Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Bratislava II (is-Slovakkja) fit-22 ta’ Awwissu 2017 – proċeduri kriminali kontra ML

(Kawża C-510/17)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Okresný súd Bratislava II

Parti fil-kawża prinċipali

ML

Domandi preliminari

L-attitudni tal-awtoritajiet nazzjonali, li tikkonsisti f’li ma jingħatax aċċess lil persuna li tkun ġiet arrestata, taħt forma bil-miktub matul il-perijodu ta’ detenzjoni tagħha, għall-informazzjoni kollha (jiġifieri għall-informazzjoni kompluta) fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2012/13”) (u [f’li ma jiġix iggarantit] b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess għall-fajl) u li tikkonsisti wkoll f’li ma jiġix permess li jiġi kkontestat il-fatt li l-informazzjoni kollha fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13 ma ġietx ipprovduta, hija konformi mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13, mad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 48(2) tal-Karta, mad-dritt għal smigħ xieraq fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta? Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu effett fuq il-legalità taċ-ċaħda ta’ libertà permezz tat-tqegħid u taż-żamma f’detenzjoni tal-persuna arrestata, fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri kriminali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Karta u tal-Artikolu 5(1)(c) u tal-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali? Il-fatt li l-persuna arrestata hija akkużata b’reat serju li għalih il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi kundanna għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ mill-inqas 15-il sena għandu effett fuq ir-risposta għad-domanda preċedenti?

Dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali, bħall-Artikolu 172(3) tat-Trestný zákon (liġi kriminali Slovakka) li jippenalizza t-traffikar illeċitu ta’ drogi, li ma tippermettix lill-qorti timponi piena li ċċaħħad il-libertà ta’ inqas minn 15-il sena, mingħajr possibbilità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-piena, hija konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI 2 , tal-25 ta’ Ottubru 2004, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi, mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fis-sens tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “TFUE”), mal-Artikoli 82 u 83 TFUE, mad-dritt għal smigħ xieraq, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, mad-dirtt għal piena proporzjonata, iggarantit mill-Artikolu 49(3) tal-Karta, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mal-prinċipju ta’ uniformità, ta’ effettività u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni? Ir-risposta għal din id-domanda hija influwenzata mill-fatt li t-traffikar illeċitu ta’ drogi ma twettaqx minn organizzazzjoni kriminali fis-sens tad-dritt tal-Unjoni? Il-kunċett ta’ organizzazzjoni kriminali fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI, tal-24 ta’ Ottubru 2008, dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għandu tifsira awtonoma [fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni]?

____________

1 ĠU 2012, L 142, p. 1).

2 ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 94.