Language of document : ECLI:EU:C:2007:604

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Ottubru 2007(*)

“Direttiva 2000/78/KE − Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol − Portata − Ftehim kollettiv li jipprovdi għat-tmiem ex lege tar-relazzjoni ta’ impjieg meta l-ħaddiem jilħaq l-età ta’ 65 sena u jibbenefika minn pensjoni ta’ l-irtirar − Diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età − Ġustifikazzjoni”

Fil-kawża C‑411/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de lo Social Nru 33 ta’ Madrid (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Novembru 2005, fil-kawża

Félix Palacios de la Villa

vs

Cortefiel Servicios SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u A. Tizzano, Presidenti ta’ Awla, R. Schintgen (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, P. Lindh, J.-C. Bonichot u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F. Palacios de la Villa, minn P. Bernal de Pablo Blanco, abogado,

–        għal Cortefiel Servicios SA, minn D. López González, abogado,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. Travers u F. O’Dubhghaill, BL, kif ukoll minn M. McLaughlin u N. McCutcheon, solicitors,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Mol kif ukoll minn P. P. J. van Ginneken, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn A. Dashwood, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Enegren u R. Vidal Puig, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13 KE u ta’ l-Artikoli 2(1) u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, p. 16).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kawża bejn is-Sur Palacios de la Villa u l-persuna li timpjegah Cortefiel Servicios SA (iktar ’il quddiem “Cortefiel”), dwar it-tmiem ex lege tal-kuntratt ta’ l-impjieg tiegħu minħabba l-fatt li kien laħaq il-limitu ta’ età, stabbilita għal 65 sena mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għall-irtirar obbligatorju ta’ ħaddiem.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Id-Direttiva 2000/78 ġiet adottata abbażi ta’ l-Artikolu 13 KE. Ir-raba’, is-sitt, it-tmien, id-disa', il-ħdax sa l-erbatax, il-ħamsa u għoxrin u s-sitta u tletin premessi tagħha jipprovdu:

“(4)      Id-dritt tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni minn diskriminazzjoni jikonstitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda [tan-Nazzjonijiet Uniti] dwar l-Elimazzjoni tal-Forom Kollha tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, mill-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet [Fundamentali], iffirmata mill-Istati Membri kollha. Il-Konvenzjoni Nru 111 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol.

[…]

(6)      Il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema tirrikonoxxi l-importanza li tiġi kumbattuta kull forma ta’ diskriminazzjoni, kif ukoll il-bżonn li tittieħed azzjoni approprjata għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika ta’ nies anzjani u b’dizabilità.

[…]

(8)      Il-Linji Gwida ta’ l-Impjieg għall-2000 miftehma mill-Kunsill Ewropew f’Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999 emfasizzaw il-bżonn li jiġi promoss suq tax-xogħol favorevoli għall-integrazzjoni soċjali permezz tal-formolazzjoni ta’ għadd ta’ linji politiċi koerenti bl-iskop li jikkumbattu diskriminazzjoni kontra gruppi bħal ta’ persuni b’diżabilità. Jenfasizzaw wkoll il-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lis-sostenn ta’ ħaddiema anzjani, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol.

(9)      L-Impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu f’miżura wiesgħa għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

[…]

(11)      Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)      B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji [l-oqsma] koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti fil-Komunità kollha. […]

(13)      Din id-Direttiva ma tapplikax għas-sigurtà soċjali u għal skemi ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom mhumiex ittrattati bħala qligħ fis-sens mogħti lil dik l-espressjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 141 ta’ t-Trattat tal-KE, lanqas għal ebda tip ta’ pagament mill-Istat bl-iskop li jipprovdi aċċess għall-impjieg jew li jżomm l-impjieg.

(14)      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabilixxu l-età ta’ l-irtirar.

[…]

(25)      Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.

[…]

(36)      L-Istati Membri jistgħu jafdaw lill-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, dwar id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ftehim kollettiv, sakemm jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li [f’]kull ħin jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva.”

4        Skond l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha “l-iskop […] li tniżżel parametru [tistabbilixxi qafas] ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2(a) tiegħu:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għa[l xi waħda mi]r-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1”.

6        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

7        Skond l-Artikolu 6 ta’ l-istess Direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”:

“1.      Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għan[i]jiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)      l-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

(ċ)      l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.

2.      Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji [attwarjali] fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

8        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Ħtiġiet minimi”, jaqra kif ġej:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew jikkonservaw dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-Direttiva.

2.      L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandha taħt l-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi bażi għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra diskriminazzjoni diġà mogħtija mill-Istati Membri fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.”

9        L-Artikolu 16 ta’ l-imsemmija direttiva, intitolat “Il-konformità”, jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

(a)      kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti;

(b)      kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti [jew fi] ftehim kollettiv, [f]ir-regoli interni ta’ impriżi jew [fir-]regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet indipendenti u l-professjonijiet u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu huma, jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati.”

10      Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri kellhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003 jew setgħu jafdaw l-imsieħba soċjali bl-implementazzjoni ta’ din id-direttiva għar-rigward ta’ dispożizzjonijet dwar ftehim kollettivi. Madankollu, f’dawn il-każijiet, huma kellhom jiżguraw illi, mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003, l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji bi ftehim, u l-Istati Membri kkoncernati kienu meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex fi kwalunkwe ħin ikunu f’pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva. Barra minn dan, huma kellhom jinfurmaw lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bihom minnufih.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11      Mill-1980 sa l-2001, il-leġiżlatur Spanjol għamel użu mill-mekkaniżmu ta’ l-irtirar obbligatorju ta’ ħaddiema li laħqu ċerta età sabiex inaqqas il-qgħad.

12      Għalhekk, il-Ħames Dispożizzjoni Addizzjonali tal-Liġi 8/1980 dwar l-Istatut tal-Ħaddiema (Ley 8/1980 del Estatuto de los Trabajadores), ta’ l-10 ta’ Marzu 1980, kienet tiddisponi li:

“Il-limitu massimu ta’ l-età applikabbli għall-kapaċità għax-xogħol u għat-tmiem tal-kuntratti ta’ impjieg għandu jiġi ffissat mill-Gvern b’referenza għar-riżorsi tas-sistema tas-sigurtà soċjali u tas-suq tax-xogħol. F’kull każ, l-età massima hija ffissata għal 69 sena, mingħajr preġudizzju għad-dritt li jkunu kkompletati l-perijodi ta’ kwalifikazzjoni għall-pensjoni ta’ l-irtirar.

L-etajiet ta’ l-irtirar jistgħu jiġu miftiehma liberament permezz ta’ negozjati kollettivi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali f’dak ir-rigward.”

13      Id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995, ta’ l-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), approva t-test konsolidat tal-Liġi 8/1980, li l-Għaxar Dispożizzjoni Addizzjonali tagħha (iktar ’il quddiem l-“Għaxar Dispożizzjoni Addizzjonali”) essenzjalment irriproduċiet il-Ħames Dispożizzjoni Addizzjonali ta’ l-imsemmija liġi li tippermetti l-użu ta’ l-irtirar obbligatorju bħala strument fl-implementazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi.

14      Id-Digriet-Liġi 5/2001, tat-2 ta’ Marzu 2001, dwar miżuri urġenti għar-riforma tas-suq tax-xogħol sabiex jiżdiedu l-impjiegi u titjieb il-kwalità tagħhom, ikkonvalidat mil-Liġi 12/2001, tad-9 ta’ Lulju 2001, ħassar l-Ġħaxar Dispożizzjoni Addizzjonali, b’effett mill-11 ta’ Lulju 2001.

15      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi li, minħabba titjib fis-sitwazzjoni ekonomika, il-leġiżlatur Spanjol waqaf iqis l-irtirar obbligatorju bħala strument li jiffavorixxi l-politika dwar l-impjiegi u beda jikkunsidra din il-miżura bħala piż fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali, tant li ddeċieda jibdel il-politika li tinkoraġġixxi l-irtirar obbligatorju b’miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ rtirar flessibbli.

16      L-Artikoli 4 u 17 tal-Liġi 8/1980, fil-verżjoni emendata tagħhom li tirriżulta mil-Liġi 62/2003, tat-30 ta’ Diċembru 2003, li tistabbilixxi miżuri fiskali, amministrattivi u ta’ natura soċjali (BOE Nru 313, tal-31 ta’ Diċembru 2003, p. 46874, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), li tipprovdi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 fil-liġi Spanjola u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004, jirrigwardaw il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, b’mod partikolari fuq bażi ta’ età.

17      Skond l-Artikolu 4(2) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema:

“Il-ħaddiema għandhom id-dritt, fil-kuntest ta’ l-impjieg:

[…]

(ċ)      li ma jiġux iddiskriminati direttament jew indirettament meta jiġu impjegati, jew fil-kors ta’ l-impjieg tagħhom, minħabba s-sess, l-istat ċivili, l-età fil-limiti stabbiliti minn din il-liġi, ir-razza jew l-oriġini etnika, il-kundizzjoni soċjali, ir-reliġjon jew twemmin, l-opinjonijiet politiċi, l-orjentament sesswali, l-isħubija jew in-nuqqas ta’ sħubija f’sindakat, kif ukoll minħabba l-lingwa, fit-territorju Spanjol. Il-ħaddiema m’għandhomx jiġu ddiskriminati minħabba l-inkapaċità tagħhom, sakemm ikollhom il-kapaċità li jwettqu x-xogħol jew l-impjieg in kwistjoni.

[…].”

18      L-Artikolu 17(1) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema jiddisponi li:

“Huma meqjusa nulli u bla effett id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, il-klawżoli fi ftehim kollettivi, il-kuntratti individwali u d-deċiżjonijiet unilaterali ta’ min iħaddem li joħolqu direttament jew indirettament diskriminazzjoni negattiva bbażata fuq l-età […]”

19      Skond il-qorti tar-rinviju, it-tħassir ta’ l-Għaxar Dispożizzjoni Addizzjonali ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema ta lok għal diversi kawżi rigward il-kwistjoni tal-validità tal-klawżoli fi ftehim kollettivi li jawtorizzaw l-irtirar obbligatorju tal-ħaddiema.

20      Sussegwentement, il-leġiżlatur Spanjol adotta l-Liġi 14/2005 dwar klawżoli fi ftehim kollettivi dwar meta tintlaħaq l-età normali ta’ rtirar (Ley 14/2005 sobre las cláusulas de los convenios colectivos referidas al cumplimiento de la edad ordinaria de jubilación), ta’ l-1 ta’ Lulju 2005 (BOE Nru 157, tat-2 ta’ Lulju 2005, p. 23634), li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Lulju 2005.

21      Din il-liġi ta’ l-aħħar reġgħet daħħlet il-mekkaniżmu ta’ l-irtirar obbligatorju, iżda f’dan ir-rigward ipprovdiet kundizzjonijiet differenti skond jekk kinitx tapplika s-sistema definittiva jew is-sistema tranżitorja ta’ din il-liġi.

22      Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-ftehim kollettivi konklużi wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmija liġi, l-Artikolu waħdani ta’ din ta’ l-aħħar reġa’ daħħal l-Għaxar Dispożizzjoni Addizzjonali kif ġej:

“Il-ftehim kollettivi jistgħu jinkludu klawżoli li jipprovdu għat-tmiem ta’ kuntratt ta’ l-impjieg minħabba li l-ħaddiem ikun laħaq l-età normali ta’ rtirar stipulata fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali, sakemm jiġu sodisfatti r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      Tali miżura trid tkun marbuta ma’ għanijiet li jkunu konsistenti mal-politika dwar l-impjiegi u jkunu stabbiliti fil-ftehim kollettiv, bħalma huma aktar stabbiltà fl-impjiegi, il-konverżjoni tal-kuntratti temporanji f’kuntratti permanenti, is-sostenn ta’ l-impjiegi, ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda, jew kwalunkwe għan ieħor li huwa mmirat lejn il-promozzjoni tal-kwalità ta’ l-impjiegi;

(b)      Ħaddiem li l-kuntratt ta’ l-impjieg tiegħu jiġi terminat irid ikun ikkompleta l-perijodu minimu ta’ kontribuzzjonijiet, jew perijodu itwal jekk ikun hemm klawżola li tgħid hekk fil-ftehim kollettiv, u jrid ikun issodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali sabiex ikun intitolat għal pensjoni ta’ rtirar taħt l-iskema kontributorja tiegħu.”

23      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ftehim kollettivi konklużi qabel ma daħlet fis-seħħ il-Liġi 14/2005, id-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija ta’ din ta’ l-aħħar (iktar ’il quddiem id-“Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija”) timponi biss it-tieni waħda miż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjoni ċċitata fil-punt preċedenti, u teskludi kull referenza għat-tfittxija li jintlaħaq għan relattiv għall-politika dwar l-impjiegi.

24      Id-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija fil-fatt taqra kif ġej:

“Il-klawżoli fi ftehim kollettivi konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-Liġi, li jipprovdu għat-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ impjieg fejn il-ħaddiema jkunu laħqu l-età normali ta’ rtirar, għandhom jitqiesu legali sakemm il-ftehim jistipula li l-ħaddiema kkonċernati jridu jkunu kkompletaw il-perijodu minimu ta’ kontribuzzjonijiet u li jridu jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali sabiex ikunu intitolati għal pensjoni ta’ rtirar taħt l-iskema kontributorja tagħhom.

Il-paragrafu preċedenti ma japplikax għas-sitwazzjonijiet legali li saru definittivi qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi.”

25      Ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali huma regolati mill-Ftehim Kollettiv dwar il-Kummerċ fit-Tessuti għall-Komunità ta’ Madrid (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv”).

26      Il-ftehim kollettiv ġie konkluż fl-10 ta’ Marzu 2005 u ppubblikat fis-26 ta’ Mejju 2005. Skond l-Artikolu 3 tiegħu, huwa baqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2005. Billi dan il-ftehim jippreċedi d-dħul fis-seħħ tal-Liġi 14/2005, hija d-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija li hija applikabbli għalih.

27      L-Artikolu 19(3) tal-ftehim kollettiv fil-fatt jiddisponi li:

“Bil-għan li jiġu inkoraġġiti l-impjiegi, qed jiġi miftiehem li l-età ta’ rtirar għandha tkun ta’ 65 sena ħlief jekk il-ħaddiem ikkonċernat ma jkunx ikkompleta l-perijodu meħtieġ sabiex jikkwalifika għall-pensjoni ta’ rtirar, f’liema każ il-ħaddiem jista’ jkompli fl-impjieg tiegħu sakemm jikkompleta dan il-perijodu.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28      Jirriżulta mill-inkartament mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, li s-Sur Palacios de la Villa, li twieled fit-3 ta’ Frar 1940, ħadem għal Cortefiel mis-17 ta’ Awissu 1981 bħala maniġer organizzattiv.

29      B’ittra tat-18 ta’ Lulju 2005, Cortefiel informatu bit-tmiem ex lege tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu minħabba li kien laħaq l-età ta’ l-irtirar obbligatorju previst fl-Artikolu 19(3) tal-ftehim kollettiv u li, fit-2 ta’ Lulju 2005, kienet ġiet ippubblikata l-Liġi 14/2005 li, fid-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija tagħha, tawtorizza tali miżura.

30      Huwa paċifiku li, fid-data li fiha t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu ma’ Cortefiel ġiet innotifikata lilu minn din ta’ l-aħħar, is-Sur Palacios de la Villa kien ikkompleta l-perijodi necessarji ta’ xogħol sabiex jibbenefika minn pensioni ta’ l-irtirar imħallsa mis-sigurtà sociali u li tammonta għal 100% tal-bażi kontributorja tiegħu ta’ EUR 2 347.78, mingħajr preġudizzju għal-limiti massimi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

31      Billi s-Sur Palacios de la Villa qies li l-imsemmija notifika kienet ekwivalenti għal sensja, fid-9 ta’ Awwissu 2005 huwa ressaq rikors kontriha quddiem il-Juzgado de lo Social Nru 33 ta’ Madrid. Fir-rikors tiegħu, huwa jitlob li l-miżura li għaliha kien suġġett tiġi ddikjarata nulla u bla effett, minħabba li tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu u, b’mod partikolari, id-dritt tiegħu għal non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, billi din il-miżura hija bbażata biss fuq il-fatt li huwa kien laħaq l-età ta’ 65 sena.

32      Min-naħa l-oħra, Cortefiel issostni li t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tas-Sur Palacios de la Villa hija konformi ma’ l-Artikolu 19(3) tal-ftehim kollettiv kif ukoll mad-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija u li, barra minn hekk, hija ma kinitx inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju.

33      Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li għandha dubji serji fir-rigward tal-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ l-ewwel paragrafu tad-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija, billi dan il-paragrafu jawtorizza ż-żamma ta’ klawżoli fi ftehim kollettivi, li kienu jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi 14/2005, li jipprovdu għall-irtirar obbligatorju ta’ ħaddiema, sakemm dawn ta’ l-aħħar ikunu laħqu l-età prevista għall-irtirar u jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali għall-jedd għal pensjoni ta’ rtirar skond is-sistema kontributorja. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg minħabba li ntlaħqet l-età ta’ l-irtirar tkun immotivata mill-politika dwar l-impjiegi ta’ l-Istat Membru kkonċernat, meta l-ftehim negozjati wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmija liġi jistgħu jinkludu klawżoli ta’ rtirar obbligatorju biss jekk, minbarra l-kundizzjoni dwar id-dritt għal pensjoni tal-ħaddiema kkonċernati, din il-miżura tfittex li tilħaq għanijiet, ifformulati fil-ftehim kollettiv, li huma marbuta mal-politika nazzjonali dwar l-impjiegi, bħalma huma aktar stabbiltà fl-impjiegi, il-konverżjoni tal-kuntratti temporanji f’kuntratti permanenti, is-sostenn ta’ l-impjiegi, ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda, jew il-promozzjoni tal-kwalità ta’ l-impjiegi.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, bl-applikazzjoni ta’ l-istess liġi u fl-istess ċirkustanzi ekonomiċi, il-ħaddiema li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena jingħataw trattament differenti minħabba s-sempliċi fatt li l-ftehim kollettiv li japplika għalihom sar applikabbli qabel jew wara d-data ta’ pubblikazzjoni tal-Liġi 14/2005, jiġifieri t-2 ta’ Lulju 2005, filwaqt li wieħed għandu jżomm f’moħħu li, jekk dan il-ftehim kien fis-seħħ qabel din id-data, ir-rekwiżiti tal-politika dwar l-impjiegi ma jittiħdux in kunsiderazzjoni, meta dawn huma imposti mid-Direttiva 2000/78 li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha skada fit-2 ta’ Diċembru 2003.

35      Huwa minnu li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jawtorizza eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età sabiex jiġu mfittxija ċerti għanijiet leġittimi, sakemm il-mezzi użati sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet huma approprjati u neċessarji, u, skond il-qorti tar-rinviju, is-sistema definittiva prevista fl-Għaxar Dispożizzjoni Addizzjonali hija mingħajr dubju ta’ natura li taqa’ taħt l-Artikolu 6(1) billi din tirrikjedi l-eżistenza ta’ rabta konkreta bejn l-irtirar tal-ħaddiema u għanijiet leġittimi fil-qasam tal-politika dwar l-impjiegi.

36      Min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu tad-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija ma tirrikjedix l-eżistenza ta’ tali rabta u, għaldaqstant, ma jidhirx li huwa konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Barra minn dan, mill-2001, l-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol kienet nettament favorevoli u d-deċiżjoni tal-leġiżlatur Spanjol li jintroduċi l-imsemmija dispożizzjoni tranżitorja, influwenzata mill-imsieħba soċjali, ma kellhiex skop ieħor għajr li tbiddel il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo. Wara kollox, it-Tribunal Constitucional qatt ma aċċetta li n-negozjati kollettivi jistgħu jikkostitwixxu minnhom infushom ġustifikazzjoni oġġettiva u raġonevoli għall-irtirar obbligatorju ta’ ħaddiem li laħaq età stabbilita.

37      Il-qorti tar-rinviju żżid l-Artikolu 13 KE u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78/KE jikkostitwixxu dispożizzjonijiet preċiżi u inkondizzjonati li jobbligaw il-qorti nazzjonali, skond il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju, li tiskarta l-applikazzjoni tad-dritt intern li jmur kontrih, bħal fil-każ tad-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija.

38      Fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Jannar 1998, Schöning-Kougebetopoulou (C‑15/96, Ġabra p. I‑47), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li klawżola fi ftehim kollettiv kienet tmur kontra d-dritt Komunitarju minħabba li kienet diskriminatorja, filwaqt li kkunsidrat li l-qorti nazzjonali għalhekk għandha, mingħajr ma titlob jew tistenna l-eliminazzjoni minn qabel ta’ din il-klawżola permezz tan-negozjati kollettivi jew ta’ xi proċedura oħra, tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat b’din id-diskriminazzjoni l-istess sistema li minnha jibbenefikaw il-ħaddiema l-oħra.

39      Minn dan isegwi li, kieku d-dritt Komunitarju kellu jiġi interpretat fis-sens li effettivament jipprekludi l-applikazzjoni fil-każ preżenti ta’ l-ewwel paragrafu tad-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija, l-Artikolu 19(3) tal-ftehim kollettiv ikun nieqes minn kull bażi legali u ma għalhekk jkunx jista’ jiġi applikat fil-kawża prinċipali.

40      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de lo Social Nru 33 ta’ Madrid iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u li huwa stabbilit fl-Artikolu 13 KE u fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, jipprekludi liġi nazzjonali (b’mod iktar partikolari, l-ewwel paragrafu tad-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija […]) li skondha l-klawżoli ta’ rtirar obbligatorju inklużi fi ftehim kollettivi huma legali, fejn tali klawżoli jipprovdu bħala l-uniċi rekwiżiti li l-ħaddiema jridu jkunu laħqu l-età normali ta’ rtirar u li jridu jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ l-Istat Spanjol sabiex ikunu intitolati għal pensjoni ta’ rtirar taħt is-sistema kontributorja tagħhom?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

2)      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u li huwa stabbilit fl-Artikolu 13 KE u fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, jobbliga lill-qorti nazzjonali ma tapplikax l-imsemmija Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija […] għal dan il-każ?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

41      Sabiex tingħata risposta utli għal din id-domanda, għandu jiġi stabbilit, l-ewwel nett, jekk id-Direttiva 2000/78 hijiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali sabiex teżamina, it-tieni nett u jekk ikun il-każ, jekk u safejn din id-direttiva hija ta’ natura li tostakola leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78

42      Kif jirriżulta kemm mit-titolu u mill-preambolu tagħha kif ukoll mill-kontenut u mill-għan tagħha, id-Direttiva 2000/78 hija intiża sabiex tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex kull persuna tkun assigurata l-ugwaljanża fit-trattament “fl-impjieg u fix-xogħol”, billi toffrilha protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 1 tiegħu, fosthom l-età.

43      B’mod partikolari, jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 li din ta’ l-aħħar tapplika, fil-kuntest tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, “għall-persuni kollha […] f’dak li jirrigwarda […] il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

44      Skond l-erbatax-il premessa tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-età ta’ rtirar. Madankollu, din il-premessa tillimita ruħha sabiex tispeċifika li l-imsemmija direttiva ma taffettwax il-kompetenza ta’ l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw l-età li fiha wieħed jikkwalifika sabiex jirtira u bl-ebda mod ma tipprekludi l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-miżuri nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet tat-tmiem ta’ kuntratt ta’ impjieg meta tintlaħaq l-età ta’ l-irtirar hekk stabbilita.

45      Il-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali, li tikkunsidra bħala validu t-tmiem ex lege tar-relazzjoni ta’ impjieg konkluża bejn min jimpjega u l-impjegat ladarba dan ta’ l-aħħar ikun laħaq l-età ta’ 65 sena, taffettwa t-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lill-partijiet kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, l-eżerċizzju mill-ħaddiem ikkonċernat ta’ l-attività professjonali tiegħu, billi tostakola l-parteċipazzjoni futura tiegħu fil-ħajja tax-xogħol.

46      Konsegwentement, leġiżlazzjoni bħal din għandha tkun ikkunsidrata li tistabbilixxi regoli dwar “kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”, fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija direttiva tapplika f’sitwazzjoni bħal dik lil tat lok għall-kawża mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78

48      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-qasam tal-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li skondha l-klawżoli ta’ rtirar obbligatorju inklużi fi ftehim kollettivi huma legali, fejn tali klawżoli jipprovdu bħala l-uniċi rekwiżiti li l-ħaddiema jridu jkunu laħqu l-limitu ta’ età, stabbilit mil-liġi nazzjonali għal 65 sena, sabiex jikkwalifikaw sabiex jirtiraw u li jridu jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra fil-qasam tas-sigurtà soċjali sabiex ikunu intitolati għal pensjoni ta’ rtirar taħt is-sistema kontributorja tagħhom.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar qabel xejn li, skond l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha bħala għan li tikkumbatti, fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol, ċerti tipi ta’ diskriminazzjoni, fosthom dik ibbażata fuq l-età, bl-iskop li timplementa, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

50      Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, għall-finijiet ta’ din ta’ l-aħħar, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva jispeċifika li, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ l-istess direttiva.

51      Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li skondha l-fatt li ħaddiem jilħaq l-età stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni sabiex jikkwalifika sabiex jirtira jirriżulta fit-tmiem ex lege tal-kuntratt ta’ l-impjieg, għandha tkun ikkunsidrata li timponi, b’mod dirett, trattament inqas favorevoli lill-ħaddiema li jkunu laħqu din l-età meta mqabbla mal-persuni kollha l-oħra li jkunu għadhom jaħdmu. Għaldaqstant, leġiżlazzjoni bħal din toħloq differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq l-età, kif prevista fl-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

52      F’dak li jirrigwarda preċiżament id-differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età, jirriżulta madankollu mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(1) ta’ l-imsemmija direttiva li differenzi bħal dawn ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni pprojbita skond l-Artikolu 2 ta’ l-istess direttiva “jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, [ikunu] objettivament u raġonevolment iġġustifikat[i] b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji”. It-tieni subparagrafu ta’ l-istess Artikolu 6(1) jelenka diversi eżempji ta’ trattament differenti li għandhom karatteristiċi bħal dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-imsemmi Artikolu 6(1) u, għaldaqstant, kompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju.

53      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija li tippermetti l-inklużjoni ta’ klawżoli ta’ rtirar obbligatorju tal-ħaddiema fi ftehim kollettivi kienet adottata, fuq pressjoni mill-imsieħba soċjali, bħala parti minn politika nazzjonali li tippromwovi l-aċċess għall-impjieg permezz ta’ distribuzzjoni aħjar ta’ dan ta’ l-aħħar fost il-ġenerazzjonijiet.

54      Ċertament, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li l-imsemmija dispożizzjoni ma tirreferix formalment għal għan ta’ din in-natura.

55      Madankollu, din iċ-ċirkostanza biss mhijiex determinanti.

56      Fil-fatt, ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 li nuqqas ta’ preċiżazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fir-rigward ta’ l-għan imfittex ikollu bħala effett li awtomatikament jeskludi li din ta’ l-aħħar tista’ tiġi ġġustifikata taħt din id-dispożizzjoni.

57      Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjoni, huwa madankollu essenzjali li elementi oħra, li jirriżultaw mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jippermettu li jiġi identifikat l-għan wara din il-miżura sabiex ikun jista’ jitwettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-leġittimità tagħha kif ukoll tan-natura approprjata u neċessarja tal-mezzi adottati sabiex jitwettaq dan il-għan.

58      F’dan il-każ, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju li, l-ewwel nett, l-irtirar obbligatorju tal-ħaddiema li jkunu laħqu ċerta età ġie introdott fil-liġi Spanjola matul is-sena 1980, f’kuntest ekonomiku kkaratterizzat minn livell għoli ta’ qgħad, sabiex joffri, fil-kuntest tal-politika nazzjonali dwar l-impjiegi, opportunitajiet fis-suq tax-xogħol lil persuni li qed ifittxu impjieg.

59      It-tieni nett, tali għan issemma espressament fl-Għaxar Dispożizzjoni Addizzjonali.

60      It-tielet nett, wara t-tħassir, matul is-sena 2001, ta’ din id-dispożizzjoni addizzjonali u wara l-firma, mill-Gvern Spanjol kif ukoll mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tat-trejdjunjins, tad-dikjarazzjoni għad-djalogu soċjali 2004 dwar il-kompetittività, l-impjieg stabbli u l-koeżjoni soċjali, il-leġiżlatur Spanjol daħħal mill-ġdid il-mekkaniżmu ta’ l-irtirar obbligatorju bil-Liġi 14/2005. Din il-liġi għandha l-għan li toffri opportunitajiet fis-suq tax-xogħol lill-persuni li qed ifittxu impjieg. L-Artikolu waħdani tagħha għalhekk jissuġġetta l-possibbiltà li l-ftehim kollettivi jinkludu klawżoli li jawtorizzaw it-tmiem ta’ kuntratt ta’ impjieg minħabba li l-ħaddiem ikun laħaq l-età ta’ rtirar għall-kundizzjoni li din il-miżura tkun “marbuta ma’ għanijiet li jkunu konsistenti mal-politika dwar l-impjiegi”, bħalma huma “il-konverżjoni tal-kuntratti temporanji f’kuntratti permanenti, is-sostenn ta’ l-impjiegi [jew] ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda”.

61      F’dan il-kuntest, u fid-dawl tad-diversi kawżi relattivi għall-kwistjoni ta’ x'se jiġri, wara t-tħassir ta’ l-Għaxar Dispożizzjoni Addizzjonali, mill-klawżoli ta’ rtirar obbligatorju fil-ftehim kollettivi konklużi taħt il-Liġi 8/1980, kemm fil-verżjoni oriġinali tagħha kif ukoll fil-verżjoni approvata mid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995, kif ukoll fid-dawl ta’ l-inċertezza legali li tirriżulta minnhom għall-imsieħba soċjali, id-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija kkonfermat il-possibbiltà li jkun iffissat limitu ta’ età għall-irtirar b’applikazzjoni ta’ l-imsemmija ftehim kollettivi.

62      Imqiegħda hekk f’dan il-kuntest, id-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija għalhekk tfittex li tirregola s-suq nazzjonali ta’ l-impjiegi, b’mod paritkolari sabiex tnaqqas il-qgħad.

63      Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-fatt li, f’dan il-każ, l-Artikolu 19(3) tal-ftehim kollettiv isemmi espressament l-“għan li jiġu inkoraġġiti l-impjiegi” bħala l-għan tal-miżura stabbilita b’din id-dispożizzjoni.

64      Il-leġittimità ta’ għan ta’ interess ġenerali bħal dan ma tistax tiġi raġonevolment mqiegħda fid-dubju, billi l-politika ta’ l-impjieg u s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol huma inklużi fost l-għanijiet espressament imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 u, skond l-ewwel inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2 UE u l-Artikolu 2 KE, il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Komunità jfittxu li jilħqu.

65      Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-promozzjoni ta’ l-impjiegi tikkostitwixxi b’mod inkontestabbli għan leġitimmu tal-politika soċjali jew ta’ l-impjieg ta’ l-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, Ġabra p. I‑181, punt 39), u din l-evalwazzjoni għandha evidentement tapplika għal strumenti tal-politika tas-suq tax-xogħol nazzjonali li jfittxu li jtejbu l-possibbilitajiet ta’ inseriment fil-ħajja tax-xogħol ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema.

66      Għaldaqstant, għan ta’ natura bħal dak li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex li tilħaq għandu, fil-prinċipju, ikun ikkunsidrat li jiġġustifika “objettivament u raġonevolment”, “fil-kuntest tal-liġi nazzjonali”, kif previst fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, trattament differrenti fuq bażi ta’ età stabbilit mill-Istati Membri.

67      Għad irid jiġi vverifikat, skond it-termini nfushom ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, jekk il-mezzi adottati sabiex jintlaħaq tali għan leġittimu humiex “approprjati u neċessarji”.

68      F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, l-Istati Membri kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-imsieħba soċjali fuq livell nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u ta’ l-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri biex jintlaħaq tali għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 63).

69      Kif diġà jirriżulta mill-kliem “dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri” li jinsab fil-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/78, dan huwa partikolarment il-każ f’dak li jikkonċerna l-għażla li jista’ jkollhom jagħmlu l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, ekonomika, soċjali, demografika u/jew ta’ baġit u fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru speċifiku, li jtawlu t-tul tal-ħajja tax-xogħol tal-ħaddiema jew, għall-kuntrarju, li jipprovdu għal irtirar iktar kmieni ta’ dawn ta’ l-aħħar.

70      Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti fuq livell nazzjonali, reġjonali jew settorjali għandu jkollhom il-possibbiltà li jibdlu l-mezzi adottati sabiex jintlaħaq għan leġittimu ta’ interess ġenerali, per eżempju billi jadattawhom għall-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ta’ l-impjieg fl-Istat Membru kkonċernat. Huwa għaldaqstant irrilevanti l-fatt li, f’dan il-każ, il-proċedura ta’ l-irtirar obbligatorju reġgħet iddahħlet fi Spanja wara li ġiet abrogata għal numru ta’ snin.

71      Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri li għandhom isibu bilanċ ġust bejn l-interessi differenti in kwistjoni. Madankollu, għandu jiġi assigurat li l-miżuri nazzjonali previsti f’dan il-kuntest ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa approprjat u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li l-Istat Membru kkonċernat ifittex li jilħaq.

72      Ma jidhirx li huwa irraġonevoli għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jqisu li miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tkun approprjata u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu invokat fil-kuntest tal-politika nazzjonali dwar l-impjieg u li jikkonsisti filli jiġi promoss l-impjieg sħiħ billi jiġi ffavorit l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

73      Barra minn dan, l-imsemmija miżura ma tistax tiġi kkunsidrata li tippreġudika eċċessivament il-pretensjonijiet leġittimi tal-ħaddiema milquta bl-irtirar obbligatorju minħabba li jkunu laħqu l-limitu ta’ età previst, billi l-leġiżlazzjoni rilevanti mhijiex ibbażata biss fuq età stabbilita, iżda tieħu in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-persuni kkonċernati jibbenefikaw fit-tmiem tal-karriera professjonali tagħhom minn kumpens finanzjarju permezz ta’ l-għoti ta’ pensjoni ta’ l-irtirar, bħalma hija dik prevista mis-sistema nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-livell tagħha ma jistax jitqies li huwa irraġonevoli.

74      Wara kollox, il-liġi nazzjonali rilevanti tagħti lill-imsieħba soċjali l-fakultà li jagħmlu użu, permezz ta’ ftehim kollettivi − u għaldaqstant bi flessibbiltà mhux negliġibbli −, ta’ l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ l-irtirar obbligatorju, b’mod li jistgħu jittieħdu debitament in kunsiderazzjoni mhux biss is-sitwazzjoni globali tas-suq tax-xogħol ikkonċernat, iżda wkoll il-karatteristiċi speċifiċi għall-impjiegi in kwistjoni.

75      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jiġi validament sostnut li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2000/78.

76      Fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni mogħtija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2000/78, mhuwiex neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-Artikolu 13 KE, li jissemma wkoll fl-ewwel domanda preliminari mressqa u li fuq il-bażi tiegħu ġiet adottata din id-direttiva.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha fuq imsemmija, ir-risposta għall-ewwel domanda mressqa għandha tkun li l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, bħal dik implimentata bid-Direttiva 2000/78/KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li skondha l-klawżoli ta’ rtirar obbligatorju inklużi fi ftehim kollettivi huma legali, fejn tali klawżoli jipprovdu bħala l-uniċi rekwiżiti li l-ħaddiema jridu jkunu laħqu l-limitu ta’ età, stabbilit mil-liġi nazzjonali għal 65 sena, sabiex jikkwalifikaw sabiex jirtiraw u li jridu jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra fil-qasam tas-sigurtà soċjali sabiex ikunu intitolati għal pensjoni ta’ rtirar taħt is-sistema kontributorja tagħhom, meta

–        l-imsemmija miżura, tabilħaqq ibbażata fuq l-età, hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, b’għan leġittimu relattiv għall-politika ta’ l-impjieg u għas-suq tax-xogħol, u

–        il-mezzi adottati biex jintlaħaq dan l-għan ta’ interess ġenerali ma jidhrux li huma inapproprjati u mhux neċessarji għal dan il-għan.

 Fuq it-tieni domanda

78      Fid-dawl tar-risposta negattiva mogħtija għall-ewwel domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju, mhemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni domanda preliminari.

 Fuq l-ispejjeż

79      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

Il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, bħal dik implimentata bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li skondha l-klawżoli ta’ rtirar obbligatorju inklużi fi ftehim kollettivi huma legali, fejn tali klawżoli jipprovdu bħala l-uniċi rekwiżiti li l-ħaddiema jridu jkunu laħqu l-limitu ta’ età, stabbilit mil-liġi nazzjonali għal 65 sena, sabiex jikkwalifikaw sabiex jirtiraw u li jridu jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra fil-qasam tas-sigurtà soċjali sabiex ikunu intitolati għal pensjoni ta’ rtirar taħt is-sistema kontributorja tagħhom, meta

–        l-imsemmija miżura, tabilħaqq ibbażata fuq l-età, hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, b’għan leġittimu relattiv għall-politika ta’ l-impjieg u għas-suq tax-xogħol, u

–        il-mezzi adottati biex jintlaħaq dan l-għan ta’ interess ġenerali ma jidhrux li huma inapproprjati u mhux neċessarji għal dan il-għan.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.