokat fil-Kawża C‑14/11 P ma jistgħu jirnexxu, iż-żewġ appelli għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

D –    Dwar it-talba separata ta’ AOI u ta’ SCTC għat-tnaqqis tal-multa

209. Fl-appell tagħhom fil-Kawża C‑628/10 P, AOI u SCTC jagħmlu talba separata għat-tnaqqis tal-multa f’każ li s-sentenza appellata tiġi annullata.

210. Jekk kif ipproponejt, il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li l-ilmenti invokati mill-appellanti ma jistgħux jirnexxu, ma hemm ebda raġuni għalfejn għandha titnaqqas il-multa. Għaldaqstant ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-talba relattiva li tressqet minn AOI u SCTC.

211. Dan japplika a fortiori peress li l-metodu għall-kalkolu tal-multa ma kienx, bħala tali, is-suġġett tas-sentenza fl-ewwel istanza. Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza (129). Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq teżamina l-kalkolu tal-multa mingħajr ma tilqa’, qabel, wieħed mill-aggravji mqajma, hija tkun qiegħda toħroġ barra mis-suġġett tal-kwistjoni ta’ din il-proċedura.

212. Jekk it-talba ta’ AOI u ta’ SCTC għandha fl-aħħar mill-aħħar l-għan, kif tissuspetta l-Kummissjoni, li titnaqqas il-multa imposta lis-sussidjarja tagħha WWTE, din xorta waħda tkun inammissibbli. Fil-fatt, WWTE la kienet parti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas parti f’dan l-appell.

VII – Fuq l-ispejjeż

213. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell jiġi miċħud, kif qed nipproponi li jsir f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż, b’mod konformi ma’ dak li huwa speċifikat fl-Artikolu 69 flimkien mal-Artikolu 118 tal-istess Regoli tal-Proċedura.

214. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 69(2) flimkien mal-Artikolu 118 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’din il-kawża, l-appellanti kollha tilfu fl-aggravji kollha tagħhom u l-parti l-oħra talbet li huma jiġu ordnati jħallsu l-ispejjeż.

215. Din hija r-raġuni għaliex AOI u SCTC għandhom jiġu kkundannati stricto sensu jħallsu l-ispejjeż kollha li jirrigwardaw l-appell tagħhom fil-Kawża C‑628/10 P, u għaliex il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha li jirrigwardaw l-appell tagħha fil-Kawża C‑14/11 P (130).

216. Madankollu, tali approċċ ma huwiex ġust f’dan il-każ peress li ż-żewġ appelli kien fihom diversi ripetizzjonijiet fil-mertu, fejn il-partijiet spiċċaw jużaw essenzjalment l-istess argumenti fin-noti rispettivi tagħhom li jirrigwardaw il-Kawżi C‑628/10 P u C‑14/11 P (131). Barra minn hekk, inżammet seduta komuni wara li ngħaqdu dawn iż-żewġ kawżi, li matulha l-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-partijiet sabiex jikkonċentraw l-argumenti tagħhom fuq sensiela ta’ punti ta’ liġi li huma komuni għaż-żewġ kawżi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa kważi impossibbli li jiġi stabbilit b’mod raġonevoli għal-liema kawżi l-ispejjeż huma imputabbli.

217. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li huwa iktar ġust u wkoll iktar utli li l-kwistjoni tal-ispejjeż tiġi deċiża bejn il-partijiet b’mod konġunt bejn iż-żewġ kawżi (132) u li jiġi konkluż, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 69(3) u l-Artikolu 118 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li kull parti rebħet parzjalment u tilfet parzjalment il-kawża fl-intier tagħha. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja għandha taqsam l-ispejjeż billi tikkundanna lil kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

VIII – Konklużjoni

218. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi li:

1)      L-appelli huma miċħuda.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.


* Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


1 –      Ara wkoll, R. Podszun, “Haftung der Eltern für ihre Kinder – auch im Konzern”, Gesellschafts- und Wirtschaftsrecht (GWR) 1, 2009, p. 119.


2 –      Dwar il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, ara s-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punti 78 u 145); tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 39); tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punti 56 u 77); tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, Ġabra p. I-1), punt 36), kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C-216/09 P, Ġabra p. I-2239 , punt 95).


3 –      Ara, fost diversi riferimenti oħra, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, Ġabra p. 619, punti 132 sa 141); tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (107/82, Ġabra p. I‑3151, punti 49 sa 53); Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 58 sa 63 u 72 sa 74); General Química et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 34 sa 42 u 50 sa 52); ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 96 sa 99); tad-29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il-Kummissjoni (C‑520/09 P, Ġabra p. I-8901, punti 37 sa 41), kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑521/09 P, Ġabra p. I-8947), punti 53 sa 67).


4 –      Regolament tal-Kunsill, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 205). Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45, dan ir-regolament beda japplika mill-1 ta’ Mejju 2004.


5 –      Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, AOI kienet ir-riżultat tal-amalgamazzjoni bejn SCC u Dimon Inc. (iktar ’il quddiem “Dimon”) fit-13 ta’ Mejju 2005.


6 –      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/236/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE (Każ COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja) (ĠU 2007, L 102, p. 14). Il-verżjoni sħiħa ta’ din id-deċiżjoni tista titniżżel mill-internet biss fil-verżjoni mhux kunfidenzjali, b’mod partikolari bil-Ġermaniż (http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/index.html).


7 –      Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


8 –      Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


9 –      Artikolu 3 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


10 –      Premessa 376 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


11 –      Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2010, Alliance One International et vs Il-Kummissjoni (T‑24/05, Ġabra p. II-5329).


12 –      Punti 195, 218 u 219 tas-sentenza appellata.


13 –      Fil-lingwa tal-kawża: “successor of the rights to appeal”.


14 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti 30 u 31), kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C-76/09 P, Ġabra p. I-4727, punti 36 sa 40).


15 –      Ara f’dan is-sens, is-sentenza General Química et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 85 sa 90).


16 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 58 sa 61, b’mod partikolari l-punt 60); General Química et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 2, punti 39 u 40); Arkema vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 38 sa 41, b’mod partikolari l-punt 40), kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, b’mod partikolari l-punt 56).


17 –      Punt 147 tas-sentenza appellata. Ara wkoll il-punti 118 u 155 ta’ dik is-sentenza.


18 –      Sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Cwik (C‑340/00 P, Ġabra p. I‑10269, punt 27); tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punti 96 u 97); tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, Ġabra p. I-2359, punti 179 u 180), kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 68).


19 –      Din hija l-ġurisprudenza iċċitata iktar ’il fuq fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 3 u 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 56, 57, 59 u 77) ; General Química et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 36 sa 38); Arkema vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 39), kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 55 u 88).


21 –      F’din il-kawża, il-Kummissjoni tesprimi, pereżempju, il-fehma tagħha fil-premessa 378 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li fiha jintqal li “ma jkunx opportun” li tiġi kkonstatata r-responsabbiltà ta’ Universal, Universal Leaf u Intabex bħala kumpanniji parent abbażi biss tal-preżunzjoni tal-100 %. Din hija kunsiderazzjoni li tirrigwarda l-opportunità.


22 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni (C-125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C-137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 82), kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 121).


23 –      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ara wkoll, l-indikazzjoni ta’ natura dikjaratorja li tidher fil-premessa 37 tar-Regolament Nru 1/2003, fejn jingħad li dan ir-regolament għandu jiġi interpretat u applikat b’rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji rrikonoxxuti mill-karta msemmija.


24 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 304 u 319), kif ukoll, dwar in-natura obbligatorja tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-qorti tal-Unjoni, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Weig vs Il-Kummissjoni (C-280/98 P, Ġabra p.I‑9757, punti 63 u 68).


25 –      Ara, b’mod partikolari, il-punti 156, 157, 218 u 219 tas-sentenza appellata.


26 –      Hija l-Kummissjoni li semmiet il-kriterju ta’ evalwazzjoni bbażat fuq l-użu ħażin ta’ poter matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


27 –      Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, Ġabra p. I-8301, punt 54).


28 –      Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 95); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 23), kif ukoll Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 55).


29 –      Fil-preżent, il-qafas applikabbli huwa magħmul b’mod partikolari mil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2) u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tagħhom fil-kawża li jirrigwardaw l-akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17).


30 –      Sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punti 209 sa 211 u 213); tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punti 207 sa 209), kif ukoll Arkema vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 88). Ara wkoll f’dan is-sens, dwar qasam tad-dritt ieħor, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1983, Blomefield vs Il-Kummissjoni (190/82, Ġabra p. 3981, punt 20).


31 –      Punti 156 u 157 tas-sentenza appellata.


32 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 97).


33 –      Punt 218 tas-sentenza appellata.


34 –      Punti 142 u 143 tas-sentenza appellata kif ukoll il-premessi 18 u 376 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


35 –      Punti 218 u 219 tas-sentenza appellata.


36 –      Sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 1984, Witte vs Il-Parlament (188/83, Ġabra p. 3465, punt 15); tal-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri (134/84, Ġabra p. 2225, punt 14), kif ukoll id-digriet tal-20 ta’ Jannar 2009, Sack vs Il-Kummissjoni (C-38/08 P, punt 32).


37 –      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 76 u 77 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer (C-309/06, Ġabra p. I-2283).


38 –      Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Woodpulp” (C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I‑1307).


39 –      Sentenza Woodpulp (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 146 u 197). Ara f’dan is-sens, fuq id-dritt antidumping, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1988, Sharp vs Il-Kunsill (301/85, Ġabra p. 5813, punt 22), TEC et vs Il-Kunsill (260/85 u 106/86, Ġabra p. 5855, punt 18) u Silver Seiko et vs Il-Kunsill (273/85 u 107/86, Ġabra p. 5927, punt 55), kif ukoll, fuq il-leġiżlazzjoni dwar is-servizz pubbliku, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1994, de Compte vs Il-Parlament (C‑326/91 P, Ġabra p. I‑2091, punt 52).


40 –      Sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 96); tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric (C‑440/07 P, Ġabra I‑6413, punt 135), kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il-Kummissjoni (C‑480/09 P, Ġabra p. I-13355, punt 77).


41 –      Punt 113 tas-sentenza appellata.


42 –      Punti 218 u 219 tas-sentenza appellata. Ara wkoll il-punti 156 u 157 ta’ din is-sentenza.


43 –      Sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill (C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 37); tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (C‑260/05 P, Ġabra p. I‑10005, punt 37), kif ukoll tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni (C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punt 17).


44 –      Punt 157 tas-sentenza appellata.


45 –      Punt 158 tas-sentenza appellata.


46 –      Premessa 384 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


47 –      Punt 157 tas-sentenza appellata.


48 –      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, bil-kritika li l-appellanti jagħmlu fir-rigward tal-bażi doppja, huma jikkontradixxu l-argumenti tagħhom stess li huma esponew f’post ieħor fil-Kawża C-628/10 P. Din il-kritika ma tippermettix, minnha nnifisha, li jittieħdu konklużjonijiet dwar l-ammissibbiltà jew dwar il-fondatezza tal-argument imressaq minn AOI u SCTC fil-kuntest ta’ dan l-aggravju.


49 –      Ara l-kummenti li għamilt qabel fir-rigward tal-ewwel u t-tieni aggravji invokati fil-Kawża C‑14/11 P (b’mod partikolari l-punti 60 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


50 –      Ara, b’mod partikolari, il-punti 46 sa 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51 –      Ara l-punti 118, 147 u 155 tas-sentenza appellata.


52 –      Dwar id-diskussjoni fuq il-preżunzjoni tal-100 %, li baqgħet għaddejja anki reċentement, ara, b’mod partikolari, il-punti 49 sa 76 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), kif ukoll riferimenti oħra.


53 –      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


54 –      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, Ġabra p. I‑2331, punt 137). Ara wkoll is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 29); ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 180), kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 68).


55 –      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, Ġabra p. I-13849, punti 30 u 31); tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, Ġabra p. I-7151, punt 49), u tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, Ġabra p. I-12789, punt 92).


56 –      Sentenza DEB (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55, punt 32).


57 –      Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.


58 –      Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Chevrol vs Franza, tat-13 ta’ Frar 2003, Recueil des arrêts et décisions 2003-III, rikors Nru 49636/99, punt 77; Silvester’s Horeca Service vs Il-Belġju, tal-4 ta’ Marzu 2004, rikors Nru 47650/99, punt 27,, u Menarini Diagnostics vs L-Italja, tas-27 ta’ Settembru 2011 (rikors Nru 43509/08, punt 59.


59 –      Punti 68 sa 74 tar-rikors fl-ewwel istanza.


60 –      L-ilment l-ieħor jikkonċerna l-paragun tas-sitwazzjoni ta’ TCLT, bħala kumpannija parent ta’ WWTE intermedjarja fi ħdan il-grupp Standard, mas-sitwazzjoni ta’ Intabex, bħala kumpannija parent ta’ Agroexpansión intermedjarja fi ħdan il-grupp Dimon. TCLT akkużat lill-Kummissjoni li ttrattatha b’mod inqas favorevoli minn Intabex. Peress li l-Qorti Ġenerali laqgħet l-argument ta’ TCLT fuq dan il-punt u annullat, għaldaqstant, id-deċiżjoni kontenzjuża, l-appellanti ma kellhomx għalfejn jerġgħu jressqu dan il-punt fil-kuntest tal-appell.


61 –      Punti 141 sa 150, u, b’mod partikolari, il-punt 146, tar-replika.


62 –      L-aħħar sentenza tal-punt 52 tas-sentenza appellata. Dwar l-eżami tal-problema li tirrigwarda d-diskriminazzjoni, ara l-punti 157 sa 159, 195 sa 197 u 218 tas-sentenza appellata.


63 –      Sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, Ġabra p. I‑11245, punt 53), u tas-17 ta’ Diċembru 2009, Reviżjoni M vs EMEA (C‑197/09 RX-II, Ġabra p. I‑12033, punt 42).


64 –      Sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 61). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1960, Präsident Ruhrkohlen-Verkaufsgesellschaft et vs L-Awtorità Għolja (36/59 sa 38/59 u 40/59, Ġabra p. 857, b’mod partikolari p. 895 u 896), kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 1984, Picciolo vs Il-Parlament (111/83, Ġabra p. 2323, punt 22).


65 –      Sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament (195/80, Ġabra p. 2861, punt 22); Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 463), kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 149).


66 –      Għad-dritt kriminali fis-sens strett, ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F (C‑550/09, Ġabra p. I-6213, punt 59). Fil-qasam kważi kriminali — f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni li tapplika għall-akkordji — ara s-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 463), kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 149).


67 –      Sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 152).


68 –      Sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, Ġabra p. I‑10807, punt 63); E u F (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66, punt 54), kif ukoll Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 147).


69 –      Dwar in-natura vinkolanti tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fuq il-Kummissjoni meta teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtiha l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, ara b’mod partikolari l-punti 48 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70 –      Premessa 376 tad-deċiżjoni kontenzjuża (irriprodotta fil-punt 29 tas-sentenza appellata).


71 –      Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li fiha jintqal li l-Kummissjoni għamlet il-kummenti tagħha fuq il-kwalità ta’ TCLT bħala “klijenta prinċipali” ta’ WWTE għall-ewwel darba fil-proċedura kontenzjuża, bl-ebda mod ma ġiet ikkontestata mill-partijiet fil-kuntest tal-appell.


72 –      L-ewwel sentenza tal-punt 196 tas-sentenza appellata.


73 –      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il-Kummissjoni (T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 414).


74 –      L-appellanti diġà indikaw, b’mod iktar preċiż, fil-proċedura fl-ewwel istanza, li huma ma jippretendux li l-Kummissjoni naqset illegalment milli żżomm responsabbli lil Universal, Universal Leaf, Sepi jew Intabex jew milli tindirizza lilhom id-deċiżjoni kontenzjuża (punt 86 tas-sentenza appellata). Dan ikkonfermawh fil-kuntest tal-appell.


75 –      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 145).


76 –      Kif jirriżulta mill-premessa 384 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet kompletament konxja ta’ din il-problema. F’din is-silta, hija tanalizza jekk Dimon kinitx is-suġġett ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla mal-kumpanniji parent ta’ membri oħra tal-akkordju.


77 –      Sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 96).


78 –      Punti 120 u 121 tas-sentenza appellata.


79 –      Punt 196 tas-sentenza appellata.


80 –      Sentenzi Il-Kummissjoni vs Cwik (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 27); British Aggregates vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 96); ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 179 u 180), kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher-Fleisch et (C‑47/10 P, Ġabra p. I-10707, punti 57, 58 u 99).


81 –      Fuq dan is-suġġett, ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


82 –      Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill (C‑76/01 P, Ġabra p. I‑10091, punt 52); tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑203/07 P, Ġabra p. I‑8161, punti 42 u 43), kif ukoll Arkema vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 31).


83 –      L-appellanti jirreferu għall-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 296 TFUE.


84 –      Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


85 –      Sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, Ġabra p. I-10329), punt 51), u Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑110/10 P, Ġabra p. I-10439, punt 46). Fl-istess sens, ara s-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 40); Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punt 117), kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, Ġabra p. I‑9761, punt 77).


86 –      F’dan ir-rigward, l-appellanti jirreferu għas-sentenza AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 50).


87 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ICI vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 133), Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 58); General Química et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 37); Arkema vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 38) u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 54).


88 –      Punt 166 tas-sentenza appellata.


89 –      Ara, dwar sussidjarja fil-100 %, is-sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 60) u General Química et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 39), kif ukoll, dwar sussidjarja fit-98 %, is-sentenzi Arkema vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 40 u 42) u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 56, 63 u 95).


90 –      Biex jiċċaraw il-kunċett tal-kontroll konġunt, AOI u SCTC jirreferu għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 3, p. 40).


91 –      Ara, fuq dan is-suġġett, il-punt 163 tas-sentenza appellata u wkoll il-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


92 –      L-appellanti kienu diġà indikaw, fil-proċedura fl-ewwel istanza, li, matul il-perijodu ta’ qabel Mejju 1998, huma ma kinux f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq WWTE (punt 55 tas-sentenza appellata). B’mod partikolari, huma kienu semmew il-fatt li “WWTE kienet ikkontrollata minn TCLT, minn naħa, u mill-president ta’ WWTE u l-familja tiegħu min-naħa l-oħra” (punt 56 tas-sentenza appellata), u enfasizzaw li “‘kontroll konġunt’ [...] ma jikkorrispondix għas-setgħa li tiġi eżerċitata influwenza determinanti” (punt 57 tas-sentenza appellata).


93 –      F’dan is-sens, ara s-sentenzi PKK u KNK vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 64 u 66); tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C‑295/07 P, Ġabra p. I‑9363, punt 99); Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 38 u 39), kif ukoll Elf Aquitane vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 36).


94 –      L-ewwel u t-tieni sentenzi tal-punt 165 tas-sentenza appellata.


95 –      F’dan is-sens, ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (C‑407/08 P, Ġabra p. I-6375, punt 108).


96 –      Punti 164 u l-aħħar sentenza tal-punt 165 tas-sentenza appellata.


97 –      Punti 167 sa 193 tas-sentenza appellata.


98 –      Sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 58); General Química et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 37 u 38), kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 54 u 55).


99 –      Punt 194 tas-sentenza appellata.


100 –      Sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, Ġabra I‑1981, punt 59); AceaElectrabel Produzione vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 113), kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 35).


101 –      Sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 165); PKK u KNK vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 61), kif ukoll Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 38).


102 –      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege japplika fid-dritt tal-Unjoni [sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, X, C‑60/02, Ġabra p. I‑651, punt 63; tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 49, u ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 80]. Bl-istess mod, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza ilu rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni [sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 149 u 150; tas-16 ta’ Lulju 2009, Rubach, C‑344/08, Ġabra p. I‑7033, punt 30, kif ukoll tat-23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, Ġabra p. I‑12073, punt 39], anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel ħalliet il-kwistjoni tal-applikabbiltà tiegħu bħala pendenti [sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni, 97/87 sa 99/87, Ġabra p. 3165, punt 56].


103 –      Premessa 37 tar-Regolament Nru 1/2003.


104 –      Fil-lingwa tal-proċedura “presumption of guilt”.


105 –      F’dan ir-rigward, ara inter alia, il-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), kif ukoll is-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 65) u l-punti 58 sa 64 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża li wasslet għal din l-aħħar sentenza. Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 132).


106 –      F’dan ir-rigward, ara l-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħi li wasslu għas-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2). Is-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 60 in fine u punt 70 in fine) tenfasizza wkoll li l-fatti u l-informazzjoni li jistgħu jirribattu l-preżunzjoni jiġu mill-isfera tal-impriża kkonċernata.


107 –      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2). Ara, fl-istess sens, is-sentenzi Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 132 sa 141); Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 77); General Química et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 34 sa 38); Arkema vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 37 sa 39), kif ukoll Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 53 sa 55 u 88)


108 –      Sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 77) kif ukoll il-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għal din l-istess sentenza. Ara, barra minn hekk, is-sentenza General Química et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 38).


109 –      Ara b’mod partikolari, il-punti 147 u 155 tas-sentenza appellata.


110 –      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1993, Il-Parlament vs Frederiksen (C‑35/92 P, Ġabra p. I‑991, punt 31), kif ukoll FIAMM et vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 19).


111 –      Sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 1993, Pincherle vs Il-Kummissjoni (C‑244/91 P, Ġabra p. I‑6965, punti 25 u 31); Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 148), kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar (C‑96/09 P, Ġabra p. I-2131, punt 211).


112 –      Punti 153 sa 160 tas-sentenza appellata. Ara, b’mod partikolari, il-punt 155, li fih il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Kummissjoni “bl-għan li tkun prudenti, ma bbażatx ruħha esklużivament fuq il-preżunzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza [...] iżda kkunsidrat ukoll punti oħra ta’ fatt intiżi sabiex jikkonfermaw dan l-eżerċizzju”.


113 –      Ara l-punt 155 tas-sentenza appellata.


114 –      Punti 159 u 160 tas-sentenza appellata.


115 –      Fuq dan is-suġġett, ara l-kummenti tiegħi fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-punti 37 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


116 –      Sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni (C‑19/93 P, Ġabra p. I‑3319, punt 13); Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 33), kif ukoll Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 22).


117 –      Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


118 –      Ara, fuq dan is-suġġett, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 87) kif ukoll Reviżjoni M vs EMEA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punti 59 u 69).


119 –      Kif sostna l-Avukat Ġenerali Léger fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Il-Parlament vs Gutiérrez de Quijano y Lloréns (C‑252/96 P, Ġabra p. I‑7421).


120 –      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Settembru 2004, UER vs M6 et (C‑470/02 P, punt 69), kif ukoll is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I-8533, punt 65).


121 –      Punt 155 tas-sentenza appellata. Ara wkoll il-premessa 373 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


122 –      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Petrides vs Il-Kummissjoni (C‑64/98 P, Ġabra p. I‑5187, punti 31 u 32), kif ukoll, fl-istess sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs de Nil u Impens (C‑259/96 P, Ġabra p. I‑2915, punt 31 in fine). Din il-kawża tiddistingwi ruħha fundamentalment minn dik li wasslet għas-sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punti 100 sa 102), fejn il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq ċerti partijiet mid-dokumenti tal-proċedura li ma kinux aċċessibbli għar-rikorrenti f’dik il-kawża u li lanqas ma setgħu jkunu s-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva.


123 –      Ara l-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


124 –      Sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 152).


125 –      Sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 152 flimkien mal-punt 149).


126 –      F’dan ir-rigward, ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


127 –      Kif diġà ġie indikat, dan ma kienx il-każ tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw il-kwalità ta’ TCLT bħala “klijenta prinċipali” tat-tabakk ipproċessat minn WWTE, li huma s-suġġett tat-tielet u r-raba’ aggravji fil-Kawża C-14/11 P (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 116 sa 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


128 –      Punt 155 tas-sentenza appellata. Ara wkoll il-premessi 373 u 376 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


129 –      Sentenzi Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 100, punt 59); tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot (C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punt 49), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (C‑548/09 P, Ġabra p. I-11381 , punt 122).


130 –      Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni (C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 98). Ara wkoll is-sentenza ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 153 u 154).


131 –      Ara, b’mod partikolari, l-argument tal-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-appell tagħha fil-Kawża C-14/11 P, li hija “rriċiklat” b’mod ġenerali matul ir-risposta tagħha fil-Kawża C-628/10 P. Bl-istess mod, AOI U SCTC, fir-risposta tagħhom fil-Kawża C-14/11 P, irriproduċew diversi argumenti li kienu diġà s-suġġett tal-appell tagħhom stess fil-Kawża C-628/10 P.


132 –      Sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni (C‑282/95 P, Ġabra p. I‑1503, punt 45); tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (C‑338/00 P, Ġabra p. I‑9189, punt 181), u tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni (C‑65/02 P u C‑73/02 P, Ġabra p. I‑6773, punt 99). Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2001, D u L-Isvezja vs Il-Kunsill (C‑122/99 P u C‑125/99 P, Ġabra p. I‑4319, punti 63 sa 65); tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punti 169 u 170), u tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, Ġabra p. I‑7671, punt 137), kif ukoll, dwar żewġ rikors diretti magħquda, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1992, Il-Portugall u Spanja vs Il-Kunsill (C‑63/90 u C‑67/90, Ġabra p. I‑5073, punt 56).