Language of document : ECLI:EU:C:2016:693

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-15 ta’ Settembru 2016 (1)

Kawża C‑524/14 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Hansestadt Lübeck

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Tariffi tal-ajruport – Artikolu 108(2) TFUE – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Ammissibbiltà tar-rikors għal annullament – Persuna kkonċernata individwalment – Interess ġuridiku – Artikolu 107(1) TFUE – Kriterju ta’ selettività”





1.        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l‑annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Settembru 2014, Hansestadt Lübeck vs Il-Kummissjoni (2), li permezz tagħha, minn naħa waħda, annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 1012 finali (3) sa fejn din id-deċiżjoni tirrigwarda r‑Regolament dwar it-tariffi tal-ajruport ta’ Lübeck (il-Ġermanja) adottat fl-2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2006”) u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

2.        Fost il-kwistjonijiet imqajma minn dan l-appell, tnejn minnhom jistħoqilhom attenzjoni partikolari ferm. L-ewwel waħda tirrigwarda l‑eżami tal-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn entità pubblika li tamministra ajruport kontra deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ regolament li jistabbilixxi, għal dan l-ajruport, l-ammont tat-tariffi tal-ajruport li l‑kumpanniji tal-ajru għandhom iħallsu. It-tieni waħda tirrigwarda l‑evalwazzjoni tan-natura selettiva ta’ miżura li tikkonsisti f’tali regolament.

3.        Il-kawża toffri għalhekk, fil-kuntest partikolari ħafna ta’ deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, l‑opportunità li tiġi ppreċiżata l-portata tal-kundizzjoni li, sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna mill-Istat”, il-miżuri kontenzjużi inkwistjoni għandhom, b’mod partikolari, kif meħtieġ espressament mill‑Artikolu 107(1) TFUE “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”. Din il-kundizzjoni, normalment imsejħa il-“kriterju ta’ selettività”, hija, kif osserva l-Avukat Ġenerali Wathelet fil‑konklużjonijiet reċenti tiegħu fil-kawżi magħquda Il-Kummissjoni vs Banco Santander u Santusa (4), li jirrigwardaw, ċertament, miżuri ta’ natura fiskali differenti ħafna minn dawk previsti f’din il-kawża, waħda mill-kwistjonijiet l-iktar kontroversjali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. L-ispjegazzjonijiet li għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ser tasal biex tagħti f’din il-kawża ser jikkontribwixxu sabiex jipprovdu l‑kjarifiki mistennija fil-kuntest partikolari tal-miżuri ta’ natura tariffarja, bħal regolament fil-qasam tat-tariffi tal-ajruport, intiż għall‑finanzjament ta’ infrastrutturi.

I –    Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –    L-ajruport ta’ Lübeck

4.        L-ajruport ta’ Lübeck jinsab fil-Ġermanja, fil-Land ta’ Schleswig-Holstein.

5.        Sal-31 ta’ Diċembru 2012, kien jiġi operat minn Flughafen Lübeck GmbH (iktar ’il quddiem “FL”). Sat-30 ta’ Novembru 2005, FL kienet miżmuma 100 % mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, Hansestadt Lübeck (il-belt ta’ Lübeck). Mill-1 ta’ Diċembru 2005 sal-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru 2009, FL kienet miżmuma 90 % mill-impriża privata minn New Zealand Infratil u 10 % mill-belt ta’ Lübeck. Mix-xahar ta’ Novembru 2009, FL kienet mill-ġdid miżmuma 100 % mill-belt ta’ Lübeck. Fl-1 ta’ Jannar 2013, l-ajruport ta’ Lübeck inbiegħ lil Yasmina Flughafenmanagement GmbH, peress li FL ġiet assorbita mill-belt ta’ Lübeck u tneħħiet mir-reġistru kummerċjali fit-2 ta’ Jannar 2013.

B –    Ir-Regolament tal-2006

6.        Skont l-Artikolu 43a(1) tal-Luftverkehrs-Zulassungs-Ordnung (regolament tal-Liċenzjar għan-navigazzjoni bl-ajru, iktar ’il quddiem il-“LuftVZO”), tad-19 ta’ Ġunju 1964 (5), kif kien fis-seħħ fl‑2006, qabel il-bidu tal-attivitajiet tal-ajruport, l-operatur tal-ajruport kellu jippreżenta għall-approvazzjoni, lill-awtorità ta’ superviżjoni, regolament ta’ użu, u għall-ajruporti, regolament dwar it-tariffi għat‑tluq, l-inżul u l-parkeġġ tal-ajruplani, kif ukoll għall-użu tal‑installazzjonijiet għall-passiġġiera bl-ajru.

7.        Skont din id-dispożizzjoni, FL adottat ir-Regolament tal-2006 li jistabbilixxi l-ammont tat-tariffi tal-ajruport, li kien approvat mill‑awtorità ta’ superviżjoni, jiġifieri mill-awtorità tal-ajru tal-Land ta’ Schleswig-Holstein, u li japplika, sa mill-15 ta’ Ġunju 2006, għall‑kumpanniji tal-ajru kollha li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck, ħlief fil‑każ ta’ ftehim konkluż bejn l-amministratur tiegħu u kumpannija tal‑ajru. Dan ir-regolament jipprovdi tariffa ta’ nżul, tariffa tal‑“passiġġieri”, tariffa għas-servizzi tat-terminal u għall-assistenza waqt il-waqfien bejn titjira u oħra, tariffa tas-sigurtà, tariffa għall-ftuħ eċċezzjonali kif ukoll tariffa tal-parkeġġ.

8.        Fl-2007, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ kuntratt konkluż bejn FL u l‑kumpannija tal-ajru Ryanair, peress li għal din il-kumpannija l‑imsemmi kuntratt jistabbilixxi tariffi inferjuri għal dawk previsti mir-Regolament dwar it-tariffi fis-seħħ.

9.        Billi b’mod partikolari kkunsidrat li r-Regolament tal-2006 seta’ jinkludi wkoll għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il‑Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE fir‑rigward ta’ diversi miżuri relatati mal-ajruport ta’ Lübeck, fosthom dan ir-regolament.

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ottubru 2012, FL ressqet azzjoni għall-annullament tad‑deċiżjoni kontenzjuża sa fejn, minn naħa waħda, hija tiftaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tar-Regolament tal‑2006 (l-ewwel kap ta’ talbiet) u min-naħa l-oħra tobbliga lir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħti risposta għall-ordni li tipprovdi informazzjoni f’dak li jikkonċerna lil dan ir-regolament (it‑tieni kap ta’ talbiet).

11.      Fir-replika, irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2013, il-belt ta’ Lübeck iddikjarat li kienet qiegħda tissostitwixxi lil FL, sabiex tkompli l-azzjoni mressqa inizjalment minn din tal-aħħar.

12.      Insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet tagħha, il-belt ta’ Lübeck qajmet ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar‑Repubblika Federali tal-Ġermanja, it-tieni, fuq ksur tal-obbligu li jitwettaq eżami diliġenti u imparzjali, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE, tal-Artikoli 4, 6 u 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (6), ir-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u, il-ħames, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

13.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l‑ewwel kap ta’ talbiet kien ammissibbli peress li qieset li FL, minn naħa waħda, fil-mument tal-preżentata tar-rikors kienet ikkonċernata direttament u individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża u kellha għalhekk locus standi u min-naħa l-oħra, kienet żammet interess ġuridiku wara l‑bejgħ tal-ajruport ta’ Lübeck. Fuq il-mertu, hija laqgħet ir-raba’ motiv, fir-rigward tal-parti tiegħu bbażata fuq ksur tal‑Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kriterju ta’ selettività biss u, konsegwentement annullat id‑deċiżjoni kontenzjuża sa fejn hija tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tar-Regolament tal‑2006. Fir‑rigward tat-tieni kap ta’ talbiet, peress li l-motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, kien miċħud bħala manifestament infondat, il-kumplament tar-rikors ġie miċħud.

III – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja

14.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiddikjara l-imsemmi rikors bħala mingħajr skop;

–        sussidjarjament ukoll, tiddikjara infondata l-parti mir-raba’ motiv tar‑rikors li permezz tagħha l-belt ta’ Lübeck tallega ksur tal‑Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kriterju ta’ selettività, u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal‑partijiet l-oħra tar-raba’ motiv kif ukoll fir-rigward tal-ewwel, it‑tieni, it-tielet u l-ħames motivi; u

–        tikkundanna lill-belt ta’ Lübeck għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u tal-appell jew, sussidjarjament, fil-każ li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, tirriżerva d-deċiżjoni dwar l‑ispejjeż fir-rigward tal-ewwel istanza u tal-appell.

15.      Il-belt ta’ Lübeck titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell kollu kemm hu u tikkonferma t-talbiet li hija ppreżentat fl-ewwel istanza, fl-intier tagħhom, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16.      Permezz tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Marzu u tal-14 ta’ April 2015, ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja u r-Renju ta’ Spanja ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-belt ta’ Lübeck.

17.      Il-partijiet esponew il-pożizzjonijiet tagħhom bil-miktub u oralment matul is-seduta tal-31 ta’ Mejju 2016.

IV – Analiżi tal-appell

18.      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka ħames aggravji. L-ewwel tnejn jirrigwardaw l-eżami tal-ammissibbiltà tar‑rikors fl-ewwel istanza. It-tielet aggravju jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura selettiva tal-miżuri inkwistjoni. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali allegatament kisret in-natura stretta tal‑istħarriġ ġudizzjarju applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni formali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

A –    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq li FL ma kinitx ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża

1.      Argumenti tal-partijiet

19.      Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat li FL kienet ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża għar-raġuni li, billi tat għajnuna mill‑Istat, hija kienet eżerċitat poteri mogħtija esklużivament lilha. B’hekk il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, għaliex skont id-dritt nazzjonali applikabbli, regolament dwar it-tariffi għandu jkun approvat mill‑awtorità ta’ superviżjoni tal-Land, li minn naħa tagħha hija marbuta bil‑leġiżlazzjoni federali dwar it-tariffi tal-ajruport. Għalhekk, il-fatt li l-impriża pubblika li tamministra l-ajruport hija responsabbli li tipproponi dan ir-regolament ma jfissirx li hija għandha, minflok l-Istat, is-setgħa li tiddeċiedi hija stess l-amministrazzjoni u l-politiki li hija tapplika permezz tal-imsemmi regolament. L-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-kriterju tal-interess individwali allegatament hija, f’dan ir-rigward, kontradittorja għal dik magħmula fis‑sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, DEFI vs Il‑Kummissjoni (7).

20.      Il-belt ta’ Lübeck issostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li FL kienet ikkonċernata individwalment mid‑deċiżjoni kontenzjuża. Hija targumenta li, fid-data tal‑preżentata tar-rikors, FL, li dakinhar kienet miżmuma 90 % minn investitur privat, kellha kompetenza li tadotta u timplementa r‑Regolament tal-2006. Hija tenfasizza b’mod partikolari li l-operatur tal‑ajruport jista’ japplika tali regolament anki fil-każ ta’ rifjut tal‑awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 43a(1) tal‑LuftVZO. Il‑konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija konformi mad-dritt nazzjonali, u fi kwalunkwe każ, ma tistax tkun ikkontestata fil-kuntest ta’ appell.

21.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tispjega li, fil-Ġermanja, it‑tariffi tal-ajruport huma stabbiliti b’mod diskrezzjonali mill-impriżi li jamministraw l-ajruporti permezz ta’ regolamenti li huma implementati permezz ta’ kuntratti rregolati mid-dritt privat konklużi mal-kumpanniji tal-ajru. L-approvazzjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni prevista fl-Artikolu 43a(1) tal-LuftVZO allegatament ma għandha l-ebda “effett kostituttiv” fir-rigward tal‑validità tar-regolament li jistabbilixxi t-tariffi tal-ajruport. Din l-aħħar dispożizzjoni allegatament tippermetti biss stħarriġ preventiv, intiż sabiex jiġi evitat l-abbuż, tar‑relazzjonijiet bejn l-amministraturi tal-ajruporti u l-utenti, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tat-traffiku tal-ajru u tal-kompetizzjoni. Ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, barra minn hekk, li l‑interessi tal-impriżi tal-ajruporti rregolati mid-dritt privat, bħal FL, ma għandhomx jiġu konfużi mal-interessi tal-Istat u li, għall-kuntrarju tal‑korp inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, DEFI vs Il-Kummissjoni (8), dawn l-impriżi ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala estensjoni tal-Istat.

2.      Evalwazzjoni

22.      Mill-punti 29 sa 34 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet essenzjalment li FL kienet ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża, għal dak li jirrigwarda r‑Regolament tal-2006, sa fejn din kienet taffettwa att li tiegħu FL kienet waħda mill-awturi u kienet tipprekludiha milli teżerċita, kif kellha l-intenzjoni, is-setgħat tagħha. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, għalkemm skont id-dritt nazzjonali applikabbli, f’dan il-każ l‑Artikolu 43a(1) tal-LuftVZO, ir-regolament dwar it-tariffi stabbilit u propost mill-amministratur tal-ajruport kellu jkun approvat mill‑awtorità ta’ superviżjoni, din l-awtorità ma kellhiex is-setgħa li tistabbilixxi hija stess it-tariffi tal-ajruport.

23.      F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-kundizzjoni ta’ interess individwali li tirriżulta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija ssodisfatta meta l-att ikkontestat jippreġudika lir-rikorrent minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalih jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzah fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, jindividwalizzah b’mod analogu għal dak li d-destinatarju jkun individwalizzat minnu (9).

24.      Persuna fiżika jew ġuridika għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija kkonċernata individwalment minn att li jipprekludiha direttament milli teżerċita, kif kellha l-intenzjoni li tagħmel, is-setgħat tagħha, li jikkonsistu b’mod partikolari fl-għoti ta’ allegata għajnuna lil xi impriżi (10), u li jwassal għal bidla fir-relazzjonijiet kuntrattwali mal‑impriża jew impriżi li allegatament jibbenefikaw mill-miżuri kontenzjużi (11).

25.      F’dan il-każ, għandu jiġi stabbilit jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta kkonkludiet li, skont id-dritt nazzjonali rilevanti (l‑Artikolu 43a(1) tal-LuftVZO), FL kellha kompetenza fl-adozzjoni u fl‑implementazzjoni tar-Regolament tal-2006.

26.      Fil-punt 29 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet analiżi tal-Artikolu 43a(1) tal-LuftVZO, li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tar-Regolament tal-2006. B’mod partikolari minn din hija ddeduċiet li, peress li l-awtorità ta’ superviżjoni ma għandhiex, bid-differenza ta’ FL, setgħa fil-qasam tal-iffissar tat-tariffi tal-ajruport, is-setgħa li jiġi adottat ir-Regolament tal-2006 kienet ta’ din tal-aħħar u mhux tal‑awtoritajiet statali (ara l-punt 32 tas-sentenza appellata).

27.      Peress li hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-Qorti Ġenerali, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat sabiex jivverifika li l-Qorti Ġenerali ma żnaturatx dan id‑dritt (12).

28.      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li dan l‑iżnaturament għandu jidher fil-konstatazzjonijiet li l-ineżattezza materjali tagħhom tidher mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal‑provi (13). Fi kliem ieħor, tali żnaturament għandu jkun manifest (14). B’mod iktar partikolari, peress li hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad‑dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza sabiex teżamina, qabelxejn, jekk il-Qorti Ġenerali, abbażi tad‑dokumenti u atti oħra li ġew ippreżentati quddiemha, żnaturatx il-kliem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jew il-portata tal‑ġurisprudenza nazzjonali relatata magħhom jew inkella d-duttrina legali li tittrattahom. Imbagħad jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx, fir‑rigward ta’ dawn il-provi, konstatazzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-kontenut tagħhom. Fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali, fil‑kuntest tal-eżami tal-provi kollha, tatx lil xi waħda minn dawn il‑provi, sabiex tikkonstata l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, portata li ma tapplikax għaliha meta mqabbla mal‑provi l‑oħra, sa fejn dan jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal‑proċess (15).

29.      Issa, f’dan il-każ, minkejja d-dubji li jistgħu jitnisslu fir-rigward tar-realtà tal-awtonomija tal-amministratur tal-ajruport u, għalhekk, tal‑eżistenza ta’ interess proprju tiegħu, distint minn dak tal-awtorità ta’ superviżjoni, għaż-żamma tar-Regolament tal-2006, il-provi mressqa mill‑Kummissjoni sabiex tikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali rilevanti ma jippermettux li jintwera xi żnaturament tal-provi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.

30.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq kontradizzjoni bejn l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan il-każ u s-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, DEFI vs Il-Kummissjoni (16), lanqas ma huma ta’ natura li jirrendu invalida din il-konklużjoni. Fil-fatt, minkejja li l-fatti tal-Kawża DEFI vs Il‑Kummissjoni donnhom jippreżentaw ċerti similaritajiet mal-kawża preżenti, bħall-possibbiltà li l-awtorità ta’ superviżjoni ma tapprovax il‑modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-miżura inkwistjoni, jidhirli li din il‑kawża hija differenti, minħabba l-istħarriġ iktar limitat eżerċitat mil‑Land fuq l-iffissar tat-tariffi proposti mill-entità li tamministra l‑ajruport, peress li dan ma jistax jipprekludi l-applikazzjoni tar‑Regolament tal-2006, kif ukoll minħabba l-interessi diverġenti tal‑awtorità ta’ superviżjoni, ta’ FL u tal-utenti tal-ajruport. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza DEFI vs Il-Kummissjoni ddeċidiet li l-Gvern Franċiż kellu mingħajr kontestazzjoni s-setgħa li jiddetermina l‑amministrazzjoni u l-politika tal-Kumitat DEFI u għalhekk li jiddefinixxi wkoll l-interessi li dan għandu jiddefendi (punt 18).

31.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li l‑ewwel aggravju ma jistax jintlaqa’.

B –    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq li l-belt ta’ Lübeck ma kellhiex interess ġuridiku attwali

1.      Argumenti tal-partijiet

32.      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, minn naħa waħda, li FL kellha interess ġuridiku, anki wara l-bejgħ tal-ajruport ta’ Lübeck lil investitur privat (Yasmina Flughafenmanagement GmbH), peress li l‑proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet għadha ma ntemmietx u peress li għalhekk, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet għadha tipproduċi l-effetti tagħha, u min-naħa l-oħra li, fi kwalunkwe każ, FL kienet żammet interess ġuridiku fil-perijodu preċedenti għall-bejgħ. Hija ssostni li, anki fl-assenza ta’ deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni kontenzjuża ma baqgħetx tipproduċi l-uniku effett legali tagħha, jiġifieri l-obbligu li tiġi sospiża l-miżura ta’ għajnuna matul l-investigazzjoni (17), peress li ma kienx hemm sospensjoni mħabbra qabel il-31 ta’ Diċembru 2012 u peress li r-Regolament tal-2006 ma setax, wara l-1 ta’ Jannar 2013, data tal-privatizzazzjoni tal-ajruport ta’ Lübeck, jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala skema ta’ għajnuna li qed tiġi eżegwita, peress li din tal-aħħar ma kinitx għadha ffinanzjata minn fondi pubbliċi. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali allegatament tmur kontra l-ġurisprudenza li tipprovdi li l-interess għandu jkun reali u attwali u jippersisti biss jekk ir-rikors ikun jista’, bir-riżultat tiegħu, jipproduċi benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu. Barra minn hekk, il-belt ta’ Lübeck allegatament ma wrietx li kellha xi interess li żżomm ir-rikors tagħha wara l-privatizzazzjoni tal-ajruport ta’ Lübeck.

33.      Il-belt ta’ Lübeck, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, issostni li FL kellha interess ġuridiku fil-mument tal-preżentata tar-rikors, li huwa l-mument rilevanti sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà tiegħu. Hija ssostni li, fid-data tal-preżentata tar-rikors, l-effetti sfavorevoli tad-deċiżjoni kontenzjuża kienu jikkonsistu b’mod partikolari fl-obbligu ta’ sospensjoni impost fuq FL b’applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal‑Artikolu 108(3) TFUE. Barra minn hekk, il-belt ta’ Lübeck attwalment għad baqgħalha interess ġuridiku, għaliex, mingħajr l-annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni kontenzjuża tibqa’ tipproduċi effetti legali li jippreġudikawha attwalment, wara l-bejgħ tal-ajruport. Hija targumenta b’mod partikolari li l-qrati nazzjonali huma obbligati, fuq talba, jordnaw l-irkupru tal-allegati vantaġġi. Hija tikkunsidra wkoll li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni li tikkonkludi li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat, hija tinsab esposta għal riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità. Fl-aħħar hija ssostni li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża tista’ sservi sabiex hija tipprepara rikors għad-danni, peress li, fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija kienet tkun tista’ tikkonvinċi kumpanniji tal-ajru oħra jużaw l‑ajruport ta’ Lübeck u tikseb, fil-mument tal-bejgħ tiegħu, prezz ogħla.

2.      Evalwazzjoni

34.      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li FL, li ġiet issostwita mill-belt ta’ Lübeck, kellha interess reali u attwali fil-mument tal‑preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Dwar dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li FL kellha, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kontenzjuża peress li din kienet tipproduċi effetti legali obbligatorji ta’ natura li jaffettwaw l-interessi proprji tagħha.

35.      Il-Kummissjoni tikkontesta, madankollu, li dan l-interess kompla jippersisti wara l-bejgħ tal-ajruport ta’ Lübeck lil kumpannija privata. Fil-fehma tagħha, l-obbligu ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-allegata skema ta’ għajnuna huwa l-uniku effett ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Issa, peress li tali sospensjoni ma seħħitx qabel il-bejgħ tal-ajruport ta’ Lübeck lil kumpannija privata, l‑interess ġuridiku tal-belt ta’ Lübeck kien intilef fil-mori tal-kawża.

36.      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li fil-punt 37 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li l‑bejgħ tal-ajruport ta’ Lübeck lil kumpannija privata fl-1 ta’ Jannar 2013, wara d-deċiżjoni kontenzjuża u meta r‑rikors ġie ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ġab fi tmiemha l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, b’tali mod li l-obbligu ta’ sospensjoni tal-imsemmija skema ma baqax jippreġudika lill-belt ta’ Lübeck u li din ma kienx baqgħalha interess titlob l‑annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Hija kkunsidrat li peress li l‑proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx magħluqa, l‑imsemmija deċiżjoni kienet għadha tipproduċi l-effetti tagħha u li l-belt ta’ Lübeck żammet interess ġuridiku tal-inqas għall-perijodu preċedenti l-bejgħ tal‑ajruport.

37.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hijiex korretta, għandha titfakkar fil-qosor il-ġurisprudenza dwar ir‑rekwiżit ta’ interess ġuridiku reali u attwali.

38.      Qabel xejn, huwa stabbilit li l-interess ġuridiku, li jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali u primarja f’kull rikors ġudizzjarju ta’ rikorrent distinta mil-locus standi (18), għandu, fid-dawl tal-għan tar-rikors, ikun jeżisti meta ssir il-preżentata, u dan taħt piena ta’ inammissibbiltà. Dan is-suġġett tal‑kawża għandu jippersisti, bħall-interess ġuridiku, sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja u fin-nuqqas ta’ dan ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li bir-riżultat ta’ dan, ir-rikors jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-parti li ppreżentatu. F’dan ir-rigward, il-persistenza tal‑interess ġuridiku ta’ rikorrent għandha tiġi evalwata in concreto, fid‑dawl, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi tal-allegata illegalità u tan‑natura tad-dannu allegatament subit (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel mill-aħjar tagħha sabiex ma tagħtix perċezzjoni restrittiva ħafna ta’ dan l-interess.

39.      Fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li tali deċiżjoni kienet ta’ natura li jkollha diversi effetti legali awtonomi. Għalhekk, barra l-obbligu ta’ sospensjoni tal-miżura tal-allegata għajnuna matul il-proċedura ta’ rikors magħmul kontra din id-deċiżjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li l-qorti nazzjonali tkun adita b’mod partikolari sabiex jinġibdu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE (20). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet għalhekk li, minkejja n-natura preliminari tal‑evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, din ma hijiex nieqsa minn effetti legali (21). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tibdel neċessarjament is‑sitwazzjoni legali tal-impriżi li jibbenefikaw mill-miżura (22).

40.      Għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Kummissjoni, il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx is-sospensjoni tal‑miżura bħala l-uniku effett legali tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (23). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat effetti legali oħra li jirriżultaw minn deċiżjoni ta’ ftuħ. Il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati nazzjonali “għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex jisiltu l-konsegwenzi ta’ eventwali ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija miżura” (24) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fost dawn il-konsegwenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod partikolari l-possibbiltà li s-sospensjoni tal-miżuri tkun akkumpanjata mill-obbligu tal-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa. Il‑qorti nazzjonali tista’ wkoll tordna miżuri provviżorji sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-partijiet kif ukoll l-effett utli tad‑deċiżjoni tal-Kummissjoni (25).

41.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jidhirli li l-effetti legali tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huma ta’ natura li jippersistu anki wara l-bejgħ tal-ajruport ta’ Lübeck lil operatur privat. Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tkompli, sakemm din tingħalaq mill-Kummissjoni, tqiegħed fuq FL riskju li qorti nazzjonali tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija meta FL, li kienet issostitwita mir-rikorrenti, kienet proprjetarja tal-ajruport ta’ Lübeck.

42.      Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kompliet tipproduċi effetti legali awtonomi li jbiddlu l-pożizzjoni legali ta’ FL, b’tali mod li tagħtiha interess ġuridiku.

43.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din il-kawża hija partikolari minħabba l-fatt li l-miżura kontenzjuża kienet għadha qed tiġi eżegwita meta ġie ppreżentat ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u li, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja, din il-miżura għadha fis-seħħ sal-lum. F’tali kuntest, jidher li FL tibqa’ esposta għar-riskju li jiġi ordnat l-irkupru tal‑għajnuna mogħtija meta hija kienet proprjetarja tal-ajruport u dan skont l-obbligu li l-qorti nazzjonali għandha sabiex tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tislet il-konsegwenzi ta’ eventwali ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija miżura.

44.      L-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq li, fid-data li fiha ġiet ippreżentata r-replika, ma kien hemm ebda rikors pendenti kontra l-approvazzjoni tar-Regolament tal-2006 u li r-rikorsi kollha ta’ wara din id-data kienu preskritti ma jistgħux jintlaqgħu. Anki jekk jiġi preżunt li din l-aħħar dikjarazzjoni hija eżatta, ma jistax jiġi eskluż mill-bidu li, fid-data li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, FL kellha interess li d-deċiżjoni kontenzjuża tiġi annullata.

45.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena tal-opinjoni li r-rikorrenti fl-ewwel istanza baqgħet tal-inqas esposta għar-riskju li qorti nazzjonali tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija qabel il-bejgħ tal‑ajruport ta’ Lübeck. Hija żammet għalhekk interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

46.      Għalhekk, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

C –    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tas‑selettività tar-Regolament tal-2006

1.      Argumenti tal-partijiet

47.      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l‑Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “selettività” fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE billi kkunsidrat li, sabiex tevalwa n-natura eventwalment selettiva tar-Regolament tal-2006, kellu jiġi vverifikat jekk dan kienx japplika b’mod nondiskriminatorju għall-impriżi kollha li jużaw, jew jistgħu jużaw, l-oġġett jew is-servizz partikolari. Il-fatt li dan ir-regolament japplika biss għall-kumpanniji li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck ma huwiex kriterju rilevanti.

48.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tikkontradixxi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (26) li tistabbilixxi li miżura ma hijiex miżura ġenerali ta’ politika fiskali jew ekonomika, u hija għalhekk ta’ natura selettiva, jekk hija tapplika biss għal ċerti setturi tal-ekonomija jew għal ċerti impriżi fi ħdan settur partikolari. Fl‑opinjoni tagħha, il-kundizzjonijiet li fihom impriża pubblika tipprovdi l-oġġetti jew servizzi tagħha jibqgħu dejjem miżuri selettivi, peress li l-kwistjoni ta’ inugwaljanza jew diskriminazzjoni huma, f’dan il-kuntest, mingħajr importanza sabiex tiġi konkluża l‑eżistenza jew le ta’ għajnuna. Għalhekk il-Qorti Ġenerali allegatament kienet żbaljata meta rreferiet għall-kriterju użat fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (27), kriterju li allegatament japplika biss għall-miżuri fiskali u mhux għall-kundizzjonijiet li fihom impriża pubblika tipprovdi l-oġġetti jew servizzi tagħha (28). Il-filtru determinanti f’dan l-aħħar każ huwa l‑kriterju tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq.

49.      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li huma l‑effetti tal-miżura li huma determinanti sabiex tiġi evalwata n-natura selettiva tagħha (29) u li tipprovdi li l-miżuri li minnhom jibbenefika settur tal‑attività wieħed biss huma selettivi (30). Hija tenfasizza li minkejja li l‑ajruport ta’ Lübeck jinsab f’kompetizzjoni diretta ma’ dak ta’ Hamburg (il-Ġermanja), il-vantaġġ mogħti mir-Regolament tal-2006 huwa għall‑benefiċċju tal-kumpanniji li jużaw l-ewwel ajruport biss, li huwa biżżejjed sabiex juri n-natura selettiva ta’ dan ir-regolament. L-approċċ użat mill-Qorti Ġenerali jwassal sabiex ineħħi mir-regoli dwar l‑għajnuna mill-Istat ir-regolamenti li jistabbilixxu t-tariffi tal-ajruport.

50.      B’mod iktar sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kriterju dwar l-impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fir-rigward tal-għan li trid tilħaq il-miżura kkonċernata. Sabiex jiġi ddeterminat liema impriżi jinsabu f’din is-sitwazzjoni, għandu jiġi użat bħala kriterju mhux il‑kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni, iżda l-istruttura tal-ispejjeż tal-impriżi kkonċernati. F’dan il-każ, ir-Regolament tal-2006 jkun selettiv għaliex ma josservax il-prinċipju, stabbilit fl‑Artikolu 43a(1) tal-LuftVZO, impost fuq l-ajruport Ġermaniżi kollha u għalhekk fuq il-kumpanniji tal-ajru kollha, li jipprovdi li t-tariffi tal‑ajruport għandhom ikopru l-ispejjeż.

51.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi billi naqset milli teżamina jekk it-tnaqqis mogħti fir-Regolament tal-2006 huwiex selettiv għar-raġuni li minnu jibbenefikaw biss il-kumpanniji tal-ajru li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet.

52.      Il-belt ta’ Lübeck issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li r-Regolament tal-2006 ma jiffavorixxix xi impriżi jew xi produzzjonijiet. Fil-fehma tagħha, it-trattament iddifferenzjat ta’ impriżi u ta’ produzzjonijiet komparabbli huwa kundizzjoni tas-selettività (31). Għalhekk, ir-Regolament tal-2006 allegatament ma huwiex selettiv, għaliex ma jittrattax b’mod differenti impriżi jew produzzjonijiet komparabbli.

53.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet li fihom impriża pubblika tipprovdi l-oġġetti u s-servizzi tagħha għandhom dejjem ikunu kkunsidrati bħala selettivi. Miżura tkun ta’ natura selettiva biss jekk tkun tagħti kundizzjonijiet speċjali għal xi grupp ta’ impriżi u twettaq differenza interna bejn l-utenti fir-rigward tal-aċċess għall-installazzjonijiet pubbliċi inkwistjoni u għall-użu tagħhom. Barra minn hekk, l-utenti ta’ ajruporti oħra ma jinstabux f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

54.      Ir-Renju ta’ Spanja jaqbel mal-interpretazzjoni tal‑Artikolu 107(1) TFUE mogħtija mill-Qorti Ġenerali għal dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ selettività u jsostni l-argumenti tal-belt ta’ Lübeck. Huwa jżid li l-argument imressaq mill-Kummissjoni li l-fatt li jiġu stabbiliti l‑kundizzjonijiet li fihom entità pubblika tipprovdi l-oġġetti jew is‑servizzi tagħha jikkostitwixxi miżura selettiva ma jirriżultax mill‑ġurisprudenza. Ir-Renju ta’ Spanja jiġbed l-attenzjoni għall‑provi użati fis-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (32) sabiex jiġi ddeterminat jekk l-impriżi humiex f’sitwazzjonijiet komparabbli.

2.      Evalwazzjoni

55.      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, ħlief għad-derogi previsti fit-trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, magħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

56.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il‑kwalifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (33).

57.      Għaldaqstant huwa stabbilit sew li, sabiex miżura nazzjonali tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal‑Artikolu 107(1) TFUE, fl-ewwel lok din għandha tkun intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fit-tieni lok, dak l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fit-tielet lok, għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u, fir-raba’ lok, għandu jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni (34).

58.      F’din il-kawża, huma inkwistjoni biss l-interpretazzjoni u l‑applikazzjoni tat-tielet kundizzjoni, u b’mod iktar preċiż tar-rekwiżit ta’ “selettività”.

59.      Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita sew, miżura titqies bħala selettiva meta tkun ta’ natura li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fid-dawl tal-għan li trid tilħaq il-miżura kkonċernata (35).

60.      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali sostniet, essenzjalment, li n-natura selettiva ta’ miżura li permezz tagħha entità pubblika toffri l-oġġetti u s‑servizzi tagħha għandha tkun evalwata fid-dawl tal-impriżi kollha li jużaw jew jistgħu jużaw dan l-oġġett jew dan is-servizz. Billi sostniet li t-tariffi stabbiliti skont ir-Regolament tal-2006 kienu applikabbli b’mod nondiskriminatorju, hija kkonkludiet li dan ir-regolament ma kienx ta’ natura selettiva.

61.      F’dan ir-rigward, il-punt 53 tas-sentenza appellata donnu jinkludi petizzjoni tal-prinċipju hekk ifformulat:

“[S]abiex jiġi evalwat il-karattru eventwalment selettiv fir-rigward ta’ ċerti impriżi ta’ livell tariffarju stabbilit minn entità pubblika għall-użu ta’ oġġett jew servizz speċifiku f’settur partikolari, għandha, b’mod partikolari, issir riferenza għall-impriżi kollha li jużaw, jew li jistgħu jużaw, dan l-oġġett jew servizz determinat u li jiġi eżaminat jekk humiex biss xi wħud minnhom li jibbenefikaw, jew jistgħu jibbenefikaw, minn tali vantaġġ. B’hekk, is-sitwazzjoni tal-impriżi li ma jridux, jew li ma jistgħux, jużaw l-oġġett jew is-servizz inkwistjoni ma hijiex direttament rilevanti biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ. Fi kliem ieħor, il-karattru selettiv [natura selettiva] ta’ miżura li tikkonsisti f’livell tariffarju stabbilit minn entità pubblika għall-użu ta’ oġġett jew servizz ipprovdut minn din l-entità jista’ jiġi evalwat biss fir-rigward tal-klijenti, attwali jew potenzjali, tal-entità msemmija u tal-oġġett jew tas-servizz speċifiku inkwistjoni, u mhux fir-rigward, b’mod partikolari, tal-klijenti ta’ impriżi oħra tas-settur li jipprovdu oġġetti jew servizzi simili. [Minbarra dan], kieku kellu jitqies li kull livell tariffarju mhux diskriminatorju applikat minn entità pubblika b’korrispettiv għal oġġett jew għal servizz partikolari għandu karattru selettiv, dan iwassal, essenzjalment, biex jitwessa’ b’mod eċċessiv il-kunċett ta’ għajnuna li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, li jinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, biex eventwali vantaġġ mogħti minn entità pubblika, fil‑kuntest tal-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi speċifiċi, jiffavorixxi lil ċerti impriżi, huwa neċessarju li impriżi li jużaw, jew li jixtiequ jużaw, dan l-oġġett jew servizz ma jibbenefikawx, jew ma jistgħux jibbenefikaw, mill-vantaġġ imsemmi min-naħa ta’ din l-entità f’dan il‑kuntest speċifiku”.

62.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, din l-evalwazzjoni hija żbaljata. L‑argument tagħha jinqasam f’erba’ partijiet. L-ewwel nett, hija ssostni li l-kundizzjonijiet li fihom impriża pubblika tipprovdi l-oġġetti u s‑servizzi tagħha jikkostitwixxu dejjem miżuri selettivi. It-tieni nett, hija tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi, minn naħa waħda, li huma determinanti biss l-effetti ta’ miżura fl-evalwazzjoni tan-natura selettiva tagħha, u min-naħa l-oħra, li l-miżuri li minnhom jibbenefika settur ta’ attività huma neċessarjament selettivi. It-tielet nett, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kriterju dwar l-“impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fid-dawl tal-għan li trid tilħaq il-miżura kkonċernata”. Ir-raba’ nett, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tivverifika jekk it-tnaqqis mogħti mir-Regolament tal-2006, li allegatament minnu jibbenefikaw biss kumpanniji tal-ajru li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, huwiex selettiv.

63.      Qabel nindirizza waħda waħda d-diversi partijiet tal-argument tal‑Kummissjoni, nixtieq nagħmel numru ta’ kunsiderazzjonijiet ġenerali li jidhirli li huma indispensabbli sabiex jinftiehmu sew is-sens u l-portata tal-kundizzjoni ta’ selettività li ser jiggwidaw l-eżami tiegħi ta’ dan l-aggravju.

a)      Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar is-sens tar-rekwiżit tas‑selettività li jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE u dwar il-portata tiegħu f’każ bħal dak inkwistjoni

64.      Kif enfasizzat il-Kummissjoni, mill-istruttura u mill-ġenesi tat-Trattati (36) jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn il-miżuri ġenerali ta’ politika fiskali jew ekonomika (li issa jaqgħu taħt l-Artikoli 113 u 115 sa 117 TFUE) u l-miżuri speċifiċi li jwasslu għal vantaġġi bis‑saħħa ta’ riżorsi tal-Istat (li min-naħa tagħhom issa huma previsti fl‑Artikoli 107 sa 109 TFUE).

65.      Ir-rekwiżit ta’ “selettività”, li jipprovdi li l-miżuri li jaqgħu taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE għandhom jindirizzaw “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” għandu bħala funzjoni primarja, sabiex ikun osservat it-tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri u l‑Unjoni Ewropea, li jiddistingwi l-għajnuna mill-Istat mill-miżuri ġenerali ta’ politika fiskali jew ekonomika.

66.      Meqjus bħala determinanti għad-distinzjoni tal-miżuri li jaqgħu fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat minn oħrajn, dan ir-rekwiżit, minkejja li fil-prinċipju (37) jippermetti li miżura statali li minnha jibbenefikaw mingħajr distinzjoni l-impriżi kollha li jinsabu fit-territorju nazzjonali (38) ma taqax fil-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE, madankollu ma jimplikax li miżura stabbilita fuq livell reġjonali jew lokali għandha neċessarjament tkun ikkunsidrata bħala selettiva. Minkejja li f’diversi każijiet, il-kuntest ta’ riferiment ikun jinsab fuq il-livell nazzjonali, ma huwiex eskluż li jkun livell inferjuri li jkollu jiġi applikat f’ċerti ipoteżijiet. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat preċiżament, fil-kawża msejħa “tal-Azores” (39), li ma jistax jiġi eskluż li entità infrastatali jkollha status legali u fattwali li jirrenduha suffiċjentement awtonoma meta mqabbla mal-gvern ċentrali ta’ Stat Membru sabiex, bil-miżuri li hija tadotta, tkun din l-entità, u mhux il-gvern ċentrali, li jkollha rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l‑impriżi. F’każ bħal dan, huwa t-territorju li fuqu l-entità infrastatali, awtriċi tal-miżura, teżerċita l-kompetenza tagħha u mhux it-territorju nazzjonali fit-totalità tiegħu li jikkostitwixxi l-kuntest rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk miżura adottata minn tali entità tiffavorixxix ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, fid-dawl tal-għan imfittex mill-miżura jew mill‑iskema ġuridika kkonċernata (40).

67.      B’estensjoni ta’ din il-kunsiderazzjoni, huwa llum ben stabbilit li dan il-kriterju jimponi li jiġi vverifikat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura tkunx ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn li jkunu jinsabu, fid-dawl tal-għan ta’ din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (41).

68.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura hijiex ta’ natura “selettiva” u għalhekk, tistax tikklassifika bħala “għajnuna mill-Istat”, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet repetutament li kien hemm lok li jiġu kkunsidrati l‑effetti li tipproduċi. Mill-banda l-oħra, ma jistgħux ikunu determinanti l‑kawżi u l-għanijiet tal-interventi statali kif ukoll it-teknikalitajiet użati għall-implementazzjoni ta’ dawn l-interventi (42).

69.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma jistgħux ikunu rilevanti, sabiex tiġi konkluża n-natura selettiva ta’ miżura partikolari, sempliċement in-natura sinjifikattiva jew in-numru ta’ impriżi li jibbenefikaw minnha, in-natura ftit jew wisq miftuħa taċ-ċirku tal‑benefiċjarji ta’ din il-miżura (43), jew anki l-fatt li l-impriżi kollha ta’ settur ekonomiku partikolari jistgħu jibbenefikaw mill-imsemmija miżura (44).

70.      Fi kliem ieħor, kif diġà kelli l-opportunità li nindika (45), il-ħtieġa ta’ selettività jew ta’ “speċifiċità” għandha tiġi distinta b’mod ċar mis-sejba ta’ vantaġġ ekonomiku. Fi kliem ieħor, ladarba tiġi stabbilita l-preżenza ta’ vantaġġ, f’sens wiesa’, li jirriżulta direttament jew indirettament minn miżura partikolari, għal darba oħra jkun fil-kompitu tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi li dak il-vantaġġ huwa indirizzat speċifikament lil impriża waħda jew lil diversi impriżi. B’mod partikolari, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi li l-miżura tintroduċi distinzjonijiet bejn impriżi li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni komparabbli (46). Dak li huwa pprojbit ma huwiex l-għoti ta’ vantaġġ per se, iżda l-fatt li dak l-għoti, li jsir b’mod diskriminatorju u, għaldaqstant, selettiv, ikun jista’ jpoġġi lil ċerti impriżi f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn.

71.      Dan premess, ir-rekwiżit ta’ selettività ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi separat totalment mill-identifikazzjoni konkomitanti, għalkemm distinta, ta’ vantaġġ ekonomiku.

72.      Jidhirli li dwar dan il-punt għandhom isiru diversi kunsiderazzjonijiet, li parzjalment diġà ddikjarajt (47).

73.      Fil-kuntest tal-eżami ta’ skema (48) ta’ natura ġenerali (skemi ta’ sussidji, skema ta’ tariffi, aġevolazzjonijiet fiskali, skema li tidderoga mil‑liġi komuni dwar il-falliment, faċilitajiet ta’ ħlas tat-taxxi jew piżijiet diversi, eċċ.), is-selettività tippermetti li jiġi identifikat jekk il‑vantaġġ preżunt, għalkemm ikun indirizzat lejn l-operaturi ekonomiċi kollha fuq bażi ġenerali, fir-realtà jkun ta’ benefiċċju biss għal ċerti tipi ta’ impriżi jew gruppi ta’ impriżi, meta jitqiesu l-kriterji oġġettivi stipulati fih.

74.      Dan jimplika li għandu jiġi identifikat jekk il-miżura inkwistjoni, minkejja l-konstatazzjoni li tagħti vantaġġ ta’ portata ġenerali, tkunx tagħmel dan għall-“benefiċċju esklużiv ta’ ċerti impriżi jew ċerti setturi ta’ attivitajiet”. Dan l-approċċ huwa intiż, skont formula oħra, biex jiġi żgurat li miżuri statali ma jintroduċux distinzjoni bejn l-impriżi – jew b’mod iktar preċiż bejn l-operaturi li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan assenjat lill-iskema nazzjonali inkwistjoni f’sitwazzjoni fattwali jew legali komparabbli – li ma tkunx iġġustifikata min-natura u mill-istruttura tal-iskema inkwistjoni.

75.      F’dan is-sens, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ selettività huwa marbut ma’ dak ta’ diskriminazzjoni (49). Għalkemm huwa minnu li ma jistax ikun meħtieġ mill-Kummissjoni li tidentifika bi preċiżjoni kategorija ta’ impriżi li għandhom karatteristiċi partikolari li huma favoriti mill-miżura kontenzjuża (50) sabiex tikkonkludi n-natura selettiva ta’ din tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li għandu jkun stabbilit li, minħabba n-natura derogatorja tal-iskema komuni – li kif diġà għidt qabel tista’ tkun sistema ġenerali nazzjonali, iżda mhux dejjem – hija għandha natura li tiffavorixxi ċerti impriżi.

76.      Għalhekk, sabiex tiġi konkluża n-natura selettiva ta’ miżura ta’ għajnuna allegata, jidhirli li huwa essenzjali li jiġi stabbilit li din twassal għal deroga minn sistema “komuni” jew “normali” u dan, fl-opinjoni tiegħi, tkun xi tkun in-natura tas-sistema inkwistjoni. Jidhirli li llum huwa ben stabbilit (51) li, sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura, kriterju li, fl-opinjoni tiegħi, huwa l-espressjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandu f’kull każ jiġi vverifikat jekk, fil-kuntest ta’ skema partikolari, din il-miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn.

77.      Din id-determinazzjoni preliminari tal-kuntest ta’ riferiment, irrikonoxxuta bħala essenzjali fil-qasam fiskali, fl-opinjoni tiegħi hija daqstant ieħor essenzjali wkoll fl-eżami tal-miżuri mhux fiskali, u b’mod partikolari ta’ skemi ta’ tariffi intiżi b’mod partikolari sabiex jiżguraw il‑finanzjament tal-infrastrutturi, bħar-Regolament tal-2006 inkwistjoni f’dan il-każ. Bl-istess mod seta’ jiġi kkunsidrat li d-determinazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment “għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali għaliex l-eżistenza nfisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa ‘normali’” (52), għandu jiġi deċiż li l-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura ta’ natura tariffarja teħtieġ li qabel jiġi stabbilit minn liema sistema “normalment applikabbli” hija trid tidderoga (53).

78.      Fl-aħħar nett, bħall-analiżi li tipprevalixxi fil-kuntest tal-eżami ta’ miżuri fiskali, jidhirli li, ladarba jkun stabbilit il-kuntest ta’ riferiment, imbagħad fit-tieni lok għandu jiġi ddeterminat jekk il‑miżura kontenzjuża tagħtix vantaġġ lil ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (54) u jekk ikun il-każ, fit-tielet lok, jiġi evalwat jekk l-għoti ta’ dan il-vantaġġ huwiex iġġustifikat min-natura u l-istruttura tas-sistema li fiha taqa’ l‑miżura.

79.      Hemm lok li jiġi enfasizzat – punt li ser niġi għalih fl-argumenti li ġejjin – li filwaqt li l-identifikazzjoni ta’ vantaġġ ekonomiku u, jekk ikun il-każ, l-evalwazzjoni tan-natura ġġustifikat tiegħu, huma relattivament ħfief meta miżura ta’ eżenzjoni fiskali tidderoga mis-sistema fiskali normalment applikabbli, skema “normali” li ħafna drabi hija ddefinita fuq livell nazzjonali, hemm bżonn ta’ ċerta prudenza fir-rigward ta’ miżuri ta’ natura tariffarja intiżi għall-finanzjament tal-infrastrutturi.

b)      Fuq l-ewwel parti tal-aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali allegatament injorat il-fatt li l-kundizzjonijiet li fihom impriża pubblika tipprovdi l-oġġetti jew is-servizzi tagħha jikkostitwixxu dejjem miżuri selettivi

80.      Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li l-kundizzjonijiet li fihom impriża pubblika tipprovdi l-oġġetti u s-servizzi tagħha jikkostitwixxu dejjem miżuri selettivi. Hija tibbaża ruħha fuq il‑konklużjonijiet mogħtija fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755) (55) kif ukoll fuq il-ġurisprudenza (56). Il-kriterju stabbilit fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598), li kien iservi sabiex jiġi ddeterminat jekk skema ta’ tassazzjoni jew taxxa kinitx selettiva jew le, ma jistax għalhekk ikun traspost għal dan il-każ. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il‑punt 53 tas-sentenza appellata juri li l-Qorti Ġenerali ħalliet li tiġi ggwidata minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika leġiżlattiva intiżi sabiex ineħħu mill-kontroll tal-għajnuna mill-Istat ir-regolamenti nondiskriminatorji dwar it-tariffi tal-istituzzjonijiet pubbliċi.

81.      M’inix konvint b’dan l-argument.

82.      L-ewwel nett, għall-kuntrarju ta’ dak li donnha tissuġġerixxi l‑Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja li għaliha hija għamlet riferiment bl-ebda mod ma jirriżulta li miżura li tistabbilixxi t‑tariffi tal-użu tal-oġġetti u s-servizzi ta’ impriża pubblika hija, min‑natura tagħha, selettiva.

83.      B’hekk, f’żewġ kawżi ċċitati mill-Kummissjoni, jiġifieri dawk li taw lok għas-sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (57) u tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni (58), kien jidher li kienu inkwistjoni tariffi vantaġġjużi mogħtija minn impriża pubblika għall-benefiċċju ta’ grupp ta’ klijenti. Fir-rigward tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (59) u tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO (60), dawn kienu jirrigwardaw il‑każijiet, fejn il-vantaġġi, minkejja li kienu disponibbli għall-operaturi kollha, fir-realtà bbenefika minnhom biss grupp ristrett minnhom. Fil‑qosor, ma kinitx il-provvista ta’ oġġetti jew servizzi minn korp pubbliku jew impriża pubblika li ġiet deċiża bħala selettiva fiha nnifisha, iżda l-fatt li din seħħet f’kundizzjonijiet preferenzjali.

84.      B’mod iktar globali, xejn ma jippermetti li jiġi ddikjarat li l‑kundizzjonijiet li fihom impriża pubblika tipprovdi l-oġġetti u s‑servizzi tagħha, f’kull każ meta din il-provvista tieħu l-forma ta’ sistema applikabbli għall-operaturi kollha li jixtiequ jużaw dawn l‑oġġetti jew servizzi, jissodisfaw dejjem il-kundizzjoni ta’ selettività.

85.      Kif fakkart fl-introduzzjoni ta’ dan l-aggravju, sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ skema partikolari, din il-miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (ara l-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

86.      F’dan il-kuntest, l-identifikazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment – u bit-tluq minnu, tal-vantaġġ li eventwalment jiġi prodott bid-deroga kontenzjuża – tikkostitwixxi rekwiżit neċessarju għal kull kunsiderazzjoni dwar is-selettività. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l‑Kummissjoni, ma hemmx lok li din il-verifika tkun irriżervata għal każ ta’ skemi fiskali jew ta’ taxxi. Għalkemm ma jistax jiġi miċħud li l‑metodu ta’ eżami tan-natura selettiva ta’ miżura partikolari jippreżenta partikolaritajiet skont in-natura tal-miżura, ma jidhirlix li huwa xieraq li jiġu stabbiliti kriterji ta’ eżami differenti skont jekk tkunx miżura ta’ natura fiskali jew miżura li tistabbilixxi t-tariffi tas-servizzi li hija tipprovdi lill-utenti tagħha.

87.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-eżerċizzju komparattiv preskritt, fir-rigward ta’ sistemi fiskali, huwa validu wkoll fir-rigward ta’ miżuri oħra. B’mod partikolari nirrileva li l-kriterju stabbilit fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598) ma kienx biss stabbilit għal miżura ta’ natura fiskali, iżda għal “miżura statali” b’mod ġenerali (61).

88.      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dan l-eżerċizzju komparattiv fir-rigward tal-miżuri marbuta mal-ħlas ta’ spejjeż u mal-użu ta’ infrastrutturi.

89.      Fil-fatt, fis-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9) (62), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb teżamina, fir-rigward tal‑awtorizzazzjoni mogħtija lit-taxis ta’ Londra sabiex isuqu fil-karreġġati tax-xarabanks, il-kwistjoni dwar jekk dawn it-taxis u l-karozzi tat‑turiżmu bix-xufier jinstabux f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. L-eżami tan-natura nondiskriminatorja ta’ miżura tikkoinċidi, essenzjalment, ma’ dik dwar jekk il-miżura tagħtix lill‑impriżi benefiċjarji vantaġġ ekonomiku selettiv.

90.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi kkunsidrat li l-miżuri dwar il‑kundizzjonijiet li fihom entità pubblika toffri oġġetti u servizzi ma humiex neċessarjament selettivi (ara l-punti 53, 54 u 57 tas-sentenza appellata).

91.      Għall-kuntrarju tal-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni, tali konklużjoni ma tiċħadx neċessarjament kwalunkwe possibbiltà li jiġu kklassifikati bħala “għajnuna mill-Istat” il-kundizzjonijiet li fihom impriża pubblika toffri l-oġġetti u s-servizzi tagħha meta dawn il-kundizzjonijiet japplikaw mingħajr distinzjoni għall-kontraenti tagħha kollha. F’każ bħal dan, dejjem jista’ jintwera li dawn il-kundizzjonijiet, minkejja li japplikaw mingħajr distinzjoni, huma fl-aħħar mill-aħħar ta’ profitt biss għal impriża jew għal diversi impriżi partikolari, b’mod partikolari għal dawk li jissodisfaw mudell kummerċjali stabbilit.

92.      Minkejja li mill-bidu ma jistax jiġi eskluż li livell tariffarju jwassal għal selettività, xorta għandu jintwera, dak li l-Kummissjoni, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, naqset milli tagħmel, li hija twassal għal diskriminazzjoni bejn ċerti operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli.

93.      Barra minn hekk, minkejja li l-ġeneralità tat-termini użati fil-bidu tal-punt 53 tas-sentenza appellata tista’ tagħti x’jifhem li l-Qorti Ġenerali riedet tevita mill-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE l‑kundizzjonijiet kollha li fihom impriża pubblika toffri l-oġġetti u s‑servizzi tagħha, meta dawn il-kundizzjonijiet japplikaw mingħajr distinzjoni għall-kontraenti tagħha kollha, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, “biex eventwali vantaġġ mogħti minn entità pubblika, fil‑kuntest tal-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi speċifiċi, jiffavorixxi lil ċerti impriżi, huwa neċessarju li impriżi li jużaw, jew li jixtiequ jużaw, dan l-oġġett jew servizz ma jibbenefikawx, jew ma jistgħux jibbenefikaw, mill-vantaġġ imsemmi min-naħa ta’ din l-entità f’dan il‑kuntest speċifiku”.

c)      Fuq it-tieni parti tal-aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li minn naħa tipprovdi li l-effetti ta’ miżura biss huma determinanti sabiex tkun evalwata n-natura selettiva tagħha, u min-naħa l-oħra li l-miżuri li minnhom jibbenefika settur ta’ attività huma neċessarjament selettivi

94.      Il-Kummissjoni tirrileva li l-ajruport ta’ Lübeck jinsab f’kompetizzjoni diretta ma’ dak ta’ Hamburg u li l-“vantaġġ” mogħti mir-Regolament tal-2006 huwa aċċessibbli biss għall-kumpanniji tal‑ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck. Dan is-sempliċi fatt huwa biżżejjed sabiex juri li r-Regolament tal-2006 huwa selettiv minħabba l‑effetti tiegħu.

95.      Mal-ewwel daqqa t’għajn, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill‑Qorti Ġenerali u b’mod partikolari fil-punt 53 tas-sentenza appellata jistgħu jissorprendu.

96.      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, sabiex tikkonkludi li r-Regolament tal‑2006 ma huwiex selettiv, ikkonstatat biss li d-dispożizzjonijiet tariffarji tar-Regolament tal‑2006 japplikaw b’mod nondiskriminattiv għall-kumpanniji tal-ajru kollha li kienu jużaw jew xtaqu jużaw l-ajruport ta’ Lübeck.

97.      Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tipprovdi li l‑Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi l-interventi statali skont l-effetti tagħhom (63), jista’ jiġi allegat li sempliċi konstatazzjoni ta’ natura formalment nondiskriminatorja tar-Regolament tal-2006 ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li ma huwiex selettiv. Kellu jiġi analizzat jekk ir-Regolament tal-2006, permezz tal-effetti tiegħu, jagħtix vantaġġ lil ċerti impriżi jew ċerti produtturi. Għalhekk, fis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni (64), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-argument li miżura hija rregolata minn kriterji oġġettivi ta’ applikazzjoni orizzontali juri biss li l-miżura taqa’ fi skema ta’ għajnuna u mhux għajnuna individwali, iżda ma jurix li l-miżura ma hijiex selettiva.

98.      Madankollu, ma jidhirlix li l-Qorti Ġenerali f’dan il-każ fis‑sentenza appellata marret kontra din il-ġurisprudenza. Billi kkunsidrat li l-ugwaljanza fit-trattament tal-utenti effettivi jew potenzjali tal-ajruport ta’ Lübeck biss kienet determinanti, il-Qorti Ġenerali b’mod impliċitu, iżda neċessarju, ikkunsidrat l-effetti tal‑miżura. Hija ma llimitatx ruħha sabiex tirreferi għall-kriterji orizzontali skont ir-Regolament tal-2006.

99.      Bl-istess mod, ma jistax ikun sostnut b’mod validu li miżura li minnha jibbenefika “settur wieħed”, f’dan il-każ il-grupp ta’ impriżi li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck, hija neċessarjament selettiva. Kif ġie rrilevat fl-introduzzjoni ta’ dan l-aggravju, tali konklużjoni tista’ tkun valida biss li kieku ġie konkluż li l-kuntest ta’ riferiment huwa dak ta’ skema “normali” applikabbli fuq il-livell nazzjonali, jew tal-inqas li tmur lil hinn mill-imsemmi ajruport. Fil-fatt, ir-riferiment għall-kunċett ta’ “selettività settorjali” għandu sens biss fil-preżenza ta’ miżuri adottati minn awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat, kemm jekk ikunu ċentrali, reġjonali jew lokali, li huma kompetenti sabiex jadottaw deċiżjonijiet li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-impriżi kollha. Fir-rigward ta’ miżuri adottati mill-amministratur ta’ ajruport, li huwa kompetenti biss sabiex jadotta miżuri li jirrigwardaw dan l-ajruport, il-kriterju ta’ selettività settorjali ma għandux japplika. Barra minn hekk, meta dan l-amministratur jiddetermina huwa stess il-livell tat-tariffi tal-ajruport applikabbli għall‑kumpanniji tal-ajru li joperaw minn u lejn dan l-ajruport, huwa ma jidderogax mis-sistema nazzjonali ta’ tarifikazzjoni, iżda jimplementa tarifikazzjoni applikabbli għall-kumpanniji kollha li jixtiequ jużaw dan l‑arjuport.

100. Minn dan jirriżulta li miżura meħuda minn amministratur ta’ ajruport fir-rigward tal-kumpanniji tal-ajru li joperaw minnu ma hijiex selettiva jekk din tingħata mingħajr diskriminazzjoni lill-kumpanniji kollha msemmija.

101. Billi wieħed jitlaq minn dan il-punt, hemm lok jiġi evalwat jekk il-miżura inkwistjoni tintroduċix differenzi bejn operaturi li jinsabu, fir-rigward tal-għan li jrid jintlaħaq, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (65).

102. Dan jistedinna nieqfu fuq it-tielet parti tal-argument imqajjem mill-Kummissjoni.

d)      Fuq it-tielet parti tal-aggravju, ibbażat fuq eżami żbaljat tal‑kriterju dwar l-“impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli”

103. Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li anki jekk jiġi preżunt li l‑paragun meħtieġ mis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598) japplika għall-eżami tas-selettività tal-miżuri li jistabbilixxu tariffi ta’ ċerti entitajiet pubbliċi, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet l‑istess żball li kien iċċensurat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 87 u 89), kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punti 61 sa 67). Fil-fatt, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, ħlief jekk jiġi adottat raġunament ċirkulari, il-paragun tas-sitwazzjoni fattwali u legali ma kienx jirrigwarda l-kriterji li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni, iżda kellu jkun ibbażat fuq l-istruttura tal-ispejjeż tal-impriżi kkonċernati.

104. Il-Kummissjoni ssostni, it-tieni nett, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra l-għan li jrid jintlaħaq mill-Artikolu 43a(1) tal‑LuftVZO, dispożizzjoni applikabbli għall-ajruporti kollha fil‑Ġermanja, li tipprovdi l-ġbir ta’ tariffi tal-ajruport li jkopru l‑ispejjeż, sabiex ikun żgurat l-interess pubbliku tal-funzjonament tajjeb tan-navigazzjoni tal-ajru, u li tikkostitwixxi l-bażi legali tar-Regolament tal-2006.

105. F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li r-Regolament tal-2006 japplikax biss b’mod konkret għall-kumpanniji tal-ajru li jservu l-ajruport ta’ Lübeck iwassalx sabiex joħloq differenza fit‑trattament ta’ impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli.

106. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, kull amministratur ta’ ajruport għandu s-setgħa jadotta livell ta’ tariffi tal-ajruport applikabbli għall-ajruport tiegħu.

107. Minn dan jirriżulta li r-Regolament tal-2006 kien intiż sabiex japplika biss għall-ajruport ta’ Lübeck, li jikkostitwixxi l-kuntest ta’ riferiment rilevanti. F’tali kuntest, huwa determinanti biss il-punt dwar jekk dan ir‑regolament jagħmilx differenza bejn l-impriżi li jużaw dan l-ajruport.

108. L-argument imressaq mill-Kummissjoni li l-evalwazzjoni tas‑selettività tar-Regolament tal-2006 ma tistax tiddependi fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda għandha tkun ibbażata biss fuq paragun tal-ispejjeż li huma l-oġġett tal-Artikolu 43a(1) tal‑LuftVZO, ma huwiex konvinċenti.

109. Kif enfasizzat il-belt ta’ Lübeck, il-kumpanniji tal-ajru kollha jistgħu jużaw l‑ajruport ta’ Lübeck u b’hekk jibbenefikaw mill-allegati vantaġġi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament tal-2006. L-għażla tal‑kumpanniji tal-ajru li jużaw ċerti infrastrutturi tal-ajruport tiddependi b’mod ġenerali fuq strateġija kummerċjali tagħhom stess, skont il‑vantaġġi u l-limitazzjonijiet li huma jiġġeneraw.

110. Jidhirli li huwa irrilevanti wkoll li jinħtieġ li jsir paragun bejn is‑sitwazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru allegatament favoriti mir‑Regolament tal‑2006 ma’ dik tal-impriżi kompetituri li għandhom l‑istess spejjeż baġitarji. Fil-fatt, il-kumpanniji tal-ajru li ma joperawx minn u lejn l-ajruport ta’ Lübeck ma humiex preċiżament esposti għal spejjeż fir-rigward tat-tariffi miġbura minn dan l-ajruport. L-argument tal-Kummissjoni jipprevedi, b’mod żbaljat, il-kwistjoni tas-selettività tal-miżura f’kuntest differenti, li huwa dwar ma’ liema infrastruttura ta’ trasport oħra – tal-ajruport, ferrovrarja jew oħra – l-ajurport ta’ Lübeck possibbilment jikkompeti, indipendentement mill-istatus tal-impriżi li jamministraw u tan-natura ta’ provvisti li jipprovdu (66).

111. Bl-istess mod, fil-fehma tiegħi, f’dan il-każ ma jistax jiġi użat l‑argument li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn regolament li jistabbilixxi t-tariffi ta’ ajruport skont l-Artikolu 43a(1) tal-LuftVZO. Fil-fatt, mill‑evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax l-istabbiliment ġenerali tat-tariffi tal-ajruport applikabbli għall-ajruporti kollha. Din id-dispożizzjoni tawtorizza biss lil kull operatur ta’ ajruport jadotta l-livell tiegħu stess ta’ tariffi skont prijoritajiet li huwa biss għandu jistabbilixxi.

112. Fl-aħħar mill-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma teżistix leġiżlazzjoni ġenerali ta’ bażi jew ta’ riferiment li minnha r‑Regolament tal-2006 allegatament irid jidderoga għall-benefiċċju tal-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck. Il-kuntest ta’ riferiment huwa dak tal-iskema applikabbli biss għal dan l-ajruport.

e)      Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli teżamina jekk it-tnaqqis mogħti mir-Regolament tal-2006 huwiex selettiv għar-raġuni li minnu jibbenefikaw biss ċerti kumpanniji tal-ajru

113. Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li anki jekk jiġi preżunt li l-kriterju stabbilit fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598) huwa rilevanti sabiex tiġi eżaminata s-selettività ta’ miżuri ta’ natura tariffarja bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk ir-Regolament tal‑2006 huwiex, minħabba t-tnaqqis differenti li huwa jipprovdi, ta’ natura selettiva peress li jiffavorixxi ċerti kumpanniji li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck għad‑detriment ta’ kumpanniji oħra li jużaw dan l-istess ajruport.

114. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali eżaminat biss il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża li tinsab fil-punt 279 tagħha. Hija tikkunsidra li l-punti 55 sa 66 ta’ din l‑istess deċiżjoni jiddeskrivu b’mod iddettaljat is-sistema ta’ tnaqqis prevista mir-Regolament tal-2006. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li għall-kuntrarju ta’ dak li l-Qorti Ġenerali donnha tissuġġerixxi fil-punti 53 u 55 tas-sentenza appellata, il-fatt li ċ-ċirku ta’ benefiċjarji tat-tnaqqis inkwistjoni huwa miftuħ, peress li l-għoti ta’ dan it-tnaqqis jingħata skont kriterji oġġettivi ta’ applikazzjoni orizzontali, ma jneħħilux in-natura selettiva tiegħu (67).

115. F’dan il-każ, jiena nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-kuntest ta’ riferiment rilevanti kien dak tat-tariffi applikabbli biss għall-kumpanniji tal-ajru li jużaw l‑ajruport ta’ Lübeck biss.

116. Il-kwistjoni tqum madankollu dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi billi ma eżaminatx jekk is-sistema ta’ tnaqqis mogħtija skont ir-Regolament tal-2006 wasslitx sabiex tinħoloq differenza bejn dawn il-kumpanniji.

117. F’dan ir-rigward, ma jistax ikun eskluż li livell tariffarju huwa ta’ natura selettiva skont il-kriterji u s-sistemi ta’ tnaqqis li huwa jipprovdi.

118. Minkejja dan, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 279 tad-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq dan l‑aspett sabiex tikkonkludi n-natura selettiva tar-Regolament tal-2006, iżda bbażat ruħha biss fuq il-fatt li “mill-vantaġġi inkwistjoni jibbenefikaw biss il-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck”. Għalkemm il-problema ta’ “tnaqqis u rebates” previsti mir‑Regolament tal-2006, tqajmet ċertament fid-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari fil-punti 268 sa 277, hija ma tqajmitx fil-kuntest tal‑eżami tas-selettività ta’ dan ir-regolament, iżda biss fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “vantaġġ” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

119. F’tali ċirkustanzi, l-ilment magħmul mill-Kummissjoni jidhirli li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tal‑evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi li jkunu ġew ittrattati quddiemha (68).

120. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li s-sistema ta’ tnaqqis u rebates prevista mir-Regolament tal-2006 u mogħtija lill-kumpanniji tal-ajru li għandhom numru kbir ta’ passiġġieri – u li għalhekk donnha hija bbażata fuq kriterju ta’ ordni kwantitattiv standard - ma setgħetx tkun iġġustifikata.

121. Bħala konklużjoni jiena tal-fehma li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

D –    Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni u fuq motivazzjoni kontradittorja

1.      Argumenti tal-partijiet

122. Fl-ewwel lok il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata minn tliet nuqqasijiet ta’ motivazzjoni. Qabel xejn, il-Qorti Ġenerali allegatament injorat element essenzjali tal‑eżami tas-selettività, jiġifieri d-determinazzjoni tal-għan li jrid jintlaħaq mir-Regolament tal-2006. Huwa fil-fatt fid-dawl ta’ dan l‑għan li għandu jiġi ddeterminat liema impriżi jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Imbagħad, il-Qorti Ġenerali allegatament naqset milli tindika għal liema raġunijiet is-selettività tal-għajnuna ma tirriżultax tal‑inqas mis-sistema ta’ tnaqqis prevista mir-Regolament tal-2006. Fl‑aħħar nett, is-sentenza appellata allegatament tonqos milli tindika għal liema raġunijiet ir-Regolament tal-2006 kellu natura mhux selettiva tant manifesta li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

123. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raġunament tal‑Qorti Ġenerali huwa kontradittorju, inkwantu din tapplika, qabelxejn, il‑ġurisprudenza dwar in-natura selettiva tal-miżuri fiskali (punti 51 u 53 tas-sentenza appellata) u sussegwentement tiddikjara li din il‑ġurisprudenza ma hijiex rilevanti (punt 57 tas-sentenza appellata).

124. Il-belt ta’ Lübeck, sostnuta mir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja u mir-Renju ta’ Spanja, tikkunsidra li s-sentenza appellata hija debitament immotivata u titlob li l-aggravju jiġi miċħud.

2.      Evalwazzjoni

125. Ma jidhirlix li dan l-aggravju jista’ jintlaqa’.

126. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk il-Qorti Ġenerali mmotivatx suffiċjentement is-sentenza appellata dwar l-evalwazzjoni tas-selettività tar-Regolament tal-2006, qabelxejn jidher li l-Qorti Ġenerali identifikat b’mod impliċitu l-għan u l-kuntest ta’ elaborazzjoni tar‑Regolament tal-2006. Imbagħad, jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tesponi r-raġunijiet li għalihom is-selettività tar-Regolament tal‑2006 ma tirriżultax mis-sistema ta’ tnaqqis, peress li, kif semmejt preċedentement, din il-kwistjoni ma kinitx speċifikatament diskussa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fl-aħħar lok, jiena nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tispjega r-raġunijiet li għalihom l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tas-selettività tal-miżura kontenzjuża kien tant manifest li kellu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

127. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq kontradizzjoni tal‑motivi għal dak li jirrigwarda r-rilevanza tal-ġurisprudenza fil-qasam tal-miżuri ta’ natura fiskali, jiena ma nara ebda inkoerenza bejn il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 51 u 53 tas-sentenza appellata u d-dikjarazzjoni magħmula fil-punt 57 ta’ din is-sentenza.

E –    Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata dwar l-istħarriġ ristrett li għandu jsir fuq deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-miżuri ta’ għajnuna

1.      Argumenti tal-partijiet

128. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, minkejja li ġustament tfakkar, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa ristrett, qabżet il-limiti ta’ dan l-istħarriġ.

129. Hija ssostni b’mod partikolari li FL, li dakinhar kienet l-operatur tal-ajruport ta’ Lübeck, kienet ipproponiet ir-Regolament tal-2006 bil‑għan li tevita l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat għal dak li jirrigwarda l-politika tagħha ta’ ffissar ta’ prezzijiet fir-rigward tal‑kumpanniji tal-ajru low-cost. Issa, il-Kummissjoni allegatament kellha quddiemha sitwazzjoni fejn eżami preliminari tal-fatti ma kienx neħħielha d-dubji kollha dwar in-natura selettiva jew le tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, il-Kummissjoni allegatament kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Is-sentenza appellata ma tagħti ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom ir-Regolament tal-2006 kien ta’ natura mhux selettiva tant manifesta li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

130. Il-belt ta’ Lübeck, sostnuta dwar dan il-punt mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ Spanja, titlob li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. Hija tikkunsidra li peress li n-natura mhux selettiva tal-miżura kontenzjuża, jiġifieri r‑Regolament tal-2006, hija manifesta, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

2.      Evalwazzjoni

131. Lanqas ma jien konvint li l-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal‑istħarriġ ġudizzjarju dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

132. Huwa minnu li ma jistax jiġi miċħud li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali hija bbażata fuq analiżi, neċessarjament provviżorja, tal-provi mressqa quddiem il-Kummissjoni matul il-fażi preliminari ta’ eżami. Peress li dawn il-provi kienu fihom infushom “frammentati”, il-Kummissjoni tista’ biss, fl-aħħar ta’ din il-fażi preliminari, tagħmel suppożizzjonijiet dwar l-eżistenza jew le ta’ għajnuna u konsegwentement dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE.

133. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod repetut, għandha ssir distinzjoni bejn il-proċedura preliminari ta’ eżami ta’ għajnuna stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, li għandha l-għan biss li tippermetti lill-Kummissjoni li tifforma opinjoni preliminari dwar il‑kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna u l‑proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl‑Artikolu 108(2) TFUE, li tippermetti – u jidhirli li teħtieġ – eżami fil‑fond tal-miżuri statali u għandha għan doppju (69).

134. Fid-dawl tad-differenza neċessarja eżistenti bejn dawn iż-żewġ fażijiet ta’ eżami tal-miżuri, ma huwiex possibbli li l-fażi preliminari tkun suġġetta għall-istess rekwiżiti bħal dawk imposti fil-kuntest tal‑proċedura formali.

135. Konsegwentement, il-Kummissjoni hija awtorizzata tiftaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl‑Artikolu 108(2) TFUE, meta jkollha elementi suffiċjenti sabiex tikkunsidra li miżura tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex tkun tista’ tikkwalifika bħala “għajnuna mill-Istat” ipprojbita mill‑Artikolu 107(1) TFUE.

136. Madankollu minn dan ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha, insostenn tad-deċiżjoni tagħha tal-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, li tagħmel dikjarazzjonijiet ġenerali dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet meħtieġa mill‑Artikolu 107(1) TFUE. Kif jirriżulta mill-Artikolu 6 tar‑Regolament Nru 659/1999, id-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tinkludi evalwazzjoni preliminari, mill‑Kummissjoni, tal-miżura proposta intiża sabiex tiddetermina jekk għandhiex natura ta’ għajnuna, u tesponi r-raġunijiet li jqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

137. B’hekk, minkejja li llimitat dwar il-punt jekk il-Kummissjoni wettqitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li ma setgħetx issolvi d-diffikultajiet kollha dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura kontenzjuża bħala “għajnuna mill-Istat” matul l-ewwel eżami ta’ din il‑miżura (70), l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’mod partikolari, dwar il-punt jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa mill‑Artikolu 107(1) TFUE kinux, prima facie, issodisfatti, għandu madankollu jkun effettiv. Fil-fatt, għandu jitfakkar, bl-estensjoni tal‑kunsiderazzjonijiet magħmula fil-kuntest tat-tieni aggravju, li d‑deċiżjonijiet ta’ ftuħ ta’ eżami preliminari jista’ jkollhom effetti legali speċifiċi u sinjifikattivi għall-partijiet ikkonċernati.

138. Madankollu, billi llimitat ruħha, fil-punt 279 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tindika li “l-vantaġġi [li jirriżultaw mir-Regolament tal‑2006] jingħataw biss lill-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck [u huma għalhekk] selettivi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE”, il-Kummissjoni naqset milli tippreċiża minn liema regolament ta’ ordni ġenerali, ir-Regolament tal-2006 huwa intiż li jidderoga. B’hekk hija naqset milli tiddefinixxi l-kuntest ta’ riferiment u wettqet għalhekk żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-miżura kontenzjuża, li huwa, fil‑fehma tiegħi, mingħajr rabta mal-eżistenza ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

139. F’dan ir-rigward, ma jistax ikun sostnut b’mod validu li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tillimita l-eżami tagħha għall-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 279 tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-deskrizzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis li tinsab fil‑punti 268 sa 274 ta’ din l-istess deċiżjoni, b’dawn l-aħħar punti jirrigwardaw l-identifikazzjoni ta’ vantaġġ li allegatament jirriżulta mir‑Regolament tal-2006 u mhux is-selettività ta’ dan tal-aħħar.

140. Għalhekk, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma esponietx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, għal liema raġunijiet hija ma setgħetx tindika, fl-istadju tal-eżami preliminari tagħha, ir-raġunijiet li għalihom ir-Regolament tal-2006 kien selettiv, b’tali mod li kellha tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew, tal-inqas, li setgħet tagħmel dan.

V –    Konklużjoni

141. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tagħha u dawk ta’ Hansestadt Lübeck. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – T‑461/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:758.


3 – Deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2012 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.27585 u SA.31149 (2012/C) (ex NN/2012, ex CP 31/2009 u CP 162/2010) – il-Ġermanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).


4 – C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:624, punt 5.


5 – BGB1. I, p. 370.


6 – Regolament tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


7 – 282/85, EU:C:1986:316.


8 – 282/85, EU:C:1986:316.


9 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, 223); tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 72), kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 46).


10 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il‑Kummissjoni (T‑214/95, EU:T:1998:77, punti 29 u 30), kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 1999, Regione Autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni (T‑288/97, EU:T:1999:125, punti 31 u 34). Ara, għall-kuntrarju, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1986, DEFI vs Il-Kummissjoni (282/85, EU:C:1986:316, punt 18), li mill-banda l-oħra fiha ġie deċiż li l-Gvern Franċiż kellu, b’mod inkontestat, is‑setgħa li jiddetermina l-amministrazzjoni u l-politika tal-Kumitat DEFI u għalhekk li jiddefinixxi wkoll l-interessi li dan l-korp għandu jiddefendi.


11 – Jidher li r-regolamenti li jistabbilixxu tariffi tal-ajruport huma inklużi, bħala kundizzjonijiet ġenerali, fil-kuntratti konklużi bejn l-impriża li tamministra l-ajruport u l-kumpanniji tal-ajru.


12 – Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 63), u tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13 – Ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14–      Sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 98), u tal-10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany vs Il-Kummissjoni (C‑260/09 P, EU:C:2011:62, punt 53).


15 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2013:766, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – 282/85, EU:C:1986:316.


17 – Insostenn ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2014, Alro vs Il-Kummissjoni (T‑517/12, EU:T:2014:890, punti 19 sa 67), u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Alpiq RomIndustries u Alpiq RomEnergie vs Il‑Kummissjoni (T‑129/13, li għadha ma ġietx ippubblikata, EU:T:2014:895, punti 18 sa 31).


18 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 58 u 62 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).


19 – Ara s-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punti 61 sa 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


20 ¬ Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (C‑77/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:695, punti 52 u 53).


21 – Sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 37).


22 – Sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (C‑77/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:695, punt 52).


23 – Sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (C‑77/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:695, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 – Sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 42).


25 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punti 42 u 43), kif ukoll id-digriet tal-President tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-4 ta’ April 2014, Flughafen Lübeck (C‑27/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:240, punti 25 u 26).


26 – Il-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari għas-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO (C‑126/01, EU:C:2003:622, punti 35 sa 39), kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2005 L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑66/02, EU:C:2005:768, punti 95 sa 101).


27 – C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 41.


28 – Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:442). Hija ssemmi wkoll is‑sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punti 28 u 29); tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑56/93, EU:C:1996:64, punt 10); tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO (C‑126/01, EU:C:2003:622, punti 35 sa 39); tat-8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punti 63 sa 67), kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732).


29 – Il-Kummissjoni tiċċita s-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 85 sa 89); tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 51), kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 87 sa 109).


30 – Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑75/97, EU:C:1999:311, punt 33); tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano (C‑148/04, EU:C:2005:774, punt 45), kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C‑393/04 u C‑41/05, EU:C:2006:403, punti 31 u 32).


31 – Il-belt ta’ Lübeck tirreferi għas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punti 41 u 42).


32 – C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 61.


33 – Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post (C ‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34 – Sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post (C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35 – Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 41).


36 – Ara b’mod partikolari ir-Rapport Spaak (Rapport tal-Kumitat Intergovernattiv imwaqqaf mill-Konferenza ta’ Messina għall-Ministri tal-Affarijiet Barranin, Brussell, 21 ta’ April 1956, p. 59), li jipprovdi li “hemm lok li jiġi nnotat li ċerti sistemi ta’ intervent li formalment huma għajnuna jew sussidji ma humiex indirizzati b’mod speċifiku lejn impriżi jew lejn setturi, iżda jaffettwaw l‑ekonomija ġenerali. F’dan il-każ il-Kummissjoni ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi waħedha dwar l-inkompatibbiltà”.


37 – Il-ġurisprudenza ppreċiżat li interventi li, mal-ewwel daqqa t’għajn, huma applikabbli għall-impriżi b’mod ġenerali jistgħu jippreżentaw ċerta selettività – b’mod partikolari meta l-korp li jagħti l-vantaġġi finanzjarji jkollu setgħa diskrezzjonali li tippermettilu jiddetermina l-benefiċjarji jew il-kundizzjonijiet tal‑miżura mogħtija – u għalhekk, ikunu kkunsidrati bħala miżuri intiżi sabiex jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti produtturi (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C‑256/97, EU:C:1999:332, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punti 35 u 36).


39 – Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑88/03, EU:C:2006:511).


40 – Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 58).


41 – Sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 82), kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punti 54 u 55).


42 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 85 u 89), kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 87).


43 – Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44 – Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C‑393/04 u C‑41/05, EU:C:2006:403, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


45 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:32, punt 47).


46 – Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 62).


47 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:32, punti 50 sa 55).


48 – Fir-rigward ta’ miżura ta’ natura individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku jippermetti, fil-prinċipju, li tiġi preżunta l-“partikolarità” tagħha, u għalhekk, li jiġi konkluż li huwa għandu wkoll natura selettiva.


49 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 101), kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 53). Ara l-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Il‑Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:32) u l-punt 29 tal‑konklużjonijiet li l-Avukat Ġenerali Bobek ippreżenta fil-kawża Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑270/15 P, EU:C:2016:289).


50 – Ara f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawżi magħquda Il-Kummissjoni vs Banco Santander u Santusa (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:624, b’mod partikolari l-punti 7, 10 u 80 sa 87).


51 – Ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 82 u 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


52 – Ara, dwar dan il-punt, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 56).


53 – Nirrileva li l-Kummissjoni, reċentement fil-Komunikazzjoni tagħha 2016/C 262/01, dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) [TFUE] (ĠU 2016, C 262, p. 1), indikat li “[i]s-sistema ta’ referenza tikkostitwixxi l-valutazzjoni komparattiva li skontha tiġi vvalutata s-selettivita ta’ miżura”.


54 – Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 61), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, li fir-rigward ta’ miżura li tistabbilixxi tariffi tal-minjieri marbuta mal-estrazzjoni tal-idrokarburi, li “l-parametri tal-paragun rilevanti għall-istabbiliment tas-selettività tal-miżura kkontestata f’din il-kawża jikkonsistu fil-verifika ta’ jekk [hija] tintroduċix distinzjoni bejn l-operaturi li jkunu jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli, li ma hijiex iġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema inkwistjoni”.


55 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:442).


56 – Din tirrigwarda s-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punti 28 u 29); tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑56/93, EU:C:1996:64, punt 10); tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO (C‑126/01, EU:C:2003:622, punti 35 sa 39); tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punti 63 sa 67), u tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732).


57 – 67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38.


58 – C‑56/93, EU:C:1996:64.


59 – C‑39/94, EU:C:1996:285.


60 – C‑126/01, EU:C:2003:622, punti 35 sa 39.


61 – Ara b’mod partikolari, il-punt 41.


62 – Ara b’mod partikolari, il-punti 54 sa 61.


63 – Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 85 u 89), u tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 87, 88 u 92).


64 – C‑409/00, EU:C:2003:92, punt 49.


65 – Sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 55).


66 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punti 59 sa 61).


67 – Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑409/00, EU:C:2003:92, punt 48); tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑501/00, EU:C:2004:438, punti 118 sa 128), u tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 50).


68 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 99 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


69 – Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast (C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 57), kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punt 57). Dwar id-differenza bejn il-fażi preliminari ta’ eżami u l-fażi formali, ara, fl-aħħar lok, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, (C‑131/15 P, EU:C:2016:617, punti 25 sa 27).


70 – Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punt 61).