Language of document : ECLI:EU:C:2011:277

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Mejju 2011 (*)

“Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Kunċett ta’ ‘benefiċjarju’ – Artikolu 3(1) – Ċittadin li qatt ma uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu u li għex dejjem fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu – Impatt tal-fatt li jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor – Sitwazzjoni purament interna”

Fil-Kawża C‑434/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom, li kienet il-House of Lords (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura

Shirley McCarthy

vs

Secretary of State for the Home Department,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S. McCarthy, minn S. Cox, barrister, u K. Lewis, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn T. Ward, barrister,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

–        għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan u D. Conlan Smyth, bħala aġenti, assistiti minn B. Lennon, barrister,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Novembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1) u 16 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn S. McCarthy u s-Secretary of State for the Home Department (Ministru tal-Intern tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) dwar applikazzjoni għal permess ta’ residenza mressqa minn S. McCarthy.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 1 sa 3 tad-Direttiva 2004/38:

“(1)       Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni d-dritt primarju u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ l-istess.

2)      Il-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mil-libertajiet fundamentali fis-suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni, fejn il-libertà hi żgurata skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat.

3)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza [libera]. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi [fil-qasam tax-xogħol] sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.”

4        Il-Kapitolu I tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jinkludi l-Artikoli 1 sa 3 tagħha.

5        L-imsemmi Artikolu 1, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza [libera] fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

b)      id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

(ċ)       il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f’(a) u (b) minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.”

6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

a)      ir-raġel jew martu [il-konjuġi];

b)      is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

ċ)       id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

d)      il-qraba [l-axxendenti] diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

3)      ‛Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu u residenza.”

7        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, 2004/38 jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

8        Il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 15 tagħha.

9        L-imsemmi Artikolu 6 jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

10      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema [impjegati] jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)      –        miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–        għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin tal-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.       Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).

3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

4.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1(d) u 2 t’hawn fuq, ir-raġel jew il-mara [il-konjuġi], is-sieħeb/sieħba reġistrat/a previsti fl-Artikolu 2(2)(b) u t-tfal dipendenti biss għandhom id-dritt ta’ residenza bħala membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet taħt 1(ċ) t’hawn fuq. L-Artikolu 3(2) għandu japplika għall-qraba diretti dipendenti tiegħu u għar-raġel, għall-mara jew għas-sieħeb/sieħba reġistrat/a.”

11      L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, li jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.

[...]

4.       Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

12      Il-Kapitolu V ta’ din id-direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet komuni għad-dritt ta’ residenza u għad-dritt ta’ residenza permanenti”, jinkludi l-Artikolu 22 tagħha, li huwa intitolat “Firxa territorjali” u li jipprovdi:

“Id-dritt ta’ residenza u d-dritt ta’ residenza permanenti għandhom ikopru t-territorju kollu ta’ l-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri jistgħu jimponu restrizzjonijiet territorjali fuq id-dritt ta’ residenza u fuq id-dritt ta’ residenza permanenti biss meta l-istess restrizzjonijiet japplikaw għaċ-ċittadini tagħhom.”

 Id-dritt nazzjonali

13      Skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar l-immigrazzjoni, iċ-ċittadini ta’ Stati terzi li ma jkollhomx permess ta’ residenza fit-territorju tar-Renju Unit bis-saħħa ta’ din il-leġiżlazzjoni ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn permess ta’ residenza taħt dawn id-dispożizzjonijiet bħala l-konjuġi ta’ persuna stabbilita fir-Renju Unit.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      S. McCarthy, ċittadina tar-Renju Unit, għandha wkoll iċ-ċittadinanza Irandiża. Hija twieldet u għexet dejjem fir-Renju Unit, mingħajr qatt ma sostniet li hija jew kienet persuna impjegata jew persuna li taħdem għal rasha, jew inkella li kellha riżorsi għall-ħtiġijiet tal-għajxien tagħha. Hija tirċievi benefiċċji soċjali.

15      Fil-15 ta’ Novembru 2002, S. McCarthy żżewġet ċittadin Ġamajkan li ma għandux permess ta’ residenza fir-Renju Unit bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru dwar l-Immigrazzjoni.

16      Wara ż-żwieġ tagħha, S. McCarthy applikat għall-ewwel darba sabiex tikseb passaport Irlandiż u l-applikazzjoni tagħha ntlaqgħat.

17      Fit-23 ta’ Lulju 2004, S. McCarthy u l-konjuġi tagħha applikaw, quddiem is-Secretary of State, għal permess ta’ residenza u għal titolu ta’ residenza inkonformità mad-dritt tal-Unjoni, bħala, rispettivament, ċittadina tal-Unjoni u bħala konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni. Is-Secretary of State ċaħad l-applikazzjonijiet tagħhom għar-raġuni li S. McCarthy ma hijiex “persuna eliġibbli” (essenzjalment, persuna impjegata jew persuna li taħdem għal rasha, jew persuna li għandha riżorsi għall-ħtiġijiet tal-għajxien tagħha) u li, għaldaqstant, ir-raġel tagħha ma huwiex il-konjuġi ta’ “persuna eliġibbli”.

18      S. McCarthy ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha mis-Secretary of State quddiem l-Asylum and Immigration Tribunal (iktar ’il quddiem it-“Tribunal”), rikors li dan tal-aħħar ċaħad fis-17 ta’ Ottubru 2006. Wara li l-High Court of Justice (England & Wales) ordna li dan ir-rikors jiġi eżaminat mill-ġdid, it-Tribunal ikkonferma d-deċiżjoni tiegħu fis-16 ta’ Awwissu 2007.

19      S. McCarthy appellat mid-deċiżjoni tat-Tribunal, iżda dan l-appell ġie miċħud mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division). Sussegwentement, S. McCarthy appellat mid-deċiżjoni ta’ din il-qorti tal-aħħar quddiem il-qorti tar-rinviju.

20      Min-naħa tiegħu, il-konjuġi tagħha ma ppreżentax rikors kontra d-deċiżjoni tas-Secretary of State fil-konfront tiegħu iżda ppreżenta applikazzjoni ġdida, li ġiet ukoll miċħuda. Huwa sussegwentement ippreżenta rikors kontra din it-tieni deċiżjoni quddiem it-Tribunal, li ddeċieda li jissospendi l-kawża fl-istennija ta’ deċiżjoni definittiva dwar l-appell ta’ S. McCarthy.

21      Kien f’dan il-kuntest li s-Supreme Court of the United Kingdom iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Persuna li għandha ċittadinanza doppja, Irlandiża u Brittanika, u li ilha ħajjitha kollha residenti fir-Renju Unit, hija ‘benefiċjarj[a]’ fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [2004/38]?

2)      Tali persuna tkun ‘għex[et] legalment’ fl-Istat Membru ospitanti fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva [2004/38], f’ċirkustanzi fejn ma setgħetx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva [2004/38]?”

 Fuq id-domandi preliminari

22      Kif jirriżulta mill-punti 14 sa 19 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna applikazzjoni għal dritt ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni mressqa minn S. McCarthy, ċittadina tal-Unjoni, quddiem Stat Membru li hija ċittadina tiegħu u fejn hija kienet dejjem residenti.

23      Fil-verità, din l-applikazzjoni hija intiża sabiex il-konjuġi tagħha, ċittadin ta’ Stat terz, jikseb dritt ta’ residenza taħt id-Direttiva 2004/38 bħala membru tal-familja ta’ S. McCarhty sa fejn dritt ta’ residenza analogu ma jirriżultax mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar l-immigrazzjoni.

 Fuq l-ewwel domanda

24      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, minkejja li fuq il-livell formali l-qorti tar-rinviju limitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1) u 16 tad-Direttiva 2004/38, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, u dan irrispettivament minn jekk il-qorti tar-rinviju tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, ING. AUER, C‑251/06, Ġabra p. I-9689, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li la mid-deċiżjoni tar-rinviju, la mill-proċess u lanqas mill-osservazzjonijiet magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li S. McCarthy qatt użat id-dritt ta’ moviment liberu tagħha fit-territorju tal-Istati Membri, la fuq bażi individwali u lanqas bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita tali dritt. Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat li S. McCarthy qiegħda tapplika għal dritt ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni filwaqt li ma hijiex issostni li hija persuna impjegata jew persuna li taħdem għal rasha u lanqas li hija persuna li għandha riżorsi għall-ħtiġijiet tal-għajxien tagħha.

26      Għalhekk, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem bħala li hija intiża sabiex ikun essenzjalment magħruf jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jew l-Artikolu 21 TFUE japplikawx għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li qatt ma jkun uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, li għex dejjem fi Stat Membru li għandu ċ-ċittadinanza tiegħu u li, barra minn hekk, għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor.

 Osservazzjonijiet preliminari

27      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattati u mill-miżuri adottati fid-dawl tal-applikazzjoni tagħhom, inkwantu l-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi, barra minn dan, waħda mil-libertajiet fundamentali tas-suq intern u li ġie kkonfermat fl-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C-162/09, Ġabra p. I-09217, punt 29).

28      Fir-rigward tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkonstata li din hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-Trattat, u li din id-direttiva għandha l-għan, b’mod partikolari, li ssaħħaħ dan id-dritt (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, Ġabra p. I‑6241, punti 82 u 59, kif ukoll Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

29      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li prinċipju ta’ dritt internazzjonali, prinċipju kkonfermat fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u li d-dritt tal-Unjoni huwa preżunt li josserva fir-relazzjonijiet ta’ bejn l-Istati Membri, jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dritt li jkollhom aċċess għat-territorju tiegħu u li jirrisjedu fih, irrispettivament mit-titolu li permezz tiegħu jgawdu dan id-dritt (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn, 41/74, Ġabra p. 1337, punt 22, kif ukoll tas-27 ta’ Settembru 2001, Barkoci u Malik, C‑257/99, Ġabra p. I-6557, punt 81), u jipprekludi wkoll li dan l-Istat Membru jkeċċi liċ-ċittadini tiegħu mit-territorju tiegħu jew li inkella jirrifjuta r-residenza tagħhom f’dan it-territorju jew jissuġġettaha għal kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh, C‑370/90, Ġabra p. I-4265, punt 22, u tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind, C‑291/05, Ġabra p. I-10719, punt 31).

 Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38

30      L-ewwel parti tad-domanda ineżami, kif ifformulata mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, tikkonċerna l-kwistjoni jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għal ċittadin f’sitwazzjoni bħal dik li tinsab fiha S. McCarthy, jiġifieri li qatt ma uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, li għex dejjem fi Stat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u li, barra minn hekk, għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor.

31      Interpretazzjoni letterali, teleoloġika u sistematika ta’ din id-dispożizzjoni twassal sabiex tingħata risposta negattiva għal din id-domanda.

32      Fil-fatt, fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, huma benefiċjarji ta’ din id-direttiva ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li “jiċċaqilqu” jew li jgħixu fi Stat Membru “għajr” l-Istat Membru li tagħhom ikollhom iċ-ċittadinanza.

33      Fit-tieni lok, għalkemm huwa minnu li, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2004/38 għandha l-għan li tiffaċilita u ssaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri mogħti direttament lil kull ċittadin tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din id-direttiva tikkonċerna, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tagħha, il-kundizzjonijiet li fihom jiġi eżerċitat dan id-dritt.

34      Peress li, kif ġie osservat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, ir-residenza ta’ persuna li tirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina ma tistax tiġi suġġetta għal kundizzjonijiet, id-Direttiva 2004/38, li tikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom jiġi eżerċitat id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, ma tistax titqies li hija intiża li tapplika għal ċittadin tal-Unjoni li jgawdi minn dritt ta’ residenza li ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni minħabba li jirrisjedi fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu.

35      Fit-tielet lok, mid-Direttiva 2004/38 kollha jirriżulta li r-residenza koperta minnha hija marbuta mal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tal-persuni.

36      F’dan is-sens, l-ewwel nett, l-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi s-suġġett tagħha b’riferiment għall-eżerċizzju “tad-”dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal “moviment liberu u [għal] residenza [libera]” fit-territorju tal-Istati Membri. Tali rabta bejn ir-residenza u l-moviment libertu tirriżulta wkoll kemm mit-titolu tad-direttiva msemmija u kif ukoll mill-parti l-kbira tal-premessi tagħha, fejn it-tieni premessa tirreferi, barra minn hekk, esklużivament għall-moviment liberu tal-persuni.

37      It-tieni nett, id-drittijiet ta’ residenza koperti mid-Direttiva 2004/38, jiġifieri kemm id-dritt ta’ residenza previst fl-Artikoli 6 u 7 tagħha u kif ukoll id-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16 tagħha, jirreferu għar-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni, jew fi “Stat Membru ieħor” jew fl-“Istat Membru ospitanti”, u għalhekk jirregolaw is-sitwazzjoni legali ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru li ma jkollux iċ-ċittadinanza tiegħu.

38      Fl-aħħar nett, filwaqt li, kif tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jikkwalifika bħala “benefiċjarji” tagħha ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu “jew” li jgħixu fi Stat Membru, mill-Artikolu 22 tagħha jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt ta’ residenza u tad-dritt ta’ residenza permanenti koperti minn din id-direttiva jestendi għat-territorju kollu tal-“Istat Membru ospitanti”, li fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tagħha huwa ddefinit bħala l-Istat Membru li fih “jmur” ċittadin tal-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt “tiegħu” ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri.

39      Għaldaqstant, f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, sa fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat qatt ma jkun uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu u jkun għex dejjem fi Stat Membru li tiegħu jkollu ċ-ċittadinanza, dan iċ-ċittadin ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, b’tali mod li din id-direttiva ma tapplikax fil-konfront tiegħu.

40      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi influwenzata mill-fatt li dan iċ-ċittadin ikollu wkoll iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru differenti minn dak fejn ikun residenti.

41      Fil-fatt, il-fatt li ċittadin tal-Unjoni jkollu ċ-ċittadinanza ta’ iktar minn Stat Membru wieħed ma jfissirx b’daqshekk li dan iċ-ċittadin uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu.

42      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat ukoll li, sa fejn ċittadin tal-Unjoni bħal S. McCarthy ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, lanqas il-konjuġi tiegħu ma jaqa’ taħt dan il-kunċett peress li d-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva lill-membri tal-familja ta’ benefiċjarju ta’ din id-direttiva ma humiex drittijiet mogħtija direttament lil dawn il-membri iżda huma drittijiet derivati, li huma jgawdu fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-familja tal-benefiċjarju (ara, fir-rigward tal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għad-Direttiva 2004/38, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1992, Taghavi, C‑243/91, Ġabra p. I‑4401, punt 7, u Eind, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

43      Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għal ċittadin tal-Unjoni li qatt ma uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, li għex dejjem fi Stat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u li, barra minn hekk, għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor.

 Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 21 TFUE

44      It-tieni parti tad-domanda ineżami kif ifformulata mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna l-kwistjoni jekk l-Artikolu 21 TFUE japplikax għal ċittadin tal-Unjoni li qatt ma uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, li għex dejjem fi Stat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u li, barra minn hekk, għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor.

45      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita r-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u l-atti adottati sabiex jiġu implementati dawn ir-regoli ma jistgħux jiġu applikati għal sitwazzjonijiet li ma jkollhom ebda fattur ta’ konnessjoni ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u li l-elementi rilevanti kollha tagħhom ikunu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u gouvernement wallon, C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 33, kif ukoll Metock et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, madankollu, li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li, bħal S. McCarthy, ma użax id-dritt ta’ moviment liberu tiegħu ma tistax, minħabba dan il-fatt biss, tiġi ekwiparata għal sitwazzjoni purament interna (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C‑403/03, Ġabra p. I-6421, punt 22).

47      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat diversi drabi li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C-34/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li l-effett tagħhom ikun li jċaħħad liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenza tad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus (ara s-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

48      Bħala ċittadina ta’ minn tal-inqas Stat Membru wieħed, persuna bħal S. McCarthy tgawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni taħt l-Artikolu 20(1) TFUE u għalhekk tista’ tinvoka, inkluż fil-konfront tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, drittijiet marbuta ma’ tali status, b’mod partikolari dak ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħti mill-Artikolu 21 TFUE (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C‑33/07, Ġabra p. I-5157, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Madankollu, minn ebda element tas-sitwazzjoni ta’ S. McCarthy, kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, ma jirriżulta li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li ċċaħħadha mit-tgawdija effettiva tal-essenza tad-drittijiet marbuta mal-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni, jew li tostakola l-eżerċizzju tad-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, inkonformità mal-Artikolu 21 TFUE. Fil-fatt, in-nuqqas tal-awtoritajiet tar-Renju Unit li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċittadinanza Irlandiża ta’ S. McCarthy għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza fir-Renju Unit b’ebda mod ma jaffettwalha d-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, kif lanqas ma jaffettwalha xi dritt ieħor li hija tgawdi minħabba l-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni.

50      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, bil-kontra tas-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ineżami ma għandhiex l-effett li S. McCarthy ser tkun obbligata titlaq mit-territorju tal-Unjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, S. McCarthy tgawdi, taħt prinċipju ta’ dritt internazzjonali, minn dritt ta’ residenza mingħajr kundizzjonijiet fir-Renju Unit peress li għandha ċ-ċittadinanza tar-Renju Unit.

51      Il-kawża prinċipali ineżami hija wkoll differenti mill-kawża li wasslet għas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, Ġabra p. I-11613). Fil-fatt, f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li kellhom ukoll iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor kellha l-effett li dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni kellhom kunjomijiet differenti fir-rigward taż-żewġ sistemi legali kkonċernati u li din is-sitwazzjoni kienet ta’ natura tali li toħloqilhom inkonvenjenzi serji, kemm fuq livell professjonali u kif ukoll fuq livell privat, minħabba, b’mod partikolari, id-diffikultajiet sabiex fi Stat Membru li tiegħu kellhom iċ-ċittadinanza jibbenefikaw mill-effetti legali ta’ atti jew ta’ dokumenti stabbiliti bl-isem rikonoxxut fl-Istat Membru l-ieħor li tiegħu wkoll kellhom iċ-ċittadinanza.

52      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (C‑353/06, Ġabra p. I‑7639), f’kunest bħal dak eżaminat fis-sentenza Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq, ma kienx rilevanti daqstant il-fatt li d-diversità tal-ismijiet patronimiċi kienet il-konsegwenza taċ-ċittandinza doppja tal-persuni kkonċernati iżda pjuttost il-fatt li din id-diversità kienet ta’ natura li tikkawża liċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati inkonvenjenzi serji li kienu jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu li seta’ jiġi ġustifikat biss li kieku kien ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u li kieku kien proporzjonat għall-għan leġittimament segwit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23, 24 u 29).

53      B’hekk, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Ruiz Zambrano u Garcia Avello, iċċitati iktar ’il fuq, il-miżura nazzjonali inkwistjoni kellha l-effett li ċċaħħad lil ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenza tad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus, jew li tostakola l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri.

54      Issa, kif tfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-kawża prinċipali ineżami, il-fatt li S. McCarthy għandha, minbarra ċ-ċittadinanza tar-Renju Unit, dik Irlandiża, ma jimplikax l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ Stat Membru li jkollhom l-effett li jċaħħduha mit-tgawdija effettiva tal-essenza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jew li jostakolaw l-eżerċizzju tad-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri. Għalhekk, f’tali kuntest, dan il-fatt, waħdu, ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata taqa’ taħt l-Artikolu 21 TFUE.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ persuna bħal S. McCarthy ma għandha ebda fattur ta’ konnessjoni ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u li l-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni tagħha huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed.

56      Minn dan isegwi li l-Artikolu 21 TFUE ma japplikax għal ċittadin tal-Unjoni li qatt ma uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, li għex dejjem fi Stat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u li, barra minn hekk, għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin ma timplikax l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ Stat Membru li jista’ jkollhom l-effett li jċaħħduh mit-tgawdija effettiva tal-essenza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jew li jostakolaw l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula hija:

–        l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għal ċittadin tal-Unjoni li qatt ma uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, li għex dejjem fi Stat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u li, barra minn hekk, għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor;

–        l-Artikolu 21 TFUE ma japplikax għal ċittadin tal-Unjoni li qatt ma uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, li għex dejjem fi Stat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u li, barra minn hekk, għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin ma timplikax l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ Stat Membru li jista’ jkollhom l-effett li jċaħħduh mit-tgawdija effettiva tal-essenza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jew li jostakolaw l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri.

 Fuq it-tieni domanda

58      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għal ċittadin tal-Unjoni li qatt ma uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, li għex dejjem fi Stat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u li, barra minn hekk, għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor.

2)      L-Artikolu 21 TFUE ma japplikax għal ċittadin tal-Unjoni li qatt ma uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, li għex dejjem fi Stat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u li, barra minn hekk, għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin ma timplikax l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ Stat Membru li jista’ jkollhom l-effett li jċaħħduh mit-tgawdija effettiva tal-essenza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jew li jostakolaw l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.