Language of document : ECLI:EU:C:2014:2066

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Lulju 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Protokoll Addizzjonali — Artikolu 41(1) — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadini Torok — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ il-prova ta’ konoxxenzi lingwistiċi bażiċi għall-membru tal-familja li jixtieq jidħol fit-territorju nazzjonali — Ammissibbiltà — Direttiva 2003/86/KE — Riunifikazzjoni tal-familja — Artikolu 7(2) — Kompatibbiltà”

Fil-Kawża C‑138/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Naime Dogan

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Frar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal N. Dogan, minn C. Käss, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff, C. Thorning u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer u M. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, kif ukoll minn M. Kellerbauer u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, li jikkonkludi l-Protokoll Addizzjonali u l-Protokoll Finanzjarju ffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 u mehmuż mal-Ftehim li jwaqqaf Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Europea u t-Turkija u li jikkonċerna l-miżuri li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem, il-“Protokoll Addizzjonali”). Dan il-Ftehim ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u tal-Komunità, min-naħa l-oħra, u ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”). It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn N. Dogan u l-Bundesrepublik Deutschland dwar iċ-ċaħda minn din tal-aħħar għall-applikazzjoni tagħha għall-ħruġ ta’ viża għar-riunifikazzjoni tal-familja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3        Mill-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jirriżulta li dan għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, in-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp mgħaġġel tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork.

4        Skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, “il-partijiet kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [39 KE], [40 KE] u [41 KE] sabiex gradwalment jinkiseb bejniethom il-moviment liberu tal-ħaddiema” u, skont l-Artikolu 13 ta’ dan il-Ftehim, dawn il-partijiet “jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [43 KE] sa [46 KE] inklużi u l-Artikolu [48 KE] sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet li jeżistu bejniethom fuq il-libertà ta’ stabbiliment”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Protokoll Addizzjonali

5        Skont l-Artikolu 62 tal-Protokoll Addizzjonali, dan jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

6        L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jipprovdi:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi.”

 Id-Direttiva 2003/86

7        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

8        L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

a)      il-konjugi ta’ l-isponsor;

[...]”

9        Skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal dħul u residenza ta’ membri tal-familja għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurta pubblika u saħħa pubblika.”

10      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/86/KE huwa redatt kif ġej:

“1. Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu:

a)      akkomodazzjoni meqjusa bħala normali għal familja komparabbli fl-istess reġjun u li tissodisfa l-istandards ġenerali ta’ saħħa u sigurta fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat;

b)      assigurazzjoni kontra l-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu stess fl-Istat Membru kkonċernat għalih innifsu/għaliha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha;

(ċ)       riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Stati Membri għandhom jistmaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarita tagħhom u jistgħu jqisu il-livell ta’ pagi minimi nazzjonali u penjonijiet kif ukoll in-numru ta’ membri tal-familja.

2.      L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jikkonformaw ruħhom mal-miżuri ta’ integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.

Fir-rigward tar-refuġjati u/jew membri tal-familja ta’ refuġjati li jirreferi għalihom l-Artikolu 12 il-miżuri ta’ integrazzjoni li jirreferi għalihom l-ewwel subparagrafu jistgħu biss ikunu applikati meta l-persuni kkonċernati jkunu ngħataw ir-riunifikazzjoni tal-familja.”

11      L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

 Id-dritt Ġermaniż

12      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-ħruġ tal-viża mitluba huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet segwenti tal-Liġi dwar ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet,), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-komunikazzjoni tal-25 ta’ Frar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 162), kif emendata permezz tal-Artikolu 2 tal-Liġi tal-21 ta’ Jannar 2013 (BGBl. 2013 I, p. 86, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-residenza tal-barranin”).

13      Skont l-Artikolu 2(8) ta’ din il-liġi:

“Konoxxenza bażika tal-lingwa Ġermaniża tikkorrispondi għal-livell A 1 tal-[...] qafas komuni Ewropew ta’ referenza għal-lingwi (rakkomandazzjonijiet tal-kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa Nru R (98) 6, tas-17 ta’ Marzu 1998, dwar il-qafas komuni ta’ referenza għal-lingwi).”

14      L-Artikolu 27(1) tal-Liġi dwar ir-residenza tal-barranin jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-protezzjoni taż-żwieġ u tal-familja, misjuba fl-Artikolu 6 tal-Kostituzzjoni Ġermaniża (Grundgesetz), il-permess ta’ residenza għal żmien determinat jista’ jinħareġ u jiġġedded sabiex tiġi stabbilita jew tinżamm, għal benefiċċju tal-membri tal-familja barranin, il-komunità tal-ħajja tal-familja fit-territorju federali (riunifikazzjoni tal-familja).”

15      Taħt it-titolu “Riunifikazzjoni tal-konjuġi”, l-Artikolu 30 tal-Liġi dwar ir-residenza tal-barranin huwa redatt kif ġej:

“1. Permess ta’ residenza għal żmien determinat għandu jinħareġ lil konjuġi ta’ persuna barranija meta:

1)      iż-żewġ konjuġi jkunu laħqu l-età ta’ 18-il sena,

2)      il-konjuġi jkun jaf jesprimi ruħu bil-Ġermaniż, għallinqas bi kliem sempliċi u

3)      il-barrani

a)      ikollu permess ta’ residenza għal żmien indeterminat [...]

Il-permess ta’ residenza għal żmien determinat jista’ jinħareġ minkejja l-punti 1 u 2 tal-ewwel sentenza, meta

1.      Il-persuna barranija jkollha permess ta’ residenza skont l-Artikoli 19 sa 21 ta’ din il-liġi [permess ta’ residenza għal ċerti attivitajiet bi skop ta’ lukru] u ż-żwieġ kien diġà jeżisti meta l‑persuna barranija stabbilixxiet ir-residenza ordinarja prinċipali tagħha fit-territorju federali [...];

Il-permess ta’ residenza għal żmien determinat jista’ jinħareġ minkejja l-punt 2 tal-ewwel sentenza meta

1)      [...]

2)      il-konjuġi ma jkunx jista’, minħabba mard jew diżabbiltà fiżika, mentali jew psikoloġika, jipprova li għandu konoxxenza bażika tal-Ġermaniż;

[...]”

16      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ewwel sentenza tal-punt 2 tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi dwar ir-residenza tal-barranin ġiet introdotta bil-liġi intiża li tittrasponi d-direttivi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-dritt ta’ residenza u ta’ ażil (Gesetz zur Umsetzung aufenthalts- und asylrechtlicher Richtlinien der Europäischen Union) tad-19 ta’ Awwissu 2007 (BGBl. 2007 I, p. 1970).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija ċittadina Torka li twieldet fit-Turkija fl-1970 u residenti f’dan il-pajjiż. Hija applikat għall-ħruġ ta’ viża għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ żewġha li twieled fl-1964, ukoll ċittadin Tork, li ilu jgħix fil-Ġermanja mill-1998.

18      Mis-sena 2002, is-Sur Dogan għandu permess ta’ residenza għal żmien determinat li sussegwentement sar permess ta’ residenza għal żmien indeterminat. Huwa jamministra kumpannija b’responsabbiltà limitata u huwa l-azzjonist maġġoritarju tagħha. Sa llum huwa għadu jeżerċita din l-attività.

19      Fit-18 ta’ Jannar 2011, N. Dogan applikat mal-ambaxxata Ġermaniża f’Ankara (it-Turkija) għall-ħruġ ta’ viża għar-riunifikazzjoni tal-konjuġi u t-tfal, għaliha u, fl-ewwel stadju, għal tnejn mit-tfal tagħha. Hija, b’mod partikolari, ehmżet għal dan il-għan attestazzjoni tal-istitut Goethe dwar test ta’ lingwa ta’ livell A1 li hija għamlet fit-28 ta’ Settembru 2010 u li għaddiet bil-marka “suffiċjenti” (62 punt minn 100). Ir-riżultati tagħha fil-parti bil-miktub tat-test kienu ta’ 14.11 punt minn 25.

20      Skont l-ambaxxata tal-Ġermanja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija madankollu analfabeta. Hija għaddiet it-test billi mmarkat b’mod każwali t-tweġibiet ta’ kwestjonarju b’għażliet multipliċi u tgħallmet bl-amment u rriproduċiet it-tliet sentenzi tipiċi.

21      Fin-nuqqas ta’ prova dwar il-konoxxenzi tal-lingwa Ġermaniża, l-ambaxxata tal-Ġermanja ċaħdet it-talba ta’ N. Dogan b’deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2011. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kkontestatx din id-deċiżjoni, iżda ppreżentat għaliha biss, quddiem l-istess ambaxxata, fis‑26 ta’ Lulju 2001, applikazzjoni ġdida għall-ħruġ ta’ permess ta’ viża, għar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni li mill-ġdid ġiet miċħuda minn din l-ambaxxata b’deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2011.

22      Wara talba għal eżami mill-ġdid (“Oġġezzjoni”) imressqa minn N. Dogan permezz ta’ avukat fil-15 ta’ Novembru 2011, l-ambaxxata tal-Ġermanja f’Ankara annullat id-deċiżjoni inizjali u ssostitwixxietha bid-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2012 dwar l-”Oġġezzjoni”, li tiċħad ukoll din it-talba peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandhiex konoxxenzi lingwistiċi neċessarji għaliex hija analfabeta.

23      Peress li N. Dogan tqis li hija għandha l-konoxxenzi lingwistiċi neċessarji u tqis, barra minn hekk, li l-prova tar-rikonoxxenza tal-lingwa Ġermaniż tikser il-projbizzjoni tar-reformatio in peius imnissla mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, hija ppreżentat quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin rikors kontra d-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2012.

24      Huwa f’dan il-kuntest li l-Verwaltungsgericht Berlin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)       L-Artikolu 4(1) tal-Protokoll addizzjonali [...] dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu tul il-fażi tranżitorja tal-assoċjazzjoni mwaqqfa bil-ftehim [ta’ Assoċjazzjoni] jipprekludi dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali introdotta għall-ewwel darba wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq li tipprovdi li, sabiex ikun jista’ jidħol għall-ewwel darba fit-territorju [tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja], membru tal-familja ta’ ċittadin Tork li għandu l-istatus mogħti permezz tal-Artikolu 4(1) tal-Protokoll addizzjonali għandu jipprova minn qabel li huwa jista’ jesprimi ruħu, b’mod sempliċi, bil-Ġermaniż?

2)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva [2003/86] [...] jipprekludi d-dispożizzjoni nazzjonali msemmija fl-ewwel domanda?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola ta’ “standstill” stabbilita f’din id-dispożizzjoni tipprekludi miżura tad-dritt nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi protokoll addizzjonali fl-Istat Membru kkonċernat, li timponi fuq il-konjuġi taċ-ċittadini Torok residenti fl-imsemmi Stat Membru, li jixtiequ jidħlu fit-territorju ta’ dan l-Istat abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, il-kundizzjoni li juri bil-quddiem il-kisba ta’ konoxxenzi lingwistiċi bażiċi tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru.

26      Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-klawżola ta’ “standstill” imsemmija fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura interna ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih fid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Ġie wkoll irrikonoxxut li din id-dispożizzjoni tipprekludi l-adozzjoni, mid-data tad-dħul fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti tal-att legali li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnu, ta’ kwalunkwe restrizzjonijiet ġodda għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, inklużi dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet sostantivi u/jew proċedurali dwar l-ewwel dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ta’ ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu hemmhekk mill-imsemmija libertajiet ekonomiċi (sentenza Oguz, C‑186/10, EU:C:2011:509, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fl-aħħar nett, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, irrispettivament jekk huwiex permezz tal-libertà ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa biss sa fejn hija tikkostitwixxi l-korollarju tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li l-klawżola ta’ “standstillˮ tista’ tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini Torok fit-territorju tal-Istati Membri (sentenza Demirkan, C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 55).

29      F’din il-kawża, huwa paċifiku li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet introdotta wara l-1 ta’ Jannar 1973, data tad-dħul fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat tal-Protokoll Addizzjonali, u twassal, fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja, għal kundizzjonijiet ta’ dħul iktar restrittivi minn dawk li kienu hemm qabel, għall-konjuġi tal-barranin residenti f’dan l-Istat Membru, b’mod li trendi l-imsemmi riunifikazzjoni iktar diffiċli.

30      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li N. Dogan tixtieq tidħol fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, mhux biex tuża l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment, iżda biex tingħaqad mar-raġel tagħha li jirrisjedi hemm, sabiex ikollha ħajja ta’ familja miegħu.

31      Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li s-Sur Dogan huwa ċittadin Tork, li ilu jirrisjedi fl-Istat Membru kkonċernat mis-sena 1998 u li, bħala amministratur ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata li tagħha huwa hu l-azzjonist maġġoritarju, għandu dħul li jirriżulta minn attività mhux bil-paga (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asscher, C‑107/94, EU:C:1996:251, punt 26). F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni tas-Sur Dogan taqa’ taħt il-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment.

32      Għalhekk, fil-kawża prinċipali, il-konformità jew le tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-klawżola ta’ “standstill” stabbilita fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment imwettaq mis-Sinjur Dogan.

33      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja, l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida li tirrestrinġi l-kundizzjonijiet tal-ewwel dħul tal-konjuġi ta’ ċittadini Torok li jirrisjedu fi Stat Membru, meta mqabbla ma’ dawk applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll Addizzjonali fl-Istat Membru kkonċernat, tistax tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” għal-libertà ta’ stabbiliment tal-imsemmija ċittadini Torok, fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-riunifikazzjoni tal-familja tikkostitwixxi mezz indispensabbli sabiex tippermetti l-ħajja tal-familja għall-ħaddiema Torok li jappartjenu għas-suq tal-impjieg tal-Istati Membri, u tikkontribwixxi kemm biex ittejjeb il-kwalità tar-residenza tagħhom kif ukoll l-integrazzjoni tagħhom f’dawn l-Istati (ara s-sentenza Dülger, C‑451/11, EU:C:2012:504, punt 42).

35      Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ ċittadin Tork li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor biex fih jeżerċita attività ekonomika b’mod stabbli tista’ tiġi influwenzata b’mod negattiv meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru jrendi diffiċli jew impossibbli r-riunifikazzjoni tal-familja, b’mod li l-imsemmi ċittadin jista’, jekk ikun il-każ, jiġi obbligat li jagħżel bejn l-attività tiegħu f’dan l-Istat Membru kkonċernat jew il-ħajja ta’ familja tiegħu fit-Turkija.

36      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li trendi riunifikazzjoni tal-familja iktar diffiċli billi tirrestrinġi l-kundizzjonijiet tal-ewwel dħul, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, għall-konjuġi ta’ ċittadini Torok meta mqabbla ma’ dawk applikabbli fid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, għat-twettiq tal-libertà ta’ stabbiliment mill-imsemmija ċittadini Torok.

37      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li restrizzjoni li għandha bħala għan jew effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-libertà ta’ stabbiliment fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali hija pprojbita ħlief jekk din tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jekk meħtieġa biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’analoġija, is-sentenza Demir, C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 40).

38      F’dan ir-rigward, anki jekk jiġi preżunt li l-motivi esposti mill-Gvern Ġermaniż, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ żwiġijiet forzati u l-promozzjoni tal-integrazzjoni, jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, xorta jibqa’ l-fatt li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex, sa fejn in-nuqqas ta’ prova tal-kisba ta’ konoxxenzi lingwistiċi suffiċjenti twassal awtomatikament għaċ-ċaħda tat-talba ta’ riunifikazzjoni tal-familja, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti partikolari ta’ kull każ.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola ta’ “standstill” stabbilita f’din id-dispożizzjoni tipprekludi miżura tad-dritt nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi protokoll addizzjonali fl-Istat Membru kkonċernat, li timponi fuq il-konjuġi ta’ ċittadini Torok residenti fl-imsemmi Stat Membru, li jixtiequ jidħlu fit-territorju ta’ dan l-Istat għar-riunifikazzjoni tal-familja, il-kundizzjoni li jipproduċu prova bil-quddiem tal-kisba ta’ konoxxenzi lingwistiċi bażiċi tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru.

 Fuq it-tieni domanda

40      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, li jikkonkludi l-Protokoll Addizzjonali u l-Protokoll Finanzjarju ffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 u mehmuż mal-Ftehim li jwaqqaf Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Europea u t-Turkija u li jikkonċerna l-miżuri li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni tagħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola ta’ “standstill” stabbilita f’din id-dispożizzjoni tipprekludi miżura tad-dritt nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi protokoll addizzjonali fl-Istat Membru kkonċernat, li timponi fuq l-konjuġi ta’ ċittadini Torok residenti fl-imsemmi Stat Membru, li jixtiequ jidħlu fit-territorju ta’ dan l-Istat għar-riunifikazzjoni tal-familja, il-kundizzjoni li jipproduċu prova bil-quddiem tal-kisba ta’ konoxxenzi lingwistiċi bażiċi tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.