Language of document : ECLI:EU:C:2013:91

Kawża C‑561/11

Fédération Cynologique Internationale

vs

Federación Canina Internacional de Perros de Pura Raza

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Alicante y nº 1 de Marca Comunitaria)

“Trade marks Komunitarji — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 9(1) — Kunċett ta’ ‘terzi’ — Proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Frar 2013

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali — Evalwazzjoni tan-neċessità u tar-rilevanza tad-domandi magħmula

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli — Domandi mhux relatati mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali

(Artikolu 267 TFUE)

3.        Domandi preliminari — Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja — Domanda mqajma ex officio mill-qorti nazzjonali — Ammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE)

4.        Trade mark Komunitarja — Effetti tat-trade mark Komunitarja — Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark — Dritt ta’ projbizzjoni ta’ użu tat-trade mark — Kull terz — Kunċett — Proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti — Inklużjoni — Proċedimenti ta’ vjolazzjoni — Neċessità li persuna tistenna d-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja sussegwenti — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 9(1))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 26)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 27)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 30)

4.        L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt esklużiv tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja li jipprekludi lil kull terz milli juża fil-ħajja tan-negozju sinjali identiċi jew simili għat-trade mark tiegħu jestendi għat-terz li huwa l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti, mingħajr ma jkun neċessarju li l-invalidità ta’ din l-aħħar trade mark tiġi ddikjarata minn qabel.

Mill-kliem tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament u mill-istruttura ta’ dan tal-aħħar jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandu jkun jista’ jwaqqaf il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti milli jagħmel użu minnha. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti jibbenefika, huwa wkoll, minn dritt esklużiv skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ prijorità, li abbażi tiegħu t-trade mark Komunitarja preċedenti għandha tipprevali fuq it-trade mark Komunitarja sussegwenti. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 8(1) u 53 tar-Regolament li, fil-każ ta’ żewġ trade marks kunfliġġenti, dik irreġistrata l-ewwel hija preżunta li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tikseb il-protezzjoni Komunitarja qabel dik irreġistrata sussegwentement.

Huwa ċertament minnu li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji, kif stabbilita fl-Artikoli 36 sa 45 tar-Regolament, tinvolvi eżami fil-mertu intiż sabiex jiġi ddeterminat qabel ir-reġistrazzjoni jekk it-trade mark Komunitarja tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-protezzjoni. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma hijiex determinanti.

Minn naħa, minkejja l-garanziji mogħtija mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji, ma jistax jiġi eskluż kompletament li sinjal li jista’ jippreġudika trade mark Komunitarja preċedenti jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja preċedenti ma jkunx oppona skont l-Artikolu 41 tar-Regolament, jew meta din l-oppożizzjoni ma tkunx ġiet eżaminata fil-mertu mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 41.

Min-naħa l-oħra, l-possibbiltà, għall-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, li jiftaħ proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra l-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti ma jistax irendi mingħajr skop la t-tressiq ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-Uffiċċju u lanqas il-mekkaniżmi ta’ kontroll minn qabel disponibbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji.

Fl-aħħar nett, id-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament ingħata sabiex jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju ta’ din it-trade mark, jiġifieri sabiex jiżgura li din it-trade mark tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha. Issa, jekk il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti kellu, sabiex jipprekludi l-użu, minn terz, ta’ sinjal li jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark tiegħu, jistenna d-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark sussegwenti li l-imsemmi terz huwa l-proprjetarju tagħha, il-protezzjoni li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tagħtih tiddgħajjef b’mod kunsiderevoli.

(ara l-punti 37-40, 42, 44-46, 48, 50-52 u d-dispożittiv)