Language of document : ECLI:EU:T:2011:585

Kawża T-38/05

Agroexpansión, SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq — Multi — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ — Effett dissważiv — Ugwaljanza fit-trattament — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha

(Artikolu 81 KE)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

3.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Osservanza mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Artikolu 81 KE)

4.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Awtonomija tas-sussidjarja

(Artikolu 81 KE)

5.      Rikors għal annullament — Motivi — Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni

(Artikoli 230 KE u 253 KE)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Waqfien tal-ksur wara l-intervent tal-Kummissjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, it-tielet inċiż tal-punt 3)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04)

1.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent, b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, din is-sussidjarja ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi.

Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, impriża waħda. Għaldaqstant, ma hijiex rabta ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tindirizza d-deċiżjoni li timponi l-multi lill-kumpannija parent.

Il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li tikkonstata li l-kumpannija parent qiegħda f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, iżda għandha wkoll tivverifika jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata.

Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni sempliċi li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex wieħed jippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

Il-preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma tat-totalità tal-kapital tista’ tapplika mhux biss f’każ fejn teżisti relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, iżda wkoll fil-każ fejn din ir-relazzjoni hija indiretta, permezz ta’ sussidjarja intermedjarja.

(ara l-punti 102-106, 108)

2.      Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi kontra l-impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 81(1) KE, multi li ma jistgħux jaqbżu l-10 % tad-dħul mill-bejgħ miksub matul is-sena finanzjarja preċedenti minn kull waħda mill-impriżi li jkunu pparteċipaw fil-ksur. L-istess indikazzjoni tinsab fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

Id-dħul mill-bejgħ imsemmi f’dawk id-dispożizzjonijiet huwa relatat mad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata, jiġifieri l-impriża akkużata bil-ksur u li, għal dak il-fatt, tkun ġiet iddikjarata responsabbli

Rigward il-kunċett ta’ “sena finanzjarja preċedenti” imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, dan għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għas-sena finanzjarja ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ħlief f’sitwazzjonijiet partikolari fejn id-dħul mill-bejgħ ta’ din l-aħħar sena finanzjarja ma jkun jagħti ebda indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata u l-livell xieraq tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha.

B’hekk, meta l-Kummissjoni tikkonkludi li teżisti entità ekonomika waħda bejn kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u, għalhekk, iżżomm lil din il-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ksur kif ukoll għall-ħlas tal-multa u tinkludiha fost id-destinatarji tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat imwettaq mill-kumpannija parent matul is-sena preċedenti għal dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, sabiex tikkalkola l-limitu massimu ta’ 10 % previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. F’dan ir-rigward, huwa għal kollox irrilevanti li l-kumpannija parent ma tistax tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur fir-rigward tal-perijodu preċedenti għall-akkwist, min-naħa tagħha, tas-sussidjarja.

(ara l-punti 109-111, 174, 175, 195)

3.      Meta, f’kawża li fiha jitpoġġa inkwistjoni ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li jimplika diversi impriżi differenti, il-Kummissjoni tadotta, f’kuntest stabbilit mill-ġurisprudenza, metodu partikolari sabiex tiddetermina jekk hemmx lok li jinżammu responsabbli kemm is-sussidjarji li wettqu materjalment dan il-ksur, kif ukoll il-kumpanniji parent tagħhom, hija għandha, ħlief f’ċirkustanzi speċifiċi, tibbaża ruħha għal dan il-għan fuq l-istess kriterji fil-każ ta’ dawn l-impriżi kollha. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija marbuta li tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

(ara l-punt 133)

4.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-awtonomija ta’ kumpannija sussidjarja fil-konfront tal-kumpannija parent tagħha ma għandhiex tiġi evalwata esklużivament fir-rigward tal-attività tagħha fil-qasam tal-prodotti kkonċernati mill-ksur. Sabiex jiġi stabbilit jekk sussidjarja tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil din is-sussidjarja mal-kumpannija parent, liema elementi jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti.

B’hekk, il-fatt li ebda kumpannija tal-grupp ma teżerċita kontroll fuq l-attivitajiet tas-sussidjarja kkonċernati mill-ksur ma huwiex biżżejjed biex jistabbilixxi li din is-sussidjarja kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. L-istess jgħodd fir-rigward tan-nuqqas ta’ konsultazzjoni mis-sussidjarja mal-kumpannija parent jew ma’ kumpannija oħra tal-grupp fir-rigward tal-politika tax-xiri tagħha ta’ prodotti kkonċernati mill-ksur.

(ara l-punti 164, 168)

5.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-motiv ibbażat fuq xi nuqqas jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni u li, konsegwentement, jista’ jiġi invokat mill-partijiet f’kull stadju tal-proċeduri.

(ara l-punt 182)

6.      Fil-kuntest ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata jikkostitwixxu fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa u, għaldaqstant, għall-iffissar ta’ koeffiċjent multiplikatur li jiżgura li din għandha effett dissważiv. It-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża kkonċernata sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv huwa spjegat mill-impatt imfittex fuq l-imsemmija impriża, peress li s-sanzjoni ma għandhiex tkun żgħira fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tagħħa.

F’dan ir-rigward, meta l-Kummissjoni tuża d-daqs u r-riżorsi globali tal-impriża kkonċernata bħala elementi għall-analiżi sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur għall-finijiet ta’ dissważjoni, l-impriża msemmija ma tistax tinkludi lill-kumpannija parent tal-kumpannija li wettqet il-ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni ħlief fil-każ fejn din teżerċita b’mod effettiv influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija msemmija.

L-impriża li d-daqs u r-riżorsi globali tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni neċessarjament tikkoinċidi mal-impriża fit-tifsira tal-Artikolu 81 KE, hekk kif definita mill-ġurisprudenza. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed għall-multa huwa spjegat mill-impatt imfittex fuq l-impriża li hija imposta kontriha din il-multa. L-għan imfittex huwa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa filwaqt li jiġi adattat l-ammont tagħha billi jiġu kkunsidrati r-riżorsi globali tal-impriża msemmija u l-kapaċità tagħha li talloka l-fondi meħtieġa għall-ħlas tagħha. Iżda, fil-każ fejn il-kumpannija li tkun wettqet il-ksur taġixxi b’mod awtonomu fis-suq u għalhekk, waħedha, tikkostitwixxi impriża, dan l-għan jista’ b’mod loġiku, fir-rigward ta’ din l-awtonomija, ikollu fil-mira biss il-kumpannija msemmija, u mhux, barra minn hekk, lil kumpanniji oħrajn tal-grupp li tappartjeni għalih. Jekk, f’ipoteżi bħal din, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-grupp imsemmi sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur għall-finijiet ta’ dissważjoni, mhux biss l-effett dissważiv imfittex jiġi eżerċitat fuq entità li ma hijiex l-entità responsabbli mill-ksur, iżda barra minn hekk il-multa tista’ ssir eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja ta’ din l-impriża, u dan bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(ara l-punti 207, 208, 214, 215)

7.      Fil-kuntest ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-waqfien tal-ksur mal-ewwel interventi tal-Kummissjoni jista’ loġikament ikun ċirkustanza attenwanti biss jekk jeżistu raġunijiet għalfejn jitqies li l-impriżi inkwistjoni ġew imħajra li jwaqqfu l-aġir antikompetittiv tagħhom minħabba l-interventi inkwistjoni, peress li l-ksur li jkun diġà waqaf qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma huwiex kopert mit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) KEFA.

Anki jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ksur intemm fl-istess jum meta hija wettqet l-ewwel verifiki tagħha, hija għal kollox fondata li ma tikkunsidrax tali tmiem bħala ċirkustanza attenwanti. Effettivament, tnaqqis tal-multa minħabba t-tmiem ta’ ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni ma jistax ikun awtomatiku, iżda jiddependi fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ minn din tal-aħħar, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida favur impriża tkun partikolarment xierqa f’sitwazzjoni fejn in-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni ma tkunx manifesta. Bil-kontra, l-applikazzjoni tagħha tkun inqas adattata, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni fejn l-aġir ikun manifestament anti-kompetittiv, dejjem jekk dan jiġi stabbilit.

(ara l-punti 229, 231)

8.      Fil-kuntest ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi u tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, li fosthom hemm il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża, b’mod partikolari, meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra.

Sabiex jiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni, l-aġir ta’ impriża għandu jiffaċilita l-inkarigu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u fir-repressjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u jagħti xhieda ta’ spirtu ġenwin ta’ kooperazzjoni.

F’dan ir-rigward, id-dokumenti pprovduti lill-Kummissjoni b’risposta għal talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 huma pprovduti abbażi ta’ obbligu legali u ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-komunikazzjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell, anki jekk dawn jistgħu jservu sabiex tiġi stabbilita, kontra l-impriża li pprovdiethom jew kontra impriża oħra, l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv.

(ara l-punti 252, 253, 268)