Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Settembru 2008 - Elliniki Nafpigokataskevastiki et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-384/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Elliniki Nafpigokataskevastiki AE Chartofylakeiou (Skaramangas, il-Greċja), Howaldtswerke-Deutsche Werft GmbH (Kiel, il-Ġermanja) u ThyssenKrupp Marine Systems AG (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentant: U. Soltész, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tordna l-annullament tal-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 fuq l-għajnuna mill-Istat Nru C 16/2004 (preċedentement NN39/2004, CP 71/2002 u CP 133/2005) implementati mill-Greċja favur Hellenic Shipyards; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż tar-rikorrenti fil-kawża preċedenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tal-applikazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008)2118 finali, tat-2 ta' Lulju 2008, dwar sittax-il miżura implementati mill-Istat Grieg favur Hellenic Shipyards SA (iktar 'il quddiem "HSY") u, b'mod partikolari, l-annullament tal-Artikolu 16 tal-imsemmija deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li l-Garanzija ta' Indennizz mogħtija mill-proprjetarju preċedenti ta' HSY, Hellenic Bank of Industrial Development (iktar 'il quddiem "ETVA") lill-konsorzju2 li akkwista lil HSY permezz ta' ftehim ta' xiri ta' ishma (Howaldtswerke-Deutsche Werft u Ferrostaal), fil-każ li HSY ikollha tirrifondi għajnuna mogħtija mill-Istat, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali u għandha tintemm minnufih.

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkunsidrat b'mod żbaljat li l-Garanzija ta' Indennizz fil-ftehim ta' privatizzazzjoni ngħatat fi żmien meta ETVA kienet ikkontrollata mill-Istat. Skont ir-rikorrenti, il-Garanzija ta' Indennizz kienet ġiet validament miftiehma biss wara l-privatizzazzjoni ta' ETVA u għalhekk kienet tikkostitwixxi miżura nnegozjata bejn żewġ partijiet privati, li mhijiex imputabbli lill-Istat Grieg u għalhekk ma tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li ż-żewġ klawżoli separati fl-addendum tal-ftehim ta' xiri ta' ishma jikkostitwixxu mekkaniżmu ġenerali li permezz tiegħu tibbenefika HSY hija żbaljata. Fil-fatt, ir-rikorrenti jsostnu li ż-żewġ garanziji kienu mogħtija indipendentement minn xulxin. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkunsidrat b'mod żbaljat li HSY ibbenefikat mill-Garanzija ta' Indennizz peress li, fid-dawl tal-fatti tal-kawża, huwa biss il-Piraeus Bank li jista' jitqies li bbenefika minnha.

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li HSY ngħatat vantaġġ ekonomiku permezz tal-Garanzija ta' Indennizz li (i) hija klawżola standard skont id-dritt privat (ii) ingħatat wara li saret evalwazzjoni regolari u (iii) tikkonforma mal-imġiba ta' bejjiegħ privat.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 88(2) KE u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 689/1999 meta indirizzat lil Elliniki Nafpigokataskevastiki, li ma kinitx il-benefiċjarja tal-għajnuna, u ordnatilha ttemm il-Garanzija ta' Rifużjoni.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-argument tal-Kummissjoni li jallega evitar tal-effet utli ('effet utile') tal-irkupru huwa bbażat, b'mod żbaljat, fuq is-suppożizzjoni li jkun hemm evitar anke permezz tas-sempliċi għoti tal-Garanzija ta' Indenniz .

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 296 KE inkwantu ma tawtorizzax lil HSY tkompli b'ċertu attivitajiet ċivili sekondarji sabiex issostni l-operazzjoni tat-tarzna kollha.

____________

1 - Dan il-konsorzju waqqaf lil Elliniki Nafpigokataskevastiki sabiex ikollha l-holding f'HSY.

2 - HDW hija miżmuma 100% minn TyssenKrupp Marine Systems li akkwistat ukoll l-ishma li kellha Ferrostaal f'Elliniki Nafpigokataskevastiki fl-2005