Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta’ April 2016 minn SolarWorld AG mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-1 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-141/14, SolarWorld AG et vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-204/16 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: SolarWorld AG (rappreżentanti: L. Ruessmann, avukat, J. Beck, Solicitor)

Partijiet oħra fil-proċedura: Brandoni solare SpA, Solaria Energia y Medio Ambiente, SA, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products (CCCME) [kamra tal-kummerċ Ċiniża għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni ta’ makkinarju u ta’ prodotti elettroniċi]

Talbiet

tikkonstata li l-appell huma ammissibbli u fondat;

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-141/14;

tiddeċiedi fuq il-mertu u tannulla l-Artikolu 3 tar-Regolament 1238/2013, jew tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors għal annullament; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1238/2013 1 huwa indissoċjabbli mill-kumplament ta’ dan ir-regolament. Bdil fil-forma tal-miżuri ma jbiddilx il-portata tar-Regolament li jimponihom. Il-portata tad-dazju kumpensatorju jkopri l-importazzjonijiet kollha tal-produtturi li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat li kienu pparteċipaw f’dumping dannuż, u l-għan tagħhom, irrispettivament mill-forma, huwa li jkunu xierqa sabiex jiġi evitat id-dannu mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni Ewropea. Din il-portata ma tinbidilx bl-annullament tal-Artikolu 3.

Id-digriet appellat jikser id-dritt tal-appellanti skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li jiċħad lill-industrija tal-Unjoni Ewropea azzjoni ġudizzjarja fil-qasam tad-difiża kummerċjali minn miżuri definittivi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, id-digriet appellat jikser id-dritt tal-appellanti skont l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi jpoġġi lill-produtturi-esportaturi f’pożizzjoni aħjar mill-industrija tal Unjoni Ewropea, peress li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi d-dritt tagħhom li jippreżentaw appell.

____________

1 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013, tat-2 ta’ Diċembru 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 325, p. 1).